SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija – Klawżola dwar id-determinazzjoni tar-rata tal-kambju bejn il-muniti – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Possibbiltà tal-qorti li tirrimedja l-klawżoli inġusti billi tirrikorri għal klawżoli ġenerali tad-dritt ċivili – Evalwazzjoni tal-interess tal-konsumatur – Sussistenza tal-kuntratt mingħajr klawżoli inġusti”

Fil-Kawża C‑260/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2018, fil-proċedura

Kamil Dziubak,

Justyna Dziubak

vs

Raiffeisen Bank International AG, prowadzący działalność w Polsce w formie oddziału pod nazwą Raiffeisen Bank International AG Oddział w Polsce, li qabel kienet Raiffeisen Bank Polska SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. u J. Dziubak, minn A. Plejewska, adwokat,

għal Raiffeisen Bank International AG, li kienet Raiffeisen Bank Polska SA, minn M. Bakuła u I. Stolarski, radcowie prawni, kif ukoll minn R. Cebeliński, adwokat,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn A. Howard, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u M. Siekierzyńska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2), tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Kamil Dziubak u Justyna Dziubak (iktar ’il quddiem il-“persuni li ssellfu”) u, min-naħa l-oħra, Raiffeisen Bank International AG, li kienet Raiffeisen Bank Polska SA (iktar ’il quddiem “Raiffeisen”), dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli li jirrigwardaw il-mekkaniżmu ta’ indiċjar użat f’kuntratt ta’ self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tlettax‑il premessa tad-Direttiva 93/13 tipprovdi:

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”.

4

L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

6

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

7

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-dritt Pollakk

8

L-Artikolu 56 tal-Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi:

“Att legali ma jipproduċix biss l-effetti li huma espressament imsemmija fih iżda anki dawk li jirriżultaw mil-liġi, mir-regoli ta’ kondotta soċjali u mill-użanzi.”

9

L-Artikolu 65 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“1.   Il-manifestazzjoni ta’ intenzjoni għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-prinċipji ta’ kondotta soċjali u mal-użanzi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom din tkun ġiet espressa.

2.   Fil-kuntratti għandu jitfittex x’kienet l-intenzjoni komuni tal-partijiet u x’inhu l-għan previst pjuttost milli wieħed jieqaf mas-sens letterali tal-kliem.”

10

L-Artikolu 3531 tal-Kodiċi Ċivili huwa fformulat kif ġej:

“Il-partijiet f’kuntratt huma liberi li jistabbilixxu r-relazzjoni legali tagħhom sakemm il-kontenut u l-għan tal-kuntratt ma jmorrux kontra l-karatteristiċi essenzjali (natura) ta’ tali relazzjoni, il-liġi jew ir-regoli ta’ kondotta soċjali.”

11

L-Artikolu 354 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“1.   Id-debitur huwa marbut jeżegwixxi l-obbligu tiegħu skont il-kontenut tiegħu u b’mod konformi mal-għan soċjo-ekonomiku tiegħu u mar-regoli ta’ kondotta soċjali, u jekk jeżistu f’tali kuntest, anki mal-użanzi.

2.   Il-kreditur huwa obbligat li jikkoopera bl-istess mod għall-eżekuzzjoni tal-obbligu.”

12

Skont l-Artikolu 3851 tal-Kodiċi Ċivili:

“1.   Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma jorbtux lill-konsumatur jekk dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità billi manifestament jippreġudikaw l-interessi tiegħu (klawżoli illeċiti). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.

2.   Meta klawżola ta’ kuntratt ma torbotx lill-konsumatur skont il-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta bid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt.

3.   Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali huma klawżoli kuntrattwali li l-konsumatur ma setax ikollu influwenza konkreta fuq il-kontenut tagħhom. Dawn huma b’mod partikolari klawżoli kuntrattwali meħuda minn mudell ta’ kuntratt propost lill-konsumatur mill-kontraent.

[...]”

13

L-Artikolu 3852 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Il-kompatibbiltà tal-klawżoli ta’ kuntratt mal-moralità għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li jitqiesu l-kontenut tiegħu, iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni tiegħu kif ukoll il-kuntratti l-oħra marbuta mal-kuntratt li fih jinsabu d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-evalwazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fl-14 ta’ Novembru 2008, il-persuni li ssellfu kkonkludew, bħala konsumaturi, kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ Raiffeisen. Dan il-kuntratt kien ifformulat fi zloty Pollakk (PLN), iżda indiċjat fuq munita barranija, jiġifieri l-frank Svizzeru (CHF), filwaqt li t-tul ta’ żmien ta’ dan is-self kien ta’ 480 xahar (40 sena).

