SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni 2009/402/KE – Pjanijiet ta’ kontinġenza fis-settur tal-frott u l-ħaxix implimentati mir-Repubblika Franċiża – Konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal‑għajnuna – Ordni ta’ rkupru – Kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni – Kumitati ekonomiċi agrikoli”

Fil-Kawża C‑505/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

Copebi SCA

vs

Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer),

fil-preżenza ta’:

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Copebi SCA, minn N. Coutrelis, avocate,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn C. Mosser u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Stromsky, X. Lewis u W. Farrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ s-sentenza mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/402/KE tat‑28 ta’ Jannar 2009 dwar il-pjanijiet ta’ kontinġenza fis-settur tal-frott u l-ħaxix implimentati minn Franza (ĠU 2009, L 127, p. 11).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Copebi SCA u Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer), fir-rigward tal-annullament ta’ titolu ta’ kreditu maħruġ kontriha minn FranceAgriMer, għall-finijiet tal-irkupru ta’ somma korrispondenti għar-rimbors ta’ għajnuna pubblika li kienet tħallset lilha bejn is-snin 1998 u 2002 u l-interessi korrispondenti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

3

L-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108] TFUE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

h)

‘parti interessata’ għandha tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

4

L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi:

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji [għandha tesponi r-raġunijiet li joħolqu dubji] dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.”

Id-Deċiżjoni 2009/402

5

Il-premessi 15, 17, 24 sa 27, 29 u 71 tad-Deċiżjoni 2009/402 huma redatti kif ġej:

“(15)

Tmien kumitati agri-ekonomiċi (Rhône-Méditerranée, Grand Sud-Ouest, Corse, Val de Loire, Nord, Nord-Est, Bretagne u Normandie) irċevew fondi pubbliċi matul għadd ta’ snin, ipprovduti l-aktar minn [Office national interprofessionnel des fruits, des légumes et de l’horticulture (Oniflhor)]. Il-fondi ntużaw biex jiffinanzjaw għajnuna magħrufa bħala ‘pjanijiet ta’ kontinġenza’, li jinkludu miżuri fis-swieq kemm tal-Komunità kif ukoll ta’ barra, bil-għan li jħaffu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli maħsudin fi Franza, partikolarment f’perjodi ta’ kriżi.

[…]

(17)

F’dak li jirrigwarda n-natura preċiża tal-miżuri, b’ittra tas‑26 ta’ Diċembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li xtaqu jipprevjenu jew, f’każ ta’ kriżi, itaffu l-effetti ta’ sitwazzjoni fejn l-offerta tisboq b’mod temporanju d-domanda, billi jaġixxu fuq tliet livelli: is-swieq barranin, is-suq intern u l-ipproċessar.

[…]

(24)

Fl-ittra tas‑26 ta’ Diċembru 2002, Franza spjegat li 30 %-50 % tal-finanzjament ta’ dawn il-miżuri ġie kopert mis-setturi kkonċernati, filwaqt li l-bqija ġiet koperta minn fondi pubbliċi.

(25)

Il-[Fédération des comités économiques agricoles rattachés à la filière de production des fruits et légumes (iktar ’il quddiem il- “Fedecom”)] spjega b’mod dettaljat il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-‘pjanijiet ta’ kontinġenza’ kif ukoll ir-rwol tal-kumitati. Dawn l-ispjegazzjonijiet ma ġewx ikkuntestati minn Franza.

(26)

Skont [il-Fedecom], il-miżuri li kellhom jiġu applikati ġew iddeterminati esklussivament minn [Oniflhor], u l-kumitati ekonomiċi kienu obbligati li japplikawhom. Fil-waqt ta’ kull pjan ta’ kontinġenza u għal kull tip ta’ pjanta, [Oniflhor] iddeċieda l-miżuri li kellhom jittieħdu u ta lis-sezzjoni nazzjonali kkonċernata l-kompitu tal-implimentazzjoni tagħhom. [Oniflhor] iddeċieda wkoll l-ammonti allokati lill-pjanijiet inkwistjoni, kif ukoll l-ammont tal-kontributi li kellu jitħallas mill-kumitati ekonomiċi.

