SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
30 ta’ Jannar 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, għal xogħlijiet jew għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 18(2) – Artikolu 57(4) – Raġunijiet ta’ esklużjoni fakultattivi – Raġuni għal esklużjoni li tolqot subappaltatur imsemmi fl-offerta tal-operatur ekonomiku – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tas-subappaltatur fil-qasam tad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi esklużjoni awtomatika tal-operatur ekonomiku għal tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”
Fil-Kawża C‑395/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura
Tim SpA – Direzione e coordinamento Vivendi SA
vs
Consip SpA,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
bl-intervent ta’:
E-VIA SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz, C. Vajda (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2019,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
– |
għal Tim SpA – Direzione e coordinamento Vivendi SA, minn F. Cardarelli, F. Lattanzi u F. S. Cantella, avukati, |
– |
għal Consip SpA, minn F. Sciaudone u F. Iacovone, avukati, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll kif ukoll minn M. Fruhmann u G. Hesse, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P. Ondrůšek kif ukoll minn L. Haasbeek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(4) u tal-Artikolu 71(6) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TIM SpA – Direzione e coordinamento Vivendi SA (iktar ’il quddiem “Tim”) u Consip SpA u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, l-Italja) fir-rigward tal-esklużjoni ta’ Tim minn proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa mnedija minn Consip. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 40, 101 u 102 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:
[…]
|
4 |
Il-punti 10 sa 12 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdu: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
5 |
L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist” u li jikkostitwixxi l-ewwel dispożizzjoni tal-Kapitolu II ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi: “1. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tal-ambjent, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Anness X.” |
6 |
Skont l-Artikolu 56(1)(b) tal-istess direttiva: “Il-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’kriterji stipulati skont l-Artikoli 67 sa 69, sakemm l-awtorità kontraenti tkun ivverifikat f’konformità mal-Artikoli 59 sa 61 li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma ssodisfati: […]
|
7 |
L-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 4 sa 7 tiegħu: “4. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
[…] 5. […] Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu, operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4. 6. Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist. […] Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. […] […] 7. Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. […]” |
8 |
L-Artikolu 71(6)(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi kif ġej: “Bil-għan li jiġi evitat ksur tal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 18(2), jistgħu jittieħdu miżuri adegwati, bħal: […]
|
Id-dritt Taljan
9 |
L-Artikolu 17 tal-legge n. 68 – Norme per il diritto al lavoro dei disabili (il-Liġi Nru 68 dwar ir-Regoli dwar id-Dritt għax-Xogħol tal-Persuni b’Diżabbiltà), tat-12 ta’ Marzu 1999 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 68, tat-23 ta’ Marzu 1999), jipprovdi: “L-impriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati li jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti għal kuntratti pubbliċi jew li għandhom relazzjonijiet kuntrattwali jew ta’ konċessjoni mal-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom l-obbligu li jippreżentawlhom minn qabel id-dikjarazzjoni tar-rappreżentant legali tagħhom li jiċċertifikaw li huma josservaw ir-regoli relatati mad-dritt għax-xogħol ta’ persuni b’diżabbiltà, taħt piena ta’ esklużjoni.” |
10 |
L-Artikolu 80(5)(i) tad-decreto legislativo n. 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 li Jistabbilixxi l-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) tat-18 ta’ April 2016 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 91, tad-19 ta’ April 2016, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), jipprevedi: “5. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu mill-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-għoti lil kull operatur ekonomiku li jsib ruħu f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin, anki jekk jikkonċerna lil wieħed mis-subappaltaturi, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 105(6), meta […]
|
11 |
