SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2006/54/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Artikolu 24 – Protezzjoni mill-miżuri ta’ ritaljazzjoni – Ċaħda ta’ kandidata għall-impjieg minħabba t-tqala tagħha – Ħaddiem li intervjena favur din il-kandidata – Tkeċċija tal-ħaddiem”

Fil-Kawża C‑404/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-arbeidsrechtbank te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Jamina Hakelbracht,

Tintine Vandenbon,

Instituut voor de geelijkheid van Vrouwen en Mannen,

vs

WTG Retail BVBA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal J. Hakelbracht u T. Vandenbon, kif ukoll għall-Institut voor de Gelijkheid van Vrouwen en Mannen, minn L. Vandenplas u V. Petry, advocaten,

għal WTG Retail BVBA, minn T. De Meester, advocaat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).

2

It-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Jamina Hakelbracht, Tine Vandenbon u l-Instituut voor de Gelijkheid van Vrouwen en Mannen (l-Istitut għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel) (iktar ’il quddiem l-“Istitut”), minn naħa, u WTG Retail BVBA, min-naħa l-oħra, dwar l-għoti ta’ kumpens lil T. Vandenbon bħala konsegwenza tat-tkeċċija tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 23, 29 u 32 tad-Direttiva 2006/54 jipprovdu:

“(23)

Huwa ċar mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li trattament mhux favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba s-sess. Trattament bħal dan għalhekk għandu jiġi espressement kopert minn din id-Direttiva.

[…]

(29)

Għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa essenzjali li jkunu provduti proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi adegwati għall-infurzar ta’ l-obbligi imposti minn din id-Direttiva.

[…]

(32)

Meħuda in konsiderazzjoni n-natura fundamentali tad-dritt għall-protezzjoni legali effettiva, huwa xieraq li tassigura li l-ħaddiema jibqgħu jgawdu tali protezzjoni anke wara li r-relazzjoni li tat bidu għall-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali spiċċa. Impjegat li qed jiddefendi jew qed jixhed f’isem persuna protetta taħt din id-Direttiva għandu jkun intitolat għall-istess protezzjoni.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

(a)

l-aċċess għall-impjiegi, inkluża l-promozzjoni, u t-taħriġ vokazzjonali;

(b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

(ċ)

l-iskemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

Hi fiha wkoll dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li din l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva permezz ta’ l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa.”

5

Konformement mal-Artikolu 2(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, diskriminazzjoni tinkludi:

[…]

(ċ)

kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens d-Direttiva 92/85/KEE [Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110)].”

6

L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.   M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

(a)

kondizzjonijiet għal aċċess għall-impjiegi, għal min jaħdem għal rasu jew għall-impjieg, inkluż il-kriterji ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, tkun li tkun il-fergħa ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluż promozzjoni;

[…]”

7

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/54, intitolat “Difiża ta’ drittijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati membri għandhom jassiguraw li wara l-użu possibli ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, inkluż fejn iħossu li jkun xieraq proċeduri ta’ konċiljazzjoni, il-proċeduri ġudizzjarji għall-infurzar ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva jkunu disponibbli għall-persuni kollha li jqisu li sofrew danni bil-fatt li ma ġiex applikat prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tagħhom, anke wara li r-relazzjoni li fiha l-allegata diskriminazzjoni tkun seħħet, tkun spiċċat.”

8

L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Vittimizzazzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom il-miżuri kollha meħtieġa biex iħarsu lill-impjegati, inklużi dawk li huma rappreżentanti ta’ l-impjegati, provduti mil-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali, kontra t-tkeċċija jew trattament avvers ieħor minn min iħaddem bħala reazzjoni għal ilment fl-intrapriża jew għal kwalunkwe proċedura legali bl-għan li tkun infurzata l-konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.”

