Kawża C‑236/18

GRDF SA

vs

Eni Gas & Power France SA et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad‑19 ta’ Diċembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 41(11) – Riżoluzzjoni tat-tilwim relatat mal-obbligi imposti fuq l-operatur ta’ sistema – Effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet tal-awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi”

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kundizzjonijiet għall-aċċess għas-sistema imposti fuq il-fornituri ta’ gass naturali mill-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni – Klawżola kuntrattwali li timponi fuq il-fornituri jbatu r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas relatat mal-ammonti dovuti mill-klijenti finali abbażi tat-tariffa ta’ distribuzzjoni – Inklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, Artikoli 32(1), 41(1)(a) u (b), (10) u (11))

    (ara l-punti 23 sa 26)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73 – Kompitu u setgħat tal-awtorità regolatorja – Kuntratti għat-trażmissjoni ta’ gass bejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-fornituri– Klawżola kuntrattwali li timponi fuq il-fornituri jbatu r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas relatat mal-ammonti dovuti mill-klijenti finali abbażi tat-tariffa ta’ distribuzzjoni – Obbligi imposti fuq l-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni – Sistema ta’ aċċess għas-sistema bbażata fuq tariffi ppubblikati, applikati oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema – Awtorità regolatorja li taġixxi bħala awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima – Deċiżjoni tal-awtorità regolatorja li timponi li l-kuntratt isir konformi mad-Direttiva għall-perijodu kuntrattwali kollu – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Assenza

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/55, Artikolu 33(1), u 2009/73, premessi 4, 6, 25 u 40 u Artikoli 1, 32(1), 41(1)(b), (10) u (11))

    (ara l-punti 29 sa 52, u d-dispożittiv)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-portata ratione temporis tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-kuntest tal-kompitu tagħhom ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim dwar is-suq tal-gass naturali

Fis-sentenza GRDF (C‑236/18), mogħtija fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-portata ratione temporis tas-setgħa ta’ deċiżjoni mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, fil-kuntest tal-kompitu tagħhom ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim dwar is-suq tal-gass naturali, mill-Artikolu 41(11) tad-Direttiva 2009/73 dwar is-suq intern tal-gass naturali ( 1 ).

Din il-kawża tirriżulta minn tilwima bejn żewġ fornituri ta’ gass naturali u GRDF, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali fi Franza, u li tirrigwarda l-validità ta’ klawżola inkluża fil-kuntratti tagħhom għat-trażmissjoni ta’ gass naturali permezz tas-sistema ta’ distribuzzjoni, konklużi fl‑2005 u fl‑2008. Skont din il-klawżola, il-fornituri kellhom jiġbru, fil-kuntest tal-kuntratti konklużi mal-klijenti finali, l-ammonti dovuti abbażi tat-tariffa tas-servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ GRDF u jħallsuhom lilha, inkluż meta l-klijenti finali ma kinux ħallsuhom. Fl‑2014, deċiżjoni tal-korp għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-Commission de régulation de l’énergie (il-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija; iktar ’il quddiem iċ-“CRE”) ikkonstatat l-inkompatibbiltà tal-kuntratti mad-Direttiva sa mid-data tal-konklużjoni tagħhom. Peress li din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell, GRDF għaldaqstant adixxiet lill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li ddeċidiet li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/73 kinitx tipprekludi li deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja tipproduċi effetti qabel il-bidu tat-tilwima bejn il-partijiet.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari, sa fejn din id-domanda kienet ibbażata fuq il-premessa li l-obbligu impost fuq il-fornituri ta’ gass mill-operatur tas-sistema, li jikkostitwixxi kundizzjoni għall-aċċess għall-imsemmija sistema, kien prattika inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73.

Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija direttiva ma kinitx tipprekludi li awtorità regolatorja, li taġixxi bħala awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, tadotta deċiżjoni li tordna lill-operatur tas-sistema jirrendi kuntratt għat-trażmissjoni ta’ gass naturali konkluż ma’ operatur konformi mad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu kuntrattwali kollu, inkluż għaldaqstant għall-perijodu preċedenti għall-bidu tat-tilwima bejn il-partijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox irrilevat li l-Artikolu 41(11) tad-Direttiva 2009/73 ma kienx jippreċiża liema kienu l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja li taġixxi bħala awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima. Filwaqt li sussegwentement interpretat l-imsemmija dispożizzjoni fid-dawl tal-għan u tal-kuntest tad-Direttiva 2007/73, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, skont l-Artikolu 41(1)(b) tad-Direttiva 2009/73, l-awtorità regolatorja għandha l-kompitu li tiżgura l-osservanza tal-obbligi imposti fuq l-operaturi ta’ sistema, fosthom dak li japplikaw is-sistema ta’ aċċess ta’ terzi għas-sistema b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema.Dan jimplika l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-awtorità regolatorja jkollha, skont l-Artikolu 41(10) tad-Direttiva 2009/73, is-setgħa tieħu deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward tal-impriżi ta’ gass naturali, billi timponilhom jimmodifikaw skont il-ħtieġa l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u għall-aċċess għas-sistema, inklużi t-tariffi, b’mod li dawn ikunu proporzjonati u applikati b’mod nondiskriminatorju.

Issa, il-fatt li l-portata ratione temporis ta’ deċiżjoni tal-awtorità regolatorja, li taġixxi bħala awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, tiġi limitata għall-perijodu sussegwenti għall-bidu tat-tilwima bejn il-partijiet, imur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2009/73 u jimmina l-effett utli tagħha.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, barra minn hekk, li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(11) tad-Direttiva 2009/73 ma hijiex ikkontestata la mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, u lanqas mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, minn naħa, għalkemm qorti nazzjonali tista’ eċċezzjonalment tiġi awtorizzata, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat, il-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ, ma rreferietx għal elementi konkreti li jistgħu jistabbilixxu riskji speċifiċi ta’ inċertezza legali.

Min-naħa l-oħra, għalkemm GRDF sostniet li l-kuntratti għal trażmissjoni inkwistjoni kienu ġew innegozjati taħt l-awspiċji u s-superviżjoni taċ-CRE, hija ma stabbilixxietx li din tal-aħħar kienet tatha garanziji preċiżi fir-rigward tal-konformità tal-klawżola kontenzjuża, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


( 1 ) Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).