SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
12 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Kunċett ta’ ‘raġunijiet ta’ ordni pubbliku’ – Ċaħda ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza ta’ membru tal-famlija – Irtirar ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja jew rifjut li dan jiġi mġedded”
Fil-Kawżi magħquda C‑381/18 u C‑382/18,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-6 ta’ Ġunju 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2018, fil-proċeduri
G.S. (C‑381/18),
V.G. (C‑382/18)
vs
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen (Relatur), u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur:C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati,
– |
għal G.S., minn M. Strooij u J. Hoftijzer, advocaten, |
– |
għal V.G., minn V. Sarkisian u N. Melehi, advocaten, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, L. Noort u A. M. de Ree kif ukoll J.M. Hoogveld, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn G.S. (Kawża C‑381/18) u V.G. (Kawża C‑382/18) u s-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) rigward il-legalità, minn naħa, ta’ deċiżjoni li kienet irrifjutat it-tiġdid tal-permess ta’ residenza mogħti lil G.S. għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja u ordnat retroattivament l-irtirar ta’ dan il-permess ta’ residenza, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ta’ deċiżjoni li kienet ċaħdet l-applikazzjoni ta’ V.G. għall-għoti ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2003/86
3 |
Il-premessi 2 u 14 tad-Direttiva 2003/86 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, “sponsor” huwa ddefinit bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha”. |
5 |
L-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni.” |
6 |
L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, konformement ma’ din tal-aħħar u bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IV tagħha kif ukoll fl-Artikolu 16 tagħha, tal-membri tal-familja li huwa jelenka. |
7 |
L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi: “1. [L]-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal dħul u residenza ta’ membri tal-familja għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurta pubblika u saħħa pubblika. 2. Stati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurta pubblika jew saħħa pubblika. Meta tittieħed id-deċiżjoni relevanti, l-Istat Membru għandu jqis, minbarra l-Artikolu 17, is-severità jew tip ta’ offiża kontra l-politika pubblika jew sigurtà pubblika magħmula mill-membru tal-familja, jew il-perikoli li huma kkawżati (imnisslin) minn persuna tali.” |
8 |
L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.” |
Id-Direttiva 2004/38/KE
9 |
L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), jiddisponi: “Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri. Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑381/18
10 |
Fis-8 ta’ April 2009, G.S., ċittadin ta’ pajjiż terz, inħareġ fir-rigward tiegħu, fil-Pajjiżi l-Baxxi, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja, permess ta’ residenza bħala “sieħeb” ta’ sponsor. Dan il-permess ġie mġedded għall-perijodu mid-9 ta’ Marzu 2010 sat-28 ta’ Awwissu 2014. |
11 |
Fis-17 ta’ Awwissu 2012, G.S. ġie kkundannat fl-Isvizzera għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin u tliet xhur minħabba parteċipazzjoni fi traffikar ta’ drogi, għal fatti li seħħew sal-4 ta’ Settembru 2010. |
12 |
Sussegwentement huwa ressaq applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
13 |
Fl-24 ta’ Settembru 2015, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Huwa rtira wkoll, b’effett retroattiv fl-4 ta’ Settembru 2010, il-permess ta’ residenza li G.S. kien jibbenefika minnu u ddikjara, fir-rigward tiegħu, projbizzjoni ta’ dħul. |
14 |
Sabiex jiġu adottati dawn id-deċiżjonijiet, is-Segretarju tal-Istat ibbaża ruħu fuq qafas ta’ evalwazzjoni ta’ dritt nazzjonali li jippermetti li jiġi rtirat permess ta’ residenza jew li jiġi rrifjutat it-tiġdid tiegħu meta l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata għal piena suffiċjentement sinjifikattiva meta mqabbla mat-tul tar-residenza regolari tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, is-Segretarju tal-Istat ipproċeda għall-ibbilanċjar tal-interessi ta’ din il-persuna u tas-sieħba tiegħu mal-interess ġenerali li huwa marbut mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku. |
15 |
Wara lment imressaq minn G.S., is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjoni tat-21 ta’ Ottubru 2016, laqa’ l-appell tiegħu fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ dħul u ddikjara li G.S. ma setax jirrisjedi b’mod regolari fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għall-kumplament, is-Segretarju tal-Istat żamm mad-deċiżjonijiet inizjali tiegħu. |
16 |
G.S. ippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet tas-Segretarju tal-Istat quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam, il-Pajjiżi l Baxxi). Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Frar 2017, din il-qorti annullat id-deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2015 sa fejn kienet iddikjarat projbizzjoni ta’ dħul u d-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2016 sa fejn kienet iddikjarat li G.S. ma setax jirrisjedi b’mod regolari fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Min-naħa l-oħra, hija ddikjarat il-kumplament tar-rikors bħala infondat. |
17 |
G.S. appella din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tibbaża ruħha korrettament fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/86, l-awtorità kompetenti għandhiex tistabbilixxi li l-aġir individwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. |
19 |
Hija tirrileva li tali rekwiżit jista’ jirriżulta minn soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377), tal-24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413), u tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84), kif ukoll mill-qafas tal-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117). |
20 |
