SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tad-Direttiva 2006/123/KE u tal-Artikoli 49 u 56 TFUE – Restrizzjonijiet u rekwiżiti dwar il-post tas-sede, il-forma legali, is-sehem fil-kapital u l-attivitajiet multidixxiplinari tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, ta’ aġenti tal-privattivi u ta’ veterinarji”

Fil-Kawża C‑209/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Braun u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn G. Hesse, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn T. Henze u D. Klebs, sussegwentement minn D. Klebs, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żammet ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ sede għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u ta’ aġenti tal-privattivi, ir-rekwiżiti fil-qasam ta’ forma legali u ż-żamma tal-kapital għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, ta’ aġenti tal-privattivi u ta’ veterinarji kif ukoll ir-restrizzjoni tal-attivitajiet multidixxiplinari għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u ta’ aġenti tal-privattivi, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-punt 1 tal-Artikolu 14, l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (ċ), u (3), u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2006/123 tipprovdi:

“Din id-Direttiva tapplika biss għal ħtiġijiet li jaffettwaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz. Għalhekk, ma japplikax għal ħtiġijiet, bħal regoli tat-traffiku fit-triq, regoli dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art, ippjanar urban jew rurali, standards tal-bini kif ukoll penali amministrattivi imposti għal nuqqas ta’ konformità ma’ tali regoli li ma jirregolawx b’mod speċifiku jew ma jaffettwawx b’mod speċifiku l-attività ta’ servizz iżda għandhom ikunu rispettati minn fornituri waqt it-twettiq ta’ l-attività ekonomika tagħhom bl-istess mod bħal minn individwi li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom.”

3

Il-premessa 22 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“L-esklużjoni tal-kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkopri servizzi ta’ kura tas-saħħa u farmaċewtiċi pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lil pazjenti biex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa fejn dawk l-attivitajiet huma rriżervati għal professjoni regolata tas-saħħa fl-Istat Membru fejn huma pprovduti s-servizzi.”

4

Il-premessa 40 ta’ din id-direttiva tinqara kif ġej:

“Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku’ li għalihom qiegħda ssir referenza f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ġie żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata ma’ l-Artikoli 43 u 49 [KE] u jista’ jkompli jevolvi. Il-kunċett kif rikonoxxut fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja jkopri ta’ l-anqas dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […] saħħa pubblika, […] il-protezzjoni tar-riċevituri ta’ servizzi […]”

5

L-Artikolu 2(2)(f) u (l) tad-Direttiva 2006/123 huwa hekk ifformulat:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

f)

servizzi tal-kura tas-saħħa, kemm jekk huma pprovduti permezz ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa kif ukoll jekk le, u jkunu x’ikunu l-mezzi li permezz tagħhom huma organizzati jew iffinanzjati fuq livell nazzjonali u jekk humiex pubbliċi jew privati;

[…]

l)

servizzi provduti minn nutara u uffiċjali ġudizzjarji, li huma maħtura minn att uffiċjali tal-gvern.”

6

Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, it-terminu “fornitur” huwa ddefinit, għall-finijiet ta’ din d-direttiva, bħala li jirreferi għal kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew kwalunkwe persuna ġuridika kif imsemmija fl-Artikolu 54 TFUE u stabbilita fi Stat Membru, li toffri jew li tipprovdi servizz.

7

L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Ħtiġijiet ipprojbiti”, jistabbilixxi, fil-punti 1 u 3 tiegħu:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

1)

rekwiżiti diskriminatorji bbażati direttament jew indirettament fuq in-nazzjonalità jew, f’każ ta’ kumpanniji, il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat, inkluż b’mod partikolari:

a)

rekwiżiti ta’ nazzjonalità għall-fornitur, il-persunal tiegħu, il-persuni li għandhom kapital azzjonarju jew membri tal-korpi amministrattivi jew ta’ sorveljanza tal-fornitur;

b)

rekwiżit li l-fornitur, il-persunal tiegħu, il-persuni li għandhom kapital azzjonarju jew membri fl-amministrazzjoni tal-fornitur jew korpi ta’ sorveljanza jkunu joqogħdu fi ħdan it-territorju;

[…]

3)

restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew wieħed sekondarju, b’mod partikolari obbligu fuq il-fornitur li jkollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fit-territorju tagħhom, jew restrizzjonijiet fuq il-libertà li jagħżel bejn stabbiliment fis-sura ta’ aġenzija, fergħa jew sussidjarju.”

8

L-Artikolu 15(1), (2)(b) u (ċ), u (3), (5) u (6) tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

[…]

b)

obbligu għal fornitur li jieħu formola legali speċifika

ċ)

rekwiżiti li huma relatati mal-proprjetà f’ishma ta’ kumpannija;

[…]

3   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

[…]

5   Fir-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka prevista fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

a)

ir-rekwiżiti li bi ħsiebhom iżommu u r-raġunijiet għaliex jikkonsidraw li dawk ir-rekwiżiti jikkonformaw mal-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 3;

b)

ir-rekwiżiti li tneħħew jew ġew magħmula inqas stretti.

6.   Mit-28 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri m’għandhom jintroduċu l-ebda rekwiżit ġdid tat-tip elenkat fil-paragrafu 2, sakemm dan ir-rekwiżit ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.”

9

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jkunux issuġġettati għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament jew li jirristrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti.

Madankollu, il-fornituri li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti:

a)

il-professjonijiet regolati, sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiggarantixxu l-konformità mar-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali, li tvarja skond in-natura speċifika ta’ kull professjoni, u meħtieġ sabiex tkun żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom;

b)

il-fornituri taċ-ċertifikazzjoni, l-akkreditazzjoni, is-sorveljanza teknika, is-servizzi ta’ prova sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiżguraw l-indipendenza u imparzjalità tagħhom.

2.   Fejn ikunu awtorizzati attivitajiet multidixxiplinari bejn il-fornituri msemmija fil- punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

a)

li konflitti ta’ interess u inkompatibbiltajiet bejn ċertu attivitajiet jiġu evitati;

b)

li l-indipendenza u l-imparzjalità meħtieġa għal ċertu attivitajiet tkun żgurata;

(ċ)

li r-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali għall-attivitajiet differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin, speċjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet tas-sigriet professjonali.

3.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jindikaw liema fornituri huma suġġetti għar-rekwiżiti mniżżla fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kontenut ta’ dawk ir-rekwiżiti u r-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ġustifikati.”

