SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 5(3) – Konsenja suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tiġi rritornata lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti – Il-mument tar-ritorn – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikolu 3(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 8 – Adattament tal-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti – Artikolu 25 – Eżekuzzjoni ta’ kundanna fil-kuntest tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584”

Fil-Kawża C‑314/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

SF,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SF, minn T. E. Korff u T. O. M. Dieben, advocaten,

għall-Openbaar Ministerie, minn K. van der Schaft, L. Lunshof u N. Bakkenes, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, C. S. Schillemans u A. M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn L. Dempsey, BL,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Faraci, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn D. Blundell, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) u tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif ukoll tal-Artikolu 1(a) u (b), tal-Artikolu 3(3) u (4), tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendati bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem, rispettivament, id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584” u d-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Judge of the Canterbury Crown Court (l-Imħallef tal-Qorti tal-Kuruna ta’ Canterbury, ir-Renju Unit), għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali kontra SF, ċittadin Olandiż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

3

Il-premessi 5 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistipulaw:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja”.

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

5

L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

6

L-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru [emittenti] f’każijiet partikolari”, jipprovdi:

“L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)

fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta’ esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoniv [miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà] mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti”.

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909

7

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

a)

‘sentenza’ għandha tfisser deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti li timponi piena fuq persuna fiżika;

b)

‘piena’ [kundanna] għandha tfisser kwalunkwe piena ta’ kustodja jew kwalunkwe miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà imposta għal perijodu ta’ żmien limitat jew mhux limitat minħabba reat kriminali abbażi ta’ proċedimenti kriminali.

c)

‘Stat emittenti’ għandha tfisser l-Istat Membru li fih tkun ingħatat sentenza;

d)

“Stat ta’ esekuzzjoni” għandha tfisser l-Istat Membru li tiġi trasmessa lilu sentenza għall-fini tar-rikonoxximent u l-infurzar tagħha”.

8

L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.

2.   Din id-Deċiżjoni Qafas hija applikabbli fejn il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

3.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u l-infurzar ta’ pieni fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Il-fatt li, flimkien mal-piena, tiġi imposta multa u/jew ordni ta’ konfiska, li ma tkunx għadha tħallset, ġiet irkuprata jew infurzata, m’għandux iwaqqaf sentenza milli tiġi trasmessa. Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ tali multi u ordnijiet ta’ konfiska fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu bbażati fuq l-istrumenti applikabbli bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji [(ĠU L 159M, 2006, p. 256)] u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska [(ĠU L 239M, 2010, p. 340)].

4.   Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

9

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena [eżekuzzjoni tal-kundanna]”, jipprevedi:

“1.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 3a u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena [eżekuzzjoni tal-kundanna], sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9.

2.   Fejn il-piena [kundanna] tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni fir-rigward tat-tul tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li tadatta l-piena biss fejn dik il-piena taqbeż il-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex tkun anqas mill-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

[…]

4.   Il-piena adattata m’għandhiex taggrava l-piena li ngħatat fl-Istat emittenti fin-natura jew id-dewmien tagħha.”

10

Skont l-Artikolu 25 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Infurzar ta’ sentenzi [Eżekuzzjoni tal-kundanni] wara mandat ta’ arrest Ewropew”:

“Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni [għall-eżekuzzjoni ta’ kundanni] f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.”

Id-dritt Olandiż

11

L-Artikolu 6(1) tal-Overleveringswet (il-Liġi dwar il-Konsenja) (Stb. 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”), li ttrasponiet fid-dritt Olandiż id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jipprevedi:

“Il-konsenja ta’ ċittadin Olandiż tista’ tiġi awtorizzata sa fejn din it-talba ssir għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali fil-konfront tiegħu u sa fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li huwa ggarantit li, jekk huwa jiġi kkundannat, fl-Istat Membru emittenti, għal piena li ċċaħħad il-libertà definittiva għall-fatti li għalihom il-konsenja tista’ tiġi awtorizzata, huwa jkun jista’ jiskonta din il-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

12

L-Artikolu 28(2) ta’ din il-liġi jistipula:

“Jekk ir-rechtbank [il-Qorti Distrettwali] tikkonstata […] li l-konsenja ma tistax tiġi awtorizzata […], hija għandha tirrifjuta din il-konsenja fid-deċiżjoni tagħha.”

