SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 53 – Ċertifikat dwar deċiżjoni f’materja ċivili u kummerċjali li jinsab fl-Anness 1 – Setgħat tal-qorti tal-oriġini – Verifika ex officio tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi”

Fil-Kawża C‑347/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Alessandro Salvoni

vs

Anna Maria Fiermonte,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Pucciariello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn J. Quaney, G. Hodge, M. Browne u A. Joyce, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro, M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/281 tas‑26 ta’ Novembru 2014 (ĠU 2015, L 54, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1215/2012”), u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Alessandro Salvoni u Anna Maria Fiermonte fir-rigward tas-somom dovuti lilha minnha għal servizzi li huwa pprovda fil-kwalità tiegħu ta’ avukat.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-premessi 29 u 32 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“(29)

[…] [G]ħalhekk, il-persuna li kontriha jkun qed titfittex l-eżekuzzjoni għandha tkun tista’ tapplika għar-rifjut tar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jekk din tqis li jkun hemm preżenti raġuni waħda għar-rifjut tar-rikonoxximent. […]

[…]

(32)

Sabiex il-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tiġi infurmata bl-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħija fi Stat Membru ieħor, iċ-ċertifikat stabbilit skont dan ir-Regolament, jekk ikun hemm bżonn akkumpanjat mis-sentenza, għandu jiġi nnotifikat lil dik il-persuna fi żmien raġonevoli qabel l-ewwel miżura ta’ eżekuzzjoni. F’dan il-kuntest, l-ewwel miżura ta’ eżekuzzjoni għandha tfisser l-ewwel miżura ta’ eżekuzzjoni wara tali notifika.”

4

L-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 1215/2012 jagħmlu parti mill-Kapitolu II dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni, u, b’mod partikolari, tat-Taqsima 4 tiegħu, intitolata, “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”. L-Artikolu 17(1)(c) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   “Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7, jekk:

[…]

(c)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.”

5

L-Artikolu 18(2) tal-istess regolament jistipula:

“Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

6

Skont l-Artikolu 28(1) tal-istess regolament:

“Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed jitressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor u ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

7

L-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“1.   Parti li tkun tixtieq tinvoka fi Stat Membru sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tippreżenta:

(a)

kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex tistabbilixxi l-awtentiċità tagħha; u

(b)

iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53.”

8

L-Artikolu 42 ta’ dan l-istess regolament jipprevedi li:

“1.   Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza fi Stat Membru mogħtija fi Stat Membru ieħor, ir-rikorrent għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni kompetenti:

a)

kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; u

b)

iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53 li jiċċertifika li s-sentenza hija eżegwibbli u li jkun fih silta mis-sentenza kif ukoll, meta jkun xieraq, l-informazzjoni rilevanti dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru tal-proċedimenti u l-kalkolu tal-imgħax.

2.   Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor li tordna miżura proviżorja, inkluża miżura kawtelatorja, ir-rikorrent għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni kompetenti:

(a)

kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;

(b)

iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53 li jinkludi deskrizzjoni tal-miżura u li jiċċertifika li:

(i)

il-qorti għandha ġurisdizzjoni fuq is-sustanza tal-kwistjoni;

(ii)

is-sentenza hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-oriġini; u

(ċ)

meta l-miżura ġiet ordnata mingħajr ma l-konvenut ikun tħarrek biex jidher, il-prova tan-notifika tad-deċiżjoni.

[…]”

9

Skont l-Artikolu 43(1) tal-imsemmi regolament:

“Meta tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53 għandu jkun notifikat lill-persuna li kontra tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni qabel l-ewwel miżura ta’ eżekuzzjoni. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun akkumpanjat mis-sentenza, jekk din ma tkunx diġà ġiet innotifikata lil dik il-persuna.”

10

Fir-rigward tar-rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni, l-Artikolu 45(1)(e) u (2) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata:

[…]

(e)

jekk is-sentenza tkun f’konflitt ma’:

(i)

it-Taqsimiet 3, 4 jew 5 tal-Kapitolu II fejn id-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni, l-assigurat, il-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, il-parti li tkun ġarrbet il-ħsara, il-konsumatur jew l-impjegat kien il-konvenut; or [jew]

[…]

2.   Fl-eżami tagħha tar-raġunijiet tal-ġurisdizzjoni msemmija fil-punt e) tal-paragrafu 1, il-qorti li lilha ssir it-talba għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti tal-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.”

11

Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012 “[f]uq it-talba tal-persuna li kontra tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għandha tiġi rrifjutata meta jinstab li teżisti waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 45.”