Id-dritt Awstrijak

Iz-ZTG

10

L-Artikolu 21 taż-Ziviltechnikergesetz (il-Liġi dwar l-Inġiniera Ċivili, BGBI. 156/1994), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima (BGBl. I, 50/2016, iktar ’il quddiem iz-“ZTG”), huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet iktar ’il quddiem, l-inġiniera ċivili jistgħu, għall-finijiet esklużivi tal-eżerċizzju permanenti tal-professjoni ta’ inġinier ċivili, jikkostitwixxu soċjetajiet f’isem kollettiv, soċjetajiet inakkomandita sempliċi, kumpanniji b’responsabbiltà limitata u kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, li jkollhom l-awtorizzazzjoni tagħhom stess, maħruġa mill-Ministeru tal-Ekonomija u tax-Xogħol […]

2.   Il-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili jeżerċitaw huma stess il-professjoni ta’ inġinier ċivili.

3.   It-twaqqif ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ċivili ma’ persuni li jeżerċitaw attività mhux liberali huwa awtorizzat biss jekk dawn tal-aħħar ma humiex awtorizzati sabiex iwettqu kompiti ta’ eżekuzzjoni. Tali kumpannija ma hijiex suġġetta għad-dispożizzjonijiet tat-Tieni Taqsima ta’ din il-liġi Federali.”

11

L-Artikolu 25 taz-ZTG, intitolat “Sede u isem kummerċjali”, jistipula:

“1.   Il-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili għandhom jistabbilixxu s-sede tagħhom fl-Awstrija fis-sede tal-uffiċċju ta’ wieħed mis-soċji jew membri tal-kumitat ta’ tmexxija li għandu drittijiet ta’ ġestjoni u ta’ rappreżentazzjoni.

2   Il-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili għandhom iżidu mal-isem kummerċjali tagħhom ir-riferment “kumpannija ta’ inġiniera ċivili”, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet ġenerali rregolati mid-dritt relatat mal-isem kummerċjali. Il-kelma “Ziviltechniker” [Inġinier ċivili] tista’ titqassar għal “ZT”.

3.   Id-dokumenti ta’ ħidma għandhom jinkludu l-ismijiet u s-setgħat tas-soċji kollha li għandhom drittijiet ta’ ġestjoni u ta’ rappreżentazzjoni.”

12

L-Artikolu 26 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.   Persuni fiżiċi u kumpanniji ta’ inġiniera ċivili li jkollhom l-awtorizzazzjoni professjonali biss jistgħu jkunu soċji ta’ kumpannija ta’ inġiniera ċivili.

2   Il-persuni li jeżerċitaw attività mhux liberali li teknikament tikkorrispondi mal-awtorizzazzjoni ta’ kumpannija ta’ inġiniera ċivili, id-diriġenti tagħhom jew is-soċji tagħhom li għandhom drittijiet ta’ ġestjoni u ta’ rappreżentazzjoni ma jistgħux ikunu soċji ma’ din il-kumpannija ta’ inġiniera ċivili.”

13

L-Artikolu 28 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.   Jistgħu jkunu amministraturi u rappreżentanti statutorji ta’ kumpannija ta’ inġiniera ċivili unikament persuni fiżiċi li huma soċji tal-kumpannija, għandhom awtorizzazzjoni valida u flimkien għandhom iktar minn nofs l-ishma tal-kumpannija. Għall-operazzjonijiet li jeħtieġu awtorizzazzjonijiet tekniċi differenti ta’ diversi inġiniera ċivili, l-istatuti tal-kumpannija għandhom fi kwalunkwe każ jimponu fuq l-amministraturi li għandhom il-kompetenza rilevanti li jaġixxu konġuntament.

2.   Il-kwistjonijiet tekniċi relatati mal-eżerċizzju tal-professjoni tal-kumpannija ta’ inġiniera ċivili huma deċiżi esklużivament, fi ħdan korpi kompetenti tal-kumpannija, mill-amministraturi li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Ma tista’ tittieħed l-ebda deċiżjoni kontra r-rieda tas-soċji li għandhom l-awtorizzazzjoni teknikament rilevanti għall-fini tad-deċiżjoni.

3.   Is-soċji esterni għall-professjoni jridu jkunu marbuta b’kuntratt fl-osservanza tar-regoli dwar l-etika professjonali.

4.   Meta l-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili jkunu kumpanniji ta’ persuni rreġistrati, is-soċji li ma jeżerċitawx is-setgħa tagħhom jistgħu jkunu biss soċji inakkomandita.

5   Meta l-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili jkunu kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, l-istatuti tagħhom għandhom jipprevedu esklużivament azzjonijiet irreġistrati. It-trasferiment tal-azzjonijiet huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali. L-Assemblea Ġenerali għandha l-obbligu li tapprova dan it-trasferiment biss jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi Federali u r-regoli dwar l-etika professjonali jiġu osservati.”

Il-PAG

14

L-Artikolu 2 tal-Patentanwaltsgesetz (il-Liġi dwar l-Aġenti tal-Privattivi) tas-7 ta’ Ġunju 1967 (BGBl. 214/1967), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima (BGBl. I, 126/2013, iktar ’il quddiem il-“PAG”), huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-inklużjoni fil-lista ta’ aġenti tal-privattivi hija marbuta mal-produzzjoni tal-prova tal-osservanza tar-rekwiżiti li ġejjin:

a)

nazzjonalità Awstrijaka;

b)

kapaċità ġuridika;

c)

sede permanenti tal-uffiċċju fl-Awstrija;

d)

titolu li jiċċertifika studji ta’ tul minimu ta’ ħames snin f’università Awstrijaka jew studji ekwivalenti f’università taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, f’qasam tat-teknika jew tax-xjenzi naturali, jew rikonoxximent ta’ titolu universitarju barrani ekwivalenti;

e)

twettiq ta’ perijodu ta’ prova prattika (Artikolu 3);

f)

li jkun għadda mill-eżami tal-aġenti tal-privattivi (Artikoli 8 et seq.) mhux qabel sena qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ prova prattika;

g)

assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili konformement mal-Artikolu 21a.

2.   In-nazzjonalità ta’ Stat parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera hija meqjusa ekwivalenti għan-nazzjonalità Awstrijaka.

3.   Għall-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16a(1) dwar il-professjoni ta’ aġent tal-privattivi, l-eżami ta’ kompetenza (Artikoli 15a u 15b) jissostitwixxi r-rekwiżiti skont il-punti (d) sa (f) tal-paragrafu 1.”

15

L-Artikolu 29a tal-PAG jipprovdi:

“Ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom jiġu ssodisfatti b’mod permanenti fir-rigward tal-kumpanniji li għandhom bħala għan l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent tal-privattivi:

1   Is-soċji jistgħu jkunu biss:

a)

aġenti tal-privattivi,

b)

il-konjuġi jew l-imsieħba rreġistrati u tfal ta’ aġent tal-privattivi li jagħmel parti mill-kumpannija,

c)

l-ex aġenti tal-privattivi li jkunu rrinunzjaw għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent tal-privattivi u li, fil-mument ta’ din ir-rinunzja, kienu soċji jew li l-uffiċċju tagħhom jappartjeni lill-kumpannija,

d)

il-konjuġi jew imsieħba rreġistrati u tfal superstiti ta’ aġent tal-privattivi li jkun miet jekk huwa kien soċju fil-mument tal-mewt tiegħu jew jekk il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat u t-tfal superstiti jassoċjaw ruħhom ma’ aġenti tal-privattivi sabiex l-attività tal-uffiċċju titkompla,

e)

fondazzjonijiet privati Awstrijaċi stabbiliti minn soċju wieħed jew iktar, li l-għan esklużiv tagħhom huwa s-sostenn għall-persuni msemmija fil-punti (a) sa (d).