L-Artikolu 105(6) u (12) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi huwa fformulat kif ġej: “6. L-indikazzjoni ta’ tliet subkuntratturi hija obbligatorja għall-kuntratti għal xogħlijiet, għal servizzi jew għal provvisti li jirrigwardaw valur ugwali jew superjuri għal-livelli ddefiniti fl-Artikolu 35 u li għalihom ma hijiex neċessarja speċjalizzazzjoni partikolari. F’dan il-każ, l-avviż tal-kuntratt għandu jipprevedi dan l-obbligu. Fl-avviż tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti tista’ tipprevedi każijiet oħra fejn l-indikazzjoni ta’ tliet subkuntratturi għandha tkun obbligatorja wkoll skont il-limitu previst fl-Artikolu 35. […] 12. L-offerent rebbieħ għandu jipprovdi għas-sostituzzjoni tas-subappaltaturi li għalihom ġie pprovat wara verifika għal dan il-għan li kienu preżenti l-motivi ta’ esklużjoni tal-Artikolu 80.” |
Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
12 |
Permezz ta’ sejħa għal offerti ppubblikata fit-3 ta’ Awwissu 2016 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Consip, iċ-ċentrali tax-xiri tal-amministrazzjoni pubblika Taljana, nediet proċedura miftuħa intiża għall-għoti ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ sistema ta’ komunikazzjoni ottika, bl-isem “Wavelength Division Multiplexing (WDM)” għall-interkonnessjoni taċ-ċentru ta’ pproċessar tad-data ta’ diversi dipartimenti tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi. |
13 |
TIM ippreżentat offerta li fiha kienu jissemmew tliet subappaltaturi li din kellha l-intenzjoni li tirrikorri għalihom fil-każ ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi hemżet għal kull wieħed minnhom id-dokument uniku tas-suq Ewropew (DUME). |
14 |
Matul il-proċedura, l-awtorità kontraenti kkonstatat li wieħed mis-subappaltaturi msemmija minn Tim fl-offerta tagħha ma kienx josserva l-istandards dwar id-dritt għax-xogħol tal-persuni b’diżabbiltà. Għaldaqstant, Consip eskludiet lil Tim mill-proċedura, skont l-Artikolu 80(5)(i) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. |
15 |
TIM ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn ikkontestat in-natura inġusta u sproporzjonata tal-esklużjoni tagħha. Skont Tim, mid-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ raġuni ta’ esklużjoni fir-rigward ta’ subappaltatur ma tistax twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni ikbar mit-tibdil innifsu ta’ dan is-subappaltatur. TIM iżżid li hija setgħet, fi kwalunkwe każ, tirrikorri, għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għaż-żewġ subappaltaturi l-oħra li fir-rigward tagħhom ma ġiet ikkonstatata ebda raġuni għal esklużjoni, iktar u iktar meta l-użu ta’ subappalt ma kienx indispensabbli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, peress li Tim tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha neċessarji sabiex twettaq is-servizzi kkonċernati weħidha. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-esklużjoni ta’ Tim hija konformi mal-Artikolu 80(5)(i) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, peress li s-sostituzzjoni ta’ subappaltatur ma tistax tkun meħtieġa, skont l-Artikolu 105(12) ta’ dan il-kodiċi, ħlief fil-każ fejn il-motiv ta’ esklużjoni jkun ikkonstatat fir-rigward ta’ dan is-subappaltatur wara l-għoti tal-kuntratt. |
17 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, billi jipprovdi li l-awtorità kontraenti hija obbligata, fil-preżenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni kkonstatata fir-rigward ta’ subappaltatur fl-istadju tas-sejħa għal offerti, li teskludi mill-proċedura lill-offerent li jkun indika l-intenzjoni tiegħu li jirrikorri għal dan is-subappaltatur, l-Artikolu 80(5)(i) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi huwiex konformi mal-Artikolu 57(4) u (5) u mal-Artikolu 71(6)(b) tad-Direttiva 2014/24. |
18 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-motivi ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2014/24 jistgħux iwasslu għall-esklużjoni tal-offerent biss jekk jikkonċernaw lil dan tal-aħħar jew jekk tali esklużjoni hijiex ukoll possibbli meta dawn il-motivi jkunu jirrigwardaw lil subappaltatur indikat mill-offerent. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 71(6) tad-Direttiva 2014/24 jipprekludix esklużjoni awtomatika tal-offerent, bħal dik prevista fl-Artikolu 80(5) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, meta din id-dispożizzjoni tad-Direttiva tidher li tipprevedi biss, bħala sanzjoni massima li tista’ tiġi imposta fuq l-offerent wara l-konstatazzjoni ta’ motiv ta’ esklużjoni fir-rigward ta’ subappaltatur, is-sostituzzjoni ta’ dan tal-aħħar. |
19 |
Sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 80(5) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, tali leġiżlazzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-esklużjoni tal-offerent hija prevista b’mod awtomatiku mingħajr possibbiltà ta’ eċċezzjoni, peress li l-awtorità kontraenti ma għandhiex il-possibbiltà li teżiġi li l-offerent jissostitwixxi lis-subappaltatur jew li jirrinunzja milli jirrikorri għalih, u dan anki meta l-użu tas-subappalt ma jkunx strettament neċessarju għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
21 |