15

Ir-regoli ta’ indiċjar tal-imsemmi self fuq il-munita inkwistjoni kienu ddeterminati mir-regolament ta’ self ipotekarju użat minn Raiffeisen u integrat fl-imsemmi kuntratt.

16

Il-punt 4 tal-paragrafu 7 tal-imsemmi regolament jipprevedi, essenzjalment, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsir f’PLN fuq il-bażi ta’ rata tal-kambju li tkun mill-inqas daqs ir-rata tal-kambju applikabbli għall-prezz tax-xiri PLN-CHF li tidher fit-tabella tal-kambju applikabbli fl-imsemmi bank fil-mument tar-rilaxx tal-fondi, filwaqt li s-somma li tibqa’ dovuta fuq il-bażi ta’ dan is-self hija espressa f’CHF fuq il-bażi ta’ din ir-rata tal-kambju. Skont il-punt 2 tal-paragrafu 9 tal-istess regolament, il-pagamenti mensili ta’ rimbors tal-imsemmi self huma espressi f’CHF u jittieħdu mill-kont bankarju f’PLN fid-data tal-eżiġibbiltà tagħhom, din id-darba abbażi tar-rata tal-kambju applikabbli għall-prezz tal-bejgħ PLN‑CHF li tinsab fl-imsemmija tabella tal-kambju.

17

Ir-rata ta’ interessi tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet iffissata abbażi ta’ rata ta’ interessi varjabbli, iddefinita bħala s-somma tar-rata ta’ referenza LIBOR CHF 3M u tal-marġni stabbilit ta’ Raiffeisen.

18

Il-persuni li ssellfu adixxew lill-qorti tar-rinviju b’azzjoni intiża, prinċipalment, sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba n-natura allegatament inġusta tal-klawżoli li jirrigwardaw il-mekkaniżmu ta’ indiċjar deskritt fil-punt 16 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li dawn il-klawżoli huma illeċiti sa fejn dawn jippermettu lil Raiffeisen tiddetermina liberament u b’mod arbitrarju r-rata tal-kambju. Għalhekk, dan il-bank jiddetermina b’mod unilaterali l-ammont tal-bilanċ ta’ dan is-self iddenominat f’CHF kif ukoll l-ammont tal-pagamenti mensili espress f’PLN. Ladarba dawn il-klawżoli jitneħħew, ikun impossibbli li tiġi ddeterminata rata ta’ kambju korretta, b’tali mod li l-kuntratt ma jkunx jista’ jissussisti.

19

Sussidjarjament, huma jsostnu li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi eżegwit mingħajr dawn l-istess klawżoli abbażi tal-ammont tas-self iddenominat f’PLN, u tar-rata ta’ interessi prevista f’dan il-kuntratt ibbażata fuq ir-rata varjabbli LIBOR u fuq il-marġni stabbilit tal-bank.

20

Raiffeisen, waqt li tiċħad in-natura inġusta tal-klawżoli kkonċernati, issostni li, wara t-tneħħija eventwali tagħhom, il-partijiet jibqgħu marbuta mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Minflok il-klawżoli mneħħija u fl-assenza ta’ regoli supplenti li jiddeterminaw il-modalitajiet tal-iffissar tar-rata tal-kambju, għandhom jiġu applikati l-prinċipji ġenerali previsti fl-Artikoli 56, 65 u 354 tal-Kodiċi Ċivili.

21

Dan il-bank jikkontesta, barra minn hekk, li t-tneħħija tal-imsemmija klawżoli jista’ jkollha l-konsegwenza li teżegwixxi l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala self iddenominat f’PLN filwaqt li tiġi applikata r-rata ta’ interessi ddeterminata abbażi tal-LIBOR. L-użu tal-LIBOR CHF kif miftiehem mill-partijiet, minflok ir-rata ta’ interessi ogħla prevista għall-PLN, jiġifieri l-WIBOR, kien jirriżulta, fil-fehma tagħha, biss mill-inklużjoni tal-mekkaniżmu ta’ indiċjar previst fil-klawżoli inkwistjoni.