12

Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, “[il]-qorti tal-oriġini għandha, fuq talba ta’ kull parti interessata toħroġ iċ-ċertifikat bl-użu tal-formola li tinsab fl-Anness I.”

13

Il-punt 4 ta’ din il-formula, intitolat “Is-Sentenza”, jinkludi fit-Taqsima 4.6.2 tiegħu r-riferimenti li għandhom jiġu inklużi mill-qorti tal-oriġini fil-każ ta’ miżura provviżorja jew kawtelatorja li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni fil-mertu tal-qorti li ordnat tali miżura.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

B’talba ppreżentata fit‑3 ta’ Novembru 2015, A. Salvoni, avukat li l-uffiċċju tiegħu jinsab f’Milano (l-Italja), talab lit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja) toħroġ ordni ta’ ħlas kontra A. M. Fiermonte, residenti f’Hamburg (il-Ġermanja), għall-ammonti dovuti lilu fir-rigward tas-servizzi tiegħu fil-kuntest proċeduri ta’ kontestazzjoni tat-testment olografiku ta’ missier il-klijenta tiegħu.

15

Il-qorti tar-rinviju tat deċiżjoni ta’ ordni għall-ħlas ta’ somma, miżjuda bl-interessi u bl-ispejjeż. Peress li A. M. Fiermonte ma opponietx din id-deċiżjoni, A. Salvoni ressaq quddiem din il-qorti, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat abbażi tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, permezz tal-formola li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

16

Il-qorti tar-rinviju wettqet ex officio tfittxija bl-internet, li minnha rriżulta li A. Salvoni kien jeżerċita attività diretta lejn il-Ġermanja. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju talbet lil A. Salvoni jistabbilixxi minn liema uffiċċju huwa kien jeżerċita l-attività tiegħu matul il-perijodu li fih assista, bħala avukat, lil A. M. Fiermonte. Id-dokumenti ppreżentati minn A. Salvoni jikkonfermaw li l-attività tiegħu kienet immirata lejn il-Ġermanja u li, fil-mument meta assista, bħala avukat, lil A. M. Fiermonte, din tal-aħħar kienet residenti fil-Ġermanja.

17

Billi qieset li r-relazzjoni bejn A. Salvoni u A. M. Fiermonte kienet simili għal kuntratt ta’ konsum, il-qorti tar-rinviju ddeduċiet mill-informazzjoni dwar l-attività professjonali ta’ A. Salvoni li d-deċiżjoni ta’ ordni ta’ ħlas kienet ingħatat bi ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi.

18

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tas-setgħat mogħtija lill-qorti mitluba tagħti ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 meta deċiżjoni, li tkun saret definittiva skont id-dritt proċedurali nazzjonali, tkun ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament.

19

Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 jimponix fuq il-qorti adita b’talba għal ċertifikat li tittrasponi b’mod identiku, f’dan iċ-ċertifikat, id-deċiżjoni adottata fl-Istat Membru tal-oriġini, jew jekk din id-dispożizzjoni tippermettilhiex tiddeċiedi ex officio li tinforma lill-konvenut-konsumatur, li fir-rigward tiegħu d-deċiżjoni għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak tal-oriġini, bl-eventwali ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, bil-possibbiltà li jopponi r-rikonoxximent, fis-sens tal-Artikolu 45(1)(e) tal-imsemmi regolament.

20

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikoli 42 u 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 jidhru li jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-qorti li tintalab tagħti l-imsemmi ċertifikat hija nieqsa minn kull setgħa diskrezzjonali u li hija għandha tittrasponi b’mod awtomatiku l-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-formola li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament sabiex jiġi kkonfermat li din id-deċiżjoni hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-oriġini.

21

Madankollu, skont din il-qorti, tali interpretazzjoni tista’ tippreġudika l-Artikolu 47 tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 39, 41 u 43), kif ukoll tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 46), jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ inferjorità tal-konsumatur fir-rigward tal-professjonista, f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv tal-qorti li għandha l-obbligu li teżamina ex officio n-natura inġusta eventwali ta’ klawżola kuntrattwali, meta hija jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan.