Fis-27 ta’ Frar 2019, b’applikazzjoni tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifika, intiża, b’mod partikolari, sabiex tkun taf jekk Tim kinitx marbuta li tindika tliet subappaltaturi fl-offerta tagħha u, fl-affermattiv, jekk din kinitx obbligata tirrikorri għal dawn it-tliet subappaltaturi jew, tal-inqas, għal wieħed minnhom fil-każ fejn jiġi attribwit lilha l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju ġiet mistiedna wkoll tindika jekk, matul l-elaborazzjoni tal-offerta tagħha, Tim kinitx obbligata tivverifika, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, li s-subappaltaturi li hija kellha l-intenzjoni li tindika fl-offerta tagħha ma kinux ikkonċernati mir-raġuni għal esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24, trasposta, fid-dritt Taljan, permezz tal-Artikolu 80(5)(i) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, u jekk hija kellhiex il-possibbiltà konkreta li tagħmel dan. |
22 |
Fir-risposta tagħha, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2019, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, qabel kollox, li Tim ma kinitx obbligata tindika numru fiss ta’ tliet subappaltaturi ħlief sa fejn hija xtaqet tirriżerva l-possibbiltà li tirrikorri għas-subappalt fil-każ ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija sussegwentement indikat li Tim ma kinitx marbuta li tirrikorri għat-tliet subappaltaturi msemmija fl-offerta tagħha u lanqas għal wieħed minnhom f’każ ta’ aġġudikazzjoni ta’ dan il-kuntratt. Finalment, hija esponiet li Tim ma kinitx marbuta, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, li tivverifika li s-subappaltaturi li hija kellha l-intenzjoni li tindika fl-offerta tagħha ma kinux ikkonċernati mir-raġuni għal esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 u li tali verifika kienet teħtieġ, f’kull każ, il-kooperazzjoni tas-subappaltaturi kkonċernati. |
Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
23 |
Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Lulju 2019 indirizzata lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Awstrijak talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura. F’dan ir-rigward, huwa sostna li l-punt 52 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jirriflettix b’mod fidil ir-raġunament li fuqu huwa bbażat l-argument żviluppat minnu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. |
24 |
Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
25 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tqis li għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u li din il-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fir-rigward ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fir-rigward ta’ argument li ma ġiex indirizzat quddiemha. |
26 |
Sa fejn it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tinftiehem fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni biżżejjed dwar l-argument tal-Gvern Awstrijak minħabba l-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C‑295/17, EU:C:2018:942, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mal-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C‑215/14, EU:C:2015:604, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-argument tal-Gvern Awstrijak jirriżulta b’mod ċar mill-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali li ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tas-sunt jew tal-interpretazzjoni ta’ din it-teżi, għandu jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja hija informata biżżejjed fis-sens tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura. |
29 |
Konsegwentement, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda. |
Fuq id-domandi preliminari
30 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2014/24 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità kontraenti hija obbligata li teskludi awtomatikament lil operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta r-raġuni ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4)(a) ta’ din id-direttiva tkun ikkonstatata fir-rigward ta’ wieħed mis-subappaltaturi msemmija fl-offerta ta’ dan l-operatur. |
31 |
Skont l-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu lil kull operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta huma jkunu jistgħu juru, bi kwalunkwe mezz xieraq, ksur tal-obbligi applikabbli msemmija fl-Artikolu 18(2) ta’ din id-direttiva. |
32 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-“operatur ekonomiku” huwa ddefinit bħala kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika, jew kull grupp ta’ dawn il-persuni u/jew entitajiet, inkluża kull assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, li toffri t-twettiq ta’ xogħlijiet u/jew ta’ xogħol, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi fis-suq. |
33 |
Fir-rigward ta’ raġuni ta’ esklużjoni fakultattiva bħal dik prevista fl-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 57(7) ta’ din id-direttiva, huma l-Istati Membri li għandhom, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, jistabbilixxu l-“kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni” tagħha. |
34 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 ma jipprevedix uniformità ta’ applikazzjoni tal-kawżi ta’ esklużjoni indikati fih fuq livell tal-Unjoni, minħabba li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx dawn il-kawżi, jew li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’livell ta’ applikazzjoni li jista’ jvarja każ b’każ, skont il-kunsiderazzjonijiet legali, ekonomiċi jew soċjali li jipprevalu fil-livell nazzjonali. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali ċerta fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-raġunijiet ta’ esklużjoni fakultattivi previsti fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani u Guerrato, C‑178/16, EU:C:2017:1000, punti 31 u 32). |
