SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(2)(b)(ii) u l-Artikolu 5 – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà – Ħaddiem partikolarment sensittiv għar-riskji professjonali, fis-sens tad-dritt nazzjonali – Eżistenza ta’ ‘diżabbiltà’ – Tkeċċija għal raġunijiet oġġettivi bbażati fuq il-kriterji tal-produttività, tal-ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża kif ukoll tal-assenteiżmu – Żvantaġġ partikolari għall-persuni b’diżabbiltà – Diskriminazzjoni indiretta – Arranġamenti raġonevoli – Persuna li ma hijiex kompetenti, kapaċi u disponibbli sabiex taqdi l-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni kkonċernata”

Fil-Kawża C‑397/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social n 3 de Barcelona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

DW

vs

Nobel Plastiques Ibérica SA,

fil-preżenza ta’:

Fondo de Garantía Salarial (Fogasa),

Ministerio Fiscal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President ta’ Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DW, minn J. Pérez Jiménez, abogado,

għal Nobel Plastiques Ibérica SA, minn D. Sanahuja Cambra, abogada,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DW u Nobel Plastiques Ibérica SA fir-rigward tal-legalità tat-tkeċċija ta’ DW għal raġunijiet oġġettivi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-ONU”), tistabbilixxi fil-punt (e) tal-preambolu tagħha:

“Filwaqt li jagħrfu li d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara fis-saħħa l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Għan”:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.

Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dwak li għandom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

[…]

‘Diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà’ tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew effett li tfixkel jew ixxejjen l-għarfien, it-tgawdija jew l-eżerċitar, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali, ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor. Din tinkludi il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluża ċ-ċaħda ta’ aġevolezza raġonevoli;

‘Akkomodazzjoni raġonevoli’ tfisser modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f’każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha;

[…]”

Id-dritt tal-Unjoni

6

Skont il-premessi 11, 12, 16, 17, 20 u 21 tad-Direttiva 2000/78:

“(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. Din il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni għandha wkoll tapplika għal ċittadini ta’ pajjizi terzi imma ma tkoprix id-differenzi ta’ trattament ibbażati fuq ċittadinanza u ma tippreġudikax d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-aċċess tagħhom għall-impjieg u x-xogħol.

[…]

(16)

Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba dizabilità.

(17)

Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħrig relevanti, mingħajr prejudizzju għall-obbligu biex jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet.

[…]

(20)

Għandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni.

(21)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni jikkawżawx piż sproporzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra.”

7

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jistipula:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

8

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)

fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.”

9

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

10

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”, huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.”

Id-dritt Spanjol

11

L-Artikolu 25 tal-Ley 31/1995 de Prevención de Riesgos Laborales (il-Liġi 31/1995 dwar il-Prevenzjoni tar-Riskji Professjonali) tat‑8 ta’ Novembru 1995 (BOE Nru 269 tal‑10 ta’ Novembru 1995, p. 32590), intitolat “Protezzjoni tal-ħaddiema partikolarment sensittivi għal ċerti riskji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuna li timpjega għandha tiżgura b’mod speċifiku l-protezzjoni tal-ħaddiema li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom jew minħabba stat fiżjoloġiku magħruf, inklużi l-ħaddiema li s-sitwazzjoni tagħhom ta’ diżabbiltà fiżika, mentali jew sensorjali ġiet irrikonoxxuta, huma partikolarment sensittivi għar-riskji professjonali. Għal dan l-għan, din għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-aspetti fl-evalwazzjonijiet tar-riskji u, skont dawn tal-aħħar, tadotta l-miżuri preventivi u ta’ protezzjoni li huma meħtieġa.

Il-ħaddiema ma għandhomx jiġu assenjati f’pożizzjonijiet tax-xogħol li fihom huma jistgħu, minħabba karatteristiċi speċifiċi għalihom, minħabba stat fiżjoloġiku jew minħabba diżabbiltà fiżika, mentali jew sensorjali debitament irrikonoxxuta, jitqiegħdu huma stess jew iqiegħdu lil ħaddiema oħra jew lil persuni oħra marbuta mal-impriża f’sitwazzjonijiet ta’ periklu; b’mod ġenerali, huma ma għandhomx jiġu assenjati f’tali pożizzjonijiet meta dawn ikunu manifestament fi stat jew f’sitwazzjoni tranżitorji li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti fiżiċi u mentali neċessarji sabiex jokkupaw il-pożizzjonijiet tax-xogħol inkwistjoni.”