22

Fir-rigward taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, din il-qorti tirrileva li, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), fis-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448), iċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja hija att ta’ natura ġudizzjarja. Fis-sistema tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet ukoll li l-funzjoni mogħtija liċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament tikkonsisti f’li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni adottata fl-Istat Membru ta’ oriġini (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency, C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 41). F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-importanza ta’ tali ċertifikat ġie msaħħaħ fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1215/2012.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa l-kompitu tagħha li tirrikonċilja l-għan ta’ ċirkolazzjoni mgħaġġla tad-deċiżjonijiet ikkontemplat mir-Regolament Nru 1215/2012 u l-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi permezz tal-possibbiltà, mal-ħruġ taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament, li tinforma ex officio lill-konsumatur bi ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 53 tar-Regolament […] 1215/2012 u l-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-qorti tal-oriġini adita, fir-rigward ta’ deċiżjoni definittiva, bit-talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat previst mill-Artikolu 53 [ta’ dan ir-] Regolament […] tista’ teżerċita setgħat ex officio intiżi sabiex jiġi kkonstatat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament […] ġewx miksura, bil-għan li tinforma lill-konsumatur bil-ksur eventwalment ikkonstatat u tippermettilu jevalwa b’għarfien sħiħ tal-fatti l-possibbiltà li juża r-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 45 tal-istess regolament?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

25

Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk qorti adita b’talba għall-ħruġ ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 taġixxix fl-eżerċizzju ta’ attività ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, jew jekk il-proċedura li hija ssegwi tistax tiġi assimilata ma’ proċedura purament amministrattiva jew ma’ proċedura mhux kontenzjuża.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għan-natura kontradittorja tal-proċedura li matulha l-qorti nazzjonali tifformula domanda preliminari, il-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima hija pendenti quddiemhom u jekk dawn huma mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi, C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

It-termini “jagħtu s-sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 267(2) TFUE, jinkludu l-proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju u għalhekk, dawn it-termini għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’, sabiex jiġi evitat li numru ta’ kwistjonijiet proċedurali jitqiesu bħala inammissibbli u ma jkunux jistgħu jingħataw interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u li din tal-aħħar ma tkunx tista’ tieħu konjizzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi, C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 39 sa 41 tas-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana (C‑579/17, EU:C:2019:162), li qorti tal-oriġini teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji meta tivverifika jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex toħroġ iċ-ċertifikat skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012.

29

Din is-soluzzjoni ma tistax tkun limitata biss għal dawk il-każijiet li fihom il-ġurisdizzjoni sabiex jinħareġ tali ċertifikat hija kkontestata, sa fejn il-korp li joħroġ iċ-ċertifikat previst minn dan l-artikolu huwa msejjaħ ukoll sabiex jeżerċita funzjonijiet ta’ natura ġudizzjarja f’sitwazzjonijiet oħra.

30

B’hekk, il-funzjonijiet issodisfatti miċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 fis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament jiġġustifikaw li, meta parti mill-informazzjoni li għandha tiġi mniżżla f’dan iċ-ċertifikat ma tkunx tinsab fid-deċiżjoni li tintalab l-eżekuzzjoni tagħha jew tkun teħtieġ interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew tkun ta’ natura kontenzjuża, il-qorti tal-oriġini teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. F’każijiet bħal dawn, din il-qorti tagħmel parti mill-kontinwità tal-proċedura ġudizzjarja preċedenti, billi tiżgura l-effikaċja sħiħa tagħha, sa fejn, fl-assenza ta’ ċertifikazzjoni, deċiżjoni ma tkunx tista’ tiċċirkola liberament fiż-żona ġudizzjarja Ewropea. Tali konklużjoni tissodisfa l-ħtieġa li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni mgħaġġla tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji filwaqt li tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali li fuqha hija bbażata l-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

31

Konsegwentement, il-proċedura intiża għall-ħruġ ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha natura ġudizzjarja, b’tali mod li qorti nazzjonali adita fil-kuntest ta’ tali proċedura għandha s-setgħa li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari.

32

Minn dan jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

33

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti ta’ oriġini li quddiemha titressaq it-talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat previst f’dan l-Artikolu 53, f’dak li jirrigwarda deċiżjoni definittiva, tkun tista’ tivverifika ex officio jekk id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament inkisrux, sabiex il-konsumatur jiġi informat dwar il-ksur eventwalment ikkonstatat u sabiex ikun jista’ jevalwa b’għarfien sħiħ tal-fatti l-possibbiltà li tuża r-rimedju previst fl-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament.

34

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li minn paragun tal-paragrafu 1(b) u tal-paragrafu 2(b) tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-qorti adita b’talba għall-ħruġ ta’ ċertifikat ma għandhiex teżamina l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun tat deċiżjoni fil-mertu, b’mod differenti minn dak li huwa rikjest fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tordna miżura provviżorja jew kawtelatorja.

