SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tas-sajd – Regolamenti (UE) Nri 1303/2013, 1379/2013 u 508/2014 – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi ta’ prodotti tas-sajd u tal-akwakultura – Pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni – Appoġġ finanzjarju għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet – Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-infiq – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri – Assenza ta’ possibbiltà fid-dritt nazzjonali li titressaq applikazzjoni għal appoġġ”

Fil-Kawża C‑386/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti ta’ Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2018, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Coöperatieve Producentenorganisatie en Beheersgroep Texel UA

vs

Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ April 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u L. Noort, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. van Vliet, F. Ronkes Agerbeek, K. Walkerová u F. Moro, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU 2013, L 354, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament OKS”), tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, u r-rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140 u ĠU 2019, L 66, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament QSK”), u tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 149, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2017, L 88, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament FEMS”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Coöperatieve Producentenorganisatie en Beheersgroep Texel UA (iktar ’il quddiem “PO Texel2”) u l-minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru għall-Agrikoltura, Natura u Kwalità tal-Ikel, il-Pajjiżi l-Baxxi), fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar dwar iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni tiegħu għal appoġġ taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament OKS

3

Il-premessi 7 u 14 tar-Regolament OKS jiddikjaraw:

“(7)

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-akkwakultura ([iktar ’il quddiem, imsejħa konġuntement] ‘organizzazzjonijiet tal-produtturi’) huma ewlenin sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-[Politika Komuni tas-Sajd, iktar ’il quddiem il-‘PKS’] u tal-[Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq, iktar ’il quddiem l-‘OKS’]. Huwa għalhekk meħtieġ li jiżdiedu r-responsabbiltajiet tagħhom u li jipprovdu l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex ikun jista’ jkollhom rwol iktar sinifikanti fil-ġestjoni ta’ kuljum tas-sajd, filwaqt li jirrispettaw il-qafas definit mill-għanijiet tal-PKS. […]

[…]

(14)

Sabiex ikunu jistgħu jidderiġu lill-membri lejn attivitajiet ta’ sajd u akkwakultura sostenibbli, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jippreparaw u jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tagħhom pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni li jkollu fih il-miżuri li jkunu jeħtieġu biex ikunu ssodisfati l-għanijiet tagħhom.”

4

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament:

“L-organizzazzjonijiet ta’ produtturi […]jistgħu jiġu stabbiliti fuq l-inizjattiva tal-produtturi ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura, fi Stat Membru wieħed jew aktar […]”.

5

L-Artikolu 28 tar-regolament imsemmi, intitolat “Pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Kull organizzazzjoni tal-produtturi għandha tippreżenta pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni, għallinqas għall-ispeċijiet kummerċjalizzati ewlenin tagħha lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħha għall-approvazzjoni. […]

[…]

3.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom japprovaw il-pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni. Ladarba l-pjan jiġi approvat, l-organizzazzjoni tal-produtturi għandha immedjatament timplimentah.

[…]

5.   L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tipprepara rapport annwali tal-attivitajiet tagħha skont il-pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni, u għandha tippreżentah lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-approvazzjoni.

6.   L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jirċievu sostenn finanzjarju għall-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni b’konformità ma’ att legali futur tal-Unjoni li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal appoġġ finanzjarju għall-politika marittima u tas-sajd għall-perjodu 2014‑2020.

[…]”

Ir-Regolament PKS

6

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22, u r-rettifika fil-ĠU 2018, L 122, p. 35, iktar ’il quddiem ir-“Regolament PKS”) jipprovdi, fl-Artikolu 35 tiegħu:

“1.

Għandha tiġi stabbilita [OKS]

[…]

3.

L-[OKS] għandha tinkludi b’mod partikolari:

[…]

b)

pjanijiet tal-produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet [tal-produtturi];

[…]”

Ir-Regolament QSK

7

Il-punt 14 tal-Artikolu 2 tar-Regolament QSK jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operazzjoni kompluta” bħala “operazzjoni li tlestiet fiżikament jew ġiet implimentata għal kollox u fir-rigward tagħha saru l-pagamenti relatati kollha mill-benefiċjarji u l-kontribuzzjoni pubblika korrispondenti tħallset lill-benefiċjarji”.

8

Skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament:

“L-Istati Membri, fil-livell territorjali xieraq, skont il-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju tagħhom, u l-korpi maħtura minnhom għal dak il-għan għandhom ikunu responsabbli għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali u għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, […]f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għall-Fondi [strutturali u ta’ investiment Ewropej (iktar ’il quddiem il-‘Fondi ESI’].”

9

Taħt it-titolu “Eliġibbiltà”, l-Artikolu 65(1), (2) u (6) tar-Regolament jiddikjara:

“1.   L-eliġibbiltà tan-nefqa għandha tiġi ddeterminata abbażi tar-regoli nazzjonali, ħlief fejn ikunu stabbiliti r-regoli speċifiċi f’dan ir-Regolament jew abbażi tiegħu jew tar-regoli speċifiċi għall-Fondi.

