SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

4 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2002/65/KE – Kuntratt ta’ kreditu b’distanza – Dritt ta’ rtirar – Konsegwenzi – Artikolu 7(4) – Restituzzjoni tal-provvisti rċevuti – Ħlas ta’ kumpens għall-użu – Obbligu tal-fornitur – Esklużjoni”

Fil-Kawża C‑301/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura

Thomas Leonhard

vs

DSL-Bank – eine Niederlassung der DB Privat- und Firmenkundenbank AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Leonhard, minn C. Köhler, Rechtsanwältin,

għal DSL-Bank – eine Niederlassung der DB Privat- und Firmenkundenbank AG, minn A. Menkel, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, M. Hellmann u E. Lankenau, sussegwentement minn dawn it-tnejn tal-aħħar kif ukoll minn J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Thomas Leonhard u DSL-Bank – stabbiliment ta’ DB Privat- und Firmenkundenbank AG (iktar ’il quddiem “DSL-Bank”) fir-rigward tal-eżerċizzju, minn T. Leonhard, tad-dritt ta’ rtirar fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn dawn il-partijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 3 u 13 sa 14 tad-Direttiva 2002/65 huma fformulati kif ġej:

“ (1)

Huwa mportanti, fil-kuntest li jintlaħħqu l-miri tas-suq singolu, li jiġu adottati miżuri maħsuba biex jikkonsolidaw progressivament dan is-suq u dawk il-miżuri għandhom jikkontribwxxu biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, skond l-Artikoli 95 u 153 [KE].

[…]

(3)

[…]Sabiex tiġi s-salvagwardata l-libertà ta’ l-għażla, li hija dritt essenzjali tal-konsumatur, grad għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur huwa meħtieġ sabiex tiġi mtejjba l-kunfidenza tal-konsumatur f’bejgħ b’distanza.

[…]

(13)

Livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għandu jiġi garantit b’din id-Direttiva, bl-iskop li jiġi assigurat il-moviment ħieles ta’ servizzi finanzjarji. L-Istati Membri m’għandhomx ikunu jistgħu jadottaw disposizzjonijiet barra minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva fl-oqsma li tarmonizza, sakemm mhux speċifikament indikat mod ieħor fiha.

(14)

Din id-Direttiva tkopri s-servizzi finanzjarji kollha li x’aktarx jiġu provduti b’distanza. Madankollu, ċerti servizzi finanzjarji huma rregolati b’disposizzjonijiet speċifiċi ta’ leġislazzjoni Komunitarja li jibqgħu japplikaw għal dawk is-servizzi finanzjarji. Madankollu, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji li jirregolaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ dawn is-servizzi.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-għan u l-qasam ta’ l-applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hija li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur”.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

“‘kuntratt b’distanza’ jfisser kull kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji konklużi bejn il-fornitur u konsumatur taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur, li, għall-iskop ta’ dak il-kuntratt, jagħmel użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni ta’ distanza sa u inkluż iż-żmien li fih huwa konkluż il-kuntratt.

b)

‘servizz finanzjarju’ jfisser kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas;

ċ)

‘fornitur’ ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika, pubblika jew privata, li waqt li taġixxi fil-kapaċità kummerċjali jew professjonali tagħha, hija l-provveditriċi kontrattwali ta’ servizzi soġġetta għal kuntratti b’distanza;

d)

‘konsumatur’ ifisser kull persuna fiżika li, f’kuntratti b’distanza koperti b’din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra n-negozju, l-kummerċ jew il-professjoni tagħha;

[…]”.

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt b’distanza”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fi żmein tajjeb qabel ma l-konsumatur jintrabat b’xi kuntratt ta’ distanza jew offerta, għandu jiġi provdut bl-informazzjoni li ġejja li tikkonċerna:

[…]

3)

il-kuntratt b’distanza

a)

l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt ta’ rtirar skond l-Artikolu 6 u, meta jeżisti d-dritt ta’ rtirat, id-dewmien tiegħu u l-kondizzjonijiet biex jiġi eżerċitat, inkluża informazzjoni dwar l-ammont li l-konsumatur jista’ jkun meħtieġ li jħallas abbażi ta’ l-Artikolu 7(1), kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ dak id-dritt;

[…]”.

