SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 13 – Attivitajiet marbuta mas-servizzi postali – Entitajiet kontraenti – Impriżi pubbliċi – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑521/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

Pegaso Srl Servizi Fiduciari,

Sistemi di Sicurezza Srl,

YW

vs

Posta Tutela SpA,

fil-preżenza ta’:

Poste Italiane SpA,

Services Group,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pegaso Srl Servizi Fiduciari u Sistemi di Sicurezza Srl, minn A. Scuderi u F. Botti, avvocati,

għal Poste Tutela SpA, minn S. Napolitano, avvocato,

għal Poste Italiane SpA, minn A. Fratini u A. Sandulli, avvocati,

għal Services Group, minn L. Lentini, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P. Ondrůšek kif ukoll minn L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-23 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-premessi 21 u 46 u kif ukoll tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1), tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), kif ukoll tal-Artikolu 3(4), tal-Artikolu 4(1) u (2) u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Pegaso Srl Servizi Fiduciari, Sistemi di Sicurezza Srl u YW (iktar ’il quddiem, flimkien, “Pegaso”) u, min-naħa l-oħra, Poste Tutela SpA u Poste Italiane SpA dwar il-legalità ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti dwar l-għoti, fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa, ta’ servizzi ta’ purtinerija, ta’ akkoljenza u ta’ kontroll tal-aċċess għall-uffiċċji ta’ Poste Italiane u ta’ dawk ta’ kumpanniji oħra tal-grupp tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/17/KE

3

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw [proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi] fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), intitolat “Servizzi postali”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-provvediment ta’ servizzi postali jew, fuq il-kondizzjonijiet dikjarati fil-paragrafu 2(ċ), servizzi oħra għajr servizzi postali.”

Id-Direttiva 2014/23

4

Skont il-premessi 21 u 46 tad-Direttiva 2014/23:

“(21)

Il-kunċett ta’ ‘korpi rregolati mil-liġi pubblika’ ġiet eżaminata b’mod ripetut fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għadd ta’ kjarifiki huma ċentrali għall-fehim sħiħ ta’ ta’ dan il-kunċett. Għalhekk, għandu jiġi ċċarat li korp li jopera f’kondizzjonijiet normali tas-suq, għandu l-għan li jagħmel profitt, u jġarrab it-telf li jirriżulta mill-eżerċizzju tal-attività tiegħu m’għandux jitqies li huwa ‘korp irregolat mil-liġi pubblika’, peress li l-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li jkun twaqqaf biex jissodisfa jew ingħata l-inkarigu biex jissodisfa, jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura industrijali jew kummerċjali. Bl-istess mod, il-kondizzjoni dwar l-oriġini tal-finanzjament tal-korp ikkunsidrat, ġiet ukoll eżaminata mill-każistika tal-Qorti, li ċċarat li ffinanzjat ‘fil-parti maġġuri’ tfisser għal aktar min-nofs u li tali finanzjament jista’ jinkludi ħlasijiet minn utenti li huma imposti, ikkalkulati u miġbura f’konformità mar-regoli tal-liġi pubblika.

[…]

(46)

Konċessjonijiet mogħtija lil persuni ġuridiċi kkontrallati m’għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tal-proċeduri previsti f’din id-Direttiva jekk l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1) teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li jeżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu stess bil-kondizzjoni li l-persuna ġuridika kkontrollata twettaq aktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fit-twettiq ta’ kompiti fdati lilha mill-awtorità jew entità kontraenti li tikkontrolla jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti jew entità kontraenti, irrispettivament mill-benefiċjarju tat-twettiq tal-kuntratt. […]”

5

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Awtoritajiet kontraenti”, jiddikjara, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“‘Korpi regolati mil-liġi pubblika’ tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

huma stabbiliti għall-għan speċifiku li jaqdu l-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

għandhom personalità ġuridika; u

(c)

huma ffinanzjati, fil-parti l-kbira, mill-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika; jew huma soġġetti għal superviżjoni maniġerjali minn dawk il-korpi jew awtoritajiet; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika.”

6

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Esklużjoni ta’ attivitajiet li huma direttament esposti għall-kompetizzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal konċessjonijiet mogħtija minn entitajiet kontraenti fejn, għall-Istat Membru fejn għandhom isiru tali konċessjonijiet, ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE li l-attività tkun direttament esposta għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva.”

