SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Artikoli 6 u 47 kif ukoll l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2012/13/UE – Artikolu 8(2) – Direttiva 2013/48/UE – Artikolu 12 – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 3 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, id-detenzjoni psikjatrika ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, wettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà – Dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom – Dritt ta’ aċċess għal avukat – Dritt għal rimedju effettiv – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Persuna vulnerabbli”

Fil-Kawża C‑467/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2018, fil-proċeduri kriminali kontra

EP,

fil-preżenza ta’:

Radonna prokuratura Lom,

KM,

HO,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal EP, minn M. Ekimdzhiev, K. Boncheva u T. Ekimdzhieva, advokati,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u Y. Marinova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑ ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1), tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 21(1) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji intiżi sabiex tiġi ordnata d-detenzjoni psikjatrika ta’ EP.

Il-kuntest ġuridiku

Il-KEDB

3

Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprevedi fl-Artikolu 5 tagħha, intitolat “Id-dritt għal-libertà u s-sigurtà”:

“1.   Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

[…]

(e)

id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuni biex jiġi evitat it-tixrid ta’ mard infettiv, ta’ persuni mhux f’sensihom, addetti għall-alkohol jew għad-drogi jew vagabondi;

[…]

4.   Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi.

[…]”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2012/13

4

Il-premessi 19, 22 u 26 tad-Direttiva 2012/13 huma redatti kif ġej:

“(19)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw fil-pront lis-suspettati jew lill-persuni akkużati b’dawk id-drittijiet, hekk kif japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, li huma essenzjali biex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri, jew bil-fomm jew bil-miktub, kif previst b’din id-Direttiva. Sabiex ikun jista’ jsir eżerċizzju prattiku u effikaċi minn dawk id-drittijiet, l-informazzjoni għandha tkun provduta fil-pront matul il-proċeduri u l-aktar tard qabel l-ewwel interrogazzjoni uffiċjali tal-persuna suspettata jew akkużata mill-pulizija jew minn awtorità kompetenti oħra.

[…]

(22)

Meta suspettati jew persuni akkużati jiġu arrestati jew miżmuma, għandha tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali applikabbli permezz ta’ Ittra tad-Drittijiet miktuba b’manjiera li tinftiehem malajr sabiex tgħin lill-persuni sabiex jifhmu d-drittijiet tagħhom. Tali Ittra tad-Drittijiet għandha tingħata fil-pront lil kull persuna arrestata meta din tkun privata mil-libertà permezz tal-intervent tal-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. […]

[…]

(26)

Meta tiġi provduta informazzjoni lis-suspettati jew persuni akkużati taħt din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni li ma jkunux jistgħu jifhmu l-kontenut jew it-tifsira tal-informazzjoni, pereżempju minħabba l-età żgħira tagħhom, jew il-kondizzjoni mentali jew fiżika tagħhom.”

5

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva msemmija tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar fit-termini segwenti:

“Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

a)

id-dritt ta’ aċċess għal avukat;

b)

kwalunkwe dritt għal parir legali mingħajr ħlas u l-kondizzjonijiet biex jinkiseb tali parir;

c)

id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

d)

id-dritt għal interpretar u traduzzjoni;

e)

id-dritt li persuna tibqa’ siekta.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 għandha tingħata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli jew ta’ persuni akkużati vulnerabbli.”

7

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.”

8

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/13/KE intitolat “Verifika u Rimedji”, jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jew l-avukat tagħhom ikollhom id-dritt ta’ kontestazzjoni, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, rigward in-nuqqas jew iċ-ċaħda possibbli tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu l-informazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva”.

Id-Direttiva 2013/48

9

Il-premessa 51 tad-Direttiva 2013/48 tiddikjara:

“Id-dmir ta’ kura għal persuni suspettati jew akkużati li jinsabu f’pożizzjoni potenzjalment dgħajfa jirfed l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja. Il-prosekuzzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għandhom għalhekk jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv minn tali persuni tad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, pereżempju billi jieħdu kont ta’ kwalunkwe vulnerabbiltà potenzjali li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom, u billi jieħdu passi adatti biex jiżguraw li dawk id-drittijiet huma garantiti.”

10

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. Din tapplika sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

11

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rimedji”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll persuni rikjesti fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew ikollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti kriminali, fil-valutazzjoni ta’ stqarrijiet magħmulin minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ provi miksuba permezz ta’ ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn tkun ġiet awtorizzata deroga għal dan id-dritt f’konformità mal-Artikolu 3(6), id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.”

12

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Persuni vulnerabbli” jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jittieħed kont tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni suspettati u akkużati li huma vulnerabbli.”

Id-Direttiva 2016/343

13

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.”

14

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Preżunzjoni tal-innoċenza”:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi”.

15

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.”

