SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Appell – Trademark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Proċedimenti ta’ revoka – Trademark figurattiva li tirrappreżenta salib fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport – Ċaħda tat-talba għal revoka”

Fil-Kawża C‑223/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-27 ta’ Marzu 2018,

Deichmann SE, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Onken, Rechtsanwältin,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

Munich SL, stabbilita f’Capellades (Spanja), irrappreżentata minn J. Güell Serra u M. del Mar Guix Vilanova, abogados,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Deichmann SE titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Jannar 2018, Deichmann vs EUIPO – Munich (Rappreżentazzjoni ta’ salib fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport) (T-68/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:7), li biha ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Awla tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-4 ta’ Diċembru 2015 (Każ R 2345/2014-4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Deichmann u Munich SL (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark Komunitarja [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1) ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. Ir-Regolament Nru 207/2009, kif emendat, tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data li fiha tressqet it-talba għal revoka kkontestata, jiġifieri s-26 ta’ Jannar 2011, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt applikabbli, din il-kawża hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009.

3

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “L-użu ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea]” jipprevedi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] [fl-Unjoni Ewropea] f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fl-ewwel subparagrafu:

a)

l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija ġiet reġistrata.”

4

L-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet għal revoka”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

a)

jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; madanakollu, l-ebda persuna ma tista’ titlob li d-drittijiet tal-proprjetarju fit-trade mark Komunitarja jiġu revokati jekk, waqt l-intervall bejn l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin u l-preżentata tal-applikazzjoni jew tal-kontrotalba, użu ġenwin tat-trade mark ikun beda jew issokta; il-bidu jew l-issoktar ta’ użu waqt perjodu ta’ tliet xhur qabel il-preżentata tal-applikazzjoni jew tal-kontrotalba li jkun beda l-iktar kmieni mal-iskadenza tal-perjodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ nuqqas ta’ użu għandu, madanakollu, ma jiġix meqjus jekk il-preparamenti għall-bidu jew għall-issoktar iseħħu biss wara li l-proprjetarju jsir jaf li l-applikazzjoni jew il-kontrotalba jistgħu jiġu preżentati”.

5

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1431 tat-18 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 (ĠU 2017, L 205, p. 39), li, skont l-Artikolu 38 tiegħu, huwa applikabbli biss mill-1 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, jipprovdi, fl-Artikolu 3 tiegħu, intitolat “Rappreżentazzjoni tat-trademark”:

“1.   It-trademark għandha tiġi rrappreżentata fi kwalunkwe forma adattata bl-użu tat-teknoloġija ġeneralment disponibbli, sakemm din tkun tista’ tiġi riprodotta fuq ir-reġistru b’mod li jkun ċar, preċiż, komplut fih innifsu, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, durabbli u oġġettiv b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-pubbliku jiddeterminaw b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija lill-propjetarju tagħha.

2.   Ir-rappreżentazzjoni tat-trademark għandha tiddefinixxi s-suġġett tar-reġistrazzjoni. Meta r-rappreżentazzjoni tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni skont il-paragrafu 3(d), (e), (f)(ii), (h) jew il-paragrafu 4, din id-deskrizzjoni għandha taqbel mar-rappreżentazzjoni u ma għandhiex testendi l-ambitu tagħha.

3.   Meta l-applikazzjoni tkun tikkonċerna kwalunkwe waħda mit-trademarks elenkati fil-punti (a) sa (j), din għandha tinkludi indikazzjoni dwar dan. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, it-tip tat-trademark u r-rappreżentazzjoni tagħha għandhom jaqblu ma’ xulxin kif ġej:

a)

fil-każ ta’ trademark magħmula esklużivament minn kliem jew ittri, numri, karattri tipografiċi standard oħrajn jew taħlita tagħhom (il-marka ta’ kelma), il-marka għandha tkun irrappreżentata permezz ta’ riproduzzjoni tas-sinjal b’kitba u lejawt standard, mingħajr ebda riproduzzjoni grafika jew kulur;