Id-Direttiva 2014/24

7

Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “korp irregolat mid-dritt pubbliku” li jinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 tikkorrispondi għal dik li tinsab fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2014/23.

Id-Direttiva 2014/25

8

Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “korp irregolat mid-dritt pubbliku” li jinsab fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2014/25 tikkorrispondi wkoll għal dik li tinsab fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2014/23.

9

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2014/25 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, entitajiet kontraenti huma entitajiet li:

(a)

huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14;

(b)

meta dawn ma jkunux awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi, ikollhom bħala waħda mill-attivitajiet tagħhom xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14, jew kwalunkwe taħlita tagħhom u joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.

2.   ‘Impriża pubblika’ tfisser kull impriża li fuqha l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti b’mod dirett jew indirett minħabba li din tkun proprjetà tagħhom, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha;

Influwenza dominanti min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti għandha ssir fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk l-awtoritajiet, b’mod dirett jew indirett:

(a)

ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;

(b)

ikunu jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ ishma maħruġa mill-impriża,

(c)

ikunu jistgħu jaħtru iktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza tal-impriża.”

10

L-Artikolu 6(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.   Fil-każ ta’ kuntratti maħsubin biex ikopru diversi attivitajiet, l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għall-finijiet ta’ kull attività separata jew li jagħtu kuntratt waħdieni. Fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratti separati, id-deċiżjoni dwar liema regoli għandhom japplikaw għal kwalunkwe wieħed minn dawn il-kuntratti separati, għandha tittieħed fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-attività separata kkonċernata.

Minkejja l-paragrafu 5, fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt waħdieni, għandhom japplikaw il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Madankollu, fejn waħda mill-attivitajiet ikkonċernati tkun koperta mill-Artikolu 346 tat-TFUE jew mid-Direttiva 2009/81/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2009, L 216, p. 76)], għandu japplika l-Artikolu 26 ta’ din id-Direttiva.

L-għażla bejn l-għoti ta’ kuntratt waħdieni jew l-għoti ta’ għadd ta’ kuntratti separati ma għandhiex, madanakollu, tittieħed bil-għan li jiġi eskluż il-kuntratt jew kuntratti mill-kamp ta’ applikazzjoni jew ta’ din id-Direttiva jew, fejn applikabbli, Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE.

2.   Kuntratt li huwa maħsub li jkorpi numru ta’ attivitajiet għandu jkun soġġett għar-regoli applikabbli għall-attività li għaliha dan kien maħsub prinċipalment.”

11

Fl-Artikoli 8 sa 14 tad-Direttiva 2014/25 hemm elenkati l-attivitajiet li għalihom tapplika din l-istess direttiva, li huma l-attivitajiet tal-gass u tisħin (Artikolu 8), tal-elettriku (Artikolu 9), tal-ilma (Artikolu 10), tas-servizzi ta’ trasport (Artikolu 11), tal-portijiet u ajruporti (Artikolu 12), tas-servizzi postali (Artikolu 13) u tal-estrazzjoni ta’ żejt u gass kif ukoll l-esplorazzjoni għal jew l-estrazzjoni ta’ faħam jew karburanti solidi oħra (Artikolu 14).

12

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva huwa redatt b’dan il-mod:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’:

(a)

servizzi postali;

(b)

servizzi oħra minbarra servizzi postali, bil-kondizzjoni li servizzi bħal dawn ikunu pprovduti minn entità li tipprovdi anke servizzi postali fit-tifsira tal-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u dment li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(1) mhumiex sodisfatti fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fi ħdan il-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU 1998, L 15, p. 14)]:

(a)

‘oġġett postali’: tfisser oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha għandu jinġarr, irrispettivament mit-toqol. Minbarra l-oġġetti ta’ korrispondenza, dawn l-oġġetti jinkludu wkoll pereżempju kotba, katalgi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b’valur kummerċjali jew mingħajru, irrispettivament mit-toqol tagħhom;

(b)

‘servizzi postali’: tfisser servizzi li jikkonsistu fil-ġbir, l-issortjar, il-ħruġ u t-tqassim ta’ oġġetti postali. Dan għandu jinkludi kemm is-servizzi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll dawk li jaqgħu barra minnu tas-servizz universali stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 97/67/KE;

(c)

‘servizzi oħra għajr servizzi postali’: tfisser servizzi pprovduti fl-oqsma li ġejjin:

(i)

servizzi ta’ ġestjoni tas-servizz tal-posta (servizzi li jseħħu qabel u wara d-dispaċċ, inklużi ‘servizzi ta’ ġestjoni tal-kamra tal-ittri’);

(ii)

servizzi li jikkonċernaw oġġetti postali li mhux inklużi f’punt (a), bħall-posta diretta mingħajr l-ebda indirizz.”