16

Konformement mal-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva, it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha huwa stabbilit għall‑1 ta’ April 2018 u, skont l-Artikolu 15 tagħha, hija daħlet fis-seħħ fil‑31 ta’ Marzu 2016.

Id-dritt Bulgaru

17

In-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi, fl-Artikoli 427 et seq tiegħu, proċedura speċjali li tippermetti lill-qorti tordna, fuq proposta tal-prosekutur, miżuri mediċi koerċittivi lil individwu li, fi stat ta’ dimenzja, wettaq att perikoluż għas-soċjetà.

18

L-Artikolu 427 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi:

“1)   Il-prosekutur pubbliku tad-distrett jagħmel proposta għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediċi obbligatorji, […]

2)   Qabel ma jagħmel il-proposta, il-prosekutur pubbliku jordna perizja u jinkariga lill-awtorità inkarigata mill-istruttorja li tikkjarifika l-aġir tal-persuna qabel u wara t-twettiq tal-att u li tevalwa jekk il-persuna tirrappreżentax perikolu għas-soċjetà.”

19

Mill-proċedura deskritta fl-Artikoli 428 sa 491 ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li l-proposta tal-prosekutur hija eżaminata mill-qorti distrettwali tal-post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, billi din tal-aħħar tiddeċiedi, wara seduta, b’digriet minn Imħallef wieħed, li jista’ jiġi appellat.

20

Barra minn hekk, l-Artikoli 155 et seq taż-Zakon za zdraveto (il-Liġi dwar is-Saħħa) jistabbilixxu proċedura partikolari li tippermetti li tiġi ordnata, b’mod ġudizzjarju, li titqiegħed b’mod furzat f’faċilità medika persuna milquta minn marda mentali li tkun ta’ perikolu għas-saħħa tagħha jew għal dik ta’ terzi.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Fis‑26 ta’ Awwissu 2015, wara l-iskoperta ta’ kadavru fi triq ta’ Medkovets (il-Bulgarija), uffiċjali tal-pulizija marru fid-domiċilju ta’ EP, iben il-vittma. Dan ammetta li qatel lil ommu. Peress li ġew informati minn xhieda dwar problemi mentali li jsofri minnhom EP, dawn l-aġenti tal-pulizija ħadu lil dan tal-aħħar fid-dipartiment ta’ emerġenza ta’ sptar psikjatriku.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2015, ir-Rayonen sad Lom (il-Qorti Distrettwali ta’ Lom, il-Bulgarija) ordnat it-tqegħid ta’ EP fi sptar psikjatriku għal perijodu ta’ sitt xhur. Din id-deċiżjoni, meħuda abbażi tal-Liġi dwar is-Saħħa, ġiet imġedda mingħajr interruzzjoni sad-data tad-deċiżjoni tar-rinviju.

23

Il-perizja psikjatrika ġudizzjarja fdata lil żewġ psikjatri tal-isptar ikkonkludiet li EP kien qed ibati minn skiżofrenija paranojka.

24

Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, il-Prosekutur ta’ Montana (il-Bulgarija) waqqaf il-proċeduri kriminali, għar-raġuni li EP kien qed isofri minn marda mentali. Peress li qies li dan ta’ l-aħħar ma setax jipparteċipa fil-proċeduri, il-prosekutur pubbliku ma tax dan id-digriet lil EP.

25

Fid‑29 ta’ Diċembru 2017, l-Apelativna prokuratura Sofia (il-Prosekutur ta’ Sofija, il-Bulgarija) ordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri u ppreveda l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni ta’ EP abbażi tal-Liġi dwar is-Saħħa.

26

Fl‑1 ta’ Marzu 2018, il-proċeduro kriminali miftuħa kontra EP ingħalqu permezz ta’ digriet. Il-prosekutur pubbliku ikkonkluda li kien meħtieġ li jiġu ordnati miżuri mediċi koerċittivi għar-raġuni li EP kien intenzjonalment ikkommetta reat fi stat ta’ disturb mentali, b’tali mod li ma setax jinżamm responsabbli kriminalment. Dan id-digriet ġie kkonsenjat lil bint il-vittma. Fl-assenza ta’ xi rikors ippreżentat fit-termini, dan id-digriet sar definittiv fl‑10 ta’ Marzu 2018.

27

Ir-Rayonna prokuratura Lom (il-Prosekutur Pubbliku ta’ Lom, il-Bulgarija) ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rayonen sad de Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija) talba għal detenzjoni psikjatrika ta’ EP, abbażi tal-Artikoli 427 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

28

Din il-qorti għandha dubju dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw iż-żamma koerċittiva ta’ marda mentali f’faċilità medika mad-drittijiet iggarantiti mid-Direttivi 2012/13, 2013/48 u 2016/343, kif ukoll mill-Karta. Dawn id-dubji jikkonċernaw prinċipalment l-Artikoli 427 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u l-proċedura kriminali partikolari li huma jistabbilixxu, li jistgħu jwasslu għad-detenzjoni psikjatrika ta’ persuna li tkun ta’ perikolu għas-soċjetà. Dawn id-dubji jirrigwardaw ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar is-Saħħa, sa fejn il-proċedura li huma jipprovdu tippermetti, hija wkoll, id-detenzjoni forzata ta’ persuna, b’mod preventiv, meta jkun hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tagħha, din tista’ twettaq reat.