22

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kuntratti ta’ self indiċjati fuq munita barranija, bħal dak inkwistjoni, ġew żviluppati fil-prattika. Il-kunċett ta’ tali kuntratt ta’ self ġie introdott fil-leġiżlazzjoni Pollakka biss matul is-sena 2011, madankollu din tal-aħħar sempliċement tipprevedi l-obbligu li jiġu ddefiniti fil-kuntratt ir-regoli partikolari li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-mekkaniżmu ta’ konverżjoni.

23

Hija tippreċiża, fir-rigward tal-klawżoli previsti fil-kuntratt ta’ self inkwistjoni, li hija titlaq mill-premessa li dawn huma inġusti u għalhekk ma jorbtux lill-persuni li ssellfu.

24

Din il-qorti tirrileva li, mingħajr l-imsemmija klawżoli, huwa impossibbli li tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju u għalhekk li jiġi eżegwit il-kuntratt ta’ self inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi, qabelxejn, b’riferiment għas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282), jekk, fil-każ fejn l-annullament ta’ dan il-kuntratt ikun sfavorevoli għall-konsumatur, huwiex possibbli li dan il-kuntratt jiġi rrimedjat abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mhux ta’ dritt supplenti, iżda ta’ natura ġenerali, li jirreferu għal regoli ta’ kondotta soċjali u għal użanzi, bħal dawk previsti fl-Artikoli 56 u 354 tal-Kodiċi Ċivili. Għalkemm huwa possibbli li dawn ir-regoli u dawn l-użanzi jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rata tal-kambju applikabbli hija dik li hija applikata minn Raiffeisen, kif jirriżulta mill-klawżoli kkontestati, jista’ wkoll jiġi aċċettat, skont il-qorti tar-rinviju, li din tkun ir-rata tal-kambju tas-suq jew dik stabbilita mill-bank ċentrali.

25

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, l-imsemmija qorti tistaqsi, barra minn hekk, dwar jekk, meta l-qorti tqis li l-annullament ta’ kuntratt jipproduċi effetti sfavorevoli għall-konsumatur, huwiex possibbli li tinżamm il-klawżola inġusta li tinsab f’dan il-kuntratt, anki jekk il-konsumatur ma jkunx esprima l-intenzjoni tiegħu li jkun marbut minn din tal-aħħar.

26

Il-qorti tar-rinviju tosserva, sussegwentement, li sabiex jiġi stabbilit jekk l-annullament ta’ kuntratt jipproduċix effetti sfavorevoli għall-konsumatur, huwa neċessarju li jiġu ddefiniti l-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti u, b’mod partikolari, il-mument li fih dawn għandhom jiġu evalwati. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk hija tistax twettaq l-evalwazzjoni tal-effetti prodotti mill-annullament tal-kuntratt ikkonċernat kontra r-rieda tal-konsumatur, jiġifieri jekk il-konsumatur jistax jopponi li dan il-kuntratt jiġi kkompletat jew li l-mod ta’ eżekuzzjoni tiegħu jiġi stabbilit abbażi ta’ regoli li jinkludu klawżoli ġenerali meta, kontra l-opinjoni ta’ dan tal-aħħar, hija tqis li t-tkomplija tal-imsemmi kuntratt tista’ tkun iktar favorevoli għal dan il-konsumatur mill-annullament tiegħu.

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, fl-aħħar nett, dwar l-interpretazzjoni tal-kliem “jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”, li jinsabu fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. L-imsemmija qorti tesponi li ż-żamma tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taħt forma mibdula bħal dik deskritta fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, anki jekk din iż-żamma ma hijiex oġġettivament impossibbli, tista’ tmur kontra l-prinċipji ġenerali li jillimitaw il-libertà kuntrattwali previsti mid-dritt Pollakk u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3531 tal-Kodiċi Ċivili, peress li ma hemm ebda dubju li l-indiċjar ta’ dan is-self jikkostitwixxi l-unika bażi tar-rata ta’ interessi bbażata fuq ir-rata LIBOR CHF kif miftiehma mill-partijiet waqt il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 1(2) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill [93/13] jippermettu – jekk id-determinazzjoni, bħala inġusti, ta’ ċertu dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistabbilixxu l-mod li bih obbligu għandu jitwettqa mill-partijiet (l-ammont tiegħu) kellha twassal għall-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu, li jkun sfavorevoli għall-konsumatur – li l-lakuni fil-kuntratt ma jiġux mimlija skont dispożizzjoni supplimentari [supplenti] tal-liġi li espliċitament tissostitwixxi l-klawżola inġusta, iżda pjuttost skont dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu l-ikkompletar tal-effetti ta’ tranżazzjoni legali kif espressa fis-sostanza tagħha bl-effetti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwità (regoli ta’ kondotta soċjali) jew minn użanzi stabbiliti?