Fid-dawl ta’ dan, b’mod partikolari fir-rigward tal-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86 u tas-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429), huwa konċepibbli li jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha ssir fil-kuntest iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li magħha tikkorrispondi l-prattika nazzjonali. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-Kawża C‑382/18
22 |
Matul is-snin 1999 sa 2011, V.G., ċittadin ta’ pajjiż terz, irrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi, parzjalment regolarment. |
23 |
Matul dan il-perijodu, V.G. kien suġġett għal erba’ kundanni kriminali għal piena ta’ xogħol jew għal multa għal serq ta’ oġġetti minn ħanut u għal sewqan fi stat ta’ intossikazzjoni. F’Ġunju 2011, huwa ġie rritornat lill-awtoritajiet Armeni b’rabta ma ksur allegat tal-leġiżlazzjoni dwar id-drogi. |
24 |
Fit-28 ta’ Lulju 2016, il-konjuġi ta’ V.G., ċittadina Olandiża, ippreżentat applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil V.G. għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja. |
25 |
Fid-19 ta’ Settembru 2016, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. |
26 |
Sabiex tiġi adottata din id-deċiżjoni, is-Segretarju tal-Istat ibbaża ruħu fuq qafas ta’ evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali li jippermetti li jiġi rrifjutat id-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja jekk huwa jkun ġie kkundannat għal delitt gravissimu jew għal reat għal piena ta’ xogħol jew multa, inkluż meta dan id-delitt gravissimu jew dan ir-reat ikun twettaq iktar minn ħames snin qabel, sa fejn il-persuna kkonċernata kienet fi stat ta’ reċidiva. Minbarra dan, is-Segretarju tal-Istat wettaq ibbilanċjar tal-interessi ta’ din il-persuna mal-interess ġenerali li huwa marbut mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku. |
27 |
Wara lment imressaq minn V.G., is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2017, żamm id-deċiżjoni inizjali tiegħu. |
28 |
V.G. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam). Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Ġunju 2017, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. |
29 |
V.G. appella din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
30 |
Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jirrileva li, konformement mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/86, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li l-konjuġi ta’ V.G. hija ta’ nazzjonalità Olandiża. |
31 |
Madankollu din il-qorti ssostni li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva għandu japplika, b’analoġija, għal V.G. sa fejn id-dritt Olandiż jipprevedi li, meta, bħal f’dan il-każ, il-liġijiet u r-regolamenti Olandiżi ma jagħmlux distinzjoni bejn sitwazzjoni koperta mid-dritt tal-Unjoni u sitwazzjoni li ma hijiex koperta minn dan id-dritt, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan id-dritt japplikaw b’mod dirett u inkundizzjonat għas-sitwazzjoni interna. |
32 |
Minħabba dan il-fatt, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/86 hija deċiżiva għall-eżitu tal-kawża prinċipali. Madankollu hija tistaqsi, fir-rigward tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638), dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal domandi li jirrigwardaw dan l-artikolu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
33 |
Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tibbaża ruħha fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-awtorità kompetenti għandhiex tistabbilixxi li l-aġir personali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. |
34 |
Hija tirrileva li tali rekwiżit jista’ jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza. |
35 |
Madankollu, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862), u tal-4 ta’ April 2017, Fahimian (C‑544/15, EU:C:2017:255), jissuġġerixxu li standard iktar flessibbli huwa applikabbli meta jkunu inkwistjoni evalwazzjonijiet kumplessi, bħalma huwa l-każ meta deċiżjoni għandha tittieħed fuq id-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
37 |
Permezz tad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2018, il-Kawżi C‑381/18 u C‑382/18 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑260/18
38 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża 382/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/86 f’sitwazzjoni li fiha qorti hija mitluba tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal dħul u għal residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjoni, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali. |
39 |
Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jippreċiża li t-terminu “sponsor” jirreferi neċessarjament għal ċittadin ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li din ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 29). |
40 |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni, għaldaqstant, ma pprevediex l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, u dan huwa kkonfermat, barra minn hekk, mix-xogħol preparatorju tal-istess direttiva (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Madankollu minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom, minkejja li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt kienu ġew reżi applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba riferiment magħmul minn dan id-dritt għall-kontenut tagħhom (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, jeżisti interess ċert tal-Unjoni Ewropea sabiex, biex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, id-dispożizzjonijiet adottati tad-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Għalhekk, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom tkun iġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑380/17, EU:C:2018:876, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), ippreċiżat li mid-dritt Olandiż jirriżulta li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur nazzjonali jissuġġetta għall-istess regola sitwazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sitwazzjoni li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati b’mod identiku. Minn dan, din il-qorti ddeduċiet li hija kienet marbuta, taħt id-dritt Olandiż, li tapplika l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/86 f’din il-kawża. |
