SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Offerti pubbliċi ta’ akkwist – Direttiva 2004/25/KE – Artikolu 5 – Offerta obbligatorja – Artikolu 4 – Awtorità superviżorja – Deċiżjoni definittiva li tikkonstata ksur tal-obbligu li tiġi sottomessa offerta pubblika ta’ akkwist – Effett vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ulterjuri mibdija mill-istess awtorità – Prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Drittijiet tad-difiża – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Dritt li wieħed jibqa’ sieket – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali”

Fil-Kawża C‑546/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

FN,

GM,

Adler Real Estate AG

HL,

Petrus Advisers LLP

vs

Übernahmekommission,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal GM, minn M. Gall u W. Eigner, Rechtsanwälte,

għal Adler Real Estate AG, minn S. Hödl, Rechtsanwalt,

għal HL, minn C. Diregger, Rechtsanwalt,

għall-Übernahmekommission, minn M. Winner, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, H. Støvlbæk u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 17 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar offerti ta’ xiri (ĠU 2004, L 142, p. 12), kif emendata bid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 20), moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, FN, GM, Adler Real Estate AG (iktar ’il quddiem “Adler”), HL u Petrus Advisers LLP (iktar ’il quddiem “Petrus”) u, min-naħa l-oħra, l-Übernahmekommission (il-Kummissjoni tal-Offerti Pubbliċi ta’ Akkwist, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni tal-OPA”), dwar il-legalità tas-sanzjonijiet imposti fuq FN, GM u HL minħabba ksur tal-obbligu li tiġi sottomessa offerta pubblika ta’ akkwist.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5, 7 u 8 tad-Direttiva 2004/25 jipprevedu:

“(5)

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità jew awtoritajiet biex jagħmlu superviżjoni ta’ dawk l-aspetti ta’ l-offerti li huma irregolati b’din id-Direttiva [u] biex jassiguraw li l-partijiet għall-offerti ta’ xiri jikkonformaw mar-regoli magħmula skond din id-Direttiva. Dawk l-awtoritajiet kollha għandhom jikkoperaw flimkien.

[…]

(7)

Korpi li jirregolaw lilhom infushom għandom ikunu kapaċi jeżerċitaw is-superviżjoni.

(8)

Skond il-prinċipji ġenerali tal-Liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari id-dritt għal seduta imparzjali, id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità superviżorja għandhom f’ċirkostanzi xierqa ikunu suġġetti għal reviżjoni minn qorti jew tribunal indipendenti. Madankollu, għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk id-drittijiet għandhomx ikunu disponibbli għall-użu f’seduti amministrattivi jew ġudizzjarji, jew fi proċeduri kontra xi awtorità superviżorja jew fi proċeduri bejn partijiet għall-offerta.”

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Awtorità superviżorja u l-liġi applikabbli”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 5 u 6 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni ta’ l-offerti għall-għanijiet tar-regoli li huma jagħmlu jew jintroduċu skond din id-Direttiva. Għalhekk l-awtoritajiet maħtura għandhom ikunu jew awtoritajiet pubbliċi, assoċjazzjonijiet jew korpi privati rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali jew mill-awtoritajiet pubbliċi li speċifikament ikunu mogħtija l-poter għal dak l-iskop mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni [Ewropea] b’dawk il-ħatriet, u għandhom jispeċifikaw kull diviżjoni fix-xogħolijiet li tista’ ssir. Huma għandhom jassiguraw li dawk l-awtoritajiet iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod imparzjali u indipendenti mill-partijiet kollha għall-offerta.

[…]

5.   L-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom il-poteri kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jaqdu d-doveri tagħhom, inkluż dak li jassiguraw li l-partijiet ta’ l-offerta jikkonformaw mar-regoli magħmula jew introdotti skond din id-Direttiva.

[…]

6.   Din id-Direttiva m’għandiex tolqot il-poter ta’ l-Istati Membri biex dawn jaħtru awtoritajiet ġudizzjarji jew oħrajn responsabbli biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet u biex jiddeċiedu fuq irregolaritajiet magħmula waqt l-offerti jew il-poter ta’ l-Istati Membri li jirregolaw taħt liema ċirkostanzi l-partijiet ta’ l-offerta jkunu intitolati jressqu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji. B’mod partikolari, din id-Direttiva m’għandiex tolqot il-poter li l-qrati jista’ jkollhom fi Stat Membru biex dawn jiċħdu s-smiegħ tal-proċeduri legali u biex jiddeċiedu jekk proċeduri bħal dawn jolqtux ir-riżultat ta’ l-offerta jew le. Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-poter ta’ l-Istati Membri li jiddeterminaw il-posizzjoni legali li tikkonċerna r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet superviżorji jew li tikkonċerna l-kwistjonijiet bejn il-partijiet ta’ l-offerta.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-protezzjoni ta’ l-azzjonisti f’minoranza, l-offerta obbligatorja u l-prezz raġonevoli”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn persuna naturali jew legali, bħala riżultat ta’ l-akkwist tagħha jew ta’ l-akkwist tal-persuni li qed jaħdmu magħha, iżżomm sigurtajiet tal-kumpannija kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) li, b’żieda ma’ l-assi eżistenti ta’ dawk is-sigurtajiet tagħha u l-assi ta’ dawk is-sigurtajiet tal-persuni li qed jaħdmu magħha, b’mod dirett jew indirett, jagħtuha l-persentaġġ speċifiku tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija, li jagħtuha l-kontroll ta’ dik il-kumpannija, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li persuni bħal dawn ikunu meħtieġa jagħmlu offerta bħala mezz ta’ protezzjoni għall-azzjonisti f’minoranza ta’ dik il-kumpannija. […]”