13

L-Artikolu 2:2(1) tal-Wet wederzijdse erkenning en tenuitvoerlegging vrijheidsbenemende en voorwaardelijke sancties (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni Reċiproka ta’ Kundanni għal Sanzjonijiet ta’ Priġunerija Sospiżi jew Mhux Sospiżi) (Stb. 2012, Nru 333, iktar ’il quddiem il-“WETS”), li ttrasponiet fid-dritt Olandiż id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, huwa fformulat kif ġej:

“Il-Ministru għandu l-kompetenza jirrikonoxxi deċiżjoni ġudizzjarja trażmessa minn wieħed mill-Istati Membri emittenti, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi.”

14

Skont l-Artikolu 2:11 ta’ din il-liġi:

“1.   Il-Ministru jibgħat id-deċiżjoni ġudizzjarja u ċ-ċertifikat lill-Avukat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti tal-Appell, sakemm ma jikkunsidrax mill-bidu li hemm raġunijiet sabiex ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja jiġi rrifjutat.

2.   L-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta immedjatament id-deċiżjoni ġudizzjarja lill-awla speċjalizzata tal-Gerechtshof Arnhem‑Leeuwarden, [il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi] […]

3.   L-awla speċjalizzata tal-Gerechtshof [il-Qorti tal-Appell] tiddeċiedi:

[…]

c.

liema huwa l-adattament tas-sanzjoni li ċċaħħad il-libertà mogħtija li għalih jagħtu lok ir-raba’, il-ħames, u s-sitt paragrafu.

4.   Jekk it-tul tas-sanzjoni li ċċaħħad il-libertà jkun ikbar mit-tul massimu tal-piena imposta fid-dritt Olandiż għar-reat ikkonċernat, it-tul tas-sanzjoni li ċċaħħad il-libertà għandu jitnaqqas għal dan it-tul massimu.

5.   Meta l-persuna kkundannata tiġi kkonsenjata b’garanzija ta’ ritorn fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-[OLW], il-paragrafu 4 ma japplikax, iżda għandu jiġi ddeterminat jekk is-sanzjoni li ċċaħħad il-libertà imposta tikkorrispondix għall-kundanna li kienet tingħata fil-Pajjiżi l-Baxxi għar-reat ikkonċernat. Jekk ikun il-każ, il-kundanna tiġi adattata skont il-każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet tal-Istat Membru emittenti dwar il-gravità tar-reat imwettaq.

[…].”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-Judge of the Canterbury Crown Court (l-Imħallef tal-Qorti tal-Kuruna ta’ Canterbury) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra SF, ċittadin Olandiż, intiż għall-konsenja ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali għal żewġ reati ta’ assoċjazzjoni għall-importazzjoni fir-Renju Unit, minn naħa, ta’ 4 kilogrammi eroina u, min-naħa l-oħra, ta’ 14‑il kilogramma kokaina.

16

Fit-30 ta’ Marzu 2017, l-officier van justitie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) talab lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdi l-garanzija prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u fl-Artikolu 6(1) tal-OLW.

17

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2017, il-Home Office (il-Ministeru tal-Intern, Ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Ministeru tal-Intern”) irrisponda kif ġej:

“[…]

Ir-Renju Unit jintrabat li jekk tingħata piena li ċċaħħad il-libertà kontra SF fir-Renju Unit, huwa jiġi rritornat fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 153C tal-Extradition Act 2003 (il-Liġi tal-2003 dwar l-Estradizzjoni) hekk kif dan ikun raġonevolment possibbli wara t-tmiem tal-proċedura kriminali fir-Renju Unit u ta’ kull proċedura oħra li tirrigwarda r-reat li għalih qiegħda tintalab il-konsenja.