2.   L-aġenti tal-privattivi jistgħu jagħmlu parti mill-kumpannija unikament bħala soċji personalment responsabbli jew, fil-każ ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, bħala soċji li għandhom drittijiet ta’ rappreżentazzjoni u ta’ ġestjoni. Is-soċji msemmija fil-punt 1(b) sa (e) jistgħu jkunu biss parti mill-kumpannija bħala soċji inakkomandita, bħala soċji mingħajr drittijiet ta’ rappreżentazzjoni u ta’ ġestjoni, jew skont il-prinċipju ta’ soċju passiv. Persuni oħra għajr is-soċji ma jistax ikollhom sehem mid-dħul, mill-bejgħ jew mill-profitti tal-kumpannija.

3.   Il-waqfien tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent tal-privattivi (Artikolu 48(1)(c)), ma jipprekludix is-sħubija mal-kumpannija, iżda jipprekludi l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ rappreżentazzjoni u ta’ ġestjoni.

4.   Il-konjuġi jew l-imsieħba rreġistrati (punt 1(b)) jistgħu jagħmlu parti mill-kumpannija biss għat-tul taż-żwieġ jew tas-sħubija rreġistrata; it-tfal (il-punt 1(b) u (d)), unikament sal-età ta’ 35 sena, u lil hinn daqskemm jippreparaw ruħhom għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent tal-privattivi.

5.   Is-soċji kollha għandhom iżommu d-drittijiet tagħhom f’isimhom stess u għan-nom tagħhom stess; iċ-ċessjoni u l-amministrazzjoni fiduċjarji tad-drittijiet ta’ soċju huma pprojbiti.

6.   L-attività tal-kumpannija għandha tkun limitata għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent tal-privattivi, inklużi l-attivitajiet anċillari neċessarji u l-ġestjoni tal-attiv tal-kumpannija.

7.   Tal-inqas soċju wieħed li huwa aġent tal-privattivi għandu jkun stabbilixxa l-uffiċċju tiegħu fis-sede tal-kumpannija. L-Artikolu 25a għandu japplika mutatis mutandis għall-ħolqien ta’ fergħat.

8.   L-aġenti tal-privattivi jistgħu jagħmlu parti minn kumpannija waħda biss; l-istatuti tal-kumpannija jistgħu madankollu jipprovdu li aġent tal-privattivi li huwa parti mill-kumpannija jista’ wkoll jeżerċita l-professjoni ta’ aġent tal-privattivi barra mill-kumpannija. Is-sehem ta’ kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi ma’ assoċjazzjonijiet oħra li għandu bħala għan l-eżerċizzju konġunt ta’ professjoni huwa pprojbit.

9.   L-aġenti tal-privattivi kollha li jagħmlu parti mill-kumpannija għandhom ikunu awtorizzati li jirrappreżentaw u li jmexxu l-kumpannija waħedhom. Is-soċji l-oħra kollha għandhom ikunu esklużi mir-rappreżentazzjoni u mill-ġestjoni.

10.   F’kumpannija ta’ aġenti tal-privattivi li għandha l-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, il-persuni l-oħra għajr l-aġenti tal-privattivi soċji ma jistgħux jinħatru bħala amministraturi. L-ebda prokura jew delega ta’ setgħat ma tista’ tingħata b’mod validu f’kumpannija ta’ aġenti tal-privattivi.

11.   Fit-tfassil tal-għanijiet tal-kumpannija, l-aġenti tal-privattivi għandhom iżommu influwenza determinanti. L-eżerċizzju tal-mandat mill-aġent tal-privattivi li jagħmel parti mill-kumpannija ma jistax ikun suġġett għal istruzzjoni jew għal approvazzjoni tas-soċji (Assemblea tas-Soċji).”

It-TÄG

16

L-Artikolu 15a tat-Tierärztegesetz (il-Liġi dwar il-Veterinarji) tat-13 ta’ Diċembru 1974 (BGBl. 16/1975), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima (BGBl. I, 66/2016, iktar ’il quddiem it-“TÄG”), jipprovdi:

“1.   Huma biss il-veterinarji li għandhom l-awtorizzazzjoni professjonali jew il-kumpanniji li s-soċji tagħhom huma veterinarji li għandhom l-awtorizzazzjoni professjonali li huma awtorizzati sabiex joperaw prattika veterinarja jew klinika veterinarja privata. Is-sehem ta’ persuni barranin fil-professjoni f’kumpannija ta’ veterinarji huwa possibbli unikament għas-soċji passivi. Jekk, fil-mument tal-istabbiliment ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, jiġu previsti wkoll fergħat, hemm lok li jiġi żgurat li d-direttur jista’ jkun biss soċju veterinarju, li barra minn hekk ikun jista’ jmexxi fergħa waħda biss u għandu jżomm l-ishma essenzjali fil-kumpannija.

2   Ir-responsabbiltà (tmexxija) ta’ klinika veterinarja privata għandha tiġi żgurata minn veterinarju li jkollu l-awtorizzazzjoni professjonali, li għandu l-awtorizzazzjoni li jmexxi spiżerija fil-prattika tiegħu.”

Il-proċedura prekontenzjuża

17

Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra amministrattiva lir-Repubblika tal-Awstrija fejn permezz tagħha talbet informazzjoni dwar ir-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, ta’ aġenti tal-privattivi u ta’ veterinarji fir-rigward tal-post tas-sede, il-forma legali u ż-żamma ta’ kapital, kif ukoll dwar ir-restrizzjonijiet tal-attivitajiet multidixxiplinari.

18

Ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ottubru 2014, li fiha dan l-Istat Membru ttrażmetta lill-Kummissjoni abbozz ta’ emenda tal-PAG li ma kinitx, madankollu, ġiet adottata mil-leġiżlatur Awstrijak.

19

Fil-5 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura tal-EU Pilot li fil-kuntest tagħha bagħtet il-mistoqsijiet addizzjonali lir-Repubblika tal-Awstrija, li r-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għalihom fit-13 ta’ Frar 2015.

20

Fid-19 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Awstrija.

21

Fit-18 ta’ Settembru 2015, dan l-Istat Membru wieġeb għal din l-ittra.

