SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Artikolu 15(2) u Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjoni – Deċiżjoni li jingħalaq immedjatament stabbiliment kummerċjali – Assenza ta’ motivazzjoni – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Prevenzjoni tat-twettiq ta’ reati kriminali fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu fil-prostituzzjoni – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Natura proporzjonata tar-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment – Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ġenerali tad-dritt għal amministrazzjoni tajba”

Fil-Kawża C‑230/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

PI

vs

Landespolizeidirektion Tirol,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal PI, minn A. Zelinka, Rechtsanwalt,

għal-Landespolizeidirektion Tirol, minn C. Schmalzl, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) kif ukoll tal-Artikoli 41, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn PI u l-Landespolizeidirektion Tirol (id-Direttorat Reġjonali tal-Pulizija ta’ Tirol, l-Awstrija, iktar ’il quddiem id-“Direttorat Reġjonali”) dwar il-legalità tal-għeluq ta’ stabbiliment kummerċjali ġestit minn PI.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

3

L-Artikolu 15 tal-Karta, intitolat “Il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol”, jipprevedi:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.

2.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta’ stabbiliment u li jagħti servizzi f’kull Stat Membru.

[…]”

4

L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) jispeċifikaw, fir-rigward tal-Artikolu 15(2) tal-Karta, li din id-dispożizzjoni tirrifletti t-tliet libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 26 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE u 56 TFUE, jiġifieri l-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

5

Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, intitolat “Il-libertà ta’ intrapriża”:

“Il-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.”

6

L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jispeċifikaw, fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-Karta, li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li rrikonoxxiet il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali u l-libertà kuntrattwali, kif ukoll fuq l-Artikolu 119(1) u (3) TFUE, li jirrikonoxxi l-kompetizzjoni ħielsa.

7

L-Artikolu 35 tal-Karta, intitolat “Il-protezzjoni tas-saħħa”, huwa fformulat hekk:

“Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. […]”

8

L-Artikolu 41 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2.   Dan id-dritt jinkludi:

a)

id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

b)

id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

ċ)

l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

[…]”

9

L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, huwa fformulat kif ġej:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

10

L-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

11

L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. […]”

12

L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi:

“1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

2.   Id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fihom.

[…]

7.   L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri.”

Id-Direttiva 2006/123/KE

13

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5)

‘stabbiliment’ tfisser is-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu 43 [KE], mill-fornitur għal perjodu indefinit u permezz ta’ infrastruttura stabbli li minnu n-negozju ta’ provvista ta’ servizzi qiegħed tassew iseħħ;

6)

‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha;

[…]”

14

Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”, jinkludi, fit-Taqsima 1 tiegħu, intitolata “Awtorizzazzjonijiet”, l-Artikoli 9 sa 13.

15

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skemi ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.”

16

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 10 tal-istess direttiva, li huwa intitolat “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.”

17

It-Taqsima 2, intitolata “[Ħ]tiġijiet ipprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni”, tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 tinkludi l-Artikoli 14 u 15 tagħha.

Id-dritt Awstrijak

18

L-Artikolu 14 tat-Tiroler Landes-Polizeigesetz (il-Liġi tal-Pulizija tal-Land ta’ Tirol), tas-6 ta’ Lulju 1976 (LGB1. Nru 60/1976), fil-verżjoni li tirriżulta mill-aħħar emenda tagħha (LGB1. Nru 56/2017) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-Pulizija”), intitolat “Projbizzjoni”, jipprevedi:

“Huwa pprojbit:

(a)

li jiġi ttollerat, fuq bażi professjonali, it-twettiq ta’ atti sesswali fuq il-ġisem tal-persuna kkonċernata stess jew li jitwettqu, fuq bażi professjonali, atti sesswali (prostituzzjoni) barra mill-istabbilimenti ta’ prostituzzjoni awtorizzati (Artikolu 15)

[…]”

19

L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi, intitolat “Awtorizzazzjoni għall-operat ta’ stabbiliment ta’ prostituzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Stabbiliment ta’ prostituzzjoni huwa stabbiliment li fih tiġi eżerċitata l-prostituzzjoni. Stabbiliment ta’ prostituzzjoni jista’ jiġi operat biss b’awtorizzazzjoni (awtorizzazzjoni għall-operat ta’ stabbiliment ta’ prostituzzjoni).”