2.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi ESI jekk tkun saret minn benefiċjarju u ġiet imħallsa bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-programm lill-Kummissjoni jew mill‑1 ta’ Jannar 2014, skont liema data tiġi l-ewwel, u l‑31 ta’ Diċembru 2023. […]

[…]

6.   L-operazzjonijiet ma għandhomx jiġu magħżula għall-appoġġ mill-Fondi ESI fejn ikunu tlestew fiżikament jew ġew implimentati bis-sħiħ qabel ma tkun ġiet imressqa mill-benefiċjarju l-applikazzjoni għall-finanzjament skont il-programm lill-awtorità ta’ ġestjoni, irrispettivament minn jekk il-pagamenti relatati kollha jkunux saru mill-benefiċjarju.”

Ir-Regolament FEMS

10

L-Artikolu 6 tar-Regolament FEMS, intitolat “Prijoritajiet tal-Unjoni” jiddikjara, fil-punt 5 tiegħu:

“Il-[FEMS] għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020 u għall-implimentazzjoni tal-PKS. Huwa għandu jsegwi l-prijoritajiet li ġejjin tal-Unjoni għall-iżvilupp sostenibbli tas-sajd u l-akkwakultura u ta’ attivitajiet relatati, li jirriflettu l-objettivi tematiċi rilevanti msemmija fir-Regolament [QSK]:

[…]

5.

It-trawwim tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

a)

it-titjib tal-organizzazzjoni tas-suq għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

b)

l-inkoraġġiment għal investiment fis-setturi tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni.

[…]”

11

Intitolat “Pjani dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni”, l-Artikolu 66 tar-Regolament FEMS huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-[FEMS] għandu jappoġġa t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament [OKS].

2.   L-infiq relatat mal-pjani ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni għandu jkun eliġibbli għal appoġġ mill-[FEMS] biss wara l-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament [OKS].

3.   L-appoġġ mogħti għal kull organizzazzjoni tal-produtturi kull sena skont dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż it-3 % tal-medja tal-valur annwali tal-produzzjoni li titqiegħed fis-suq minn dik l-organizzazzjoni ta’ produtturi matul it-tliet snin kalendarji preċedenti. […]

4.   L-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħti pagament bil-quddiem ta’ 50 % tal-appoġġ finanzjarju wara l-approvazzjoni tal-pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 28(3) tar-Regolament [OKS].

5.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata biss lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi u lil assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi.”

12

L-Artikolu 68 tar-Regolament FEMS, intitolat “Miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-[FEMS] jista’ jappoġġa l-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura […]”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1418/2013

13

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1418/2013 tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 1379/2013 (ĠU 2013, L 353, p. 40), jiddikjara, fl-Artikolu 2(1) tiegħu:

“L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom iressqu l-ewwel pjanijiet tagħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom sal-aħħar ta’ Frar 2014. […]”

Il-Linji Gwida Nru 2014/2

14

Il-punt 3.3 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni Nru 2014/2 tat‑13 ta’ Ġunju 2014 fuq l-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-suq fil-programmi operattivi tal-FEMS, jindika b’mod partikolari:

“Il-kontenut, il-validazzjoni u d-deċiżjoni dwar il-livell ta’ finanzjament tal-[pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni] jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri: L-Istati Membri għandhom japprovaw il-[pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni] u jiddeterminaw l-ammont tal-finanzjament għal kull wieħed minn fosthom […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

Il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv

15

Bis-saħħa tal-Artikolu 4:23(1) tal-wet houdende algemene regels van bestuursrecht (Algemene wet bestuursrecht) (il-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli Ġenerali tad-Dritt Amministrattiv (il-Liġi Ġenerali fuq id-Dritt Amministrattiv)) tal‑4 ta’ Ġunju 1992, organu amministrattiv jagħti sussidju biss fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni legali li tippreċiża l-attivitajiet li għalihom jista’ jingħata sussidju.

Id-Digriet dwar is-Sussidji Ewropej fil-Qasam tal-Affarijiet Ekonomiċi

16

Fl‑1 ta’ Lulju 2015, fil-Pajjiżi l-Baxxi daħal fis-seħħ ir-Regeling van de Staatssecretaris van Economische Zaken, nr. WJZ/15083650, houdende vaststelling van subsidie-instrumenten in het kader van de Europese structuur- en investeringsfondsen op het terrein van Economische Zaken (Regeling Europese EZ-Subsidies) (id-Digriet tas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi Nru WJZ/15083650 li jistabbilixxi l-Istrumenti ta’ Sussidju fil-Kuntest tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fil-Qasam tal-Affarijiet Ekonomiċi (id-Digriet dwar is-Sussidji Ewropej fil-Qasam tal-Affarijiet Ekonomiċi)), tat‑28 ta’ Ġunju 2015 (Stcrt. 2015, no 18094).

17

Skont l-Artikolu 2.2 ta’ dan id-digriet, l-attivitajiet ikkontemplati fir-Regolament FEMS jistgħu jiġu ssussidjati mill-Ministru għall-Agrikoltura, Natura u Kwalità tal-Ikel, wara li ssir talba f’dan is-sens.