2)

L-evalwazzjoni eventwali tal-konsegwenzi, fir-rigward tal-konsumatur, tal-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu għandha ssir abbażi taċ-ċirkustanzi eżistenti meta dan ġie konkluż jew abbażi ta’ dawk eżistenti meta qamet it-tilwima bejn il-partijiet dwar l-effettività tal-klawżola inkwistjoni (meta l-konsumatur saħaq li l-klawżola kienet inġusta), u x’rilevanza għandha tingħata lill-pożizzjoni meħuda mill-konsumatur f’tali tilwima?

3)

Dispożizzjonijiet li skont id-Direttiva [93/13] jikkostitwixxu klawżoli kuntrattwali inġusti jistgħu jinżammu jekk l-adozzjoni ta’ din is-soluzzjoni tkun oġġettivament ta’ benefiċċju għall-konsumatur fil-mument tar-riżoluzzjoni tat-tilwima?

4)

Id-dikjarazzjoni, bħala inġusti, ta’ ċertu dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistabbilixxu l-ammont u l-mod ta’ twettiq ta’ obbligu mill-partijiet tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha l-forma tar-relazzjoni ġuridika ddeterminata abbażi tal-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-effetti tal-klawżoli inġusti, tista’ tkun differenti minn dik intiża mill-partijiet fir-rigward tal-għan prinċipali tal-partijiet; b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni ta’ dispożizzjoni kuntrattwali bħala inġusta tfisser li dispożizzjonijiet kuntrattwali oħra, relatati mal-obbligu prinċipali tal-konsumatur li fir-rigward tagħhom ma ġiex invokat li huma inġusti, jistgħu jkompli japplikaw meta l-forma ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (l-inkorporazzjoni tagħhom fil-kuntratt) kienet b’mod indissoċjabbli marbuta mad-dispożizzjoni kkontestata mill-konsumatur?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2019, Raiffeisen talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Settembru 2019, din il-parti esponiet il-motivi li jsostnu t-talba tagħha għal dan il-ftuħ mill-ġdid.

30

F’dan ir-rigward, Raiffeisen issostni, essenzjalment, li l-Avukat Ġenerali b’mod żbaljat jippreżumi, fil-konklużjonijiet tiegħu, fl-ewwel lok, li d-dritt Pollakk ma jinkludi ebda regola legali supplenti li tiddefinixxi direttament ir-regoli ta’ konverżjoni monetarja, meta tali regola ddaħħlet fl-Artikolu 358(2) tal-Kodiċi Ċivili; fit-tieni lok, li l-qorti nazzjonali hija msejħa “tifforma” l-kuntratt u twettaq xogħol “ta’ interpretazzjoni jew ta’ kreazzjoni” fid-determinazzjoni tal-kontenut tal-kuntratt, meta, fil-Polonja, il-prattika fis-seħħ hija dik li tiġi applikata r-rata medja tal-bank ċentrali; u, fl-aħħar lok, li l-annullament ta’ kuntratt ta’ self għandu fil-prinċipju l-konsegwenza li l-bilanċ li jibqa’ dovut isir immedjatament eżiġibbli, meta d-dritt Pollakk jipprevedi tipi oħra ta’ konsegwenzi tal-annullament ta’ tali kuntratt, ħafna iktar onerużi għall-konsumatur. Din il-parti ssostni wkoll illi, li kieku kien aċċettat, bħalma jissuġġerixxi l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kuntratt ta’ self indiċjat fuq iċ-CHF, bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali, jista’ jinbidel f’kuntratt li ma jibqax indiċjat fuq din il-munita filwaqt li jibqa’ b’rata ta’ interessi marbuta ma’ din tal-aħħar, dan ikollu konsegwenzi negattivi ta’ portata sproporzjonata għas-settur bankarju Pollakk.

