SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Esklużjoni tad-dritt tal-kumpanniji mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 (Ruma I) – Kuntratt fiduċjarju konkluż bejn professjonist u konsumatur, li jkollu bħala uniku għan il-ġestjoni ta’ sehem in akkomandita”

Fil-Kawża C‑272/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ April 2018, fil-proċedura

Verein für Konsumenteninformation

vs

TVP Treuhand- und Verwaltungsgesellschaft für Publikumsfonds mbH & Co KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: D. Dittert, chef d’unité,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall‑Verein für Konsumenteninformation, minn S. Schumacher, Rechtsanwalt,

għal TVP Treuhand- und Verwaltungsgesellschaft für Publikumsfonds mbH & Co KG, minn C. Kux, G. Eckert u I. Haiderer, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, M. Wasmeier kif u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(e) u tal-Artikolu 5(4)(b) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1980, C 266, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), tal-Artikolu 1(2)(f) u tal-Artikolu 6(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, u r-rettifika fil-ĠU 2009 L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Verein für Konsumenteninformation (l-Assoċjazzjoni għall-Informazzjoni tal-Konsumaturi, l-Awstrija, iktar ’il quddiem il-“VKI”) u TVP Treuhand- und Verwaltungsgesellschaft für Publikumsfonds mbH & Co KG (iktar ’il quddiem “TVP”), kumpannija rregolata mil-liġi Ġermaniża, li tirrigwarda l-legalità ta’ klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli użata minnha f’kuntratti konklużi ma’ investituri privati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

3

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma intitolat “Firxa ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni”, jipprovdi:

“1.   Ir-regoli ta’ din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għall-obbligi kuntrattwali f’kull sitwazzjoni li tinvolvi għażla bejn il-liġijiet ta’ pajjiżi differenti.

2.   Huma m’għandhomx japplikaw għal:

[…]

e)

kwistjonijiet regolati bil-liġi tal-kumpanniji u korpi oħra maqgħuda jew mhux maqgħuda bħalma huma l-ħolqien, b’reġistrazzjoni jew mod ieħor, il-kapaċità legali, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u korpi oħra maqgħuda jew mhux maqgħuda u r-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u membri bħala tali għall-obbligi tal-kumpannija jew tal-korp;

[…]”

4

Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Ċerti kuntratti tal-konsumaturi”:

“1.   Dan l-Artikolu japplika għal kuntratt li l-għan tiegħu huwa l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi lil persuna (‘il-konsumatur’) għal skop li jista’ jitqies li ma jkollux x’jaqsam man-negozju jew mal-professjoni tiegħu, jew għal kuntratt biex jingħata kreditu għal dak il-għan.

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3, għażla ta’ liġi magħmula mill-partijiet m’għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli mandatarji tal-liġi tal-pajjiż li fih huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu.

jekk f’dak il-pajjiż il-kuntratt ikun konkluż wara stedina speċifika indirizzata lilu jew permezz ta’ riklam, u huwa jkun għamel f’dak il-pajjiż dak kollu meħtieġ minnu biex il-kuntratt ikun konkluż, jew

jekk il-parti l-oħra jew l-aġent tagħha jkunu rċevew l-ordni tal-konsumatur f’dak il-pajjiż, jew

jekk il-kuntratt ikun għall-bejgħ ta’ oġġetti u l-konsumatur ikun mar minn dak il-pajjiż għal pajjiż ieħor u hemmhekk huwa jkun għamel l-ordni tiegħu, bil-kondizzjoni li l-vjaġġ tal-konsumatur ikun tħejja mill-bejjiegħ bl-iskop li jħajjar lill-konsumatur biex jixtri.

3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4, kuntratt li għalih japplika dan l-Artikolu għandu, fin-nuqqas ta’ għażla skond l-Artikolu 3, ikun regolat skond il-liġi tal-pajjiż li fih il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu jekk il-kuntratt ikun sar fiċ-ċirkostanzi msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal:

[…]

b)

kuntratt għall-provvista ta’ servizzi fejn is-servizzi għandhom jingħataw lill-konsumatur esklussivament f’pajjiż li ma jkunx dak li fih huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu.

[…]”

Ir-Regolament Ruma I

5

Il-premessi 7 u 25 tar-Regolament Ruma I huma fformulati kif ġej:

“(7)

L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (‘Brussell I’) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42] u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (‘Ruma II’) [ĠU 2007, L 199, p. 40].

[…]

(25)

Il-konsumaturi għandhom ikunu protetti minn regoli bħal dawn, tal-pajjiż tar-residenza abitwali tagħhom, li minnhom ma tistax issir deroga bi ftehim, sakemm il-kuntratt konsumistiku ġie konkluż b’riżultat ta’ l-eżerċizzju mill-professjonist ta’ l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu f’dak il-pajjiż partikolari. […]”

6

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ambitu materjali”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali.