6

Skont l-Artikolu 17 tal-istess direttiva, intitolat “Sanzjonijiet”:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sanzjonijiet li jiġu imposti għall-ksur tal-miżuri nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jaċċertaw li dawn jidħlu fis-seħħ. Is-sanzjonijiet provduti b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u tat-tip li jipperswadu. […]”

Id-dritt Awstrijak

L-ÜbG

7

Id-Direttiva 2004/25 ġiet trasposta fid-dritt Awstrijak permezz tal-Bundesgesetz betreffend Übernahmeangebote (il-Liġi Federali dwar l-Offerti Pubbliċi ta’ Akkwist) (BGBl I, Nru 127/1998, iktar ’il quddiem l-“ÜbG”).

8

L-Artikolu 1(6) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “entitajiet ġuridiċi li jaġixxu flimkien” bħala l-“persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkooperaw mal-offerent fuq il-bażi ta’ ftehim, sabiex jiksbu l-kontroll tal-kumpannija kkonċernata jew sabiex jeżerċitaw dan il-kontroll, b’mod partikolari billi jikkoordinaw id-drittijiet tal-vot, jew li jikkooperaw fuq il-bażi ta’ ftehim mal-kumpannija kkonċernata, sabiex ixejnu l-offerta ta’ akkwist. Jekk entità ġuridika jkollha sehem ta’ kontroll indirett jew dirett (Artikolu 22(2) u (3)) f’entità ġuridika waħda jew iktar oħra, dawn l-entitajiet legali kollha huma preżunti li jaġixxu flimkien […]”

9

L-Artikolu 22(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Kwalunkwe persuna li tikseb sehem ta’ kontroll indirett jew dirett f’kumpannija kkonċernata għandha tinforma b’dan immedjatament lill-[Kummissjoni tal-OPA] u, f’terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol tas-suq mit-teħid ta’ kontroll, għandha tippreżenta offerta konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali dwar it-titoli kollha li jagħtuha sehem fil-kumpannija kkonċernata.”

10

Skont l-Artikolu 22a(1) tal-istess liġi, l-“obbligu li ssir offerta, previst fl-Artikolu 22(1), japplika wkoll […] meta jiġi kkostitwit grupp ta’ entitajiet ġuridiċi li jaġixxu flimkien u li jiksbu flimkien sehem li jagħti kontroll”.

11

L-Artikolu 23 tal-ÜbG, intitolat “Attribuzzjoni ta’ ishma u estensjoni tal-obbligi tal-offerenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 22 sa 22b, għandhom jiġu attribwiti b’mod reċiproku lill-“persuni li jaġixxu flimkien”, fis-sens tal-Artikolu 1(6), id-drittijiet ta’ vot miżmuma minnhom.

12

L-Artikolu 28(3) u (4) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-Kummissjoni tal-OPA bħala awtorità kolleġġjali li l-membri tagħha, maħtura għal perijodu ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded, ma jistgħux jitneħħew u ma huma suġġetti għal ebda struzzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Il-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-artikolu jirregolaw, rispettivament, l-inkompatibbiltajiet fil-ħatra tal-membri ta’ din il-kummissjoni u l-waqfien antiċipat tal-funzjonijiet tagħhom.

13

L-Artikolu 30(2) tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċeduri Amministrattivi, iktar ’il quddiem l-“AVG”) tapplika għall-proċeduri mibdija quddiem il-Kummissjoni tal-OPA.

14

Skont l-Artikolu 33 tal-istess liġi, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-offerta obbligatorja, il-formazzjoni tal-prezzijiet u s-sanzjonijiet ċivili”, jipprevedi, fil-punt 2 tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-Kummissjoni tal-OPA “tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ parti, tikkonstata fir-rigward tal-offerent, tal-entitajiet ġuridiċi li jaġixxu flimkien miegħu (Artikolu 1(6)), tal-kumpannija kkonċernata u tad-detenturi ta’ titoli li jagħtu sehem fil-kumpannija kkonċernata, jekk […] offerta obbligatorja, b’mod żbaljat, ma kinitx ġiet ippreżentata jew ordnata, jew ma kinitx is-suġġett ta’ notifika fil-forma korretta (Artikoli 22 sa 25)”.

15

Skont l-Artikolu 30a u 35(3) tal-ÜbG, rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-OPA mogħtija fi tmiem proċedura ta’ konstatazzjoni jista’ jiġi ppreżentat quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), filwaqt li rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ din il-kummissjoni li jingħataw fi tmiem proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija).