31

Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

32

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-elementi mressqa minn Raiffeisen ma jikkostitwixxux fatti ġodda ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, dawn l-elementi jistgħu, sa fejn jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk, ikunu iktar u iktar rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju. Mill-banda l-oħra, dawn ma humiex rilevanti għar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi kif magħmula minn dik il-qorti. Barra minn hekk, l-elementi dwar in-natura sproporzjonata tal-bidla tal-kuntratt kif deskritta minn Raiffeisen sempliċement jiżviluppaw l-osservazzjonijiet bil-miktub li hija kienet diġà ressqet.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq ir-raba’ domanda

34

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għaliha għandha l-ewwel tingħata risposta, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li qorti nazzjonali, wara li tkun ikkonstatat in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ kuntratt ta’ self indiċjat fuq munita barranija flimkien ma’ rata ta’ interessi direttament marbuta mar-rata interbankarja tal-munita kkonċernata, tqis, skont id-dritt intern tagħha, li dan il-kuntratt ma jistax jissussisti mingħajr dawn il-klawżoli għar-raġuni li t-tneħħija tagħhom ikollha l-konsegwenza li tbiddel in-natura tas-suġġett prinċipali tal-imsemmi kuntratt.

35

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-klawżoli kkontestati mill-persuni li ssellfu jirrigwardaw il-mekkaniżmu tal-indiċjar tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-munita kkonċernata, billi dan l-indiċjar isir b’tali mod li l-persuni li ssellfu għandhom ibatu l-ispejjeż marbuta mad-differenza fil-kambju bejn ir-rata tal-kambju applikabbli għall-prezz tax-xiri ta’ din il-munita użata għar-rilaxx tal-fondi u r-rata tal-kambju applikabbli għall-prezz tal-bejgħ tagħha użat għall-ħlasijiet mensili ta’ rimbors. Peress li l-qorti tar-rinviju kkonstatat in-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibqa’ fis-seħħ mingħajr l-imsemmija klawżoli, sa fejn l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, ladarba jkun nieqes mill-mekkaniżmu ta’ indiċjar magħżul, tkun tfisser li jiġi eżegwit tip ieħor ta’ kuntratt meta mqabbel ma’ dak konkluż mill-partijiet.

36

Fil-fatt, skont din il-qorti, il-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jibqax għalhekk indiċjat fuq l-imsemmija munita, filwaqt li r-rata ta’ interessi tibqa’ bbażata fuq ir-rata, iktar baxxa, ta’ din l-istess munita. Tali bidla, li taffettwa s-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, tista’ tmur kontra l-prinċipji ġenerali li jillimitaw il-libertà kuntrattwali previsti mid-dritt Pollakk u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3531 tal-Kodiċi Ċivili.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom. Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprevedu mekkaniżmu li jiżgura li kull klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali tista’ tiġi mistħarrġa sabiex tiġi evalwata n-natura possibbilment inġusta tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punti 4950).

38

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri, u li l-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini jekk dan ikun jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżoli inġusti.

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari t-tieni parti tas-sentenza, ma hijiex intiża sabiex tannulla l-kuntratti kollha li jinkludu klawżoli inġusti, iżda sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar, filwaqt li huwa speċifikat li l-kuntratt inkwistjoni għandu, bħala prinċipju, jissussisti mingħajr ebda bidla għajr dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti. Sakemm din il-kundizzjoni tal-aħħar tkun issodisfatta, il-kuntratt inkwistjoni jista’, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jinżamm sakemm, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali persistenza tal-kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti hija legalment possibbli, punt li għandu jiġi vverifikat b’approċċ oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punti 4051, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 57).

40

Minn dan isegwi li t-tieni parti tas-sentenza fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma tistabbilixxix hija stess il-kriterji li jirregolaw il-possibbiltà għal kuntratt li jissussisti mingħajr il-klawżoli inġusti, iżda tħalli dan f’idejn l-ordinament ġuridiku nazzjonali li għandu jistabbilixxihom filwaqt li josserva d-dritt tal-Unjoni, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu. B’hekk, huwa bħala prinċipju fid-dawl tal-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali li, f’sitwazzjoni konkreta, il-possibbiltà taż-żamma ta’ kuntratt li ċerti klawżoli tiegħu ġew invalidati għandha tiġi eżaminata.

