SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 10(2) – Dispożizzjoni fakultattiva – Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Membru tal-familja ta’ refuġjat mhux imsemmi fl-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘persuna dipendenti’”

Fil-Kawża C‑519/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

TB

vs

Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TB, minn G. Győző, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Tornyai, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Schillemans u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár kif ukoll minn C. Cattabriga u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3), kif ukoll tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, TB, u, min-naħa l-oħra, il-Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, l-Ungerija), dwar iċ-ċaħda, minn dan l-uffiċċju, ta’ talba għal ħruġ ta’ permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-benefiċċju ta’ oħt il-persuna kkonċernata.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 4 u 8 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdu:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

[…]

(8)

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

5

L-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-possibilità għall-Istati Membri li jadottaw jew iżommu disposizzjonijiet iktar favorevoli.”

6

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)

il-konjugi ta’ l-isponsor;

b)

it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, inklużi tfal adottati […];

ċ)

it-tfal minorenni inklużu tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha […]

d)

it-tfal minorenni inklużi tfal adottati tar-raġel/mara fejn il-konjugi għandu kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha […].

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul u residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)

qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma dipendenti fuqhom u ma jgawdux appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini;

b)

it-tfal adulti mhux miżżewġa ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma oġġettivament inkapaċi li jipprovdu għall-ħtiġiet tagħhom stess minħabba l-istat ta’ saħħithom.

3.   L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul jew residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformità mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, ta’ partner mhux miżżewweġ, li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz, li miegħu l-isponsor huwa f’relazzjoni twila stabbli attestata kif xieraq, jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa marbut ma’ l-isponsor b’partnership irreġistrat skond l-Artikolu 5(2), u tat-tfal minorenni mhux miżżewġa, inklużi tfal adottati, kif ukoll it-tfal adulti mhux miżżewġa li huma oġġettivament inkapaċi li jippprovdu għall-ħtiġiet tagħhom stess minħabba l-istat ta’ saħħithom, ta’ persuni tali.

Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li partners irreġistrati għandhom ikunu ttrattati ugwalment bħal l-irġiel/in-nisa fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja.”

7

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/86, li jinsab fil-Kapitolu V tagħha, intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati”, jipprevedi:

“1.   L-Artikolu 4 għandu japplika għad-definizzjoni ta’ membri tal-familja ħlief li t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu ma’ għandux japplika għat-tfal ta’ refuġjati.

2.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja ta’ membri oħra tal-familja li ma jirreferix għalihom l-Artikolu 4, jekk huma dipendenti fuq ir-refuġjat.

3.   Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat, l-Istat Membru:

a)

għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a);

b)

jista’ jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-kustodju legali tiegħu/tagħha jew kull membru ieħor tal-familja, fejn ir-refuġjat m’għandu ebda qraba fil-linja diretta axxendenti jew qraba bħal dawn (tali) ma jkunux jistgħu jinstabu.”

8

Skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

Id-dritt Ungeriż

9

L-Artikolu 19 tal-a harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény (il-Liġi Nru II tal-2007, dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2007”) jipprovdi:

“1.   Awtorizzazzjoni ta’ residenza bil-għan li tiġi żgurata r-riunifikazzjoni tal-familja, tista’ tinkiseb minn ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu awtorizzazzjoni ta’ residenza, ta’ dħul, ta’ stabbiliment, ta’ stabbiliment provviżorju, ta’ stabbiliment nazzjonali jew ta’ stabbiliment KE kif ukoll ta’ persuna li għandha permess ta’ residenza permanenti abbażi ta’ liġi speċjali jew permess ta’ residenza permanenti (iktar ’il quddiem u b’mod ġenerali, l-‘isponsor’).

