SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam ta’ ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja – Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(3) – Eżami sħiħ u ex nunc – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Setgħat u dmirijiet tal-qorti tal-ewwel istanza – Assenza ta’ setgħa ta’ bidla tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ protezzjoni internazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu ta’ 60 jum”

Fil-Kawża C‑406/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

PG

vs

Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla (Relatur), R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal PG, minn Sz. M. Sánta, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, inizjalment minn M. Z. Fehér, G. Tornyai u M. Tátrai, sussegwentement minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn dan tal-aħħar, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, A. Tokár u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn PG u l-Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) wara d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tiċħad l-applikazzjoni ta’ PG għal protezzjoni internazzjonali u li tordna t-tneħħija tiegħu, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ta’ tul ta’ sentejn.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 18, 50 u 60 tad-Direttiva 2013/32 jistipulaw:

“(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(50)

Ikun jirrifletti prinċipju bażiku tal-liġi tal-Unjoni li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali […] jkunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal.

[…]

(60)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 18, 19, 21, 23, 24 u 47 tal-Karta u għandha tiġi implimentata għal dan il-għan.”

4

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2013/32 huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

5

L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-“awtorità determinanti” bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonijiet f’tali każijiet”.

6

Skont l-Artikolu 46(1), (3), (4) u (10) ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

i)

les li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. […]

[…]

10.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien għall-qorti jew tribunal skont il-paragrafu 1 sabiex tiġi eżaminata d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.”

Id-dritt Ungeriż

7

L-Artikolu 68(2), (3), (5) u (6) tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) huwa fformulat kif ġej:

“2.   Il-Qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha fi żmien sittin jum wara li tkun irċeviet l-att promotur.

[…]

4.   Il-qorti għandha twettaq eżami sħiħ kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

[…]

5.   Il-qorti ma tistax tirriforma d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil.

6.   Id-deċiżjoni fuq il-mertu tal-qorti li tagħlaq il-proċedura ma tistax tiġi appellata.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

PG, Kurd tal-Iraq, ippreżenta ruħu mingħajr dokumenti tal-identità fiż-żona ta’ tranżitu tal-Ungerija fit-22 ta’ Awwissu 2017 u hemmhekk huwa ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba l-allegati riskji għal ħajtu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. L-awtoritajiet Ungeriżi ċaħdu din it-talba fl-14 ta’ Marzu 2018 u “ddikjaraw li l-prinċipju ta’ non‑refoulement kien inapplikabbli fil-konfront tiegħu”. Kontrih ġiet adottata miżura ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ residenza ta’ tul ta’ sentejn.

9

Il-persuna kkonċernata adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’rikors kontra r-rifjut li tingħatalu protezzjoni internazzjonali.

10

Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li qorti Ungeriża oħra għajr dik tar-rinviju diġà annullat żewġ deċiżjonijiet preċedenti tal-Uffiċċju, waħda tal-25 ta’ Ottubru 2017, l-oħra tat-18 ta’ Jannar 2018, li t-tnejn li huma jiċħdu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-istess persuna. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2018 hija t-tielet waħda li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ PG, wara żewġ annullamenti suċċessivi.

11

Il-qorti tar-rinviju tindika li, mis-sena 2015, id-dritt Ungeriż ma għadux jippermetti li l-qrati jibdlu d-deċiżjonijiet amministrattivi fil-qasam ta’ protezzjoni internazzjonali u li jagħtu huma stess forma jew oħra ta’ protezzjoni. Tali deċiżjonijiet jistgħu biss, jekk ikun il-każ, jiġu annullati bil-konsegwenza li l-persuna kkonċernata terġa’ ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ applikant quddiem l-Uffiċċju. Hija tqis li, minħabba dan il-fatt, iċ-ċiklu ta’ ċaħda mill-Uffiċċju segwit minn annullament mill-qorti jista’ jirrepeti ruħu ad libitum. Hija waslet sabiex tistaqsi lilha nnifisha jekk tali riskju jirrendix il-modalitajiet proċedurali l-ġodda Ungeriżi inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 fil-qasam ta’ dritt għal rimedju effettiv.

12

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju hija affaċċjata minn terminu għall-għoti ta’ ġudizzju ta’ 60 jum l-iktar, impost mil-leġiżlazzjoni Ungeriża. Hija tqis li, f’ċerti każijiet, li tagħhom donnu huwa rappreżentattiv il-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali terminu ma huwiex suffiċjenti sabiex jinġabru l-elementi kollha neċessarji, jiġi ddeterminat il-kuntest fattwali, tinstema’ l-persuna kkonċernata u, għaldaqstant, tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li tkun motivata korrettement. Hija għalhekk għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dan it-terminu mad-dritt għal rimedju effettiv previst fid-Direttiva 2013/32 u fl-Artikolu 47 tal-Karta.