b)

fil-każ ta’ trademark meta jintużaw karattri, stilizzazzjoni jew lejawt mhux standard, jew riproduzzjoni grafika jew kulur (il-marka figurattiva), inklużi l-marki li jikkonsistu esklużivament minn elementi figurattivi jew ta’ taħlita ta’ elementi verbali u figurattivi, il-marka għandha tkun irrappreżentata permezz ta’ riproduzzjoni tas-sinjal li turi l-elementi kollha tagħha u, fejn applikabbli, il-kuluri tagħha;

c)

fil-każ ta’ trademark magħmula minn forma tridimensjonali jew li tkun tinkludi tali forma, inklużi l-kontenituri, l-imballaġġ, il-prodott innifsu jew id-dehra tagħhom (il-marka ta’ forma), il-marka għandha tkun irrappreżentata billi tiġi sottomessa riproduzzjoni grafika tal-forma, inklużi immaġnijiet iġġenerati permezz tal-kompjuter, jew riproduzzjoni fotografika. Ir-riproduzzjoni grafika jew fotografika tista’ tinkludi perspettivi differenti. Meta r-rappreżentazzjoni ma tkunx ipprovduta b’mod elettroniku, din jista’ jkun fiha sa sitt perspettivi differenti;

d)

fil-każ ta’ trademark li tkun tikkonsisti fil-mod speċifiku kif il-marka titqiegħed jew titwaħħal fuq il-prodott (il-marka ta’ pożizzjoni), il-marka għandha tkun irrappreżentata permezz ta’ riproduzzjoni li tidentifika b’mod xieraq il-pożizzjoni tal-marka u d-daqs jew il-proporzjon tagħha fil-konfront tal-oġġetti rilevanti. L-elementi li ma jiffurmawx parti mis-suġġett tar-reġistrazzjoni għandhom jiġu esklużi b’mod viżiv preferibbilment permezz ta’ linji miksurin jew bit-tikek. Ir-rappreżentazzjoni tista’ tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni li tispjega kif is-sinjal huwa mwaħħal fuq l-oġġetti;

e)

fil-każ ta’ trademark magħmula esklużivament minn sett ta’ elementi li huma ripetuti regolarment (il-marka ta’ motif), il-marka għandha tkun irrappreżentata permezz ta’ riproduzzjoni li turi l-iskema ta’ ripetizzjoni. Ir-rappreżentazzjoni tista’ tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni li tispjega kif l-elementi tagħha jiġu ripetuti regolarment;

f)

fil-każ ta’ marka ta’ kulur,

i)

meta t-trademark tkun tikkonsisti esklużivament minn kulur wieħed mingħajr kontorni, il-marka għandha tkun irrappreżentata permezz ta’ riproduzzjoni tal-kulur u indikazzjoni ta’ dak il-kulur b’referenza għal kodiċi tal-kulur rikonoxxut b’mod ġenerali;

ii)

meta t-trademark tkun tikkonsisti esklużivament minn taħlita ta’ kuluri mingħajr kontorni, il-marka għandha tkun irrappreżentata permezz ta’ riproduzzjoni li turi l-arranġament sistematiku tat-taħlita ta’ kuluri b’mod uniformi u prestabbilit u indikazzjoni ta’ dawk il-kuluri b’referenza għal kodiċi tal-kulur rikonoxxut b’mod ġenerali. Tista’ tiġi miżjuda wkoll deskrizzjoni li tispjega l-arranġament sistematiku tal-kuluri;

g)

fil-każ ta’ trademark magħmula esklużivament minn ħoss jew taħlita ta’ ħsejjes (il-marka tal-ħoss), il-marka għandha tkun irrappreżentata billi jiġi ppreżentat fajl awdjo li jirriproduċi l-ħoss jew permezz ta’ rappreżentazzjoni preċiża tal-ħoss f’notazzjoni mużikali;

h)