13

L-Artikolu 19(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti li l-entitajiet kontraenti jagħtu għal għanijiet, differenti mit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom kif deskritt fl-Artikoli 8 sa 14 jew għat-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiż terz, f’kondizzjonijiet li ma jinvolvux l-użu fiżiku ta’ netwerk jew ta’ żona ġeografika fl-Unjoni u ma għandhiex tapplika lanqas għal kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati għal għanijiet bħal dawn.”

Id-dritt Taljan

14

Id-decreto legislativo n. 50 – Attuazione delle direttive 2014/23/UE, 2014/24/UE e 2014/25/UE sull’aggiudicazione dei contratti di concessione, sugli appalti pubblici e sulle procedure d’appalto degli enti erogatori nei settori dell’acqua, dell’energia, dei trasporti e dei servizi postali, nonché per il riordino della disciplina vigente in materia di contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 li Jimplimenta d-Direttiva 2014/23/UE dwar l-Għoti ta’ Kuntratti ta’ Konċessjoni, id-Direttiva 2014/24/UE dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi u d-Direttiva 2014/25/UE dwar l-Għoti ta’ Kuntratti minn Entitajiet li Joperaw fis-Setturi tal-Ilma, tal-Enerġija, tat-Trasport, u tas-Servizzi Postali, u li Jirriforma l-Leġiżlazzjoni fis-Seħħ fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti), tat-18 ta’ April 2016 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 91, tad-19 ta’ April 2016), stabbilixxa l-Codice dei contratti pubblici (il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi).

15

L-Artikolu 3(1)(d) ta’ dan il-kodiċi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “korp irregolat mid-dritt pubbliku”, fis-sens tiegħu, bl-istess kliem li bih dan il-kunċett huwa ddefinit fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2014/23, fil-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, u fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2014/25.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Permezz ta’ avviż ippubblikat fid-29 ta’ Lulju 2017 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Poste Tutela, li dak iż-żmien kienet miżmuma 100 % minn Poste Italiane, nediet proċedura miftuħa ta’ sejħa għal offerti bl-għan li jiġu stabbiliti ftehimiet qafas dwar is-servizzi ta’ purtinerija, ta’ akkoljenza u ta’ kontroll tal-aċċess għall-uffiċċji ta’ Poste Italiane u ta’ dawk ta’ kumpanniji oħra tal-grupp tagħha, maqsuma territorjalment f’seba’ lottijiet kumulattivi, għal perijodu ta’ 24 xahar (b’żieda ta’ 12-il xahar fil-każ ta’ tiġdid) u għal ammont totali stmat fl-ammont ta’ EUR 25253242. L-avviż tas-sejħa għal offerti kien jindika d-Direttiva 2014/25 bħala “bażi legali”.

17

Peress li qieset li l-avviż ta’ sejħa għal offerti kien imur kontra ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, Pegaso ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, li, permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tal-20 ta’ Ottubru 2017, issospendiet il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti.

18

Quddiem dik il-qorti, Poste Italiane, li magħha ġiet amalgamata Poste Tutela b’effett mill-1 ta’ Marzu 2018, titlob l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi sabiex jieħdu konjizzjoni tiegħu. Hija tispjega li, jekk, fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għal offerti fil-kawża prinċipali, Poste Tutela kellha l-kwalità ta’ impriża pubblika, is-servizzi kkonċernati minn dan l-avviż ta’ sejħa għal offerti ma kinux jaqgħu taħt xi wieħed mis-setturi speċjali previsti mid-Direttiva 2014/25. Hija żżid li din il-perspettiva ġiet ikkonfermata permezz ta’ digriet tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, l-Italja) tal-1 ta’ Ottubru 2018, li qieset li l-qorti tad-dritt ordinarju għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi konklużi minn Poste Italiane, minkejja li din għandha l-kwalità ta’ impriża pubblika, ladarba dawn il-kuntratti jirrigwardaw attivitajiet li ma humiex inerenti għall-attivitajiet li jaqgħu fis-settur speċjali kkonċernat.