L-AVG

16

L-Artikolu 38 tal-AVG jipprovdi:

“Ħlief fejn previst mod ieħor fil-liġi, l-awtorità tista’ tiddeċiedi dwar kwistjonijiet preliminari mqajma fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni li għandhom jiġu deċiżi, bħala kwistjonijiet prinċipali, minn awtoritajiet amministrattivi oħra jew minn qrati, fuq il-bażi tal-analiżi tagħha taċ-ċirkustanzi deċiżivi; hija tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq din l-evalwazzjoni. Madankollu, hija tista’ wkoll tissospendi l-proċedura sakemm il-kwistjoni preliminari tkun ġiet deċiża b’mod definittiv, meta din tkun diġà s-suġġett ta’ proċedura pendenti quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti jew il-qorti kompetenti jew meta tali proċedura titressaq simultanjament.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni tal-OPA, indikata skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25 bħala awtorità superviżorja fir-rigward ta’ offerta, qieset li Adler, Petrus u GM, kif ukoll żewġ kumpanniji oħra (Mountain Peak Trading Limited LLP u Westgrund AG), kienu, fil-ħarifa tal-2015, “aġixxew flimkien”, fis-sens tal-Artikolu 1(6) tal-ÜbG, sabiex jinċitaw lil Conwert Immobilien (iktar ’il quddiem “Conwert”) tikkonkludi tranżazzjoni. Din it-tranżazzjoni wasslet għal bidla sinjifikattiva fl-istruttura tal-impriża, bil-konsegwenza li ssaħħaħ b’mod sostanzjali s-sehem miżmum mill-azzjonist prinċipali tagħha. Skont din il-kummissjoni, id-drittijiet ta’ vot marbuta mal-ishma ta’ Adler, ta’ Petrus u ta’ GM f’Conwert kellhom, skont l-Artikolu 23 tal-ÜbG, jiġu imputati lilhom b’mod reċiproku għall-ewwel darba fid‑29 ta’ Settembru 2015, id-data li fiha l-ftehim intiż li titwettaq it-tranżazzjoni kien ġie parzjalment implimentat. F’din id-data, dawn il-partijiet kellhom 31.36 % tad-drittijiet ta’ vot ta’ Conwert, perċentwali li kien jagħtihom sehem li jikkonferixxi kontroll f’din il-kumpannija, fis-sens tal-Artikolu 22 tal-ÜbG. L-imsemmija kummissjoni qieset li tali akkwist kien imissu wassal lill-partijiet inkwistjoni sabiex jissottomettu offerta pubblika ta’ akkwist f’terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol tas-suq li beda jiddekorri mill-imsemmija data.

18

Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Marzu 2017, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2016, li għalhekk saret definittiva.

19

Sussegwentement, il-Kummissjoni tal-OPA bdiet proċedura intiża għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi kontra GM, HL u FN, dawn it-tnejn tal-aħħar fil-kwalità tagħhom, rispettivament, ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ Adler u ta’ direttur ta’ Petrus fid-data tal-ksur ikkonstatat.

20

Permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni tal-OPA imponiet sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi fuq GM, HL u FN u ddikjarat ir-responsabbiltà sussidjarja ta’ Adler u ta’ Petrus fir-rigward tal-multi imposti fuq HL u FN. Dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq il-konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu fid-deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2016 u, b’mod partikolari, fuq il-konstatazzjoni li, fuq il-bażi ta’ ftehim konkluż fid‑29 ta’ Settembru 2015, il-partijiet ikkonċernati kienu “aġixxew flimkien”, fis-sens tal-Artikolu 1(6) tal-ÜbG. Minħabba li kienu naqsu milli jissottomettu lill-Kummissjoni tal-OPA offerta pubblika ta’ akkwist vinkolanti fit-terminu mogħti, GM, HL u FN kienu kisru d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 22a(1) u tal-Artikolu 22(1) tal-ÜbG.

21

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), li quddiemha tressqu rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-OPA tad‑29 ta’ Jannar 2018, tqis li, sabiex tiddeċiedi fuq dawn ir-rikorsi, hija teħtieġ li telimina d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tal-prassi amministrattiva nazzjonali li fuqha l-Kummissjoni tal-OPA bbażat id-deċiżjonijiet tagħha li jimponu sanzjonijiet amministrattivi.

22

L-istess qorti tirrileva li, skont id-dritt Awstrijak, b’mod partikolari skont l-Artikolu 38 tal-AVG, deċiżjoni li tikkonstata ksur, bħal dik tat‑22 ta’ Novembru 2016, ladarba tkun saret definittiva, ma torbotx biss lill-awtorità li tkun ħaditha, iżda wkoll lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji l-oħra msejħa sabiex jiddeċiedu fi proċeduri oħra dwar l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi, bil-kundizzjoni li l-partijiet ikkonċernati jkunu identiċi.

23

Fir-rigward ta’ GM, il-qorti tar-rinviju tqis li tali identiċità teżisti bejn il-proċedura ta’ konstatazzjoni li fi tmiemha ġiet adottata d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2016 u l-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva.