fil-każ ta’ trademark li tikkonsisti f’moviment jew f’bidla fil-pożizzjoni tal-elementi tal-marka, jew li tkun estiża għal tali moviment jew bidla (il-marka ta’ moviment), il-marka għandha tkun irrappreżentata permezz ta’ fajl vidjo jew permezz ta’ serje ta’ immaġnijiet statiċi sekwenzjali li juru l-moviment jew il-bidla tal-pożizzjoni. Meta jintużaw immaġnijiet statiċi, dawn jistgħu jkunu numerati jew akkumpanjati minn deskrizzjoni li tispjega s-sekwenza;

i)

fil-każ ta’ trademark li tikkonsisti f’taħlita ta’ immaġni u ħoss, jew li tkun estiża għal tali immaġni u ħoss (il-marka multimedjali), il-marka għandha tkun irrappreżentata billi jiġi ppreżentat fajl awdjoviżiv li jkun fih it-taħlita tal-immaġni u tal-ħoss;

j)

fil-każ ta’ trademark li tikkonsisti minn elementi b’karatteristiċi olografiċi (marka olografika), il-marka għandha tkun irrappreżentata permezz ta’ fajl vidjo jew ta’ riproduzzjoni grafika jew fotografika li jinkludu l-perspettivi li huma meħtieġa biex jiġi identifikat biżżejjed l-effett olografiku fl-intier tiegħu.

4.   Meta t-trademark ma tkun koperta mill-ebda wieħed mit-tipi elenkati fil-paragrafu 3, ir-rappreżentazzjoni tagħha għandha tikkonforma mal-istandards stabbiliti fil-paragrafu 1 u tista’ tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni.

5.   Meta r-rappreżentazzjoni tiġi pprovduta b’mod elettroniku, id-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju għandu jiddetermina l-formati u d-daqs tal-fajl elettroniku kif ukoll kwalunkwe speċifikazzjoni teknika rilevanti oħra.

6.   Meta r-rappreżentazzjoni ma tkunx ipprovduta b’mod elettroniku, it-trademark għandha tkun riprodotta fuq folja ta’ karta waħda separata mill-folja li fuqha jidher it-test tal-applikazzjoni. Il-folja waħda li fuqha tiġi riprodotta l-marka għandha tinkludi l-perspettivi jew l-immaġnijiet kollha rilevanti u ma għandhiex taqbeż il-qies DIN A4 (għoli ta’ 29,7 cm, wisa’ ta’ 21 cm). Madwarha għandu jitħalla marġni ta’ mill-inqas 2,5 cm.

7.   Meta l-orjentazzjoni korretta tal-marka ma tkunx evidenti, għandha tkun indikata billi tiżdied il-kelma “fuq” ma’ kull riproduzzjoni.

8.   Ir-riproduzzjoni tal-marka għandha tkun ta’ kwalità tali li tkun tista’:

a)

titnaqqas għal daqs ta’ mhux inqas minn 8 cm wiesgħa u 8 cm għolja;

jew

b)

titkabbar għal daqs ta’ mhux aktar minn 8 cm wiesgħa u 8 cm għolja.

9.   Il-preżentazzoni ta’ kampjun jew mudell ma għandhiex tikkostitwixxi rappreżentazzjoni xierqa ta’ trademark.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 14 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

7

Fis-6 ta’ Novembru 2002, l-intervenjenti, Munich, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO, skont ir-Regolament Nru 207/2009.

8

It-trademark figurattiva li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem it-“trademark ikkontestata”) kienet irrappreżentata kif ġej:

Image

9

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Żraben tal-isport”.

10

It-trademark ikkontestata ġiet irreġistrata fl-24 ta’ Marzu 2004, bin-numru 2923852.

11

Fil-kuntest tal-azzjoni ta’ ksur mibdija minn Munich quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kontra Deichmann, din tal-aħħar ressqet, fid-29 ta’ Ġunju 2010, kontrotalba abbażi tal-Artikolu 51(1)(a), tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 100(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Fis-26 ta’ Ottubru 2010, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-prolazzjoni tas-sentenza fuq l-azzjoni ta’ ksur abbażi tal-Artikolu 100(7) tar-Regolament Nru 207/2009 u stiednet lil Deichmann tressaq talba għal revoka u għal dikjarazzjoni ta’ nullità quddiem l-EUIPO f’terminu ta’ tliet xhur.