18

Bis-saħħa tal-Artikolu 2.3(1) tal-imsemmi digriet, dan il-ministru jista’ jagħti sussidju biss jekk ikun ippreveda l-possibbiltà li titressaq applikazzjoni għal sussidju filwaqt li jiġi stabbilit limitu għas-sussidju u terminu għat-tressiq tal-applikazzjoni.

Id-Digriet li jipprevedi l-Modulu ta’ Sussidji li jirrigwardaw il-Pjanijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Kummerċjalizzazzjoni

19

Permezz tar-Regeling van de Staatssecretaris van Economische Zaken, nr. WJZ/16105576, houdende wijziging van de Regeling Europese EZ-subsidies en de Regeling openstelling EZ‑subsidies 2016 in verband met de subsidiemodule inzake productie- en afzetprogramma’s en andere wijzigingen in het kader van het Europees Fonds voor Maritieme Zaken en Visserij (id-Digriet tas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi Nru WJZ/16105576 li jemenda d-Digriet dwar is-Sussidji Ewropej fil-Qasam tal-Affarijiet Ekonomiċi u d-Digriet li jiftaħ is-Sussidji Ewropej fil-Qasam tal-Affarijiet Ekonomiċi 2016 għal dak li jikkonċerna l-Modulu ta’ Sussidji li jirrigwardaw il-Pjan ta’ Produzzjoni u ta’ Kummerċjalizzazzjoni u li jagħmel Tibdil ieħor fil-Kuntest tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd), tal‑25 ta’ Awwissu 2016 (Stcrt. 2016, Nru 43926, iktar ’il quddiem id-“Digriet li jipprevedi l-Modulu ta’ Sussidji li jirrigwardaw il-Pjanijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Kummerċjalizzazzjoni), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreveda l-modulu ta’ sussidji li jirrigwardaw il-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni matul il-perijodu mid‑29 ta’ Awwissu sas‑16 ta’ Settembru 2016.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

PO Texel hija organizzazzjoni ta’ produtturi, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament OKS, li l-għan tagħha huwa l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi li jiffavorixxu l-prattika razzjonali tas-sajd u t-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ tal-prodotti tas-sajd.

21

Fid-29 ta’ April 2014, din l-organizzazzjoni, konformement mal-Artikolu 28(1) tar-Regolament OKS, issottomettiet il-pjan tagħha ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni 2014 għall-approvazzjoni tal-Ministru għall-Agrikoltura, Natura u Kwalità tal-Ikel.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2014, il-Ministru, konformement mal-Artikolu 28(3) tar-Regolament OKS, approva dan il-pjan li PO Texel, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, implimentat immedjatament.

23

Fix-xahar ta’ Ottubru 2014, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta lill-Kummissjoni programm operattiv għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2014 sal‑31 ta’ Diċembru 2020

24

Wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, li seħħet fil‑25 ta’ Frar 2015, tal-programm operattiv sottomess mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, fid‑19 ta’ Mejju 2015 PO Texel bagħtet applikazzjoni għal sussidju indirizzata lill-Ministru għall-Agrikoltura, Natura u Kwalità tal-Ikel, fuq il-bażi tal-pjan tagħha ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni 2014, għall-finijiet tal-eliġibbiltà tagħha għall-appoġġ tal-FEMS għall-infiq li kienet wettqet kemm għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan, kif ukoll għal dak relatat mal-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni li hija kienet adottat.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2015, dan il-ministru ċaħad l-applikazzjoni ta’ PO Texel. Huwa qies, minn naħa, li fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni tagħha għal sussidju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien għadu ma pprevediex il-possibbiltà li titressaq tali applikazzjoni, la għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni taħt l-Artikolu 66 tar-Regolament FEMS, u lanqas għall-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akwakultura adottati mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi konformement mal-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, huwa qies li kien biss wara li fasslet il-pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni 2014 u wara li implimentatu, meta ġie approvat mill-Ministru, li PO Texel ressqet l-applikazzjoni tagħha għal sussidju.

26

L-ilment imressaq minn PO Texel kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud bħala infondat mill-Ministru għall-Agrikoltura, Natura u Kwalità tal-Ikel, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2015.

27

Insostenn tar-rikors li hija ppreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti ta’ Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), PO Texel allegat b’mod partikolari li hija eliġibbli għall-appoġġ tal-FEMS, taħt l-Artikolu 66 tar-Regolament FEMS, għall-infiq li jirrigwarda t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni 2014 li hija adottat. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li hija kellha tissottometti pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament OKS.

28

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, Natura u Kwalità tal-Ikel isostni, essenzjalment, li huwa ma setax jilqa’ t-talba għal sussidju fformulata minn PO Texel, peress li, fid-data tas-sottomissjoni ta’ din tal-aħħar, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kienx ippreveda l-possibbiltà li tali talba titressaq u li, fi kwalunkwe każ, il-kapitolu tar-Regolament FEMS li taħtu jaqa’ l-Artikolu 66 tiegħu jħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri.