[…]

4.   Awtorizzazzjoni ta’ residenza bil-għan li tiġi żgurata r-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tinkiseb:

a)

mill-ġenitur dipendenti;

b)

mill-aħwa u mill-axxendenti u d-dixxendenti fil-linja diretta, jekk, minħabba l-istat ta’ saħħithom, ikunu f’inkapaċità li jipprovdu għall-ħtiġijiet tagħhom stess,

tal-isponsor jew tal-konjuġi tiegħu jew ta’ persuna rrikonoxxuta bħala refuġjat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fis-7 ta’ Settembru 2015, TB ingħata l-istatus ta’ refuġjat mill-awtorità kompetenti Ungeriża. Fit-12 ta’ Jannar 2016, oħt TB ippreżentat, quddiem ir-rappreżentanza diplomatika tal-Ungerija f’Teheran (l-Iran), applikazzjoni għal permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ TB u ta’ ħruġ ta’ viża li jippermettilha tikseb dan il-permess ta’ residenza.

11

Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ewwel istanza, li ġiet ikkonfermata mill-awtorità tat-tieni istanza, minħabba li, minn naħa, oħt TB kienet, bil-għan li tikseb il-permess ta’ residenza mitlub, ikkomunikat lill-awtorità kompetenti informazzjoni falza u, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tal-kwalifiki tagħha u tal-istat ta’ saħħitha, hija ma wrietx li ma kinitx kapaċi li tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha stess minħabba l-istat ta’ saħħitha peress li, skont id-dokumenti mediċi annessi mal-applikazzjoni tagħha, hija issofri minn depressjoni, li kienet teħtieġ trattament mediku regolari.

12

TB ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa jsostni b’mod partikolari li r-regola prevista fl-Artikolu 19(4)(b) tal-Liġi tal-2007, li abbażi tagħha ħut il-persuna li għandha l-kwalità ta’ refuġjat jistgħu jiksbu permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja bil-kundizzjoni li ma jkunux kapaċi li jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom minħabba l-istat ta’ saħħithom, tikser l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2003/86.

13

Il-qorti tar-rinviju, li għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din ir-regola mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, tirrileva li l-kundizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 19(4)(b) ma tikkorrispondix għal dik prevista fl-imsemmi Artikolu 10(2), li tippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, bħalma huma ħut ir-refuġjat, bil-kundizzjoni li huma jkunu “dipendenti” fuq dan tal-aħħar. Għalhekk, il-kundizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 19(4)(b) tikkorrispondi għal dik prevista fl-Artikolu 4(2)(b) u (3) tal-imsemmija direttiva fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja, mhux ta’ aħwa tar-refuġjat, iżda ta’ tfal maġġorenni mhux miżżewġa tal-isponsor jew tal-konjuġi tiegħu kif ukoll ta’ tfal maġġorenni mhux miżżewġa komuni tal-isponsor u tas-sieħeb tiegħu.

14

Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 jipprekludix li Stat Membru, li jagħmel użu mill-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni bl-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, jissuġġetta din ir-riunifikazzjoni għal kundizzjonijiet oħra minbarra dawk previsti f’din l-ewwel dispożizzjoni.

15

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva li, f’sentenza preċedenti, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) qieset, mingħajr ma għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari, li kellha tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda u li l-Artikolu 19(4)(b) tal-Liġi tal-2007 ma kienx jikser l-imsemmi Artikolu 10(2).

16

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ membri tal-familja li ma humiex imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u għalhekk jidderogaw mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” adottat f’dan l-aħħar artikolu, huma ma jistgħux, għall-kuntrarju, jidderogaw mill-kundizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 10(2), li abbażi tagħha l-imsemmija membri jistgħu jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja jekk huma jkunu dipendenti fuq ir-refuġjat.

17

Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ persuna “dipendenti”, fis-sens tad-Direttiva 2003/86.

18

F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li, fil-verżjoni tagħha fil-lingwa tal-kawża, l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jirrigwarda l-membri tal-familja li huma dipendenti fuq ir-refuġjat (“a menekült eltartottjai”), filwaqt li, fil-verżjoni Ingliża tagħha, din id-dispożizzjoni tirreferi għal dawk li jinsabu f’relazzjoni ta’ dipendenza fuq ir-refuġjat (“dependent on the refugee”). Hija tesprimi dubji fuq il-punt dwar jekk dawn l-espressjonijiet humiex kompletament ekwivalenti.

