SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Artikolu 14 – Trasferiment ta’ djun – Infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi”

Fil-Kawża C‑548/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Saarländisches Oberlandesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Saarland, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

BGL BNP Paribas SA

vs

TeamBank AG Nürnberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (President tal-Awla), R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader (Relatur), L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TeamBank AG Nürnberg, minn C. Hecken, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Hellmann, U. Bartl u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BGL BNP Paribas SA (iktar ’il quddiem “BNP”), stabbiliment bankarju li għandu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu, u TeamBank AG Nürnberg (iktar ’il quddiem “TeamBank”), stabbiliment bankarju li għandu s-sede tiegħu fil-Ġermanja, dwar it-tneħħija tad-depożitu, ma’ qorti Ġermaniża, ta’ somma ta’ flus iddepożitata mill-amministratriċi ta’ trust ta’ debitur ta’ dawn iż-żewġ stabbilimenti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

3

Taħt it-titolu “Ċessjoni volontarja”, l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1980, L 266, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), jipprevedi:

“1.   L-obbligi reċiproki taċ-ċedent u taċ-ċessjonarju permezz ta’ ċessjoni volontarja ta’ dritt kontra persuna oħra (“id-debitur”) għandhom ikunu regolati mil-liġi li skond din il-Konvenzjoni tapplika għall-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju.

2.   Il-liġi li tirregola d-dritt relattiv għaċ-ċessjoni għandha tistabbilixxi kif issir iċ-ċessjoni, ir-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur, il-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċessjoni tista’ tkun invokata kontra d-debitur u kull kwistjoni dwar jekk inħellsux l-obbligi tad-debitur.”

Ir-Regolament Ruma I

4

Ir-Regolament Ruma I issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Ruma. Il-premessa 38 ta’ dan ir-regolament tistipula:

“Fil-kuntest ta’ ċessjoni volontarja, it-terminu ‘relazzjoni’ għandu jagħmilha ċara li l-Artikolu 14(1) japplika wkoll għall-aspetti ta’ proprjetà ta’ ċessjoni bħal bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju f’sistemi legali fejn aspetti bħal dawn huma trattati separatament mill-aspetti taħt il-liġi ta’ l-obbligazzjonijiet. Madankollu, it-terminu ‘relazzjoni’ m’għandux jinftiehem bħala relatat ma’ kwalunkwe relazzjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju. B’mod partikolari, m’għandux jinkludi mistoqsijiet preliminari fir-rigward ta’ ċessjoni volontarja jew ta’ surroga kuntrattwali. It-terminu għandu jkun strettament limitat għall-aspetti li huma direttament rilevanti għaċ-ċessjoni volontarja/surroga kuntrattwali in kwistjoni.”

5

Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ċessjoni volontarja u surroga kuntrattwali”:

“1.   Ir-relazzjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju f’ċessjoni volontarja jew surroga kuntrattwali ta’ dritt kontra persuna oħra (“id-debitur”) għandha tkun regolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju taħt dan ir-Regolament.

2.   Il-liġi li tirregola dritt ċedut jew surrogat għandha tiddetermina ċ-ċessjonabbiltà tiegħu, ir-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur, il-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċessjoni jew is-surroga tista’ tiġi invokati kontra d-debitur u jekk l-obbligazzjonijiet tad-debitur ġewx eżegwiti jew le.

3.   Il-kunċett ta’ ċessjoni f’dan l-Artikolu jinkludi trasferimenti diretti ta’ drittijiet, trasferimenti ta’ drittijiet permezz ta’ garanziji u ta’ rahan jew drittijiet oħrajn ta’ garanzija.”

6

L-Artikolu 27(2) tal-istess regolament jipprevedi:

“Sas-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar il-kwistjoni ta’ l-effikaċja ta’ ċessjoni jew surroga ta’ dritt kontra terzi persuni u l-prijorità tad-dritt ċedut jew surrogat fuq dritt ta’ persuna oħra. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn proposta għall-emendament ta’ dan ir-Regolament u minn stima ta’ l-impatt tad-dispożizzjonijiet maħsuba li jiġu introdotti.”

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012

7

Skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), “[a]pparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni”.