24

Għall-kuntrarju, fir-rigward ta’ HL u FN, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar l-eżistenza ta’ identiċità tal-partijiet f’dawn iż-żewġ proċeduri. Hija tosserva li HL u FN ma kinux preżenti bħala “partijiet” fil-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-ksur, iżda li huma aġixxew biss bħala rappreżentanti, rispettivament, ta’ Adler u ta’ Petrus. Dan l-istatus ta’ “parti” għal HL u FN (bħala persuni fiżiċi) kien preżenti biss waqt il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva. Madankollu, matul din il-proċedura, il-Kummissjoni tal-OPA rrikonoxxiet li d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2016 kellha “effetti vinkolanti estiżi” (“erweiterte Bindungswirkung”), u dan anki fir-rigward ta’ HL u ta’ FN.

25

Il-qorti tar-rinviju tqis li hija għalhekk setgħet tasal sabiex tikkunsidra li, peress li d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2016 saret definittiva, din għandha effett vinkolanti għall-finijiet tal-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ulterjuri, u dan kemm meta teżisti identiċità tal-partijiet fiż-żewġ proċeduri, kif ukoll meta l-persuna fiżika li kienet is-suġġett tal-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ulterjuri ma bbenefikatx mill-istatus ta’ “parti” fil-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-ksur u, għaldaqstant, ma setgħetx tibbenefika mid-drittijiet kollha rrikonoxxuti lil “parti”, inkluż id-dritt li wieħed jibqa’ sieket, bla ħsara għar-rimedju quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) li jippermetti lil dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni jinvokaw ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom matul il-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-ksur.

26

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza kostituzzjonali nazzjonali, l-aċċess għal qorti indipendenti li jkollha ġurisdizzjoni sħiħa, fil-fatt u fid-dritt, huwa żgurat quddiem il-Kummissjoni tal-OPA, sa fejn din hija awtorità indipendenti li tista’ tiġi kklassifikata bħala qorti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Għaldaqstant, il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) għal punti ta’ liġi, fir-rigward tal-istħarriġ tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, meħuda mill-Kummissjoni tal-OPA, hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

27

Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li, peress li l-Kummissjoni tal-OPA aġixxiet b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kemm fil-kuntest tal-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-ksur kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva, is-soluzzjoni ta’ tali tilwima għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan id-dritt, inklużi d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikolu 47 tagħha.

28

L-istess qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà, mad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, ta’ prassi nazzjonali li twassal sabiex deċiżjoni definittiva meħuda fi tmiem proċedura ta’ konstatazzjoni tal-ksur ikollha effett vinkolanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ulterjuri. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw mill-fatt li l-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-ksur immexxija mill-Kummissjoni tal-OPA ma hijiex ta’ natura kriminali u, għaldaqstant, il-partijiet ikkonċernati, anki fis-sitwazzjoni ta’ GM, ma bbenefikawx mill-garanziji kollha li huma speċifiċi għal proċeduri kriminali, fosthom, b’mod partikolari, il-preżunzjoni ta’ innoċenza. Skont il-qorti tar-rinviju, tali dubji jqumu a fortiori fir-rigward ta’ HL u FN, li ma pparteċipawx, bħala partijiet, fil-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-ksur, li ppreċediet il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva.

29

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni – li jinkludi, fil-fehma tagħha, il-prinċipji ta’ stabbiltà tad-deċiżjonijiet amministrattivi li saru definittivi u ta’ awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jikkontribwixxu għaċ-ċertezza legali – jimponilhiex li tapplika r-regoli inkwistjoni għal persuni li jinsabu fis-sitwazzjonijiet kemm ta’ GM kif ukoll ta’ HL u ta’ FN.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 4 u 17 tad-Direttiva [2004/25], moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu interpretazzjoni li permezz tagħha deċiżjoni definittiva tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [2004/25], li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponu din id-direttiva mwettaq minn persuna [fiżika], ma jkollha ebda natura vinkolanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tkun tmexxiet sussegwentement minn din l-awtorità superviżorja kontra din l-istess persuna, b’mod li din tal-aħħar tkun tista’ mill-ġdid tinvoka l-motivi u l-provi kollha sabiex tikkontesta, fil-fatt u fid-dritt, il-ksur diġà kkonstatat preċedentement minn din id-deċiżjoni definittiva?

2)

L-Artikoli 4 u 17 tad-Direttiva [2004/25], moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu interpretazzjoni li permezz tagħha deċiżjoni definittiva tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [2004/25], li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponu din id-direttiva mwettaq minn persuna ġuridika, ma jkollha ebda natura vinkolanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tkun tmexxiet sussegwentement minn din l-awtorità superviżorja kontra l-korp awtorizzat li jirrappreżenta din il-persuna ġuridika, b’mod li l-imsemmija persuna (il-korp) tkun tista’ mill-ġdid tinvoka l-motivi u l-provi kollha sabiex tikkontesta, fil-fatt u fid-dritt, il-ksur diġà kkonstatat preċedentement minn din id-deċiżjoni definittiva?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda[, l-]Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludi li prattika nazzjonali li tipprovdi li n-natura vinkolanti hija rrikonoxxuta lil deċiżjoni definittiva tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [2004/25] li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponu din id-direttiva mwettaq minn persuna fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tkun tmexxiet sussegwentement minn din l-awtorità superviżorja kontriha, b’mod li hija ma tistax tikkontesta, fil-fatt jew fid-dritt, il-ksur ikkonstatat preċedentement b’mod definittiv?