12

L-Artikolu 2 tar-Real Decreto Legislativo 1/2013, por el que se aprueba el Texto Refundido de la Ley General de derechos de las personas con discapacidad y de su inclusión social (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2013 li Jirriformula l-Liġi Ġenerali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Integrazzjoni Soċjali Tagħhom) tad‑29 ta’ Novembru 2013 (BOE Nru 289 tat‑3 ta’ Diċembru 2013, p. 95635), jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament:

a)

‘diżabbiltà’ tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-persuni li għandhom inkapaċitajiet ta’ natura probabbilment dewwiema li flimkien ma’ diversi ostakoli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

[…]

c)

‘diskriminazzjoni diretta’ tirrigwarda s-sitwazzjoni li tinsab fiha persuna b’diżabbiltà meta tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn oħra f’sitwazzjoni simili, abbażi ta’ jew minħabba d-diżabbiltà tagħha.

d)

‘diskriminazzjoni indiretta’ teżisti meta dispożizzjoni leġiżlattiva, klawżola kuntrattwali, ftehim individwali, deċiżjoni unilaterali, kriterju jew prattika, jew anki ambjent, prodott jew servizz, apparentement newtrali, jistgħu joħolqu żvantaġġ partikolari għal persuna meta mqabbla ma’ oħra, abbażi ta’ jew minħabba d-diżabbiltà tagħha, sakemm dawn ma jissodisfawx, oġġettivament, għan leġittimu u li l-metodi użati sabiex jintlaħaq dan ma humiex xierqa u meħtieġa.

[…]”

13

L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet irjali leġiżlattiv, intitolat “Id-detenturi tad-drittijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dawk li għandhom insuffiċjenza fiżika, mentali, intellettwali u sensorjali probabbilment dewwiema li f’interazzjoni ma’ diversi ostakli tista’ ttellef mill-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fuq bażi ndaqs ma’ persuni oħra fis-soċjetà.”

14

L-Artikolu 35 tal-imsemmi digriet irjali leġiżlattiv, intitolat “Garanziji tad-dritt għax-xogħol”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għax-xogħol taħt kundizzjonijiet li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

2.   Il-garanzija u l-effettività tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament u tad-dritt għall-opportunitajiet indaqs li għandhom il-persuni b’diżabbiltà huma rregolati minn dan il-kapitolu u mil-leġiżlazzjoni speċifika għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-impjieg kif ukoll l-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jew għax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, fosthom ir-remunerazzjoni u t-tkeċċija, il-promozzjoni professjonali, it-taħriġ professjonali u kontinwu, it-taħriġ għall-impjiegi, l-affiljazzjoni u l-isħubija f’organizzazzjoni ta’ ħaddiema jew ta’ persuni li jimpjegaw u l-inkorporazzjoni u l-isħubija f’kull organizzazzjoni li l-membri tagħha jeżerċitaw professjoni partikolari.

3.   Teżisti diskriminazzjoni diretta meta persuna b’diżabbiltà tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni simili minħabba d-diżabbiltà tagħha.

4.   Teżisti diskriminazzjoni indiretta jekk dispożizzjoni legali jew regolatorja, klawżola fi ftehim jew f’kuntratt, ftehim individwali jew deċiżjoni unilaterali ta’ persuna li timpjega, apparentement newtrali, jistgħu joħolqu żvantaġġ partikolari għal persuna b’diżabbiltà meta mqabbla ma’ persuni oħra u ma jikkorrispondux b’mod oġġettiv għal ebda għan leġittimu u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan tal-aħħar la huma adegwati u lanqas neċessarji, ħlief jekk il-persuna li timpjega tkun obbligata tieħu miżuri xierqa, skont il-bżonnijiet ta’ kull każ partikolari u konformement mal-Artikolu 40, sabiex telimina l-iżvantaġġi implikati minn din id-dispożizzjoni, klawżola, ftehim jew deċiżjoni.

5.   Id-dispożizzjonijiet regolatorji, il-klawżoli ta’ ftehimiet kollettivi, il-ftehimiet individwali u d-deċiżjonijiet unilaterali tal-persuna li timpjega, li jagħtu lok għal sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta sfavorevoli minħabba d-diżabbiltà, fil-qasam tal-impjieg, fil-qasam tal-ħlas, tal-ħin tax-xogħol u fir-rigward ta’ kundizzjonijiet oħra tax-xogħol, huma meqjusa nulli u mingħajr ebda effett.

[…]”

15

L-Artikolu 40 tal-istess digriet irjali leġiżlattiv, intitolat “L-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jipprevjenu jew sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi okkażjonati mid-diżabbiltà bħala garanzija tal-ugwaljanza sħiħa fuq ix-xogħol”, jipprovdi:

“1.   Sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza sħiħa fuq ix-xogħol, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jostakolax iż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi maħsuba sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kkawżati mid-diżabbiltà.

2.   Il-persuni li jimpjegaw għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jadattaw il-post tax-xogħol u jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà tal-impriża wara li jikkunsidraw il-ħtiġijiet li jinqalgħu f’kull każ individwali sabiex il-persuni b’diżabbiltà jitħallew ikollhom aċċess għall-impjieg, sabiex iwettqu x-xogħol tagħhom, sabiex jiġu promossi u li jkollhom aċċess għat-taħriġ, ħlief jekk dawn il-miżuri jpoġġu piż eċċessiv fuq il-persuna li timpjega.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-piż huwiex eċċessiv, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk huwiex suffiċjentement immitigat mill-miżuri, mill-assistenza u mis-sussidji li japplikaw għal persuni b’diżabbiltà u jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż finanzjarji u spejjeż oħra marbuta ma’ dawk il-miżuri kif ukoll id-daqs tal-impriża jew tal-organizzazzjoni u d-dħul mill-bejgħ globali tagħha.”