19

Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk il-kunċett ta’ persuna “dipendenti” għandux jippreżupponi evalwazzjoni globali tad-diversi elementi li jikkaratterizzaw id-dipendenza jew jekk hijiex suffiċjenti l-eżistenza ta’ wieħed biss minn dawn l-elementi, bħall-inkapaċità tal-membru tal-familja kkonċernat li jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu minħabba l-istat ta’ saħħtu, b’tali mod li Stat Membru jkun jista’, abbażi ta’ dan l-element biss, jikkunsidra li membru tal-familja li ma jissodisfax dan l-element ma huwiex dipendenti fuq l-isponsor, mingħajr ma jagħmel evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni ta’ dan il-membru. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva li, skont il-Kúria (il-Qorti Suprema), mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett jimplika dipendenza mhux biss materjali, iżda wkoll fiżika u intellettwali, fejn ir-relazzjoni ta’ persuna dipendenti tista’ għalhekk tkun ikkaratterizzata minn relazzjoni ta’ dipendenza kumplessa li l-piż materjali tagħha jikkostitwixxi biss element.

20

Fit-tielet lok, fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istati Membri humiex liberi li jimponu kwalunkwe kundizzjoni, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86, u, jekk ikun il-każ, tistaqsi dwar il-portata tal-kundizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 4(3), li tirrigwarda l-fatt li l-membri tal-familja kkonċernati huma oġġettivament f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità li jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom minħabba l-istat ta’ saħħithom.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva [2003/86] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru, meta jawtorizza, abbażi ta’ dan l-artikolu, id-dħul ta’ membru tal-familja barra ċ-ċirku ddefinit fl-Artikolu 4 jista’ jkapplika biss il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) (“dipendenti fuq ir-refuġjat”) fir-rigward ta’ dan il-membru tal-familja?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-kwalità ta’ persuna “dipendenti” (“dependency”) prevista fl-Artikolu 4(2)(a) tad-direttiva [2003/86] timplika sitwazzjoni fattwali li fiha għandhom iseħħu, b’mod konġunt, it-tipi differenti ta’ dipendenza, jew l-eżistenza fiha innifisha ta’ kwalunkwe tip ta’ dipendenza, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, hija suffiċjenti sabiex ikun hemm il-klassifikazzjoni ta’ persuna dipendenti? F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(2) [ta’ din id-direttiva] (“dipendenti fuq ir-refuġjat”) hija kompatibbli mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, billi teskludi kwalunkwe evalwazzjoni individwali, hija bbażata fuq punt wieħed ta’ fatt (il-karatteristika marbuta mad-dipendenza, “inkapaċità li jipprovdi għall-ħtiġijiet tiegħu stess minħabba l-istat ta’ saħħtu”) bħala l-unika waħda li tista’ tissodisfa din il-kundizzjoni?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda ma tkunx fl-affermattiv, u li, għaldaqstant, Stat Membru jista’ japplika kundizzjonijiet oħra apparti dik stabbilita fl-Artikolu 10(2) [tad-Direttiva 2003/86] (li jkun “dipendenti fuq ir-refuġjat”), dan jimplika li l-Istat Membru jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jimponi kwalunkwe kundizzjoni, inklużi l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) [ta’ din id-direttiva], relatati mal-grupp ta’ membri oħra tal-familja, jew inkella jista’ japplika biss il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) [tal-imsemmija direttiva]? F’dan il-każ, liema sitwazzjoni fattwali jimplika l-kunċett ta’ “objectively unable to provide for their own needs on account of their state of health” previst fl-Artikolu 4(3)? Għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-membru tal-familja ma jistax [jipprovdi] “għall-ħtiġijiet [tiegħu] stess” jew fis-sens li huwa “inkapaċi” jieħu ħsieb “tiegħu nnifsu”, jew jekk ikun il-każ f’sens ieħor?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

22

Il-Gvern Ungeriż isostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tagħhom. Fil-fatt, dawn id-domandi huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-Ungerija, permezz tal-Artikolu 19(4)(b) tal-Liġi tal-2007, implimentat l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, minkejja li dan l-Istat Membru ma nnotifikax lill-Kummissjoni b’tali informazzjoni skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26).