12

Fis-26 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat, quddiem l-EUIPO, talba għar-revoka tat-trademark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-raġuni li ma sarx użu ġenwin minnha fi ħdan l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari matul il-ħames snin qabel id-data tal-kontrotalba, għall-prodotti li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal revoka, irrevokat it-trademark ikkontestata mis-26 ta’ Jannar 2011 u kkundannat lil Munich għall-ispejjeż.

14

Fl-10 ta’ Settembru 2014, Munich appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

15

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal revoka. Essenzjalment, dan irrileva li l-provi ta’ użu kienu juru l-użu mit-trademark ikkontestata għaż-“żraben tal-isport”, li jaqgħu fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, matul il-perijodu rilevanti li huwa ddefinixxa bħala korrispondenti għall-ħames snin ta’ qabel id-data li fiha tressqet il-kontrotalba.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16

Permezz ta’ att li wasal quddiem il-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

17

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat tliet motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 207/2009 mill-Bord tal-Appell, peress li dan tal-aħħar, billi qies li kienet irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk it-trademark ikkontestata kinitx trademark figurattiva jew trademark ta’ pożizzjoni, wettaq evalwazzjoni żbaljata tas-suġġett ta’ dan l-aħħar imsemmi rikors. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 51(1) u tal-Artikolu 15(1) ta’ dan l-istess regolament, sa fejn, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trademark ikkontestata ntużatx fil-forma rreġistrata tagħha jew f’forma li ma tbiddilx il-karattru distintiv tagħha, il-Bord tal-Appell qabbel biss parti minnha, jiġifieri żewġ strixxi li jinkroċjaw, fejn l-istrixxi jitqiegħdu fuq iż-żraben tal-isport allegatament ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti. Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti sostniet li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 207/2009 billi bbaża ruħu fuq mudelli ta’ żraben li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom mill-intervenjenti ma ġietx ipprovata.

18

Il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, ċaħdet dawn it-tliet motivi u, konsegwentement, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

19

Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 33 u 34 tas-sentenza appellata, li t-“trademarks ta’ pożizzjoni” kienu jixbhu kategoriji ta’ trademarks figurattivi u tridimensjonali, peress li dawn kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ elementi figurattivi jew tridimensjonali fuq il-wiċċ ta’ prodott. Hija qieset li mill-ġurisprudenza kien jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trademark, il-klassifikazzjoni ta’ “trademark ta’ pożizzjoni” bħala trademark figurattiva jew tridimensjonali jew bħala kategorija speċifika ta’ trademarks kienet irrilevanti. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza kienet tirrikonoxxi l-possibbiltà li trademarks figurattivi jkunu fir-realtà trademarks “ta’ pożizzjoni”.

20

Skont il-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi fatt li ġiet immarkata l-kaxxa “trademark figurattiva” waqt ir-reġistrazzjoni tat-trademark ikkontestata li din ma tistax titqies, fl-istess ħin, bħala trademark “ta’ pożizzjoni”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li kien jeħtieġ, b’mod partikolari, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trademark kienet turi b’mod ċar, permezz ta’ linji kontinwi, l-element li għalih tintalab il-protezzjoni u, permezz ta’ linji bit-tikek, il-kontorni tal-prodotti inkwistjoni, li fuqhom din titqiegħed. Il-Qorti Ġenerali speċifikat li t-trademark ikkontestata, filwaqt li tqieset bħala li taqa’ taħt it-tip “trademark ta’ pożizzjoni”, xorta waħda kienet tibqa’ trademark figurattiva.