(27)

Il-miżuri kienu ffinanzjati minn fond operazzjonali amministrat mill-kumitati ekonomiċi. Dan il-fond kien jitmexxa fuq l-istess prinċipji bħal dawk li jirregolaw l-għajnuna Komunitarja pprovduta bl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat‑28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex [ĠU 1996, L 297, p. 1], billi parti mill-finanzjament ġie minn fondi pubbliċi u parti minn kontributi finanzjarji mill-produtturi membri (magħrufa bħala kontributi settorjali), skont il-kwantità jew il-valur tal-frott u l-ħaxix imqiegħed fis-suq. Il-kontributi settorjali ma kinux magħmulin minn kontributi għall-estensjoni tar-regoli. Għaldaqstant, ma kinux obbligatorji skont digriet ministerjali.

[…]

(29)

[Tabella li tinsab f’din il-premessa 29] tagħti daqqa t’għajn lejn l-ammonti mħallsa, f’euro, minn [Oniflhor] taħt il-‘pjanijiet ta’ kontinġenza’ mill‑1992 sal‑2002. Dawn l-ammonti huma mqassma skont is-sena u l-miżura. Madankollu, għas-snin 1992 u 1993, it-tabella turi biss l-ammont globali tal-għajnuna mħallsa. Franza spjegat li l-arkivji ta’ [Oniflhor] ma jippermettux tqassim aktar iddettaljat għal dawk is-sentejn.

[…]

(71)

Skont it-tagħrif li għandha l-Kummissjoni, il-‘pjanijiet ta’ kontinġenza’ kienu jipprovdu miżuri maħsubin biex jaffaċċjaw il-kriżijiet imqajma minn offerta żejda ta’ prodotti Franċiżi fis-suq Komunitarju, partikularment permezz tas-sussidjar tal-prezzijiet tal-bejgħ, għall-ħżin jew għall-qerda ta’ parti mill-ħsad, kif ukoll permezz ta’ inċentivi finanzjarji għall-ipproċessar tal-prodotti friski. Fis-swieq lil hinn mill-Unjoni Ewropea, sussidji għall-esportazzjoni kieku kienu jgħinu bl-istess mod biex iħaffu l-bejgħ tal-prodotti Franċiżi żejda, u kienu jsaħħu l-pożizzjoni kompetittiv tal-operaturi. Jidher li tali għajnuniet ingħataw skont il-prezz u l-kwantità prodotta.”

6

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“L-għajnuniet mill-Istat mogħtija fil-kuntest tal-‘pjanijiet ta’ kontinġenza’ lill-produtturi tal-frott u l-ħaxix, imwettqa minn Franza illegalment kontra l-Artikolu [108(3) TFUE], bejn is-snin 1992 u 2002, huma inkompatibbli mas-suq komuni.”

7

L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni jiddikjara:

“1.   Franza għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirkupra l-għajnuniet inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji.

2.   L-għajnuniet li għandhom jiġu rkuprati jinkludu interessi mid-data meta tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tagħhom.

[…]”

8

Skont l-Artikolu 5 ta’ din l-istess deċiżjoni:

“Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

L-Oniflhor, li għaliha qiegħda tidher FranceAgriMer, hija stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali mqiegħda taħt il-ħarsien tal-Istat Franċiż, li kellha b’mod partikolari l-kompitu li ssaħħaħ l-effikaċja ekonomika tas-settur tal-frott u l-ħaxix.

10

Bejn is-snin 1998 u 2002 l-Oniflhor ħolqot inċentiv suġġett għall-ħolqien ta’ kuntratti tal-provvisti tal-industriji ta’ pproċessar taċ-ċirasa msejħa “bigarreau” għal użu industrijali taħt forma ta’ għajnuna finanzjarja lil kull kumpannija kkonċernata.

11

Din l-għajnuna kienet intiża għall-gruppi ta’ produtturi li, fir-rigward tal-ħsad inkwistjoni, wettqu fornimenti ta’ ċirasa bigarreau lill-impriżi ta’ pproċessar fil-kuntest ta’ kuntratti pluriannwali konklużi bis-saħħa ta’ ftehim interprofessjonali.