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, kif jirrileva wkoll il-Gvern Olandiż, din id-dispożizzjoni ġiet reża applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt Olandiż, għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li għalhekk jeżisti interess ċert tal-Unjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑382/18. |
46 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/86 jeskludi espressament is-sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑382/18 mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest iddefinit mill-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 41 sa 43 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punti 36 sa 43; tas-7 ta’ Novembru 2018, K u B, C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 40, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 40 sa 42). |
47 |
Fil-fatt, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41 sa 43 ta’ din is-sentenza hija intiża preċiżament sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom dawn għandhom jiġu applikati, f’sitwazzjonijiet li l-awturi tat-Trattati jew il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qisux utli li jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax raġonevolment tvarja skont jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti ġiex iddelimitat permezz ta’ definizzjoni pożittiva jew permezz tal-istabbiliment ta’ ċerti każijiet ta’ esklużjoni, peress li dawn iż-żewġ tekniki leġiżlattivi jistgħu jintużaw b’mod interkambjabbli (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li l-ewwel domanda fil-Kawża C‑382/18 tiġi risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/86 f’sitwazzjoni li fiha qorti hija mitluba tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal dħul u għal residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjoni, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑381/18 kif ukoll fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑382/18
49 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑381/18 kif ukoll permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑382/18, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, minn naħa, jiċħdu applikazzjoni għal dħul u għal residenza bbażata fuq din id-direttiva fuq il-bażi ta’ kundanna kriminali li tkun ingħatat matul residenza preċedenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, jirtiraw permess ta’ residenza bbażat fuq din id-direttiva jew jirrifjutaw it-tiġdid tiegħu meta piena suffiċjentement iebsa meta mqabbla mat-tul tar-residenza tkun ingħatat fil-konfront tal-applikant. |
50 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiċħdu applikazzjoni għal dħul u għal residenza bbażata fuq din id-direttiva minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. |
51 |
Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, dan jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, għall-istess raġunijiet, jirtiraw permess ta’ residenza bbażat fuq l-istess direttiva jew jirrifjutaw li jġedduh. |
52 |
Minn dan isegwi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/86 b’mod partikolari meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jitqies bħala li jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku. |
53 |
F’dan il-kuntest, sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-kunċett ta’ “raġunijiet ta’ ordni pubbliku”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu u ċerti membri tal-familja tiegħu jistgħu jitqiesu bħala li jirrappreżentaw theddida għall-ordni pubbliku unikament jekk l-aġir individwali tagħhom jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punti 66 u 67, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 44). |
54 |
Fir-rigward ta’ dan kollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 28 sa 30 tas-sentenza tal-lum E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku) (C‑380/18), kull riferiment mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku” ma għandux neċessarjament jinftiehem bħala li jirreferi b’mod esklużiv għal aġir individwali li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat. |
55 |
Għalhekk jidher neċessarju, sabiex tiġi ppreċiżata l-portata tal-kunċett ta’ “raġunijiet ta’ ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/86, li jittieħdu inkunsiderazzjoni termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tal-kuntest tagħhom u tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2015, T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 58, u tal-4 ta’ April 2017, Fahimian, C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 30). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni wkoll jista’ jkollha elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara’ f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Planet 49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi osservat li, b’differenza, b’mod partikolari, tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, dan ma jeżiġix espressament li l-aġir tal-persuna kkonċernata jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, sabiex din il-persuna tkun tista’ titqies bħala li tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku. |
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-gravità jew in-natura tal-ksur tal-ordni pubbliku mwettaq minn din il-persuna jew tal-perikoli li din tista’ tikkawża, dan l-obbligu jirreferi għal standard nettament inqas eżiġenti minn dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, minbarra l-fatt li dan l-obbligu ma jimponix fuq l-awtoritajiet kompetenti li jibbażaw ruħhom, b’mod sistematiku, fuq il-periklu reali u attwali li l-aġir ta’ din il-persuna jirrappreżenta, dan ma jistabbilixxix rabta bejn il-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku” u r-riskju ta’ ħsara għal interess fundamentali tas-soċjetà. |