7

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/65, intitolat “Id-dritt ta’ rtirar”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumatur ikollu perjodu ta’ 14-il jum skond il-kalendarju biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penalità u mingħajr ma jagħti raġuni. […]

Il-perjodu għall-irtirar għandu jibda:

jew mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt b’distanza […],

[jew] mill-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali u l-informazzjoni skond l-Artikolu 5(1) jew (2), jekk dan hu iktar tard mid-data msemmija fl-ewwel inċiż.

[…]

2.   Id-dritt ta’ rtirar m’għandux japplika għal:

[…]

ċ)

kuntratti li t-twettieq tagħhom ġie kompletat bis-sħiħ miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur qabel ma l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt ta’ rtirar m’għandux japplika għal:

a)

kwalunkwe kreditu maħsub primarjament għall-iskop ta’ akwiżizzjoni jew żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà fl-art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat, jew għall-iskop ta’ rinovazzjoni jew titjib ta’ bini, jew

b)

kull kreditu assigurat jew b’ipoteka fuq proprjetà immobbli jew bi dritt relatat għal proprjetà immobbli, […]

[…]

6.   Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ irtirar għandu, qabel l-iskadenza tad-data perentorja rilevanti, jinnotifika l-istruzzjonijiet prattiċi li ġejjin mogħtija lilu skond l-Artikolu 3(1)(3)(d) b’mezzi li jistgħu jiġu ppruvati skond il-liġi nazzjonali. Iż-żmien perentorju għandu jitqies li ġie osservat jekk in-notifika, jekk hi bil-miktub jew fuq medja oħra li sservi [li hija] disponibbli u aċċessibbli għar-reċipjent, tintbagħat qabel ma jiskadi ż-żmien perentorju.

[…]”.

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-Ħlas tas-servizz ipprovdut qabel l-irtirar”, jipprevedi:

“1.   Meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar taħt l-Artikolu 6(1) jista’ biss ikun meħtieġ iħallas, mingħajr dewmien mhux dovut, għas-servizz attwalment provdut mill-fornitur skond il-kuntratt. It-twettieq tal-kuntratt jista biss jibda wara li l-konsumatur iku ta l-approvazzjoni tiegħu. […]

[…]

3.   Il-fornitur ma jistax jeħtieġ lill-konsumatur iħallas kwalunkwe ammont abbażi tal-paragrafu 1 sakemm am jistax jipprova li l-konsumatur kien infurmat kif dovut bl-ammont pagabbli, in konformità ma’ l-Artikolu 3(1)(3)(a). Madanakollu, f’ebda każ ma jista’ jeħtieġ dan il-ħlas jekk ikun beda t-twettieq tal-kuntratt qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 6(1) mingħajr it-talba minn qabel tal-konsumatur.

4.   Il-fornitur għandu, mingħajr dewmein mhux dovut u sa mhux iktar minn 30 jum skond il-kalendarju, jirritorna lill-konsumatur kull somma li jkun irċieva mingħandu skond il-kuntratt ta’ distanza, ħlief għall-ammont imsemmi fil-paragrafu 1. Dan il-perjodu għandu jibda mill-jum li fih il-fornitur jirċievi n-notifika ta’ l-irtirar.

5.   Il-konsumatur għandu jirritorna lill-fornitur kwalunkwe somma u/jew proprjetà li jkun irċieva mill-forntiur mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux iktar tard minn 30 jum skond il-kalendarju. […]”.

Id-dritt Ġermaniż

9

L-Artikolu 312b tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“‘kuntratti b’distanza’ tfisser kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi, inklużi servizzi finanzjarji, konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur esklużivament bl-użu ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni b’distanza, ħlief meta l-konklużjoni tal-kuntratt ma sseħħx fil-kuntest ta’ skema organizzata ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi b’distanza. ‘Servizzi finanzjarji’, fis-sens tal-ewwel sentenza, tfisser servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”.

10

L-Artikolu 312d tal-BGB jistipula:

“1.   (1) Fil-każ ta’ kuntratt b’distanza l-konsumatur għandu dritt ta’ irtirar skont il-paragrafu 355.

2.   B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 355(2), it-terminu għall-irtirar jibda’ jiddekorri biss hekk kif il-bejjiegħ jew il-fornitur iwettaq l-obbligi ta’ informazzjoni imposti fuqu mill-Artikolu 312c(2) […] u, fil-każ li l-kuntratt jirrigwarda provvista ta’ servizzi, mhux qabel il-ġurnata tal-konklużjoni tal-kuntratt.