12

L-għajnuna mħallsa mill-Oniflhor kienet tgħaddi mill-comité économique bigarreau industrie (CEBI) (il-Kumitat Ekonomiku għaċ-Ċirasa Bigarreau għall-Industrija) li kien iħallas dawn il-fondi lill-membri tiegħu, fosthom Copebi, li rċeviet is-somma totali ta’ EUR 2823 708.83.

13

Wara li tressaq ilment quddiemha, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2009/402 dwar id-dispożittivi ta’ għajnuna mogħtija, b’mod partikolari mill-Oniflhor, fil-kuntest ta’ “pjanijiet ta’ kontinġenza” fis-settur tal-frott u ħaxix, implimentati mir-Repubblika Franċiża, iddikjarat li l-għajnuna mħallsa lis-settur Franċiż tal-frott u ħaxix kellha bħala għan li tiffaċilita l-fluss tal-prodotti Franċiżi billi jiġi mmanipolat il-prezz tal-bejgħ jew tal-kwantitajiet offruti fis-swieq. Hija kkonkludiet li tali interventi kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u ppreskriviet l-irkupru tagħha.

14

Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑139/09, EU:T:2012:496) u Fedecom vs Il‑Kummissjoni (T‑243/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:497).

15

Wara li ngħataw dawn is-sentenzi, ir-Repubblika Franċiża ħadet ħsieb tirkupra l-għajnuna mħallsa illegalment lill-produtturi ta’ ċirasa bigarreau għal finijiet industrijali, fosthom Copebi, li kontriha FranceAgriMer ħarġet, fid‑29 ta’ Marzu 2013, titolu ta’ kreditu għall-finijiet tal-irkupru ta’ ammont ta’ EUR 5 042 768.78 li jikkorrispondi għall-irkupru ta’ għajnuna pubblika mħallsa bejn is-snin 1998 u 2002 kif ukoll ta’ interessi dovuti.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2015, it-tribunal administratif de Nîmes (il-Qorti Amministrattiva ta’ Nîmes, Franza) ċaħdet it-talba ta’ Copebi għall-annullament ta’ dan it-titolu ta’ kreditu.

17

Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ April 2016, il-cour administrative d’appel de Marseille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Appell ta’ Marseille, Franza) ċaħdet l-appell amministrattiv ippreżentat minn Copebi kontra din id-deċiżjoni.

18

Għalhekk Copebi ppreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza).

19

Dan jikkonstata li, filwaqt li d-Deċiżjoni 2009/402 tirrigwarda, b’mod ġenerali, is-suq tal-frott u ħaxix, li jaqa’ taħt l-organizzazzjoni komuni ta’ frott u ħaxix, li fi żmien il-fatti kien irregolat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72 tat‑18 ta’ Mejju 1972 (ĠU 1972, L 118, p. 1), u sussegwentement mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat‑28 ta’ Ottubru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55), fejn it-tnejn li huma jipprovdu organizzazzjoni komuni fis-settur tal-frott u ħaxix, li taħtha jaqa’ s-settur taċ-ċirasa bigarreau għal finijiet industrijali u, filwaqt li mis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑37/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:90), jirriżulta li ċ-CEBI rċieva l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiffaċilita l-fluss tal-prodotti Franċiżi billi jimmanipola l-prezz tal-bejgħ jew il-kwantitajiet offruti fis-suq, madankollu ċ-CEBI ma jirriżultax fost it-tmien kumitati ekonomiċi agrikoli msemmija fil-punt 15 tad-Deċiżjoni 2009/402.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntrarjament għall-mekkaniżmu ta’ finanzjament deskritt fil-punti 24 sa 28 tal-imsemmija deċiżjoni, ma hijiex iffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji tal-produtturi msejħa “parts professionnelles (kontribuzzjonijiet professjonali)”, iżda biss permezz ta’ sussidji mħallsa mill-Oniflhor.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju osservat li, għalkemm l-ammonti annwali tal-għajnuna mħallsa mill-Oniflhor lill-produtturi taċ-ċirasa bigarreau għal finijiet industrijali permezz taċ-CEBI huma inklużi fit-tabella li tinsab fil-punt 29 tad-Deċiżjoni 2009/402, dawn l-ammonti ġew ikkomunikati mill-awtoritajiet Franċiżi u xejn, f’din id-deċiżjoni, ma kien jippermetti li jitqies li dawn l-ammonti kienu ġew formalment identifikati min-naħa tal-Kummissjoni, li, fil-premessa 15 tal-imsemmija deċiżjoni ssemmi biss tmien kumitati ekonomiċi, bl-esklużjoni taċ-CEBI. Din it-tabella tirriżulta biss fil-parti intiża għad-deskrizzjoni tal-għajnuna inkwistjoni u mhux fil-parti ddedikata għall-proċedura ta’ rkupru.

