Kawża C‑457/18

Ir-Repubblika tas-Slovenja

vs

Ir-Repubblika tal-Kroazja

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-31 ta’ Jannar 2020

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 259 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Determinazzjoni tal-fruntiera komuni bejn żewġ Stati Membri – Tilwima dwar il-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tas-Slovenja – Ftehim ta’ Arbitraġġ – Proċedura ta’ arbitraġġ – Notifika mir-Repubblika tal-Kroazja tad-deċiżjoni tagħha li ttemm il-Ftehim ta’ Arbitraġġ minħabba irregolarità li hija ssostni twettqet minn membru tat-Tribunal tal-Arbitraġġ – Deċiżjoni arbitrali mogħtija mit-Tribunal tal-Arbitraġġ – Allegat nuqqas ta’ osservanza mir-Repubblika tal-Kroazja tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ u tal-fruntiera ddeterminata permezz tad-deċiżjoni arbitrali – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Talba għall-irtirar ta’ dokument mill-proċess – Protezzjoni tal-pariri legali”

  1. L-Unjoni Ewropea – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett – Żvelar ta’ parir legali tal-Kummissjoni motivat mill-interessi personali ta’ parti fit-tilwima – Esklużjoni

    (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

    (ara l-punti 70, 71, u d-dispożittiv 1)

  2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Ftehim ta’ arbitraġġ bejn żewġ Stati Membri intiż li tinsab soluzzjoni għal tilwima dwar il-fruntiera – Ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri li ma huwiex parti integrali mid-dritt tal-Unjoni – Rikors ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni li għandu natura aċċessorja fir-rigward tal-allegat ksur tal-imsemmi ftehim – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Tilwima dwar il-fruntiera

    (Artikoli 258 u 259 TFUE)

    (ara l-punti 91, 92, 101 sa 108, u d-dispożittiv 2)

  3. Stati Membri – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Portata – Tilwima dwar il-fruntiera bejn żewġ Stati Membri – Obbligu ta’ sforzi leali sabiex tinsab soluzzjoni definittiva għal din it-tilwima konformement mad-dritt internazzjonali – Modi ta’ soluzzjoni ta’ tilwima – Kunċett – Tressiq tat-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ ftehim ta’ kompromess – Inklużjoni

    (Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 273 TFUE)

    (ara l-punt 109)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar tilwima dwar il-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Kroazja, filwaqt li dawn iż-żewġ Stati Membri huma madankollu obbligati, skont l-Artikolu 4(3) TUE, ifittxu b’mod leali soluzzjoni legali definittiva għal din it-tilwima, li tkun konformi mad-dritt internazzjonali

Fis-sentenza Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja (C‑457/18), mogħtija fil-31 ta’ Jannar 2020, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat mis-Slovenja, fuq il-bażi tal-Artikolu 259 TFUE, intiż li jiġi rrikonoxxut li l-Kroazja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea minħabba li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ftehim ta’ arbitraġġ konkluż mas-Slovenja, ftehim intiż li tinsab soluzzjoni għat-tilwima dwar il-fruntiera bejn dawn iż-żewġ Stati, kif ukoll taħt deċiżjoni arbitrali li tiddelimita l-fruntiera marittima u l-fruntiera terrestri bejn l-imsemmija Stati. B’dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li dan in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni huwa bla ħsara għal kwalunkwe obbligu li jirriżulta, għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom kif ukoll fil-konfront tal-Unjoni u tal-Istati Membri l-oħra, mill-Artikolu 4(3) TUE sabiex ifittxu b’mod leali soluzzjoni legali definittiva konformi mad-dritt internazzjonali, li tiżgura l-applikazzjoni effettiva u mingħajr ostakolu tad-dritt tal-Unjoni fiż-żoni kkonċernati. Sabiex jagħmlu dan, huma jistgħu jirrikorru għal mezz jew ieħor sabiex tinsab soluzzjoni għat-tilwima ta’ bejniethom, inkluż, jekk ikun il-każ, billi jressqu t-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa ta’ ftehim ta’ kompromess taħt l-Artikolu 273 TFUE.