L-informazzjoni ddettaljata dwar il-piena eventwalment imposta kontra SF tiġi kkomunikata meta jiġi rritornat fil-Pajjiżi l-Baxxi. Nikkunsidraw li konsenja skont id-Deċiżjoni Qafas [2002/584] ma tawtorizzax lill-Pajjiżi l-Baxxi jimmodifikaw it-tul tal-piena li tiġi eventwalment imposta minn qorti tar-Renju Unit”.

18

Wara li ntalab jippreċiża l-espressjoni “kull proċedura oħra” fis-sens tal-Artikolu 153C(4) tal-Liġi tal-2003 dwar l-Estradizzjoni, il-Ministeru tal-Intern tar-Renju Unit wieġeb dan li ġej f’posta elettronika tad-19 ta’ Frar 2018:

“Nista’ nindika li l-espressjoni ‘proċedura oħra’ tista’ tinkludi:

(a)

l-eżami ta’ miżura ta’ konfiska;

(b)

il-proċedura intiża għad-determinazzjoni tat-tul tal-piena ta’ priġunerija li għandha tiġi skontata fin-nuqqas ta’ ħlas tas-sanzjoni pekunjarja eventwali;

(c)

l-eżawriment tal-eventwali rimedji ġudizzjarji; u

(d)

l-iskadenza tat-termini kollha ta’ ħlas ta’ deċiżjoni ta’ konfiska jew ta’ sanzjoni pekunjarja.”

19

Il-qorti tar-rinviju qabel kollox tosserva li, skont SF, din il-garanzija ta’ ritorn ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti kemm mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, u li, b’konsegwenza ta’ dan, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) għandha tirrifjuta l-konsenja tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit. Din il-qorti tistaqsi, f’dan il-kuntest, dwar jekk ċerti siltiet tal-imsemmija garanzija humiex kompatibbli mad-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584 u 2008/909.

20

F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, is-silta tal-ittra tal-Ministeru tal-Intern tar-Renju Unit tal-20 ta’ April 2017, li tgħid li “[ir]-Renju Unit jintrabat li jekk tingħata piena li ċċaħħad il-libertà kontra SF fir-Renju Unit, huwa jiġi rritornat fil-Pajjiżi l-Baxxi […] hekk kif dan ikun raġonevolment possibbli wara t-tmiem tal-proċedura kriminali fir-Renju Unit u ta’ kull proċedura oħra li tirrigwarda r-reat li għalih qiegħda tintalab il-konsenja”, il-qorti tar-rinviju tqis li hija tqajjem il-kwistjoni dwar f’liema mument l-Istat Membru emittenti għandu jirritorna, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, il-persuna li tkun qiegħda tintalab il-konsenja tagħha, sabiex hemmhekk hija tiskonta l-piena ta’ kustodja jew il-miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinvoka s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, van Vemde (C‑582/15, EU:C:2017:37), sabiex tqis li tali obbligu ta’ ritorn fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax jeżisti qabel ma deċiżjoni ta’ kundanna għal piena jew għal miżura li jċaħħdu l-libertà tkun saret definittiva.

22

Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk l-Istat Membru emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, inkwantu Stat Membru li fih ser tingħata, iktar ’il quddiem, is-sentenza, jistax, fil-kuntest tal-garanzija prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jissuġġetta r-ritorn tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-kundizzjoni mhux biss li d-deċiżjoni ta’ kundanna għal piena jew għal miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà tkun saret definittiva, iżda wkoll li kull proċedura oħra li tirrigwarda r-reat li għalih intalbet il-konsenja, bħal proċedura ta’ konfiska, tkun ġiet konkluża b’mod definittiv.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa possibbli li jiġi sostnut li l-għan li jikkonsisti fil-faċilitazzjoni tar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, imfittex kemm mill-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, jeżiġi r-ritorn tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hekk kif il-kundanna għal piena jew għal miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà tkun saret definittiva, mingħajr ma jkun hemm stennija għall-eżitu ta’ proċeduri oħra li jirrigwardaw ir-reat li fir-rigward tiegħu nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew.