24

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27).

25

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-qorti tar-rinviju, bl-adozzjoni tal-Artikolu 19(4)(b) tal-Liġi tal-2007, il-leġiżlatur Ungeriż kellu l-intenzjoni jimplimenta l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri libertà tal-għażla li tifforma parti integrali tas-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan ir-rigward, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 65 sa 68).

26

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv, kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju li fih isiru d-domandi preliminari. Għaldaqstant, irrispettivament mill-kritiki espressi mill-Gvern Ungeriż fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali adottata mill-qorti tar-rinviju, l-eżami ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija minn din il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 25).

27

Il-fatt li l-Ungerija ma nnotifikatx, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/86, lill-Kummissjoni l-imsemmi Artikolu 19(4)(b) bħala miżura ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, ma huwiex biżżejjed li miżura nazzjonali ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi eskluż li l-imsemmija miżura timplimenta dispożizzjoni ta’ direttiva.

28

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

29

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86.

30

Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw, madankollu, sitwazzjonijiet differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ membri oħra tal-familja tar-refuġjat minbarra oħtu.

31

Is-sempliċi fatt li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, il-leġiżlatur Ungeriż uża termini analogi għal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ din id-direttiva ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika talba għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma sostnietx, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li l-leġiżlatur Ungeriż kellu l-intenzjoni jagħmel riferiment dirett u inkundizzjonat għal tali dispożizzjonijiet bl-adozzjoni tal-Artikolu 19(4)(b) tal-Liġi tal-2007 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 47, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 33).

32

Minn dan isegwi li ma hemmx lok li jiġi interpretat, fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86.

Fuq il-mertu

33

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jawtorizza biss ir-riunifikazzjoni ta’ oħt refuġjat jekk din tkun, minħabba l-istat ta’ saħħitha, inkapaċi li tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha.

34

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2003/86 huwa li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li jgawdu minnu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

35

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jelenka l-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għandhom jew jistgħu, skont il-każ, jirrikonoxxu dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

36

Madankollu, mill-premessa 8 tal-istess direttiva jirriżulta li din tipprevedi għar-refuġjati kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, peress li s-sitwazzjoni tagħhom titlob attenzjoni partikolari minħabba raġunijiet li ġegħluhom jaħarbu minn pajjiżhom u li jwaqqfuhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemmhekk (sentenza tat-12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 32).

37

Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet iktar favorevoli hija stabbilita fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86.

38

Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jirrendi l-Artikolu 4 tagħha applikabbli għar-refuġjati, bl-eċċezzjoni tar-riżerva li tidher fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li ma tapplikax għall-ulied ta’ refuġjati, l-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva jippermetti, barra minn hekk, lill-Istati Membri jibbenefikaw mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, fis-sens tal-imsemmija direttiva, ta’ membri tal-familja tar-refuġjat minbarra dawk imsemmija f’dan l-Artikolu 4.

39

Dan premess, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li dan l-Artikolu 10(2) huwa ta’ natura fakultattiva. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant tħalli għad-diskrezzjoni ta’ kull wieħed mill-Istati Membri d-deċiżjoni li jimplimentaw l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 2003/86 li hija tawtorizza.

40

Barra minn hekk, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali, fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi Artikolu 10(2) jagħti wkoll lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddeterminaw, fost il-membri tal-familja tar-refuġjat, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, dawk li dawn l-Istati Membri jixtiequ jippermettu r-riunifikazzjoni mar-refuġjat li jirrisjedi fit-territorju tagħhom.

41

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu 10(2) huwa, madankollu, limitat bil-kundizzjoni li għaliha din id-dispożizzjoni tissuġġetta tali implimentazzjoni. Fil-fatt, mill-kliem stess tal-imsemmi Artikolu 10(2) jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ membri oħra tal-familja tar-refuġjat, mhux imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86, jekk dawn ikunu dipendenti fuq ir-refuġjat.