Id-dritt Belġjan

9

L-Artikolu 22 tal-wet ter bestrijding van discriminatie tussen vrouwen en mannen (il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni bejn in-Nisa u l-Irġiel) tal-10 ta’ Mejju 2007 (Belgisch Staatsblad, 30 ta’ Mejju 2007, p. 29031) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sessi”) huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta lment isir minn persuna jew għall-benefiċċju tagħha minħabba ksur ta’ din il-liġi li jkun seħħ fil-qasam tar-relazzjonijiet tax-xogħol u tal-iskemi supplimentari tas-sigurtà soċjali, il-persuna li timpjega ma tistax tadotta miżura li tkun ta’ preġudizzju għal din il-persuna, ħlief għal raġunijiet li huma estranji għal dan l-ilment.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, miżura li tkun ta’ preġudizzju għandha tfisser inter alia t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-bidla unilaterali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jew il-miżura ta’ preġudizzju li sseħħ wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, l-ilment għandu jfisser:

ilment motivat imressaq mill-persuna kkonċernata fil-livell tal-impriża jew tad-dipartiment fejn hija impjegata, skont il-proċeduri fis-seħħ;

ilment motivat imressaq mid-direction générale contrôle des lois sociales du service public fédéral emploi, travail et concertation sociale (id-Direttorat Ġenerali dwar l-Istħarriġ tal-Liġijiet Soċjali tas-Servizz Pubbliku Federali għall-Impjiegi, ix-Xogħol u d-Djalogu Soċjali), għall-benefiċċju tal-persuna kkonċernata, kontra l-impriża jew id-dipartiment fejn hija impjegata;

ilment motivat ippreżentat għall-benefiċċju tal-persuna kkonċernata minn grupp ta’ interessi jew mill-Istitut fl-impriża jew mid-dipartiment fejn hija impjegata;

azzjoni legali mressqa mill-persuna kkonċernata;

azzjoni legali mressqa għall-benefiċċju tal-persuna kkonċernata mill-Istitut jew grupp ta’ interessi.

L-ilment motivat imsemmi fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu għandu jkun datat, iffirmat u nnotifikat b’ittra rreġistrata, li fiha jkunu esposti l-ilmenti indirizzati lill-awtur tal-allegata diskriminazzjoni.

[…]

9.   Il-protezzjoni msemmija f’dan l-artikolu għandha tapplika wkoll għall-persuni li jaġixxu bħala xhieda minħabba l-fatt li, fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-ilment previst fil-paragrafu 3, dawn jgħarrfu lill-persuna li lilha sar l-ilment, f’dokument datat u ffirmat, il-fatti li huma stess raw jew semgħu u li huma relatati mas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-ilment jew minħabba l-fatt li huma jaġixxu bħala xhieda fi proċeduri legali;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

T. Vandenbon kienet impjegata minn WTG Retail bħala maniġer ta’ wieħed mill-ħwienet tal-ħwejjeġ operati minn din l-impriża. F’din il-kapaċità, fl-24 ta’ Ġunju 2015, T. Vandenbon għamlet intervista għal reklutaġġ lil J. Hakielbracht għal kariga ta’ bejjiegħa li kellha tibda fl-1 ta’ Awwissu 2015. Matul din l-intervista, J. Hakelbracht indikat li kellha tliet xhur tqala.

11

Fil-5 ta’ Lulju 2015, T. Vandenbon għarrfet lil WTG Retail li kienet sabet kandidata xierqa fil-persuna ta’ J. Hakelbracht. Madankollu, il-kap tar-riżorsi umani ta’ din l-impriża informaha, b’posta elettronika tas-6 ta’ Lulju 2015, li ma riedx jimpjega lil J. Hakelbracht minħabba t-tqala tagħha.

12

B’ittra elettronika tas-7 ta’ Lulju 2015, T. Vandenbon irrimarkat lil WTG Retail li tali rifjut ta’ reklutaġġ minħabba t-tqala kien ipprojbit mil-liġi. Madankollu, fit-12 ta’ Awwissu 2015, hija saret taf li WTG Retail ikkonfermat ir-rifjut tagħha li tirrekluta lil J. Hakelbracht għall-istess raġuni.

13

Fl-istess jum, T. Vandenbon informat lil J. Hakelbracht li l-kandidatura tagħha ma ġietx magħżula minħabba t-tqala tagħha.