Id-dritt Ġermaniż

Il-BGB

8

Skont l-Artikolu 398 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”):

“Kreditu jista’ jiġi ttrasferit mill-kreditur lil ħaddieħor permezz ta’ kuntratt (ċessjoni). Permezz tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-kreditur il-ġdid jissostitwixxi lill-ex kreditur.”

9

L-Artikolu 812 tal-BGB jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “min jikseb xi ħaġa għad-detriment ta’ terz mingħajr bażi legali permezz ta’ provvista minn dan it-terz, jew b’kull mod ieħor, għandu l-obbligu li jagħtiha lura”.

L-EGBGB

10

L-Artikolu 33 tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli sad-dħul fis-seħħ, fis-17 ta’ Diċembru 2009, tal-Artikolu 1 tal-Gesetz zur Anpassung der Vorschriften des Internationalen Privatrechts an die Verordnung (EG) Nr. 593/2008 (il-Liġi li Taġġusta d-Dritt Internazzjonali Privat għar-Regolament [Ruma I]) tal-25 ta’ Ġunju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 1574), kien jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ ċessjoni ta’ kreditu, l-obbligi bejn l-ex kreditur u l-kreditur il-ġdid huma rregolati mil-liġi li tirregola l-kuntratt bejniethom.

2.   Il-liġi li tirregola l-kreditu ttrasferit tiddetermina t-trasferibbiltà tiegħu, ir-relazzjoni bejn il-kreditur il-ġdid u d-debitur, il-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċessjoni tista’ tiġi invokata kontra d-debitur u l-effett liberatorju tal-provvista tiegħu.”

11

L-Artikolu 33 tal-EGBGB tħassar mil-Liġi li Taġġusta d-Dritt Internazzjonali Privat għar-Regolament [Ruma I].

Id-dritt Lussemburgiż

12

Skont l-Artikolu 1690(1) tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, “iċ-ċessjonarju ma huwiex irrikonoxxut fir-rigward ta’ terzi ħlief wara n-notifika taċ-ċessjoni lid-debitur”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

TeamBank u ċittadina Lussemburgiża, iddomiċiljata fil-Ġermanja u li hija uffiċjal fil-Lussemburgu (iktar ’il quddiem id-“debitriċi”), ikkonkludew, fid-29 ta’ Marzu 2011, kuntratt ta’ self, irregolat mid-dritt Ġermaniż u ggarantit permezz taċ-ċessjoni tal-parti trasferibbli tal-krediti salarjali attwali u futuri, u b’mod partikolari tad-drittijiet għall-pensjoni, miżmuma mid-debitriċi fir-rigward tal-persuna Lussemburgiża li timpjegaha. L-imsemmija persuna li timpjega ma ġietx informata b’din iċ-ċessjoni.

14

Fil-15 ta’ Ġunju 2011, id-debitriċi kkonkludiet kuntratt ta’ self ieħor ma’ BNP. Dan it-tieni kuntratt kien jipprevedi ċ-ċessjoni tal-istess krediti miżmuma mid-debitriċi fil-konfront tal-persuna Lussemburgiża li timpjegaha. Permezz ta’ ittra rreġistrata tal-20 ta’ Settembru 2012, BNP informat lil din tal-aħħar b’din iċ-ċessjoni, skont id-dritt Lussemburgiż applikabbli għall-kuntratti ta’ self.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Amtsgericht Saarbrücken (il-Qorti Distrettwali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) tal-5 ta’ Frar 2014 infetħet proċedura ta’ insolvenza kontra d-debitriċi. F’dan il-kuntest, l-amministratriċi ta’ trust maħtura rċeviet, mingħand il-persuna Lussemburgiża li timpjega lid-debitriċi, parti mill-pagi tagħha f’ammont ta’ EUR 13 901.64 u ppreżentat dan l-ammont mal-Amtsgericht Merzig (il-Qorti Distrettwali ta’ Merzig, il-Ġermanja). L-amministrazzjoni fiduċjarja ġġustifikat dan id-depożitu bl-inċertezza fir-rigward tal-identità tal-kreditur tal-imsemmi ammont, peress li kull waħda miż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali tinvoka drittijiet preferenzjali li jirrigwardaw, għal TeamBank, kreditu fl-ammont ta’ EUR 71 091.54 u, għal BNP, kreditu fl-ammont ta’ EUR 31 942.95.