M’għandux japplika, partikolarment, għal kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi.

2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament:

[…]

f)

kwistjonijiet regolati mil-liġi tal-kumpanniji u entitajiet oħra, inkorporati jew mhux inkorporati [assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi], bħall-kostituzzjoni […], permezz ta’ reġistrazzjoni jew b’mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u entitajiet oħra, inkorporati jew mhux inkorporati, u r-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u membri, bħala tali, għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija jew tal-korp [assoċjazzjoni jew persuna ġuridika];

[…]”

7

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Libertà ta’ l-għażla”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. […]”

8

Skont l-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Kuntratti ta’ konsum”:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-konsumatur’), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-professjonist’) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

a)

il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

b)

bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal kuntratt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, skond l-Artikolu 3. Tali għażla, madankollu, ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ l-għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-paragrafu 1.

[…]

4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal dawn il-kuntratti:

a)

kuntratti għall-forniment ta’ servizzi fejn is-servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu fornuti esklussivament f’pajjiż divers minn dak li fih huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu;

[…]”

Id-Direttiva 93/13

9

Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13:

“[…] kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva”.

10

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

Id-dritt Awstrijak

11

L-Artikolu 6 tal-Konsumentenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar id-Determinazzjoni ta’ Dispożizzjonijiet għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi) tat‑8 ta’ Marzu 1979 (BGBl. 140/1979, iktar ’il quddiem il-“KSchG”), jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Klawżola kuntrattwali taħt kundizzjonijiet ġenerali jew formoli ta’ kuntratt standard ikunu neqsin minn effett jekk tkun redatta b’mod mhux daqstant ċar jew li ma jinftiehemx.”

12

L-Artikolu 13a(2) tal-KSchG jipprevedi:

“L-Artikolu 6 [japplika] sabiex jipproteġi lill-konsumatur, tkun liema tkun il-liġi li tirregola l-kuntratt, meta din tal-aħħar tkun ġiet applikata fil-kuntest ta’ attivitajiet eżerċitati fl-Awstrija mill-professjonist għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ tali kuntratti, jew mill-persuni impjegati minnu għal dan il-għan.”

13

Skont l-Artikolu 864a tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali) tal‑1 ta’ Ġunju 1811 (JGS Nru 946/1811, iktar ’il quddiem l-“ABGB”):

“Id-dispożizzjonijiet ta’ kontenut inabitwali użati minn parti kontraenti f’kundizzjonijiet ġenerali jew f’kuntratti ta’ adeżjoni jitqiesu li ma humiex miktuba jekk ikunu żvantaġġużi għall-parti l-oħra u jekk din il-parti, inkluż fid-dawl taċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari mid-dehra esterna tal-att, ma kellhiex indikazzjoni li tistenna li jkun hemm tali dispożizzjonijiet, sakemm l-ewwel parti kontraenti ma tkunx speċifikament ġibdet l-attenzjoni tat-tieni parti fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.”

14

L-Artikolu 879 tal-ABGB jipprovdi:

“(1)   Kuntratt li jmur kontra projbizzjoni legali jew li jkun kuntrarju għall-moralità huwa null.

[…]

(3)   Klawżola kuntrattwali li tinsab f’kundizzjonijiet ġenerali jew f’kuntratti ta’ adeżjoni u li ma tistipulax wieħed mill-obbligi prinċipali tal-partijiet hija nulla ipso jure jekk tippreġudika serjament lil parti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Il-VKI, fil-kapaċità tagħha bħala assoċjazzjoni ta’ konsumaturi ta’ utilità pubblika stabbilita fl-Awstrija, għandha s-setgħa tippreżenta azzjonijiet għal inġunzjoni sabiex tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi li jirrisjedu fl-Awstrija.

16

TVP hija kumpannija stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), 100 % sussidjarja tal-grupp MPC Münchmeyer Capital AG Hamburg (iktar ’il quddiem il-“grupp MPC”), li joħloq u jikkummerċjalizza fondi ta’ investiment ta’ tip magħluq (closed-end). Dawn il-fondi huma kkostitwiti taħt il-forma ta’ soċjetajiet in akkomandita suġġetti għal-liġi Ġermaniża, li fihom investituri privati u istituzzjonali jistgħu jakkwistaw ishma inkwantu azzjonisti limitati.

17

Sad‑19 ta’ Diċembru 2014, bejn TVP u l-kumpannija parent tagħha kien jeżisti ftehim ta’ kontroll u ta’ ħlas tad-dividendi. B’hekk, it-tmexxija ta’ TVP kienet taqa’ taħt il-grupp MPC.