16

L-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema) jirriżulta mir-Real Decreto legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2015, li Approva t-Test Irriformulat tal-Istatut tal-Ħaddiema) tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255 tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224). Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, intitolat “L-għamla u l-effetti tax-xoljiment għal raġunijiet oġġettivi”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Meta d-deċiżjoni tal-persuna li timpjega li ttemm il-kuntratt ta’ xogħol tkun motivata minn waħda mir-raġunijiet li l-Kostituzzjoni jew il-liġi tikkwalifika bħala diskriminatorji u pprojbiti f’dan ir-rigward, jew inkella meta t-tkeċċija tkun twettqet bi ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet pubbliċi tal-impjegat, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun nulla, u din in-nullità għandha titqajjem ex officio mill-qorti.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fl‑1 ta’ Lulju 2004, DW ġiet ingaġġata minn Nobel Plastiques Ibérica. Hija ġiet assenjata fil-proċessi ta’ mmuntar u ffurmar ta’ tubi tal-plastik, u kienet tibbenefika minn tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, minħabba l-fatt li hija kellha l-kustodja ta’ wlied minuri. DW kellha ġimgħa tax-xogħol ta’ 35 siegħa u kienet taħdem ix-xift ta’ filgħodu u x-xift ta’ billejl.

18

DW kienet issofri minn epikondilalġija, li kienet ġiet iddijanjostikata fit‑12 ta’ Settembru 2011 u ġiet operata minħabba fiha fit‑18 ta’ Jannar 2012.

19

Dan il-korriment ġie kklassifikat bħala “marda kkaġunata mix-xogħol” u DW sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol għal diversi perijodi bejn ix-xahar ta’ Settembru 2011 u x-xahar ta’ April 2014, kif ukoll, minħabba li kienet ġiet iddijanjostikata b’disturb tal-ansjetà, mill‑4 ta’ Settembru 2015 sal‑31 ta’ Marzu 2016 u mis‑6 sal‑20 ta’ Mejju 2016.

20

Mill‑15 ta’ Diċembru 2011, DW ġiet irrikonoxxuta bħala parti mill-“ħaddiema partikolarment sensittivi għar-riskji professjonali”, fis-sens tal-Artikolu 25 tal-Liġi 31/1995, li huwa status li hija żammet minn dakinhar.

21

Bejn ix-xahar ta’ April 2016 u dak ta’ Awwissu 2016, DW marret diversi drabi għand is-servizz mediku tal-impriża fejn ilmentat li kellha uġigħ fil-minkeb u bagħtet diversi komunikazzjonijiet lil dan is-servizz mediku kif ukoll lill-persuna li kienet timpjegaha sabiex titlob l-adattament tal-post tax-xogħol tagħha għall-istat fiżiku tagħha.

22

DW kienet tinsab ukoll f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol matul diversi perijodi mill‑31 ta’ Awwissu 2016 li kienet tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol minħabba l-epikondilalġija tagħha.

23

Wara d-data li fiha DW kienet ġiet iddijanjostikata b’epikondilalġija, hija marret għal żjara medika wara kull darba li marret lura x-xogħol. Wara kull waħda minn dawn iż-żjarat, hija ġiet iddikjarata bħala “kapaċi b’ċerti limitazzjonijiet” sabiex tokkupa l-pożizzjoni tax-xogħol tagħha jew sabiex teżerċita kompiti ta’ “ffurmar bil-fwar”. Minn dan irriżulta li, matul il-perijodi ta’ xogħol tagħha matul is-sena 2016, DW ġiet assenjata bi preferenza f’pożizzjonijiet li kienu jinvolvu l-manipulazzjoni ta’ tubi żgħar u fejn ir-riskji għas-saħħa tagħha kienu inqas meta mqabbla mal-pożizzjonijiet li kienu jeżiġu li din taħdem b’tubi kbar.

24

Sabiex tkeċċi lil persuna għal raġunijiet oġġettivi fi ħdan l-impriża, Nobel Plastiques Ibérica adottat l-erba’ kriterji li ġejjin, applikabbli għas-sena 2016: li tiġi assenjata fil-proċessi ta’ mmuntar u ta’ ffurmar ta’ tubi tal-plastik, li jkollha produttività ta’ inqas minn 95 %, livell baxx ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, kif ukoll rata ta’ assenteiżmu għolja.

25

Nobel Plastiques Ibérica qieset li, matul is-sena 2016, DW kienet tissodisfa dawn l-erba’ kriterji ta’ selezzjoni peress li hija kienet ġiet assenjata fil-proċessi ta’ mmuntar u ta’ ffurmar ta’ tubi tal-plastik, kellha produttività medja ponderata ta’ 59.82 %, livell baxx ħafna ta’ ħiliet varji miksuba fil-kompiti essenzjali relatati mal-pożizzjoni tax-xogħol tagħha u kellha rata ta’ assenteiżmu ta’ 69.55 %.

26

Konsegwentement, fit‑22 ta’ Marzu 2017, waqt li DW kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, Nobel Plastiques Ibérica bagħtitilha ittra ta’ tkeċċija għal raġunijiet oġġettivi, billi invokat raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, dawk ta’ produzzjoni u dawk ta’ organizzazzjoni. Disa’ persuni oħra li jaħdmu fi ħdan l-impriża wkoll ġew imkeċċija fl-istess perijodu.