29

Huwa f’dan il-kuntest li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti ta’ Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

L-Artikolu 66(1) tar-Regolament [FEMS] [li] ‘jappoġġa’ t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament [OKS] jipprekludi lil Stat Membru milli jopponi li organizzazzjoni ta’ produtturi li tkun ippreżentat applikazzjoni għall-għoti ta’ dan l-appoġġ minħabba l-fatt li fil-mument li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, dak l-Istat Membru ma kienx offra l-possibbiltà li applikazzjoni tiġi ssottomessa għal kategorija speċifika ta’ nfiq (f’dan il-każ: l-ispejjeż għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-pjani ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni) jew għal perijodu speċifiku (f’dan il-każ: is-sena 2014) la fil-programm operazzjonali approvat mill-Kummissjoni Ewropea, u lanqas fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-eliġibbiltà tal-infiq?

b)

Huwa rilevanti, sabiex tingħata risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda, li, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament [OKS], l-organizzazzjoni ta’produtturi hija obbligata li tħejji pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni u, wara l-approvazzjoni tal-pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni mill-Istat Membru, timplimenta dan il-pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni?

2)

Jekk ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda tkun fis-sens li l-Artikolu 66(1) tar-Regolament [FEMS] jipprekludi lil Stat Membru milli jopponi li organizzazzjoni tal-produtturi, li tkun ippreżentat applikazzjoni għall-għoti ta’ dan l-appoġġ għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-pjani ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni, minħabba l-fatt li fil-mument li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, dak l-Istat Membru ma kienx offra l-possibbiltà li applikazzjoni tiġi ssottomessa, l-applikant li jkun applika għall-għoti ta’ dan l-appoġġ jista’ jikseb direttament permezz tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament [FEMS] il-bażi legali meħtieġa għall-ksib ta’ dritt fil-konfront tal-Istat Membru tiegħu sabiex jingħata l-appoġġ inkwistjoni?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fis-sens li l-applikant li jkun applika għall-għoti ta’ dan l-appoġġ jista’ jikseb direttament permezz tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament [FEMS] il-bażi legali meħtieġa għall-ksib ta’ dritt fil-konfront tal-Istat Membru tiegħu sabiex jingħata l-appoġġ inkwistjoni, l-Artikolu 65(6) tar-Regolament [QSK] jipprekludi l-għoti ta’ appoġġ għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni fil-każ li l-applikazzjoni għall-għoti ta’ appoġġ tiġi ssottomessa wara li l-pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni jkun tħejja u ġie implimentat?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

30

Preliminarjament jeħtieġ li jiġi osservat li bid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti OKS, PKS u FEMS, seħħet l-aħħar riforma attwali fil-qasam tal-PKS, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014.

31

Bil-għan li jintlaħqu l-effetti ta’ din ir-riforma, il-leġiżlatur tal-Unjoni espona espliċitament il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jingħataw l-appoġġ finanzjarju neċessarju sabiex dan ikun jista’ jseħħ, filwaqt li qiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom għodda speċifika ta’ sostenn, jiġifieri l-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

32

Il-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-imsemmija pjanijiet huma previsti fl-Artikolu 28 tar-Regolament OKS, li jimponi ċertu numru ta’ obbligi fuq l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, bħalma huma, l-ewwel nett, is-sottomissjoni ta’ tali pjan għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, it-tieni nett, l-implimentazzjoni immedjata ta’ dan il-pjan ladarba jiġi approvat minnhom, u, it-tielet nett, it-tħejjija ta’ rapport annwali dwar l-attivitajiet imwettqa minnhom b’applikazzjoni tal-imsemmi pjan u s-sottomissjoni tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Huwa biss wara l-approvazzjoni, minn dawn tal-aħħar, ta’ dan ir-rapport annwali li l-infiq inkors mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet rispettivi tagħhom ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni jsiru eliġibbli għall-appoġġ tal-FEMS.

33

Il-modalitajiet ta’ finanzjament ta’ dawn il-pjanijiet huma rregolati permezz tar-Regolament FEMS, li jikkostitwixxi l-istrument finanzjarju fis-servizz tal-PKS għall-perijodu ta’ programmazzjoni mill‑1 ta’ Jannar 2014 sal‑31 ta’ Diċembru 2020 u, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament.

34

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-finanzjament taħt il-FEMS huwa implimentat fuq il-bażi tal-programmi operattivi uniċi elaborati minn kull Stat Membru u li jkopru kull perijodu ta’ programmazzjoni. Dawn il-programmi, li huma sottomessi lill-Kummissjoni, għandhom jinkludu pjan ta’ finanzjament u deskrizzjoni tal-istrateġija li għandha tiġi segwita sabiex jintwera li l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji favur il-prijoritajiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6 tar-regolament imsemmi tista’ debitament tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti mill-imsemmija programmi. Ladarba dawn l-istess programmi jiġu approvati mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jkollhom id-dmir li jistabbilixxu l-kriterji nazzjonali ta’ eliġibbiltà tal-infiq u li jipprevedu l-possibbiltà li titressaq applikazzjoni għal sussidju taħt il-FEMS. F’dan il-każ, din il-possibbiltà ġiet prevista mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi biss fil‑25 ta’ Awwissu 2016 permezz tad-Digriet li jipprevedi l-Modulu ta’ Sussidji li jirrigwardaw il-Pjanijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Kummerċjalizzazzjoni.