58 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 14 tagħha tippreċiża li l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jista’ jkopri l-kundanna għal reat serju, li huwa intiż sabiex jindika li l-eżistenza biss ta’ tali kundanna tista’ tkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ theddida għall-ordni pubbliku, fis-sens ta’ din id-direttiva, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat. |
59 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-oriġini ta’ dan l-Artikolu 6, mill-proposti emendati tad-Direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (COM (2000) 624 finali u COM (2002) 225 finali), li fuqhom hija bbażata d-Direttiva 2003/86, jirriżulta li inizjalment kien maħsub li jintalab li r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku jkunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-membru tal-familja kkonċernat. Madankollu, din ir-restrizzjoni tal-marġni ta’ manuvra rrikonoxxuta lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ma ġietx finalment adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
60 |
Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2003/86, mill-ġurispudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-direttiva hija intiża sabiex tiffavorixxi r-riunifikazzjoni tal-familja u sabiex tagħti protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lill-minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 44, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 45). |
61 |
Sabiex jitwettaq dan l-għan, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, li magħhom jikkorrispondu drittijiet suġġettivi ddefiniti b’mod ċar. Għalhekk dan jimponi fuqhom l-obbligu li jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jkunu jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu IV tal-istess direttiva, li taħtu jidher l-Artikolu 6 tagħha, huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punti 45 u 46, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 46). |
62 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali, l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat b’mod strett u l-marġni ta’ manuvra li jirrikonoxxi lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva u l-effett utli tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 50, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 51). |
63 |
Madankollu, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 56 sa 59 ta’ din is-sentenza, mill-għażliet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta li din il-limitazzjoni tal-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri ma tistax timplika li jiġi eskluż, għall-awtoritajiet kompetenti, li japplikaw l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/86 billi jibbażaw ruħhom fuq il-fatt biss li l-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata għat-twettiq ta’ reat kriminali, mingħajr ma jkollu jiġi stabbilit li l-aġir individwali ta’ din il-persuna jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat. |
64 |
Min-naħa l-oħra, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-prattika nazzjonali ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax b’mod partikolari tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita ż-żamma tal-ordni pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 51). |
65 |
Isegwi li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jikkunsidraw, b’mod awtomatiku, li ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/86, minħabba l-fatt biss li dan iċ-ċittadin kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali kwalunkwe. |
66 |
Għalhekk, dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jistabbilixxu li ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, billi jibbażaw ruħhom fuq il-fatt biss li dan iċ-ċittadin ġie kkundannat għat-twettiq ta’ reat kriminali, ħlief jekk dan ir-reat ikun ta’ gravità jew ta’ natura tali li jkun neċessarju li r-residenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tiġi eskluża. |
67 |
Din il-konklużjoni hija barra minn hekk ikkorroborata kemm mir-riferiment għall-kunċett ta’ “kundanna għal reat serju”, li jinsab fil-premessa 14 tad-Direttiva 2003/86, kif ukoll, fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-irtirar jew tar-rifjut ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza, mir-rekwiżit li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità jew in-natura tar-reat imwettaq, impost fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva. |
68 |
Minbarra dan, qabel ma tiġi adottata deċiżjoni negattiva bbażata fuq l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproċedu, konformement mal-Artikolu 17 tal-istess direttiva, għal evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu debitament inkunsiderazzjoni n-natura u s-solidità tar-rabtiet tal-familja ta’ din il-persuna, it-tul ta’ residenza tagħha fl-Istat Membru kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja, kulturali u soċjali mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-prattika nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. |
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑381/18 kif ukoll it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑382/18 jiġu risposti li l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prattika nazzjonali li abbażi tagħha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, minn naħa, jiċħdu applikazzjoni għal dħul u għal residenza bbażata fuq din id-direttiva fuq il-bażi ta’ kundanna kriminali li tkun ingħatat matul residenza preċedenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, jirtiraw permess ta’ residenza bbażat fuq din id-direttiva jew jirrifjutaw it-tiġdid tiegħu meta piena suffiċjentement iebsa meta mqabbla mat-tul tar-residenza tkun ingħatat kontra l-applikant, sa fejn din il-prattika tapplika biss jekk ir-reat li jkun iġġustifika l-kundanna kriminali inkwistjoni jippreżenta gravità suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li huwa neċessarju li r-residenza ta’ dan l-applikant tiġi eskluża u li dawn l-awtoritajiet iwettqu l-evalwazzjoni individwali prevista fl-Artikolu 17 tal-istess direttiva, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.