3.   Meta l-kuntratt ikun jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi, id-dritt ta’ rtirar jintemm anki fil-każijiet li ġejjin:

1)

fil-każ ta’ servizz finanzjarju, id-dritt ta’ rtirar jintemm jekk il-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu […]

[…]

5.   Il-konsumatur lanqas ma jibbenefika minn dan id-dritt ta’ rtirar fil-kuntest ta’ kuntratti b’distanza li fir-rigward tagħhom huwa diġà għandu, abbażi tal-Artikoli 495 u 499 sa 507, dritt ta’ rtirar jew ta’ restituzzjoni skont l-Artikolu 355 jew l-Artikolu 356. F’dan il-każ il-paragrafu 2 ikun applikabbli mutatis mutandis.

6.   Fir-rigward tal-kuntratti b’distanza dwar servizzi finanzjarji, b’deroga mill-Artikolu 357(1), il-konsumatur huwa obbligat li jħallas kumpens għas-servizz ipprovdut, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ix-xoljiment minħabba ineżekuzzjoni, biss fil-każ li huwa jkun ġie informat b’dawn l-effetti legali qabel il-kunsens kuntrattwali tiegħu u jekk huwa jkun espressament ta l-kunsens tiegħu sabiex il-bejjiegħ jew fornitur jibda’ l-provvista tas-servizz qabel ma jiskadi t-terminu ta’ rtirar.”

11

L-Artikolu 346 tal-BGB huwa fformulat kif ġej:

”1.   Meta parti kontraenti tkun irriżervat dritt ta’ xoljiment bi stipulazzjoni kuntrattwali jew tibbenefika minn dan bis-saħħa tal-liġi, il-provvisti rċevuti għandhom jiġu rrestitwiti fil-każ ta’ xoljiment, flimkien mal-benefiċċji miksuba.

2.   Minflok ir-restituzzjoni, id-debitur għandu jħallas kumpens tal-valur jekk

1)

ir-restituzzjoni hija eskluża minħabba n-natura tal-provvista rċevuta […]

Jekk il-kuntratt jipprevedi korrispettiv, huwa abbażi ta’ dan tal-aħħar li dan il-kumpens għandu jiġi kkalkolat; jekk il-kumpens huwa dovut abbażi tal-vantaġġ li jikkonsisti fl-użu tal-kapital misluf, tista’ tiġi prodotta prova li l-valur tal-vantaġġ fir-realtà kien inqas.”

12

L-Artikolu 355 tal-BGB jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Id-dritt ta’ rtirar jintemm sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, dan it-terminu jibda jiddekorri biss mar-riċeviment tagħhom min-naħa tad-destinatarju. B’deroga għall-ewwel sentenza, id-dritt ta’ rtirar ma jintemmx fil-każ fejn il-konsumatur ma jkunx ġie debitament informat dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu; fir-rigward tal-kuntratti b’distanza relatati ma’ servizzi finanzjarji, dan id-dritt lanqas ma jintemm fil-każ fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur ma jkunx wettaq debitament l-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 312c(2)”.

13

L-Artikolu 495 tal-BGB jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self konkluż minn konsumatur, min jissellef għandu dritt ta’ rtirar konformement mal-Artikolu 355.”

14

Il-Verordnung über Informations- und Nachweispflichten nach bürgerlichem Recht (ir-Regolament dwar l-Obbligi fil-Qasam ta’ Informazzjoni u ta’ Provi Konformament mad-Dritt Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi l-obbligi ta’ informazzjoni li bejjiegħ jew fornitu għandu josserva, meta mal-konsumatur huwa jikkonkludi, b’mod partikolari, kuntratti b’distanza, u jagħti forma lid-doveri ta’ informazzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu fir-rigward ta’ min jissellef.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Matul ix-xahar ta’ Novembru 2005, T. Leonhard, bħala konsumatur, ikkonkluda ma DSL-Bank, stabbiliment ta’ kreditu, żewġ kuntratti ta’ kreditu intiżi għall-finanzjament tax-xiri ta’ żewġ appartamenti (iktar ’il quddiem il-“kuntratti inkwistjoni”).

16

Il-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni seħħet bil-mod kif ġej.