13

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 47 tal-[Karta] u l-Artikolu 31 tad-[Direttiva 2013/32] – fid-dawl ta’ kif inhu pprovdut fl-Artikoli 6 u 13 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950] – jistgħu rispettivament jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv anki fil-każ fejn filwaqt li ma jippermettix lill-qrati jbiddlu d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil, jippermettilhom biss jannullaw tali deċiżjonijiet u jobbligaw lill-awtorità amministrattiva twettaq proċedura ġdida?

2)

L-Artikolu 47 tal-[Karta] u l-Artikolu 31 tad-[Direttiva 2013/32] – fid-dawl ta’ kif inhu pprovdut fl-Artikoli 6 u 13 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali] – jistgħu rispettivament jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet meta tipprevedi terminu imperattiv u uniformi ta’ total ta’ 60 jum għall-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam ta’ ażil, indipendentement minn kull ċirkustanza individwali u mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-kawża u diffikultajiet eventwali relatati mal-produzzjoni tal-provi?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-31 ta’ Lulju 2018, l-Ewwel Awla ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

15

Għandu jiġi osservat li, għalkemm id-domandi preliminari hekk kif ġew ifformulati mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32, dwar il-proċedura amministrattiva ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-verità tirrigwarda l-implimentazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva. Għalhekk hija d-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, b’mod partikolari l-paragrafu 3 tagħha, li għandha tiġi interpretata sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-qrati biss is-setgħa li jannullaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ protezzjoni internazzjonali, bl-esklużjoni tas-setgħa li jbiddluhom.

17

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 21 u 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara r-reġistrazzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, dwar tali kwistjoni fis-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584), u tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626).

18

Hija għalhekk osservat, fil-punti 145 u 146 tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584), li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda biss l-“eżami” tar-rikors u għaldaqstant ma jirrigwardax il-konsegwenzi u l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, bl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jintroduċi xi regola komuni li tipprovdi li l-korp semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva kellu jitlef il-kompetenza tiegħu wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali tiegħu dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jipprevedu li l-fajl għandu, wara tali annullament, jintbagħat lura lil dan il-korp sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni ġdida.

19

Fil-punti 147 u 148 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, dan espost, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jitneħħielu kwalunkwe effett utli kieku kellu jiġi aċċettat li, wara li tingħata sentenza li permezz tagħha l-qorti fl-ewwel istanza tkun wettqet, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, evalwazzjoni sħiħa u ex nunc tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant skont id-Direttiva 2011/95, l-imsemmi korp ikun jista’ jieħu deċiżjoni li tmur kontra din l-evalwazzjoni, jew ikun jista’ jħalli tul kunsiderevoli ta’ żmien jiddekorri, li jista’ jżid ir-riskju li jqumu elementi li jeħtieġu evalwazzjoni aġġornata ġdida. Konsegwentement, minkejja li d-Direttiva 2013/32 ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi regola komuni f’dak li jirrigwarda l-kompetenza sabiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali, madankollu, mill-għan tagħha, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat ipproċessar kemm jista’ jkun malajr tal-applikazzjonijiet ta’ din in-natura, mill-obbligu li jiġi ggarantit effett utli għall-Artikolu 46(3) tagħha, kif ukoll mill-ħtieġa, li tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li tiġi żgurata l-effettività tar-rikors, jirriżulta li kull Stat Membru marbut bl-imsemmija direttiva għandu jadatta d-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li, wara annullament tad-deċiżjoni inizjali u fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-korp semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni.

20

Għaldaqstant, meta qorti tannulla deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva wara eżami eżawrjenti u aġġornat tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ applikant fid-dawl tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti u tikkonstata li dan l-applikant għandu jingħata protezzjoni internazzjonali, u sussegwentement tibgħat lura l-kwistjoni quddiem l-awtorità amministrattiva sabiex din tadotta deċiżjoni ġdida, din l-awtorità amministrattiva hija obbligata li tagħti l-protezzjoni internazzjonali mitluba, bla ħsara għall-okkorrenza ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jeħtieġu oġġettivament evalwazzjoni aġġornata ġdida, u jekk ma jkunx hekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll l-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95, jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 66).

21

F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ tad-deċiżjoni adottata mill-imsemmija awtorità amministrattiva wara tali sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, għalkemm l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ma jobbligax lill-Istati Membri jagħtu setgħa ta’ bidla lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikorsi skont din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw, f’kull każ u billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, l-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 6970).