24

Skont dik il-qorti, huwa wkoll possibbli li jiġi sostnut li r-ritorn tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, hekk kif il-kundanna għal piena jew għal miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà tkun saret definittiva, jista’ jippreġudika l-għan intiż, b’mod konformi mal-Artikolu 67(1) u (3) TFUE, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja permezz ta’ miżuri ta’ ġlieda kontra l-kriminalità. Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li, jekk l-Istat Membru emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, inkwantu Stat Membru li fih tkun ser tingħata, iktar ’il quddiem, is-sentenza, ikollu jwettaq proċedura ta’ konfiska fl-assenza tal-persuna kkonċernata, dan l-Istat Membru jista’ jkun affaċjat minn problemi prattiċi u ta’ prova marbutin ma’ din l-assenza, li tista’ ġġiegħlu jirrinunzja għal tali proċedura.

25

F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, is-silta tal-ittra tal-Ministeru tal-Intern tar-Renju Unit tal-20 ta’ April 2017, li tgħid li “konsenja skont id-Deċiżjoni Qafas [2002/584] ma tawtorizzax lill-Pajjiżi l-Baxxi jimmodifikaw it-tul tal-piena li tiġi eventwalment imposta minn qorti tar-Renju Unit”, il-qorti tar-rinviju tqis li din tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, wara li jkun ikkonsenja lill-persuna kkonċernata permezz tal-garanzija prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jistax, abbażi tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, jadatta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà li għandha tingħata kontra din il-persuna fl-Istat Membru emittenti, lil hinn minn dak li huwa permess abbażi tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

26

Il-qorti tar-rinviju tkompli tesponi, f’dan ir-rigward, li mix-xogħlijiet preliminari li saru qabel l-adozzjoni tal-WETS jirriżulta li, skont il-leġiżlatur Olandiż, l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 joffri l-possibbiltà li tinżamm il-politika adottata fir-rigward taċ-ċittadini Olandiżi qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, li abbażi tagħha l-kundanni kriminali barranin kienu jiġu kkonvertiti f’kundanna li normalment tiġi applikata fil-Pajjiżi l-Baxxi għal reat simili, b’din il-politika attwalment sanċita fl-Artikolu 2:11(5) tal-imsemmija liġi. L-għan huwa li tintlaħaq ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadin Olandiż li għandu jiġi kkonsenjat, li seta’ wkoll jiġi ġġudikat fil-Pajjiżi l-Baxxi, u ċittadin Olandiż iġġudikat fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dik il-qorti ma hijiex konvinta li l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jista’ jiġi interpretat f’dan is-sens.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1(3) u l-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584], kif ukoll l-Artikolu 1(a) u (b) u l-Artikolu 3(3) u (4) u l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandhom jiġu interpretati fis-sens li: fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ssuġġetta l-konsenja mitluba, għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, ta’ ċittadin nazzjonali għall-kundizzjoni, imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584], li l-persuna kkonċernata, wara li tkun instemgħet, tintbagħat lura fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ priġunerija jew il-miżura li tneħħi l-libertà li eventwalment tiġi ddikjarata kontriha fl-Istat Membru ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Istat Membru ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, inkwantu Stat ta’ ħruġ tas-sentenza mogħtija, għandu effettivament jibgħat lura l-persuna kkonċernata, wara li l-kundanna għal piena ta’ priġunerija jew għal miżura li tneħħi l-libertà tkun saret definittiva, biss mill-mument li fih ‘kwalunkwe proċedura oħra rigward il-ksur li għaliha l-konsenja hija mitluba’, bħal proċedura ta’ konfiska, tkun ġiet konkluża b’mod definittiv?

