SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

2 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101(1) TFUE – Sistema ta’ ħlas bil-kards – Ftehim interbankarju li jistabbilixxi l-livell tat-tariffi ta’ interkambju – Ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett – Kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ‘minħabba l-għan’”

Fil-Kawża C‑228/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2018, fil-proċedura

Gazdasági Versenyhivatal

vs

Budapest Bank Nyrt.,

ING Bank NV Magyarországi Fióktelepe,

OTP Bank Nyrt.,

Kereskedelmi és Hitelbank Zrt.,

Magyar Külkereskedelmi Bank Zrt.,

ERSTE Bank Hungary Zrt.,

Visa Europe Ltd,

MasterCard Europe SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Şereş, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Gazdasági Versenyhivatal, minn A. Kőhalmi u M. Nacsa, bħala aġenti,

għal Budapest Bank Nyrt., inizjalment minn L. Wallacher, sussegwentement minn A. Kékuti, ügyvédek,

għal ING Bank NV Magyarországi Fióktelepe, minn A. Kőmíves, ügyvéd,

għal OTP Bank Nyrt., minn L. Réti u P. Mezei, ügyvédek,

għal Kereskedelmi és Hitelbank Zrt., minn Z. Hegymegi-Barakonyi, ügyvéd,

għal Magyar Külkereskedelmi Bank Zrt., minn S. Szendrő, ügyvéd,

għal ERSTE Bank Hungary Zrt., minn L. Wallacher, ügyvéd,

għal Visa Europe Ltd, minn Z. Marosi u G. Fejes, ügyvédek,

għal MasterCard Europe SA, minn E. Ritter, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u G. Tornyai, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castilla Contreras kif ukoll minn V. Bottka u I. Zaloguin, bħala aġenti,

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE, minn M. Sánchez Rydelski u C. Zatschler kif ukoll minn C. Simpson u C. Howdle, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Gazdasági Versenyhivatal (L-Awtorità tal-Kompetizzjoni, l-Ungerija) u sitt stabbilimenti finanzjarji, jiġifieri Budapest Bank Nyrt., is-sussidjarja Ungeriża ta’ ING Bank NV, OTP Bank Nyrt., Kereskedelmi és Hitelbank Zrt., Magyar Külkereskedelmi Bank Zrt. u ERSTE Bank Hungary Zrt., kif ukoll żewġ kumpanniji li jipprovdu servizzi ta’ ħlas bil-kard, jiġifieri Visa Europe Ltd. (iktar ’il quddiem “Visa”) u MasterCard Europe SA (iktar ’il quddiem “MasterCard”), dwar deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li permezz tagħha din ikkonstatat l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv relatat mat-tariffi ta’ interkambju.

Id-dritt Ungeriż

3

Skont l-Artikolu 11(1) tat-tisztességtelen piaci magatartás és a versenykorlátozás tilalmáról szóló 1996. évi LVII. törvény (il-Liġi Nru LVII tal-1996 dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali u restrittivi, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar prattiki kummerċjali żleali”):

“Huma pprojbiti kull ftehim bejn impriżi, kull prattika miftiehma u kull deċiżjoni ta’ korpi magħmula minn impriżi stabbiliti abbażi tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ korpi ta’ dritt pubbliku magħmula minn impriżi, assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u ta’ entitajiet simili oħrajn magħmula minn impriżi […], li għandhom l-għan jew li għandhom jew jista’ jkollhom effett li jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni. Din id-definizzjoni ma tkoprix atti ta’ ftehim milħuqa bejn impriżi li ma humiex indipendenti waħda minn oħra.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li f’nofs is-snin 1990, Visa u MasterCard, jew il-predeċessuri rispettivi tagħhom, abbażi tar-regolamenti interni tagħhom, ippermettew li l-istabbilimenti finanzjarji joħorġu l-kards tagħhom (iktar ’il quddiem il-“banek emittenti”), minn naħa, u li l-istabbilimenti finanzjarji li jipprovdu lill-kummerċjanti servizzi li jippermettulhom li jaċċettaw dawn il-kards bħala mezz ta’ ħlas (iktar ’il quddiem il-“banek akkwirenti”), min-naħa tagħhom, jiddefinixxu flimkien l-ammont tat-tariffi nazzjonali msejħa “ta’ interkambju” bejn l-imsemmija banek ta’ emissjoni u banek akkwirenti, jiġifieri l-ammont imħallas mit-tieni lill-ewwel meta ssir tranżazzjoni ta’ ħlas bil-kard.

5

Matul is-snin 1995 u 1996, il-banek li ngħaqdu fis-servizz ta’ ħlas bil-kard stabbilew kooperazzjoni multilaterali (iktar ’il quddiem il-“forum”), li fil-kuntest tagħha ġew diskussi, każ b’każ, diversi kwistjonijiet li dwarhom ġie kkunsidrat li kienet meħtieġa kooperazzjoni fi ħdan dan is-settur.

6

Fil-kuntest tal-forum, seba’ banek, li l-maġġoranza tagħhom kienet aderixxiet għas-sistemi ta’ ħlas bil-kard stabbiliti minn Visa u MasterCard u li kienu jirrappreżentaw parti kbira mis-suq nazzjonali tal-banek emittenti u akkwirenti, wara diversi negozzjati, ddeċidew, fl-24 ta’ April 1996, it-test ta’ ftehim (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TSN”), dwar id-determinazzjoni, skont il-kategorij ta’ kummerċjanti, tal-livell minimu tat-tariffa ta’ servizz uniformi li għandha titħallas minn dawn tal-aħħar (iktar ’il quddiem it-“TSN”). Sussegwentement, fit-28 ta’ Awwissu 1996, huma kkonkludew ftehim, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1996, li permezz tiegħu uniformizzaw l-ammont tal-ispejjeż ta’ tariffi ta’ interkambju relatati mal-ħlasijiet li jsiru bil-kards propost minn Visa jew minn MasterCard (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TIM”). Kereskedelmi és Hitelbank innegozzjat il-Ftehim TIM f’isem Visa u MasterCard u dawn applikawh.

7

Fl-aħħar nett, il-Ftehim TSN ma ġiex iffirmat minn dawn is-seba’ banek, iżda l-ispejjeż tat-tariffi ta’ interkambju stabbiliti mill-Ftehim TIM, inkwantu element ta’ spiża, influwenza direttament id-determinazzjoni tal-ammont tat-TSN. B’mod partikolari, it-tariffi msemmija fil-Ftehim TIM ħadmu bħala limitu inferjuri fit-tnaqqis tat-TSN. Barra minn hekk, it-tiftix ta’ għanijiet fissi fil-Ftehim TSN maħsuba kellu rwol fil-konklużjoni tal-Ftehim TIM u fil-kalkolu tal-iskali uniformi li jikkonċernaw lil Visa u MasterCard, anki jekk dawn l-għanijiet ma twettqux sussegwentement.