16

TeamBank u BNP ippreżentaw, rispettivament, rikors u kontrotalba quddiem il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) sabiex jitolbu li jitneħħa d-depożitu għall-ammont kollu ta’ EUR 13 901.64. Din il-qorti laqgħet ir-rikors ta’ TeamBank u ċaħdet il-kontrotalba ta’ BNP.

17

BNP appellat mid-deċiżjoni tal-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken) quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li, għalkemm iċ-ċessjoni favur TeamBank seħħet qabel dik li kienet saret favuriha, din l-ewwel ċessjoni ma kinitx ġiet innotifikata lill-persuna Lussemburgiża li timpjega. Issa, skont id-dritt Lussemburgiż applikabbli għal din iċ-ċessjoni, din in-notifika hija kundizzjoni għall-validità taċ-ċessjonijiet ta’ dejn, b’mod li l-ewwel ċessjoni ma għandhiex effetti legali. Hija biss it-tieni ċessjoni, li saret favur BNP, li kienet ġiet innotifikata korrettement, b’tali mod li BNP biss tista’ titlob it-tneħħija tad-depożitu għall-ammont kollu ta’ EUR 13 901.64.

18

Wara li kkonstatat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha abbażi tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-partijiet fil-kawża prinċipali jibbażaw it-talbiet tagħhom fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 812(1) tal-BGB li jirreferu għall-arrikkiment indebitu.

19

Din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk ir-Regolament Ruma I jistax jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina l-liġi applikabbli fir-rigward tal-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi ta’ ċessjoni ta’ kreditu fil-każ ta’ ċessjonijiet multipli, sabiex jiġi ddeterminat min għandu dan il-kreditu.

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fuq din il-kwistjoni, id-duttrina Ġermaniża hija maqsuma. Skont ċerti awturi, ir-regola li tirriżulta mill-Artikolu 14(1) u (2) ta’ dan ir-regolament hija eżawrjenti u tkopri wkoll l-infurzabbiltà ta’ ċessjoni ta’ kreditu lil terzi. Għal oħrajn, il-vojt leġiżlattiv huwa intenzjonali.

21

Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li l-applikazzjoni tar-regoli Ġermaniżi dwar il-kunflitt ta’ liġijiet saret diffiċli minħabba t-tħassir tal-Artikolu 33 tal-EGBGB permezz tal-Liġi li Taġġusta d-Dritt Internazzjonali Privat għar-Regolament [Ruma I].

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Saarländisches Oberlandesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Saarland, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 14 tar-Regolament [Ruma I] huwa applikabbli għall-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi fil-każ ta’ ċessjonijiet multipli?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema liġi tirregola l-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, din id-dispożizzjoni tapplika mutatis mutandis?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, liema liġi tirregola l-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I għandux jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi, b’mod dirett jew b’analoġija, il-liġi applikabbli fir-rigward tal-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi ta’ ċessjoni ta’ kreditu fil-każ ta’ ċessjonijiet multipli ta’ kreditu mill-istess kreditur lil ċessjonarji suċċessivi.

24

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I issostitwixxa l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li ma kienx isemmi l-infurzabbiltà ta’ ċessjoni ta’ kreditu kontra terzi (ara, f’dan is-sens, ir-Rapport li jikkonċerna l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, minn Mario Giuliano, professur fl-Università ta’ Milano, u Paul Lagarde, professur fl-Università ta’ Pariġi I, ĠU 1980, C 282, p. 1).

25

Sussegwentement, għandu jitfakkar, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab u l-għanijiet imfittxija mill-att li din tifforma parti minnu. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk, skont il-kliem tal-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I, dan l-artikolu jindikax, b’mod espliċitu, il-liġi applikabbli dwar l-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi ta’ ċessjoni ta’ kreditu fil-każ ta’ ċessjonijiet multipli.

27

Hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu stess (“Ċessjoni volontarja u surroga kuntrattwali”), l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi regoli ta’ kunflitt li jirregolaw diversi aspetti taċ-ċessjoni ta’ krediti transkonfinali.