4)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda[, l-]Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludi li prattika nazzjonali li tipprovdi li n-natura vinkolanti hija rrikonoxxuta lil deċiżjoni definittiva tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [2004/25] li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponu din id-direttiva mwettaq minn persuna ġuridika, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tmexxiet sussegwentement minn din l-awtorità superviżorja kontra l-korp rappreżentattiv ta’ din il-persuna ġuridika, b’mod li hija (il-korp) ma tistax tikkontesta, fil-fatt jew fid-dritt, il-ksur ikkonstatat preċedentement b’mod definittiv?”

Fuq id-domandi preliminari

31

Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 4 u 17 tad-Direttiva 2004/25, moqrija fid-dawl tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi ta’ Stat Membru li permezz tagħha deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li saret definittiva, għandha effett vinkolanti fi proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ulterjuri fir-rigward ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dan mhux biss fir-rigward ta’ persuna fiżika li jkollha l-kwalità ta’ parti f’dawn iż-żewġ proċeduri, iżda wkoll fir-rigward ta’ persuna fiżika li ma kinitx parti fil-proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ dan il-ksur, iżda kienet aġixxiet biss bħala membru ta’ korp ta’ rappreżentanza ta’ persuna ġuridika li kienet parti fl-imsemmija proċedura.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/25, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, jobbliga lill-Istati Membri jinnominaw awtorità jew awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni ta’ offerta fir-rigward tar-regoli adottati jew introdotti b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li jkunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod imparzjali u indipendenti fil-konfront tal-partijiet kollha fl-offerta. Mill-premessa 7 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li tali superviżjoni għandha tkun tista’ tiġi eżerċitata minn korpi li jirregolaw lilhom infushom. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tal-istess direttiva, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

33

L-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2004/25 jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-kompetenza, b’mod partikolari, li jinnominaw l-awtoritajiet, ġudizzjarji jew oħrajn, li jkunu responsabbli sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim u sabiex jiddeċiedu dwar l-irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest ta’ offerta, kif ukoll sabiex jadottaw dispożizzjonijiet li jispeċifikaw jekk u f’liema ċirkustanzi l-partijiet f’offerta jkollhom id-dritt li jibdew proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 8 tad-Direttiva 2004/25, li tindika li, bis-saħħa b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ xieraq, id-deċiżjonijiet ta’ awtorità superviżorja għandhom ikunu jistgħu jkunu, taħt kundizzjonijiet adegwati, suġġetti għal stħarriġ minn qorti indipendenti.

34

Fir-rigward tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/25, dan jagħti lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva u li jieħdu kull miżura meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li jispeċifika li s-sanzjonijiet previsti għal dan il-għan għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

35

Madankollu, id-Direttiva 2004/25 ma tipprevedix regoli li jirregolaw l-istruttura jew l-iżvolġiment tal-proċeduri mmexxija mill-awtoritajiet kompetenti fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-offerti pubbliċi ta’ akkwist obbligatorji, u lanqas ma tipprevedi regoli li jirregolaw l-effetti li d-deċiżjonijiet amministrattivi definittivi adottati b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva jipproduċu fi proċeduri ulterjuri.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam inkwistjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-individwi, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N., C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Bla ħsara għal dawn iż-żewġ prinċipji, id-Direttiva 2004/25 ma tipprekludix, bħala tali, l-istabbiliment, mill-Istati Membri, ta’ proċedura amministrattiva li tkun intiża li tiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tar-regoli sostantivi previsti f’din id-direttiva, dwar l-offerti pubbliċi ta’ xiri, u li tkun maqsuma f’żewġ fażijiet distinti, li jwasslu, l-ewwel waħda, għal deċiżjoni amministrattiva intiża li tistabbilixxi oġġettivament ksur tal-obbligu li tiġi sottomessa offerta pubblika ta’ akkwist u, it-tieni waħda, għall-istabbiliment ta’ responsabbiltà individwali u għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva għall-ksur imwettaq.

38

Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva ma tipprekludix, bħala prinċipju, prassi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li tagħti effett vinkolanti lil deċiżjonijiet amministrattivi, li jkunu saru definittivi, fi proċeduri ulterjuri. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikonoxximent li deċiżjoni amministrattiva għandha natura definittiva, miksuba mal-iskadenza ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors jew bl-eżawriment tar-rimedji, jikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, li hija prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C‑453/00, EU:C:2004:17, punt 24, kif ukoll tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 45).

39

Barra minn hekk, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikonoxximent li deċiżjoni amministrattiva, li tkun saret definittiva, għandha effett vinkolanti fi proċeduri ulterjuri konnessi jista’ jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-proċeduri amministrattivi mmexxija mill-awtoritajiet kompetenti u intiżi sabiex jiġi stabbilit kif ukoll sabiex jiġi ssanzjonat in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-offerti pubbliċi ta’ akkwist obbligatorji, u għalhekk sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-Direttiva 2004/25.