Sabiex jaslu għal soluzzjoni dwar il-kwistjoni tal-iffissar tal-fruntieri komuni tagħhom wara l-proklamazzjoni tal-indipendenza rispettiva tagħhom mir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja, il-Kroazja u s-Slovenja kkonkludew ftehim ta’ arbitraġġ f’Novembru 2009. Abbażi ta’ dan il-ftehim, li daħal fis-seħħ sena wara, iż-żewġ Stati ntrabtu li jissottomettu din it-tilwima quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ, ikkostitwit minn dan il-ftehim, li d-deċiżjoni tiegħu kellha torbothom. Wara kwistjoni proċedurali li seħħet quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ, minħabba komunikazzjonijiet ex parte bejn l-arbitru maħtur mis-Slovenja u l-aġent ta’ dan l-Istat quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ matul id-deliberazzjonijiet ta’ dan it-tribunal, il-Kroazja qieset li l-kapaċità ta’ dan it-tribunal li jagħti deċiżjoni b’mod indipendenti u imparzjali kienet kompromessa. Hija għalhekk informat lis-Slovenja, f’Lulju 2015, li hija kienet tqis li din tal-aħħar kienet responsabbli għal ksur materjali tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ. Għaldaqstant, filwaqt li invokat il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati ( 1 ), hija ddeċidiet li ttemm immedjatament il-Ftehim ta’ Arbitraġġ. It-Tribunal tal-Arbitraġġ madankollu qies li l-proċedura ta’ arbitraġġ kellha titkompla u adotta deċiżjoni arbitrali f’Ġunju 2017 li permezz tagħha ddelimita l-fruntiera marittima u l-fruntiera terrestri bejn iż-żewġ Stati kkonċernati. Il-Kroazja ma implimentatx din id-deċiżjoni arbitrali. F’Lulju 2018, is-Slovenja ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija allegat, l-ewwel nett, li l-Kroazja kienet naqset milli twettaq diversi obbligi taħt id-dritt primarju ( 2 ) billi kisret l-obbligi tagħha li joħorġu mill-Ftehim ta’ Arbitraġġ u mid-deċiżjoni arbitrali, b’mod partikolari billi ma tosservax il-fruntiera ffissata permezz ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, hija sostniet li, b’hekk, il-Kroazja kienet kisret diversi normi tad-dritt sekondarju ( 3 ).

Filwaqt li ddeċidiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbli mqajma mill-Kroazja, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri li s-suġġett tiegħu ma jaqax fl-oqsma tal-kompetenza tal-Unjoni, u lanqas ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-obbligi li joħorġu minn dan il-ftehim għal dawn l-Istati Membri. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikkonkludiet li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kemm jekk ikun ibbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE u kemm jekk ikun ibbażat fuq l-Artikolu 259 TFUE, meta l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokat insostenn ta’ dan ir-rikors ikollu natura aċċessorja fil-konfront tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joħorġu minn tali ftehim.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat mis-Slovenja jew jirriżulta mill-allegat nuqqas ta’ twettiq, mill-Kroazja, tal-obbligi li joħorġu mill-Ftehim ta’ Arbitraġġ u mid-deċiżjoni arbitrali mogħtija fuq il-bażi ta’ dan il-ftehim, jew huwa bbażat fuq il-premessa li l-fruntiera terrestri u l-fruntiera marittima bejn dawn iż-żewġ Stati Membri ġiet iddeterminata permezz ta’ din id-deċiżjoni.

Filwaqt li enfasizzat li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni arbitrali ngħatat minn tribunal internazzjonali mwaqqaf bis-saħħa ta’ ftehim ta’ arbitraġġ bilaterali rregolat mid-dritt internazzjonali, li s-suġġett tiegħu ma jaqax fl-oqsma tal-kompetenzi tal-Unjoni previsti fl-Artikoli 3 sa 6 TFUE u li fih l-Unjoni ma hijiex parti, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li la l-Ftehim ta’ Arbitraġġ u lanqas id-deċiżjoni arbitrali ma huma parti integrali mid-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest hija speċifikat li r-riferiment, magħmul f’termini newtrali minn dispożizzjoni tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni, għall-imsemmija deċiżjoni arbitrali ma setax jiġi interpretat fis-sens li jinkorpora fid-dritt tal-Unjoni l-impenji internazzjonali meħuda miż-żewġ Stati Membri fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ imsemmi.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu, f’dan il-każ, natura aċċessorja fil-konfront tal-allegat nuqqas ta’ twettiq mill-Kroazja tal-obbligi li joħorġu mill-ftehim bilaterali inkwistjoni. Filwaqt li indikat li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat taħt l-Artikolu 259 TFUE jista’ jkollu bħala suġġett biss in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija għalhekk ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, dwar allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joħorġu mill-Ftehim ta’ Arbitraġġ u mid-deċiżjoni aribtrali, li minnhom huma misluta l-ilmenti tas-Slovenja bbażati fuq allegat ksur tad-dritt tal-Unjon.

Fl-aħħar nett, filwaqt li fakkret il-kompetenza rriżervata lill-Istati Membri, konformement mad-dritt internazzjonali, dwar id-delimitazzjoni ġeografika tal-fruntieri tagħhom kif ukoll il-fatt li, skont il-Ftehim ta’ Arbitraġġ, huma l-partijiet f’dan il-ftehim li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw id-deċiżjoni arbitrali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx il-kompitu tagħha li teżamina, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-kwistjoni tal-portata u tal-limiti tat-territorji rispettivi tal-Kroazja u tas-Slovenja, b’applikazzjoni diretta tal-fruntiera ddeterminata permezz tad-deċiżjoni arbitrali, sabiex tivverifika l-materjalità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni.


( 1 ) Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331).

( 2 ) Jiġifieri l-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 4(3) TUE.

( 3 ) F’dan is-sens, ġew invokati l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22); is-sistema ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ implimentazzjoni tar-regoli previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU 2009, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 355, p. 93 u 2015, L 149, p. 23), u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) tal-Kummissjoni Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU 2011, L 112, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 328, p. 58); l-Artikoli 4 u 17, moqrija flimkien mal-Artikolu 13, tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1); kif ukoll l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (ĠU 2014, L 257, p. 135).