18

Fost il-bosta soċjetajiet in akkomandita kkostitwiti mill-grupp MPC hemm Dreiundvierzigste Sachwert Rendite-Fonds Holland GmbH & Co KG (iktar ’il quddiem il-“fond 43”), Einundfünfzigste Sachwert Rendite-Fonds Holland GmbH & Co KG u Zweiundsiebziegste Sachwert Rendite‑Fonds Holland GmbH & Co KG.

19

Bħala ġestjonarja u azzjonista limitata fondatriċi, TVP għandha sehem b’mod partikolari fil-fond 43, ikkostitwit matul is-sena 2003. Peress li dan il-fond ma ġiex ikkummerċjalizzat biss fl-Awstrija, infetaħ kont fiduċjarju f’bank Awstrijak intiż għall-ħlasijiet tal-ammont li jikkorrispondi għall-ishma akkwistati mill-investituri privati residenti fl-Awstrija. Uħud mill-fondi l-oħra ta’ TVP ġew ikkummerċjalizzati esklużivament fl-Awstrija, bħal Einundfünfzigste Sachwert Rendite-Fonds Holland (ikkostitwit matul is-sena 2004) u Zweiundsiebziegste Sachwert Rendite‑Fonds Holland (ikkostitwit fis-sena 2011). TVP fetħet kont fiduċjarju f’bank Awstrijak għal dawn l-aħħar żewġ fondi.

20

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(3) tal-istatut tal-fond 43, TVP għandha s-setgħa taċċetta azzjonisti limitati supplimentari. L-investituri interessati, azzjonisti limitati prospettivi, għalhekk iħallsu sehem fil-kont fiduċjarju ta’ dan il-fond. B’hekk l-investituri jidħlu indirettament fl-imsemmi fond bħala kostitwenti, permezz ta’ TVP li taġixxi bħala ġestjonarja fiduċjarja. TVP tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-ishma tagħhom fuq il-bażi ta’ kuntratt fiduċjarju. Dan il-metodu ta’ proċedura huwa applikat ukoll fir-rigward tal-fondi l-oħra.

21

TVP innifisha ma tiħux ħsieb it-tiftix ta’ dawn l-investituri, fejn din l-attività ssir minn sussidjarja oħra 100 % tal-grupp MPC, CPM Anlagen Vertriebs GmbH i.L. L-offerti u r-reklamar immirati huma trażmessi minn din is-sussidjarja, iżda wkoll minn intermedjarji oħra, bħal banek Awstrijaċi jew persuni li joffru konsulenzi dwar l-investimenti, lil konsumaturi li jirrisjedu fl-Awstrija. TVP, li ma għandha la stabbiliment u lanqas fergħa fl-Awstrija, ma għandhiex kuntatt dirett mal-azzjonisti limitati u hija nnifisha ma tipprovdi ebda attività ta’ konsulenza.

22

L-investituri jistgħu jakkwistaw ishma fil-fondi billi jibagħtu lil TVP dikjarazzjoni ta’ adeżjoni li tieħu l-forma ta’ offerta ta’ konklużjoni ta’ kuntratt fiduċjarju. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, l-investituri inkwistjoni fit-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju kollha ffirmaw it-talba tagħhom ta’ sottoskrizzjoni fl-Awstrija. L-ammont tas-sehem tagħhom kellu jiġi ttrasferit fil-kont fiduċjarju tal-fond magħżul, miftuħ f’isem TVP f’bank Awstrijak. F’ebda każ l-ammont li jikkorrispondi għas-sehem tagħhom ma kien jiġi ttrasferit fuq kont fiduċjarju Ġermaniż.

23

TVP toffri lill-investituri provvista ta’ servizzi fiduċjarji. Hija tieħu ħsieb is-sehem bħala azzjonist limitat f’isem l-investitur kif ukoll il-ġestjoni tagħha b’mod fiduċjarju. Hija teżerċita, f’isimha iżda għall-investitur, id-drittijiet ta’ dan tal-aħħar li jirriżultaw mis-sehem tiegħu bħala azzjonist limitat u tittrasferilu l-ħlasijiet ta’ dividendi u l-vantaġġi patrimonjali l-oħra kollha li jirriżultaw mis-sehem tiegħu. Meta jkun meħtieġ TVP tittrażmetti lill-investituri l-informazzjoni li tipprovdilha l-fond fir-rigward tal-iżvolġiment tal-attività tal-kumpannija li fiha huma għandhom sehem. Għal dawn is-servizzi, TVP tirċievi remunerazzjoni annwali b’rata fissa li tammonta għal 0.3% tal-investiment tal-investitur.

24

Fir-relazzjonijiet ta’ negozju tagħha mal-investituri privati, TVP tuża formoli ta’ kuntratt standard. L-atti legali meħtieġa (firma tad-dikjarazzjoni ta’ adeżjoni) isiru fl-Awstrija mill-investituri u jiġu aċċettati fl-Awstrija minn sħab kuntrattwali ta’ TVP jew mis-sħab kuntrattwali tagħhom.