17

Fl-10 ta’ Novembru 2005, DSL-Bank tat lil T. Leonhard żewġ dokumenti stabbiliti minn qabel, imsemmija “kuntratt ta’ self”, li kienu jinkludu l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din l-informazzjoni ma kinitx tirriproduċi t-test tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fis-seħħ u, għal din ir-raġuni, ma setgħetx tibbenefika mill-preżuzzjoni inkonfutabbli ta’ legalità li jibbenefika minnha l-mudell ta’ informazzjoni li jinstab anness mar-Regolament dwar l-Obbligi fil-Qasam ta’ Informazzjoni u ta’ Provi Konformament mad-Dritt Ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

18

T. Leonhard iffirma l-imsemmija dokumenti fil-11 ta’ Novembru 2005 u bagħthom lil DSL-Bank. Sussegwentement, T. Leonhard ipprovda l-garanziji miftiehma u, b’mod partikolari, stabbilixxa ipoteka fuq il-proprjetà immobbli inkwistjoni. DSL-Bank għaddietlu, fuq talba tiegħu, il-kapital misluf.

19

Wara li ta’ kull xahar kien ħallas l-interessi tas-self mogħti, T. Leonhard iddikjara lil DSL-Bank, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Novembru 2015, li kien qiegħed jirtira mill-kuntratti inkwistjoni. Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, huwa sostna li l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar li kienet ġiet ipprovduta lilu fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fir-rigward tal-pagamenti futuri tal-interessi li huwa kien ser iwettaq, T. Leonhard indika li dawn il-pagamenti ma setgħux jiġu assimilati għal rikonoxximent tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-kuntratti inkwistjoni u li kien qiegħed jirriżerva d-dritt li jitlob ir-rimbors ta’ dawn il-pagamenti mingħand DSL-Bank.

20

Peress li DSL-Bank irrifjutat li tirrikonoxxi li T. Leonhard kien irtira b’mod validu mill-kuntratti inkwistjoni, dan tal-aħħar adixxa lill-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn, il-Ġermanja) b’talba intiża kemm sabiex tiġi kkonstatata l-validità tal-irtirar tiegħu kif ukoll sabiex DSL-Bank tiġi kkundannata tħallas kumpens għall-użu fuq l-interessi li T. Leonhard kien ħallas lil DSL-Bank qabel l-imsemmi rtirar.

21

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kuntratti inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala “kuntratti b’distanza” fis-sens tal-Artikolu 312b tal-BGB, id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ rtirar fil-kuntratti b’distanza huma, bħala prinċipju u skont ġurisprudenza nazzjonali, applikabbli anki għall-kuntratti ta’ kreditu għal proprjetà immobbli.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis li, sa fejn l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar li tinstab fid-dokumenti msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jiġi rrikonoxxut li T. Leonhard irtira ruħu b’mod validu mill-kuntratti inkwistjoni.

23

Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ dan l-irtirar, dik il-qorti tosserva li, konformament mal-Artikolu 346(1) u mal-ewwel sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 346(2) tal-BGB, min jissellef huwa obbligat li jirrestitwixxi lil min isellef kemm il-kapital misluf kif ukoll il-benefiċċji prodotti minn dan il-kapital, li l-ammont tagħhom huwa, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 346(2) tal-BGB, bħala prinċipju ndaqs għall-interessi previsti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet. Min-naħa tiegħu, min isellef huwa obbligat li jirrestitwixxi lil min jissellef mhux biss is-somom irċevuti iżda wkoll il-benefiċċji minn dawn is-somom.

24

Hija tkompli tesponi li, skont l-Artikolu 312d(6) tal-BGB, fir-rigward tal-kuntratti b’distanza relatati ma servizz finanzjarju, il-konsumatur huwa obbligat li jħallas kumpens għas-servizzi mogħtija biss jekk kien informat b’dawn il-konsegwenzi qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u bil-kundizzjoni li huwa kien espliċitament ta l-kunsens tiegħu sabiex il-bejjiegħ jew il-fornitur jibda’ jeżegwixxi l-provvista tas-servizz qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ rtirar. Fl-istess ħin hija tqis li huwa possibbli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tgħid li l-konsumatur dejjem għandu d-dritt għal kumpens għall-użu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(2) tal-BGB, tiġi interpretata b’dan il-mod. F’dan il-każ, il-konsumatur li jissellef ma jiksibx biss ir-restituzzjoni tal-kapital irrimborsat u tal-interessi mħallsa lil min isellef, iżda jkollu wkoll id-dritt għal kumpens għall-użu.

25

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/65 jipprekludi li l-persuna li tissellef titlob tali kumpens għall-użu mingħand il-persuna li ssellef peress li din id-direttiva tarmonizza kompletament il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi li, wara li l-konsumatur ikun irtira mill-kuntratt ta’ self mill-bogħod [b’distanza], il-fornitur għandu mhux biss jagħti lura lill-konsumatur l-ammont li huwa kien irċieva mingħand dan tal-aħħar fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, iżda wkoll kumpens għall-użu ta’ dan l-ammont?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 2018, din il-kawża ġiet sospiża sal-għoti tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Romano (C‑143/18, EU:C:2019:701).