22

Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità tat-titolu ta’ kreditu maħruġ minn FranceAgriMer fil-konfront ta’ Copebi, ibbażat fuq l-irkupru tal-għajnuna msemmija mid-Deċiżjoni 2009/402. Il-legalità ta’ dan it-titolu ta’ kreditu tkun tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni dwar jekk din id-deċiżjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-għajnuna mħallsa mill-Oniflhor liċ-CEBI u attribwita lill-produtturi ta’ ċirasa bigarreau għal finijiet industrijali mill-gruppi ta’ produtturi membri f’dan il-kumitat, filwaqt li ċ-CEBI ma jirriżultax fost it-tmien kumitati ekonomiċi agrikoli msemmija fil-punt 15 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll li l-metodu ta’ finanzjament ta’ din l-għajnuna kien notevolment differenti.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (Il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Deċiżjoni [2009/402] għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-għajnuna mħallsa mill-Oniflhor lis-CEBI u attribwita lill-produtturi ta’ ċirasa għal finijiet industrijali mill-gruppi ta’ produtturi membri ta’ dan il-kumitat, minkejja li s-CEBI ma huwiex inkluż fost it-tmien kumitati ekonomiċi agrikoli msemmija fil-punt 15 tad-deċiżjoni u minkejja li l-għajnuna inkwistjoni, b’inkongruwenza mal-mekkaniżmu ta’ finanzjament deskritt fil-punti 24 sa 28 ta’ din id-deċiżjoni, kienet iffinanzjata biss minn sussidji tal-Oniflhor u mhux ukoll minn kontribuzzjonijiet volontarji mill-produtturi, imsejħa partijiet [kontribuzzjonijiet] professjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni 2009/402 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-għajnuna kollha mħallsa mill-Oniflhor liċ-CEBI u attribwita lill-produtturi ta’ ċirasa bigarreau għal finijiet industrijali mill-gruppi ta’ produtturi membri ta’ dan il-kumitat, filwaqt li, minn naħa, dan il-kumitat ma jirriżultax fost it-tmien kumitati ekonomiċi agrikoli msemmija f’din id-deċiżjoni u li, min-naħa l-oħra, din l-għajnuna, kuntrarjament għall-mekkaniżmu ta’ finanzjament deskritt fl-imsemmija deċiżjoni, kienet iffinanzjata biss permezz ta’ sussidji tal-Oniflhor u mhux ukoll permezz tal-kontribuzzjonijiet volontarji tal-produtturi.

25

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-fatt li ċ-CEBI ma jissemmiex fid-Deċiżjoni 2009/402, jeħtieġ li jiġi osservat li huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikat minn għajnuna bejn is-snin 1998 u 2002 imħallsa mill-Oniflhor permezz taċ-CEBI.

26

Huwa wkoll paċifiku li ċ-CEBI għandu l-istess natura ġuridika bħat-tmien kumitati ekonomiċi agrikoli l-oħra msemmija fil-punt 15 tad-Deċiżjoni 2009/402, huwa rregolat mill-istess dispożizzjonijiet nazzjonali, u li, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, dan il-kumitat effettivament ibbenefika minn għajnuna mħallsa mill-istess organu pubbliku, jiġifieri l-Oniflhor, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-fluss tal-prodotti Franċiżi billi jiġu mmanipolati l-prezz tal-bejgħ jew il-kwantitajiet offruti fis-swieq.