35

Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 42(1)(b) ta’ dan ir-regolament jimponi sempliċement fuq min iressaq talba, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fil-mertu, li jikkomunika ċ-ċertifikat li jiċċertifika li deċiżjoni hija eżekuttiva, l-Artikolu 42(2)(b) tal-imsemmi regolament jipprevedi li ċ-ċertifikat ikkomunikat, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna miżura provviżorja jew kawtelatorja, għandu jiċċertifika li l-qorti tal-oriġini kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.

36

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-kontenut tal-imsemmi ċertifikat, li jinsab fl-Anness I tal-istess regolament, u b’mod partikolari mill-punt 4.6.2 ta’ dan l-anness, dwar il-każ ta’ miżuri provviżorji jew kawtelatorji.

37

Din id-distinzjoni hija barra minn hekk koerenti mal-fatt li, fil-każijiet l-oħra, il-qorti adita bit-talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat hija l-qorti tal-oriġini, li tat id-deċiżjoni fil-mertu li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba u li, konsegwentement, stabbilixxiet formalment il-ġurisdizzjoni tagħha, b’mod impliċitu jew espliċitu, billi tat id-deċiżjoni kkonċernata, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1215/2012.

38

Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-qorti tal-oriġini għandha toħroġ iċ-ċertifikat li hija tistabbilixxi, meta talba f’dan is-sens titressaq quddiemha minn parti kkonċernata. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tipprevedi bl-ebda mod li għandha tkun din il-qorti li teżamina l-aspetti tat-tilwima li ma jaqgħux taħt l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, bħall-kwistjonijiet fil-mertu u ta’ ġurisdizzjoni li diġà ġew deċiżi fid-deċiżjoni li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat huwa kważi awtomatiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency, C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 41).

39

Minn dan isegwi li l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini, adita bit-talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi f’dan l-artikolu, dwar deċiżjoni definittiva mogħtija kontra konsumatur, tivverifika ex officio, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, jekk din id-deċiżjoni tkunx ġiet adottata b’osservanza tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament.

40

Għandu jiġi eżaminat ukoll, fit-tielet lok, jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li tirrigwarda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, tistax tikkonfuta din il-konklużjoni, sa fejn din timplika li l-qorti tal-oriġini hija obbligata, sabiex tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-professjonista, li tinforma ex officio lill-konsumatur dwar l-allegat ksur.

41

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li r-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi, il-premessa 18 ta dan tal-aħħar tippreċiża li huwa opportun li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha milli huma r-regoli ġenerali.

42

Dan l-għan huwa implimentat mid-dispożizzjonijiet proċedurali preċiżi tar-Regolament Nru 1215/2012. B’hekk mill-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, fil-każijiet li huwa jistabbilixxi, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi ta’ regoli speċifiċi applikabbli għall-kuntratti konklużi bejn konsumatur u professjonist, li huma ddefiniti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

43

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fażi ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fl-Istat Membru mitlub, skont il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-persuna li kontriha qed tintalab l-eekuzzjoni għandha jkollha l-possibbiltà li titlob ir-rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jekk hija tqis li waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent hija preżenti, inkluż ksur eventwali tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13 ma hijiex trasponibbli fil-kuntest tar-Regolament Nru 1215/2012, li jistabbilixxi regoli ta’ natura proċedurali, filwaqt li d-Direttiva 93/13 hija intiża għal armonizzazzjoni minima tad-dritt tal-Istati Membri dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.

45

Fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta, ma jkunx hemm ksur tiegħu, peress li l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1215/2012 jippermetti lill-konvenut li jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-eventwali ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti tal-oriġini adita b’talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat previst f’dan l-Artikolu 53, f’dak li jirrigwarda deċiżjoni definittiva, tkun tista’ tivverifika ex officio jekk id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament inkisrux, sabiex il-konsumatur jiġi informat dwar il-ksur eventwalment ikkonstatat u sabiex ikun tista’ jevalwa b’għarfien sħiħ tal-fatti l-possibbiltà li juża r-rimedju previst fl-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, kif emendat bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/281 tas‑26 ta’ Novembru 2014 flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti tal-oriġini adita b’talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat previst f’dan l-Artikolu 53, f’dak li jirrigwarda deċiżjoni definittiva, tkun tista’ tivverifika ex officio jekk id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament inkisrux, sabiex il-konsumatur jiġi informat dwar il-ksur eventwalment ikkonstatat u sabiex ikun tista’ jevalwa b’għarfien sħiħ tal-fatti l-possibbiltà li juża r-rimedju previst fl-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.