25

TVP teżerċita l-attività ta’ ġestjoni tagħha bis-saħħa ta’ kuntratt fiduċjarju. Fil-kuntratti fiduċjarji inkwistjoni, huwa indikat b’mod partikolari:

“Il-kuntratt fiduċjarju huwa suġġett għad-dritt tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Sa fejn huwa legalment possibbli li jiġi miftiehem hekk, il-post ta’ eżekuzzjoni hija s-sede tal-ġestjonarja fiduċjarja u l-qorti ta’ din tal-aħħar għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawżi li jirrigwardaw dan il-kuntratt jew il-formazzjoni tiegħu”.

26

Din il-klawżola ma kinitx suġġetta għal negozjar individwali u tinsab fil-formoli ta’ kuntratt standard. Dawn il-formoli lanqas ma fihom indikazzjoni ċara li tippermetti lill-investitur prospettiv jieħu konjizzjoni tagħhom mingħajr problemi.

27

Skont il-qorti tar-rinviju, TVP tiffoka l-provvisti ta’ servizzi tagħha lejn is-suq Awstrijaku u topera sit internet, www.tvp‑treuhand.at, li minnu l-utent huwa dirett lejn sit internet Ġermaniż www.tvp‑treuhand.de. Il-proprjetarja tal-isem tad-domain hija impriża tal-grupp MPC responsabbli mill-informatika għal dan il-grupp kollu. Din il-kumpannija tamministra wkoll il-paġna prinċipali Ġermaniża tas-sit internet. L-investituri Awstrijaċi jistgħu, sa mis-sena 2006, jirreġistraw lilhom infushom permezz ta’ dan is-sit internet. Sa mis-sena 2011, l-investituri li juru x-xewqa espressa tagħhom jistgħu jivvutaw online u mhux biss bil-miktub. L-investitur jista’ wkoll jikkonsulta kopja tad-dokumenti bil-miktub li huwa jkun irċieva b’dan il-mod.

28

Permezz ta’ azzjoni għal inġunzjoni ppreżentata fis‑6 ta’ Settembru 2013 quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), il-VKI talbet li TVP tiġi pprojbita milli tuża, fil-kundizzjonijiet ġenerali li fuqhom hija tibbaża l-kuntratti fiduċjarji li tkun ikkonkludiet jew fil-formoli ta’ kuntratt standard użati f’dan ir-rigward, fir-relazzjonijiet ta’ negozju mal-investituri li jirrisjedu fl-Awstrija, li fil-fehma tagħha għandhom jitqiesu bħala konsumaturi, il-klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli u klawżoli ta’ kontenut ekwivalenti, kif ukoll li dawn il-klawżoli jiġu invokati.

29

Skont il-VKI, il-klawżola ta’ għażla tad-dritt applikabbli tmur kontra d-dritt tal-Unjoni kif ukoll kontra d-dritt Awstrijak. B’mod partikolari, hija kuntrarja għall-Artikolu 6(3) tal-KSchG, iżda wkoll għall-Artikolu 864a u l-Artikolu 879(3) tal-ABGB. Bis-saħħa tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Ruma I, ikun meħtieġ li tiġi evalwata l-legalità tal-klawżola kkontestata mhux fir-rigward tal-liġi applikabbli għal dawn il-kuntratti, iżda tal-liġi tal-post li fih ikun seħħ l-att illegali, jiġifieri d-dritt Awstrijak. Id-dritt Awstrijak huwa wkoll applikabbli bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tar-Regolament Ruma I, minħabba li jidher li TVP kienet organizzat l-attività tagħha fis-suq Awstrijak b’għarfien tal-fatti u s-servizzi attribwibbli lilha kienu ġew ipprovduti fl-Awstrija.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Settembru 2015, il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet din l-azzjoni. B’hekk, billi applikat id-dritt Awstrijak, hija ordnat lil TVP tieqaf tuża, fir-relazzjonijiet ta’ negozju tagħha mal-konsumaturi li jirrisjedu fl-Awstrija, il-klawżoli msemmija minn din l-azzjoni.

31

Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Settembru 2016, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri, l-Awstrija), adita fl-appell, annullat id-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti u rrinvjat il-kawża quddiemha sabiex sabiex tfittex li tagħti deċiżjoni ġdida. Hija qieset li l-eżami tal-validità tal-klawżola ta’ għażla tad-dritt applikabbli kellu jsir fir-rigward tad-dritt Ġermaniż, iżda li, konformement ma’ dan id-dritt, klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali hija inġusta inkwantu twassal lill-konsumatur fi żball billi tagħtih l-impressjoni li d-dritt Ġermaniż biss huwa applikabbli għall-kuntratt, mingħajr ma tinformah dwar il-fatt li, konformement mar-Regolament Ruma I u l-Konvenzjoni ta’ Ruma, huwa jgawdi wkoll mill-protezzjoni żgurata lilu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi tal-pajjiż li fih għandu r-residenza abitwali tiegħu, f’dan il-każ id-dritt Awstrijak. Il-qorti ta’ appell tesponi li, kieku kellu jitqies li l-klawżola ta’ għażla tad-dritt applikabbli favur id-dritt Ġermaniż hija valida, ikun meħtieġ, bħala prinċipju, li tiġi eżaminata l-legalità tal-klawżoli l-oħra fir-rigward ta’ dan id-dritt. Hija tqis li jkun hemm ukoll lok li jiġi vverifikat jekk dispożizzjonijet imperattivi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previsti mid-dritt Awstrijak jipprekludux l-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż meta ssir l-evalwazzjoni tal-legalità tal-klawżoli kkontestati.