27

Fil‑21 ta’ April 2017, DW ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja). L-imsemmi rikors kien intiż sabiex it-tkeċċija tagħha tiġi ddikjarata nulla jew, sussidjarjament, inġusta.

28

Fl‑4 ta’ Awwissu 2017, l-Ispettorat tax-Xogħol ippropona li jissanzjona lil Nobel Plastiques Ibérica minħabba li din wettqet żewġ żbalji, li kienu jikkonsistu, minn naħa, li esponiet lil DW għal riskji ergonomiċi li kkawżaw il-marda tagħha, u b’hekk inħoloq riskju serju għall-integrità fiżika tagħha jew għas-saħħa tagħha, u, min-naħa l-oħra, li żammet il-kundizzjonijiet li fihom hija kienet twettaq il-kompiti tagħha wara li din saret taf bl-epikondilalġija tagħha, jiġifieri billi assenjatha f’pożizzjonijiet tax-xogħol b’karatteristiċi li kienu inkompatibbli mal-karatteristiċi speċifiċi tal-istat ta’ saħħa tagħha. Fir-rapport tiegħu, l-Ispettorat tax-Xogħol indika li DW kienet okkupat diversi pożizzjonijiet tax-xogħol b’rotazzjoni, iżda li dawn il-pożizzjonijiet kollha kienu jeħtieġu manipulazzjonijiet li kienu jimplikaw l-eżistenza ta’ riskji ergonomiċi u ta’ ħsara għas-sistema muskoloskeletali tad-dirgħajn. Nobel Plastiques Ibérica ma ħaditx il-miżuri ta’ adattament tal-post tax-xogħol ta’ DW sabiex jiġi żgurat li dan kien kompatibbli mal-istat ta’ saħħa tagħha.

29

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “ħaddiema partikolarment sensittivi għal ċerti riskji”, fis-sens tal-Artikolu 25 tal-Liġi 31/1995, huwiex paragunabbli ma’ dak ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel trid tingħata risposta għal din il-mistoqsija sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk il-kriterji ta’ selezzjoni użati sabiex titkeċċa DW imorrux, direttament jew indirettament, kontra d-dritt għat-trattament ugwali tal-persuni b’diżabbiltà rrikonoxxut mid-Direttiva 2000/78 u, min-naħa l-oħra, jekk l-obbligu li jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli previst fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jeżiġix li jiġu esklużi l-kriterji ta’ selezzjoni marbuta mad-diżabbiltà ta’ DW u użati sabiex din titkeċċa.

30

Skont il-qorti tar-rinviju, minbarra l-fatt li l-persuni partikolarment sensittivi għar-riskji professjonali jistgħu jirċievu trattament speċifiku sabiex jiġu protetti kontra ċerti riskji professjonali, dawn għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “persuni b’diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, fis-sitwazzjoni fejn l-indebolimenti fiżiċi tagħhom ikunu dewwiema fil-mument meta l-att allegatament diskriminatorju jkun ġie adottat fil-konfront tagħhom u jirriżultaw mix-xogħol imwettaq.

31

Fir-rigward tal-erba’ kriterji ta’ selezzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-persuni li għandhom jitkeċċew, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, l-ewwel wieħed fosthom, jiġifieri li l-persuna tiġi assenjata fil-proċessi ta’ mmuntar u ta’ ffurmar ta’ tubi tal-plastik, huwa oġġettiv u newtrali. Madankollu, it-tliet kriterji l-oħra jistgħu jkunu diskriminatorji fir-rigward ta’ DW fil-każ li din titqies li hija affettwata minn diżabbiltà, fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

32

Fil-fatt, fir-rigward tat-tieni kriterju ta’ selezzjoni, jiġifieri li jkollha produttività ta’ inqas minn 95 % matul is-sena 2016, l-indeboliment fiżiku ta’ DW kellu, mingħajr dubju, rabta diretta mar-rata ta’ produttività medja ponderata tagħha ta’ 59.82 %. Issa, Nobel Plastiques Ibérica llimitat ruħha li tipproduċi data dwar il-produttività annwali ta’ DW, mingħajr ma indikat f’liema pożizzjonijiet u fl-eżerċizzju ta’ liema funzjonijiet konkreti r-rata ta’ produttività tagħha kienet ġiet imkejla.

33

Fir-rigward tat-tielet kriterju ta’ selezzjoni, jiġifieri dak tal-ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, ġie stabbilit li DW kienet ġiet iddikjarata mis-servizzi mediċi, mis-sena 2011, “kapaċi b’ċerti limitazzjonijiet”, minħabba li din kienet ġiet iddijanjostikata bħala li kienet partikolarment sensittiva għar-riskji professjonali. Minn dan isegwi li hija ma setgħetx twettaq il-kompiti kollha meħtieġa mid-diversi pożizzjonijiet tax-xogħol, u dan jispjega għalfejn l-evalwazzjoni tagħha kienet sfavorevoli fir-rigward ta’ dan il-kriterju.