8

Biż-żmien, banek oħra interessati mis-settur tas-servizzi ta’ ħlas bil-kard aderew mal-Ftehim TIM u ngħaqdu fl-attivitajiet tal-forum, b’tali mod li n-numru ta’ banek partijiet għall-imsemmi ftehim ikkonċernati mill-kawża prinċipali tela’ għal 22 matul is-sena 2006.

9

Il-Ftehim TIM kien għadu fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2008 meta l-awtorità tal-kompetizzjoni bdiet proċedura dwar dan.

10

Ix-xoljiment tal-Ftehim TIM seħħ b’effett fit-30 ta’ Lulju 2008.

11

F’deċiżjoni mogħtija fl-24 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni”), l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonstatat li, l-ewwel nett, billi ddefinixxew il-livell u l-istruttura tat-tariffa ta’ interkambju uniformement applikabbli għal Visa u għal MasterCard kif ukoll għall-banek kollha, it-tieni nett, billi prevedew kuntest għal tali ftehim fir-regoli interni tagħhom u, it-tielet nett, billi ffaċilitawh, it-22 bank partijiet fil-Ftehim TIM, kif ukoll Visa u MasterCard ikkonkludew ftehim antikompetittiv u mhux suġġett għal eżenzjoni. B’dan l-aġir, bdew, mill-mument meta bdiet l-adeżjoni tagħhom għall-Ftehim TIM – fejn id-data ta’ bidu tal-aġir antikompetittiv hija dik tad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 1997, tal-liġi dwar il-prattiki kummerċjali żleali, għall-banek li kkonkludew il-Ftehim TIM u li tvarja għall-banek li bdew l-adeżjoni tagħhom iktar tard – sat-30 ta’ Lulju 2008, jiksru l-Artikolu 11(1) ta’ din il-liġi u, wara l-1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 101(1) TFUE. L-imsemmi aġir jikkostitwixxi restrizzjoni għall-kompetizzjoni msejħa “minħabba l-għan”, fis-sens li l-Ftehim TIM għandu bħala għan aġir antikompetittiv, iżda wkoll restrizzjoni msejħa “minħabba l-effett”, fis-sens li dan il-ftehim joħloq effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni. L-awtorità tal-kompetizzjoni imponiet fuq is-seba’ banek li kienu inizjalment ikkonkludew il-Ftehim TIM kif ukoll fuq Visa u fuq MasterCard multi ta’ ammonti differenti.

12

Adita b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni minn Visa u MasterCard kif ukoll mis-sitt banek ikkundannati għall-ħlas ta’ multa, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) ċaħdet it-talba tagħhom.

13

F’deċiżjoni dwar l-appell ippreżentat minn dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni ta’ MasterCard, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) bidlet id-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni u, għal dawn il-motivi proċedurali, għalqet il-proċedura f’dak li jikkonċerna lis-sussidjarja Ungeriża ta’ ING Bank. Fir-rigward tal-partijiet l-oħra, hija annullat l-imsemmija deċiżjoni u bagħtet lura l-każ quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid.

14

L-awtorità tal-kompetizzjoni appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), mis-sentenza tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budepest).

15

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-punt jekk l-istess aġir jistax jagħti lok għall-konstatazzjoni ta’ ksur fir-rigward tal-Artikolu 101(1) TFUE minħabba kemm l-għan kif ukoll l-effetti antikompetittivi tiegħu inkwantu bażijiet ġuridiċi awtonomi.

16

Minn naħa, fil-kawżi partikolarment kumplessi, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq bażi ġuridika doppja sabiex jiġi evitat li evalwazzjoni ulterjuri, li tkun parzjalment diverġenti, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju, taffettwa d-deċiżjoni ta’ kundanna fil-mertu.

17

Min-naħa l-oħra, mill-użu tal-konġunzjoni “jew” li tinsab fl-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jiġi dedott li ma huwiex possibbli li l-istess ftehim jiġi kkunsidrat li jimplika restrizzjoni tal-kompetizzjoni kemm “minħabba l-għan” kif ukoll “minħabba l-effett”, sa fejn deċiżjoni f’dan is-sens tkun ta’ natura inċerta u kontradittorja.

18

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni u s-sanzjonijiet jeħtieġu neċessarjament evalwazzjoni differenti skont jekk ir-restrizzjoni kkonċernata tiġix kkwalifikata “minħabba l-għan” jew “minħabba l-effett”, b’mod li l-kwalifika tal-imsemmija restrizzjoni taffettwa bi kwalunkwe mod il-mertu tal-kawża. Skont il-qorti tar-rinviju, anki jekk, f’każ ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata għandha, skont il-kuntest fattwali, twettaq analiżi fil-fond tal-effetti tar-restrizzjoni inkwistjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi sanzjonijiet ta’ livell xieraq u tkun tista’ tevalwa l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni, dan ma jfissirx madankollu li deċiżjoni li tikkonstata u tissanzjona aġir antikompetittiv tista’ tkun ibbażata fuq bażi ġuridika doppja.

19

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Ftehim TIM setax jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, fil-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni qatt ma adottat pożizzjoni deċiżiva dwar il-punt dwar jekk ftehim simili jistgħux jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu tali restrizzjonijiet. Ir-risposta għal din id-domanda lanqas ma tirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-kawża prinċipali fiha xi differenzi meta mqabbla ma’ dawk eżaminati mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja sa issa. Waħda minn dawn id-differenzi tinsab fil-fatt li, fil-kawża preċedenti, ma ġiex ivverifikat jekk it-tariffi ta’ interkambju ġewx realment stabbiliti fl-istess livell.

20

F’dan l-aħħar rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Ftehim TIM ma kienx eżenti mill-iffissar ta’ prezz purament orizzontali peress li l-partijiet għal dan il-ftehim kienu jinkludu fosthom mingħajr distinzjoni kemm banek emittenti kif ukoll banek akkwirenti. Barra minn hekk, fl-ipoteżi li Visa u MasterCard kienu direttament involuti fil-ftehim TIM, dan ma stabbilixxiex prezzijiet ta’ bejgħ u ta’ xiri, iżda l-kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni relatati mas-servizzi rispettivi tagħhom. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li l-Ftehim TIM jikkonċerna suq kompetittiv mhux tipiku u imperfett fejn huwa possibbli li jiġu rrimedjati l-effetti biss billi jiġu imposti regoli. Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tenfasizza l-fatt li, fil-passat, is-suq kien, fil-parti l-kbira tiegħu, ikkaratterizzat minn prezzijiet uniformi. Hija osservat, b’mod iktar partikolari, li huwa biss fil-każ li l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ kompetizzjoni bejn Visa u MasterCard kienu differenti li l-fatt li jiġu mitluba tariffi ta’ interkambju differenti ma jkunx antikompetittiv, iżda f’dan il-każ inkwistjoni ma kienx hemm indikazzjoni f’dan is-sens.

