Kawżi magħquda C‑529/18 P u C‑531/18 P

PJ
u
PC

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Marzu 2022

“Appell – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza tal-partijiet fir-rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni – Avukat li għandu l-kwalità ta’ terz fir-rigward tar-rikorrent – Rekwiżit ta’ indipendenza – Avukat li jipprattika bħala kollaboratur f’uffiċċju ta’ avukati – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

  1. Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Firma minn avukat – Kunċett ta’ avukat – Interpretazzjoni awtonoma

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 51(1))

    (ara l-punti 58, 60)

  2. Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firmatarju – Kwalità ta’ terz fir-rigward tal-partijiet – Parti rrappreżentata minn avukat impjegat minn entità konnessa mal-parti – Parti li tista’ teżerċita kontroll effettiv fuq l-avukat – Nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 19)

    (ara l-punti 61 sa 69, 72, 74, 79 sa 81)

  3. Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firmatarju – Kwalità ta’ terz fir-rigward tal-partijiet – Rappreżentanza minn avukat li ma għandux il-kwalità ta’ terz – Inammissibbiltà – Regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors – Inammissibbiltà

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 55(1) u 78(6))

    (ara l-punti 88 sa 90)

Sunt

PJ kien il-proprjetarju tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Erdmann & Rossi. Wara talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa minn Erdmann & Rossi GmbH, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) annulla din it-trade mark.

PJ ressaq rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikors promotur kien iffirmat minn S. Il-Qorti Ġenerali fakkret li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat jimplika l-assenza ta’ kwalunkwe relazzjoni ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu. Hija żiedet tgħid li l-avukat ta’ parti lanqas ma għandu jkollu rabta personali mal-kawża, jew saħansitra jkollu relazzjonijiet ekonomiċi jew strutturali mal-klijent.

Fil-każ ineżami, wara li rrilevat li PJ kien kofundatur u wieħed miż-żewġ soċji tal-uffiċċju ta’ avukati li lilu kien ta mandat sabiex jiżgura r-rappreżentanza tiegħu permezz ta’ S., li intervjena f’isem dan l-uffiċċju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, minħabba li r-rikors promotur ma kienx ġie ffirmat minn avukat indipendenti ( 1 ).

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell ta’ PJ u tiddeċiedi, b’sostituzzjoni tal-motivi, li r-rabtiet eżistenti bejn l-avukat, kollaboratur f’uffiċċju ta’ avukati, u l-klijent tiegħu, soċju u membru fundatur tal-istess uffiċċju, jippreġudikaw manifestament l-indipendenza tal-avukat ( 2 ).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li parti ma hijiex awtorizzata taġixxi hija stess quddiem qorti tal-Unjoni, iżda għandha tirrikorri għas-servizzi ta’ terz. Ir-rappreżentanza ġudizzjarja tista’ ssir biss minn avukat sabiex jiġu protetti u difiżi bl-aħjar mod l-interessi tal-mandant, b’indipendenza sħiħa kif ukoll fl-osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali u tal-etika.

F’dan ir-rigward, l-indipendenza tal-avukat għandha tinftiehem bħala l-assenza mhux ta’ kwalunkwe rabta tal-avukat mal-klijent tiegħu, iżda biss ta’ dawk li jippreġudikaw manifestament il-kapaċità tiegħu li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-każijiet ta’ inammissibbiltà minħabba nuqqas fil-missjoni ta’ rappreżentanza għandhom ikunu limitati għall-każijiet fejn ikun jidher ċar li l-avukat ma huwiex f’pożizzjoni jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu. Għalhekk, is-sempliċi eżistenza ta’ rabta kuntrattwali rregolata mid-dritt ċivili bejn avukat u l-klijent tiegħu hija insuffiċjenti sabiex jitqies li dan l-avukat jinsab f’sitwazzjoni li manifestament tippreġudika l-kapaċità tiegħu li jiddefendi l-interessi tal-klijent tiegħu.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li għandu jiġi preżunt li avukat kollaboratur f’ uffiċċju ta’ avukati, anki jekk jeżerċita l-professjoni tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, jissodisfa l-istess rekwiżiti ta’ indipendenza bħal avukat li jeżerċita individwalment jew bħala soċju f’uffiċċju ta’ avukati. Madankollu, għandha ssir distinzjoni skont is-sitwazzjoni tal-klijent irrappreżentat.

Fil-fatt, is-sitwazzjoni li fiha l-klijent ikun persuna fiżika jew ġuridika terza fir-rigward tal-uffiċċju ta’ avukati li fih ikun jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu l-kollaboratur inkwistjoni ma tqajjimx problemi ta’ indipendenza partikolari. Dan ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni li fiha l-klijent, persuna fiżika, jkun huwa nnifsu soċju u membru fundatur tal-uffiċċju ta’ avukati u jista’, minħabba f’hekk, jeżerċita kontroll effettiv fuq il-kollaboratur. F’dan l-aħħar każ, għandu jitqies li r-rabtiet li jeżistu bejn l-avukat kkollaboratur u s-soċju klijent huma tali li jippreġudikaw manifestament l-indipendenza tal-avukat.


( 1 ) Digriet tat-30 ta’ Mejju 2018, PJ vs EUIPO - Erdmann & Rossi (Erdmann & Rossi) (T‑664/16, EU:T:2018:517).

( 2 ) Fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.