20

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi, li huwa intitolat “Dispożizzjoni kriminali”, huwa fformulat hekk:

“Il-persuna li topera stabbiliment ta’ prostituzzjoni mingħajr awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15 tikser dispożizzjoni amministrattiva u għandha tiġi suġġetta għal multa li tista’ tilħaq l-ammont ta’ EUR 36000 u, fil-każ li ma titħallasx il-multa, għandha tiġi imposta miżura li timplika ċaħda tal-libertà għal perijodu li jista’ jkun ta’ mhux iktar minn 4 ġimgħat.”

21

Skont l-Artikolu 19a tal-istess liġi, intitolat “Sorveljanza u għeluq ta’ stabbiliment ta’ prostituzzjoni”:

“1.   Meta, minħabba punti ta’ fatt konkreti, ikun possibbli li jkunu stabbiliti suspetti dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 19(1) jew (2), l-awtorità kompetenti u l-korpi tal-forzi taż-żamma tal-ordni huma awtorizzati […] jidħlu fil-bini u fil-postijiet li milli jidher ikunu jintużaw għall-eżerċizzju illegali tal-prostituzzjoni. Il-proprjetarji jew il-lokatarji ta’ tali bini jew postijiet huma b’hekk obbligati jittolleraw l-aċċess għall-bini jew għall-postijiet tagħhom. L-eżerċizzju ta’ miżuri koerċittivi diretti huwa awtorizzat.

[…]

3.   Meta, minħabba punti ta’ fatt konkreti, ikun possibbli li jkunu stabbiliti suspetti dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 19(2), u meta jkun hemm lok li jitqies li kompla l-operat illegali ta’ stabbiliment ta’ prostituzzjoni, l-awtorità kompetenti tista’, anki mingħajr proċedura minn qabel, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex twaqqaf l-operat tal-istabbiliment ta’ prostituzzjoni, u b’mod partikolari tista’ tordna, fuq il-post, l-għeluq tal-istabbiliment ta’ prostituzzjoni.

4.   Fuq talba tal-persuna li kienet topera l-post sa dak il-mument jew fuq talba tal-proprjetarju tal-post li kien jintuża bħala stabbiliment ta’ prostituzzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tieħu deċiżjoni li tannulla l-miżuri meħuda fuq il-bażi tal-paragrafu 3, fil-każ li l-persuna li tagħmel it-talba:

(a)

tista’ tippreżenta awtorizzazzjoni għall-operat ta’ stabbiliment ta’ prostituzzjoni jew jekk

(b)

tista’ tiggarantixxi li ma huwiex ser jitkompla l-operat tal-istabbiliment ta’ prostituzzjoni wara l-annullament tal-miżuri previsti fil-paragrafu 3.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

PI, ċittadina Bulgara, kienet tipproponi servizzi ta’ massaġġi, konformement mal-awtorizzazzjoni professjonali li kienet ingħatatilha fid-9 ta’ Frar 2011 mill-iStadtmagistrat Innsbruck (l-Amministrazzjoni Muniċipali ta’ Innsbruck, l-Awstrija). Hija kienet topera ħanut tal-massaġġi li kien jinsab f’din l-istess belt.

23

Fit-12 ta’ Diċembru 2017, żewġ aġenti tal-pulizija tad-Direttorat Reġjonali wettqu kontroll fil-ħanut tal-massaġġi ta’ PI. Peress li kienu konvinti li, f’dan il-ħanut, kienu jiġu proposti servizzi sesswali lill-klijenti, jiġifieri massaġġi għarwenin u massaġġi erotiċi, l-imsemmija aġenti ddeċidew, fl-istess jum madwar it-20.30, li jagħlqu l-imsemmi ħanut fuq il-bażi ta’ suspett ta’ ksur tal-Artikolu 19(2) tal-Liġi tal-Pulizija (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2017”). Minħabba f’hekk tqiegħdu siġilli uffiċjali mal-ħanut inkwistjoni.

24

PI ġiet informata verbalment dwar din id-deċiżjoni eżatt qabel ingħalaq il-ħanut tagħha. Hija ma ngħatat ebda konferma tal-imsemmi għeluq u ma rċeviet ebda dokument li jesponi r-raġunijiet wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

25

Fit-13 ta’ Diċembru 2017, PI qabbdet avukat sabiex jiddefendi l-interessi tagħha u, fil-jiem ta’ wara, dan tal-aħħar ipprova, għal diversi drabi, jikseb aċċess għall-fajl tal-pulizija. Madankollu, huwa ma ngħatax tali aċċess għar-raġuni li, fil-każ ta’ miżuri amministrattivi bħal dawk li kienet suġġetta għalihom PI, l-imsemmi aċċess ma kienx awtorizzat fid-dawl tal-assenza tal-ftuħ ta’ proċedura kriminali kontriha.