35 |
F’dak li jikkonċerna r-raġuni ta’ esklużjoni fakultattiva prevista fl-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din ir-raġuni hija redatta b’mod impersonali, mingħajr ma jiġi ppreċiżat l-awtur tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 18(2) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24, inkluż meta jinqara fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-premessa 101 ta’ din id-direttiva, li minnu jirriżulta li l-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jeskludu lill-operaturi ekonomiċi mhux affidabbli minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi ambjentali jew soċjali, ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jikkunsidraw li l-awtur tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jista’ wkoll ikun subappaltatur u b’hekk jipprevedi l-possibbiltà, u saħansitra l-obbligu, għall-awtorità kontraenti li teskludi, minħabba dan il-fatt, lill-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta tal-parteċipazzjoni għall-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt. |
36 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha kif ukoll l-għanijiet li din issegwi (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, X, C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 26). |
37 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll tal-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tirreferi espressament għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 18(2) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri għall-obbligi applikabbli fl-oqsma tad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, huwa l-ewwel artikolu tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva dwar ir-“[r]egoli ġenerali” dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Għalhekk, billi jipprovdi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li l-operaturi ekonomiċi għandhom jikkonformaw, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, mal-obbligi fil-qasam tad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi dan ir-rekwiżit bħala prinċipju, bl-istess mod bħall-prinċipji l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità u ta’ projbizzjoni li wieħed ineħħi kuntratt mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 jew li jillimita b’mod artifiċjali l-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li tali rekwiżit jikkostitwixxi, fl-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, valur kardinali li l-Istati Membri għandhom jiżguraw abbażi tal-kliem stess tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmija direttiva. |
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħtieġa li tiġi żgurata b’mod xieraq l-osservanza tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/24 għandha tippermetti lill-Istati Membri, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4)(a) ta’ din id-direttiva, li jqisu li l-awtur tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jkun mhux biss l-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta, iżda wkoll is-subappaltaturi li dan tal-aħħar ikollu l-intenzjoni li jqabbad. Fil-fatt, l-awtorità kontraenti tista’ b’mod leġittimu tippretendi li tagħti l-kuntratt biss lill-operaturi ekonomiċi li, sa mill-istadju tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, juru l-kapaċità tagħhom li jiżguraw b’mod xieraq, matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, l-osservanza ta’ dawn l-obbligi, jekk ikun il-każ billi jirrikorru għas-subappaltaturi stess li josservaw l-imsemmija obbligi. |
40 |
Minn dan isegwi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24, li l-awtorità kontraenti għandha l-fakultà, u saħansitra l-obbligu, li teskludi lill-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 18(2) ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ wieħed mis-subappaltaturi msemmija fl-offerta ta’ dan l-operatur. |
41 |
Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan li huwa l-bażi tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-possibbiltà, u saħansitra l-obbligu, tal-awtorità kontraenti li teskludi lil operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, hija intiża b’mod partikolari sabiex tkun tista’ tevalwa l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi. B’mod partikolari, il-kawża fakultattiva ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 101 ta’ din id-direttiva, hija bbażata fuq element essenzjali tar-relazzjoni bejn l-offerent rebbieħ u l-awtorità kontraenti, jiġifieri l-affidabbiltà tal-offerent rebbieħ, li fuqha hija bbażata l-fiduċja li tagħtih l-awtorità kontraenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93, C‑267/18, EU:C:2019:826, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Flimkien mal-għan speċifiku tal-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24, li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita l-osservanza tal-obbligi fil-qasam tad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol, l-għan relatat mal-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku għandu jippermetti lill-Istati Membri jagħtu lill-awtorità kontraenti l-fakultà, u saħansitra l-obbligu, li tagħti lill-awtorità kontraenti l-fakultà, u saħansitra l-obbligu, li tqis bħala affidabbli biss lill-operaturi ekonomiċi li jkunu wrew, waqt l-elaborazzjoni tal-offerta tagħhom, ir-reqqa u d-diliġenza meħtieġa sabiex, matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, l-obbligi kkonċernati jiġu osservati f’kull ċirkustanza, jew minnhom stess jew mis-subappaltaturi li għandhom l-intenzjoni li jafdaw parti minn din l-eżekuzzjoni. |