22

Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan iddeduċiet, f’dak li jirrigwarda r-regoli proċedurali implimentati fil-kawża prinċipali, li, jekk deċiżjoni ġudizzjarja li fiha l-qorti wettqet eżami sħiħ u ex nunc tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata u li fi tmiemu tkun iddeċidiet li huwa kellu jingħata tali protezzjoni tiġi kkontradetta bid-deċiżjoni sussegwenti tal-awtorità amministrattiva kompetenti, l-imsemmija qorti għandha, meta d-dritt nazzjonali ma jagħtiha ebda mezz li jippermettilha tinforza l-osservanza tad-deċiżjoni tagħha, tbiddel din id-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva u tissostitwixxiha bid-deċiżjoni tagħha, filwaqt li ma tapplikax, jekk ikun meħtieġ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludiha milli tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 68, 7277).

23

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-qrati biss is-setgħa li jannullaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ protezzjoni internazzjonali, bl-esklużjoni tas-setgħa li jbiddluhom. Madankollu, fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità amministrattiva kompetenti, deċiżjoni ġdida għandha tiġi adottata f’terminu qasir u għandha tkun konformi mal-evalwazzjoni mwettqa fis-sentenza ta’ annullament. Barra minn hekk, meta qorti nazzjonali tkun ikkonstatat, wara li tkun wettqet eżami sħiħ u ex nunc tal-punti ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha ppreżentati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, li, b’applikazzjoni tal-kriterji previsti mid-Direttiva 2011/95, dan l-applikant għandu jiġi rrikonoxxut tali protezzjoni għar-raġuni li huwa jinvoka insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, iżda meta awtorità amministrattiva sussegwentement tadotta deċiżjoni li jkollha sens oppost, mingħajr ma tistabbilixxi f’dan ir-rigward l-okkorrenza ta’ elementi ġodda li jiġġustifikaw evalwazzjoni ġdida tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant ikkonċernat, din il-qorti għandha, meta d-dritt nazzjonali ma jagħtiha ebda mezz li jippermettilha tinforza l-osservanza tad-deċiżjoni tagħha, tbiddel din id-deċiżjoni mhux konformi mad-deċiżjoni preċedenti tagħha u tissostitwixxiha bid-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li ma tapplikax, jekk ikun meħtieġ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludiha milli tagħmel dan.

Fuq it-tieni domanda

24

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fuq il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, terminu ta’ 60 jum sabiex tingħata deċiżjoni.

25

Għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2013/32 mhux talli ma tipprevedix regoli armonizzati fil-qasam ta’ termini għall-għoti ta’ ġudizzju, talli saħansitra tawtorizza lill-Istati Membri jistabbilixxu tali termini fl-Artikolu 46(10) tagħha.

26

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-proċeduri tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sakemm madankollu, dawn il-proċeduri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C 3/16, EU:C:2017:209, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dak li jirrigwarda l-osservanza tar-rekwiżit relatat mal-prinċipju ta’ ekwivalenza fir-rigward tat-terminu għall-għoti ta’ ġudizzju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li la ġie allegat, u lanqas ma jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li sitwazzjonijiet simili huma rregolati permezz ta’ modalitajiet proċedurali nazzjonali li huma iktar favorevoli minn dawk previsti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/32 u applikati fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Flausch et, C‑280/18, EU:C:2019:928, punt 28).

28

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jirrikonoxxi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tagħhom. L-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-portata ta’ dan id-dritt, billi jippreċiża li l-Istati Membri marbuta b’din id-direttiva għandhom jiżguraw li l-qorti li quddiemha tkun qed tiġi kkontestata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 51).

29

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, kull deċiżjoni dwar l-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni individwali (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tkun intiża li tiddetermina jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali status (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 68).

30

Barra minn hekk, għandu jitfakkar, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fil-kuntest tar-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, ċertu numru ta’ drittijiet proċedurali speċifiċi huma ggarantiti lir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, jiġifieri d-dritt għal interpretu, il-possibbiltà ta’ komunikazzjoni b’mod partikolari mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l-aċċess għal ċerta informazzjoni; tal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-possibbiltà ta’ assistenza legali u ta’ rappreżentazzjoni mingħajr ħlas; tal-Artikolu 22 tal-istess direttiva dwar l-aċċess għal parir legali; kif ukoll tal-Artikoli 24 u 25 tagħha relatati mad-drittijiet tal-persuni li għandhom bżonnijiet speċifiċi u tal-minuri mhux akkumpanjati.