19

Fi kwalunkwe każ, Poste Italiane ssostni li s-suġġett tat-tilwima ma baqax jeżisti, peress li l-avviż ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie rtirat wara t-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

20

Min-naħa tagħha, Pegaso tiċħad l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn Poste Italiane. Hija ssostni li għandhom jiġu inklużi fost is-servizzi li jaqgħu taħt is-setturi speċjali mhux biss is-servizzi direttament imsemmija fil-leġiżlazzjoni applikabbli, bħas-servizzi postali, iżda wkoll is-servizzi komplementari u anċillari, li għandhom bħala għan li jiggarantixxu l-provvista effettiva ta’ dawk tal-ewwel.

21

Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tiġi deċiża preliminarjament il-kwistjoni dwar jekk il-kawża prinċipali taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi jew taħt dik tal-qrati tad-dritt ordinarju. Għal dan l-għan, huwa indispensabbli li jiġi ddeterminat jekk Poste Tutela, li saret Poste Italiane, kinitx suġġetta għall-obbligu li tibda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti għall-għoti tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dwar dan il-punt, dik il-qorti tqis li Poste Italiane għandha l-karatteristiċi meħtieġa kollha sabiex tiġi kklassifikata bħala korp tad-dritt pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi u tad-Direttivi 2014/23, 2014/24 u 2014/25. Madankollu, hija tosserva wkoll li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) waslet, fid-digriet imsemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, għal konklużjoni differenti, billi enfasizzat b’mod partikolari li Poste Italiane hija issa essenzjalment affettwata minn eżiġenzi ta’ natura industrijali u kummerċjali.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-karatteristiċi indikati iktar ’il fuq, il-kumpannija Poste Italiane SpA, għandha tiġi kklassifikata bħala “korp irregolat mil-liġi pubblika” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tal-[Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi] u tad-direttivi rilevanti tal-Unjoni (id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE)?

2)

Din il-klassifikazzjoni għandha testendi għall-kumpannija, miżmuma 100%, Poste Tutela SpA, li barra minn hekk qiegħda fi proċess ta’ amalgamazzjoni mal-ewwel kumpannija li diġà ġiet deċiża, fid-dawl tal-premessa 46 tad-Direttiva 2014/23/UE dwar il-persuni ġuridiċi kkontrollati (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2017, KawżaC-567/15, EU:C:2017:736: obbligu ta’ sejħa għal offerti għall-kumpanniji kkontrollati mill-amministrazzjoni pubblika; sentenza Nru 6211 mogħtija fl-24 ta’ Novembru 2011 mi[s-Sitt] Awla tal-Consiglio di Stato [il-Kunsill tal-Istat, l-Italja])?

3)

Dawn il-kumpanniji għandhom l-obbligu jorganizzaw proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi biss għall-għoti tal-kuntratti fir-rigward tal-attività li huma jeżerċitaw fis-setturi speċjali, abbażi tad-Direttiva 2014/25/UE, inkwantu entitajiet kontraenti, li fir-rigward tagħhom in-natura ta’ korp irregolat mil-liġi pubblika għandha titqies bħala li fiha nfisha taqa’ taħt ir-regoli tal-Parti II tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, filwaqt li dawn huma kompletament awtonomi u suġġetti esklużivament għar-regoli tad-dritt privat fir-rigward tal-attivitajiet kuntrattwali li ma jaqgħux taħt dawn is-setturi, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-premessa 21 u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/23/UE?

4)

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kuntratti li jitqiesu li ma jaqgħux taħt il-qasam speċifiku għas-setturi speċjali, meta dawn jissodisfaw il-kundizzjonjiet relatati mal-korpi rregolati mil-liġi pubblika, l-istess kumpanniji jibqgħu suġġetti għad-Direttiva Ġenerali 2014/24/UE (u għaldaqstant għar-regoli dwar il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku), anki meta dawn jeżerċitaw attitivajiet ta’ natura essenzjalment imprenditorjali f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, peress li dawn evolvew minn wara l-kostituzzjoni oriġinali tagħhom?