14

J. Hakelbracht imbagħad ikkuntattjat lil WTG Retail dwar in-nuqqas ta’ reklutaġġ tagħha, u indikatilha li kellha l-ħsieb tressaq ilment kontra din l-impriża mal-Istitut. Peress li sussegwentement WTG Retail ma bidlitx il-pożizzjoni tagħha, J. Hakelbracht ressqet ilment u, fis-26 ta’ Settembru 2015, hija informat lil din l-impriża b’dan l-ilment.

15

Fil-5 ta’ Ottubru 2015, T. Vandenbon kellha intervista mal-kap ta’ WTG Retail dwar in-nuqqas ta’ reklutaġġ ta’ J. Hakelbracht, li fiha hija ġiet ikkritikata li kienet il-kawża tal-ilment imressaq minn din tal-aħħar.

16

Fit-12 ta’ Novembru 2015, l-Istitut informa lil WTG Retail li kien irċieva l-ilment ta’ J. Hakelbracht. Permezz ta’ ittra elettronika mibgħuta lill-Istitut fil-11 ta’ Diċembru 2015, din l-impriża formalment ikkontestat li hija kienet irrifjutat li tirrekluta lil J. Hakelbracht minħabba t-tqala tagħha.

17

Fis-6 ta’ April 2016, WTG Retail temmet il-kuntratt tax-xogħol ta’ T. Vandenbon. Fit-13 ta’ April 2016, din tal-aħħar ressqet ilment quddiem l-Istitut. Mitluba minn T. Vandenbon tindika r-raġunijiet tat-tkeċċija tagħha, WTG Retail bagħtitilha informazzjoni ddettaljata dwar dawn ir-raġunijiet b’ittra datata l-10 ta’ Ġunju 2016. Dawn ir-raġunijiet kienu jinkludu, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni mhux korretta tal-kompiti fdati lilha, in-nuqqas ta’ konformità mal-istruzzjonijiet ta’ sigurtà, il-ġestjoni insuffiċjenti tal-ħanut u n-nuqqas ta’ ordni. Is-sindakat li miegħu kienet affiljata T. Vandenbon ikkontesta l-imsemmija raġunijiet.

18

Kemm J. Hakelbracht kif ukoll T. Vandenbon intimaw lil WTG Retail, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2016, sabiex tħallashom rispettivament kumpens fiss f’ammont li jikkorrispondi għal salarju ta’ sitt xhur. Billi ma setgħux jikkonkludu ftehim dwar dan il-punt, huma talbu lill-arbeidsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tax-Xogħol ta’ Antwerpen, il-Belġju) tikkundanna lil din l-impriża għall-ħlas ta’ dan il-kumpens.

19

Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, huwa stabbilit fil-kawża prinċipali li J. Hakelbracht kienet fil-fatt vittma ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, li hija r-raġuni li fuq il-bażi tagħha l-qorti tar-rinviju tatha kumpens.

20

Fir-rigward tat-talba ta’ T. Vandenbon, li hija unikament rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju, T. Vandenbon hija intiża tipprevalixxi ruħha mill-protezzjoni kontra l-miżuri ta’ ritaljazzjoni, iggarantita fl-Artikolu 22(9) tal-Liġi dwar is-Sessi, billi sostniet li hija intervjeniet bħala xhud fl-investigazzjoni tal-ilment imressaq minn J. Hakelbracht. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet tad-definizzjoni legali meħtieġa għal dan l-għan ma humiex issodisfatti, f’dan il-każ, peress li T. Vandenbon ma tista’ tippreżenta l-ebda dokument iddatat u ffirmat dwar ix-xhieda tagħha.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 22(2) tal-Liġi dwar is-Sessi hijiex iktar ristretta minn dik ipprovduta fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54, sa fejn din il-protezzjoni, fl-opinjoni tagħha, ma għandhiex tkun limitata għal xhieda uffiċjali biss, iżda għandha testendi wkoll għall-persuni li jiddefendu jew jappoġġjaw lill-persuna li tkun ressqet ilment minħabba diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arbeidsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tax-Xogħol ta’ Antwerpen, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 24 tad-Direttiva [2006/54], għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li toffri protezzjoni kontra ritaljazzjonijiet minn persuni li jintervjenu bħala xhieda, biss għall-persuna li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ lment tikkomunika, f’dokument iffirmat u b’data, fatti li hija nnifisha rat jew semgħet, u li huma marbuta mas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-ilment, lill-persuna li quddiemha tressaq l-ilment jew li tintervjeni bħala xhud fil-proċeduri legali?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, f’sitwazzjoni fejn persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ippreżentat ilment, ħaddiem li jkun appoġġjaha f’dan il-kuntest huwa protett kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni meħuda mill-persuna li timpjega biss jekk dan ikun aġixxa bħala xhud fl-investigazzjoni ta’ dak l-ilment u x-xhieda tiegħu tkun tissodisfa r-rekwiżiti formali previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