27

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/402, “[l]-għajnuniet mill-Istat mogħtija fil-kuntest tal-‘pjanijiet ta’ kontinġenza’ lill-produtturi tal-frott u l-ħaxix, imwettqa minn Franza illegalment kontra l-Artikolu [108(3) TFUE], bejn is-snin 1992 u 2002, huma inkompatibbli mas-suq komuni”. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat, hekk kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li d-dispożittiv tad-Deċiżjoni 2009/402 ma huwiex limitat għat-tmien kumitati ekonomiċi agrikoli msemmija fil-premessa 15 ta’ din id-deċiżjoni.

28

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat huma indirizzati lill-Istat Membru responsabbli u mhux lill-benefiċjarji tal-għajnuna kif ukoll li ebda dispożizzjoni tal-proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat ma tirriżerva, fost il-partijiet interessati, rwol speċifiku għall-benefiċjarju tal-għajnuna (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 8183).

29

B’hekk, id-Deċiżjoni 2009/402 hija indirizzata, skont l-Artikolu 5 tagħha, speċifikament lir-Repubblika Franċiża u mhux lil kumitat ekonomiku individwali. Għaldaqstant ikun dan l-Istat Membru, taħt l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, li għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mill-imsemmija deċiżjoni mingħand il-benefiċjarji tagħha kif ukoll li jiddetermina l-organi li bbenefikaw minn din l-għajnuna.

30

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fil-kuntest ta’ programm ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-inkarigu li tistudja l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, jekk, minħabba l-modalitajiet previsti minn dan il-programm dan jiżgurax vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk huwiex tali li essenzjalment ikun ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punt 89).

31

B’hekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern ma għandhiex tinkludi analiżi tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali fuq il-bażi ta’ din l-iskema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punt 91).

32

Dan ikun wisq iżjed il-każ meta, bħalma tindika l-Kummissjoni, din ma tkunx f’pożizzjoni li tikseb, min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, ammont sodisfaċenti ta’ informazzjoni fuq il-mod eżatt kif ġew applikati dawn il-miżuri.

33

Għalhekk, mill-fatt li ċ-CEBI ma tirriżultax fost it-tmien kumitati ekonomiċi agrikoli msemmija fid-Deċiżjoni 2009/402 ma jistax jiġi dedott li din id-deċiżjoni ma tkoprix l-għajnuna li tħallset mill-Oniflhor permezz ta’ dan il-kumitat ekonomiku agrikolu u attribwita lill-Copebi.

34

Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut li d-Deċiżjoni 2009/402 ingħatat bi ksur tad-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tinstema’. Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kunċett ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, jirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132) u li, għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix intimazzjoni individwali ta’ suġġetti individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 17).

35

L-iskop uniku tiegħu huwa li jobbliga l-Kummissjoni tagħmel mod li l-persuni potenzjalment interessati kollha jiġu informati u jkollhom il-possibbiltà li jinvokaw l-argumenti tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa mezz adegwat fil-qasam tal-verifika tal-għajnuna mill-Istat bil-għan li l-partijiet interessati kollha jiġu informati bil-ftuħ ta’ proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 17, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 80).

36

Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-għajnuna rċevuta minn Copebi, kuntrarjament għall-mekkaniżmu ta’ finanzjament deskritt mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2009/402, ġiet iffinanzjata biss mis-sussidji tal-Oniflhor u mhux ukoll mill-kontribuzzjonijiet volontarji tal-produtturi, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-finanzjament tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” ġie żgurat mis-setturi kkonċernati b’perċentwali ta’ minn 30 % sa 50 %. Din il-kontribuzzjoni professjonali kienet ikkompletata permezz ta’ finanzjamenti minn awtoritajiet pubbliċi, permezz ta’ Oniflhor. Dawn il-kontribuzzjonijiet professjonali kienu ntalbu mill-kumitati ekonomiċi agrikoli u n-nuqqas ta’ ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni kien ekwivalenti, bħala prinċipju, għal rifjut tal-għajnuna tal-Oniflhor.

37

Hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm l-għajnuna rċevuta minn Copebi ġiet iffinanzjata biss mis-sussidji tal-Oniflhor mingħajr kontribut tas-settur ikkonċernat, xorta jibqa’ l-fatt li din l-għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

38

Għalhekk, l-għajnuna li minnha bbenefikat Copebi ma tistax tagħmel użu minn din iċ-ċirkustanza sabiex taħrab mill-kwalifika ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, għaldaqstant, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/402.