32

Kemm il-VKI kif ukoll TVP ippreżentaw rikors quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kontra s-sentenza tal-qorti ta’ appell. Skont TVP, il-Konvenzjoni ta’ Ruma u r-Regolament Ruma I ma humiex iżjed applikabbli fid-dawl tal-esklużjoni tal-kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-kumpanniji mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Minħabba l-konnessjoni bejn l-istatuti tal-kumpannija u l-kuntratt fiduċjarju, il-kostitwenti jkunu direttament involuti fil-kumpannija inkwantu membri assoċjati. Barra minn hekk, l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(4)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u fl-Artikolu 6(4)(a) tar-Regolament Ruma I huma applikabbli wkoll minħabba li TVP tkun teżerċita inkwantu ġestjonarja fiduċjarja d-drittijiet ta’ azzjonista limitata u konsegwentement tkun tipprovdi servizzi.

33

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(e) tal-[Konvenzjoni ta’ Ruma] u fl-Artikolu 1(2)(f) tar-[Regolament Ruma I] tkopri wkoll il-ftehimiet konklużi bejn benefiċjarju u fiduċjarju li għandu parteċipazzjoni f’soċjetà in akkomandita għan-nom tal-benefiċjarju, b’mod partikolari meta jkun hemm konnessjoni bejn l-istatuti tas-soċjetà u l-ftehim fiduċjarju?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpetat fis-sens li klawżola fi ftehim fiduċjarju konkluż bejn professjonist u konsumatur dwar il-ġestjoni ta’ parteċipazzjoni f’soċjetà in akkomandita, li ma kinitx innegozjata individwalment u li tipprovdi li hija applikabbli l-liġi tal-Istat fejn is-soċjetà in akkomandita jkollha s-sede tagħha, hija inġusta jekk l-għan waħdieni tal-ftehim fiduċjarju jkun l-ġestjoni ta’ parteċipazzjoni f’soċjetà in akkomandita u l-benefiċjarju jingħata d-drittijiet u l-obbligi ta’ azzjonist dirett?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

Din ir-risposta tkun differenti jekk, sabiex jipprovdi s-servizzi dovuti, il-professjonist ma jkunx obbligat imur fl-Istat tal-konsumatur sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu iżda jkun marbut jittrasferixxi l-ħlas tad-dividendi jew benefiċċji finanzjarji oħra li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni, kif ukoll jittrażmetti informazzjoni relatata mal-iżvolġiment tal-attività tas-soċjetà? Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regoalment Ruma I jew tal-Konvenzjoni ta’ Ruma hija rilevanti f’dan ir-rigward?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

Din ir-risposta tibqa’ valida jekk, barra minn hekk, it-talba għas-sottoskrizzjoni tal-konsumatur tkun ġiet iffirmata fl-Istat ta’ residenza tiegħu, il-professjonist jipprovdi informazzjoni dwar is-soċjetà in akkomandita anki fuq l-internet, u jkun ġie stabbilit kont bankarju fl-Istat tal-konsumatur, li fih il-konsumatur irid jiddepożita somma għall-parteċipazzjoni, minkejja li l-professjonist ma jkollu ebda dritt li jiddisponi minn dan il-kont bankarju? Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regoalment Ruma I jew tal-Konvenzjoni ta’ Ruma hija rilevanti f’dan ir-rigward?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(e) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Artikolu 1(2)(f) tar-Regolament Ruma I għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni u ta’ dan ir-regolament l-obbligi kuntrattwali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirriżultaw minn kuntratt fiduċjarju li għandu bħala għan il-ġestjoni ta’ sehem f’soċjetà in akkomandita.

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-kumpanniji, assoċjazzjonijiet u persuni ġuridiċi, bħall-kostituzzjoni, permezz ta’ reġistrazzjoni jew mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, il-funzjonament intern u x-xoljiment tal-kumpanniji, assoċjazzjonijiet u persuni ġuridiċi, iddikjarata fl-Artikolu 1(2)(f) ta’ dan ir-regolament, tirrigwarda esklużivament l-aspetti organiċi ta’ dawn il-kumpanniji, assoċjazzjonijiet u persuni ġuridiċi (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 33).