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-opportunità li tfakkar li bħala prinċipju huwa neċessarju li fl-istadju ġudizzjarju jkun previst smigħ tal-applikant, ħlief meta ċerti kundizzjonijiet kumulattivi jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punti 3744 sa 48). Barra minn hekk, jista’ jirriżultalha utli li tordna miżuri istruttorji oħra, b’mod partikolari l-eżami mediku msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2013/32.

32

F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jiġri li, minħabba l-ammont ta’ xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha jew minħabba d-diffikultà partikolari ta’ ċerti kawżi, il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx, materjalment, f’pożizzjoni li tiżgura, fit-terminu ta’ 60 jum impost fuqha, l-osservanza tar-regoli kollha msemmija fil-punti 27 sa 31 ta’ din is-sentenza għal kull wieħed mill-każijiet ippreżentati quddiemha sabiex jiġu eżaminati.

33

Fl-istess ħin, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju kkwalifikat l-imsemmi terminu bħala “imperattiv”.

34

F’sitwazzjoni bħal din, fin-nuqqas ta’ kull regola nazzjonali intiża li tiggarantixxi li l-kawża tiġi deċiża f’terminu raġonevoli, bħal regola li tipprevedi li, wara terminu ta’ 60 jum, il-fajl jingħadda lil qorti oħra, il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jimplika li l-qorti għandha l-obbligu li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra li dan it-terminu huwa imperattiv.

35

Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll li d-Direttiva 2013/32 timponi wkoll, fl-Artikolu 46(4) tagħha, l-obbligu fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu termini raġonevoli għall-għoti ta’ ġudizzju. Dawn jikkontribwixxu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jintlaħaq l-għan globali ta’ trattament kemm jista’ jkun rapidu tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, stabbilit fil-premessa 18 tad-direttiva.

36

Għalhekk, l-obbligu impost fuq il-qorti li ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu għall-għoti ta’ ġudizzju li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni ma jeħlishiex minn kull obbligu li taġixxi b’ħeffa, iżda jimponilha biss li tqis li t-terminu impost huwa indikattiv, bl-obbligu li tagħti deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr meta tali terminu jinqabeż.

37

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali terminu ta’ 60 jum sabiex tingħata deċiżjoni, bil-kundizzjoni li din il-qorti tkun f’pożizzjoni li tiżgura, f’dan it-terminu, l-effettività tar-regoli sostantivi u tal-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-applikant mid-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-imsemmija qorti hija obbligata li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi t-terminu għall-għoti ta’ ġudizzju u, meta dan it-terminu jinqabeż, li tagħti d-deċiżjoni tagħha malajr kemm jista’ jkun.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-qrati biss is-setgħa li jannullaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ protezzjoni internazzjonali, bl-esklużjoni tas-setgħa li jbiddluhom. Madankollu, fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità amministrattiva kompetenti, deċiżjoni ġdida għandha tiġi adottata f’terminu qasir u għandha tkun konformi mal-evalwazzjoni mwettqa fis-sentenza ta’ annullament. Barra minn hekk, meta qorti nazzjonali tkun ikkonstatat, wara li tkun wettqet eżami sħiħ u ex nunc tal-punti ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha ppreżentati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, li, b’applikazzjoni tal-kriterji previsti mid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, dan l-applikant għandu jiġi rrikonoxxut tali protezzjoni għar-raġuni li huwa jinvoka insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, iżda meta awtorità amministrattiva sussegwentement tadotta deċiżjoni li jkollha sens oppost, mingħajr ma tistabbilixxi f’dan ir-rigward l-okkorrenza ta’ elementi ġodda li jiġġustifikaw evalwazzjoni ġdida tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant ikkonċernat, din il-qorti għandha, meta d-dritt nazzjonali ma jagħtiha ebda mezz li jippermettilha tinforza l-osservanza tad-deċiżjoni tagħha, tbiddel din id-deċiżjoni mhux konformi mad-deċiżjoni preċedenti tagħha u tissostitwixxiha bid-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li ma tapplikax, jekk ikun meħtieġ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludiha milli tagħmel dan.

 

2)

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali terminu ta’ 60 jum sabiex tingħata deċiżjoni, bil-kundizzjoni li din il-qorti tkun f’pożizzjoni li tiżgura, f’dan it-terminu, l-effettività tar-regoli sostantivi u tal-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-applikant mid-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-imsemmija qorti hija obbligata li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi t-terminu għall-għoti ta’ ġudizzju u, meta dan it-terminu jinqabeż, li tagħti d-deċiżjoni tagħha malajr kemm jista’ jkun.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.