35

Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi osservat li minħabba l-adozzjoni tardiva tar-Regolament FEMS, li saret biss fil‑15 ta’ Mejju 2014 bl-applikazzjoni retroattiva mill‑1 ta’ Jannar 2014, u minħabba l-fatt li l-programmi operattivi setgħu jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mill-Istati Membri biss wara din id-data, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kellhom iħejju u jimplimentaw il-pjanijiet tagħhom ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni għas-sena 2014 filwaqt li l-possibbiltà li jirċievu l-appoġġ finanzjarju msemmi fl-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament kienet għadha ma ġietx formalment prevista. Fil-fatt, dawn l-organizzazzjonijiet kellhom, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1418/2013, jissottomettu l-pjanijiet rispettivi tagħhom għas-sena 2014 qabel tmiem ix-xahar ta’ Frar ta’ din is-sena. F’dan il-każ, PO Texel issottomettiet il-pjan tagħha lill-ministru nazzjonali kompetenti biss fid‑29 ta’ April 2014.

36

F’dan ir-rigward, minkejja li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1418/2013 jagħti lok għal obbligu għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jressqu l-pjanijiet tagħhom ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni għas-sena 2014 qabel tmiem ix-xahar ta’ Frar ta’ din is-sena, filwaqt li dan ir-regolament ma kienx jipprevedi konsegwenzi fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ratione temporis, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kinux qiesu li kien xieraq li jagħtu importanza lid-dewmien fis-sottomissjoni tal-pjan ta’ PO Texel. Dan il-gvern ikkonferma li, fi kwalunkwe każ, dan id-dewmien ma jistax jagħti lok għal konsegwenzi kontra din l-organizzazzjoni ta’ produtturi, bħaċ-ċaħda tad-dritt tagħha li tibbenefika minn sussidju taħt il-FEMS.

Fuq l-ewwel domanda

37

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta li jagħti segwitu għal applikazzjoni għal sussidju minn organizzazzjoni ta’ produtturi relatata mal-infiq li tkun inkorriet għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni, minħabba li, fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni tiegħu, dan l-Istat Membru kien għadu ma pprevediex, fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu, il-possibbiltà li tali applikazzjoni tiġi pproċessata. Hija tistaqsi dwar il-punt jekk iċ-ċirkustanza li l-Artikolu 28 tar-Regolament OKS jimponi lil dawn l-organizzazzjonijiet ifasslu tali pjanijiet u jimplimentawhom ladarba jkunu ġew approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistax ikollha effett fuq ir-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda.

38

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ddeterminat preliminarjament jekk, billi jiddikjara fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS li l-FEMS “jappoġġa” it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jintroduċi obbligu għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ tal-FEMS għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ tali pjanijiet.

39

Skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS, il-FEMS “jappoġġa” it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament OKS.

40

L-użu tal-formulazzjoni imperattiva “jappoġġa” jikkontribwixxi għal interpretazzjoni tal-Artikolu 66(1) tal-FEMS li skontha l-Istati Membri għandhom obbligu, filwaqt li josservaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu, jipprevedu l-għoti ta’ appoġġ għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament OKS.

41

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta kemm bil-ħolqien tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS kif ukoll bil-kuntest u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti tixtieq tikseb.

42

Qabel kollox, fir-rigward tal-ħolqien ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, qabel kollox, li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu u hekk kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel deliberament li jifformula l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS b’mod imperattiv. Fil-fatt, mill-ħidma preparatorja għal din id-dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm fil-proposta għal Regolament FEMS [COM(2011) 804 final] imressqa mill-Kummissjoni, il-formulazzjoni li skontha l-FEMS “jista’ jappoġġja” kienet issuġġerita, madankollu din ma ġietx inkluża fit-test finali tal-imsemmija dispożizzjoni. Il-Parlament Ewropew kien insista li tintuża l-esprezzjoni l-“FEMS għandu jappoġġja”, b’mod li jiġi ggarantit li tingħata appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi taħt il-FEMS, għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

43

Min-naħa l-oħra, din l-istess interpretazzjoni hija riflessa kemm mill-punt 3.3 tal-Linji Gwida Nru 2014/2 li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri “għandhom” japprovaw il-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni u jiddeterminaw l-ammont ta’ finanzjament għal kull wieħed minnhom, kif ukoll mill-gwida mogħtija mill-Kummissjoni fit-taqsima FAQ tas-sit internet tagħha fejn huwa indikat, essenzjalment, li l-awtoritajiet nazzjonali “għandhom jappoġġaw” it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ finanzjament taħt il-FEMS, sa fejn dawn il-pjanijiet ikunu ġew approvati mill-awtorità nazzjonali kompetenti u li dan l-appoġġ jidħol fil-limiti previsti fl-Artikolu 66(3) tar-Regolament FEMS.