42

Għalhekk, l-ewwel nett, sabiex l-imsemmija kundizzjoni ma tiġix miċħuda minn kull effett utli, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jawtorizza r-riunifikazzjoni ta’ membru tal-familja ta’ refuġjat, li ma huwiex imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, meta dan ma jkunx dipendenti fuq ir-refuġjat. Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tosservax din il-kundizzjoni tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2003/86 sa fejn din tippermetti li jingħata l-benefiċċju tal-istatus li jirriżulta minn din id-direttiva lil persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2018, Diallo, C‑246/17, EU:C:2018:499, punt 55, u tat-23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 44).

43

Din il-konstatazzjoni hija madankollu bla ħsara għall-possibbiltà, irrikonoxxuta lill-Istati Membri, fl-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva, li jagħtu, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom biss, dritt ta’ dħul u ta’ residenza b’kundizzjonijiet iktar favorevoli.

44

It-tieni nett, fir-rigward tas-sens li għandu jingħata għall-kundizzjoni ta’ ‘dipendenza’ fuq ir-refuġjat, għandu jitfakkar li jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tagħha normalment għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Issa, peress li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-imsemmija kundizzjoni, din tal-aħħar għandha tkun suġġetta għal tali interpretazzjoni awtonoma u uniformi.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-kundizzjoni li abbażi tagħha l-membru tal-familja għandu jkun dipendenti fuq l-isponsor fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.

47

Skont din il-ġurisprudenza, il-kwalità ta’ membru tal-familja “dipendenti” taċ-ċittadin tal-Unjoni li għandu d-dritt ta’ residenza jippreżupponi li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ dipendenza reali. Din id-dipendenza tirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt ikkaratterizzata mill-fatt li s-sostenn materjali tal-membru tal-familja huwa żgurat mid-detentur tad-dritt ta’ residenza (sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 43; tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 55; tas-16 ta’ Jannar 2014, Reyes, C‑423/12, EU:C:2014:16, punti 20 u 21, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 50).

48

Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali dipendenza, l-Istat Membru ospitanti għandu jevalwa jekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tiegħu, il-membru tal-familja ma huwiex f’pożizzjoni li jipprovdi għall-bżonnijiet essenzjali tiegħu. In-neċessità tas-sostenn materjali għandha teżisti fl-Istat ta’ oriġini jew ta’ provenjenza tal-membru tal-familja fil-mument fejn huwa jitlob biex jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2007, Jia, C‑1/05, EU:C:2007:1, punt 37, kif ukoll tas-16 ta’ Jannar 2014, Reyes, C‑423/12, EU:C:2014:16, punti 2230).

49

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmija ġurisprudenza sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ membru tal-familja “dipendenti”, fis-sens tad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, id-Direttivi 2004/38 u 2003/86 isegwu għanijiet simili intiżi sabiex jiġi żgurat jew imħeġġeġ, fl-Istat Membru ospitanti, ir-riunifikazzjoni tal-familja taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi oħra li jirrisjedu fih legalment.

50

Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, kif tfakkar il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86, u kif jirriżulta diġà mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni tar-refuġjati titlob attenzjoni partikolari, peress li huma kienu mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom u ma jistgħux jipprevedu li jkollhom hemmhekk ħajja tal-familja normali, li huma setgħu ġew mifruda mill-familja tagħhom matul perijodu twil qabel ma ngħatalhom l-istatus ta’ refuġjat u li huwa ta’ spiss impossibbli jew perikoluż għar-refuġjati jew għall-membri tal-familja tagħhom li jipproduċu dokumenti uffiċjali jew li jidħlu f’kuntatt mal-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2018, K u B, C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 53, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 66).