26

Fl-14 ta’ Diċembru 2017, PI talbet l-annullament tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2017 u, fid-29 ta’ Diċembru 2017, id-Direttorat Reġjonali ddeċieda li jilqa’ din it-talba. Id-deċiżjoni adottata minn din l-awtorità amministrattiva ma kienx fiha motivazzjoni dwar l-għeluq u lanqas ma kienet tindika r-raġunijiet li kienu wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2017.

27

Fit-18 ta’ Diċembru 2017, PI ppreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija), rikors għall-konstatazzjoni tal-illegalità tal-għeluq tal-ħanut tal-massaġġi tagħha.

28

Peress li d-Direttorat Reġjonali baqa’ ma kkomunikalhiex il-provi u l-punti ta’ fatt rilevanti marbuta ma’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għaddiet sabiex tistabbilixxi hija stess dawn iċ-ċirkustanzi fattwali.

29

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, deċiżjoni dwar l-għeluq ta’ stabbiliment kummerċjali, bħalma huwa l-ħanut tal-massaġġi ta’ PI, tipproduċi l-effetti tagħha sa mill-adozzjoni tagħha. Peress li l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa l-ġlieda kontra l-prostituzzjoni illegali, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jadottaw miżuri fil-kuntest tal-poter dirett u tal-poter koerċittiv tagħhom.

30

Tali deċiżjoni tista’ tiġi annullata, fuq talba tal-persuna kkonċernata, jew mill-awtorità amministrattiva, f’dan il-każ mid-Direttorat Reġjonali, b’effett għall-futur, jew minn qorti, f’dan il-każ mill-qorti tar-rinviju, li tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

31

Madankollu, għall-kuntrarju tal-proċeduri nazzjonali l-oħra li jimplikaw l-eżerċizzju, mill-awtoritajiet, tal-poter dirett u tal-poter koerċittiv tagħhom, il-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma teħtieġx li l-imsemmija awtoritajiet, wara l-eżerċizzju tal-imsemmi poter, jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom bil-miktub. Issa, l-obbligu li tiġi motivata bil-miktub deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-istess poter għandu l-għan li l-awtorità kkonċernata tkun meħtieġa tivverifika għal darba oħra l-legalità tal-intervent tagħha.

32

Il-qorti tar-rinviju tqis li, fl-assenza ta’ dokument bil-miktub li jesponi r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni jkun imċaħħad mill-possibbiltà li jikkonsulta l-proċess tal-kawża tiegħu, li jieħu konoxxenza tal-provi miġbura minn din l-awtorità u li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. Huwa biss b’mod indirett, fl-okkażjoni ta’ rikors ippreżentat kontra l-miżuri meħuda mill-imsemmija awtorità, li dan id-destinatarju jkun jista’ jieħu konoxxenza tar-raġunijiet li minħabba fihom l-istess awtorità ssuspettat li kien twettaq att illegali.

33

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-possibbiltajiet sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni kkonċernata ma humiex suffiċjenti.

34

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 19a(4) tal-Liġi tal-Pulizija, l-annullament, mill-awtorità kompetenti, tad-deċiżjoni tagħha dwar l-għeluq tal-istabbiliment inkwistjoni jista’ jimmaterjalizza biss f’żewġ każijiet, jiġifieri jew meta d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni jkun jista’ jipproduċi awtorizzazzjoni għall-operat ta’ stabbiliment ta’ prostituzzjoni jew meta jippreżenta garanziji li ma huwiex ser jitkompla l-operat tal-istabbiliment ta’ prostituzzjoni wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għeluq.

35

Madankollu, fir-rigward tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2017, il-qorti tar-rinviju ma tistax teżerċita stħarriġ tal-fondatezza taċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu għal din id-deċiżjoni peress li dik il-qorti ma għandhiex kompetenza sabiex tevalwa jekk aġent tal-pulizija kellux raġun, f’dan il-każ, li jissuspetta li kien hemm attività illegali.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 15(2) tal-[Karta], li jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu l-libertà li jfittex xogħol, li jaħdem, li jistabbilixxi ruħu jew li jipprovdi servizzi f’kull Stat Membru, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħall-Artikolu 19[a](3) [tal-Liġi tal-Pulizija], tippermetti lill-organi ta’ awtorità, anki fl-assenza ta’ proċedura amministrattiva preċedenti, jieħdu miżuri ta’ poter dirett u ta’ poter koerċittiv, b’mod partikolari, l-għeluq ta’ stabbiliment fuq il-post, mingħajr ma tali miżuri jkunu sempliċement provviżorji?