21

Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ argumenti li jippermettu li jiġi konkluż li l-Ftehim TIM kien jikkawża restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. B’mod partikolari, waħda mill-motivazzjonijiet li hija bażi tal-uniformizzazzjoni tal-prezzijiet deċiża minn dan il-ftehim hija li din kienet kundizzjoni neċessarja tal-Ftehim TSN. Madankollu, peress li dan l-għan sparixxa immedjatament, peress li l-Ftehim TSN ma ġiex adottat, ma jista’ jiġi rrikonoxxut lill-Ftehim TIM ebda effett. Fil-fatt, għalkemm tali intenzjoni suġġettiva li tiġi ristretta l-kompetizzjoni setgħet kienet teżisti fost il-banek li ħadu sehem f’dan il-ftehim, tal-inqas f’moħħ Visa u MasterCard, l-intenzjonijiet suġġettivi ma jistgħux, huma waħdihom, jippermettu li jiġi kkunsidrat, fuq il-livell oġġettiv, li l-Ftehim TIM għandu għan restrittiv tal-kompetizzjoni.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-kontenut stess tal-ftehim li allegatament jirrestrinġi l-kompetizzjoni, tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jaqa’ fih irendi partikolarment imċajpar il-punt dwar fejn l-eżami tal-ftehim mill-angolu tal-għan tiegħu jintemm u fejn l-eżami tal-ftehim mill-angolu tal-effetti tiegħu jibda.

23

Fl-aħħar nett, sa fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni kkunsidrat li l-Ftehim TIM kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” ukoll minħabba li jimplika determinazzjoni tal-prezz indiretta relatata mal-livell tat-tariffi ta’ servizz imħallsa mill-kummerċjanti, il-qorti tar-rinviju tqis li din ma hijiex kwistjoni ta’ ffissar indirett tal-prezz.

24

Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-involviment ta’ Visa fil-Ftehim TIM u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk din l-impriża setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li kienet parti mill-ftehim, meta hija ma kinitx ipparteċipat direttament għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-imsemmi ftehim, iżda ppermettiet il-konklużjoni tiegħu kif ukoll aċċettatu u applikatu, jew jekk għandux pjuttost jiġi kkunsidrat li teżisti prattika miftiehma bejnha u l-banek li kkonkludew il-ftehim. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk huwiex neċessarju li ssir tali distinzjoni, filwaqt li jiġi osservat li l-mod kif jiġi kkwalifikat l-involviment ta’ Visa jista’ jkollu konsegwenzi f’termini ta’ responsabbiltà u ta’ sanzjonijiet applikati.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

[L-Artikolu 101(1) TFUE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-istess aġir jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur ta’ din id-dispożizzjoni kemm minħabba l-għan antikompetittiv tiegħu kif ukoll minħabba l-effetti antikompetittivi tiegħu, għalkemm fuq bażijiet ġuridiċi differenti?

2)

[L-Artikolu 101(1) TFUE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim konkluż bejn banek membri Ungeriżi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tiegħu, sa fejn dan jistabbilixxi f’ammont uniformi għaż-żewġ impriżi ta’ karti ta’ kreditu Visa u MasterCard it-tariffa ta’ skambju li titħallas lill-banek ta’ ħruġ inkambju għall-użu tal-karti ta’ kreditu tal-imsemmija impriżi?

3)

[L-Artikolu 101(1) TFUE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jitqiesu wkoll bħala partijiet għall-ftehim interbankarju l-impriżi tal-karti ta’ kreditu, li ma pparteċipawx direttament fid-determinazzjoni tal-kontenut tal-ftehim iżda ppermettew li dan jiġi konkluż, u aċċettawh u implimentawh ukoll, jew għandu jiġi konkluż li hemm prattika miftiehma bejn dawn l-impriżi u l-banek li kkonkludew il-ftehim?

4)

[L-Artikolu 101(1) TFUE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma huwiex meħtieġ li ssir distinzjoni bejn jekk il-kawża, fid-dawl tas-suġġett tagħha, tirrigwardax parteċipazzjoni bħala parti għall-ftehim interbankarju jew prattika miftiehma mal-banek li huma partijiet għall-ftehim?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-istess aġir antikompetittiv jiġi kkunsidrat li għandu fl-istess waqt l-għan u l-effett li jillimita l-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ammissibbiltà

27

Budapest Bank, ERSTE Bank Hungary u MasterCard isostnu li l-ewwel domanda hija inammissibbli. B’mod partikolari, dawn iż-żewġ banek jikkunsidraw li d-dibattitu fil-kawża prinċipali jirrigwarda biss il-kriterji tal-kunċett ta’ restrizzjoni “minħabba l-għan”. Barra minn hekk, il-qrati Ungeriżi huma stess kkunsidraw li l-kwalifika ta’ aġir ta’ restrizzjoni minħabba l-għan jew minħabba l-effett teħtieġ li jiġu eżaminati ċirkustanzi differenti, b’tali mod li l-kwistjoni tal-possibbiltà li ssir kwalifika doppja abbażi ta’ fatti identiċi ma tqumx. Skont MasterCard, l-ewwel domanda hija ipotetika, peress li, minn naħa, hija ma għandha ebda effett fuq ir-riżultat tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa possibbli għall-qorti tar-rinviju li tikkwalifika l-istess aġir bħala restrizzjoni minħabba l-għan jew minħabba l-effett, iżda li ma jeżisti ebda obbligu li jiġi kkwalifikat fuq bażi ġuridika doppja.

28

Barra minn hekk, mingħajr ma invoka formalment l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda, OTP Bank iqis li huwa neċessarju li din tiġi fformulata mill-ġdid, peress li, fil-formulazzjoni attwali tagħha, ma jirriżultax b’mod ċar kif din hija rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali, filwaqt li Magyar Külkereskedelmi Bank u l-Gvern Ungeriż isostnu li l-imsemmija domanda ma tistax tiġi kkunsidrata rilevanti għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża peress li, skont dan il-bank, il-Ftehim TIM ma jirrestrinġi l-kompetizzjoni la minħabba l-għan u lanqas minħabba l-effett tiegħu, u, skont dan il-gvern, evalwazzjoni simultanja tal-għan u tal-effett tal-istess aġir hija problematika biss fil-każ fejn din tikser il-prinċipju ta’ “ne bis in idem”, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

29

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix mill-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod xieraq għad-domandi magħmula lilha (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni, li, kif jirriżulta mill-punti 11 sa 14 ta’ din is-sentenza, wasslet għall-appell fil-kassazzjoni li hija adita bih il-qorti tar-rinviju, tikkwalifika l-Ftehim TIM bħala restrizzjoni kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effetti tiegħu. F’dawn il-kundizzjonijiet ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ewwel domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex preċiżament li ssir taf jekk tali kwalifika doppja hijiex kompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE, ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mal-għan tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li hija ta’ natura ipotetika.