29

Il-qorti tar-rinviju tindika fil-fatt li EP qatt ma ġie interrogat matul l-investigazzjoni u li l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu ma ġiex innotifikat lilu. Peress li ma kienx is-suġġett ta’ proċeduri kriminali, l-assistenza ta’ avukat ma ngħatatx. Huwa ma seta jippreżenta ebda rikors ġudizzjarju kontra l-konklużjonijiet ta’ dritt jew ta’ fatt tal-prosekutur pubbliku.

30

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, fir-rigward tal-proċeduri ta’ applikazzjoni ta’ miżuri mediċi koerċittivi taħt l-Artikoli 427 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, id-dritt nazzjonali ma jippermettix lill-qorti tistħarreġ jekk, matul l-investigazzjoni inizjali, l-individwu kkunsidrat bħala l-awtur tal-fatti setax ikollu garanziji proċedurali minimi għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. F’dan il-każ, EP ma invokax il-ksur tad-dritt tiegħu li jkun informat bl-akkuża kontra tiegħu, li jżomm is-silenzju, kif ukoll li jirċievi l-assistenza ta’ avukat. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta.

31

Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk il-proċedura li EP huwa suġġett għaliha taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2012/13, 2013/48 u 2016/343. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-proċedura kriminali partikolari prevista fl-Artikoli 427 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma tiggarantixxix dritt għal rimedju effettiv, hija b’hekk tkun tista’ tapplika, b’analoġija, il-proċeduri kriminali ordinarji.

32

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Rayonen sad de Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Din il-proċedura ta’ applikazzjoni ta’ miżuri mediċi vinkolanti, li huma forma ta’ restrizzjoni pubblika li tikkonċerna persuni li, skont il-konstatazzjoni tal-prosekutur, ikunu wettqu att li jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2012/13] u tad-Direttiva [2013/48]?

2)

Id-dritt proċedurali Bulgaru li jirregola l-proċedura speċjali għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediki obbligatorji skont ir-regoli previsti fl-Artikoli 427 et seq [tal-] […] Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali […] li ma jipprevedix il-possibbiltà għall-qorti li tibgħat il-kawża lura quddiem il-prosekutur pubbliku filwaqt li tordnalu jirrimedja d-diversi każijiet ta’ ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali mwettqa matul il-proċedura prekontenzjuża, iżda li jippermettilha biss tilqa’ jew tiċħad it-talba għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediki obbligatorji, jagħti rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi lill-individwu kkonċernat il-possibbiltà li jikkontesta quddiem qorti l-ksur tad-drititjiet tiegħu matul il-proċedura prekontenzjuża?

3)

Id-Direttiva 2012/13 u d-Direttiva 2013/48 japplikaw għal proċeduri kriminali (prekontenzjużi) meta d-dritt nazzjonali, f’dan il-każ in-NPK, ma jirrikonoxxix il-kwalità ta’ individwu “ssuspettat” u meta, minn perspettiva formali, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-prosekutur pubbliku ma jqiegħedx taħt eżami lill-individwu kkonċernat għar-raġuni li l-qtil li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni twettaq minn dan l-individwu fi stadju ta’ problemi mentali li jimplikaw l-assenza ta’ responsabbiltà kriminali tiegħu, raġuni li minħabba fiha l-prosekutur pubbliku jagħlaq il-proċedura kriminali, mingħajr ma jinforma lill-individwu kkonċernat, u jitlob lill-qorti tapplika miżuri mediki obbligatorji fil-konfront tal-imsemmi individwu?

4)

L-individwu li jkun is-suġġett ta’ proposta ta’ trattament mediku obbligatorju jikseb il-kwalità ta’ individwu “ssuspettat” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 u tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2013/48, meta l-uffiċjal tal-pulizija li kien l-ewwel wieħed li wasal fuq il-post fejn seħħew il-fatti wettaq l-ewwel passi ta’ investigazzjoni fid-dar tal-vittma tar-reat kriminali u ta’ binha, u, meta ra traċċi ta’ demm fuq il-ġisem ta’ dan tal-aħħar, għamillu mistoqsijiet dwar ir-raġunijiet għaliex kien qatel lill-ommu u ħareġ il-ġisem fit-triq, mistoqsijiet li għalihom l-individwu kkonċernat wieġeb, bil-konsegwenza li l-uffiċjal tal-pulizija libbislu l-manetti? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, huwa meħtieġ li diġà minn dan il-mument l-individwu kkonċernat jingħata l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13, u, f’tali sitwazzjoni, meta tingħata din l-informazzjoni, kif għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari tal-individwu kkonċernat fis-sens tal-istess Artikolu 3(2), sa fejn il-pulizija tkun taf li l-individwu kkonċernat għandu problemi mentali?