2)

L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun ikkonsenja ċittadin nazzjonali taħt il-garanzija msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584], Stat Membru jista’, inkwantu Stat ta’ eżekuzzjoni, waqt ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija kontra din il-persuna, u dan b’deroga mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909], jeżamina jekk il-piena ta’ priġunerija ddikjarata kontra din il-persuna tikkorrispondix għall-piena li kienet tiġi imposta fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-ksur inkwistjoni u, fejn xieraq, jadatta konsegwentement il-piena ta’ priġunerija ddikjarata?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

28

Il-Gvern Olandiż isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

29

Minn naħa, dan il-gvern iqis li d-domandi magħmula ma humiex relatati mas-suġġett tat-tilwima. Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija obbligata li tevalwa jekk il-garanzija mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja emittenti hijiex konformi mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Issa, din id-dispożizzjoni ma tipprevedi ebda rekwiżit f’dak li jirrigwarda kemm il-mument tar-ritorn tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kif ukoll l-eżekuzzjoni, wara l-imsemmi ritorn, tal-piena jew tal-miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti. Għalhekk, is-suġġett tal-imsemmija domandi ma huwiex kopert mill-istħarriġ li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u, fir-rigward tat-tieni domanda, huwa kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

30

Il-Gvern Olandiż iqis, min-naħa l-oħra, li d-domandi magħmula huma ta’ natura ipotetika. Skont dan il-gvern, fil-mument meta l-qorti tar-rinviju ser tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja lill-Istat Membru emittenti tal-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, ma huwiex ċert li din il-persuna ser tiġi kkundannata u, għalhekk, li ser ikun hemm lok li din tiġi rritornata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, ir-rilevanza ta’ proċeduri oħra relatati mar-reat li fuqu huwa bbażat l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll tal-adattament tal-piena jew tal-miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà eventwalment mogħtija, ma hijiex ċerta.

31

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 24, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 25, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex din tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domandi magħmula u esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domandi preliminari magħmula hija neċessarja sabiex tiġi deċiża t-tilwima mressqa quddiemha. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi dwar il-portata, minn naħa, tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jista’ jkollhom effett dirett fuq is-segwitu li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti għall-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li ma jistax jitqies li dawn id-domandi ma għandhom ebda relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm, f’dan l-istadju tal-proċedura huwa impossibbli li jkun magħruf, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, jekk SF huwiex ser jiġi ddikjarat ħati tar-reati li bihom huwa akkużat u, a fortiori, li jiġi ddeterminat jekk humiex ser jiġu imposti kontrih piena jew miżura li jċaħħdu l-libertà, xorta jibqa’ l-fatt li din in-natura ipotetika hija inerenti għall-iżvolġiment normali ta’ proċedura kriminali u, b’mod partikolari, għal kull garanzija mogħtija abbażi tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. B’konsegwenza ta’ dan, l-argument tal-Gvern Olandiż ibbażat fuq in-natura ipotetika tad-domandi magħmula, minħabba l-fatt li l-eżitu tal-proċedura kriminali huwa inċert, huwa irrilevanti.

34

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

35

Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu, preliminarjament, jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni huwa msejjes fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif inhu ppreċiżat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35, u tal-15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 45).

36

Kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa msejjes fuq l-ewwel wieħed, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36, u tal-15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 46).

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha l-għan, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha moqrija fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, sistema li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 39, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-kuntest, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali, li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażata fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 40, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. B’konsegwenza ta’ dan, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni, li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C 216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 28; u tal-15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 48).

40

Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistipula b’mod espliċitu r-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju (Artikolu 3) u fakultattiv (Artikoli 4 u 4a) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (Artikolu 5). Minkejja li s-sistema stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, dan ir-rikonoxximent madankollu ma jimplikax obbligu assolut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, B., C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 50, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punti 2930 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tippermetti, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiddeċiedu li piena imposta, fl-Istat Membru emittenti, għandha tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Dan huwa hekk, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 4(6) u 5(3) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, B., C‑306/09, EU:C:2010:626, punti 5152, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-aħħar dispożizzjoni tistipula, bħala garanzija li għandha tingħata mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari, b’mod partikolari dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relatata mar-ritorn lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuna ċittadina tiegħu jew residenti fih li kienet is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti.