31

Fil-fatt, ebda waħda miċ-ċirkustanzi speċifiċi enfasizzati mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ma tista’ timmina din il-konstatazzjoni. B’mod partikolari, il-fatt li waħda jew l-oħra minn dawn il-kwalifiċi li saru fir-rigward tal-Ftehim TIM tista’ possibbilment ma tkunx fondata, il-fatt li ma jeżisti ebda obbligu fuq il-qorti tar-rinviju li tikkwalifika l-istess aġir fuq bażi ġuridika doppja jew il-fatt li d-doppja kwalifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiksirx il-prinċipju ta’ “ne bis in idem” jikkonċernaw mhux l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda, iżda l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni.

32

Għaldaqstant, l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-ewwel li, sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim għandu jkollu “bħala għan jew riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal qabel xejn għall-bżonn li jiġi kkunsidrat l-għan stess tal-ftehim (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 16, u tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 24).

34

Għalhekk, meta l-għan antikompetittiv ta’ ftehim jiġi stabbilit, ma hemmx lok li jiġu mfittxija l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 17, u tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 25).

35

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jiżvelaw grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex jiġu kkwalifikati bħala restrizzjoni minħabba l-għan, b’mod li jista’ jiġi kkonstatat li ma hemmx bżonn li jsir eżami tal-effetti tagħhom. Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala li jikkawżaw dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 184 u 185, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 26).

36

Għalhekk, huwa preżunt li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, jista’ jitqies bħala li tant jista’ jkollu effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li dan għandu effetti konkreti fis-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali aġir jinvolvi tnaqqis fil-produzzjoni u żidiet fil-prezzijiet, li jwassal għal allokazzjoni ħażina tar-riżorsi b’detriment, b’mod partikolari, għall-konsumaturi (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51, u tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 19).

37

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, il-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim fihx restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” għaldaqstant jinsab fil-konstatazzjoni li tali ftehim għandu, fih innifsu, livell suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni sabiex jitqies li ma hemmx bżonn li jitfittxu l-effetti tiegħu (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fil-każ fejn l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikun jaqbel, għall-kuntrarju, li jiġu eżaminati l-effetti tagħha u, sabiex din tkun ipprojbita, li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li effettivament kien hemm jew prevenzjoni jew restrizzjoni jew inkella distorsjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata msemmija fil-punti 33 sa 38 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta ftehim jiġi kkwalifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” abbażi tal-Artikolu 101(1) TFUE, ma huwiex neċessarju li jintwerew, barra minn hekk, l-effetti ta’ dan il-ftehim sabiex jiġi kkunsidrat li dan huwa pprojbit abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-fatt, peress li dan kien l-istess u l-uniku aġir, li dan tal-aħħar kellu kemm l-għan kif ukoll l-effett li jirristrinġi l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1987, van Vlaamse Reisbureaus, 311/85, EU:C:1987:418, punt 17; tad-19 ta’ April 1988, Erauw-Jacquery, 27/87, EU:C:1988:183, punti 14 u 15; tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punt 13, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLuxvs Il-Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 72).

40

Minn dan isegwi li l-fatt li konstatazzjoni ta’ restrizzjoni ta’ kompetizzjoni “minħabba l-għan” teħles lill-awtorità jew lill-qorti kompetenti mill-bżonn li jiġu eżaminati l-effetti ta’ din ma jimplika bl-ebda mod li din l-awtorità jew qorti ma tistax tagħmel tali eżami meta hija tqisu opportun.

41

Il-kunsiderazzjonijiet fil-punt preċedenti ma huma bl-ebda mod imqegħda f’dubju minn dawk li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju, skont liema, fil-każ ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, minn naħa, huwa iktar diffiċli li tiġi ġġustifikata eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 101(3) TFUE milli l-każ ta’ restrizzjoni “minħabba l-effett” u, min-naħa l-oħra, restrizzjoni “minħabba l-għan” hija ssanzjonata b’mod iktar aħrax milli restrizzjoni “minħabba l-effett”.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat il-fatt li, skont il-każ, il-kunsiderazzjonijiet sottostanti għall-kwalifika ta’ aġir ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” għandhom ukoll relevanza fil-kuntest tal-eżami tal-punt dwar jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi eżentata abbażi tal-Artikolu 101(3) TFUE jew tal-eżami tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta fir-rigward tal-imsemmija restrizzjoni ma għandha ebda effett fuq il-possibbiltà, għall-awtorità kompetenti tal-kompetizzjoni, li tikkwalifika aġir ta’ impriża bħala li jirrestrinġi l-kompetizzjoni abbażi tal-Artikolu 101(1) TFUE minħabba kemm l-għan ta’ dan kif ukoll tal-effetti tiegħu.

43

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 29 u 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà miftuħa għall-awtorità jew għall-qorti kompetenti li jikkwalfikaw l-istess aġir antikompetittiv bħala restrizzjoni kemm “minħabba l-għan” kif ukoll “minħabba l-effett”, minn naħa, ma jneħħi xejn mill-obbligu li għandha din l-awtorità jew din il-qorti, minn naħa, li ssostni l-konstatazzjonijiet tagħha għal dawn il-finijiet bil-provi neċessarji u, min-naħa l-oħra, li jiġi ppreċiżat sa fejn l-imsemmija provi ma humiex relatati ma’ tip jew ma’ ieħor ta’ restrizzjoni hekk ikkonstatata.

44

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-istess aġir antikompetittiv jiġi kkunsidrat bħala li għandu fl-istess ħin l-għan u l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim interbankarju li jistabbilixxi għall-istess ammont it-tariffa ta’ interkambju li jirċievu, meta ssir tranżazzjoni ta’ ħlas bil-kard, il-banek li ħarġu tali kards proposti mill-kumpanniji ta’ servizzi ta’ ħlas bil-kard attivi fuq is-suq nazzjonali kkonċernat, jista’ jiġi kkwalifikat bħala ftehim li għandu “l-għan” li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ammissibbiltà

46

L-awtorità tal-kompetizzjoni, Magyar Külkereskedelmi Bank, MasterCard u l-Gvern Ungeriż isostnu li t-tieni domanda hija inammissibbli, minħabba li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni konkreta tal-Artikolu 101(1) TFUE għaċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rwol ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ssirilha domanda dwarhom (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 29).