5)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċaħda de facto tal-liberta, li tirriżulta minn tqegħid obbligatorju fi sptar mentali skont proċedura prevista fiz-Zakon za Zdraveto (il-Liġi dwar is-Saħħa) (miżura preventiva ta’ koerċizzjoni imposta meta jiġi pprovat li l-individwu kkonċernat ibati minn marda mentali u meta jkun hemm is-suspett ta’ riskju li dan ser iwettaq reat, u mhux fil-każ li jkun diġà twettaq reat), f’sitwazzjoni fejn din il-proċedura tkun inbdiet fuq il-bażi ta’ fatti li jikkostitwixxu l-att li huwa s-suġġett ta’ proċedura kriminali kontra l-individwu mqiegħed taħt trattament mediku, hija konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza, u, fil-każ ta’ tqegħid taħt arrest, dan iwassal għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 5(4) tal-[KEDB], jiġifieri għal smigħ li fil-kuntest tiegħu l-qorti jkollha s-setgħa li tivverifika kemm l-osservanza tar-regoli proċedurali u kemm ir-raġunijiet plawżibbli li jiġġustifikaw iż-żamma taħt arrest, kif ukoll in-natura leġittima tal-għan segwit minn din il-miżura, kif il-qorti hija obbligata tagħmel meta l-individwu jinżamm skont il-proċedura prevista [fil-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali]?

6)

Il-kunċett ta’ “preżunzjoni tal-innoċenza” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343 jinkludi wkoll il-preżunzjoni li l-individwi li ma jistgħux jitqiesu li huma kriminalment responsabbli minħabba problemi mentali ma wettqux l-att li jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà li bih ikun qiegħed jakkużahom il-prosekutur pubbliku sakemm titressaq prova kuntrarja stabbilita konformement mad-dritt proċedurali (jiġifieri fil-kuntest ta’ proċedura kriminali u b’rispett tad-drittijiet tad-difiża)?

7)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu setgħat differenti fil-qasam ta’ verifika ex officio tal-legalità tal-proċedura prekontenzjuża skont:

a)

hija teżamina att ta’ akkuża tal-prosekutur li [jiddikjara] li persuna speċifika, li hija fil-pussess tal-kapaċità mentali tagħha, wettqet qtil (paragrafu 1, moqri flimkien mal-paragrafu 4, tal-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), jew

b)

hija teżamina proposta tal-prosekutur li jasserixxi li l-persuna kkonċernata wettqet qtil iżda li minħabba n-nuqqasijiet psikoloġika tal-awtur tagħha dan l-att ma jikkostitwixxix reat kriminali u, konsegwentement, fejn talbet lill-qorti tapplika miżura ta’ restrizzjoni pubblika fid-dawl ta’ trattament mediku,

tista’ titqies li tiggarantixxi rimedji effettivi għall-individwi vulnerabbli, kif meħtieġ mill-Artikolu 13, moqri flimkien mal-Artikolu 12, tad-Direttiva 2013/48 u mill-Artikolu 8(2), moqri flimkien mal-Artikolu 3(2), tad-Direttiva 2012/13, u s-setgħat differenti mogħtija lill-qorti skont it-tip ta’ proċedura, li tiddependi minn jekk l-individwu identifikat bħala l-awtur tal-fatti jgawdix mill-kapaċitajiet mentali tiegħu jew le u jekk jistax jinżamm kriminalment responsabbli, huma konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

34

Fl‑10 ta’ Awwissu 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tilqa’ din it-talba.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda

35

Permezz tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttivi 2012/13 u 2013/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal proċeduri ġudizzjarji, bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tawtorizza, għal raġunijiet terawpewtiċi, id-detenzjoni psikjatrika ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, wettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà, u, jekk dan kellu jkun il-każ, minn liema mument il-persuna kkonċernata għandha tiġi informata bid-drittijiet mogħtija lilha mid-Direttiva 2012/13.

36

Id-Direttivi 2012/13 u 2013/48 it-tnejn li huma għandhom bħala għan komuni li jiddefinixxu r-regoli minimi li jikkonċernaw ċerti drittijiet ta’ persuni ssuspettati u akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Id-Direttiva 2012/13 hija intiża, b’mod partikolari, għad-dritt li jkunu informati dwar id-drittijiet tagħhom u d-Direttiva 2013/48 għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, għad-dritt li terz jiġi informat dwar iċ-ċaħda tal-libertà, kif ukoll għad-dritt ta’ persuna mċaħħda mil-libertà li tikkomunika ma’ terzi u għad-dritt ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsulari.