21

Fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li setgħet tiddeduċi direttament mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trademark ikkontestata li l-protezzjoni mitluba kienet tikkonċerna biss salib, ikkostitwit minn żewġ linji suwed li jinkroċjaw, irrappreżentati b’linji kontinwi. Għall-kuntrarju, hija qieset li l-linji bit-“tikek”, li jifformaw il-kontorni taż-żarbun tal-isport u l-lazzijiet tiegħu, kellhom jinftiehmu bħala li jippermettu li tiġi ppreċiżata l-pożizzjoni tal-imsemmi salib, sa fejn il-linji bit-tikek jintużaw b’mod abitwali f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

22

Minn dan kollu, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-Bord tal-Appell seta’, b’kull dritt, iqis li, “sa fejn [kienet] ir-rappreżentazzjoni grafika li [kienet tiddefinixxi] t-trade mark, il-kwistjoni dwar jekk [kinitx] trade mark ta’ pożizzjoni jew trade mark figurattiva [ma kinitx] rilevanti”.

23

Fir-rigward tat-tieni u t-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat li kien b’mod ġust li l-Bord tal-Appell kien qies li l-provi ppreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu suffiċjenti sabiex jiġi pprovat użu ġenwin tat-trademark ikkontestata.

It-talbiet tal-partijiet

24

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew, b’mod kawtelatorju, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-appellat u lill-intervenjenti għall-ispejjeż marbuta kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll għal dawk tal-appell.

25

Munich u l-EUIPO rispettivament jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

26

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tqis, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali, billi qieset li kienet irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk it-trademark ikkontestata kinitx trademark ta’ pożizzjoni jew trademark figurattiva, xejnet l-importanza u l-konsegwenzi ġuridiċi tad-determinazzjoni tat-tip ta’ trademark ikkonċernata. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma ddeterminatx b’mod korrett is-suġġett tat-trademark ikkontestata, iżda qieset u ttrattat lil din it-trademark bħala trademark ta’ pożizzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-użu ġenwin ta’ din tal-aħħar. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ammettiet, b’mod żbaljat, li Munich kienet waslet biex turi l-użu ġenwin tat-trademark tagħha billi pproduċiet il-prova tal-bejgħ ta’ żraben miksija b’żewġ strixxi li jinkroċjaw fuq il-ġenb.

Fuq l-aggravju

L-argumenti tal-partijiet

27

Permezz tal-aggravju uniku tagħha, l-appellanti ssostni, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, qieset b’mod żbaljat li, “sa fejn [kienet] ir-rappreżentazzjoni grafika li [kienet tiddefinixxi] t-trade mark, il-kwistjoni dwar jekk [kinitx] trade mark ta’ pożizzjoni jew trade mark figurattiva [ma kinitx] rilevanti”.

28

F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trademark ikkontestata kinitx is-suġġett jew le ta’ użu ġenwin, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk din tal-aħħar ġietx irreġistrata bħala trademark ta’ pożizzjoni jew bħala trademark figurattiva.

29

Fil-fatt, il-kundizzjonijiet legali, is-suġġett u l-kamp ta’ protezzjoni applikabbli għat-tipi differenti ta’ trademark u l-użu tagħhom huma differenti. Jekk it-trademark ikkontestata kellha titqies bħala trademark figurattiva, is-suġġett tagħha jkun jikkonsisti fir-rappreżentazzjoni grafika kif din ġiet irreġistrata, jiġifieri x-xbieha stilizzata ta’ żarbun bil-lazzijiet b’pett inviżibbli u żewġ strixxi li jinkroċjaw fuq il-ġenb. Jekk, għall-kuntrarju, it-trademark ikkontestata kellha titqies bħala trademark ta’ pożizzjoni, is-suġġett tagħha jkun jikkonsisti f’żewġ strixxi li jinkroċjaw li għandhom jitpoġġew f’post speċifiku fuq il-prodott.