48

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk meħtieġ, tagħmel preċiżazzjonijiet bil-għan li tiggwida lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’każijiet konkreti, hija tista’ madankollu tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-kriterji ta’ interpretazzjoni neċessarji sabiex tkun tista’ taqta’ l-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1977, Gesellschaft für Überseehandel, 49/76, EU:C:1977:9, punt 4, u tat-8 ta’ Lulju 1992, Knoch, C‑102/91, EU:C:1992:303, punt 18).

49

F’dan il-każ, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, li tiddeċiedi mhux dwar l-applikazzjoni konkreta tal-Artikolu 101(1) TFUE għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, iżda dwar il-kwistjoni dwar jekk ftehim interbankarju li jistabbilixxi l-istess ammont tat-tariffa ta’ interkambju li jirċievu, meta ssir tranżazzjoni ta’ ħlas bil-kard, il-banek li ħarġu tali kards proposti mill-kumpanniji ta’ servizzi ta’ ħlas bil-kard attivi fuq is-suq nazzjonali kkonċernat, jistax jiġi kkwalifikat, fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, bħala ftehim li għandu l-għan li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni.

50

Għaldaqstant, it-tieni domanda hija ammissibbli.

– Fuq il-mertu

51

Minbarra l-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 33 sa 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandu, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi, jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, jippreżentawx grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, li għandu jsir riferiment għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, għall-għanijiet li huwa jfittex li jilħaq, kif ukoll għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet intiżi minn miżura suġġetta għal evalwazzjoni abbażi tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li miżura tkun ikkunsidrata bħala li għandha għan leġittimu ma jeskludix li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ għan ieħor intiż minn din u li għandu jiġi kkunsidrat, min-naħa tiegħu, bħala illeġittimu, fid-dawl ukoll tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura u tal-kuntest li taqa’ taħtu, l-imsemmija miżura tista’ tiġi kkunsidrata bħala li għandha għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza ta 11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 70).

53

Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju għad-determinazzjoni tan-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jipprojbixxi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jikkunsidrawha (sentenza ta 11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Fil-fatt, taħt piena li l-Kummissjoni tiġi eżentata mill-obbligu li tagħti prova tal-effetti konkreti fis-suq tal-ftehimiet li fir-rigward tagħhom xejn ma huwa stabbilit li dawn huma, min-natura tagħhom stess, ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” jista’ biss jiġi applikat għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju. Il-fatt li t-tipi ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE ma jiffurmawx lista eżawrjenti ta’ kollużjonijiet ipprojbiti huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Fil-każ fejn il-ftehim ikkonċernat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li għandu għan antikompetittiv, għandu għalhekk jiġi evalwat jekk dan jistax jiġi kkunsidrat bħala pprojbit minħabba l-alterazzjonijiet fil-kompetizzjoni li jikkostitwixxu l-effetti tiegħu. Għal dan il-għan, kif irrepetiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata fil-kuntest reali fejn taħdem kieku dan il-ftehim ma kienx eżista sabiex jiġi evalwat l-effett ta’ dan tal-aħħar fuq il-parametri tal-kompetizzjoni, bħal, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità u l-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 161 u 164 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, mill-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jistgħu jiġu identifikati tliett iswieq differenti fil-qasam tas-sistemi ta’ kards bankarji miftuħa, jiġifieri, qabel xejn, is-“suq intersistemi”, fejn jikkompetu s-sistemi differenti ta’ kards, imbagħad, is-“suq tal-emittenti”, fejn il-banek emittenti jikkompetu sabiex jakkwistaw il-klijentela tad-detenturi tal-kards u, fl-aħħar nett, is-“suq tal-akkwirenti” fejn il-banek akkwirenti jikkompetu sabiex jakkwistaw il-klijentela tal-kummerċjanti.

57

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-awtorità tal-kompetizzjoni, fid-deċiżjoni tagħha, ikkunsidrat li l-Ftehim TIM kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan tiegħu, b’mod partikolari, peress li, l-ewwel nett, innewtralizza l-element l-iktar importanti tal-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet fuq is-suq intersistemi fl-Ungerija, it-tieni nett, il-banek stess ikkonferewlu rwol li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq is-suq tax-xiri f’dan l-Istat Membru u, it-tielet nett, neċessarjament effettwa l-kompetizzjoni fuq dan l-aħħar suq.

58

Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorità tal-kompetizzjoni, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni sostnew, f’dan is-sens ukoll, li l-Ftehim TIM jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” sa fejn jimplika determinazzjoni indiretta tat-tariffi ta’ servizzi, li jaħdmu bħala prezz fuq is-suq tax-xiri fl-Ungerija. Min-naħa l-oħra, is-sitt banek inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll Visa u MasterCard jikkontestaw li dan kien il-każ.

59

Fir-rigward tal-punt dwar jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali u fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li taqa’ taħtu, ftehim bħall-Ftehim TIM jistax jikkwalifika bħala restrizzjoni “minħabba l-għan”, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa definittivament jekk dan il-ftehim kellux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk ma għandhiex l-elementi kollha li jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward.

60

F’dak li jikkonċerna l-elementi li effettivament ġew mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kontenut tal-Ftehim TIM, li huwa paċifiku li dan tal-aħħar uniformizza l-ammont tat-tariffi ta’ interkambju li l-banek akkwirenti jħallsu lill-banek emittenti meta ssir tranżazzjoni ta’ ħlas b’kard maħruġa minn bank membru tas-sistema ta’ ħlas bil-kard propost minn Visa jew minn MasterCard.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif irreleva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm mill-perspettiva tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ sistemi tal-ħlas bil-kard jew ta’ dik tal-kompetizzjoni bejn il-banek akkwirenti f’dak li jikkonċerna t-tariffi ta’ servizz, ftehim bħall-Ftehim TIM ma jistabbilixxix direttament il-prezzijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ, iżda juniformizza aspett tal-ħlas li jagħmlu l-banek akkwirenti favur il-banek emittenti bħala korrispettiv għas-servizzi ta’ attivitajiet għall-użu bħala mezz ta’ ħlas bil-kards maħruġa minn dawn l-aħħar banek.

62

Minkejja din il-kunsiderazzjoni, mill-formulazzjoni tal-istess Artikolu 101(1)(a) TFUE jirriżulta li ftehim li jistabbilixxi “l-iffissar […] indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ” jista’ wkoll jiġi kkunsidrat li għandu bħala għan li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern. Tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk ftehim bħall-Ftehim TIM jistax jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt l-iffissar indirett tal-prezz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn kien jiddetermina indirettament it-tariffi ta’ servizz.