24

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, WTG Retail keċċiet lil T. Vandenbon kważi disa’ xhur wara li din opponiet ir-rifjut ta’ din l-impriża li tirrekluta lil J. Hakelbracht, rifjut li kien motivat mit-tqala ta’ din tal-aħħar. Minkejja li WTG Retail issostni li din it-tkeċċija saret għal raġunijiet oġġettivi li ma humiex marbuta ma’ din l-oppożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tidher, madankollu, li titlaq mill-premessa kuntrarja.

25

Min-naħa l-oħra, il-fatt li ma tintgħażilx kandidata minħabba li hija tqila għandu jitqies bħala trattament inqas favorevoli ta’ mara marbut mat-tqala, li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, kif tenfasizza, barra minn hekk, il-premessa 23 ta’ din id-direttiva.

26

Fir-rigward tal-protezzjoni introdotta mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu l-ħaddiema, inklużi r-rappreżentanti tagħhom, minn kull tkeċċija jew kull trattament sfavorevoli ieħor li l-persuna li timpjega twettaq b’reazzjoni għal ilment li jkun sar fil-livell tal-impriża jew għal azzjoni legali intiża sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

27

Isegwi mill-kliem stess tal-imsemmi Artikolu 24 li l-kategorija ta’ ħaddiema li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ u tinkludi l-ħaddiema kollha li jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri ta’ ritaljazzjoni meħuda mill-persuna li timpjega b’reazzjoni għal ilment imressaq fuq il-bażi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, mingħajr ma din il-kategorija tkun b’xi mod ieħor iddelimitata.

28

B’hekk, mill-kliem tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54 jirriżulta li dan ma jillimitax il-protezzjoni biss għall-ħaddiema li ppreżentaw ilment jew għar-rappreżentanti tagħhom, jew għal dawk li jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti formali li jikkundizzjonaw ir-rikonoxximent ta’ ċertu status, bħal dak ta’ xhud, bħal dawk previsti mil-Liġi dwar is-Sessi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, konformement mal-premessa 32 tad-Direttiva 2006/54, “[i]mpjegat li qed jiddefendi jew qed jixhed f’isem persuna protetta taħt din id-Direttiva għandu jkun intitolat għall-istess protezzjoni” tal-persuna protetta, anki wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol. Din il-premessa tikkonferma, għalhekk, li l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tiċċirkoskrivi l-kategorija ta’ ħaddiema, għajr il-persuna ddiskriminata, li għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni kontra ritaljazzjonijiet, mhux fuq il-bażi ta’ kriterji formali, iżda fuq il-bażi tar-rwol li dawn il-ħaddiema setgħu qdew għall-benefiċċju tal-persuna protetta u li seta’ wassal lill-persuna li timpjega kkonċernata tieħu miżuri sfavorevoli kontrihom.