36

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bir-Rapport dwar il-konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, [redatt] minn Mario Giuliano, Professur mill-Università ta’ Milan u Paul Lagarde, Professur mill-Università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1) li jgħid li l-esklużjoni tal-imsemmija kwistjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li ġiet issostitwita, fost l-Istati Membri, bir-Regolament Ruma I, jirrigwarda l-atti kollha ta’ natura kumplessa neċessarji għall-ħolqien ta’ kumpannija jew li jirregolaw il-ħajja interna tagħha jew ix-xoljiment tagħha, jiġifieri atti li jaqgħu taħt id-dritt tal-kumpanniji (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 34).

37

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk tranżazzjonijiet bħall-bejgħ jew dik fiduċjarja li jkunu jirrigwardaw ishma jkunu tali li jqajmu kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-kumpanniji, l-istess ma jgħoddx għall-kuntratti sottostanti għal dawn it-tranżazzjonijiet. B’mod partikolari, is-sempliċi ċirkustanza li kuntratt ikollu rabta ma’ “kwistjonijiet regolati mil-liġi tal-kumpanniji” ma jkollux bħala effett li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt. Konsegwentement, dawn il-kwistjonijiet ma għandhomx jitqiesu bħala kwistjonijiet ta’ natura kuntrattwali. F’dan il-każ, l-azzjoni għal inġunzjoni ppreżentata mill-VKI tirrigwarda n-natura inġusta u, minħabba f’hekk, il-legalità ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratti fiduċjarji inkwistjoni. Għalhekk, il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-liġi li tirregola l-kuntratt u, għalhekk, taħt ir-Regolament Ruma I.

38

Jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ self konkluż minn kumpannija qabel akkwist transkonfinali li kien jaqa’, qabel din l-amalgamazzjoni‑akkwist, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li l-liġi applikabbli għall-interpretazzjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi wara l-imsemmija amalgamazzjoni kienet tibqa’ dik applikabbli għalihom qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, KA Finanz, C‑483/14, EU:C:2016:205, punti 52 sa 58).

39

Barra minn hekk, għalkemm il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk il-kostitwenti għandhomx il-kwalità ta’ membri assoċjati jew le, din il-kwistjoni, li taqa’ taħt id-dritt tal-kumpanniji, ma hijiex determinanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, din ma tirrigwardax il-portata tad-drittijiet u obbligi eventwali li l-kostitwenti jkollhom, bis-saħħa tad-dritt tal-kumpanniji applikabbli, fir-rigward tas-soċjetajiet in akkomandita, jew l-obbligi eventwali tal-kostitwenti fir-rigward tat-terzi kredituri tal-kumpannija, iżda tirrigwarda n-natura inġusta u, għaldaqstant, fuq il-legalità ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratti fiduċjarji.

40

Issa, dawn il-klawżoli, li jirrigwardaw kwistjonijiet bħall-portata tar-responsabbiltà ta’ TVP fil-kapaċità tagħha bħala ġestjonarja fiduċjarja, il-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi fiduċjarji u l-liġi applikabbli għall-kuntratt fiduċjarju, għandhom bħala għan li jirregolaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn kostitwenti u ġestjonarji fiduċjarji u konsegwentement jaqgħu taħt il-qasam tal-lex contractus. Għaldaqstant l-obbligi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jew tar-Regolament Ruma I.

41

Fid-dawl tal-punti preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 1(2)(e) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Artikolu 1(2)(f) tar-Regolament Ruma I għandhom jiġu interpretati fis-sens li obbligi kuntrattwali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirriżultaw minn kuntratt fiduċjarju li għandu bħala għan il-ġestjoni ta’ sehem f’soċjetà in akkomandita, ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

42

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Artikolu 6(4)(a) tar-Regolament Ruma I għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kuntratt fiduċjarju li bis-saħħa tiegħu servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu pprovduti, mill-bogħod, fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tiegħu mit-territorju ta’ pajjiż ieħor jaqa’ taħt l-esklużjoni prevista għal dawn id-dispożizzjonijiet.

43

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju diġà kkonstatat li l-kuntratti fiduċjarji kontenzjużi huma kuntratti ta’ konsum li jistgħu jaqgħu taħt ir-regoli għall-protezzjoni tal-konsumaturi previsti fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u fl-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I. Fil-fatt, dawn il-kuntratti joħolqu relazzjoni bejn “professjonist”, jiġifieri TVP, li jaġixxi fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu, u investituri differenti li jkollhom il-kwalità ta’ “konsumaturi”, jiġifieri persuni fiżiċi li aġixxew, billi kkonkludew l-imsemmija kuntratti, għal użu li jista’ jitqies bħala li ma jagħmilx parti minn tali attività.