5)

F’uffiċċji li fihom jitwettqu attivitajiet inerenti għas-servizz universali flimkien ma’ attivitajiet mhux relatati ma’ dan tal-aħħar, jista’ jiġi eskluż li l-kuntratti inerenti għall-manutenzjoni ordinarja u extraordinarja, għat-tindif, għall-arredament kif ukoll għas-servizz ta’ purtinerija u ta’ sorveljanza ta’ dawn l-uffiċċji jaqgħu taħt il-kunċett ta’ strumentalità għall-finijiet tas-servizz li huwa speċifikament fl-interess pubbliku?

6)

Fl-aħħar nett, jekk kellu jitqies li huwa possibbli li jiġi aċċettat l-argument ta’ Poste Italiane s.p.a., il-fatt li tiġi organizzata proċedura ta’ sejħa għal offerti fl-assenza ta’ obbligu legali u għaldaqstant mingħajr ma l-proċedura tkun suġġetta għall-garanziji kollha ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament irregolati mill-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, debitament ippubblikata mingħajr avviżi oħra f’dan ir-rigward fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana u fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jikser il-prinċipju stabbilit ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi tal-offerenti fis-sejħa għal offerti?”

23

Wara li Poste Italiane informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-avviż ta’ sejħa għal offerti kien ġie annullat, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-qorti tar-rinviju jekk riditx tirtira t-talba mressqa minnha għal deċiżjoni preliminari. Fis-26 ta’ Ottubru 2018, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li hija kienet qiegħda żżomm din it-talba.

24

Bi tweġiba għal talba tal-Qorti tal-Ġustizzja intiża sabiex hija tispjega l-motivi li għalihom hija kienet tqis li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet għadha pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju, fit-18 ta’ Marzu 2019, ipprovdiet kjarifiki f’dan ir-rigward.

Fuq l-ammissibbiltà

25

Poste Italiane u l-Gvern Taljan jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi jsostnu li t-tilwima li fil-kuntest tagħha din ġiet ippreżentata ma baqgħetx teżisti, peress li l-avviż ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie rtirat wara l-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et, C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et, C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, huwa paċifiku li Poste Italiane ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje S, tad-29 ta’ Settembru 2018), wara l-amalgamazzjoni permezz tal-inkorporazzjoni ta’ Poste Tutela f’Poste Italiane, id-deċiżjoni tagħha “li tannulla/li tirrevoka” l-avviż ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, kif ġie kkonfermat mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2019, Poste Italiane ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje S, tad-19 ta’ Jannar 2019) avviż ta’ sejħa għal offerti ġdid dwar is-servizzi ta’ purtinerija, ta’ akkoljenza u ta’ kontroll tal-aċċess għall-uffiċċji tagħha tal-grupp. Barra minn hekk, Pegaso ma tikkontestax l-irtirar tal-avviż ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk hija tenfasizza li l-qorti tar-rinviju tibqa’ obbligata tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni tal-legalità ta’ dan l-avviż ta’ sejħa għal offerti, kemm għall-finijiet ta’ eventwali talba għal kumpens kif ukoll għall-finijiet tal-ispejjeż.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja d-dubji inizjali tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali effettivament sparixxa.

30

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tkun tista’ tiddetermina s-segwitu għar-rikors ippreżentat quddiemha, hija għandha l-ewwel issolvi l-kwistjoni dwar jekk hija għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu. Hija tenfasizza li dan ikun il-każ jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien irregolat minn waħda mid-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

31

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet u l-ħames domanda

32

Permezz tat-tielet u l-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/25 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal attivitajiet li jikkonsistu fil-provvista ta’ servizzi ta’ purtinerija, ta’ akkoljenza u ta’ kontroll tal-aċċess għall-uffiċċji tal-fornituri ta’ servizzi postali, bħal Poste Italiane u kumpanniji oħra tal-grupp tagħha.

33

B’mod preliminari, għandu jiġi indikat, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2014/25 ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/17. F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25 li għandhom portata essenzjalment identika għal dik tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/17, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ din l-aħħar direttiva hija applikabbli wkoll għad-Direttiva 2014/25.

34

Fit-tieni lok, huwa paċifiku bejn il-partijiet li Poste Tutela u Poste Italiane għandhom il-kwalità ta’ “impriżi pubbliċi”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/25, u għalhekk jaqgħu, bħala entitajiet kontraenti, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva. Għalhekk, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk dawn l-impriżi jikkostitwixxux ukoll korp irregolat mid-dritt pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva, ma huwiex neċessarju.