22

Fil-5 ta’ Ottubru 2015, ġiet organizzata laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Awstrija sabiex jiġi diskuss il-kontenut tal-ittra tat-18 ta’ Settembru 2015. Wara din il-laqgħa, dan l-Istat Membru bagħat ittra addizzjonali, tat-23 ta’ Ottubru 2015, li magħha kien anness abbozz ta’ emenda taz-ZTG. Din l-emenda kellha tneħħi r-rekwiżit dwar il-post tas-sede għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u tidħol fis-seħħ fit-tieni trimestru tas-sena 2016. Kien hemm ukoll il-kwistjoni li jiġi modifikat ir-rekwiżit fir-rigward ta’ post tas-sede għall-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi, iżda l-formulazzjoni proposta kienet kompliet, skont il-Kummissjoni, taċċetta interpretazzjoni li tikser il-punt l(b) tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 49 TFUE. Barra minn hekk, ġiet imħabbra emenda tat-TÄG u din daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2016.

23

Fis-26 ta’ Frar 2016 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Awstrija mingħajr ma rreferiet fiha, madankollu, għar-rekwiżiti, li l-emenda tagħhom kienet tħabbret, fir-rigward tal-post tas-sede għall-periti u għall-inġiniera konsultattivi.

24

Ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet permezz ta’ ittra tat-22 ta’ April 2016, li fiha pproponiet emendi għall-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi, b’mod partikolari riformulazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti fir-rigward tas-sede u fuq l-“influwenza deċiżiva” tal-aġenti tal-privattivi f’dawn il-kumpanniji. Fir-rigward tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u ta’ veterinarji, dan l-Istat Membru żamm il-pożizzjoni preċedenti tiegħu li bidla ma hijiex neċessarja. Barra minn hekk, ir-rekwiżit fir-rigward tal-post tas-sede għall-kumpanniji tal-inġiniera ċivili ma tneħħiex.

25

B’kont meħud ta’ dawn l-iżviluppi, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali lir-Repubblika tal-Awstrija fis-17 ta’ Novembru 2016.

26

F’Diċembru 2016 u fi Frar 2017, saru żewġ laqgħat bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Awstrija rigward kumpanniji ta’ inġiniera ċivili. Matul dawn il-laqgħat, dan l-Istat Membru impenja ruħu li jneħħi r-rekwiżiti fir-rigward ta’ post tas-sede u li jagħmel xi emendi għad-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ żamma ta’ kapital u ta’ restrizzjonijiet tal-attivitajiet multidixxiplinari.

27

Ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għall-opinjoni motivata addizzjonali b’żewġ ittri, tas-17 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Marzu 2017. Dan l-Istat Membru kkonferma li kien dejjem lest li jemenda l-Artikolu 25(1) taz-ZTG iżda kien impossibbli għalih li jagħmel dan minħabba l-gruppi ta’ interess ikkonċernati. Ir-Repubblika tal-Awstrija ddikjarat ruħha wkoll lesta li temenda l-PAG u t-TÄG f’terminu raġonevoli u li tkompli bid-diskussjonijiet. Proposta ta’ emendi taz-ZTG kienet ġiet trażmessa wkoll lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Marzu 2017 mill-Ministru Federali għax-Xjenza, għar-Riċerka u għall-Ekonomija, iżda l-Kummissjoni qieset li tali emendi ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi rrimedjata l-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

28

Fil-11 ta’ Ottubru 2017, ir-Repubblika tal-Awstrija ttrażmettiet lill-Kummissjoni osservazzjonijiet addizzjonali ġodda li l-abbozz taz-ZTG ġdid kien anness magħhom li kien mistenni li jieħu inkunsiderazzjoni riżervi espressi mill-Kummissjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni tammetti li dan l-abbozz kien jipprevedi t-tneħħija tar-rekwiżit fir-rigward tal-post tas-sede tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, ir-riżervi l-oħra madankollu ma setgħux jitneħħew. Barra minn hekk, dan l-abbozz sal-lum għadu ma ġiex ippreżentat lill-Parlament Awstrijak fid-dawl ta’ adozzjoni tiegħu.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Fuq ir-rikors

Fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli

L-argumenti tal-partijiet

30

Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123, il-Kummissjoni tiċħad il-pożizzjoni sostnuta mir-Repubblika tal-Awstrija matul il-proċedura prekontenzjuża u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-esklużjoni tal-attivitajiet ta’ inġiniera ċivili u ta’ veterinarji mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

31

Fir-rigward tal-attivitajiet tal-inġiniera ċivili bħala persuni li ħadu ġurament, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 2(2)(l) ta’ din id-direttiva, din ma tapplikax għas-“servizzi provduti minn nutara u uffiċjali ġudizzjarji, li huma maħtura minn att uffiċjali tal-gvern”. Issa, iċ-ċirkustanza li gruppi professjonali oħra, bħall-inġiniera ċivili, jistabbilixxu wkoll atti pubbliċi ma teskludix awtomatikament dawn l-atti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva. Minbarra dan, din l-istituzzjoni tikkunsidra li l-iżvilupp tat-territorju u l-ippjanar territorjali huma żgurati fl-Awstrija mill-Istat Federali, mil-Länder u mill-komuni u, għalhekk, il-fatt li inġiniera ċivili jagħtu sostenn tekniku lill-awtoritajiet lokali fit-tfassil ta’ dawn il-pjanijiet ma jfissirx li s-servizzi pprovduti minnhom ma humiex suġġetti għad-Direttiva 2006/123. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li z-ZTG ma tikkostitwixxix leġiżlazzjoni eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

32

Fir-rigward tal-attivitajiet tal-veterinarji, il-Kummissjoni ssostni li l-esklużjoni tas-servizzi ta’ kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, prevista fl-Artikolu 2(2)(f) tagħha, tirrigwarda biss is-servizzi li jikkonċernaw is-saħħa tal-bniedem, u mhux il-provvista ta’ servizzi veterinarji.

33

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, tal-inqas fil-kuntest tal-attività ta’ awtentikazzjoni tal-atti, l-inġiniera ċivili jaġixxu bħala rappreżentanti tal-Istat. Dan l-Istat Membru jikkunsidra li l-istatus tal-inġiniera ċivili fil-kuntest ta’ din l-attività huwa, skont id-dritt nazzjonali, assimilat ma’ dak tan-nutara. Dan jikkonkludi li l-inġiniera ċivili jaqgħu taħt l-Artikolu 2(2)(l) tad-Direttiva 2006/123, tal-inqas f’dak li jikkonċerna l-attività ta’ awtentikazzjoni tal-atti. Fir-rigward tal-veterinarji, dan l-Istat Membru jqarreb, essenzjalment, l-attivitajiet tagħhom ma’ dawk tal-professjonisti tas-saħħa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 2(2)(l) tad-Direttiva 2006/123, din id-direttiva ma tapplikax għas-servizzi pprovduti min-nutara u mill-uffiċjali ġudizzjarji, maħtura mill-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, l-inġiniera ċivili bl-ebda mod ma jissemmew f’din id-dispożizzjoni.

