SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

24 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri – Trasport bil-ferrovija – Kuntratti għal servizz pubbliku – Għoti dirett – Obbligu ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż rigward l-għoti dirett – Portata”

Fil-Kawża C‑515/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

vs

Regione autonoma della Sardegna,

fil-preżenza ta’:

Trenitalia SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, minn S. Gattamelata, avvocato,

għar-Regione autonoma della Sardegna, minn S. Sau u A. Camba, avvocatesse,

għal Trenitalia SpA, minn L. Torchia u F. G. Albisinni, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u G. Conte, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li Tiżgura l-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) u, min-naħa l-oħra, ir-Regione autonoma della Sardegna (ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna, l-Italja) (iktar ’il quddiem ir-“Reġjun ta’ Sardegna”) rigward l-għoti dirett lil Trenitalia SpA, mir-Reġjun ta’ Sardegna, ta’ kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 25, 29 u 30 tar-Regolament Nru 1370/2007 jgħidu:

“(25)

It-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq il-ferroviji jqajjem kwistjonijiet speċifiċi ta’ piż ta’ l-investimenti u l-ispiża infrastrutturali. F’Marzu 2004, il-Kummissjoni [Ewropea] ppreżentat proposta biex temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341)], sabiex tiżgura aċċess lill-impriżi ferrovjarji kollha tal-Komunità għall-infrastruttura ta’ kull Stat Membru bil-għan li jiġu mħaddma servizzi internazzjonali tal-passiġġieri. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi qafas legali għall-kumpens u/jew drittijiet esklussivi għal kuntratti għal servizz pubbliku u mhux il-ftuħ ulterjuri tas-suq għal servizzi tal-ferroviji.

[…]

(29)

Bil-ħsieb li jingħata kuntratt ta’ servizz pubbiku bl-eċċezzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza u kuntratti fir-rigward ta’ distanzi modesti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirreklamaw, mill-inqas sena minn qabel, il-fatt, li għandhom il-ħsieb li jagħtu tali kuntratti, sabiex l-operaturi potenzjali jkunu jistgħu jirreaġixxu.

(30)

Kuntratti għal servizz pubbliku li jingħataw direttament għandhom ikunu soġġetti għal aktar trasparenza.”

4

L-Artikolu 2(h) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-“għotja diretta” bħala l-“għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel”.

5

L-Artikolu 5(6) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu direttament kuntratti għal servizz pubbliku fejn jikkonċernaw trasport bil-ferrovija bl-eċċezzjoni ta’ mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm. B’deroga mill-Artikolu 4(3), tali kuntratti m’għandhomx jeċċedu l-10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).”

6

L-Artikolu 7(2) sa (4) tal-istess regolament jipprevedi:

“2.   Kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li, għall-inqas darba fis-sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jew sena qabel l-għoti dirett, mill-inqas din l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea:

a)

l-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità kompetenti;

b)

it-tip ta’ għotja kkunsidrata;

ċ)

is-servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għotja.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jippubblikawx din l-informazzjoni fejn kuntratt għal servizz pubbliku jikkonċerna l-forniment annwali ta’ anqas minn 50000 kilometru ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri.

Fil-każ li din l-informazzjoni tinbidel wara l-pubblikazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tippubblika rettifika f’dan is-sens mill-aktar fis possibbli. Din ir-rettifika għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-data ta’ tnedija ta’ l-għotja diretta jew is-sejħa għall-offerti.

Dan il-paragrafu m’għandux japplika għall-Artikolu 5(5).

3.   Fil-każ ta’ kuntratti ta’ għotja diretta ta’ servizz pubbliku għal trasport bil-ferrovija kif previst fl-Artikolu 5(6), l-awtorità kompetenti għandha tagħmel pubbliku l-informazzjoni li ġejja fi żmien sena wara li tingħata l-għotja:

a)

l-isem ta’ l-entità kontraenti u l-proprjetarji tagħha u, jekk ikun jixraq, l-isem tal-parti jew partijiet li jkunu jeżerċitaw kontroll legali;

b)

tul ta’ żmien tal-kuntratt għal servizz pubbliku;

c)

deskrizzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri li għandhom isiru;

d)

deskrizzjoni tal-parametri tal-kumpens finanzjarju;

e)

miri ta’ kwalità, bħal m’huma l-puntwalità u l-affidabilità u premjijiet u pieni applikabbli;

f)

kondizzjonijiet relatati ma’ assi essenzjali.