44

Ċertament, la l-Linji Gwida tal-Kummissjoni u lanqas il-gwida mogħtija minnha fit-taqsima FAQ tas-sit internet tagħha ma jistgħu jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, huma jistgħu jikkostitwixxu sors utli ta’ ispirazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS, hemm lok li jitqies, minn naħa, li din id-dispożizzjoni tiddistingwi lilha nnifisha mill-maġġoranza kbira tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-FEMS, bħall-Artikoli 48 u 68 ta’ dan ir-regolament, li jindikaw, f’termini fakultattivi, li appoġġ “jista’ jingħata” jew ulterjorment li l-FEMS “jista’ jappoġġa” ċerti miżuri jew operazzjonijiet.

46

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS jirreferi espliċitament għall-Artikolu 28 tar-Regolament OKS, li l-paragrafu 6 tiegħu huwa intiż li jiggarantixxi li, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 1, 3 u 5 ta’ dan l-artikolu jiġu ssodisfatti, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

47

In-natura imperattiva tal-formulazzjoni tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-osservazzjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li skontha l-formulazzjoni użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 28(6) tar-Regolament OKS, sa fejn dan l-artikolu jipprovdi li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi “jistgħu jirċievu sostenn […] b’konformità ma’ att legali futur tal-Unjoni” timplika, essenzjalment, li dan kellu l-intenzjoni li jħalli lill-Istati Membri l-għażla li jipprovdu tali appoġġ lil dawn l-organizzazzjonijiet. Fil-fatt, ir-riferiment magħmul għall-verb “seta’” f’din id-dispożizzjoni ma għandhux jinftiehem skont il-konnotazzjoni fakultattiva tiegħu, iżda għandu jiġi interpretat b’mod prospettiv, b’tali mod li jinqara fid-dawl taċ-ċirkustanza li l-imsemmija organizzazzjonijiet kellhom jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju permezz ta’ att futur tal-Unjoni, li sussegwentement sar ir-Regolament FEMS.

48

Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li n-natura imperattiva tal-formulazzjoni tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS tikkostitwixxi wkoll konsegwenza loġika tal-artikolazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mal-obbligi imposti lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi skont l-Artikolu 28(1), (3) u (5) tar-Regolament OKS, hekk kif ġew imfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

49

Fl-aħħar nett, in-natura imperattiva tal-formulazzjoni tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS hija wkoll neċessarja fir-rigward tal-għanijiet li l-aħħar riforma fil-qasam tal-PKS tixtieq tilħaq, kif ukoll minħabba l-għan u l-istruttura ġenerali tar-Regolament FEMS.

50

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-leġiżlatur tal-Unjoni indika espliċitament fil-premessi 7 u 14 tar-Regolament OKS il-ħtieġa li jissaħħu r-responsabbiltajiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kif ukoll li dawn jingħataw l-appoġġ finanzjarju neċessarju sabiex dawn ikunu jistgħu jkollhom rwol iktar importanti fil-ġesjoni ta’ kuljum tas-sajd, b’mod li dawn ikunu jistgħu jwasslu lill-membri tagħhom jipprattikaw l-attivitajiet tagħhom ta’ sajd u ta’ akwakultura skont metodu sostenibbli fit-tul, konformement mal-qafas iddefinit mill-għanijiet tal-PKS. Hekk kif essenzjalment osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan li jrid jintlaħaq mill-appoġġ finanzjarju previst fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS u, b’mod iktar ġenerali, mis-sistema ta’ finanzjament introdotta fil-kuntest tal-aħħar riforma fil-qasam tal-PKS, għandu jiġi interpretat b’korrelazzjoni mar-rwol maġġuri attribwit lil dawn l-organizzazzjonijiet, sa fejn tqiegħdet fuqhom l-inkarigu ta’ kontribut effettiv għall-eżerċizzju ta’ missjoni ta’ interess ġenerali.

51

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont l-Artikolu 66(5) tar-Regolament FEMS, l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jista’ jingħata biss lis-sempliċi organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew lil assoċjazzjonijiet ta’ tali organizzazzjonijiet. Huwa hawnhekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sistema ta’ finanzjament introdotta fil-kuntest tal-FEMS hija sostanzjalment differenti minn dawk li jaqgħu taħt Fondi ESI oħra.

52

Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi osservat li l-importanza wara l-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ tal-FEMS lil dawn l-organizzazzjonijiet għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni hija kkorroborata bil-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espliċitament fl-Artikolu 66(4) tar-Regolament FEMS il-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtuhom ħlas minn qabel ta’ 50% mill-appoġġ finanzjarju mitlub taħt dawn il-pjanijiet, u dan minħabba l-fatt li jiddekorri minimu ta’ sena bejn id-data tat-tħejjija ta’ tali pjanijiet u d-data li fiha l-organizzazzjonijiet imsemmija jistgħu jistennew finanzjament taħt il-FEMS wara li r-rapport annwali tagħhom jiġi approvat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

53

Mill-punti kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS għandu jinftiehem fis-sens li jimponi obbligu għall-Istati Membri fejn dawn għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament taħt il-FEMS kemm għat-tħejjija kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

54

Sabiex dan l-obbligu jiġi ssodisfatt l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom sabiex l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jkunu jistgħu jressqu l-applikazzjonijiet tagħhom għal sussidji taħt il-FEMS għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tagħhom ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 66(2) u (3) tar-Regolament FEMS moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 65(1) tar-Regolament QSK, huma għandhom jiddeċiedu l-miżuri ta’ applikazzjoni tar-Regolament FEMS fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-infiq u, b’mod partikolari, għandhom jiddeterminaw il-kriterji relatati mad-data ta’ bidu ta’ eliġibbiltà ta’ dan l-infiq u mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont li għandu jingħata lil kull waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet.