44

Madankollu, dawn l-artikoli jeskludu espressament, fil-paragrafu 4 tagħhom, ċerti kuntratti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Artikolu 6(4)(a) tar-Regolament Ruma I jipprevedu, f’termini identiċi, li r-regoli għall-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-kuntratti ma japlikawx għall-“kuntratti għall-forniment ta’ servizzi fejn is-servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu fornuti esklussivament f’pajjiż divers minn dak li fih huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu”.

45

Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Ruma I ma japplikawx meta, l-ewwel nett, ikun jeżisti kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi u, it-tieni nett, is-servizzi dovuti lill-konsumatur jiġu pprovduti esklużivament f’pajjiż li ma jkunx dak li fih dan il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

46

Minn naħa, fir-rigward tal-kunċett ta’ “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”, dan għandu jinftiehem bl-istess mod bħal dak ta’ “kuntratt għall-forniment ta’ servizzi” li jirriżulta dl-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament u ta’ dak ta’ “provista ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, fis-sens li jirrigwarda l-impenn li titwettaq attività speċifika b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C‑25/18, EU:C:2019:376, punti 36 sa 41).

47

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bis-saħħa ta’ kuntratt fiduċjarju bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ġestjonarju fiduċjarju jwettaq attività li tikkonsisti fil-ġestjoni tal-assi mqiegħda taħt relazzjoni fiduċjarja b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni. Għalhekk, tali kuntratt għandu jitqies li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 5(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tal-Artikolu 6(4)(a) tar-Regolament Ruma I.

48

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-pajjiż li fih is-servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu pprovduti, jeħtieġ li jiġi ddeterminat, qabel kollox, jekk din il-kwistjoni tippreċedix l-għażla tal-liġi li tirregola l-kuntratt jew jekk hija taqax taħt din tal-aħħar.

49

Issa, kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni tal-post tal-provvista tas-servizzi dovuti lill-konsumatur għandha l-għan li tiddetermina l-liġi applikabbli għall-kuntratt u għandha, għalhekk, tiġi deċiża qabel l-għażla tagħha.

50

F’dan ir-rigward, mir-rapport Giuliano-Lagarde dwar il-konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, imsemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 5(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma hija ġġustifikata bil-fatt li, fil-każ tal-kuntratti dwar provvista ta’ servizzi li jiġu pprovduti esklużivament barra mill-Istat ta’ residenza tal-konsumatur, dan ma jistax raġonevolment jistenna li l-liġi tal-Istat ta’ oriġini tiegħu tiġi applikata b’deroga mir-regoli ġenerali tal-Artikoli 3 u 4 ta’ din il-konvenzjoni.

51

B’hekk, ħlief sabiex persuna li tipprovdi servizzi bħal TVP tkun tista’ tagħżel, għad-detriment tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, il-liġi applikabbli billi tirrikorri għal klawżola kuntrattwali li tiddetermina l-post ta’ provvista, l-esklużjoni inkwistjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-kliem “għandhom jiġu fornuti” fis-sens tal-Artikolu 6(4)(a) tar-Regolament Ruma I, jirreferi għall-obbligu kuntrattwalment stabbilit li s-servizzi jiġu pprovduti f’post speċifiku. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk min-natura nnifisha tas-servizzi miftiehma jirriżultax li dawn jistgħu jiġu pprovduti biss, kollha kemm huma, barra mill-Istat ta’ residenza abitwali tal-konsumatur.

52

Meta, kif jipprevedu l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-post ta’ twettiq materjali tas-servizz ikun jinsab f’pajjiż differenti minn dak li fih jibbenefika l-konsumatur, għandu jitqies li s-servizzi huma pprovduti “esklużivament” barra mill-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-konsumatur biss meta dan tal-aħħar ma jkollu ebda possibbiltà li jirċievi dan il-benefiċċju fl-Istat ta’ residenza tiegħu u jkollu jmur barra mill-pajjiż għal dan il-għan.

53

F’dan il-każ, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li s-somom meħtieġa għall-adeżjoni għall-kumpannija tħallsu fuq kontijiet fiduċjarji ta’ TVP fl-Awstrija, li din ħallset id-dividendi lill-konsumaturi Awstrijaċi fuq kontijiet Awstrijaċi, li hija tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ informazzjoni li jirriżultaw mill-kuntratt fiduċjarju billi tibgħat rapporti dwar il-ġestjoni fiduċjarja tagħha lill-konsumaturi Awstrijaċi fl-Awstrija u l-fatt li hija għandha sit internet Awstrijak għall-attenzjoni tal-konsumaturi li fuqu dawn jistgħu jikkonsultaw informazzjoni u jeżerċitaw id-dritt ta’ vot tagħhom jindika – liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju – li dawn is-servizzi huma pprovduti mill-bogħod fil-pajjiż ta’ residenza tal-konsumatur. Minn dan jirriżulta li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 5(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u fl-Artikolu 6(4)(a) tar-Regolament Ruma I ma tapplikax.