4.   Fuq talba minn parti interessata, awtorità kompetenti għandha tgħaddilha r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għall-għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku.”

7

Ir-Regolament Nru 1370/2007 ġie emendat permezz tar-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 22). Peress li dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2017, huwa ma huwiex applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

Id-dritt Taljan

8

L-Artikolu 61 tal-legge n. 99 – Disposizioni per lo sviluppo e l’internazionalizzazione delle imprese, nonché in materia di energia (il-Liġi Nru 99 dwar Miżuri għall-Iżvilupp u l-Internazzjonalizzazzjoni tal-Impriżi, Anki Fir-Rigward tal-Enerġija), tat-23 ta’ Lulju 2009 (GURI Nru 176, tal-31 ta’ Lulju 2009), jipprevedi:

“L-awtoritajiet kompetenti sabiex jaġġudikaw il-kuntratti ta’ servizzi, inkluż b’deroga mir-regoli tas-settur, jistgħu jużaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2), (4), (5) u (6), u tal-Artikolu 8(2) tar-[Regolament Nru 1370/2007]. Għall-kumpanniji li, fl-Italja jew barra mill-pajjiż, jaġġudikaw kuntratti ta’ servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi [Regolament Nru 1370/2007] ma tapplikax l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 18(2)(a) tad-[decreto legislativo n. 422 – Conferimento alle regioni ed agli enti locali di funzioni e compiti in materia di trasporto pubblico locale, a norma dell’articolo 4, comma 4, della legge 15 marzo 1997, n. 59 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 422 dwar l-Għoti lir-Reġjuni u lill-Entitajiet Lokali ta’ Funzjonijiet u ta’ Kompiti fil-Qasam tat-Trasport Pubbliku Lokali skont l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 59, tal-15 ta’ Marzu 1997), tad-19 ta’ Novembru 1997 (GURI Nru 287, tal-10 ta’ Diċembru 1997, p. 4)].”

9

Id-decreto legislativo n. 50 – Attuazione delle direttive 2014/23/UE, 2014/24/UE e 2014/25/UE sull’aggiudicazione dei contratti di concessione, sugli appalti pubblici e sulle procedure d’appalto degli enti erogatori nei settori dell’acqua, dell’energia, dei trasporti e dei servizi postali, nonché per il riordino della disciplina vigente in materia di contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 li Jistabbilixxi Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE dwar l-Għoti ta’ Kuntratti ta’ Konċessjoni, tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-Akkwist Pubbliku u tad-Direttiva 2014/25/UE dwar l-Akkwist minn Entitajiet li Joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Eneġija, it-Trasport u Postali, kif ukoll dwar ir-Riforma tal-Leġiżlazzjoni fis-Seħħ fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti), tat-18 ta’ April 2016 (GURI Nru 91, tad-19 ta’ April 2016) jikkostitwixxi l-Codice dei contratti pubblici l-ġdid (il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi).

10

L-Artikolu 4 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“L-għoti tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti li jkunu esklużi, għal kollox jew parzjalment, mill-applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi, għandu josserva l-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effikaċja, ta’ imparzjalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ pubbliċità, ta’ protezzjoni tal-ambjent u ta’ effikaċja f’termini ta’ enerġija.”

11

L-Artikolu 17(1)(i) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Il-Kodiċi ma japplikax għall-kuntratti pubbliċi u għall-konċessjonijiet ta’ servizzi li jirrigwardaw is-servizzi ta’ trasport pubbliku bil-ferrovija u bil-metro.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fid-29 ta’ Diċembru 2015, ir-Reġjun ta’ Sardegna ppubblika, taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, avviż ta’ informazzjoni minn qabel rigward għoti dirett ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport bil-ferrovija.