42

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

Fuq l-ewwel domanda

43

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 1(a), mal-Artikolu 3(3) u (4) u mal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jissuġġetta l-konsenja tal-persuna, ċittadina jew residenti tiegħu, li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, għall-kundizzjoni li din il-persuna tiġi rritornata lejh, wara li tinstema’, sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti, dan l-Istat huwa obbligat iwettaq l-imsemmi ritorn mhux biss mill-mument meta l-kundanna tal-persuna kkonċernata ssir definittiva, iżda wkoll f’kull stadju proċedurali ieħor li jifforma parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali relatata mar-reat li fuqu jkun ibbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew li tkun ġiet konkluża b’mod definittiv.

44

Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jispeċifikax il-mument meta l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li l-eżekuzzjoni tiegħu hija suġġetta għall-għoti ta’ garanzija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi rritornata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti.

45

Fil-fatt, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tipprevedi, f’dan ir-rigward, li r-ritorn tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti, jitwettaq wara li l-persuna kkonċernata, ċittadina jew residenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tkun instemgħet fl-Istat Membru emittenti.

46

Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija minn din id-deċiżjoni qafas.

47

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, hekk kif ġie osservat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża li tistabbilixxi sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-għan tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa li jippermetti l-arrest u l-konsenja ta’ persuna rikjesta sabiex, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u li jitressqu azzjonijiet kontra din il-persuna jew li din il-persuna tiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta kontriha (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali), C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 39).

48

Dan espost, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta wkoll, fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, importanza partikolari għall-possibbiltà li jitjiebu l-probabbiltajiet ta’ riabilitazzjoni soċjali taċ-ċittadin jew tar-resident tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni billi dan ikun jista’ jiskonta, fit-territorju tiegħu, il-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija, wara l-konsenja tiegħu, b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, kontrih fl-Istat Membru emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 62, u tal-21 ta’ Ottubru 2010, I.B., C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 52).

49

Fit-tieni lok, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, sa fejn l-Artikolu 25 ta’ din tal-aħħar jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw, mutatis mutandis, sa fejn dawn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għall-eżekuzzjoni tal-kundanni, b’mod partikolari, meta, filwaqt li jaġixxi fil-kuntest tal-Artikolu 5(3) tad-deċiżjoni qafas imsemmija l-aħħar, Stat Membru jimponi bħala kundizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ir-ritorn tal-persuna kkonċernata lejn dan l-Istat, sabiex hemmhekk hija tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti.

50

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jirriżulta li din id-deċiżjoni qafas hija intiża li tistabbilixxi r-regoli li jippermettu li Stat Membru, sabiex jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor.

51

Għalhekk, l-interazzjoni prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkonċernata. Mill-kumplament, tali riabilitazzjoni hija mhux biss fl-interess tal-persuna kkundannata, iżda wkoll f’dak tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 50, u tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 75).

52

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, din tapplika biss għar-rikonoxximent tas-sentenzi u għall-eżekuzzjoni tal-kundanni fis-sens ta’ din l-istess deċiżjoni qafas (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, van Vemde, C‑582/15, EU:C:2017:37, punt 23). Issa, l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jiddefinixxi “sentenza” bħala deċiżjoni finali mogħtija minn qorti tal-Istat Membru emittenti li timponi kundanna kontra persuna fiżika. Il-fatt li din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għan-natura “finali” tas-sentenza kkonċernata jenfasizza l-importanza partikolari mogħtija għall-fatt li l-imsemmija sentenza ma tistax tiġi kkontestata, bl-esklużjoni tad-deċiżjonijiet li huma suġġetti għal appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, van Vemde, C‑582/15, EU:C:2017:37, punti 23, 2427).