30

L-appellanti tikkontesta wkoll il-punt 34 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-ġurisprudenza kienet tirrikonoxxi l-possibbiltà li t-trademarks figurattivi jkunu fil-verità trademarks “ta’ pożizzjoni”. Hija ssostni li din l-interpretazzjoni tmur kontra l-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431, li skontha t-trademarks ta’ pożizzjoni jikkostitwixxu kategorija speċifika ta’ trademarks, differenti mill-kategorija tat-trademarks figurattivi. Hija ssostni wkoll li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2013, Colloseum Holding (C‑12/12, EU:C:2013:253), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2010, Rosenruist vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ but b’żewġ kurvi fuqu) (T-388/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:410), ma kinitx applikabbli fil-kawża odjerna, peress li r-reġistrazzjoni tat-trademark ikkontestata fil-kawża odjerna, iddeżinjata bħala trademark figurattiva, ma kinitx tinkludi deskrizzjoni ta’ din tal-aħħar li setgħet twassal sabiex din titqies bħala trademark ta’ pożizzjoni, u lanqas dikjarazzjoni ta’ rinunzja.

31

Sussegwentement, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nnifisha billi tikkonferma, minn naħa, li l-kwistjoni dwar jekk din hijiex trademark ta’ pożizzjoni jew trademark figurattiva ma kinitx rilevanti u billi ttrattat, min-naħa l-oħra, fil-punti 26, 28, 35, 40, 49 u 65 et seq. tas-sentenza appellata, it-trademark ikkontestata bħala trademark ta’ pożizzjoni.

32

Hija tqis li, fi kwalunkwe każ, ikun żbaljat li t-trademark ikkontestata titqies bħala trademark ta’ pożizzjoni, meta ġiet iddeżinjata fuq il-formola ta’ applikazzjoni u ġiet irreġistrata bħala trademark figurattiva. B’hekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fid-determinazzjoni tas-suġġett tat-trademark ikkontestata, fatt li wassalha sabiex tqis u tittratta din it-trademark bħala trademark ta’ pożizzjoni fl-evalwazzjoni tal-użu ġenwin ta’ din tal-aħħar.

33

Fl-ewwel lok, u għall-kuntrarju tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li l-kontorni eżatti taż-żarbun tal-isport ma humiex koperti mit-trademark peress li dawn jidhru bit-tikek, is-sempliċi użu tal-linja bit-titek jew mhux kontinwa ma kienx juri, fin-nuqqas ta’ kriterji oħra li jissuġġerixxu li din hija trademark ta’ pożizzjoni, li l-elementi li jidhru taħt din il-forma kienu s-suġġett ta’ rinunzja. Fl-assenza ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja jew ta’ deskrizzjoni, kien hemm lok li jiġi preżunt li dawn il-linji jifformaw parti mit-trademark ikkontestata.

34

Fit-tieni lok, l-ebda dispożizzjoni legali ma kienet tipprevedi li s-sempliċi użu ta’ linji bit-tikek sabiex tiġi ppreżentata trademark kien jimplika l-klassifikazzjoni ta’ din tal-aħħar bħala trademark ta’ pożizzjoni.

35

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, qieset, b’mod żbaljat, li t-trademark ikkontestata kellha titqies bħala trademark ta’ pożizzjoni, peress li Munich kienet invokat preċedenza, abbażi ta’ trademark Spanjola rreġistrata fl-1992 li r-rappreżentazzjoni grafika tagħha kienet identika għal tat-trademark ikkontestata u li kienet tinkludi deskrizzjoni li tispeċifika li t-trademark kienet tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ salib li jinsab fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport.

36

Fl-aħħar, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 51(1)(a) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 billi sempliċement eżaminat jekk l-istrixxi li jinkroċjaw kinux, jew le, impoġġija f’pożizzjoni speċifika fuq iż-żraben mibjugħa minn Munich, mingħajr ma pparagunat is-sinjali użati minn din tal-aħħar u t-trademark kif din ġiet irreġistrata. B’dan, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li Munich kienet stabbilixxiet l-użu ġenwin mit-trademark ikkontestata billi ppruvat il-bejgħ taż-żraben miksija b’żewġ strixxi li jinkroċjaw fuq il-ġenb tagħhom.