35

Issa, billi l-eċċezzjonijiet huma suġġetti għal interpretazzjoni stretta, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(2)(l) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li taħt din id-dispożizzjoni jaqgħu unikament is-servizzi li huma espliċitament imsemmija fiha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, li l-inġiniera ċivili jistgħu jingħataw is-setgħa li jawtentikaw atti u jiġu assimilati ma’ nutara għal din l-attività, ma jistax jiġi aċċettat.

36

Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-professjoni ta’ inġinier ċivili ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 skont l-Artikolu 2(2)(l) tagħha.

37

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li s-“servizzi tal-kura tas-saħħa” huma speċifikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, skont il-premessa 22 ta’ din tal-aħħar, is-servizzi koperti minn din l-esklużjoni huma dawk “[i]pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lil pazjenti biex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa”, li jimplika li dawn huma pprovduti lil bnedmin (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, CMVRO, C‑297/16, EU:C:2018:141, punt 39).

38

Peress li l-eċċezzjonijiet huma suġġetti għal interpretazzjoni stretta, l-Artikolu 2(2)(f) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi biss għas-servizzi ta’ kura li jikkonċernaw is-saħħa tal-bniedem.

39

Isegwi li ma jistax jiġi argumentat li l-professjoni ta’ veterinarju ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 skont l-Artikolu 2(2)(f) tagħha.

40

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi konkluż li d-Direttiva 2006/123 tapplika kemm għall-attivitajiet tal-inġiniera ċivili kif ukoll għal dawk tal-veterinarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sa fejn il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll dawk tal-Artikolu 49 TFUE, hemm lok, l-ewwel nett, li tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva qabel ma jsir, skont il-każ, l-eżami ta’ din il-leġiżlazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 TFUE.

Fuq l-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123

L-argumenti tal-partijiet

41

Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-post tas-sede tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u ta’ aġenti tal-privattivi jiksru l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 49 TFUE.

42

Iktar partikolarment, din l-istituzzjoni ssostni, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, li l-Artikolu 25(1) taz-ZTG jikser il-punt 1(b) tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, sa fejn din l-ewwel dispożizzjoni teħtieġ li mhux biss il-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, iżda wkoll tal-inqas wieħed mis-soċji tagħhom, li jaġixxu inkwantu amministraturi u rappreżentanti, ikollhom is-sede tagħhom fl-Awstrija. Skont din l-istituzzjoni, l-Artikolu 25(1) taz-ZTG iwassal għal diskriminazzjoni sa fejn jipprojbixxi lill-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor għajr ir-Repubblika tal-Awstrija milli joffru s-servizzi tagħhom f’dak l-Istat Membru. Issa, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 ma jippermettix li tali restrizzjoni tiġi ġġustifikata.

43

Minbarra dan, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi, il-Kummissjoni ssostni li mill-punt 7 tal-Artikolu 29a tal-PAG jirriżulta, minn naħa, li tal-inqas soċju ta’ kumpannija ta’ aġenti tal-privattivi għandu jkun stabbilixxa s-sede tal-uffiċċju tiegħu fis-sede ta’ din il-kumpannija. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 2(1)(c) tal-PAG jirriżulta li l-inklużjoni fil-lista ta’ aġenti tal-privattivi hija marbuta mal-produzzjoni tal-prova li s-sede permanenti tal-uffiċċju tinsab fl-Awstrija. Isegwi, skont din l-istituzzjoni, li l-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi kif ukoll is-soċji tagħhom għandu jkollhom is-sede tagħhom fl-Awstrija, li huwa assimilabbli ma’ diskriminazzjoni minħabba l-post tas-sede tal-fornitur u tas-soċji tiegħu. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet tal-PAG jikkostitwixxu diskriminazzjoni bbażata direttament fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija u, indirettament, fuq in-nazzjonalità tas-soċji tagħha.

44

Il-Kummissjoni żżid li l-ebda waħda mill-emendi leġiżlattivi mħabbra mir-Repubblika tal-Awstrija ma ġiet implimentata u li, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji tal-aġenti tal-privattivi, l-emendi ssuġġeriti ma jikkumpensawx il-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

45

Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-ilment imressaq billi ssostni li, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, hija kkomunikat b’mod ċar lill-Kummissjoni, mill-11 ta’ Ottubru 2017, abbozz ta’ riforma taz-ZTG, u esprimiet b’dan il-fatt l-intenzjoni tagħha li tneħħi l-Artikolu 25(1) ta’ dik il-liġi. Dan l-Istat Membru jikkunsidra li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq dak il-punt ma huwiex fondat, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ dan l-abbozz kien ipprovokat mhux biss mill-elezzjonijiet Awstrijaċi, iżda wkoll mill-assenza ta’ reazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għal posta elettronika tal-10 ta’ Marzu 2017 li biha dan l-Istat Membru ssottometta proposti konkreti ta’ riforma taz-ZTG.

46

F’dak li jikkonċerna l-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi, ir-Repubblika tal-Awstrija tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar proposti leġiżlattivi ġodda li jemendaw il-PAG, billi ssostni li għandha l-intenzjoni li tibda proċedura leġiżlattiva qabel is-sajf tas-sena 2018 bil-ħsieb li tadotta liġi li temenda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Bħala punt preliminari, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija tillimita lilha nnifisha sabiex tikkontesta l-ilment imressaq, billi ssostni li pproponiet l-emendi leġiżlattivi mingħajr, madankollu, ma tikkontesta l-fatt li tali emendi ma kinux għadhom daħlu fis-seħħ fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet ippreżentat ruħha fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bdil eventwali li seħħ sussegwentement ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovenja, C‑506/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:959, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit għar-Repubblika tal-Awstrija, ir-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienu għadhom fis-seħħ.

50

Din il-kjarifika tagħmel mezz, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li mid-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati fil-kuntest ta’ dan l-ilment jirriżulta l-obbligu, minn naħa, għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u tal-inqas wieħed mis-soċji jew membru tal-kumitat ta’ tmexxija u, min-naħa l-oħra, għall-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi li jkollhom is-sede tagħhom fl-Awstrija.

51

Issa, sa fejn jobbligaw lil dawn il-kumpanniji sabiex ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu rekwiżit ibbażat direttament fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123. Barra minn hekk, l-obbligu, għal tal-inqas soċju jew membru tal-kumitat ta’ tmexxija ta’ kumpannija ta’ inġiniera ċivili, li jkun stabbilixxa l-uffiċċju tiegħu fl-Awstrija jikkostitwixxi, essenzjalment, rekwiżit li jkun residenti fit-territorju nazzjonali, fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva.