35

Skont l-Artikolu 13(1) tagħha, id-Direttiva 2014/25 tapplika għall-attivitajiet marbuta mal-provvista, minn naħa, tas-servizzi postali u, min-naħa l-oħra, ta’ servizzi oħra għajr servizzi postali, sakemm dawn is-servizzi l-oħra jkunu pprovduti minn entità li tipprovdi wkoll servizzi postali. Fir-rigward tal-kunċetti ta’ “servizzi postali” u ta’ “servizzi oħra għajr servizzi postali”, dawn huma ddefiniti fl-Artikolu 13(2)(b) u (c) ta’ din id-direttiva bħala li jkopru, rispettivament, is-servizzi li jikkonsistu fil-ġbir, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali, u s-servizzi ta’ ġestjoni ta’ servizzi postali kif ukoll servizzi li jikkonċernaw oġġetti distinti mill-oġġetti postali, bħall-posta diretta mingħajr indirizz.

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) tal-imsemmija direttiva jispeċifika, b’mod partikolari, li din id-direttiva ma tapplikax għall-kuntratti li l-entitajiet kontraenti jagħtu għal finijiet oħra għajr it-tkomplija tal-attivitajiet tagħhom imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14 tal-istess direttiva.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset, fir-rigward tad-Direttiva 2004/17, li din id-direttiva tapplika mhux biss għall-kuntratti li ngħataw fil-qasam ta’ waħda mill-attivitajiet espressament imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tagħha, iżda wkoll għall-kuntratti li, għalkemm huma ta’ natura differenti u jistgħu għalhekk, bħala tali, jaqgħu normalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), iservu għall-eżerċizzju tal-attivitajiet iddefiniti mid-Direttiva 2004/17. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, sa fejn kuntratt mogħti minn entità kontraenti jkollu rabta ma’ attività eżerċitata minnha fis-setturi previsti fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-direttiva, fis-sens li dan il-kuntratt ikun ingħata f’rabta ma’ u għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’wieħed minn dawn is-setturi, l-istess kuntratt għandu jkun suġġett għall-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner, C‑393/06, EU:C:2008:213, punti 31 u 56 sa 59, kif ukoll tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 26).

38

Issa, minkejja li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/17 kien japplika, b’mod partikolari, għall-“attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-provvediment ta’ servizzi postali” [verżjoni Franċiża: “activités visant à fournir des services postaux”] u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/25, li ssostitwixxieh, jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha billi jirreferi, b’mod partikolari, għall-“attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ servizzi postali” [verżjoni Franċiża: “activités liées à la fourniture de services postaux”].

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif jirriżulta mill-paragun bejn il-partijiet introduttivi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/25 ma jistax jiġi interpretat b’mod iktar restrittiv minn dak tad-Direttiva 2004/17 u, għaldaqstant, dan ma jistax jiġi limitat biss għall-attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi postali bħala tali, iżda jinkludi, barra minn hekk, l-attivitajiet marbuta mal-provvista ta’ tali servizzi.

40

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, ibbażata fuq interpretazzjoni sistematika tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18, hija kkonfermata, sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/25, mill-kliem tal-Artikolu 13(1) tagħha, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-ġdida.

41

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostnu Pegaso u l-Kummissjoni Ewropea, servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jitqiesu li għandhom rabta, fis-sens tal-punt 37 ta’ din is-sentenza, mal-attività eżerċitata mill-entità kontraenti kkonċernata fis-settur postali.

42

F’dan ir-rigward, sabiex tkun tista’ sservi għall-eżerċizzju tal-attività li taqa’ taħt is-settur postali, ir-rabta bejn il-kuntratt inkwistjoni u dan is-settur ma tistax tkun, mingħajr ma tmur kontra s-sens tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2014/25, ta’ kwalunkwe natura. Fil-fatt, ma huwiex biżżejjed li s-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-attivitajiet tal-entità kontraenti u jżidu l-profittabbiltà tagħha, sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata, bejn l-imsemmi kuntratt u l-attività li taqa’ taħt is-settur postali, l-eżistenza ta’ rabta, fis-sens tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva.