2)

Mill-perspettiva ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ rimedju effettiv, l-Artikolu 47 tal-[Karta], possibbilment flimkien mal-Artikoli 41 u 52 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, kif previst fl-Artikolu 19[a](3) u (4) tal-[Liġi tal-Pulizija], tipprovdi miżuri de facto ta’ poter dirett u ta’ poter koerċittiv, b’mod partikolari l-għeluq ta’ stabbiliment mingħajr dokumentazzjoni u mingħajr konferma lill-persuni kkonċernati?

3)

Mill-perspettiva ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, l-Artikolu 47 tal-[Karta] tad-Drittijiet Fundamentali, possibbilment flimkien mal-Artikoli 41 u 52 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, kif previst fl-Artikolu 19[a](3) u (4) tal-[Liġi tal-Pulizija], għall-finijiet tal-annullament ta’ miżuri de facto ta’ poter dirett u ta’ poter koerċittiv, bħal pereżempju, l-għeluq ta’ stabbilimenti ta’ negozju, teżiġi li l-persuna affettwata minn dawn il-miżuri tressaq talba motivata sabiex tannulla dan l-għeluq?

4)

Mill-perspettiva ta’ rimedju effettiv, l-Artikolu 47 tal-[Karta], possibbilment flimkien mal-Artikoli 52 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, kif previst fl-Artikolu 19[a](4) tal-Liġi tal-Pulizija tal-Land ta’ Tirol, fil-każ ta’ miżura de facto ta’ poter koerċittiv fil-forma tal-għeluq ta’ stabbiliment, tillimita d-dritt li titressaq talba għal annullament għal ċerti kundizzjonijiet?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

37

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub, il-Gvern Awstrijak sostna li r-raba’ domanda hija inammissibbli, bħalma huma wkoll, parzjalment, it-tieni u t-tielet domanda, sa fejn dawn tal-aħħar jikkonċernaw l-Artikolu 19a(4) tal-Liġi tal-Pulizija, li jipprevedi l-possibbiltà għal awtorità kompetenti li tannulla l-miżuri kkonċernati.

38

Fil-fatt, skont il-Gvern Awstrijak, id-Direttorat Reġjonali kien irtira l-miżura ta’ għeluq tal-ħanut ta’ PI u kien ordna t-tneħħija tas-siġilli uffiċjali mqiegħda ma’ dan il-ħanut. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti ma għadhiex applikabbli fil-kawża prinċipali, li għandha bħala suġġett stħarriġ ġudizzjarju, u mhux amministrattiv, tal-miżuri kkonċernati.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2017, li tordna l-għeluq tal-ħanut ta’ PI, sa fejn ir-rikors kontra din id-deċiżjoni kien ġie ppreżentat qabel l-annullament tagħha, fid-29 ta’ Diċembru 2017, mid-Direttorat Reġjonali.

40

Għandu jitfakkar ukoll li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha kif ukoll sabiex tifhem ir-raġunijiet għaliex il-qorti nazzjonali tqis li għandha bżonn risposti għal dawn id-domandi sabiex taqta’ t-tilwima pendenti quddiemha (sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa l-eżistenza, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, tal-interess ġuridiku ta’ PI. Għaldaqstant, għandu jitqies li t-tieni sar-raba’ domandi huma ammissibbli.

Osservazzjonijiet preliminari

42

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermetillha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati b’mod espliċitu fid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawn il-qrati nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ, C‑414/17, EU:C:2018:1027, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’din il-kawża, għalkemm, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) kif ukoll tal-Artikoli 41, 47 u 52 tal-Karta, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħtiha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex taqta’ l-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti għamlitx riferiment għalihom jew le fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet, mill-elementi kollha ppreżentati mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ, C‑414/17, EU:C:2018:1027, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, PI, ċittadina Bulgara, teżerċita fl-Awstrija attività bħala persuna li taħdem għal rasha, jiġifieri l-operat ta’ ħanut tal-massaġġi.