41

Fir-rigward tal-limiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu osservati, f’dan il-kuntest, mid-dritt nazzjonali, għandu jiġi ppreċiżat, b’mod partikolari, li, skont l-approċċ oġġettiv imsemmi fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, ma huwiex permess li s-sitwazzjoni ta’ waħda mill-partijiet kontraenti tkun ikkunsidrata, fid-dritt nazzjonali, bħala l-kriterju determinanti li jirregola l-futur tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 32).

42

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tidher li ma teskludix li, wara s-sempliċi tneħħija tal-klawżoli dwar id-differenza fil-kambju, il-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’, bħala prinċipju, jissussisti taħt forma mibdula kif deskritta fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, iżda tiddubita mill-possibbiltà li d-dritt intern tagħha jippermetti tali bidla għal dan il-kuntratt.

43

Issa, minn dak li ġie kkunsidrat fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, jekk qorti nazzjonali tqis li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern tagħha, iż-żamma ta’ kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti li fih ma hijiex possibbli, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix li, fil-prinċipju, dan jiġi invalidat.

44

Dan jgħodd iktar u iktar, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, jidher li jirriżulta li l-annullament tal-klawżoli kkontestati mill-persuni li ssellfu jwassal mhux biss għat-tneħħija tal-mekkaniżmu ta’ indiċjar u d-diskrepanza fil-kambju, iżda, indirettament, ukoll għat-tneħħija tar-riskju tal-kambju, li huwa marbut direttament mal-indiċjar tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq munita. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klawżoli dwar ir-riskju tal-kambju jiddefinixxu s-suġġett prinċipali ta’ kuntratt ta’ self bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-possibbiltà oġġettiva taż-żamma tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher, f’dawn iċ-ċirkustanzi, inċerta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punti 4852 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għar-raba’ domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix li qorti nazzjonali, wara li tkun ikkonstatat in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ kuntratt ta’ self indiċjat fuq munita barranija b’rata ta’ interessi direttament marbuta mar-rata interbankarja tal-munita kkonċernata, tqis, skont id-dritt intern tagħha, li dan il-kuntratt ma jistax jissussisti mingħajr dawn il-klawżoli għar-raġuni li t-tneħħija tagħhom ikollha l-konsegwenza li tbiddel in-natura tas-suġġett prinċipali tal-imsemmi kuntratt.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, il-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-konsumatur ikkawżati mill-invalidazzjoni ta’ kuntratt kollu kemm hu, kif previsti fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282), għandhom jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt iktar milli ta’ dawk eżistenti jew prevedibbli fil-mument tat-tilwima, u li, min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, ir-rieda li l-konsumatur ikun esprima f’dan ir-rigward hija determinanti.

47

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mir-risposta għar-raba’ domanda, jekk il-qorti tar-rinviju tqis, skont id-dritt intern tagħha, li huwa impossibbli li l-kuntratt ta’ self ikkonċernat jinżamm wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti li huwa jinkludi, dan il-kuntratt ma jkunx jista’, bħala prinċipju, jissussisti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, u jkollu għaldaqstant jiġi invalidat.

48

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imsemmi Artikolu 6(1) ma jipprekludix li l-qorti nazzjonali jkollha l-possibbiltà li tissostitwixxi klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ natura supplenti jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni, filwaqt li, madankollu, illimitat din il-possibbiltà għall-ipoteżijiet fejn it-tneħħija ta’ din il-klawżola inġusta tobbliga lill-qorti tinvalida dan il-kuntratt kollu kemm hu, hekk li l-konsumatur jiġi espost għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’tali mod li dan tal-aħħar jiġi ppenalizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 80 sa 84, u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 64).

49

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-mument li fih dawn il-konsegwenzi għandhom jiġu evalwati, għandu jiġi rrilevat li din il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni taqa’ kompletament taħt l-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 li huwa, kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, dak ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dan tal-aħħar u l-bejjiegħ jew il-fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 57).

50

Issa, peress li din il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni sservi sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur, billi tissalvagwardja l-interessi tiegħu mill-konsegwenzi possibbilment dannużi li jistgħu jirriżultaw mill-invalidazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni kollu kemm hu, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-konsegwenzi għandhom neċessarjament jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti jew prevedibbli fil-mument tat-tilwima.