43 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti għandha l-fakultà, u saħansitra l-obbligu, li teskludi lill-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta tal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta r-raġuni ta’ esklużjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tiġi kkonstatata fir-rigward ta’ wieħed mis-subappaltaturi msemmija fl-offerta ta’ dan l-operatur. |
44 |
Madankollu, għandu jitfakkar, hekk kif huwa indikat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li l-Istati Membri, meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, għandhom, skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, josservaw id-dritt tal-Unjoni. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-awtoritajiet kontraenti għandhom, matul il-proċedura kollha, josservaw il-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti msemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2019, Vitali, C‑63/18, EU:C:2019:787, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, min-naħa l-oħra, li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, bħar-regoli intiżi sabiex jiġu adottati l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi minn din l-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2016, Ambisig, C‑46/15, EU:C:2016:530, punt 40, u tat-8 ta’ Frar 2018, Lloyd s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
B’hekk, l-ewwel nett, meta l-awtorità kontraenti timpenja ruħha li tivverifika matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, kif huwa l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-premessa 40 ta’ din id-direttiva, jekk ikunux jeżistu raġunijiet ta’ esklużjoni fis-sens tal-Artikolu 57(4)(a) tal-imsemmija direttiva u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdix li hija għandha l-fakultà, jew saħansitra l-obbligu, li teskludi lill-operatur ekonomiku minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tas-subappaltatur fil-qasam tad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol, din għandha, sabiex tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tivverifika l-eżistenza ta’ kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligu fir-rigward mhux biss tal-operaturi ekonomiċi kollha li jkunu ppreżentaw offerta, iżda wkoll tas-subappaltaturi kollha indikati minn dawn l-operaturi fl-offerta rispettiva tagħhom. |
47 |
Peress li tali verifika uniformi sseħħ fl-istadju tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, għandu jiġi ppreċiżat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward ta’ subappaltatur wara l-għoti tal-kuntratt ma twassalx għall-esklużjoni tal-offerent magħżul, iżda biss għas-sostituzzjoni tas-subappaltatur. Fil-fatt, peress li l-operaturi ekonomiċi u s-subappaltaturi kollha indikati fl-offerti ta’ dawn l-operaturi ġew suġġetti, matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, għal proċess ta’ verifika mwettaq f’kundizzjonijiet identiċi mill-awtorità kontraenti, għandu jitqies li dawn l-operaturi u subappaltaturi kienu, f’dan ir-rigward, ġew ittrattati b’mod ugwali matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jostakolax li regola differenti tkun prevista meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun seta’ jiġi kkonstatat biss sussegwentement, matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
48 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar, minbarra l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li mit-tielet paragrafu tal-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li, meta japplikaw raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 57(4)(a) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura minuri tal-irregolaritajiet imwettqa jew ir-repetizzjoni ta’ irregolaritajiet minuri. Din l-attenzjoni għandha tkun ikbar meta l-esklużjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tolqot lill-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta għal nuqqas imwettaq mhux direttament minnu, iżda minn persuna barranija għall-impriża tiegħu li għall-kontroll tagħha jista’ ma jkollux l-awtorità meħtieġa u l-mezzi kollha neċessarji. |
49 |