55

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-awtoritaijiet nazzjonali huma obbligati jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom b’mod li josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt, li fosthom hemm il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Slob, C‑496/04, EU:C:2006:570, punt 41). L-awtoritajiet nazzjonali għandhom ukoll l-obbligu li jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom fl-osservanza tal-obbligu ġenerali ta’ diliġenza impost fuqhom bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) TUE.

56

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti 19 u 34 ta’ din is-sentenza, huwa biss fil‑25 ta’ Awwissu 2016, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tad-Digriet li jipprevedi l-Modulu ta’ Sussidji li jirrigwardaw il-Pjanijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Kummerċjalizzazzjoni, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreveda, fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu, għall-possibbiltà għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jressqu l-applikazzjoniijet tagħhom għal sussidju taħt il-FEMS. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ċ-ċaħda, mill-Ministru għall-Agrikoltura, Natura u Kwalità tal-Ikel, tal-applikazzjoni mressqa minn PO Texel sabiex tibbenefika minn appoġġ finanzjarju taħt l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS għall-pjan tagħha ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni 2014 kienet immotivata, essenzjalment, bil-fatt li, fid-data ta’ tressiq ta’ din l-applikazzjoni, jiġifieri d‑19 ta’ Mejju 2015, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien għadu ma pprevediex il-possibbiltà li tali applikazzjoni tiġi pproċessata.

57

Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi speċifikat li, minn naħa, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-perspettiva li jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kienet ġiet prevista, minn tal-inqas fir-rigward tat-tfassil tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-programm operattiv sottomess lill-Kummissjoni minn dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi osservat li meta ġie mistoqsi dwar dan il-punt waqt is-seduta l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonferma li d-Digriet li jipprevedi l-Modulu ta’ Sussidji li jirrigwardaw il-Pjanijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Kummerċjalizzazzjoni ma kellux effett retroattiv, b’tali mod li ma jistax jirregola l-applikazzjonijiet għal appoġġ tal-FEMS sottomessi mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi qabel l-adozzjoni tiegħu.

58

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li inerzja min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali bħal dik murija mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kawża prinċipali ma ssibx postha fil-qafas tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi operattivi rispettivi tagħhom, fejn bis-saħħa tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament QSK din għandha pjuttost tiġi eżerċitata konformement mal-qafas istituzzjonali, ġuridiku u finanzjarju tagħhom.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta li jagħti segwitu għal applikazzjoni għal sussidju minn organizzazzjoni ta’ produtturi relatata mal-infiq li tkun inkorriet għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni, minħabba li, fid-data tat-tressiq ta’ din l-applikazzjoni, dan l-Istat Membru kien għadu ma pprevediex, fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu, il-possibbiltà li tali applikazzjoni tiġi pproċessata.

Fuq it-tieni domanda

60

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS għandux jiġi interpretat fis-sens li joħloq direttament għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dritt għal appoġġ finanzjarju taħt il-FEMS għall-infiq inkors minnhom għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

61

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dispożizzjoni ta’ regolament tal-Unjoni tista’ toħloq drittijiet favur partijiet f’kawża li dawn jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati biss jekk, minn naħa, din tkun ċara, preċiża u inkundizzjonata u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1973, Schlüter, 9/73, EU:C:1973:110, punt 32).

62

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun inkundizzjonata meta tiddikjara obbligu li ma jkun mogħni b’ebda kundizzjoni u ma jkun suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att jew tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew tal-Istati Membri (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS jirriżulta li din id-dispożizzjoni, waħedha, tieħu l-ħsieb li tiddikjara prinċipju ta’ finanzjament f’termini ġenerali ħafna u jeħtieġ, għalhekk, li jittieħdu inkunsiderazzjoni spjegazzjonijiet previsti minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament u, b’mod partikolari, ta’ dawk tal-Artikolu 66(2) u (3) tar-regolament imsemmi.

64

Issa, jeħtieġ li jiġi osservat li dawn il-paragrafi jipprevedu ċerti kundizzjonijiet relatati, minn naħa, mal-fatt li l-infiq inkors mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi marbuta mal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni huma eliġibbli għall-appoġġ tal-FEMS biss wara l-approvazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament OKS u, min-naħa l-oħra, li l-appoġġ annwali mogħti lil kull organizzazzjoni ta’ produttur ma għandux jeċċedi 3 % mill-valur medju annwali tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minnha matul it-tliet snin kalendarji preċedenti. Għaldaqstant l-ammont eżatt tal-appoġġ ma huwiex iddeterminat mill-Artikolu 66 tar-Regolament FEMS. Għalhekk, l-għoti tal-appoġġ huwa suġġett b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-ammont eżatt tiegħu mill-Istati Membri.