51

Fil-fatt, il-protezzjoni tal-konsumatur tista’ tiġi żgurata biss jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi reali u għalhekk attwali tiegħu, u mhux l-interessi li kienu tiegħu fiċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu. Bl-istess mod, il-konsegwenzi li minnhom dawn l-interessi għandhom jiġu protetti huma dawk li jseħħu realment, fiċ-ċirkustanzi eżistenti jew prevedibbli fil-mument tat-tilwima, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali tipproċedi bl-invalidazzjoni ta’ dan il-kuntratt, u mhux dawk li jirriżultaw, fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, mill-invalidazzjoni tiegħu.

52

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ippreġudikata mill-fatt, irrilevat minn Raiffeisen, li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jorbot l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, “waqt il-konklużjoni tal-kuntratt”, maċ-ċirkustanzi kollha madwar il-konklużjoni tagħha, peress li l-iskop ta’ din l-evalwazzjoni huwa fundamentalment distint minn dak tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn invalidazzjoni tal-kuntratt.

53

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-importanza li għandha tingħata lir-rieda espressa mill-konsumatur f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiċħad, jekk meħtieġ ex officio, il-klawżoli inġusti konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li din il-qorti ma hijiex obbligata li ma tapplikax il-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie avżat mill-imsemmija qorti, jagħżel li ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti tagħha, sabiex b’hekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 23, 2735, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

B’hekk, id-Direttiva 93/13 ma twassalx sabiex trendi vinkolanti s-sistema ta’ protezzjoni kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti mill-bejjiegħa jew fornituri li hija stabbilixxiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Konsegwentement, meta l-konsumatur jippreferi li ma jipprevalixxix ruħu minn din is-sistema ta’ protezzjoni, din ma tiġix applikata.

55

Bl-istess mod, sa fejn l-imsemmija sistema ta’ protezzjoni kontra l-klawżoli inġusti ma tapplikax jekk il-konsumatur jopponi ruħu għaliha, dan il-konsumatur għandu a fortiori jkollu d-dritt li jopponi ruħu, skont din l-istess sistema, għall-protezzjoni kontra l-konsegwenzi dannużi kkawżati mill-invalidazzjoni tal-kuntratt kollu kemm hu meta huwa ma jkunx jixtieq jinvoka din il-protezzjoni.

56

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, il-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-konsumatur ikkawżati mill-invalidazzjoni ta’ kuntratt kollu kemm hu, kif previsti fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282), għandhom jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti jew prevedibbli fil-mument tat-tilwima, u li, min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, ir-rieda li l-konsumatur ikun esprima f’dan ir-rigward hija determinanti.

Fuq l-ewwel domanda

57

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li jiġu rrimedjati l-lakuni ta’ kuntratt, ikkawżati mit-tneħħija ta’ klawżoli inġusti li jkunu jinsabu fih, abbażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali li jipprovdu li l-effetti espressi f’att legali għandhom jiġu kkompletati, b’mod partikolari, mill-effetti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwità jew mill-użanzi.

58

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 fis-sens li dan ma jipprekludix li, meta l-invalidazzjoni ta’ kuntratt kollu kemm hu tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, il-qorti nazzjonali tirrimedja għan-nullità tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt billi tissostitwixxihom b’dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ natura supplenti jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet għall-imsemmi kuntratt.

59

Għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija possibbiltà ta’ sostituzzjoni, li hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-kuntratt inkwistjoni jibqa’ vinkolanti għall-partijiet biss jekk dan ikun jista’ jissussisti mingħajr il-klawżoli inġusti li fih, hija limitata għad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern ta’ natura supplenti jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-raġuni li tali dispożizzjonijiet huma intiżi li ma jinkludux klawżoli inġusti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 81, u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 59).

60

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet huma preżunti li jirriflettu l-bilanċ li l-leġiżlatur nazzjonali ried jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti għall-każijiet fejn il-partijiet jew ma tbegħdux minn regola standard prevista mil-leġiżlatur nazzjonali għall-kuntratti kkonċernati, jew inkella espressament għażlu l-applikabbiltà ta’ regola stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali għal dan il-għan.