34

Finalment, f’dak li jirrigwarda l-aħħar kriterju ta’ selezzjoni, ir-rata ta’ assenteiżmu ta’ 69.55 % użata għal DW kienet ġiet ikkalkolata billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ leave tal-mard tagħha li hija kienet ħadet matul is-sena 2016. Fost dawn il-perijodi ta’ leave tal-mard, kien hemm dawk li rriżultaw mill-indeboliment fiżiku li hija tbati minnu. Issa, is-sempliċi fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-leave jimplika li DW setgħet tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema l-oħra.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-ħaddiema li huma rrikonoxxuti bħala partikolarment sensittivi għal ċerti riskji, li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom jew stat fiżjoloġiku magħruf, huma partikolarment sensittivi għal riskji fuq ix-xogħol u għalhekk ma jistgħux jokkupaw ċerti pożizzjonijiet tax-xogħol peress li dan ikunu ta’ riskju għas-saħħa tagħhom stess jew għal persuni oħra, għandhom jitqiesu bħala persuni b’diżabbiltà għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-[Direttiva 2000/78], kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, id-domandi li ġejjin huma fformulati:

2)

Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi u ta’ produzzjoni, meta huwa rrikonoxxut li din il-persuna kellha diżabbiltà, minħabba li hija partikolarment sensittiva għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha f’ċerti pożizzjonijiet tax-xogħol minħabba d-difetti [l-indebolimenti] fiżiċi tagħha u għalhekk għandha diffikultajiet sabiex tikseb il-livelli ta’ produttività meħtieġa sabiex tevita eventwali tkeċċija, hija att ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2) b) tad-[Direttiva 2000/78]?

3)

It-tkeċċija ta’ ħaddiema għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi u ta’ produzzjoni, meta huwa rrikonoxxut li din il-persuna għandha diżabbiltà, minħabba li hija partikolarment sensittiva għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha f’ċerti pożizzjonijiet tax-xogħol minħabba d-difetti fiżiċi tagħha, u meta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tittieħed, fost kriterji oħra meħuda inkunsiderazzjoni, abbażi tal-flessibbiltà fil-pożizzjonijiet tax-xogħol kollha, inklużi dawk li l-persuna b’diżabbiltà ma tistax tokkupa, tikkostitwixxi att ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2((b) tad-[Direttiva 2000/78]?

4)

It-tkeċċija ta’ ħaddiema għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi u ta’ produzzjoni, meta huwa rrikonoxxut li għandha diżabbiltà u li għalhekk hija rrikonoxxuta bħala partikolarment sensittiva għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha f’ċerti pożizzjonijiet tax-xogħol minħabba d-difetti fiżiċi tagħha, li rriżultaw f’perijodi twal ta’ assenza jew ta’ leave tal-mard qabel it-tkeċċija u meta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ttieħdet, fost kriterji oħra meħuda inkunsiderazzjoni, abbażi tal-assenteiżmu ta’ din il-ħaddiema, hija att ta’ diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-[Direttiva 2000/78]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-istat ta’ saħħa ta’ ħaddiem irrikonoxxut bħala li huwa partikolarment sensittiv għar-riskji professjonali, fis-sens tad-dritt nazzjonali, li ma jippermettix lil dan il-ħaddiem li jokkupa ċerti pożizzjonijiet tax-xogħol għar-raġuni li dan iwassal għal riskju għas-saħħa tiegħu jew għal dik ta’ persuni oħra, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

37

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda, f’dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti f’dan l-artikolu, li fosthom hemm id-diżabbiltà. Konformement mal-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, din id-direttiva tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għall-persuni kollha, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

38

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-istat ta’ saħħa ta’ DW, li tkeċċiet meta kienet ġiet irrikonoxxuta bħala ħaddiema partikolarment sensittiva għar-riskji professjonali, fis-sens tad-dritt nazzjonali, jaqax taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni tal-ONU bid-Deċiżjoni 2010/48. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jagħmlu parti integrali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-appendiċi tal-Anness II tal-istess deċiżjoni jirriżulta li, fir-rigward tal-awtonomija u tal-inklużjoni soċjali, tax-xogħol u tal-impjieg, id-Direttiva 2000/78 tinsab fost l-atti tal-Unjoni li jittrattaw il-kwistjonijiet irregolati mill-imsemmija konvenzjoni (sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 3031, kif ukoll tal‑1 ta’ Diċembru 2016, Daouidi, C‑395/15, EU:C:2016:917, punt 40).

40

Minn dan jirriżulta li l-Konvenzjoni tal-ONU tista’ tiġi invokata sabiex tiġi interpretata din id-direttiva, li għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi mal-istess konvenzjoni (sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 32, kif ukoll tal‑1 ta’ Diċembru 2016, Daouidi, C‑395/15, EU:C:2016:917, punt 41).

41

Huwa għalhekk li, wara l-approvazzjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni tal-ONU, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal limitazzjoni fil-kapaċità, li tirriżulta b’mod partikolari minn indebolimenti fiżiċi, mentali jew psikiċi dewwiema, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra (sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 38, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2018, Ruiz Conejero, C‑270/16, EU:C:2018:17, punt 28).