37

Barra minn hekk, mill-premessi ta’ dawn id-direttivi jirriżulta li dawn huma bbażati għal dan il-għan fuq id-drittijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 6, 47 u 48 tal-Karta u li huma intiżi li jippromwovu dawn id-drittijiet fir-rigward tal-persuni ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

38

Il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-imsemmija direttivi huma ddefiniti f’termini kważi identiċi fl-Artikolu 2 ta’ kull waħda minnhom. Essenzjalment, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-istess direttivi japplikaw mill-mument fejn persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat, u dan sat-tmiem tal-proċeduri, li “huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell”.

39

Huwa minnu li la d-Direttiva 2012/13 u lanqas id-Direttiva 2013/48 ma fihom dispożizzjonijiet espressi li jindikaw li l-proċeduri kriminali li huma jirregolaw jinkludu wkoll dawk li jistgħu jwasslu għal miżura ta’ detenzjoni psikjatrika, bħal dik prevista fl-Artikoli 427 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

40

Madankollu, din l-assenza ta’ dispożizzjonijiet espressi ma tfissirx madankollu li tali proċedura ta’ detenzjoni psikjatrika hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi għar-raġuni li ma twassalx għas-“sentenza” ta’ piena.

41

F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punti 61 u 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 u dik, analoga, tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/48, jippermettu, għall-kuntrarju, li jitqies li l-kunċett ta’ “proċeduri kriminali”, fis-sens ta’ dawn id-direttivi, jestendi wkoll għal proċeduri ta’ detenzjoni psikjatrika li, minkejja li ma jwassalx għas-“sentenza” ta’ piena fis-sens strett, jagħtu lok, madankollu, għal miżura ta’ ċaħda tal-libertà, bil-kundizzjoni li din il-miżura tkun iġġustifikata mhux biss minħabba raġunijiet terapewtiċi, iżda wkoll minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, fir-rigward ta’ persuni li jkunu wettqu fatti li jikkostitwixxu reat, iżda li l-istat mentali tagħhom, fil-mument tal-fatti kriminalment kundannabbli, jiġġustifika l-fatt li huma jkunu s-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni psikjatrika iktar milli ta’ sanzjoni kriminali, bħal piena ta’ priġunerija.

42

L-Artikolu 6 tal-Karta, dwar id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, li jiggarantixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 5 tal-KEDB, dwar l-istess dritt, għandu, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, jingħata l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija għall-Artikolu 5 tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5(1) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, TC, C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 57).

43

Issa, skont l-Artikolu 5(1)(e) tal-KEDB, “kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi: […] id-detenzjoni skont il-liġi […] ta’ persunu mhux f’sensihom”.

44

Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala li timponi fuq l-Istat l-obbligu pożittiv li jipproteġi l-libertà tal-persuni li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Jekk dan ma kienx il-każ, dan iwassal għal lakuna kbira ħafna fil-protezzjoni kontra d-detenzjoni arbitrarja, ħaġa li ma taqbilx mal-importanza tal-libertà individwali f’soċjetà demokratika. L-Istat huwa għalhekk obbligat li jieħu miżuri li joffru protezzjoni effettiva lill-persuni vulnerabbli (Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Stanev vs Il-Bulgarija, Nru 36760/06, CE:ECHR:2012:0117JUD003676006, punt 120).

45

Minn dan jirriżulta li miżuri li jċaħħdu l-libertà, bħall-miżuri ta’ kura psikjatriċi jew mediċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma koperti mill-Artikolu 5 tal-KEDB u, konsegwentement, mill-Artikolu 6 tal-Karta.

46

Minn dan isegwi li, fid-dawl tad-dritt għal-libertà u s-sigurtà ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta, id-Direttivi 2012/13 u 2013/48 ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom proċedura ġudizzjarja li tippermetti li tiġi ordnata d-detenzjoni psikjatrika ta’ persuna li, fi tmiem proċeduri kriminali preċedenti, tkun ġiet ikkunsidrata bħala l-awtur ta’ fatti li jikkostitwixxu reat.

47

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ħa ħsieb, fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta abbażi tad-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħu għandha tingħata “bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli”. Il-premessa 26 ta’ din id-direttiva ssemmi espressament is-sitwazzjoni tal-persuni li ma jistgħux jifhmu l-kontenut jew it-tifsira tal-informazzjoni li tiġi kkomunikata lilhom mill-awtoritajiet kompetenti, minħabba l-istat mentali tagħhom. Għaldaqstant, il-persuni mhux f’sensihom għandhom jitqiesu li huma persuni vulnerabbli għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni peress li, minħabba problemi mentali serji, dawn il-persuni jirriskjaw li ma jifhmux l-informazzjoni li tiġi kkomunikata lilhom fir-rigward tad-drittijiet tagħhom.