40

Madankollu, għandu jiġi żgurat li d-drittijiet iggarantiti lill-partijiet ikkonċernati mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Karta, jiġu rrispettati fiż-żewġ fażijiet proċedurali msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, kull proċedura nazzjonali mmexxija fil-kuntest tad-Direttiva 2004/25 għandha tkun kompatibbli ma’ dawn id-drittijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 66, kif ukoll tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 47).

41

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 1719, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78).

42

Dan huwa l-każ ta’ proċedura li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, titmexxa b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2004/25.

43

Fost id-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni hemm, fl-ewwel lok, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jagħmel parti integrali minnu d-dritt għal smigħ, u li japplika f’sitwazzjoni fejn l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju. Skont dan il-prinċipju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom għandhom jingħataw l-opportunità li jressqu l-pożizzjoni tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha. L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma suġġetti għal dan l-obbligu meta jieħdu deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli ma tipprovdix espressament tali formalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fit-tieni lok, fost il-garanziji li jirriżultaw mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, u mill-Artikolu 48 tal-Karta, hemm id-dritt li wieħed jibqa’ sieket, dritt li tgawdi minnu persuna fiżika “imputata”, fis-sens tat-tieni wieħed minn dawn l-artikoli. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw fil-proċeduri li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali. Tliet kriterji huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-imsemmija natura. L-ewwel kriterju huwa dak tal-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed jikkonċerna n-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 42).

45

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt li wieħed jibqa’ sieket, li jikkostitwixxi regola internazzjonali ġeneralment irrikonoxxuta, huwa fil-qalba tal-kunċett ta’ smigħ xieraq. Tali dritt ma jistax ikun limitat għall-ammissjonijiet ta’ twettiq ta’ reat jew għall-kummenti li jesponu direttament lill-persuna interrogata, iżda jkopri wkoll informazzjoni dwar punti ta’ fatt li jistgħu sussegwentement jintużaw insostenn tal-akkuża u b’hekk jista’ jkollhom impatt fuq il-kundanna jew fuq is-sanzjoni imposta fuq din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Fit-tielet lok, għandu jissemma l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li huwa stabbilit fl-Artikolu 48 tal-Karta. Dan il-prinċipju huwa intiż li japplika meta l-kwistjoni tkun li jiġu ddeterminati l-elementi oġġettivi li jikkostitwixxu ksur previst fid-dritt tal-Unjoni, li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi li jkollhom natura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punti 4244).

47

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm kull sistema legali tagħmel preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi, l-Artikolu 48 tal-Karta jobbliga lill-Istati Membri sabiex ma jaqbżux, fil-qasam kriminali, ċertu limitu. B’mod iktar konkret, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit f’din id-dispożizzjoni, jobbliga lill-Istati Membri jillimitaw il-preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li jinsabu fil-liġijiet repressivi f’limiti raġonevoli, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-kwistjoni u filwaqt li jħarsu d-drittijiet tad-difiża (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 43).

48

Fir-raba’ lok, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv, jipprovdi li kull persuna li jkollha d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni miksura għandu jkollha dritt għal tali rimedju quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust quddiem qorti indipendenti u imparzjali.

49

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ qorti jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tneħħija tal-membri tagħha, liema regoli jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Ir-rekwiżit ta’ indipendenza, li huwa inerenti għall-missjoni tal-ġudikatura, jimplika qabelxejn li l-istanza kkonċernata jkollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni suġġetta għal rikors (sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 49, u tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 62), u għandu żewġ aspetti.

51

L-ewwel aspett jeżiġi li tali istanza tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tat-tilwim imressaq quddiemhom (sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 51, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 125).

52

It-tieni aspett huma marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u jirrigwarda ż-żamma ta’ distanza ugwali fir-rigward tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 61).

53

Jekk deċiżjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun ittieħdet minn awtorità li ma tissodisfax hija stess dawn il-kundizzjonijiet ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u, għaldaqstant, ma tistax tiġi kklassifikata bħala qorti, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni teżiġi li d-deċiżjoni inkwistjoni tkun tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ulterjuri minn korp ġudizzjarju, li għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex jeżamina l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għat-tilwima li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2021, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 464749, kif ukoll tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 55).

54

Huwa fid-dawl tal-punti hekk imfakkra li għandu jiġi evalwat jekk dawn id-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jipprekludux li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/25, jiġi rrikonoxxut l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni amministrattiva, meħuda fi tmiem proċedura preċedenti, li tikkonstata dan il-ksur u li tkun saret definittiva. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jiġifieri dik li fiha l-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva tikkonċerna persuni li kienu diġà partijiet fil-proċedura ta’ konstatazzjoni li tat lok għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u dik li fiha l-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva tikkonċerna persuni fiżiċi li, mingħajr ma kienu partijiet f’din il-proċedura ta’ konstatazzjoni, aġixxew biss bħala membri ta’ korp ta’ rappreżentanza ta’ persuna ġuridika li kienet parti fl-imsemmija proċedura.