42

Ma jidhirx li d-Direttiva 2000/78 hija intiża sabiex tkopri biss id-diżabbiltajiet mit-twelid jew dawk ta’ oriġini inċidentali filwaqt li teskludi dawk ikkawżati minn marda. Fil-fatt, dan kieku jmur kontra l-għan stess ta’ din id-direttiva, li huwa li tiġi implimentata l-ugwaljanza fit-trattament, jekk jiġi aċċettat li l-applikazzjoni tagħha tiddependi mill-oriġini tad-diżabbiltà (sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 40).

43

Il-kunċett ta’ “diżabbiltà” għandu jinfthiem li jirreferi għal limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali, u mhux bħala impossibbiltà li tiġi eżerċitata tali attività. L-istat ta’ saħħa ta’ persuna b’diżabbiltà li tista’ taħdem, anki jekk part-time, tista’ għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 44).

44

In-natura “dewwiema” tal-limitazzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-istat ta’ inkapaċità, bħala tali, tal-persuna kkonċernata fid-data li fiha ġie adottat l-att allegatament diskriminatorju fil-konfront tagħha (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2016, Daouidi, C‑395/15, EU:C:2016:917, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fost l-indizji li jippermettu li jitqies li limitazzjoni ta’ kapaċità hija “dewwiema” hemm b’mod partikolari l-fatt li, fid-data ta’ meta seħħ il-fatt allegatament diskriminatorju, l-inkapaċità tal-persuna kkonċernata ma kinitx tidher li ser tiġi riżolta fi żmien qasir jew il-fatt li din l-inkapaċità tista’ tippersisti għal żmien twil qabel ma l-imsemmija persuna tirkupra (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2016, Daouidi, C‑395/15, EU:C:2016:917, punt 56).

46

Barra minn hekk, il-konstatazzjoni li l-persuna kkonċernata hija affettwata minn “diżabbiltà”, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, tippreċedi d-determinazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ arranġamenti xierqa previsti fl-Artikolu 5 tagħha. Fil-fatt, konformement mal-premessa 16 ta’ din id-direttiva, tali miżuri huma intiżi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltà u għalhekk dawn huma l-konsegwenza tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “diżabbiltà” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 4546, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014, FOA, C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 57).

47

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domandi preliminari jirrigwardaw ħaddiema li, minħabba marda, kellha limitazzjoni tal-kapaċità tagħha li taħdem, li kienet tirriżulta minn indebolimenti fiżiċi, għal perijodu twil.

48

Fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tagħha, DW ġiet irrikonoxxuta, mill‑15 ta’ Diċembru 2011, bħala parti mill-“ħaddiema partikolarment sensittivi għar-riskji professjonali”, fis-sens tal-Artikolu 25 tal-Liġi 31/1995. Skont dan l-artikolu, tali ħaddiema ma għandhomx jiġu assenjati f’pożizzjonijiet tax-xogħol li fihom huma jistgħu, minħabba karatteristiċi speċifiċi għalihom, minħabba stat fiżjoloġiku jew minħabba diżabbiltà fiżika, mentali jew sensorjali debitament irrikonoxxuta, jitqiegħdu huma stess jew iqiegħdu lil ħaddiema oħra jew lil persuni oħra marbuta mal-impriża f’sitwazzjonijiet ta’ periklu.

49

Hemm lok li jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li persuna tiġi rrikonoxxuta bħala ħaddiem partikolarment sensittiv għar-riskji professjonali, fis-sens tad-dritt nazzjonali, ma jfissirx, minnu nnifsu, li din il-persuna hija affettwata minn “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem partikolarment sensittiv għar-riskji professjonali”, fis-sens tal-Artikolu 25 tal-Liġi 31/1995, hija bbażata fuq kundizzjonijiet li ma humiex l-istess bħal dawk imsemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza. Għalhekk ma jistax jitqies li dan il-kunċett jikkorrispondi għal dak ta’ “persuna b’diżabbiltà”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

50

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, l-istat ta’ saħħa ta’ DW wassalx għal limitazzjoni tal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, DW għandha għalhekk tiġi meqjusa bħala li kienet persuna b’diżabbiltà, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, fid-data tat-tkeċċija tagħha.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-istat ta’ saħħa ta’ ħaddiem irrikonoxxut bħala li huwa partikolarment sensittiv għar-riskji professjonali, fis-sens tad-dritt nazzjonali, li ma jippermettix lil dan il-ħaddiem li jokkupa ċerti pożizzjonijiet tax-xogħol għar-raġuni li dan iwassal għal riskju għas-saħħa tiegħu jew għal dik ta’ persuni oħra, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ħlief meta dan l-istat iwassal għal limitazzjoni tal-kapaċità, li tirriżulta b’mod partikolari minn indebolimenti fiżiċi, mentali jew psikiċi dewwiema, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

Fuq it-tieni sar-raba’ domanda

52

Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tkeċċija għal “raġunijiet oġġettivi” ta’ ħaddiem b’diżabbiltà għar-raġuni li dan jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-persuna li timpjega sabiex tiddetermina l-persuni li għandhom jitkeċċew, jiġifieri li jkollhom produttività inferjuri għal rata partikolari, livell baxx ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, kif ukoll rata ta’ assenteiżmu għolja, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

53

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sabiex jiġu ddeterminati l-persuni li għandhom jitkeċċew fil-kuntest ta’ tkeċċija għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzazzjoni u ta’ produzzjoni, Nobel Plastiques Ibérica adottat, inter alia, it-tliet kriterji ta’ selezzjoni li ġejjin, applikabbli għas-sena 2016: produttività ta’ inqas minn 95 %, livell baxx ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, kif ukoll rata ta’ assenteiżmu għolja. DW, li ġiet irrikonoxxuta bħala li hija partikolarment sensittiva għar-riskji professjonali, fis-sens tad-dritt nazzjonali, ġiet meqjusa bħala li tissodisfa dawn it-tliet kriterji u konsegwentement ġiet imkeċċija, flimkien ma’ disa’ persuni oħra li jaħdmu fi ħdan l-impriża.