48

Bl-istess mod, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48 jimponi fuq l-Istati Membri, fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li jieħdu inkunsiderazzjoni “tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni suspettati u akkużati li huma vulnerabbli”. Għalkemm il-premessa 51 tal-imsemmija direttiva tirreferi għall-persuni “f’pożizzjoni potenzjalment dgħajfa” u għall-“vulnerabbiltà potenzjali li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom vulnerabbiltà possibbli tagħhom li jaffettwaw il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal avukat u li jinfurmaw lil parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom”, mingħajr ma jippreċiżaw b’mod espliċitu li din is-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tista’ tirriżulta mill-istat mentali tagħhom, madankollu għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-għan tal-istess direttiva, li l-persuni mhux f’sensihom jaqgħu wkoll fil-kategorija ta’ persuni vulnerabbli msemmija fl-imsemmi Artikolu 13.

49

Peress li d-Direttiva 2012/13 tapplika għal proċedura bħal dik prevista fl-Artikoli 427 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, minn liema mument persuna ssuspettata għandha tiġi informata bid-drittijiet tagħha konformement mal-Artikolu 3 tagħha.

50

Sabiex tkun tista’ tkun effettiva, il-komunikazzjoni tad-drittijiet għandha sseħħ fi stadju bikri tal-proċeduri. Mill-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika “minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru mill-mument li fih persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati li wettqu reat jew li huma akkużati li wettqu reat”. L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi b’hekk li l-“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali […] sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet”.

51

Kif tfakkar il-premessa 19 tad-Direttiva 2012/13, id-dritt li persuna tiġi informata dwar id-drittijiet tagħha huwa intiż sabiex iħares l-ekwità tal-proċeduri kriminali u sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet tad-difiża, sa mill-ewwel stadji ta’ dawn il-proċeduri. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 24 tal-proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Lulju 2010 (COM (2010) 392 final), li tat lok għad-Direttiva 2012/13, il-perijodu li jiġi immedjatament wara ċ-ċaħda tal-libertà għandu l-ikbar riskju ta’ teħid abbużiv ta’ ammissjonijiet, b’tali mod li “huwa essenzjali li kull persuna ssuspettata jew akkużata għandha tiġi informata malajr bid-drittijiet tagħha, jiġifieri mingħajr dewmien wara l-arrest tagħha u bl-iktar mod effikaċi possibbli”.

52

Barra minn hekk, il-premessa 19 tad-Direttiva 2012/13 tenfasizza li d-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet għandu jiġi implimentat “l-aktar tard qabel l-ewwel interrogazzjoni uffiċjali tal-persuna suspettata jew akkużata mill-pulizija”. Mill-premessa 22 tad-Direttiva 2012/13 jirriżulta wkoll li “meta suspettati jew persuni akkużati jiġu arrestati jew miżmuma, għandha tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali applikabbli permezz ta’ Ittra tad-Drittijiet miktuba b’manjiera li tinftiehem malajr sabiex tgħin lill-persuni sabiex jifhmu d-drittijiet tagħhom. Tali Ittra tad-Drittijiet għandha tingħata fil-pront lil kull persuna arrestata meta din tkun privata mil-libertà permezz tal-intervent tal-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.”

53

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-persuni ssuspettati li wettqu reat għandhom jiġu informati bid-drittijiet tagħhom kemm jista’ jkun malajr mill-mument meta s-suspettati li għalihom ikunu suġġetti jiġġustifikaw, f’kuntest li ma huwiex dak tal-urġenza, li l-awtoritajiet kompetenti jirrestrinġu l-libertà tagħhom permezz ta’ miżuri koerċittivi u, l-iktar tard, qabel l-ewwel interrogatorju uffiċjali mill-pulizija.

54

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-risposta għall-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li d-Direttivi 2012/13 u 2013/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal proċeduri ġudizzjarji, bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, id-detenzjoni psikjatrika ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, wettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà. Id-Direttiva 2012/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-persuni ssuspettati li wettqu reat għandhom jiġu informati bid-drittijiet tagħhom kemm jista’ jkun malajr mill-mument meta s-suspetti li għalihom ikunu suġġetti jiġġustifikaw, f’kuntest li ma huwiex dak tal-urġenza, li l-awtoritajiet kompetenti jirrestrinġu l-libertà tagħhom permezz ta’ miżuri koerċittivi u, l-iktar tard, qabel l-ewwel interrogatorju uffiċjali mill-pulizija.