53

Minn dan isegwi li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li taġixxi fil-kuntest tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, imponiet bħala kundizzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li l-persuna li hija s-suġġett tiegħu u li hija ċittadina jew residenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tiġi rritornata lejh sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti, l-imsemmi ritorn, minn dan tal-aħħar, jista’ jseħħ biss wara li d-deċiżjoni li timponi l-imsemmija kundanna ssir definittiva, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

54

Barra minn hekk, l-għan li jikkonsisti f’li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkonċernata, imfittex kemm mill-Artikolu 5(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 applikabbli abbażi tal-Artikolu 25 tagħha, jimponi, meta tiġi implimentata l-garanzija prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li r-ritorn tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jseħħ mill-iktar fis possibbli wara li d-deċiżjoni li timponi l-imsemmija kundanna ssir definittiva.

55

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li tgħid li l-fatt li jkunu ġew imposti, minbarra l-kundanna, multa jew deċiżjoni ta’ konfiska, li tkun għadha ma tħallsitx, irkuprata jew eżegwita, ma jipprekludix it-trażmissjoni ta’ sentenza mill-Istat Membru emittenti lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) u (d) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

56

Madankollu, fil-każ li jirriżulta li l-preżenza tal-persuna li kontriha ġiet imposta piena jew miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà fl-Istat Membru emittenti, meta s-sentenza li imponiet din il-piena ma tistax tiġi kkontestata quddiem qorti, tkun meħtieġa f’dan l-Istat Membru minħabba stadji proċedurali oħra li jifformaw parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali dwar ir-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, bħall-iffissar ta’ piena jew ta’ miżura addizzjonali, l-għan li tiġi ffaċilitata riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, imfittex mill-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi bbilanċjat kemm mal-effettività tal-prosekuzzjoni kriminali, sabiex tiġi ggarantita repressjoni sħiħa u effikaċi tar-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

57

Għandu jitfakkar, barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mill-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li l-effett ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas ma jistax ikun li jbiddel l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

58

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mad-drittijiet fundamentali, li jifforma parti integrali minnhom ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huma dderivati mid-dritt għal smigħ xieraq, sanċit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 60).

59

Għalhekk, fil-kuntest tal-ibbilanċjar imsemmi fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti li għandha tevalwa jekk raġunijiet konkreti relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jew mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jirrendux indispensabbli li din il-persuna tkun preżenti fl-Istat Membru emittenti, wara li d-deċiżjoni ta’ kundanna ssir definittiva u sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fil-kuntest ta’ stadji proċedurali oħra li jifformaw parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali dwar ir-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

60

Min-naħa l-oħra, ma huwiex permissibbli għall-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, fil-kuntest tal-garanzija prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, li tipposponi sistematikament u awtomatikament ir-ritorn tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sa meta l-istadji proċedurali l-oħra li jifformaw parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali dwar ir-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew ikunu ġew konklużi b’mod definittiv.

61

F’dan il-kuntest, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-ibbilanċjar li hija obbligata li tagħmel, il-possibbiltà li jiġu implimentati mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproċi eżistenti fil-qasam kriminali abbażi tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:2016:630, punt 47). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li, hekk kif jirriżulta mit-tielet sentenza tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji u ta’ deċiżjonijiet ta’ konfiska fi Stat Membru ieħor iseħħu b’mod konformi, b’mod partikolari, mad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u mad-Deċiżjoni Qafas 2006/783. Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1), li l-għan tagħha huwa li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri abbażi tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2019, Gavanozov, C‑324/17, EU:C:2019:892, punt 35), tipprevedi, fl-Artikolu 24 tagħha, il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ investigazzjoni Ewropea bil-għan li jitwettaq smigħ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra tas-suspettat jew ta’ persuna mfittxija, fejn l-awtoritajiet emittenti u dawk ta’ eżekuzzjoni jistabbilixxu bi qbil komuni l-modalitajiet prattiċi ta’ dan is-smigħ.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 1(a), mal-Artikolu 3(3) u (4) u mal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jissuġġetta l-konsenja tal-persuna, ċittadina jew residenti tiegħu, li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, għall-kundizzjoni li din il-persuna tiġi rritornata lejh, wara li tinstema’, sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti, dan l-Istat Membru għandu jwettaq l-imsemmi ritorn hekk kif din id-deċiżjoni ta’ kundanna ssir definittiva, sakemm raġunijiet konkreti relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jew mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma jirrendux indispensabbli li din il-persuna tkun preżenti fl-imsemmi Stat, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fil-kuntest ta’ stadji proċedurali oħra li jifformaw parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali dwar ir-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