30

Tali interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54 hija, barra minn hekk, sostnuta mill-għan tagħha li tiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-aċċess għall-impjiegi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif imfittex mid-Direttiva 2006/54, tirrikjedi, kif indikat b’mod ċar fil-premessa 29 ta’ din id-direttiva, l-istabbiliment ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi adegwati sabiex jiġu osservati l-obbligi previsti minn din id-direttiva. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva jistipula li tali proċeduri għandhom ikunu aċċessibbli għall-persuni kollha li jqisu ruħhom offiżi minħabba li ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

32

Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tikkostitwixxi espressjoni speċifika, fil-kuntest tal-istess direttiva, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li kien stipulat fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1998, Coote, C‑185/97, EU:C:1998:424, punt 21), liema prinċipju huwa issa affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

33

Fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), li ppreċediet id-Direttiva 2006/54, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv ikun miċħud mill-essenza tal-effettività tiegħu jekk il-protezzjoni li dan jagħti ma tinkludix il-miżuri li persuna li timpjega tista’ tieħu b’reazzjoni għal azzjoni legali mressqa minn impjegat sabiex jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, il-biża’ ta’ miżuri bħal dawn li kontrihom ma jkun hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju jista’ jiskoraġġixxi lill-ħaddiema li jqisu ruħhom offiżi b’diskriminazzjoni milli jsostnu d-drittijiet tagħhom permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji u, għalhekk, hija ta’ natura li tipperikola b’mod serju l-kisba tal-għan imfittex mid-Direttiva (sentenza tat-22 ta’ Settembru 1998, Coote, C‑185/97, EU:C:1998:424, punt 24).

34

Bl-istess mod, l-effettività tal-protezzjoni meħtieġa mid-Direttiva 2006/54 kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ma tkunx żgurata jekk din ma tkoprix il-miżuri li persuna li timpjega tista’ tieħu kontra ħaddiema li, b’mod formali jew informali, iddefendew il-persuna protetta jew xehdu favuriha. Fil-fatt, dawn il-ħaddiema, li qegħdin f’pożizzjoni ideali sabiex jappoġġjaw lil din il-persuna u sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni mill-persuna li timpjegahom, jistgħu għalhekk jiġu skoraġġiti milli jintervjenu għall-benefiċċju tal-imsemmija persuna billi jibżgħu li jiġu mċaħħda mill-protezzjoni jekk ma jissodisfawx ċerti rekwiżiti formali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan jista’ jimmina serjament il-kisba tal-għan imfittex mid-Direttiva 2006/54 billi titnaqqas il-probabbiltà li każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess jiġu identifikati u solvuti.

35

Għaldaqstant, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema koperti minn dan l-artikolu, minbarra l-persuna suġġetta għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, għandhom ikunu protetti sa fejn dawn jistgħu jkunu żvantaġġati mill-persuna li timpjegahom minħabba l-appoġġ li jkunu pprovdew, b’mod formali jew informali, lill-persuna li kienet suġġetta għal tali diskriminazzjoni.

36

Sa fejn WTG Retail tafferma, essenzjalment, li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 22(9) tal-Liġi dwar is-Sessi huma ġġustifikati sa fejn dawn jistabbilixxu sistema probatorja bbilanċjata sempliċi dwar l-eżistenza u d-datazzjoni tax-xhieda, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni, meħuda fl-intier tagħha, ma tistabbilixxix sempliċi regoli proċedurali jew probatorji, iżda għandha t-tendenza, fi kwalunkwe każ ukoll, li tiddetermina l-kategorija ta’ ħaddiema protetti mill-miżuri ta’ ritaljazzjoni b’mod iktar restrittiv minn dak previst fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54, billi teskludi, b’mod partikolari, il-ħaddiema li appoġġjaw, b’mod informali, lill-persuna li kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, għad-domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, f’sitwazzjoni fejn persuna li tqis lilha nnifisha vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ippreżentat ilment, ħaddiem li appoġġjaha f’dan il-kuntest ikun protett kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni meħuda mill-persuna li timpjega biss jekk dan ikun aġixxa bħala xhud fl-ambitu tal-investigazzjoni ta’ dan l-ilment u x-xhieda tiegħu tkun tissodisfa r-rekwiżiti formali previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, f’sitwazzjoni fejn persuna li tqis lilha nnifisha vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ippreżentat ilment, ħaddiem li appoġġjaha f’dan il-kuntest ikun protett kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni meħuda mill-persuna li timpjega biss jekk dan ikun aġixxa bħala xhud fl-ambitu tal-investigazzjoni ta’ dan l-ilment u x-xhieda tiegħu tkun tissodisfa r-rekwiżiti formali previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.