54

Mill-punti preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Artikolu 6(4)(a) tar-Regolament Ruma I għandhom jiġu interpretati fis-sens li kuntratt fiduċjarju li bis-saħħa tiegħu servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu pprovduti, mill-bogħod, fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tiegħu mit-territorju ta’ pajjiż ieħor ma jaqax taħt l-esklużjoni prevista għal dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq it-tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt fiduċjarju, dwar il-ġestjoni ta’ sehem in akkomandita, li ma kinitx innegozjata individwalment u li bis-saħħa tagħha d-dritt applikabbli huwa tak tal-Istat tas-sede tas-soċjetà in akkomandita, hija inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

56

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I jipprevedu li, bħala prinċipju, kuntratt ta’ konsum huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

57

Fir-rigward tal-azzjoni ppreżentata fil-kawża prinċipali dwar konsumaturi residenti fl-Awstrija, bħala prinċipju, id-dritt Awstrijak għandu jirregola l-kuntratti fiduċjarji li l-imsemmija konsumaturi jkunu kkonkludew ma’ TVP. Għaldaqstant, jeħtieġ li jsir magħruf jekk il-klawżola ta’ għażla tal-liġi mdaħħla f’dawn il-kuntratti u li tindika l-liġi tas-sede ta’ TVP bħala dik applikabbli, jiġifieri d-dritt Ġermaniż, hija illegali inkwantu hija inġusta.

58

Għalkemm l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I jawtorizzaw, bħala prinċipju, l-użu ta’ klawżola relatata mal-għażla tal-liġi applikabbli, madankollu jeħtieġ li jitfakkar li tali klawżola, li tkun tinsab f’kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ minn professjonist, li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment u li twassal lill-konsumatur fi żball billi tagħtih l-impressjoni li tapplika biss il-liġi tal-Istat Membru tas-sede ta’ dan il-professjonist għall-kuntratt konkluż elettronikament mingħajr ma dan ikun ġie informat li jgawdi wkoll, bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, mill-protezzjoni żgurata lilu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt li jkun applikabbli fl-assenza ta’ din il-klawżola, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, hija inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation, C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 71).

59

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex limitati għal modalità speċifika ta’ konklużjoni ta’ kuntratti, jiġifieri, b’mod partikolari, il-mezz elettroniku, u huma ta’ portata ġenerali. Għaldaqstant huma għandhom iwasslu lill-qorti tar-rinviju tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżola ta’ għażla tal-liġi kontenzjuża jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jiġu ssodisfatti, liema fatt għandu jiġi vverifikat minn din il-qorti.

60

Mill-punti preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt fiduċjarju dwar il-ġestjoni ta’ sehem in akkomandita, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn professjonist u konsumatur, li ma kinitx ġiet innegozjata individwalment u li bis-saħħa tagħha d-dritt applikabbli huwa dak tal-Istat Membru tas-sede tas-soċjetà in akkomandita hija inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta twassal lill-konsumatur fi żball billi tagħtih l-impressjoni li hija biss il-liġi ta’ dan l-Istat Membru li tapplika għall-kuntratt, mingħajr ma tinformah dwar il-fatt li jibbenefika wkoll, bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, mill-protezzjoni żgurata lilu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt nazzjonali li tkun applikabbli fl-assenza ta’ din il-klawżola.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2)(e) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980, u l-Artikolu 1(2)(f) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), għandhom jiġu interpretati fis-sens li obbligi kuntrattwali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirriżultaw minn kuntratt fiduċjarju li għandu bħala għan il-ġestjoni ta’ sehem f’soċjetà in akkomandita, ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

 

2)

L-Artikolu 5(4)(b) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u l-Artikolu 6(4)(a) tar-Regolament Nru 593/2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li kuntratt fiduċjarju li bis-saħħa tiegħu servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu pprovduti, mill-bogħod, fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tiegħu mit-territorju ta’ pajjiż ieħor ma jaqax taħt l-esklużjoni prevista għal dawn id-dispożizzjonijiet.

 

3)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt fiduċjarju dwar il-ġestjoni ta’ sehem in akkomandita, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn professjonist u konsumatur, li ma kinitx ġiet innegozjata individwalment u li bis-saħħa tagħha d-dritt applikabbli huwa dak tal-Istat Membru tas-sede tas-soċjetà in akkomandita hija inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta twassal lill-konsumatur fi żball billi tagħtih l-impressjoni li hija biss il-liġi ta’ dan l-Istat Membru li tapplika għall-kuntratt, mingħajr ma tinformah dwar il-fatt li jibbenefika wkoll, bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 593/2008, mill-protezzjoni żgurata lilu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt nazzjonali li tkun applikabbli fl-assenza ta’ din il-klawżola.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.