51

F’dan ir-rigward, li jiġi meħtieġ li r-refuġjat effettivament jiżgura, fid-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni, is-sostenn materjali tal-membru tal-familja tiegħu fl-Istat tal-oriġini jew fil-pajjiż ta’ provenjenza ta’ dan tal-aħħar jista’ jkollu bħala konsegwenza li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 membri tal-familja tar-refuġjat li huma realment dipendenti fuqu, għar-raġuni biss li r-refuġjat ma huwiex jew ma għadux f’pożizzjoni li jipprovdilhom is-sostenn materjali li huwa neċessarju għalihom sabiex jaqdu l-bżonnijiet essenzjali tagħhom fl-Istat tal-oriġini tagħhom jew fil-pajjiż ta’ provenjenza tagħhom. Issa, ma jistax jiġi eskluż li r-refuġjat ma jkunx jew ma għadux f’pożizzjoni li jiżgura tali sostenn minħabba elementi indipendenti mir-rieda tiegħu, bħalma huwa l-impossibbiltà fiżika li jipprovdi l-fondi neċessarji jew il-biża’ li jipperikola s-sigurtà tal-membri tal-familja tiegħu billi jidħol f’kuntatt magħhom.

52

Għalhekk, il-membru tal-familja ta’ refuġjat għandu jitqies li huwa dipendenti fuqu, fis-sens tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, meta dan huwa realment dipendenti fis-sens li, minn naħa, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tiegħu, huwa ma huwiex f’pożizzjoni li jipprovdi għall-bżonnijiet essenzjali tiegħu fl-Istat ta’ oriġini jew ta’ provenjenza tiegħu, fid-data li fiha huwa jitlob li jingħaqad mar-refuġjat, u li, min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li s-sostenn materjali tiegħu jkun effettivament żgurat mir-refuġjat, jew li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, bħall-grad ta’ parentela tal-membru tal-familja kkonċernat mar-refuġjat, in-natura u s-solidità tar-rabtiet familjari l-oħra tiegħu kif ukoll l-età u s-sitwazzjoni ekonomika tal-ġenituri l-oħra tiegħu, ir-refuġjat jidher li huwa l-membru tal-familja l-iktar kapaċi li jiżgura s-sostenn materjali meħtieġ.

53

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 li jimponi eżami individwali tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, li fil-kuntest tiegħu, kif jirriżulta mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva, għandhom, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi marbuta mal-kwalità ta’ refuġjat tal-isponsor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u B, C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 53).

54

It-tielet nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, l-imsemmi Artikolu 10(2) jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ dipendenza tal-membru tal-familja fir-rigward tar-refuġjat filwaqt li, f’verżjonijiet oħra, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-kwalità ta’ membru tal-familja dipendenti tal-imsemmi refuġjat, tali diverġenza hija mingħajr rilevanza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 10(2).

55

Għandu jiġi rrilevat, fit-tielet lok, li, matul l-implimentazzjoni tal-fakultà mogħtija lilhom mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu rekwiżiti addizzjonali relatati man-natura tar-rabta ta’ dipendenza imposta minn din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari billi jissuġġettaw ir-rikonoxximent tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/86 għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja tar-refuġjat ikkonċernati jkunu dipendenti fuq dan tal-aħħar minħabba ċerti raġunijiet.

56

Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn ir-refuġjat u l-membru tal-familja tiegħu għandha tiġi interpretata fis-sens li hija intiża li teskludi mill-benefiċċju tal-fakultà rrikonoxxuta fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 il-membri tal-familja tar-refuġjat, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li ma humiex dipendenti fuqu, mingħajr madankollu ma jimponi fuq l-Istat Membru, li jiddeċiedi li jimplimenta tali fakultà, l-obbligu li awtomatikament jirrikonoxxi lill-membri tal-familja kollha ta’ refuġjat jew parti minnhom, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, dritt għar-riunifikazzjoni minn meta dawn ikunu dipendenti fuq ir-refuġjat.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li d-differenzi li jistgħu jirriżultaw mill-fatt li kull Stat Membru huwa għalhekk liberu li jippreċiża n-natura tar-rabta ta’ dipendenza li tippermetti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li l-membri tal-familja tar-refuġjat, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86, jibbenefikaw minn dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, fis-sens tal-imsemmija direttiva, huma perfettament konċiljabbli man-natura u l-għan tal-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, mill-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta diġà li dan l-Artikolu 10(2) tfassal mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala dispożizzjoni fakultattiva li l-implimentazzjoni tagħha tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, b’tali mod li d-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw tali fakultà jirriżultaw naturalment mill-għażla tal-imsemmi leġiżlatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 47).