52

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 jipprojbixxi lill-Istati Membri li jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom għall-osservanza ta’ wieħed mir-rekwiżiti elenkati fil-punti 1 sa 8 tiegħu, billi għalhekk jimponi fuqhom it-tħassir, b’mod prijoritarju u sistematiku, ta’ dawn ir-rekwiżiti. Minbarra dan, ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu ġġustifikati (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 28).

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 huwa fondat.

Fuq l-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123

L-argumenti tal-partijiet

54

Il-Kummissjoni ssostni, f’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti nazzjonali relatati mal-forma legali u maż-żamma tal-kapital, li huma intiżi għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, għal aġenti tal-privattivi u għal veterinarji, li dawn jiksru l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (ċ), u (3) tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll l-Artikolu 49 TFUE u li jipprekludu l-istabbiliment ta’ fornituri ġodda li jaqgħu taħt dawn il-professjonijiet, li ġejjin minn Stati Membri għajr ir-Repubblika tal-Awstrija. Skont il-Kummissjoni, dawn ir-rekwiżiti jirrestrinġu l-possibbiltajiet, għal tali fornituri stabbiliti f’dawn l-Istati Membri, li jwaqqfu stabbiliment sekondarju fl-Awstrija jekk ma jadattawx l-istrutturi organizzattivi tagħhom ma’ dawn ir-rekwiżiti. Minbarra dan, skont din l-istituzzjoni, dawn ir-rekwiżiti jikkostitwixxu wkoll ostakoli għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Awstrija.

55

Minn naħa, il-Kummissjoni tqis li regola nazzjonali li l-maġġoranza tal-ishma ta’ kumpannija professjonali għandha tinżamm minn persuni fiżiċi tfisser li l-kontroll ta’ tali kumpannija ma jistax jiġi eżerċitat minn persuni ġuridiċi. Huwa impossibbli li dan it-tip ta’ kumpannija professjonali, skont il-Kummissjoni, ikun is-sussidjarja ta’ kumpannija oħra. Din l-istituzzjoni tikkonkludi li tali kumpannija professjonali stabbilita fi Stat Membru għajr ir-Repubblika tal-Awstrija ma tistax twaqqaf sussidjarja fl-Awstrija li toffri l-istess servizzi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżiti fil-qasam ta’ forma legali u ta’ żamma ta’ kapital fil-prattika jikkomplikaw it-twaqqif ta’ stabbiliment prinċipali fl-Awstrija.

56

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 26(1) taz-ZTG, persuni fiżiċi u l-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili li jkollhom l-awtorizzazzjoni professjonali biss jistgħu jkunu soċji ta’ kumpannija ta’ inġiniera ċivili. Barra minn hekk, hija tfakkar li l-Artikolu 28(1) taz-ZTG jipprovdi li l-maġġoranza tal-ishma ta’ tali kumpannija għandha tkun miżmuma minn inġiniera ċivili u li huma wkoll dawn li jistgħu jinħatru bħala amministraturi u rappreżentanti statutorji tal-kumpannija ta’ inġiniera ċivili kkonċernata.

57

Skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ forma legali u ta’ żamma ta’ kapital applikabbli għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili ma jistgħux ikunu ġġustifikati mill-fatt li ċerti attivitajiet ta’ periti u ta’ inġiniera jistgħu jiġu eżerċitati mhux biss skont is-sistema taz-ZTG, iżda wkoll taħt dik tal-Gewerbeordnung (il-Kodiċi dwar l-Eżerċizzju tal-Professjonijiet Industrijali, Kummerċjali u tas-Sengħa, iktar ’il quddiem il-“GewO”), sa fejn l-inġiniera ċivili jgawdu minn rispett ikbar u s-servizzi tagħhom għandhom reputazzjoni ogħla minn dawk tal-fornituri tal-istess servizzi li jaġixxu taħt is-sistema tal-GewO. Għalhekk, skont din l-istituzzjoni, jekk il-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru għajr ir-Repubblika tal-Awstrija kienu obbligati jagħżlu li jeżerċitaw l-attività bħala waħda mhux liberali, pjuttost milli bħala professjoni liberali, li tgawdi minn reputazzjoni aqwa, dan jikkostitwixxi restrizzjoni għall-aċċess għas-suq.

58

F’dak li jikkonċerna l-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi u ta’ veterinarji, il-Kummissjoni tosserva li r-Repubblika tal-Awstrija ma kkontestatx, waqt il-proċedura prekontenzjuża, l-eżistenza ta’ restrizzjoni, iżda sempliċement sostniet li l-miżuri inkwistjoni huma ġġustifikati u proporzjonali.

59

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rekwiżiti nazzjonali inkwistjoni la huma ġġustifikati u lanqas proporzjonali.

60

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżiti fir-rigward ta’ forma legali u ta’ żamma tal-kapital ma jistgħux ikunu ġġustifikati mill-għanijiet ta’ protezzjoni tal-indipendenza tal-inġiniera ċivili, ta’ garanzija tal-kwalità tas-servizzi u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, u lanqas mill-għanijiet l-oħra ta’ interess pubbliku bħan-neċessità li jinżammu separati l-attivitajiet ta’ ppjanar u ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet. Fil-fatt, fil-fehma ta’ din l-istituzzjoni, is-sistema Awstrijaka diġà tinkludi miżuri biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, bħar-regoli ta’ kondotta sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess u l-issuġġettar tal-membri tal-professjonijiet imsemmija għal dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ assigurazzjoni u ta’ garanzija.

61

Barra minn hekk, iz-ZTG diġà għandha, skont il-Kummissjoni, dispożizzjonijiet li jipprekludu li l-indipendenza tal-inġiniera ċivili tiġi ppreġudikata. Din l-istituzzjoni tfakkar li, minn naħa waħda, l-Artikolu 28(2) taz-ZTG jipprevedi li s-soċji teknikament kompetenti awtorizzati biss jistgħu jiddeċiedu fuq kwistjonijiet tekniċi relatati mal-eżerċizzju tal-professjoni u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 28(3) taz-ZTG jeżiġi li s-soċji esterni għall-professjoni jkunu marbuta b’kuntratt fl-osservanza tar-regoli dwar l-etika professjonali.

62

It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji tal-aġenti tal-privattivi, il-Kummissjoni ssostni li mill-punt 1 tal-Artikolu 29a tal-PAG jirriżulta li unikament l-aġenti tal-privattivi stess, il-membri tal-familja tagħhom u l-fondazzjonijiet stabbiliti minn dawn il-persuni fiżiċi jistgħu jżommu sehem f’tali kumpannija. Minbarra dan, skont il-punt 2 ta’ dan l-artikolu, persuni barra l-professjoni ma jistax ikollhom rwol essenzjali f’kumpannija ta’ aġenti tal-privattivi u, skont il-punt 11 tiegħu, l-aġenti tal-privattivi għandhom iżommu influwenza determinanti fi ħdan tali kumpannija u ma għandhomx ikunu dipendenti fuq soċji oħra waqt l-eżerċizzju tal-mandat tagħhom.