45

Sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors li għandha quddiemha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li stabbiliment kummerċjali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jingħalaq b’effett immedjat b’deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali għar-raġuni li din l-awtorità tissuspetta l-eżerċizzju, fi ħdan dan l-istabbiliment, mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa, ta’ attività ta’ prostituzzjoni, mingħajr madankollu ma tiggarantixxi lill-persuna li topera l-imsemmi stabbiliment ir-rispett ta’ ċerti drittijiet proċedurali.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li l-attività deskritta fil-punt 44 ta’ din is-sentenza tikkostitwixxi servizz, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE, sa fejn hija eżerċitata fit-territorju ta’ Stat Membru minn ċittadina ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, l-operat ta’ ħanut tal-massaġġi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, konformement mal-Artikoli 49 et seq.TFUE.

47

Jekk jitqies li l-attività ta’ PI tkopri wkoll l-operat ta’ stabbiliment li fih jiġu offruti servizzi ta’ prostituzzjoni, għandu jitfakkar li l-prostituzzjoni tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C‑268/99, EU:C:2001:616, punt 49), filwaqt li attività li tikkonsisti fl-operat ta’ stabbiliment ta’ prostituzzjoni taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikoli 9 sa 15 tad-Direttiva 2006/123, meta tiġi eżerċitata mill-prestatarju għal perijodu indeterminat u permezz ta’ infrastruttura stabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punti 67 sa 77).

48

Għalhekk, sa fejn jidher, f’dan il-każ, li l-attività ta’ PI hija eżerċitata għal perijodu indeterminat u permezz ta’ infrastruttura stabbli, punti dawn li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, din l-attività taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikoli 9 sa 15 tad-Direttiva 2006/123.

49

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-eżerċizzju tal-prostituzzjoni għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni.

50

Fir-rigward tad-Direttiva 2006/123, li l-Artikoli 9 sa 13 tagħha jipprevedu l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa skema ta’ awtorizzazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-domandi magħmula fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma jikkonċernawx il-legalità tal-iskema nazzjonali li tirregola l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ prostituzzjoni bħala tali, iżda jikkonċernaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura ta’ għeluq ta’ stabbiliment kummerċjali meħuda mingħajr ċerti garanziji proċedurali.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE u mhux fid-dawl tad-Direttiva 2006/123.

52

Fir-rigward tal-Artikolu 15(2) tal-Karta, imsemmi fl-ewwel domanda, dan jiggarantixxi b’mod partikolari l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’kull Stat Membru.

53

Mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-Artikolu 15(2) tal-Karta jirrifletti t-tliet libertajiet iggarantiti mill-Artikolu 26 TFUE kif ukoll mill-Artikoli 45 TFUE, 49 TFUE u 56 TFUE, jiġifieri, rispettivament, il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tagħmilx riferiment, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, għall-Artikolu 16 tal-Karta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrifletti, b’mod partikolari, l-Artikolu 49 TFUE, li jiggarantixxi l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher, C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 22).

55

Għaldaqstant, il-fatt li jissemma, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 15(2) tal-Karta jimplika, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ din il-libertà fid-dawl ukoll tal-Artikolu 16 tal-Karta.

56

Fir-rigward tal-Artikolu 41 tal-Karta, li jissemma fit-tieni u fit-tielet domanda, għandu jiġi osservat li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni ma hijiex indirizzata lill-Istati Membri, iżda esklużivament lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et, C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-Artikolu 41 tal-Karta ma huwiex rilevanti fil-kawża prinċipali.

57

Madankollu, l-imsemmija dispożizzjoni tirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fis-sens li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et, C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 68). L-obbligu, għall-amministrazzjoni, li timmotiva deċiżjoni b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tifhem ir-raġunijiet wara l-miżura individwali li tikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi, għalhekk, il-korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 88, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 38).

58

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 TFUE, l-Artikolu 15(2) u l-Artikoli 16, 47 u 52 tal-Karta, kif ukoll il-prinċipju ġenerali tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li awtorità amministrattiva tista’ tiddeċiedi li tagħlaq b’effett immedjat stabbiliment kummerċjali, għar-raġuni li tissuspetta l-eżerċizzju, fi ħdan dan l-istabbiliment, ta’ attività ta’ prostituzzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn din tal-aħħar, fl-ewwel lok, ma teħtieġx li tali deċiżjoni tkun motivata, fil-fatt u fil-liġi, bil-miktub u kkomunikata lid-destinatarju tagħha, fit-tieni lok, teżiġi li t-talba, mill-imsemmi destinatarju, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tkun, min-naħa tagħha, motivata u, fit-tielet lok, tillimita r-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom il-korp amministrattiv kompetenti jista’ jannulla l-imsemmija deċiżjoni.