Fuq it-tieni domanda

63

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali tkun suġġetta għall-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, biex jeżegwixxi l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija fl-Istat Membru emittenti kontra l-persuna kkonċernata, jista’, b’deroga mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, jadatta t-tul ta’ din il-kundanna sabiex din tkun tikkorrispondi ma’ kundanna li kienet tiġi imposta għar-reat ikkonċernat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

64

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jippermetti li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tadatta l-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti, jekk it-tul tagħha jkun inkompatibbli mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, l-imsemmija awtorità tista’ tiddeċiedi li tadatta tali kundanna biss meta din tkun iktar mill-piena massima prevista fid-dritt nazzjonali tagħha għal reati tal-istess natura, bit-tul tal-kundanna adattata ma jistax ikun inqas minn dak tal-piena massima prevista fid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għal reati tal-istess natura. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jispeċifika li l-kundanna adattata ma tistax taggrava l-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tul tagħha.

65

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għalhekk jistabbilixxi kundizzjonijiet stretti għall-adattament, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tal-kundanna imposta fl-Istat Membru emittenti, kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-uniċi eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, li l-imsemmija awtorità għandha, abbażi tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trażmessa lilha u li teżegwixxi l-kundanna li t-tul u n-natura tagħha jkunu jikkorrispondu għal dawk previsti fis-sentenza mogħtija fl-Istat Membru emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 36).

66

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Olandiż, li tgħid li l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tawtorizza, fil-każ ta’ persuna kkonsenjata lill-Istat Membru emittenti permezz ta’ garanzija ta’ ritorn, adattament tal-piena mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni lil hinn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ma tistax tiġi aċċettata, għaliex jekk ikun mod ieħor din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, sanċit fil-paragrafu 1 tagħha, jitilfu kull effett utli.

67

B’konsegwenza ta’ dan, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax, minħabba s-sempliċi fatt li l-Istat Membru emittenti jagħmel, fil-garanzija li huwa jagħti abbażi tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, riżerva fir-rigward tal-possibbiltà ta’ adattament, mill-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, tal-kundanna eventwalment mogħtija fit-tieni Stat Membru, li tmur lil hinn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, jirrifjuta l-konsenja tal-persuna kkonċernata.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali tkun suġġetta għall-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, biex jeżegwixxi l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija fl-Istat Membru emittenti kontra l-persuna kkonċernata, jista’ jadatta t-tul ta’ din il-kundanna biss b’osservanza tar-rekwiżiti stretti previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 1(a), mal-Artikolu 3(3) u (4) u mal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, kif emendati bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jissuġġetta l-konsenja tal-persuna, ċittadina jew residenti tiegħu, li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, għall-kundizzjoni li din il-persuna tiġi rritornata lejh, wara li tinstema’, sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti, dan l-Istat Membru għandu jwettaq l-imsemmi ritorn hekk kif din id-deċiżjoni ta’ kundanna ssir definittiva, sakemm raġunijiet konkreti relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jew mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma jirrendux indispensabbli li din il-persuna tkun preżenti fl-imsemmi Stat, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fil-kuntest ta’ stadji proċedurali oħra li jifformaw parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali dwar ir-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

 

2)

L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali tkun suġġetta għall-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, biex jeżegwixxi l-piena ta’ kustodja jew miżuri ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà mogħtija fl-Istat Membru emittenti kontra l-persuna kkonċernata, jista’ jadatta t-tul ta’ din il-kundanna biss b’osservanza tar-rekwiżiti stretti previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.