63

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE jirriżulta wkoll u, speċjalment mit-terminu “partikolarment” li, kif ġie rrilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentneza, it-tipi ta’ ftehim kkunsidrati fl-Artikolu 101(1) TFUE ma jifformawx lista eżwrjenti tal-kollużjonijiet ipprojbiti, u tipi oħra ta’ ftehim jistgħu b’hekk jiġu rrikonoxxuti l-kwalifika ta’ restrizzjoni “minħabba l-għan” meta tali kwalifika ssir skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 33 sa 39, 47 u 51 sa 55 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, lanqas ma jista’ jiġi eskluż mill-ewwel li ftehim bħall-Ftehim TIM jiġi kkwalifikat bħala restrizzjoni “minħabba l-għan” sa fejn jinnewtralizza element ta’ kompetizzjoni bejn żewġ sistemi ta’ ħlas bil-kard.

64

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li żewġ livelli uniformi ta’ tariffi ta’ interkambju kienu ġew stabbiliti fil-Ftehim TIM għal diversi tranżazzjonijiet ta’ ħlas li saru permezz tal-kards proposti minn Visa u minn MasterCard. Barra minn hekk, parti mill-ispejjeż uniformi preċedenti kienet żdiedet iżda parti oħra minn dawn kienet inżammet fl-istess livell bħal qabel. Matul il-perijodu meta l-Ftehim TIM kien fis-seħħ, jiġifieri mill-1 ta’ Ottubru 1996 sat-30 ta’ Lulju 2008, il-livelli tat-tariffi ta’ interkambju naqsu diversi drabi.

65

Għalkemm mill-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li perċentwali u ammonti speċifiċi ġew stabbiliti fil-Ftehim TIM għall-finijiet tal-iffissar tat-tariffi ta’ interkambju, il-kontenut ta’ dan il-ftehim madankollu ma jirrivelax madankollu neċessarjament restrizzjoni “minħabba l-għan”, fin-nuqqas ta’ natura dannuża ċerta għall-kompetizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan.

66

Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-għanijiet intiżi mill-Ftehim TIM, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tas-sistemi ta’ ħlas bil-kard b’żewġ lati bħal dawk proposti minn Visa u MasterCard, hija l-awtorità jew il-qorti kompetenti li għandha tanalizza r-rekwiżiti ta’ ekwilibriju bejn l-attivitajiet ta’ ħruġ u ta’ akkwist fi ħdan is-sistema ta’ ħlas ikkonċernat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kontenut ta’ ftehim jew ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tirrivelax l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, sentenza ta 11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 76 u 77).

67

Fil-fatt, sabiex jiġi evalwat jekk koordinazzjoni bejn impriżi hijiex, min-natura tagħha stess, ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull element rilevanti, kont meħud, b’mod partikolari, tan-natura tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll tal-kundizzjonijiet reali ta’ funzjonament u tal-istruttura tas-swieq, relattiva għall-kuntest ekonomiku jew ġuridiku li fih taqa’ l-imsemmija koordinazzjoni, mingħajr ma jkun rilevanti jekk tali element jaqax jew le fis-suq rilevanti (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 78).

68

Dan għandu jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan l-element ikun jikkonsisti preċiżament fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ interazzjonijiet bejn is-suq rilevanti u suq konness distint u, iktar u iktar, meta jkunu jeżistu, bħal f’dan il-każ, interazzjonijiet bejn iż-żewġ komponenti ta’ sistema b’żewġ lati (sentenza ta 11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 79).

69

F’dan il-każ, għalkemm l-elementi li jinsabu fil-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jissuġġerixxu li l-Ftehim TIM kellu diversi oġġettivi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema minn dan l-għan jew għanijiet huma effettivament stabbiliti.

70

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreleva li t-tfittxija tal-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim TSN, anki jekk dan ma daħalx fis-seħħ, kellha rwol fil-konklużjoni tal-Ftehim TIM u fil-kalkolu tal-iskali uniformi previsti fih. Issa, il-Ftehim TSN kellu preċiżament bħala għan li jiddetermina, skont il-kategorija tal-kummerċjanti, il-livell minimu tat-tariffa ta’ servizz uniformi li kellu jitħallas minn dawn tal-aħħar.

71

Għaldaqstant, ċerti elementi li jinsabu fil-fajl suġġett lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom tendenza jindikaw li għan tal-Ftehim TIM kien li jiġi żgurat ċertu ekwilibriju bejn l-attivitajiet ta’ ħruġ u dawk ta’ akkwist fi ħdan is-sistema ta’ ħlas bil-kard fil-kawża prinċipali.

72

B’mod partikolari, minn naħa, it-tariffi ta’ interkambju kienu ġew uniformizzati permezz mhux tal-limiti minimi jew massimi, iżda ta’ ammonti fissi. Għalkemm l-għan tal-Ftehim TIM kien jikkonsisti sempliċement f’li jiġi żgurat li l-kummerċjanti jħallsu tariffi ta’ servizzi li jilħqu ċertu livell, kien possibbli, għall-partijiet ta’ dan il-ftehim, li jipprevedu biss limiti minimi għat-tariffi ta’ interkambju. Min-naħa l-oħra, filwaqt li t-tariffa ta’ interkambju hija mħallsa lill-banek emittenti bħala korrispettiv tas-servizzi attivati mill-użu tal-kard tal-ħlas, mill-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul is-snin 2006 u 2007, il-banek ġew informati minn MasterCard u minn Visa li studji tal-ispejjeż li dawn it-tnejn tal-aħħar kienu wettqu kull waħda minnhom kienu juru li l-livelli tal-ispejjeż stabbiliti fil-Ftehim TIM ma kinux suffiċjenti sabiex ikopru dawk kollha magħmula mill-banek emittenti.

73

Issa, ma jistax jiġi eskluż li tali elementi huma indikattivi tal-fatt li l-Ftehim TIM kellu għan li jikkonsisti mhux f’li jiġi żgurat limitu massimu għat-tariffi ta’ servizz, iżda li jiġi stabbilit ċertu ekwilibriju bejn l-attivitajiet ta’ “ħruġ” u ta’ “akkwist” fi ħdan kull waħda mis-sistemi ta’ ħlas bil-kard inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġi ggarantit li ċerti spejjeż ikkawżati mill-użu ta’ kards fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas ikunu koperti, filwaqt li jiġu protetti dawn is-sistemi mill-effetti mhux mixtieqa li jirriżultaw minn livell għoli ħafna ta’ tariffi ta’ interkambju u għalhekk, skont il-każ, tat-tariffi ta’ servizz.