61

Madankollu, f’dan il-każ, anki jekk jitqies li dispożizzjonijiet bħal dawk previsti mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tan-natura ġenerali tagħhom u tan-neċessità li dawn jiġu reżi operattivi, jistgħu utilment jissostitwixxu l-klawżoli inġusti kkonċernati b’sempliċi operazzjoni ta’ sostituzzjoni mwettqa mill-qorti nazzjonali, dawn ma jidhrux, fi kwalunkwe każ, li kienu suġġetti għal evalwazzjoni speċifika tal-leġiżlatur sabiex jistabbilixxi dan il-bilanċ, b’tali mod li dawn id-dispożizzjonijiet ma jibbenefikawx mill-preżunzjoni ta’ assenza tan-natura inġusta msemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu.

62

Fid-dawl tal-premess, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li jiġu rrimedjati l-lakuni ta’ kuntratt, ikkawżati mit-tneħħija ta’ klawżoli inġusti li jinsabu fih, fuq il-bażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali li jipprovdu li l-effetti espressi f’att legali għandhom jiġu kkompletati, b’mod partikolari, mill-effetti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwità jew mill-użanzi, li ma humiex dispożizzjonijiet supplenti u lanqas dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt.

Fuq it-tielet domanda

63

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi ż-żamma ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt meta t-tneħħija tagħhom twassal għall-invalidazzjoni ta’ dan il-kuntratt u l-qorti tqis li din l-invalidazzjoni toħloq effetti sfavorevoli għall-konsumatur.

64

B’mod preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li din id-domanda tirrigwarda l-każ fejn ma jkunx permess li l-klawżoli inġusti jiġu ssostitwiti skont il-modalitajiet previsti fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

65

Għandu jitfakkar li l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 teżiġi li l-Istati Membri jipprevedu li l-klawżoli inġusti “ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”.

66

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li meta l-qorti nazzjonali tikkunsidra klawżola kuntrattwali bħala inġusta, hija għandha ma tapplikahiex, obbligu li għalih ma hemmx eċċezzjoni ħlief jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie avżat mill-imsemmija qorti, jagħżel li ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti tagħha, u b’hekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni, kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

67

Għalhekk, jekk il-konsumatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu u lanqas ma jopponi espressament għaż-żamma tal-klawżoli inġusti kkonċernati, kif dan jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-imsemmija eċċezzjoni ma tkunx applikabbli.

68

Fid-dawl tal-premess, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi ż-żamma ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt meta t-tneħħija tagħhom twassal għall-invalidazzjoni ta’ dan il-kuntratt u l-qorti tqis li din l-invalidazzjoni toħloq effetti sfavorevoli għall-konsumatur, jekk dan tal-aħħar ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għal din iż-żamma.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li qorti nazzjonali, wara li tkun ikkonstatat in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ kuntratt ta’ self indiċjat fuq munita barranija b’rata ta’ interessi direttament marbuta mar-rata interbankarja tal-munita kkonċernata, tqis, skont id-dritt intern tagħha, li dan il-kuntratt ma jistax jissussisti mingħajr dawn il-klawżoli għar-raġuni li t-tneħħija tagħhom ikollha l-konsegwenza li tbiddel in-natura tas-suġġett prinċipali tal-imsemmi kuntratt.

 

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, il-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-konsumatur ikkawżati mill-invalidazzjoni ta’ kuntratt kollu kemm hu, kif previsti fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282), għandhom jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti jew prevedibbli fil-mument tat-tilwima, u li, min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, ir-rieda li l-konsumatur ikun esprima f’dan ir-rigward hija determinanti.

 

3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jiġu rrimedjati l-lakuni ta’ kuntratt, ikkawżati mit-tneħħija ta’ klawżoli inġusti li jinsabu fih, fuq il-bażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali li jipprovdu li l-effetti espressi f’att legali għandhom jiġu kkompletati, b’mod partikolari, mill-effetti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwità jew minn użanzi, li ma humiex dispożizzjonijiet supplenti u lanqas dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt.

 

4)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi ż-żamma ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt meta t-tneħħija tagħhom twassal għall-invalidazzjoni ta’ dan il-kuntratt u l-qorti tqis li din l-invalidazzjoni toħloq effetti sfavorevoli għall-konsumatur, jekk dan tal-aħħar ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għal din iż-żamma.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.