Fuq it-tieni u s-seba’ domanda

55

Permezz tat-tieni u tas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13 u mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi proċedura li tawtorizza, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, id-detenzjoni psikjatrika ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, iwettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà, minħabba li din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-qorti kompetenti tivverifika li d-drittijiet proċedurali previsti minn dawn id-direttivi ġew irrispettati matul proċeduri preċedenti għal dik li bihom hija adita dik il-qorti, li ma humiex suġġetti għal tali stħarriġ ġudizzjarju.

56

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2012/13, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(2) tagħha jirrikjedi li “s-suspettati jew il-persuni akkużati jew l-avukat tagħhom ikollhom id-dritt ta’ kontestazzjoni, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, rigward in-nuqqas jew iċ-ċaħda possibbli tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu l-informazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva”.

57

Fid-dawl tal-importanza tad-dritt għal rimedju effettiv, protett mill-Artikolu 47 tal-Karta, u tat-test ċar, inkundizzjonat u preċiż tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13, din l-aħħar dispożizzjoni tipprekludi kull miżura nazzjonali li tostakola l-eżerċizzju ta’ rimedji effettivi f’każ ta’ ksur tad-drittijiet protetti minn din id-direttiva.

58

L-istess interpretazzjoni hija meħtieġa fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48, li jipprovdi li “l-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali […] ikollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva.”

59

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minn din kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 288 TFUE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, li huma xierqa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Sabiex jiġi eżegwit dan l-obbligu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ fil-kompetenzi tagħhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u filwaqt li japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan segwit minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 117, kif ukoll tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Madankollu, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’dan il-mod, l-obbligu, għall-qorti nazzjonali, li tirreferi għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Hija din il-qorti li għandha tiddetermina jekk hijiex f’pożizzjoni li twettaq interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li, minkejja l-assenza ta’ rimedju li jippermetti, meta jkun hemm talba għal detenzjoni psikjatrika abbażi tal-Artikoli 427 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li tiġi vverifikata r-regolarità tal-proċeduri kriminali li tippreċedi din it-talba, hija tista’ tapplika b’analoġija l-proċeduri kriminali ordinarja sabiex twettaq tali verifika u tipproteġi d-drittijiet tal-persuna kkonċernata.

63

Minn dan isegwi li l-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13, u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi proċedura ġudizzjarja li tawtorizza, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, id-detenzjoni psikjatrika ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, iwettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà, jekk din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-qorti kompetenti tivverifika li d-drittijiet proċedurali previsti minn dawn id-direttivi ġew irrispettati matul proċeduri preċedenti għal dik li biha hija adita dik il-qorti, li ma humiex suġġetti għal tali stħarriġ ġudizzjarju.

Fuq il-ħames domanda

64

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-protezzjoni tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, imsemmi fl-Artikolu 6 tal-Karta, minn naħa, u d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, u, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikoli 155 et seq tal-Liġi dwar is-Saħħa, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza d-detenzjoni psikjatrika ta’ persuna minħabba li jkun jeżisti riskju li, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tagħha, din tal-aħħar ikollha perikolu għas-saħħa tagħha jew għal dik ta’ terzi, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-qorti adita b’tali talba għal detenzjoni li tivverifika li din il-persuna bbenefikat minn garanziji proċedurali matul proċeduri kriminali li hija b’mod parallel suġġetta għaliha.

65

Mill-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huma esklużivament limitati għall-proċeduri kriminali.

66

Issa, minħabba l-għan terapewtiku tiegħu, proċedura ta’ detenzjoni, bħal dik prevista, f’dan il-każ, mill-Artikoli 155 et seq tal-Liġi dwar is-Saħħa, meta din tiġi implimentata indipendentement minn kwalunkwe proċeduri kriminali, inkluż sabiex jiġi evitat perikolu għas-saħħa tal-persuna kkonċernata jew ta’ terzi, għaldaqstant ma taqax taħt il-proċeduri kriminali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343.

67

Barra minn hekk, ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li proċedura ta’ detenzjoni psikjatrika koerċittiva għal finijiet terapewtiċi, bħal dik stabbilita mil-Liġi dwar is-Saħħa, tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li d-drittijiet fundamentali ggarantiti minnha għandhom jiġu rrispettati mill-Istat Membru inkwistjoni waqt l-applikazzjoni ta’ tali proċedura.

68

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li d-Direttiva 2016/343 u l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li la din id-direttiva u lanqas din id-dispożizzjoni tal-Karta ma japplikaw għal proċedura ġudizzjarja ta’ detenzjoni psikjatrika għal finijiet terapewtiċi, bħal dik prevista fl-Artikoli 155 et seq tal-Liġi dwar is-Saħħa, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li jeżisti riskju li, fid-dawl tal-istat ta’ saħħitha, il-persuna kkonċernata tippreżenta perikolu għas-saħħa tagħha jew dik ta’ terzi.