55

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju u t-tweġibiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji previsti fid-dritt Awstrijak kontra l-persuni responsabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ÜbG dwar l-offerti pubbliċi ta’ akkwist jistgħu jkunu bejn EUR 5000 u EUR 50000 u jistgħu jiġu ssostitwiti b’piena li ċċaħħad il-libertà fil-każ li ma jkunx possibbli li tiġi rkuprata s-sanzjoni pekunjarja imposta. Dawn is-sanzjonijiet għandhom qabelxejn natura kriminali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. Bla ħsara għall-evalwazzjoni definittiva, mill-qorti tar-rinviju, ta’ din in-natura, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, iggarantiti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48 tal-Karta huma għalhekk applikabbli fil-kawża prinċipali.

56

Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-proċeduri amministrattivi mmexxija mill-awtoritajiet kompetenti u intiżi sabiex jiġi stabbilit kif ukoll sabiex jiġi ssanzjonat in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-offerti pubbliċi ta’ akkwist obbligatorji, l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu li deċiżjoni li tikkonstata t-twettiq ta’ ksur minn persuni għandha effett vinkolanti fil-kuntest ta’ proċedura ulterjuri intiża sabiex tiġi imposta sanzjoni amministrattiva fuq dawn il-persuni minħabba t-twettiq ta’ dan il-ksur. Madankollu, dawn il-proċeduri għandhom jiġu organizzati b’tali mod li l-imsemmija persuni jkunu setgħu jinvokaw id-drittijiet fundamentali tagħhom matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ konstatazzjoni.

57

Dan jimplika, b’mod partikolari, li, matul din il-proċedura, l-istess persuni setgħu konkretament u effettivament isostnu, minn naħa, id-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal smigħ, u, min-naħa l-oħra, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u l-preżunzjoni ta’ innoċenza fir-rigward tal-punti ta’ fatt li jkunu ser jintużaw ulterjorment insostenn tal-akkuża u b’hekk ikun ser ikollhom effett fuq il-kundanna jew is-sanzjoni imposta.

58

Is-sitwazzjoni tkun differenti fir-rigward tat-tieni ipoteżi msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, u dan anki jekk il-persuna fiżika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma pparteċipatx, bħala parti, fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ konstatazzjoni li saret definittiva, setgħet tipparteċipa f’din il-proċedura bħala membru ta’ korp ta’ rappreżentanza ta’ persuna ġuridika li hija s-suġġett tal-imsemmija proċedura.

59

Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-drittijiet tad-difiża għandhom natura suġġettiva, b’tali mod li huma l-partijiet ikkonċernati stess li għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitawhom effettivament, indipendentement min-natura tal-proċedura li huma s-suġġett tagħha. Dan japplika a fortiori f’sitwazzjoni fejn, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li tista’ twassal għall-istabbiliment tar-responsabbiltà personali tad-diretturi jew tal-membri tal-korpi ta’ kumpannija minħabba ksur tar-regoli dwar l-offerti pubbliċi ta’ akkwist, imputabbli lil din il-kumpannija, u għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fuq dawn id-diretturi jew membri, ma tistax tiġi eskluża l-eżistenza ta’ diverġenza bejn l-interessi personali tagħhom u l-interessi tal-imsemmija kumpannija.

60

Minn dan isegwi li l-awtorità amministrattiva għandha teskludi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tirrigwarda persuna fiżika, l-effett vinkolanti tal-evalwazzjonijiet li jinsabu f’deċiżjoni li tikkonstata l-ksur allegat fil-konfront ta’ din il-persuna u li saret definittiva, mingħajr ma l-imsemmija persuna setgħet tikkontesta personalment dawn l-evalwazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha stess.

61

Bl-istess mod, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket jipprekludi li persuna fiżika, li r-responsabbiltà personali tagħha għal reat suġġett għal sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali tista’ tiġi stabbilita fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ulterjuri, ma tkunx setgħet tinvoka dan id-dritt fir-rigward tal-punti ta’ fatt li sussegwentement ikunu ser jintużaw insostenn tal-akkuża u b’hekk ikun ser ikollhom effett fuq il-kundanna jew is-sanzjoni imposta.

62

Barra minn hekk, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tipprekludi li persuna fiżika tinżamm responsabbli, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva, għat-twettiq ta’ ksur ikkonstatat minn deċiżjoni, adottata fi tmiem proċedura li fiha din il-persuna ma setgħetx tipparteċipa bħala parti li tgawdi mid-drittijiet tad-difiża u mid-dritt għal smigħ xieraq, li saret definittiva, mingħajr ma l-imsemmija persuna setgħet tikkontestaha, u li ma tkunx għadha tista’ tiġi kkontestata minnha quddiem qorti indipendenti u imparzjali.