Fuq id-domandi

59

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr diskriminazzjoni marbuta man-nazzjonalità, tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia, C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan il-każ, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li awtorità amministrattiva tista’ tiddeċiedi li tagħlaq b’effett immedjat stabbiliment kummerċjali, għar-raġuni li tissuspetta l-eżerċizzju, fi ħdan dan l-istabbiliment, ta’ attività ta’ prostituzzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa minn din il-leġiżlazzjoni, jista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq id-dħul mill-bejgħ u fuq it-tkomplija tal-attività professjonali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni mal-klijenti li jibbenefikaw mis-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tista’ tostakola jew tiddiswadi lill-persuni ġejjin minn Stati Membri oħra li jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fil-Land ta’ Tirol (l-Awstrija) sabiex jeżerċitaw hemmhekk attività professjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Somova, C‑103/13, EU:C:2014:2334, punti 41 sa 45).

61

Minn dan isegwi li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

62

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE tista’ tkun iġġustifikata, bil-kundizzjoni li tapplika mingħajr diskriminazzjoni marbuta man-nazzjonalità, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li tkun ta’ natura tali li tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u bil-kundizzjoni li ma tmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia, C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni u li għandhom għalhekk jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun ta’ natura li tostakola waħda jew iktar mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u meta l-Istat Membru kkonċernat jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika tali ostakolu. F’sitwazzjoni bħal din, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti f’dan is-sens fil-każ biss li tkun konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan il-każ, sa fejn tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-punt 61 ta’ din is-sentenza, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika wkoll limitazzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà ta’ intrapriża, irrikonoxxuti rispettivament fl-Artikolu 15(2) u fl-Artikolu 16 tal-Karta.

66

Fl-istess ħin, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, bil-kundizzjoni li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jaqdu effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan il-każ, il-Gvern Awstrijak isostni li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija meħtieġa għall-prevenzjoni ta’ attivitajiet kriminali marbuta mal-prostituzzjoni kif ukoll għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

68

Skont il-Gvern Awstrijak, l-eżerċizzju tal-prostituzzjoni ma huwiex ipprojbit fil-Land ta’ Tirol u huwa suġġett għal kontroll u għal limitazzjonijiet previsti fl-interess ġenerali. Għal dan il-għan, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta din l-attività, b’mod partikolari, għal awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, il-persuni li jeżerċitaw din l-attività huma suġġetti għal rekwiżiti partikolari fil-qasam tas-saħħa u għal kontroll regolari maħsub sabiex jiġi identifikat il-mard li jista’ jiġi trażmess sesswalment, inkluż l-AIDS, kif ukoll it-tuberkulożi.

69

Peress li ma tkunx koperta mill-imsemmi kontroll, il-prostituzzjoni illegali tikkostitwixxi, skont dan il-gvern, riskju għas-saħħa tal-persuni li jipprattikawha, għall-klijenti tagħhom kif ukoll, b’mod ġenerali, għas-soċjetà.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prevenzjoni tat-twettiq ta’ reati kriminali fil-konfront tal-persuni li jipprattikaw il-prostituzzjoni, b’mod partikolari t-traffikar tal-persuni, il-prostituzzjoni bil-forza u l-prostituzzjoni tal-minuri, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 68).

71

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, CMVRO, C‑297/16, EU:C:2018:141, punt 57).

72

Il-protezzjoni tas-saħħa hija ggarantita wkoll mill-Artikolu 35 tal-Karta, li jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

73

F’dan il-każ, il-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ prostituzzjoni, anki għal perijodu qasir, fi ħdan stabbiliment kummerċjali mhux irreġistrat u, għalhekk, mingħajr awtorizzazzjoni mogħtija minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, ma tippermettix li jiġi żgurat il-kontroll adegwat, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ dawn l-attivitajiet fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat u, għaldaqstant, tista’ żżid ir-riskju, għall-persuni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’dan l-istabbiliment, li jkunu vittmi ta’ reati kriminali.

74

Bl-istess mod, il-provvista tal-imsemmija servizzi minn persuni li ma humiex suġġetti għal rekwiżiti partikolari fil-qasam tas-saħħa u għal kontroll regolari maħsub sabiex jiġi identifikat il-mard li jista’ jiġi trażmess sesswalment hija ta’ natura li tiffavorixxi r-riskji għas-saħħa kemm għall-persuni li jipprattikaw il-prostituzzjoni u kemm għall-klijenti tagħhom, sa fejn huwa paċifiku li l-mard li jista’ jiġi trażmess sesswalment li ma jiġix ittrattat jikkawża deterjorament fl-istat tas-saħħa u li l-fatt li wieħed ikollu marda li tista’ tiġi trażmessa sesswalment u li ma tkunx ittrattata jżid ir-riskju li jaqbad marda oħra.