28

Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja nnotifika l-imsemmija sentenza lill-qorti tar-rinviju.

29

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2019, il-qorti tar-rinviju, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, informatha bil-fatt li kienet qiegħda żżomm it-talba tagħha għal domanda preliminari sa fejn, fis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Romano (C‑143/18, EU:C:2019:701), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx irrispondiet it-tielet domanda preliminari, li hija identika għad-domanda unika magħmula f’din il-kawża.

Fuq id-domanda preliminari

30

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konsumatur jeżerċità d-dritt ta’ rtirar tiegħu fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż b’distanza ma’ fornitur, dan il-konsumatur għandu d-dritt li jikseb mingħand l-imsemmi fornitur, bla ħsara għas-somom li huwa stess huwa obbligat li jħallas lil dan tal-aħħar taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) u (3) ta’ din id-direttiva, ir-rimbors tal-kapital u tal-interessi mħallsa b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, iżda mhux il-kumpens għall-użu ta’ dan il-kapital u ta’ dawn l-interessi.

31

Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, konformament mal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-konsumatur li jissellef li jkun irtira minn kuntratt mal-fornitur għandu d-dritt li jikseb mhux biss ir-restituzzjoni tal-kapital irrimborsat u tal-interessi mħallsa lill-persuna li ssellef, iżda wkoll kumpens għall-użu.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65, meta l-konsumatur jiddeċiedi li jeżerċità d-dritt tiegħu ta’ rtirar fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż b’distanza, il-fornitur huwa obbligat li jirrimborsa lill dan il-konsumatur is-somom kollha li huwa rċieva mingħandu b’mod konformi ma’ dan il-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 7(1), jiġifieri dak irċevut fil-kuntest tas-servizz finanzjarju effettivament ipprovdut, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva.

33

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 hija ċara u timponi obbligu, fuq il-fornitur, li jirrimborsa lill-konsumatur is-somom kollha “li jkun irċieva mingħandu”, konformement mal-kuntratt b’distanza, u biss dawn is-somom.

34

Meta l-konsumatur iħallas lill-fornitur, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ self, il-kapital misluf miżjud bl-interessi, ir-rimbors imsemmi fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 għandu jkun jinkludi kemm is-somom imħallsa minn dan il-konsumatur bħala kapital kif ukoll l-interessi tas-self.

35

La l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tagħha ma tipprevedi l-obbligu, fil-każ li l-konsumatur jirtira mill-kuntratt konkluż mal-fornitur tiegħu, li dan tal-aħħar iħallas lill-imsemmi konsumatur, minbarra l-kapital u l-interessi mħallsa minn dan tal-aħħar, ukoll kumpens għall-użu tas-somom li dan il-fornitur irċieva b’eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/65, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tagħha, din id-direttiva twettaq, bħala prinċipju, armonizzazzjoni sħiħa tal-aspetti li hija tiregola. Fil-fatt, kif previst f’din il-premessa, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet oħra barra dawk stabbiliti fl-imsemmija direttiva fl-oqsma li hija tarmonizza, sakemm mhux speċifikament indikat mod ieħor fiha (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Romano, C‑143/18, EU:C:2019:701, punt 34).

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konsumatur jeżerċità d-dritt ta’ rtirar tiegħu fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż b’distanza ma’ fornitur, dan il-konsumatur għandu d-dritt li jikseb mingħand l-imsemmi fornitur, bla ħsara għas-somom li huwa stess huwa obbligat li jħallas lil dan tal-aħħar taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) u (3) ta’ din id-direttiva, ir-rimbors tal-kapital u tal-interessi mħallsa b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, iżda mhux il-kumpens għall-użu ta’ dan il-kapital u ta’ dawn l-interessi.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konsumatur jeżerċità d-dritt ta’ rtirar tiegħu fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż b’distanza ma’ fornitur, dan il-konsumatur għandu d-dritt li jikseb mingħand l-imsemmi fornitur, bla ħsara għas-somom li huwa stess huwa obbligat li jħallas lil dan tal-aħħar taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) u (3) ta’ din id-direttiva, ir-rimbors tal-kapital u tal-interessi mħallsa b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, iżda mhux il-kumpens għall-użu ta’ dan il-kapital u ta’ dawn l-interessi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.