63

Skont din l-istituzzjoni, tali rekwiżiti ma jistgħux ikunu ġġustifikati, la mill-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti filli lill-konsumaturi jiġi offrut servizz ta’ konsulenza u ta’ rappreżentazzjoni ta’ kwalità għolja, u lanqas minn dak tal-protezzjoni tal-indipendenza professjonali tal-aġenti tal-privattivi u tal-kunfidenzjalità tal-attivitajiet tagħhom.

64

Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, tali rekwiżiti jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ indipendenza u ta’ kunfidenzjalità.

65

Minbarra dan, il-Kummissjoni tqis li regoli dwar l-etika professjonali stretti u dispożizzjonijiet fil-qasam tal-assigurazzjoni intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, bħall-Artikolu 21a tal-PAG, huma biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mir-Repubblika tal-Awstrija. Minbarra dan, ir-rekwiżiti inkwistjoni ma humiex konsistenti, sa fejn il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tippermetti li l-membri tal-familja ta’ aġenti tal-privattivi jsiru soċji ta’ kumpannija ta’ aġenti tal-privattivi, filwaqt li tali possibbiltà ma hijiex prevista għal tali kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri għajr ir-Repubblika tal-Awstrija. Din l-istituzzjoni żżid li n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-punt 11 tal-Artikolu 29a tal-PAG dwar l-influwenza determinanti tal-aġenti tal-privattivi waqt it-tfassil tal-għanijiet tal-kumpannija ta’ aġenti tal-privattivi jiftaħ il-bieb għal interpretazzjoni estremament restrittiva.

66

It-tielet nett, fir-rigward tal-kumpanniji ta’ veterinarji, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 15a(1) tat-TÄG, huma biss il-veterinarji jew il-kumpanniji ta’ veterinarji li għandhom l-awtorizzazzjoni professjonali li huma awtorizzati sabiex joperaw prattika veterinarja jew klinika veterinarja privata. Barra minn hekk, is-soċji ta’ kumpanniji ta’ veterinarji għandhom ikunu veterinarji kkwalifikati u l-persuni esterni għall-professjoni ma jistgħux iżommu sehem f’tali kumpanniji ħlief bħala soċji passivi. Barra minn hekk, hija tosserva li huwa biss veterinarju li jżomm ishma essenzjali f’kumpannija ta’ veterinarji li jista’ jsir direttur ta’ fergħa tagħha u jista’ jmexxi biss waħda minnhom.

67

Skont il-Kummissjoni, grad għoli ta’ indipendenza tal-veterinarji u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika jistgħu jinkisbu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fir-rigward tar-rekwiżit li l-veterinarji għandhom iżommu 100 % tad-drittijiet tal-vot tal-kumpanniji ta’ veterinarji, u li jikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà ta’ stabbiliment. Din l-istituzzjoni tqis li, għalkemm il-veterinarji huma fil-pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti billi jżommu parti mill-kapital suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li jwettqu l-kontroll tal-kumpannija ta’ veterinarji kkonċernata, ma jistax jiġi pprojbit lil min ma huwiex veterinarju li jżomm parti limitata mill-kapital ta’ tali kumpannija li ma tipprekludix tali kontroll.

68

Il-Kummissjoni tqis li r-regoli dwar l-etika professjonali u tal-kondotta tal-veterinarji u s-sorveljanza kunsiderevoli tal-osservanza tagħhom, b’mod partikolari mill-Kamra Awstrijaka tal-Veterinarji, jikkostitwixxu strument iktar flessibbli sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-indipendenza tal-membri ta’ dik il-professjoni. Minbarra dan, din l-istituzzjoni tissuġġerixxi li, minflok ma tiġi imposta ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi li hija biss il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-kumpanniji ta’ veterinarji li għandha tinżamm minn veterinarji. Barra minn hekk, jista’ jiġi mitlub mill-kumpanniji ta’ veterinarji li huma jaderixxu ruħhom mal-Kamra tal-Veterinarji, li jippermetti li tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tagħhom.

69

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, li s-separazzjoni stretta tal-funzjonijiet ta’ ppjanar u tal-eżekuzzjoni għandha l-għan li tiggarantixxi l-oġġettività, l-indipendenza u ċ-ċertezza legali tal-perizji u tal-atti stabbiliti mill-inġiniera ċivili. Minbarra dan, dan l-Istat Membru jsostni li s-servizzi tal-inġiniera ċivili jistgħu jiġu pprovduti wkoll skont il-GewO minn uffiċċji ta’ inġiniera jew mill-imgħallmin fil-kostruzzjoni, b’mod li ma jistax jiġi sostnut li l-possibbiltà li tali servizzi jiġu pprovduti hija ristretta. Għalkemm id-Direttiva 2006/123 hija intiża sabiex tirregola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, xorta jibqa’ l-fatt, skont dan l-Istat Membru, li din ma tirregolax it-titolu professjonali li taħtu servizz jista’ jingħata u lanqas il-professjoni li fil-kuntest tagħha servizz jista’ jingħata.

70

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-unika attività li tista’ tiġi eżerċitata skont iz-ZTG, u li ma tistax tiġi eżerċitata skont il-GewO, hija l-attività ta’ awtentikazzjoni tal-atti. Skont dan l-Istat Membru, minbarra l-fatt li, tal-inqas fil-kuntest ta’ din l-attività, l-inġiniera ċivili jaqgħu taħt l-Artikolu 2(2)(l) tad-Direttiva 2006/123, ir-rekwiżiti imposti fuq din il-professjoni huma, fi kwalunkwe każ, fl-interess ġenerali, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi.

71

Minbarra l-possibbiltà li fil-kuntest tal-GewO jiġu pprovduti l-istess servizzi bħal dawk ipprovduti mill-inġiniera ċivili, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li pproponiet emenda għall-Artikolu 26 taz-ZTG, sabiex jintemm l-ilment allegat. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru jqis li l-Artikolu 28(1) taz-ZTG għandu l-għan li jżomm l-imparzjalità u l-indipendenza tal-inġiniera ċivili, b’mod li jinżammu r-regoli dwar id-diriġenti u r-rappreżentanti tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili.

72

Fir-rigward tal-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi, minbarra l-argumenti sostnuti waqt il-proċedura prekontenzjuża, li sunt tagħhom huwa inkluż fir-rikors tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja li għandha l-intenzjoni li temenda l-Artikolu 29a(1)(b) u (e) tal-PAG, li żżid punt ġdid għal dan l-artikolu sabiex tkopri l-kategorija ta’ persuni li jistgħu jiġu assoċjati ma’ dawn il-kumpanniji u li jitneħħa l-punt 4 tal-Artikolu 29a ta’ din il-liġi.