13

Wara din il-pubblikazzjoni, huwa rċieva, minbarra l-proposta tal-operatur stabbilit Trenitalia, żewġ espressjonijiet ta’ interess min-naħa ta’ operaturi ekonomiċi attivi f’dan is-settur. Wieħed minn dawn l-operaturi, f’dan il-kuntest, talab l-indikazzjoni, mir-reġjun ta’ Sardegna, tal-qafas formali li fih kienet ser tiżvolġi s-sejħa għal offerti kif ukoll dokumentazzjoni supplimentari li tinkludi informazzjoni iktar iddettaljata.

14

Peress li qies li ma għandux jipproċedi b’sejħa għal offerti, ir-reġjun ta’ Sardegna, wara negozjar ma’ Trenitalia, ta direttament lil din tal-aħħar, b’deċiżjonijiet tas-27 ta’ Ġunju u tas-17 ta’ Lulju 2017, is-servizz ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija reġjonali, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2025.

15

Wara li rċeviet senjalazzjoni marbuta ma’ allegati difetti li jaffettwaw din il-proċedura ta’ għoti dirett, l-AGCM ippreżentat rikors kontra dan l-għoti quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna, l-Italja).

16

Quddiem din il-qorti, l-AGCM issostni li l-għoti dirett għandu jkun iggwidat mill-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza. Din l-awtorità tfakkar li l-premessi 29 u 30 tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedu l-pubblikazzjoni tal-intenzjoni tal-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku sabiex eventwali operaturi jkunu jistgħu jirreaġixxu u, fil-każ ta’ għoti dirett, sabiex ikun hemm iktar trasparenza. Barra minn hekk, hija tenfasizza li peress li l-għan tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament huwa li jagħti lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jħejju proposta fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti dirett, ir-reġjun ta’ Sardegna kellu jitlob lill-operatur stabbilit sabiex jikkomunika d-data kollha fil-pussess tiegħu fir-rigward tal-livell tat-talba, in-numru ta’ impjegati, il-materjal fuq ir-roti u informazzjoni oħra, sabiex iqiegħdhom għad-dispożizzjoni tal-operaturi ekonomiċi l-oħra li jkunu esprimew l-interess tagħhom.

17

Fil-fatt, skont l-AGCM, awtorità reġjonali li għandha l-intenzjoni li tipproċedi b’għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi ekonomiċi potenzjalment interessati l-informazzjoni kollha neċessarja għall-formulazzjoni ta’ offerta kummerċjali. Barra minn hekk, hija għandha twettaq analiżi komparattiva tal-offerti sottomessi wara informazzjoni minn qabel magħmula skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 u timmotiva l-għażla tal-operatur ekonomiku li jingħata l-kuntratt.

18

Min-naħa l-oħra, skont ir-reġjun ta’ Sardegna, sostnut minn Trenitalia, ir-rekwiżiti proċedurali kollha meħtieġa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti dirett ġew osservati u analiżi komparattiva jew tqegħid f’kompetizzjoni ta’ offerti jew ta’ espressjonijiet ta’ interess eventwalment irċevuti jmorru kontra n-natura nfisha tal-proċedura ta’ għoti dirett, kif jipprevediha r-Regolament Nru 1370/2007.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tat-23 ta’ Ottubru 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga, lill-awtorità kompetenti li tkun sejra twettaq l-aġġudikazzjoni diretta tal-kuntratt, li tieħu l-passi neċessarji sabiex tippubblika jew tikkomunika lill-operaturi kollha potenzjalment interessati fil-ġestjoni tas-servizz l-informazzjoni neċessarja sabiex jippreżentaw offerta serja u raġjonevoli?

2)

L-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tat-23 ta’ Ottubru 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti, qabel ma tipproċedi bl-aġġudikazzjoni diretta tal-kuntratt, għandha tivvaluta b’mod komparattiv l-offerti kollha ta’ ġestjoni tas-servizz eventwalment riċevuti wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ informazzjoni minn qabel previst fl-imsemmi Artikolu 7(4)?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) u (4) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkollhom l-intenzjoni li jagħtu direttament kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija huma obbligati, minn naħa, li jippubblikaw jew li jikkomunikaw lill-operaturi ekonomiċi interessati l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikunu jistgħu jħejju offerta suffiċjentement iddettaljata u li tista’ tiġi vvalutata b’mod komparattiv u, min-naħa l-oħra, li jwettqu tali valutazzjoni komparattiva tal-offerti kollha eventwalment irċevuti wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

21

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi li kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex, mill-inqas sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għal offerti jew sena qabel l-għoti dirett, tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ċerta informazzjoni minima li din id-dispożizzjoni ssemmi b’mod espliċitu. Skont din id-dispożizzjoni, l-informazzjoni minima hija l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti, it-tip ta’ għoti previst kif ukoll is-servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għoti.