58

Min-naħa l-oħra, il-fakultà mogħtija b’dan il-mod lill-Istati Membri li jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali, bħala tali, ma tippreġudikax l-għanijiet imfittxija b’mod ġenerali mid-Direttiva 2003/86, kif stabbiliti fil-premessi 4 u 8 tagħha, u li huma li jiffaċilitaw l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati billi jippermettulhom li jgħixu ħajja tal-familja normali u li jipprevedu kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju, mir-refuġjati, tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, bl-użu tal-fakultà miftuħa fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva u bl-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni ta’ membri tal-familja tar-refuġjat, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva, l-Istat Membru kkonċernat jiffavorixxi diġà t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, anki meta jissuġġetta din ir-riunifikazzjoni għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dik prevista f’dan l-Artikolu 10(2).

59

Għall-kuntrarju, il-projbizzjoni ta’ Stat Membru li jipprevedi tali rekwiżiti addizzjonali tmur kontra l-loġika stess tal-imsemmi Artikolu 10(2), li, kif ġie stabbilit fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, jippermetti lill-Istati Membri kemm li jiddeċiedu li ma jirrikonoxxu lil ebda wieħed mill-membri tal-familja tar-refuġjat, imsemmija minn din id-dispożizzjoni, dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja kif ukoll li jiddeterminaw b’mod liberu liema mill-imsemmija membri jistgħu jibbenefikaw minn tali dritt għar-riunifikazzjoni.

60

Barra minn hekk, tali projbizzjoni tista’ tmur kontra l-għanijiet imfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza billi tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrinunzjaw għall-implimentazzjoni tal-fakultà prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86.

61

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll, fir-raba’ lok, li, meta jeżerċitaw il-fakultà mogħtija lilhom mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

62

Għaldaqstant, il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija rrikonoxxuta lill-Istati Membri mill-imsemmi Artikolu 10(2) ma għandux, qabelxejn, jiġi eżerċitat minnhom b’mod li jiġi ppreġudikat l-għan tad-Direttiva 2003/86 u l-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 53).

63

F’dan ir-rigward, kif ġie stabbilit fil-punti 36, 50 u 53 ta’ din is-sentenza, minn naħa, is-sitwazzjoni tar-refuġjati titlob attenzjoni partikolari fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jimponi eżami individwali tal-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja.

64

Sussegwentement, kif ikkonfermat, fil-fatt, mill-kumplament tal-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86, din għandha tosserva l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

65

Ċertament, id-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jċaħħdu lill-Istati Membri mill-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom meta jiddeċiedu li jimplimentaw l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 u jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati skont din id-dispożizzjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati u applikati, matul dan l-eżami, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta li jistabbilixxi, fost drittijiet oħra, dak tar-rispett tal-ħajja tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 28).

66

Fl-aħħar nett, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-mezzi implimentati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 għandhom ikunu adatti għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tal-21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 42).

67

Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-fakultà prevista fl-imsemmi Artikolu 10(2), għandha tosserva kemm id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma għandhiex tostakola eżami individwali tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, peress li dan l-eżami għandu, barra minn hekk, jitwettaq b’teħid inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-refuġjati.

68

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, li għandu jiġi eżaminat, fl-aħħar lok, jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 jipprekludix li Stat Membru jirrikonoxxi d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ oħtu refuġjat biss jekk din tal-aħħar ma tkunx kapaċi li tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha minħabba l-istat ta’ saħħitha.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li oħt refuġjat ma hijiex parti mill-membri tal-familja tal-isponsor imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86. Għaldaqstant, huwa possibbli li Stat Membru jirrikonoxxi lil tali membru tal-familja ta’ refuġjat dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, skont l-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva.

70

It-tieni nett, minn dak li ġie espost fil-punti 54 sa 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-imsemmi Artikolu 10(2) ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-istabbiliment, mill-Istati Membri, ta’ kundizzjoni addizzjonali li tikkonsisti fir-rekwiżit li r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn ir-refuġjat u l-membru tal-familja tiegħu tinħoloq mill-istat ta’ saħħa ta’ dan tal-aħħar.