54

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk jitqies li DW hija persuna b’diżabbiltà, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, liema fatt għandu jiġi vverifikat minnha, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, jekk din il-persuna, permezz tal-applikazzjoni ta’ dawn it-tliet kriterji ta’ selezzjoni, kinitx is-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens ta’ din id-direttiva.

55

Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva, fosthom, b’mod partikolari, id-diżabbiltà.

56

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta, mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li tali diskriminazzjoni sseħħ meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn dak li bih tiġi ttrattata persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

57

F’dan ir-rigward, kriterji ta’ selezzjoni bħalma huma r-rata ta’ produttività, il-livell ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża u r-rata ta’ assenteiżmu japplikaw b’mod identiku għal persuni b’diżabbiltà u għal persuni mingħajr diżabbiltà. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li dawn il-kriterji jistabbilixxu differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 1 tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, peress li dawn ma humiex marbuta b’mod indissoċjabbli mad-diżabbiltà (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 7274, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 48).

58

F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, għandu jiġi kkonstatat li kriterji ta’ selezzjoni li jikkonsistu f’produttività ta’ inqas minn rata partikolari, livell baxx ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, kif ukoll rata ta’ assenteiżmu għolja, sabiex jiġu ddeterminati l-persuni li għandhom jitkeċċew fil-kuntest ta’ tkeċċija għal raġunijiet oġġettivi, huma apparentement newtrali.

59

Madankollu, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kriterju ta’ selezzjoni bbażat fuq ir-rata ta’ assenteiżmu, għandu jiġi rrilevat li ħaddiem b’diżabbiltà huwa, bħala prinċipju, iktar espost għar-riskju li jkollu rata ta’ assenteiżmu għolja meta mqabbel ma’ ħaddiem mingħajr diżabbiltà, peress li dan ikun espost għal riskju addizzjonali li jkun assenti minħabba marda marbuta mad-diżabbiltà tiegħu. Jidher għalhekk li l-kriterju ta’ selezzjoni li jikkonsisti f’rata ta’ assenteiżmu għolja matul sena jista’ jiżvantaġġa lill-ħaddiema b’diżabbiltà, meta l-assenza mix-xogħol hija marbuta mad-diżabbiltà, u għalhekk iwassal għal differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq id-diżabbiltà, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 76, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2018, Ruiz Conejero, C‑270/16, EU:C:2018:17, punt 39).

60

Bl-istess mod, fir-rigward ta’ kriterji ta’ selezzjoni sabiex issir tkeċċija, li jikkonsistu f’produttività ta’ inqas minn rata partikolari u livell baxx ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, ħaddiem b’diżabbiltà, minħabba l-limitazzjoni tal-kapaċità tiegħu, huwa, bħala prinċipju, inqas probabbli li jikseb riżultati tajbin minn ħaddiem mingħajr diżabbiltà. Tali kriterji huma għalhekk ukoll ta’ natura li jwasslu għal differenza fit-trattament li tirriżulta indirettament minn diżabbiltà, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

61

Madankollu, trattament żvantaġġuż li jirriżulta indirettament minn diżabbiltà ma jmurx kontra l-protezzjoni prevista mid-Direttiva 2000/78 ħlief sa fejn dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 48, u tat‑18 ta’ Jannar 2018, Ruiz Conejero, C‑270/16, EU:C:2018:17, punt 36).

62

Skont l-Artikolu 2(2)(b)(ii) tad-Direttiva 2000/78, diskriminazzjoni indiretta sseħħ meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ twassal għal żvantaġġ partikolari għal persuni, b’mod partikolari, b’diżabbiltà partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra, ħlief jekk il-persuna li timpjega jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-direttiva jkunu obbligati, bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri xierqa konformement mal-prinċipji previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva sabiex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika.

63

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabbiltà, għandhom jiġu previsti arranġamenti raġonevoli. It-tieni sentenza tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva tippreċiża li l-persuna li timpjega għandha tieħu l-mizuri xierqa, meta meħtieġa f’każ partikolari, sabiex tippermetti lil persuna b’diżabbiltà li jkollha aċċess għal impjieg, u li teżerċitah jew tavvanza fih, jew li titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega.

64

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “arranġamenti raġonevoli” għandu jinftiehem bħala li huwa intiż għall-eliminazzjoni tad-diversi ostakoli li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuni b’diżabbiltà fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra (sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 54, kif ukoll tal‑4 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑312/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:446, punt 59).