74

Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-Ftehim TIM, billi nnewtralizza l-kompetizzjoni bejn iż-żewġ sistemi ta’ ħlas bil-kard inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’dak li jikkonċerna l-aspett tal-ispiża li jirrappreżentaw it-tariffi ta’ interkambju, seta’ kellu bħala konsegwenza li jintensifika l-kompetizzjoni bejn dawn is-sistemi minn aspetti oħra. B’mod partikolari, din il-qorti tosserva li kemm id-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni kif ukoll l-appell fil-kassazzjoni li hija adita bih huma bbażati fuq il-premessa li l-karatteristiċi tal-prodotti proposti minn Visa u MasterCard huma essenzjalment l-istess. Issa, l-imsemmija qorti tenfasizza li dawn il-karatteristiċi jista’ jkun li varjaw matul il-perijodu meta l-aġir antikompetittiv ikkritikat f’dan il-każ kien seħħ. Skont din l-istess qorti, l-uniformizzazzjoni tat-tariffi ta’ interkambju setgħet tiġġenera kompetizzjoni f’dak li jikkonċerna l-karatteristiċi l-oħra, kundizzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet u prezz ta’ dawn il-prodotti.

75

Jekk dan kien effettivament il-każ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, restrizzjoni tal-kompetizzjoni fuq is-suq tas-sistemi ta’ ħlas fl-Ungerija, kuntrarja għall-Artikolu 101(1) TFUE tista’ tiġi kkonstatata biss wara l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni li kienet tkun teżisti fuq dan is-suq li kieku ma kienx eżista l-Ftehim TIM, evalwazzjoni li, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, taqa’ taħt eżami tal-effetti ta’ dan il-ftehim.

76

Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 u 63 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi ġġustifikat li ftehim jiġi kkwalifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, mingħajr ma tkun neċessarja analiżi tal-effetti tiegħu, għandha tkun teżisti esperjenza solida u affidabbli biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li dan il-ftehim huwa, min-natura tiegħu stess, dannuż għall-funzjonament tal-kompetizzjoni.

77

Issa, f’dan il-każ, f’dak li jikkonċerna, minn naħa, il-kompetizzjoni bejn iż-żewġ sistemi ta’ ħlas bil-kard, l-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk il-fatt li titħassar il-kompetizzjoni bejn Visa u MasterCard fir-rigward tal-aspett tal-ispiża li jirrappreżentaw it-tariffi ta’ interkambju jirrevelax, minnu nnifsu, grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-eżami tal-effetti tiegħu ma huwiex neċessarju. F’dan ir-rigward, minbarra l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiżi sabiex juru l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ restrizzjoni “minħabba l-għan” jikkonsistu, essenzjalment, sabiex isostnu li l-eżistenza tal-istess livell ta’ tariffa ta’ interkambju bejn dawn iż-żewġ sistemi saħħet l-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-uniformizzazzjoni tat-tariffi fi ħdan kull wieħed minn dawn.

78

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-suq tal-akkwist fl-Ungerija, anki fl-ipoteżi li l-Ftehim TIM kellu b’mod partikolari l-effett li jistabbilixxi livell massimu applikabbli għat-tariffi ta’ servizz, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx biżżejjed elementi li jippermettulha li tistabbilixxi li dan il-ftehim kellu grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq dan is-suq sabiex restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” tkun tista’ tiġi kkonstatata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha madankollu twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

79

B’mod partikolari, f’dan il-każ, taħt riżerva ta’ dawn l-istess verifiki, l-elementi mressqa għal dan il-għan ma jippermettux li jiġi konkluż li teżisti esperjenza biżżejjed ġenerali u konsistenti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li n-natura dannuża għall-kompetizzjoni ta’ ftehim bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġġustifika li jiġi ddispensat minn kwalunkwe eżami tal-effetti konkreti ta’ dan il-ftehim fuq il-kompetizzjoni. L-elementi li bbażaw ruħhom fuqhom l-awtorità tal-kompetizzjoni, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, jiġifieri, essenzjalment, il-prattika deċiżjonali ta’ din l-awtorità kif ukoll il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, juru, fl-istat attwali, preċiżament in-neċessità li jsir eżami fil-fond tal-effetti ta’ tali ftehim sabiex jiġi vverifikat jekk dan effettivament kellux l-effett li jistabbilixxi limitu massimu applikabbli għat-tariffi ta’ servizz u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni li tkun ipprevaliet kieku kien eżista dan il-ftehim, dan kienx irrestrinġa l-kompetizzjoni minħabba l-effetti tiegħu.

80

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntest li jaqa’ taħtu l-Ftehim TIM, fl-ewwel lok, huwa minnu li, kif issostni l-Kummissjoni, la l-kumplessità tas-sistemi ta’ ħlas bil-kard tat-tip bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la n-natura bilaterali ta’ dawn is-sistemi inkwantu tali u lanqas l-eżistenza ta’ relazzjonijiet vertikali bejn id-diversi tipi ta’ operaturi ekonomiċi kkonċernati, ma jistgħu, minnhom infushom, jostakolaw il-kwalifika ta’ restrizzjoni “minħabba l-għan” tal-Ftehim TIM (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, xorta jibqa’ l-fatt li tali għan antikompetittiv għandu jiġi pprovat.

81

Fit-tieni lok, ġie argumentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kompetizzjoni bejn is-sistemi ta’ ħlas bil-kard fl-Ungerija wasslet mhux għal tnaqqis, iżda għal żieda fit-tariffi ta’ interkambju, kuntrarjament għall-effett ta’ dixxiplina fuq il-prezzijiet li l-kompetizzjoni teżerċita abitwalment f’ekonomija tas-suq. Skont dawn l-elementi, dan huwa dovut, b’mod partikolari, għall-fatt li l-kummerċjanti jistgħu jeżerċitaw biss pressjoni limitata fuq id-determinazzjoni tat-tariffi ta’ interkambju, filwaqt li l-banek emittenti għandhom interess li jagħmlu l-iktar qliegħ possibbli mit-tariffi.