37

L-EUIPO jqis li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

38

Munich, li teċċepixxi, fuq bażi prinċipali, l-inammissibbiltà tal-aggravju, tqis li dan tal-aħħar huwa fi kwalunwe każ infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Fir-rigward, preliminarjament, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Munich u bbażata fuq in-natura allegatament fattwali tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-elementi li jikkostitwixxu t-trademark ikkontestata, jiġifieri li din tal-aħħar kienet tikkonsisti biss f’salib iswed u mhux fi sfond bit-tikek, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mill-appell jirriżulta li l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li ma kienx rilevanti fil-kawża odjerna li jiġi ddeterminat jekk it-trademark ikkontestata kinitx trademark ta’ pożizzjoni jew trademark figurattiva. Billi din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tinċidix fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kkontestata permezz ta’ dan l-aggravju, hemm lok li din tiġi miċħuda.

40

Fir-rigward tal-mertu tal-aggravju, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, qabelxejn, li, fid-data rilevanti fil-kawża odjerna, il-leġiżlazzjoni applikabbli ma kinitx tiddefinixxi t-“trademarks ta’ pożizzjoni”, minkejja li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li tqis li l-klassifikazzjoni tat-trademark ikkontestata bħala trademark figurattiva jew trademark ta’ pożizzjoni kienet rilevanti.

41

Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma kkontradixxietx lilha nnifisha meta, minn naħa, qieset li kienet irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk it-trademark ikkontestata kellhiex titqies bħala trademark ta’ pożizzjoni jew trademark figurattiva u, min-naħa l-oħra, ittrattat lil din it-trademark bħala trademark ta’ pożizzjoni. Fil-fatt, mill-punt 36 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li t-trademark ikkontestata, filwaqt li hija meqjusa bħala li taqa’ taħt it-tip ta’ trademarks ta’ pożizzjoni, tibqa’ wkoll trademark figurattiva. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ibbażat ruħha fuq ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trademark ikkontestata, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħha, sabiex tevalwa l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ użu ġenwin ta’ din tal-aħħar, meta rrilevat, fil-punti 40 u 42 sa 44 ta’ dik is-sentenza, li l-protezzjoni mitluba kienet tikkonċerna biss salib ikkostitwit minn żewġ linji suwed li jinkroċjaw, irrappreżentati b’linji kontinwi u li l-linji bit-tikek, li jifformaw il-kontorni taż-żarbun tal-isport u l-lazzijiet tiegħu, setgħu biss jippermettu li jiġi ddelimitat b’faċilità ikbar il-post tad-disinn grafiku fuq il-ġenb taż-żarbun.

42

Kien b’mod ġust li, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li t-“trademarks ta’ pożizzjonijiet” huma simili għall-kategoriji ta’ trademarks figurattivi u tridimensjonali, peress li dawn ikopru l-applikazzjoni ta’ elementi figurattivi jew tridimensjonali fuq il-wiċċ ta’ prodott, u li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trademark, il-klassifikazzjoni ta’ “trademark ta’ pożizzjoni” bħala trademark figurattiva jew tridimensjonali jew bħala kategorija speċifika ta’ trademarks hija irrilevanti (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, X Technology Swiss vs UASI (Għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta), T‑547/08, EU:T:2010:235).

43

Tali klassifikazzjoni hija wkoll irrilevanti waqt l-evalwazzjoni, bħal f’dan il-każ, tal-użu ġenwin ta’ tali trademark. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rekwiżiti prevalenti inkonnessjoni mal-verifika tal-użu ġenwin ta’ trademark huma analogi għal dawk li jikkonċernaw il-kisba ta’ karattru distintiv ta’ sinjal mill-użu bil-ħsieb tar-reġistrazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé vs Mondelez UK Holdings & Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suġġett tat-trademark ikkontestata, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rappreżentazzjoni grafika ta’ trademark għandha tkun ċara, preċiża, kompleta fiha nnifisha, faċilment aċċessibbli, li tinftiehem, durabbli u oġġettiva (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 55).