65

Kif jistabbilixxu l-premessi 20 u 21 tad-Direttiva 2000/78, il-persuna li timpjega għandha tieħu miżuri xierqa, jiġifieri miżuri effikaċi u prattiċi sabiex tadatta l-pożizzjoni tax-xogħol skont id-diżabbiltà, pereżempju billi tadatta l-post tax-xogħol jew it-tagħmir, il-ħinijiet tax-xogħol, it-tqassim tal-kompiti jew l-offerta ta’ mezzi ta’ taħriġ jew ta’ integrazzjoni, mingħajr impożizzjoni ta’ oneru sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-ispejjeż finanzjarji u tal-ispejjeż oħra marbuta magħhom, tal-iskala u tar-riżorsi finanzjarji tal-impriża u tal-possibbiltà li jinkisbu fondi pubbliċi jew kwalunkwe għajnuna oħra.

66

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 40 tiegħu, jipprevedi li l-persuna li timpjega għandha tieħu miżuri intiżi sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kkawżati mid-diżabbiltà bħala garanzija tal-ugwaljanza sħiħa fuq ix-xogħol.

67

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-post tax-xogħol ta’ DW kien ġie adattat, wara r-rikonoxximent tagħha bħala ħaddiema partikolarment sensittiva għal ċerti riskji professjonali, fis-sens tal-Artikolu 25 tal-Liġi 31/1995.

68

Għalhekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li DW kienet ġiet assenjata bi preferenza f’pożizzjonijiet li kienu jinvolvu l-manipulazzjoni ta’ tubi żgħar, peress li b’hekk hija ġiet esposta għal riskji għas-saħħa tagħha li kienu inqas minn dawk tal-pożizzjonijiet li kienu jeżiġu li din taħdem b’tubi kbar.

69

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn l-adattamenti kinux suffiċjenti sabiex jitqiesu li huma arranġamenti raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78.

70

Fil-kuntest ta’ din il-verifika, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż ir-rapport tal-Ispettorat tax-Xogħol li hija tirreferi għalih fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

71

Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-persuna li impjegat lil DW, qabel it-tkeċċija tagħha, ma ħaditx il-miżuri xierqa, imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, u li, għaldaqstant, ma għamlitx arranġamenti raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, it-tkeċċija ta’ ħaddiem b’diżabbiltà minħabba li dan ikun issodisfa kriterji ta’ selezzjoni li jikkonsistu f’produttività ta’ inqas minn rata partikolari, livell baxx ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, kif ukoll rata ta’ assenteiżmu għolja tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(ii) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 68).

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tal-ONU, id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà tinkludi l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluż ir-rifjut ta’ arranġament raġonevoli.

73

Għall-kuntrarju, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-persuna li impjegat lil DW kienet adottat miżuri xierqa u li għalhekk adottat arranġamenti raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, ma hemmx lok li jitqies li tkeċċija bbażata fuq tali kriterji ta’ selezzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(ii) ta’ din id-direttiva.

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 17 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din ma teżiġix li persuna li ma hijiex kompetenti, kapaċi u disponibbli sabiex taqdi l-funzjonijiet essenzjali tal-post tax-xogħol ikkonċernat għandha tiġi rreklutata, promossa jew tinżamm fl-impjieg, bla ħsara għall-obbligu li jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni sar-raba’ domanda magħmula hija li l-Artikolu 2(2)(b)(ii) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tkeċċija għal “raġunijiet oġġettivi” ta’ ħaddiem b’diżabbiltà għar-raġuni li dan jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-persuna li timpjega sabiex tiddetermina l-persuni li għandhom jitkeċċew, jiġifieri li jkollhom produttività inferjuri għal rata partikolari, livell baxx ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, kif ukoll rata ta’ assenteiżmu għolja, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk il-persuna li timpjega tkun adottat arranġamenti raġonevoli minn qabel, fir-rigward ta’ dan l-impjegat, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Dwar l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-istat ta’ saħħa ta’ ħaddiem irrikonoxxut bħala li huwa partikolarment sensittiv għar-riskji professjonali, fis-sens tad-dritt nazzjonali, li ma jippermettix lil dan il-ħaddiem li jokkupa ċerti pożizzjonijiet tax-xogħol għar-raġuni li dan iwassal għal riskju għas-saħħa tiegħu jew għal dik ta’ persuni oħra, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ħlief meta dan l-istat iwassal għal limitazzjoni tal-kapaċità, li tirriżulta b’mod partikolari minn indebolimenti fiżiċi, mentali jew psikiċi dewwiema, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

 

2)

L-Artikolu 2(2)(b)(ii) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tkeċċija għal “raġunijiet oġġettivi” ta’ ħaddiem b’diżabbiltà għar-raġuni li dan jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-persuna li timpjega sabiex tiddetermina l-persuni li għandhom jitkeċċew, jiġifieri li jkollhom produttività inferjuri għal rata partikolari, livell baxx ta’ ħiliet varji miksuba fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża, kif ukoll rata ta’ assenteiżmu għolja, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk il-persuna li timpjega tkun adottat arranġamenti raġonevoli minn qabel, fir-rigward ta’ dan l-impjegat, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ispanjol.