75

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lil awtorità amministrattiva l-kompetenza li tiddeċiedi li tagħlaq b’effett immedjat stabbiliment kummerċjali għar-raġuni li tissuspetta l-eżerċizzju, fi ħdan dan l-istabbiliment, ta’ attività ta’ prostituzzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa mill-imsemmija leġiżlazzjoni, għandha titqies li hija ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li hija ta’ natura tali li tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-istess leġiżlazzjoni, jiġifieri l-prevenzjoni tat-twettiq ta’ reati kriminali fil-konfront tal-persuni li jipprattikaw il-prostituzzjoni kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

76

B’dan premess, għandu jiġi evalwat jekk il-possibbiltà, għal awtorità amministrattiva nazzjonali, li tiddeċiedi li tagħlaq b’effett immedjat stabbiliment kummerċjali għar-raġuni li tissuspetta l-eżerċizzju, fi ħdan dan l-istabbiliment, ta’ attività ta’ prostituzzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tistax titqies li hija proporzjonata mal-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

77

F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tipprevedi li awtorità amministrattiva tista’ tiddeċiedi li tagħlaq b’effett immedjat stabbiliment kummerċjali għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, tista’, bħala prinċipju, titqies li hija proporzjonata fid-dawl tal-imsemmija għanijiet. Madankollu, f’dan il-każ, l-imsemmija leġiżlazzjoni tawtorizza l-għeluq ta’ stabbiliment mingħajr ebda motivazzjoni, fil-fatt u fil-liġi, bil-miktub u kkomunikata lid-destinatarju tagħha, filwaqt li teżiġi, fl-istess ħin, li t-talba għall-annullament ta’ deċiżjoni li tordna dan l-għeluq tkun motivata mill-persuna kkonċernata.

78

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha minn awtorità amministrattiva jew minn qari tad-deċiżjoni stess jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita kompletament l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53, u, f’dan is-sens, tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 84).

79

Barra minn hekk, id-dritt għal smigħ f’kull proċedura, li huwa stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u li jagħmel parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jimplika li l-amministrazzjoni tagħti l-attenzjoni kollha meħtieġa lill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-persuna kkonċernata filwaqt li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami u filwaqt li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod iddettaljat, u dan sa fejn l-obbligu li deċiżjoni tiġi motivata b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret sabiex din il-persuna kkonċernata tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet tar-rifjut invokat fil-konfront tat-talba tagħha jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punti 434548).

80

Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom jaqa’ fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jieħdu miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 50).

81

Dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali għandu importanza partikolari fil-kuntest ta’ kawża bħall-kawża prinċipali, fejn għandha tiġi evalwata n-natura ġġustifikata u proporzjonata ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, kif ukoll għal-libertajiet ta’ stabbiliment u ta’ intrapriża, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 15(2) u fl-Artikolu 16 tal-Karta.

82

Fil-fatt, minn naħa, il-qrati nazzjonali għandhom iwettqu evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi li fihom tiġi adottata u implimentata leġiżlazzjoni restrittiva fuq il-bażi tal-provi mressqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, li jkunu intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ għanijiet ta’ natura li jilleġittimizzaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u l-proporzjonalità ta’ dan l-ostakolu (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Min-naħa l-oħra, għalkemm dawn il-qrati jistgħu jkunu meħtieġa, b’applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiffavorixxu l-produzzjoni ta’ tali provi, huma ma jistgħux ikunu meħtieġa, għall-kuntrarju, li jieħdu post l-imsemmija awtoritajiet sabiex jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet li dawn l-awtoritajiet huma obbligati jipprovdu. Jekk dawn il-ġustifikazzjonijiet ma jkunux ingħataw minħabba l-assenza jew minħabba l-passività tal-imsemmija awtoritajiet, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jisiltu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn tali nuqqas (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 54).

84

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn ma teżiġix li d-deċiżjoni li tordna l-għeluq b’effett immedjat ta’ stabbiliment kummerċjali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun motivata debitament, fil-fatt u fil-liġi, bil-miktub u kkomunikata lid-destinatarju tagħha, ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 78 sa 83 ta’ din is-sentenza.