39

Barra minn hekk, sa fejn in-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet professjonali jkun jiġġustifika l-esklużjoni minn kull ħlas tal-għajnuna mill-Oniflhor, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċju mogħti lill-impriżi interessati kienx konformi mal-leġiżlazzjoni interna jew inkella, għall-kuntrarju, kienx jikkostitwixxi każ ta’ evażjoni jew ta’ frodi fiskali hija mingħajr effett fuq l-obbligu tal-Istat Membru inkwistjoni li jirkupra l-għajnuna fit-termini mogħtija (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑305/09, EU:C:2011:274, punt 42).

40

Għalhekk, il-fatt li Copebi waslet sabiex ibbenefikat mill-pjanijiet ta’ kontinġenza mingħajr ma kellha tikkontribwixxi għalihom u b’hekk kisbet arranġament iktar vantaġġuż minn dak li minnu kienu bbenefikaw il-benefiċjarji l-oħra ma huwiex ċirkustanza tali li tippermettilha tevita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/402.

41

Finalment, fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li, b’differenza għall-“pjanijiet ta’ kontinġenza” msemmija fid-Deċiżjoni 2009/402, id-dispożittiv interprofessjonali ta’ għajnuna għas-settur taċ-ċirasa bigarreau għal finijiet industrijali kien marbut ma’ pjan strutturali, taħt forma ta’ għajnuna speċifika u mmirata, li ma kellux bħala għan li jtaffi l-eċċessi temporanji tal-offerta.

42

Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-għajnuna mħallsa mill-Oniflhor liċ-CEBI kienet tieħu l-forma ta’ għajnuna finanzjarja li kienet tiġġedded għal kull inizjattiva kkonċernata li kienet intiża li tirrimedja d-diffikultajiet li minnhom kien jgħaddi dan is-settur minħabba pressjoni kompetittiva qawwija eżerċitata mill-industriji Taljani u Spanjoli ta’ pproċessar, kif ukoll mill-prodotti mhux ipproċessati importati mill-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali. Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-għajnuna kienet ikkalkolata għal kull sena skont id-dħul mill-ħsad użat u d-destinazzjoni tal-prodott fil-limiti ta’ kwantità speċifika ta’ frott.

43

Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li d-Deċiżjoni 2009/402 għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-għajnuna mħallsa mill-Oniflhor liċ-CEBI u attribwita lill-produtturi ta’ ċirasa bigarreau għal finijiet industrijali mill-gruppi ta’ produtturi membri ta’ dan il-kumitat minkejja li, minn naħa, dan il-kumitat ma jirriżultax fost it-tmien kumitati ekonomiċi agrikoli msemmija f’din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, din l-għajnuna, kuntrarjament għall-mekkaniżmu ta’ finanzjament deskritt fl-imsemmija deċiżjoni, kienet iffinanzjata biss permezz ta’ sussidji tal-Oniflhor u mhux, ukoll, permezz tal-kontribuzzjonijiet volontarji tal-produtturi.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/402/KE tat‑28 ta’ Jannar 2009 dwar il‑pjanijiet ta’ kontinġenza fis-settur tal-frott u l-ħaxix implimentati minn Franza għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-għajnuna mħallsa mill‑Office national interprofessionnel des fruits, des légumes et de l’horticulture (Oniflhor) lill-comité économique bigarreau industrie (CEBI) u attribwita lill-produtturi ta’ ċirasa bigarreau għal finijiet industrijali mill-gruppi ta’ produtturi membri ta’ dan il-kumitat minkejja li, minn naħa, dan il-kumitat ma jirriżultax fost it-tmien kumitati ekonomiċi agrikoli msemmija f’din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, din l-għajnuna, kuntrarjament għall‑mekkaniżmu ta’ finanzjament deskritt fl-imsemmija deċiżjoni, kienet iffinanzjata biss permezz ta’ sussidji tal-Oniflhor u mhux, ukoll, permezz tal‑kontribuzzjonijiet volontarji tal-produtturi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.