63

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa minnu li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Kummissjoni tal-OPA hija kklassifikata, mill-ġurisprudenza kostituzzjonali nazzjonali, bħala awtorità indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel mil-liġi, li tissodisfa hija stess il-karatteristiċi ta’ qorti u li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

64

Madankollu, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u tat-tweġibiet għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, u bla ħsara għall-evalwazzjonijiet u għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-Kummissjoni tal-OPA toffri garanziji ta’ imparzjalità li hija speċifika għal qorti, li huma msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

65

Fil-fatt, skont l-Artikolu 33 tal-ÜbG, il-Kummissjoni tal-OPA hija kompetenti sabiex twettaq investigazzjonijiet li għandhom bħala suġġett eventwali nuqqas li jitwettaq l-obbligu li tiġi sottomessa offerta pubblika ta’ akkwist, sabiex tibda proċeduri ta’ konstatazzjoni u ta’ sanzjoni amministrattiva, u, f’dan il-kuntest, sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur u dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet. Fl-implimentazzjoni tal-ÜbG, il-Kummissjoni tal-OPA għandha setgħat ex officio estiżi, fosthom dik li tipprova u li tikkonstata l-fatti rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tingħata, u li tadotta l-miżuri istruttorji kollha neċessarji f’dan ir-rigward.

66

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ separazzjoni funzjonali, fi ħdan il-Kummissjoni tal-OPA, bejn, minn naħa, id-dipartimenti responsabbli għall-investigazzjoni u għall-akkuża, u, min-naħa l-oħra, id-dipartimenti responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur u għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet ma tirriżultax mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, jidher li, fil-każ li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tal-OPA kkonstatat ksur jew imponiet sanzjoni, din il-kummissjoni jkollha l-kwalità ta’ konvenut quddiem il-qorti nazzjonali adita b’tali rikors.

67

Issa, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali elementi, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet definittivi li għandhom jitwettqu, f’dan ir-rigward, mill-qorti tar-rinviju, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tal-OPA tintervjeni bħala terz imparzjali bejn l-awtur preżunt tal-ksur, minn naħa, u l-awtorità amministrattiva responsabbli għas-superviżjoni tal-osservanza tar-regoli dwar l-offerti pubbliċi ta’ akkwist, min-naħa l-oħra, u li, sussegwentement, din il-kummissjoni tissodisfa l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti minn qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

68

Minn dan isegwi li, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-OPA għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ minn qorti nazzjonali li jkollha, għal dan il-għan, ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha.

69

F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni tal-OPA fi tmiem il-proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), iżda li, f’dan il-każ, l-istħarriġ imwettaq minn din il-qorti huwa limitat biss għal punti ta’ liġi. B’hekk, jidher li tali deċiżjoni, ladarba tkun saret definittiva, tipproduċi effetti vinkolanti fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ulterjuri kollha, fil-każ ta’ identiċità tal-partijiet jew fir-rigward ta’ kull parteċipant fil-proċedura amministrattiva preċedenti bħala rappreżentant ta’ parti, sakemm is-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi jkunu identiċi, mingħajr ma din id-deċiżjoni setgħet, preċedentement, tiġi kkontestata quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt.

70

Issa, il-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali responsabbli għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorità amministrattiva fil-qasam tal-ksur tar-regoli dwar l-offerti pubbliċi ta’ akkwist obbligatorji għall-evalwazzjoni biss tal-punti ta’ liġi ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, imfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, jekk id-deċiżjoni li tikkonstata ksur, li tkun saret definittiva, ma setgħetx tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ korp ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi fid-dritt u fil-fatt, l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni tal-Karta għandha twassal lill-awtorità amministrattiva sabiex teskludi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni sussegwenti, l-effett vinkolanti marbut mal-evalwazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikoli 4 u 17 tad-Direttiva 2004/25, moqrija fid-dawl tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi ta’ Stat Membru, li bis-saħħa tagħha deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ din id-direttiva, li tkun saret definittiva, għandha effett vinkolanti fi proċedura ulterjuri intiża għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, sa fejn il-partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura ma jkunux setgħu, matul il-proċedura preċedenti ta’ konstatazzjoni ta’ dan il-ksur, jeżerċitaw kompletament id-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, u lanqas ma jkunu setgħu jinvokaw id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u mingħajr ma jkunu setgħu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza fir-rigward tal-punti ta’ fatt li jkunu ser jintużaw fi stadju ulterjuri insostenn tal-akkuża, jew ma jistgħux jibbenefikaw mid-dritt għal rimedju effettiv kontra tali deċiżjoni quddiem qorti jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar punti kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 4 u 17 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar offerti ta’ xiri, kif emendata bid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014, moqrija fid-dawl tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi ta’ Stat Membru, li bis-saħħa tagħha deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ din id-direttiva, li tkun saret definittiva, għandha effett vinkolanti fi proċedura ulterjuri intiża għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, sa fejn il-partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura ma jkunux setgħu, matul il-proċedura preċedenti ta’ konstatazzjoni ta’ dan il-ksur, jeżerċitaw kompletament id-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, u lanqas ma jkunu setgħu jinvokaw id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u mingħajr ma jkunu setgħu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza fir-rigward tal-punti ta’ fatt li jkunu ser jintużaw fi stadju ulterjuri insostenn tal-akkuża, jew ma jistgħux jibbenefikaw mid-dritt għal rimedju effettiv kontra tali deċiżjoni quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar punti kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.