71

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ armonizzazzjoni iktar preċiża, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta b’mod speċifiku lill-Istati Membri, fl-Artikolu 4(2)(b) u (3) tad-Direttiva 2003/86, li jissuġġettaw id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal kundizzjoni simili.

72

Madankollu, jirriżulta wkoll mill-punt 42 ta’ din is-sentenza li, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, Stat Membru ma jistax jippermetti lill-oħt refuġjat tibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, mingħajr ma din tkun dipendenti fuq ir-refuġjat, li jimplika, kif intwera fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, mhux biss li oħt ir-refuġjat ma tkunx f’pożizzjoni li tipprovdi għall-bżonnijiet essenzjali tagħha, iżda wkoll li jiġi stabbilit li s-sostenn materjali tagħha jkun effettivament żgurat mir-refuġjat, jew li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, ir-refuġjat jidher li huwa l-membru tal-familja l-iktar kapaċi li jiżgura s-sostenn materjali meħtieġ.

73

Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-punti 53 u 63 ta’ din is-sentenza li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati jipproċedu għal eżami individwali tal-osservanza tal-kundizzjoni li oħt ir-refuġjat għandha tkun dipendenti fuq dan tal-aħħar minħabba l-istat ta’ saħħitha.

74

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li tali applikazzjoni ma tistax tiġi miċħuda għar-raġuni biss li l-marda li ssofri minnha oħt ir-refuġjat hija kkunsidrata, b’mod awtomatiku, bħala li ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi tali relazzjoni ta’ dipendenza.

75

B’mod partikolari, l-eżami individwali tal-applikazzjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod bilanċjat u raġonevoli, l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni personali ta’ oħt ir-refuġjat bħall-età tagħha, il-livell ta’ edukazzjoni tagħha, is-sitwazzjoni professjonali u finanzjarja tagħha kif ukoll l-istat ta’ saħħitha. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom, barra minn hekk, jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-portata tal-bżonnijiet tista’ tvarja ħafna skont l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun, C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 48), kif ukoll is-sitwazzjoni partikolari tar-refuġjati, b’mod partikolari diffikultajiet speċifiċi li jaffaċċjaw fir-rigward tal-kisba ta’ provi fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

76

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dritt nazzjonali tagħha u, b’mod partikolari, l-Artikolu 19(4)(b) tal-Liġi tal-2007, b’mod konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jawtorizza r-riunifikazzjoni tal-familja ta’ oħt refuġjat biss jekk din tkun, minħabba l-istat ta’ saħħitha, inkapaċi li tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha, sakemm:

minn naħa, l-imsemmija inkapaċità tiġi evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari li jkunu jinsabu fiha r-refuġjati u wara eżami individwali li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, u

min-naħa l-oħra, jista’ jiġi stabbilit, fid-dawl ukoll tas-sitwazzjoni partikolari li jkunu jinsabu fiha r-refuġjati u wara eżami individwali li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, li s-sostenn materjali tal-persuna kkonċernata huwa effettivament żgurat mir-refuġjat, jew li r-refuġjat jidher li huwa l-membru tal-familja l-iktar kapaċi li jiżgura s-sostenn materjali meħtieġ.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jawtorizza r-riunifikazzjoni tal-familja ta’ oħt refuġjat biss jekk din tkun, minħabba l-istat ta’ saħħitha, inkapaċi li tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha, sakemm:

 

minn naħa, l-imsemmija inkapaċità tiġi evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari li jkunu jinsabu fiha r-refuġjati u wara eżami individwali li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, u

 

min-naħa l-oħra, jista’ jiġi stabbilit, fid-dawl ukoll tas-sitwazzjoni partikolari li jkunu jinsabu fiha r-refuġjati u wara eżami individwali li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, li s-sostenn materjali tal-persuna kkonċernata huwa effettivament żgurat mir-refuġjat, jew li r-refuġjat jidher li huwa l-membru tal-familja l-iktar kapaċi li jiżgura s-sostenn materjali meħtieġ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.