In-neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità hija riflessa wkoll fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, li jipprovdi li kull operatur ekonomiku li jinsab b’mod partikolari fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 57(4)(a) ta’ din id-direttiva, inkluż, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fir-rigward ta’ subappaltatur indikat fl-offerta, jista’ jipprovdi provi sabiex juri li l-miżuri li huwa ħa huma biżżejjed sabiex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ dan il-motiv ta’ esklużjoni. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 jippreċiża li, jekk dawn il-provi jitqiesu suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux jiġi eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. B’hekk, din id-dispożizzjoni tintroduċi mekkaniżmu ta’ miżuri korrettivi (self-cleaning) li tenfasizza l-importanza marbuta mal-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punti 40 u 41). |
50 |
Minn dan isegwi li, meta jkun hemm ir-riskju li jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi fil-qasam tad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol imputabbli lil wieħed mis-subappaltaturi li huwa jkollu l-intenzjoni li jirrikorri għalihom, l-operatur ekonomiku li jkun ressaq l-offerta jista’ juri lill-awtorità kontraenti li jibqa’ affidabbli minkejja l-eżistenza ta’ tali raġuni ta’ esklużjoni, peress li l-awtorità kontraenti għandha, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, tevalwa l-provi prodotti minn dan l-operatur skont il-gravità tas-sitwazzjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. |
51 |
Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi b’mod ġenerali u astratt l-esklużjoni awtomatika tal-operatur ekonomiku meta jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi fil-qasam tad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol fir-rigward ta’ wieħed mis-subappaltaturi indikati fl-offerta ta’ dan l-operatur, indipendentement miċ-ċirkustanzi li wasslu għal dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u għalhekk tqajjem preżunzjoni inkonfutabbli li l-operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż għal kull nuqqas imputabbli lil wieħed mis-subappaltaturi tiegħu, mingħajr ma tagħti l-possibbiltà lill-awtorità kontraenti li tevalwa, każ b’każ, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u lanqas lill-operatur ekonomiku li juri l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
52 |
B’mod partikolari, tali leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-awtorità kontraenti li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni, sensiela ta’ fatturi rilevanti bħall-mezzi li l-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas fir-rigward tas-subappaltaturi jew il-preżenza ta’ indikazzjoni, fl-offerta tiegħu, li huwa f’pożizzjoni li jeżegwixxi l-kuntratt mingħajr ma jirrikorri neċessarjament għas-subappaltatur inkwistjoni. |
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali esklużjoni awtomatika tal-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi timponi fuq l-awtoritajiet kontraenti li jipproċedu awtomatikament għal din l-esklużjoni minħabba n-nuqqas ta’ subappaltatur u b’hekk teċċedi l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24, fir-rigward tal-preċiżjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(a) ta’ din id-direttiva fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Tali leġiżlazzjoni ċċaħħad ukoll lill-operatur ekonomiku mill-possibbiltà li juri, skont l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ nuqqas fir-rigward ta’ wieħed mis-subappaltaturi tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur, C‑538/07, EU:C:2009:317, punt 30; tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punti 34 u 35, kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2019, Vitali, C‑63/18, EU:C:2019:787, punti 40 u 41). |
54 |
Konsegwentement, esklużjoni awtomatika tal-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn iċċaħħad, minn naħa, lil dan l-operatur mill-possibbiltà li jipprovdi elementi ddettaljati dwar is-sitwazzjoni u, min-naħa l-oħra, lill-awtorità kontraenti milli jkollha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, ma tistax titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 57(4) u (6) tad-Direttiva 2014/24 u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2019, Vitali, C‑63/18, EU:C:2019:787, punti 42 u 43). |
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti għandha l-fakultà, u saħansitra l-obbligu, li teskludi lill-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta r-raġuni ta’ esklużjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tiġi kkonstatata fir-rigward ta’ wieħed mis-subappaltaturi msemmija fl-offerta ta’ dan l-operatur. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 57(6) ta’ din id-direttiva, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura awtomatika ta’ tali esklużjoni. |
Fuq l-ispejjeż
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti għandha l-fakultà, u saħansitra l-obbligu, li teskludi lill-operatur ekonomiku li jkun issottometta l-offerta mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta r-raġuni ta’ esklużjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tiġi kkonstatata fir-rigward ta’ wieħed mis-subappaltaturi msemmija fl-offerta ta’ dan l-operatur. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 57(6) ta’ din id-direttiva, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura awtomatika ta’ tali esklużjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.