22

L-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament jeżiġi li, fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, l-awtorità kompetenti għandha tikkomunikalha l-motivi tad-deċiżjoni tagħha rigward l-għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku.

23

Sabiex jiġi stabbilit jekk, kif issostni l-AGCM, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligawx lill-awtorità kompetenti tippubblika jew tikkomunika l-informazzjoni li hija neċessarja sabiex issir valutazzjoni komparattiva tal-offerti eventwalment irċevuti u sabiex issir sejħa għal offerti effettiva, hemm lok, skont ġurisprudenza stabbilita, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li huma jagħmlu parti minnha, peress li l-oriġini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fir-rigward, qabel kollox, tal-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li huma ma jeżiġux li tiġi ppubblikata jew ikkomunikata informazzjoni dwar l-għoti previst li tippermetti t-tħejjija ta’ offerta li tista’ tkun is-suġġett ta’ valutazzjoni komparattiva u li huma lanqas ma jipprevedu li tiġi organizzata valutazzjoni komparattiva tal-offerti eventwalment irċevuti wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

25

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 sempliċement jelenka l-elementi ta’ informazzjoni li l-awtorità kompetenti għandha neċessarjament tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, mill-inqas sena qabel l-għoti dirett. Barra minn hekk, l-imsemmija elementi ta’ informazzjoni ma jippermettux, waħedhom, li titħejja offerta li tista’ tkun is-suġġett ta’ valutazzjoni komparattiva. Biżżejjed jingħad, f’dan ir-rigward, li l-unika informazzjoni fuq il-kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija li l-awtorità kompetenti jkollha l-intenzjoni li tagħti direttament, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tirreferi għas-“servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għotja”. Din l-informazzjoni ma tqiegħedx lil operatur interessat f’pożizzjoni li jkun jista’ jiddetermina l-karatteristiċi konkreti tal-kuntratt previst.

26

Fir-rigward tal-obbligu li tiġi kkomunikata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni marbuta mal-għoti dirett, imsemmija fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1370/2007, għandu jiġi osservat, min-naħa l-oħra, li ma jistax jiġi dedott mit-test innifsu ta’ din id-dispożizzjoni li dan l-obbligu jirreferi mhux biss għar-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kompetenti sabiex tirrikorri għal għoti dirett, iżda wkoll għall-evalwazzjonijiet kwantitattivi jew kwalitattivi tal-offerti li l-awtorità kompetenti tkun eventwalment irċeviet.

27

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) u (4) tar-Regolament Nru 1370/2007 u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li huma jagħmlu parti minnha, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli marbuta mal-għoti, dirett jew permezz ta’ sejħa għal offerti, tal-kuntratti għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq.

28

L-Artikolu 2(h) tal-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jagħmel distinzjoni bejn żewġ skemi għall-għoti tal-kuntratti għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq billi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “għoti dirett” bħala l-għoti ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel.

29

Għaldaqstant, l-“għoti dirett” jeskludi kwalunkwe sejħa għal offerti minn qabel.

30

Issa, kieku d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) u (4) tar-Regolament Nru 1370/2007 kellhom jinftiehmu fis-sens li huma jintroduċu skema ta’ pubbliċità sostanzjalment analoga għal dik li tikkaratterizza s-sejħa għal offerti u li huma jeżiġu valutazzjoni komparattiva tal-offerti eventwalment irċevuti, tali interpretazzjoni twassal sabiex il-proċedura ta’ għoti dirett tiġi assimilata għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti u tinjora b’dan il-mod id-differenzi sinjifikattivi li r-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi fir-rigward tagħhom.

31

Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, kif huwa msemmi fil-premessa 25 tar-Regolament Nru 1370/2007, li dan ir-regolament għandu bħala għan mhux il-ftuħ ulterjuri tas-suq tas-servizzi tal-ferrovija, iżda li jistabbilixxi qafas legali fil-qasam tal-għoti ta’ kumpens u/jew ta’ drittijiet esklużivi għall-kuntratti għal servizz pubbliku.