82

Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll l-eżistenza, a priori, ta’ indikazzjonijiet serji ta’ natura li juru li l-Ftehim TIM wassal għal tali pressjoni biex il-prezzijiet jitilgħu jew, tal-inqas, elementi kontradittorji jew ambivalenti f’dan ir-rigward, dawn l-indikazzjonijiet jew elementi ma jistgħux jiġu injorati mill-imsemmija qorti fil-kuntest tal-eżami tagħha dwar l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ restrizzjoni “minħabba l-għan”. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jidher li jista’ jiġi dedott mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, il-fatt li, fl-assenza tal-Ftehim TIM, il-livell tat-tariffi ta’ interkambju li jirriżulta mill-kompetizzjoni kien ikun iktar għoli huwa rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ restrizzjoni li tirriżulta minn dan il-ftehim, peress li tali ċirkustanza għandha għan antikompetittiv li huwa akkużat bih dan il-ftehim fir-rigward tas-suq ta’ akkwist fl-Ungerija, jiġifieri li dan l-istess ftehim illimita t-tnaqqis tat-tariffi ta’ interkambju u, konsegwentement, il-pressjoni biex jonqsu l-prezzijiet li l-kummerċjanti setgħu jeżerċitaw fuq il-banek akkwirenti sabiex jinkiseb tnaqqis tat-tariffi ta’ servizz.

83

Barra minn hekk, kieku kellhom jeżistu indikazzjonijiet serji li, kieku l-Ftehim TIM ma kienx ġie konkluż, kien ikun hemm pressjoni biex jiżdiedu l-prezzijiet fuq it-tariffi ta’ interkambju, b’tali mod li ma kienx ikun jista’ jiġi sostnut li dan il-ftehim kien ikkostitwixxa restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fuq is-suq tal-akkwist fl-Ungerija, għandu jsir eżami fil-fond tal-effetti tal-imsemmi ftehim, li fil-kuntest tiegħu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, ikun hemm lok li tiġi eżaminata l-kompetizzjoni kieku dan il-ftehim ma kienx eżista sabiex jiġi evalwat l-effett ta’ dan tal-aħħar fuq il-parametri ta’ kompetizzjoni u jiġi vverifikat għalhekk jekk dan ħoloqx effettivament effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

84

Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jiġi rrilevat li huwa wkoll rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-punt dwar jekk il-Ftehim TIM jistax jiġi kkwalifikat bħala restrizzjoni “minħabba l-għan”, il-fatt enfasizzat mill-qorti tar-rinviju li l-banek li kienu parti f’dan il-ftehim kienu jinkludu, mingħajr distinzjoni, l-operaturi direttament ikkonċernati mit-tariffi ta’ interkambju, jiġifieri kemm il-banek emittenti kif ukoll il-banek akkwirenti, kwalitajiet li fil-fatt ħafna drabi jikkoinċidu.

85

B’mod partikolari, għalkemm tali ċirkustanza ma tipprekludi bl-ebda mod, fiha nnifisha, il-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fir-rigward ta’ ftehim bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija jista’ jkollha ċerta relevanza fil-kuntest tal-verifika tal-punt dwar jekk il-Ftehim TIM kellux l-għan li jiżgura ċertu ekwilibriju fi ħdan kull waħda mis-sistemi ta’ ħlas bil-kard ikkonċernati f’dan il-każ. Fil-fatt, mhux biss il-banek emittenti u l-banek akkwirenti setgħu jfittxu, permezz ta’ dan il-ftehim, li jsibu mod kif jikkonċiljaw l-interessi tagħhom possibbilment diverġenti, iżda l-banek li kienu preżenti kemm fuq is-suq ta’ ħruġ kif ukoll fuq dak ta’ akkwist setgħu riedu forsi jaslu għal livell ta’ tariffi ta’ interkambju li kien jippermetti li jiġu protetti bl-aħjar mod l-attivitajiet tagħhom fuq dawn iż-żewġ swieq.

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim interbankarju li jistabbilixxi għall-istess ammont it-tariffa ta’ interkambju li jirċievu, meta ssir tranżazzjoni ta’ ħlas bil-kard, il-banek li ħarġu tali kards proposti mill-kumpanniji ta’ servizzi ta’ ħlas bil-kard attivi fuq is-suq nazzjonali kkonċernat, jista’ jiġi kkwalifikat bħala ftehim li għandu “l-għan” li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm dan il-ftehim, fid-dawl tat-termini tiegħu, tal-għanijiet u tal-kuntest tiegħu, jista’ jiġi kkunsidrat li għandu grad ta’ dannu suffiċjenti fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jiġi hekk ikkwalifikat, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

87

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa neċessarju li tiġi ppreċiżata n-natura tal-involviment ta’ kumpanniji li jipprovdu servizzi ta’ ħlas bil-kard li ma pparteċipawx direttament fid-determinazzjoni tal-kontenut ta’ ftehim interbankarju kkunsidrat li huwa antikompetittiv fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, iżda li ppermettew il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim u aċċettawh u applikawh u, fl-affermattiv, jekk tali kumpanniji għandhomx jiġu kkunsidrati bħala partijiet għall-imsemmi ftehim jew bħala partijiet għal prattika miftiehma mal-banek li kkonkludew l-istess ftehim abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni.

88

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tielet u r-raba’ domanda huma magħmula fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju titwassal, għal proċedura ulterjuri, sabiex tagħti istruzzjonijiet konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, din il-qorti tirreleva li, fis-sentenza li hija s-suġġett tal-appell fil-kassazzjoni li hija adita bih il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) ma kkunsidratx il-kwsitjoni tal-involviment ta’ Visa fil-Ftehim TIM fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u Visa ma ppreżentatx appell inċidentali fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju dwar din il-kwistjoni.

89

Barra minn hekk, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, MasterCard irrelevat li l-kawża prinċipali ma għandha ebda effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika tagħha, peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, MasterCard ma appellatx mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest) quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest).

90

Minn dan isegwi li, kif irrikonoxxietu espressament il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tipprova tikseb permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha ma hijiex neċessarja sabiex tippermettilha li taqa’ l-kawża li hija attwalment adita biha, iżda tista’ tkun utli fil-kuntest ta’ eventwali proċedura nazzjonali futura.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, it-tielet u r-raba’ domandi għandhom jiġu kkunsidrati, minħabba n-natura ipotetika tagħhom bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

92

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-istess aġir antikompetittiv jiġi kkunsidrat bħala li għandu fl-istess ħin l-għan u l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni

 

2)

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim interbankarju li jistabbilixxi għall-istess ammont it-tariffa ta’ interkambju li jirċievu, meta ssir tranżazzjoni ta’ ħlas bil-kard, il-banek li ħarġu tali kards proposti mill-kumpanniji ta’ servizzi ta’ ħlas bil-kard attivi fuq is-suq nazzjonali kkonċernat, jista’ jiġi kkwalifikat bħala ftehim li għandu “l-għan” li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm dan il-ftehim, fid-dawl tat-termini tiegħu, tal-għanijiet u tal-kuntest tiegħu, jista’ jiġi kkunsidrat li għandu grad ta’ dannu suffiċjenti fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jiġi hekk ikkwalifikat, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.