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li, għar-rappreżentazzjoni grafika tat-trademark ikkontestata, ġew użati żewġ tipi ta’ disinni grafiċi, jiġifieri l-linji mhux kontinwi jew “bit-tikek”, li jirrappreżentaw l-apparenza ta’ prodott kopert minn din it-trademark, u żewġ linji kontinwi sħaħ, rappreżentanti salib imwaħħal. Minn dan kollu, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, iddeduċiet li l-linji “bit-tikek”, li jifformaw il-kontorni taż-żarbun tal-isport u tal-lazzijiet tiegħu, kellhom jinftiehmu bħala li jippermettu li jiġi speċifikat il-post tas-salib, billi tali linji mhux kontinwi abitwalment jintużaw sabiex tintwera, b’mod preċiż, il-pożizzjoni ta’ sinjal fuq il-prodott li għalih dan l-istess sinjal ikun ġie rreġistrat, mingħajr ma jkunu madankollu koperti mit-trademark il-kontorni tal-imsemmi prodott.

46

Din l-evalwazzjoni fattwali, li ma għandhiex tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, tikkonforta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li seta’ jiġi dedott direttament mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trademark ikkontestata, u dan kollu bi preċiżjoni suffiċjenti, li l-protezzjoni mitluba kienet tikkonċerna biss salib, ikkostitwit minn żewġ linji suwed li jinkroċjaw, irrappreżentati b’linji kontinwi.

47

Għall-kuntrarju tal-argument tal-appellanti, il-fatt li t-trademark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata bħala trademark figurattiva ma huwiex rilevanti f’dan il-każ sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-applikazzjoni għal protezzjoni. Fil-fatt, waqt l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sinjal, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra r-rappreżentazzjoni grafika u d-deskrizzjonijiet possibbli ppreżentati waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, elementi utli għall-identifikazzjoni xierqa ta’ karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 54).

48

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jekk trademark li tinkludi linji mhux kontinwi jew bit-tikek ma tkunx ġiet deskritta bħala trademark ta’ pożizzjoni jew jekk il-linji mhux kontinwi jew bit-tikek ma jkunux is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja espressa, ikun hemm lok li jiġi dedott minn dan li dawn il-linji jifformaw parti mit-trademark, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-applikant għal protezzjoni ta’ trademark huwa liberu li jispeċifika l-portata tal-protezzjoni mitluba biż-żieda ta’ deskrizzjoni tas-suġġett tat-trademark irreġistrata.

49

Għalkemm huwa veru, kif tenfasizza l-appellanti, li l-użu ta’ linji mhux kontinwi waqt ir-reġistrazzjoni ta’ trademark huwa normalment akkumpanjat minn deskrizzjoni jew minn dikjarazzjoni ta’ rinunzja sabiex tiġi llimitata l-portata tal-protezzjoni mitluba, xorta jibqa’ l-fatt li la l-leġiżlazzjoni applikabbli ratione temporis u lanqas il-ġurisprudenza ma jeżiġu l-preżentata ta’ tali dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti ssostni li d-direttivi tal-EUIPO jirrikjedu li trademark ta’ pożizzjoni tkun deskritta espressament bħala tali, hemm lok li jitfakkar li dawn tal-aħħar ma jikkostitwixxux atti legali vinkolanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 48).

50

Fl-aħħar, ma kienet tikkostitwixxi l-ebda ksur ta’ dritt il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, wara li wettqet eżami ddettaljat li jinsab fil-punti 64 sa 69 tas-sentenza appellata, li d-differenzi bejn it-trademark ikkontestata u l-varjanti użati fuq iż-żraben tal-isport ikkummerċjalizzati minn Munich kienu ta’ natura negliġibbli, fatt li kien jippermetti lil din tal-aħħar tiġġustifika “użu ġenwin” tat-trademark ikkontestata.

51

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud bħala infondat l-aggravju invokat mill-appellanti u, għaldaqstant, l-appell fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

52

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

53

Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u minn Munich.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Deichmann SE hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.