43

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li jaqgħu taħt l-attivitajiet marbuta mal-provvista ta’ servizzi postali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-attivitajiet kollha li jservu effettivament għall-eżerċizzju tal-attività li taqa’ taħt is-settur tas-servizzi postali billi jippermettu t-twettiq b’mod adegwat ta’ din l-attività, fid-dawl tal-kundizzjonijiet normali ta’ eżerċizzju tagħha, bl-esklużjoni tal-attivitajiet eżerċitati għal finijiet differenti mit-tkomplija tal-attività settorjali kkonċernata.

44

L-istess japplika għall-attivitajiet li, peress li għandhom natura komplementari u trasversali, jistgħu, f’ċirkustanzi oħra, iservu għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet oħra li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva li tirrigwarda setturi speċjali.

45

F’dan il-każ, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li s-servizzi postali jistgħu jiġu pprovduti b’mod adegwat fl-assenza ta’ servizzi ta’ purtinerija, ta’ akkoljenza u ta’ kontroll tal-aċċess għall-uffiċċji tal-fornitur ikkonċernat. Din il-konstatazzjoni tapplika kemm għall-uffiċċji li huma miftuħa għad-destinatarji tas-servizzi postali u għalhekk jirċievu l-pubbliku kif ukoll għall-uffiċċji użati għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet amministrattivi. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-provvista ta’ servizzi postali tinkludi wkoll il-ġestjoni u l-ippjanar ta’ dawn is-servizzi.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li ngħata għal finijiet oħra għajr it-tkomplija tal-attività li taqa’ taħt is-settur tas-servizzi postali, fis-sens tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2014/25, u għall-kuntrarju għandu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, rabta ma’ din l-attività li tiġġustifika li jkun suġġett għas-sistema stabbilita minn din id-direttiva.

47

Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li Poste Italiane għandha l-kwalità ta’ impriża pubblika, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/25, kif ġie rrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, u li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma attivitajiet marbuta mal-provvista ta’ servizzi postali, li effettivament iservu l-eżerċizzju tagħhom, din id-direttiva hija għalhekk applikabbli kemm ratione personae kif ukoll ratione materiae għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48

Tali konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument ta’ Poste Italiane li l-attivitajiet ta’ purtinerija u ta’ għassa li huma s-suġġett tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma pprovduti wkoll għall-benefiċċju ta’ attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/25, bħas-servizzi ta’ ħlas, tat-telefonija mobbli, tal-assigurazzjoni jew tas-servizzi diġitali.

49

Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 119 u 120 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/25 jipprovdi, fil-każ ta’ kuntratti intiżi sabiex ikopru diversi attivitajiet, li l-entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu kuntratti distinti għal kull waħda mid-diversi attivitajiet jew li jagħtu kuntratt uniku. F’din l-aħħar ipoteżi, mill-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan il-kuntratt uniku jsegwi r-regoli applikabbli għall-attività li għaliha huwa prinċipalment intiż.

50

Issa, l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-kuntratt inkwistjoni f’dan il-każ kienx prinċipalment intiż għal attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/25.

51

Konsegwentement, ma jistax jitqies, fil-kuntest tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/25.

52

Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għat-tielet u l-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/25 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għal attivitajiet li jikkonsistu fil-provvista ta’ servizzi ta’ purtinerija, ta’ akkoljenza u ta’ kontroll tal-aċċess għall-uffiċċji tal-fornituri ta’ servizzi postali, peress li tali attivitajiet għandhom rabta mal-attività li taqa’ taħt is-settur postali, fis-sens li dawn effettivament iservu għall-eżerċizzju ta’ din l-attività billi jippermettu t-twettiq tagħha b’mod adegwat, fid-dawl tal-kundizzjonijiet normali tal-eżerċizzju tagħha.

Fuq id-domandi l-oħra

53

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet u l-ħames domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għal attivitajiet li jikkonsistu fil-provvista ta’ servizzi ta’ purtinerija, ta’ akkoljenza u ta’ kontroll tal-aċċess għall-uffiċċji tal-fornituri ta’ servizzi postali, peress li tali attivitajiet għandhom rabta mal-attività li taqa’ taħt is-settur postali, fis-sens li effettivament dawn iservu għall-eżerċizzju ta’ din l-attività billi jippermettu t-twettiq tagħha b’mod adegwat, fid-dawl tal-kundizzjonijiet normali tal-eżerċizzju tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.