Fuq is-sitt domanda

69

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ detenzjoni psikjatrika, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, wettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-prosekutur pubbliku jipproduċi l-prova li l-persuna li hija mitluba d-detenzjoni tagħha hija l-awtur ta’ atti li huma meqjusa li jikkostitwixxu tali perikolu.

70

Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 15 tagħha, id-Direttiva 2016/343 daħlet fis-seħħ fil‑31 ta’ Marzu 2016 u li, skont l-Artikolu 14(1) tagħha, it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva skada fl‑1 ta’ April 2018. Għaldaqstant, minn perspettiva temporali, din hija applikabbli għall-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

71

Barra minn hekk, huwa ċertament minnu li proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala għan mhux li tiddetermina l-ħtija tal-persuna kkonċernata, iżda li tiddeċiedi dwar id-detenzjoni psikjatrika koerċittiva tagħha. Madankollu, peress li din il-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà hija motivata mhux esklużivament minn motivi terapewtiċi, iżda wkoll minn motivi ta’ sigurtà, għandu jiġi ammess, bħalma ġie preċedentement deċiż fir-rigward tad-Direttivi 2012/13 u 2013/48, li tali proċedura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343 minħabba l-iskop kriminali tagħha. Għaldaqstant id-Direttiva 2016/343 hija applikabbli għal proċedura bħal dik prevista fl-Artikoli 427 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

72

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw “li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi”. L-osservanza ta’ dan l-obbligu hija imposta fuq l-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ detenzjoni psikjatrika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, il-prosekutur pubbliku għandu l-oneru tal-prova li l-kriterji stabbiliti mil-liġi sabiex tiġi awtorizzata d-detenzjoni psikjatrika ta’ persuna huma ssodisfatti.

73

Meta, fi tmiem proċeduri kriminali preċedenti, ikun ġie stabbilit b’mod definittiv li din il-persuna wettqet, fi stat ta’ dimenzja, fatti li jikkostitwixxu reat, il-fatt li l-prosekutur pubbliku invoka dawn l-elementi insostenn tat-talba tiegħu għal detenzjoni psikjatrika ma huwiex, fih innifsu, kuntrarju għall-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343.

74

Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bla ħsara għall-istħarriġ, mill-qorti adita, tar-rispett tad-drittijiet proċedurali msemmija mid-Direttivi 2012/13 u 2013/48, matul proċeduri preċedenti mhux suġġetti għal tali stħarriġ ġudizzjarju, konformement ma’ dak li ġie deċiż preċedentement fil-punt 63 ta’ din is-sentenza.

75

Għaldaqstant, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza msemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji ta’ detenzjoni psikjatrika, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, wettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-prosekutur pubbliku jipproduċi l-prova li l-persuna li hija mitluba d-detenzjoni tagħha hija l-awtur ta’ atti li huma meqjusa li jikkostitwixxu tali perikolu.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali u d-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal proċedura ġudizzjarja, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, id-detenzjoni psikjatrika ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, wettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà. Id-Direttiva 2012/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-persuni ssuspettati li wettqu reat għandhom jiġu informati bid-drittijiet tagħhom kemm jista’ jkun malajr mill-mument meta s-suspetti li għalihom ikunu suġġetti jiġġustifikaw, f’kuntest li ma huwiex dak tal-urġenza, li l-awtoritajiet kompetenti jirrestrinġu l-libertà tagħhom permezz ta’ miżuri koerċittivi u, l-iktar tard, qabel l-ewwel interrogatorju uffiċjali mill-pulizija.

 

2)

L-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13, u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi proċedura ġudizzjarja li tawtorizza, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, id-detenzjoni psikjatrika ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, wettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà, jekk din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-qorti kompetenti tivverifika li d-drittijiet proċedurali previsti minn dawn id-direttivi ġew irrispettati matul proċeduri preċedenti għal dik li biha hija adita dik il-qorti, li ma humiex suġġetti għal tali stħarriġ ġudizzjarju.

 

3)

Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, kif ukoll l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li la din id-direttiva u lanqas din id-dispożizzjoni tal-Karta ma japplikaw għal proċedura ġudizzjarja ta’ detenzjoni psikjatrika għal finijiet terapewtiċi, bħal dik prevista fl-Artikoli 155 et seq taż-Zakon za zdraveto (il-Liġi dwar is-Saħħa), inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li jeżisti riskju li, fid-dawl tal-istat ta’ saħħitha, il-persuna kkonċernata tippreżenta perikolu għas-saħħa tagħha jew dik ta’ terzi.

 

4)

Il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza msemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ detenzjoni psikjatrika, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, wettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-prosekutur pubbliku jipproduċi l-prova li l-persuna li hija mitluba d-detenzjoni tagħha hija l-awtur ta’ atti li huma meqjusa li jikkostitwixxu tali perikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.