65

Għalhekk l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS ma jissodisfax il-kriterju ta’ inkundizzjonalità li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 ta’ din is-sentenza.

66

Fid-dawl ta’ dan kollu, jeħtieġ li jingħad ukoll li, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tkun tinsab f’qagħda ta’ impossibbiltà li twettaq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li tippermettilha tasal għal soluzzjoni konformi mal-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-aħħar riforma fil-qasam tal-PKS u li tiggarantixxi, għalhekk, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, f’tali sitwazzjoni, il-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tkun tista’ xorta waħda tinvoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428), sabiex tikseb, jekk ikun il-każ, il-kumpens għad-dannu mġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS għandu jiġi interpretat fis-sens li ma joħloqx direttament għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi dritt għal appoġġ finanzjarju taħt il-FEMS għall-infiq inkors minnhom għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Fuq it-tielet domanda

68

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 65(6) tar-Regolament QSK għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti ta’ sussidju taħt il-FEMS għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-każ fejn l-applikazzjoni għal sussidju tkun tressqet wara t-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ tali pjan.

69

Skont din id-dispożizzjoni, operazzjoni ma għandhiex tiġi magħżula sabiex tibbenefika mill-appoġġ tal-Fondi ESI jekk din tkun tlestiet fiżikament jew ġiet implimentata bis-sħiħ qabel ma tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni għal finanzjament skont il-programm mill-benefiċjarju lill-awtorità ta’ ġestjoni, irrispettivament minn jekk il-pagamenti kollha relatati jkunux saru mill-benefiċjarju.

70

F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi osservat, minn naħa, li t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni għandhom jiġu jitqiesu li jikkostitwixxu azzjoni kontinwa, li tkompli matul il-perijodu kollu ta’ programmazzjoni mill‑1 ta’ Jannar 2014 sal‑31 ta’ Diċembru 2020. Konformement mal-Artikolu 28 tar-Regolament OKS, it-tħejjija ta’ tali pjan ma titqiesx bħala sensiela ta’ azzjonijiet iżolati implimentati b’mod separat, iżda bħala azzjoni kontinwa mogħnija bi spejjeż operattivi kontinwi. Minkejja li, skont l-Artikolu 28(5) ta’ dan ir-regolament, tali pjan għandu jkun suġġett għal rapport annwali, huwa jitlesta biss fi tmiem dan il-perijodu ta’ programmazzjoni. Għalhekk, it-tħejjija u l-implimentazjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni li jseħħu matul il-perijodu ta’ programmazzjoni inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala “implimentati bis-sħiħ” fis-sens tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament QSK.

71

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tad-definizzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tar-Regolament QSK, operazzjoni speċifika titqies li “tlestiet” fil-mument fejn, b’mod partikolari, il-ħlasijiet kollha relatati magħha jkunu twettqu mill-benefiċjarji u l-kontribuzzjoni pubblika korrispondenti tkun tħallset lil dawn tal-aħħar. Issa, bis-saħħa tal-Artikolu 28(1) u (3) tar-Regolament OKS, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għandhom l-obbligu li jissottomettu l-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni għal approvazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, ladarba dawn il-pjanijiet jiġu approvati minnhom, huma għandhom jimplimentawhom immedjatament. Skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, dawn l-organizzazzjonijiet għandhom iħejju rapport annwali dwar l-attivitajiet li huma jkunu wettqu b’applikazzjoni tal-pjanijiet rispettivi tagħhom u għandhom jissottomettuh lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Huwa biss wara l-approvazzjoni, minn dawn tal-aħħar, ta’ dan ir-rapport annwali li l-infiq inkors mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tagħhom ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni rispettivi jsir eliġibli għall-appoġġ tal-FEMS, bis-saħħa tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament FEMS.

72

Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament QSK li skontha dan jipprekludi l-għoti ta’ sussidju taħt l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-każ fejn l-applikazzjoni għal sussidju tkun tressqet wara t-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ tali pjan toħloq impossibbiltà materjali għal dawn l-organizzazzjonijiet sabiex jirċievu tali appoġġ. Għaldaqstant din ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad l-Artikolu 66(1) tar-Regolament FEMS mill-effett utli tiegħu.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 65(6) tar-Regolament QSK għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-għoti ta’ sussidju taħt il-FEMS għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-każ fejn l-applikazzjoni għal sussidju tkun tressqet wara t-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ tali pjan.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta li jagħti segwitu għal applikazzjoni għal sussidju minn organizzazzjoni ta’ produtturi relatata mal-infiq li tkun inkorriet għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni, minħabba li, fid-data tat-tressiq ta’ din l-applikazzjoni, dan l-Istat Membru kien għadu ma pprevediex, fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu, il-possibbiltà li tali applikazzjoni tiġi pproċessata.

 

2)

L‑Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 508/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma joħloqx direttament għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi dritt għal appoġġ finanzjarju taħt il-FEMS għall-infiq inkors minnhom għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

 

3)

L-Artikolu 65(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-għoti ta’ sussidju taħt il-FEMS għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-każ fejn l-applikazzjoni għal sussidju tkun tressqet wara t-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ tali pjan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.