28

Minn naħa, skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament, ir-relazzjonijiet bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju marbuta ma’ kreditu li kellu fil-konfront tad-debitur huma rregolati mil-liġi li, skont dan l-istess regolament, tapplika għall-kuntratt li jorbothom.

29

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I jipprovdi li l-liġi li tirregola l-kreditu suġġett għal ċessjoni għandha tiddetermina ċ-ċessjonabbiltà tiegħu, ir-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur, il-kundizzjonijiet li taħthom iċ-ċessjoni tista’ tiġi invokata kontra d-debitur u jekk l-obbligazzjonijiet tad-debitur ġewx eżegwiti jew le.

30

Finalment, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Ruma I, il-kunċett ta’ “ċessjoni” fis-sens ta’ dan l-Artikolu jinkludi t-trasferimenti diretti ta’ krediti jew bħala garanziji, kif ukoll bħala rahan jew drittijiet oħrajn ta’ garanzija fuq il-krediti.

31

Għalhekk, minn dan jirriżulta li l-kliem tal-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I ma jirreferixxix għall-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi ta’ ċessjoni ta’ kreditu.

32

Fir-rigward tal-kuntest li jinsab fih l-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I, mill-premessa 38 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-“mistoqsijiet preliminari” għal ċessjoni ta’ kreditu, bħal ċessjoni preċedenti tal-istess kreditu fil-kuntest ta’ ċessjonijiet multipli, minkejja li jistgħu jirrappreżentaw “aspetti ta’ proprjetà” taċ-ċessjoni ta’ kreditu, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “relazzjoni” bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju fis-sens tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament. L-imsemmija premessa tippreċiża li dan it-terminu “relazzjoni” għandu jkun strettament limitat għall-aspetti li jikkonċernaw direttament iċ-ċessjoni tal-kreditu inkwistjoni.

33

Fir-rigward tal-oriġini tal-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Artikolu 13(3) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (COM (2005) 650 finali) kien jipprovdi li l-infurzabbiltà ta’ ċessjoni ta’ kreditu lil terzi għandha tkun irregolata mil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument taċ-ċessjoni jew tat-trasferiment, madankollu din il-proposta ma ġietx adottata matul in-negozjati fi ħdan il-Kunsill.

34

Barra minn hekk, l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Ruma I jipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni li tippreżenta “rapport dwar il-kwistjoni ta’ l-effikaċja ta’ ċessjoni jew surroga ta’ dritt kontra terzi persuni”, kif ukoll, jekk ikun il-każ, “proposta għall-emendament [tar-Regolament Ruma I] u minn stima ta’ l-impatt tad-dispożizzjonijiet maħsuba li jiġu introdotti”.

35

Fid-29 ta’ Settembru 2016, l-imsemmi rapport (COM (2016) 626 finali) ġie ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li minnu tirriżulta l-assenza ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi uniformi biex tiġi rregolata l-infurzabbiltà taċ-ċessjonijiet ta’ krediti fil-konfront ta’ terzi u l-ħtieġa li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxihom.

36

Fit-12 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet (COM (2018) 96 finali), li minnu jirriżulta li l-infurzabbiltà taċ-ċessjoni tal-krediti fil-konfront ta’ terzi tista’ tiġi rregolata, bħala prinċipju, mil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

37

Isegwi li fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-assenza ta’ regoli ta’ kunflitt li jikkonċernaw espressament l-infurzabbiltà taċ-ċessjonijiet ta’ krediti fir-rigward ta’ terzi tikkostitwixxi għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistabbilixxix, b’mod dirett jew b’analoġija, il-liġi applikabbli fir-rigward tal-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi ta’ ċessjoni ta’ dejn f’każ ta’ ċessjonijiet multipli ta’ dejn mill-istess kreditur lil ċessjonarji suċċessivi.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistabbilixxix, b’mod dirett jew b’analoġija, il-liġi applikabbli fir-rigward tal-infurzabbiltà fil-konfront ta’ terzi ta’ ċessjoni ta’ dejn f’każ ta’ ċessjonijiet multipli ta’ dejn mill-istess kreditur lil ċessjonarji suċċessivi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.