32

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, skont il-premessa 30 tiegħu, l-imsemmi regolament jipprova jistabbilixxi livell ogħla ta’ trasparenza għall-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija direttament u li, skont il-premessa 29 tiegħu, il-miżuri ta’ pubbliċità previsti fl-Artikolu 7(2) huma intiżi sabiex jippermettu lill-eventwali operaturi jirreaġixxu.

33

Għaldaqstant l-informazzjoni ppubblikata taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandha tippermetti lil operatur ekonomiku jikkontesta, mill-mument li hemm riferiment għalih f’din id-dispożizzjoni, il-prinċipju nnifsu tal-għoti dirett previst mill-awtorità kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Rudigier, C‑518/17, EU:C:2018:757, punti 64 u 66). Minkejja li, għaldaqstant, għandha tiġi ggarantita l-effettività ta’ tali dritt ta’ kontestazzjoni, jibqa’ l-fatt li kontestazzjoni rigward il-prinċipju nnifsu tal-għoti dirett tal-kuntratt għal servizz pubbliku tista’ ssir b’mod utli minn operatur ekonomiku mingħajr ma jiġi impost, minn qabel, fuq l-awtorità kompetenti l-obbligu li tippubblika jew li tikkomunika lill-operaturi ekonomiċi interessati l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex dawn ikunu jistgħu jissottomettu offerta serja u raġonevoli.

34

Fl-aħħar nett, l-oriġini tal-Artikolu 7(2) u (4) tar-Regolament Nru 1370/2007 tikkonferma wkoll l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni.

35

F’dan ir-rigward, kif enfasizza l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma adottax proposta tal-Kummissjoni, sottomessa fil-kuntest tax-xogħol ta’ tħejjija tar-Regolament Nru 1370/2007, li kienet fis-sens ta’ ftuħ ulterjuri tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, din l-istituzzjoni kienet fost l-oħrajn ipprevediet, għall-kuntratti mogħtija direttament, li operaturi potenzjali oħra jistgħu, fis-sitt xhur wara l-avviż ta’ informazzjoni minn qabel, jissottomettu lill-awtorità kompetenti, b’mod fakultattiv, offerta sabiex jiġi kkontestati r-riżultati miksuba preċedentement mill-operatur li għaliha kien intiż l-għoti dirett. Skont din il-proposta, l-awtorità kompetenti kellha teżamina tali offerti u tikkomunika l-motivi li wasslu sabiex taċċettahom jew tirrifjutahom (Artikolu 7(2) tal-proposta emendata tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjoni mill-Istati Membri rigward rekwiżit ta’ servizz pubbliku u rigwad l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (COM(2002) 107 finali, tal-21 ta’ Frar 2002 (ĠU 2002, C 151 E, p. 146)).

36

Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel verżjoni tal-Artikolu 7(2) u (4) tar-Regolament Nru 1370/2007, li ma ssemmi bl-ebda mod kwalunkwe obbligu li jiġu vvalutati b’mod komparattiv l-offerti eventwalment irċevuti wara l-pubblikazzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 7(2).

37

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(2) u (4) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkollhom l-intenzjoni li jagħtu direttament kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija ma humiex obbligati, minn naħa, li jippubblikaw jew li jikkomunikaw lill-operaturi ekonomiċi eventwalment interessati l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikunu jistgħu jħejju offerta suffiċjentement iddettaljata u li tista’ tiġi vvalutata b’mod komparattiv u, min-naħa l-oħra, li jwettqu tali valutazzjoni komparattiva tal-offerti kollha eventwalment irċevuti wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkollhom l-intenzjoni li jagħtu direttament kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija ma humiex obbligati, minn naħa, li jippubblikaw jew li jikkomunikaw lill-operaturi ekonomiċi eventwalment interessati l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikunu jistgħu jħejju offerta suffiċjentement iddettaljata u li tista’ tiġi vvalutata b’mod komparattiv u, min-naħa l-oħra, li jwettqu tali valutazzjoni komparattiva tal-offerti kollha eventwalment irċevuti wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.