85

Fil-fatt, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiggarantixxix li d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni jista’ jkun jaf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata din tal-aħħar, sabiex ikun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu u sabiex jiddeċiedi jekk huwiex utli li jressaq kawża quddiem il-qorti kompetenti. B’hekk, f’dan il-każ, l-istess leġiżlazzjoni ma tippermettix li tiġi żgurata l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju u lanqas ma tippermetti li jiġu żgurati r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, iggarantiti mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u l-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

86

Fir-rigward tar-rekwiżit, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li kull talba għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ għeluq ta’ stabbiliment għandha tkun debitament motivata mill-persuna kkonċernata, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rekwiżit huwa sproporzjonat, fid-dawl tal-fatt li, għall-kuntrarju, din l-istess leġiżlazzjoni ma tipprevedix l-obbligu li tali deċiżjoni tkun motivata.

87

F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li d-destinatarju ta’ deċiżjoni amministrattiva jimmotiva t-talba tiegħu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li din tal-aħħar ma tkunx hija stess motivata, jippreġudika d-dritt ta’ dan id-destinatarju għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

88

Fir-rigward tal-limitazzjoni, prevista fl-Artikolu 19a(4) tal-Liġi tal-Pulizija, tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament, minn korp amministrattiv, tad-deċiżjoni li tagħlaq stabbiliment kummerċjali, għandu jitfakkar li din id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata meta d-destinatarju tagħha jkun jista’ jipproduċi awtorizzazzjoni għall-operat ta’ stabbiliment ta’ prostituzzjoni jew ikun jista’ jiggarantixxi li ma huwiex ser jitkompla l-operat tal-istabbiliment ta’ prostituzzjoni wara dan l-annullament.

89

Jekk jitqies li din id-dispożizzjoni tal-Liġi tal-Pulizija tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-limitazzjoni msemmija fil-punt preċedenti hija sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet imfittxija minn tali liġi, jiġifieri l-prevenzjoni tat-twettiq ta’ reati kriminali fir-rigward tal-persuni li jipprattikaw il-prostituzzjoni kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

90

Fil-fatt, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punti 73 sa 75 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà li jingħalaq b’effett immedjat stabbiliment kummerċjali għar-raġuni li l-awtorità kompetenti tissuspetta l-eżerċizzju, fi ħdan dan l-istabbiliment, ta’ attività ta’ prostituzzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa għal dan il-għan, hija ġġustifikata mill-imsemmija għanijiet, il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 19a(4) tal-Liġi tal-Pulizija għandha titqies li hija konsegwenza loġika tal-projbizzjoni, prevista mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, fir-rigward tal-operat ta’ stabbiliment ta’ prostituzzjoni mingħajr tali awtorizzazzjoni.

91

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 49 TFUE, l-Artikolu 15(2) u l-Artikoli 16, 47 u 52 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju ġenerali tad-dritt għal amministrazzjoni tajba għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li awtorità amministrattiva tista’ tiddeċiedi li tagħlaq b’effett immedjat stabbiliment kummerċjali għar-raġuni li tissuspetta l-eżerċizzju, fi ħdan dan l-istabbiliment, ta’ attività ta’ prostituzzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa minn din il-leġiżlazzjoni, sa fejn din tal-aħħar, minn naħa, ma teżiġix li tali deċiżjoni tkun motivata, fil-fatt u fil-liġi, bil-miktub u kkomunikata lid-destinatarju tagħha u, min-naħa l-oħra, teżiġi li talba, mill-imsemmija destinatarju, għall-annullament tal-istess deċiżjoni tkun, min-naħa tagħha, motivata.

Fuq l-ispejjeż

92

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 49 TFUE, l-Artikolu 15(2) u l-Artikoli 16, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-prinċipju ġenerali tad-dritt għal amministrazzjoni tajba għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li awtorità amministrattiva tista’ tiddeċiedi li tagħlaq b’effett immedjat stabbiliment kummerċjali għar-raġuni li tissuspetta l-eżerċizzju, fi ħdan dan l-istabbiliment, ta’ attività ta’ prostituzzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa minn din il-leġiżlazzjoni, sa fejn din tal-aħħar, minn naħa, ma teżiġix li tali deċiżjoni tkun motivata, fil-fatt u fil-liġi, bil-miktub u kkomunikata lid-destinatarju tagħha u, min-naħa l-oħra, teżiġi li talba, mill-imsemmija destinatarju, għall-annullament tal-istess deċiżjoni tkun, min-naħa tagħha, motivata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.