73

F’dak li jikkonċerna l-kumpanniji ta’ veterinarji, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li bl-ebda mod ma jista’ jiġi sostnut li ma hemmx rabta bejn il-professjoni ta’ veterinarju u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, sa fejn din il-professjoni għandha rwol ta’ garanti f’dak li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ ikel sigur. Dan l-Istat Membru jsostni li l-veterinarji huma obbligati, mhux unikament mit-TÄG iżda wkoll minn leġiżlazzjonijiet oħra, li jiddikjaraw kemm il-mard tal-annimali kif ukoll ċertu mard tal-bniedem jew is-suspett ta’ infezzjoni permezz ta’ marda waħda minn dan il-mard.

74

Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra, minbarra dan, li r-regoli dwar l-etika professjonali jistgħu jipproduċu effett obbligatorju biss fir-rigward tal-veterinarji li jeżerċitaw il-professjoni u ma humiex xierqa sabiex jeskludu relazzjonijiet ta’ dipendenza ma’ persuni esterni għal din il-professjoni, sakemm sistema stretta ta’ kontroll tal-Istat fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar ma tiġix stabbilita. Dan l-Istat Membru jikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li t-tneħħija tal-Artikolu 15a tat-TÄG twassal għal vantaġġi f’termini ta’ prezz għall-konsumaturi bl-ebda mod ma hija ċara, sa fejn din id-dispożizzjoni ma teskludix l-attività ta’ kumpanniji li fihom għandhom sehem persuni esterni għall-professjoni ta’ veterinarju.

75

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija billi tillimita l-osservazzjonijiet tagħha, ikkontestati mill-Kummissjoni, għall-eżami tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet taz-ZTG mad-Direttiva 2006/123. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 28(1) taz-ZTG, jekk jitqiesu li jikkostitwixxu “rekwiżiti” fis-sens tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123, jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, b’mod li huma ġġustifikati.

76

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, minn naħa, li r-restrizzjoni tal-aċċess għall-kwalità ta’ soċju tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili unikament għall-inġiniera ċivili u għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili hija neċessarja sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ żamma ta’ indipendenza, ta’ amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja, tal-kwalità tas-servizzi, ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ osservanza tal-obbligu tal-kunfidenzjalità. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru jsostni li r-rekwiżit li l-inġiniera ċivili biss jistgħu jkunu diriġenti u rappreżentanti legali tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili jiżgura t-trasparenza u l-kwalità tas-servizz u jiffaċilita d-determinazzjoni tal-persuna responsabbli fi ħdan tali kumpannija.

77

Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, miżuri inqas restrittivi, bħal regoli interni u dwar l-etika professjonali, ma humiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. Minbarra dan, id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ assigurazzjoni għandhom funzjoni għalkollox differenti, jiġifieri kumpens għal dannu li diġà seħħ u mhux il-prevenzjoni ta’ tali dannu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78

Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tipprevedix rekwiżiti bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u għandhom jiżguraw li dawn ikunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tiegħu.

79

L-Artikolu 15(2)(b) ta’ din id-direttiva jirreferi għar-rekwiżiti li jimponu fuq il-fornitur li jieħu forma legali speċifika. L-Artikolu 15(2)(ċ) jirreferi għar-rekwiżiti li huma relatati maż-żamma ta’ kapital ta’ kumpannija.

80

Mill-Artikolu 15(5) u (6) jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew, skont il-każ, jintroduċu rekwiżiti tat-tip bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 33).

81

Il-kundizzjonijiet kumulattivi elenkati fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva jirrigwardaw, l-ewwel nett, in-natura mhux diskriminatorja tar-rekwiżiti kkonċernati, li ma jistgħux ikunu direttament jew indirettament diskriminatorji skont in-nazzjonalità jew, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji, skont il-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom; it-tieni nett, in-natura neċessarja tagħhom, jiġifieri li għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali; u, it-tielet nett, il-proporzjonalità tagħhom, peress li dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu xierqa biex jiżguraw it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan u miżuri oħrajn inqas vinkolanti ma għandhomx jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat.

82

Isegwi, b’mod partikolari, li, għalkemm ċertament hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jinvoka raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika rekwiżit fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15 li juri li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex, dan l-oneru tal-prova ma jistax iwassal sabiex ikun meħtieġ li dan l-Istat Membru juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura possibbli immaġinabbli oħra ma tippermetti li dan l-għan jitwettaq fl-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑518/06, EU:C:2009:270, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-24 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 123; u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 55). Fil-fatt tali rekwiżit iwassal biex l-Istat Membru kkonċernat jiġi mċaħħad mill-kompetenza leġiżlattiva tiegħu fil-qasam ikkunsidrat.

83

Fil-każ preżenti, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest tal-ilment preżenti jirriżulta li, l-ewwel nett, unikament il-persuni fiżiċi u l-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili jistgħu jkunu soċji ta’ kumpannija ta’ inġiniera ċivili u l-persuni fiżiċi biss, soċji tal-kumpannija ta’ inġiniera ċivili, li jżommu l-maġġoranza tal-ishma ta’ din il-kumpannija, jistgħu jinħatru bħala amministraturi u rappreżentanti ta’ tali kumpannija. It-tieni nett, unikament l-aġenti tal-privattivi stess, il-membri tal-familja tagħhom u l-fondazzjonijiet stabbiliti minn dawn il-persuni fiżiċi jistgħu jżommu sehem f’kumpannija ta’ aġenti tal-privattivi, fejn l-aġenti tal-privattivi għandu jkollhom influwenza determinanti fi ħdan tali kumpannija. It-tielet nett, unikament il-veterinarji jew kumpanniji ta’ veterinarji jistgħu joperaw prattika jew klinika veterinarja, peress li persuni esterni għall-professjoni jistgħu jipparteċipaw unikament bħala soċji passivi, u unikament veterinarji li jżommu ishma essenzjali f’tali kumpannija jistgħu jsiru diretturi ta’ fergħa tagħha.

84

Għandu jiġi kkonstatat li tali rekwiżiti jirrigwardaw kemm il-forma legali kif ukoll il-kompożizzjoni tal-azzjonisti tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, ta’ aġenti tal-privattivi u ta’ veterinarji, sabiex dawn jaqgħu taħt l-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123.

85

Għalhekk, hemm lok li jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżiti nazzjonali inkwistjoni jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, jiġifieri li huma nondiskriminatorji, neċessarji u proporzjonali għat-twettiq ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, CMVRO, C‑297/16, EU:C:2018:141, punt 54).

86

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, xejn fil-proċess imressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li r-rekwiżiti msemmija fil-punt 83 ta’ din is-sentenza huma direttament jew indirettament diskriminatorji, fis-sens tal-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2006/123.

87

Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi ppreċiżat li r-Repubblika tal-Awstrija tindika, essenzjalment, li r-rekwiżiti inkwistjoni huma intiżi li jilħqu l-għanijiet ta’ garanzija tal-oġġettività u tal-indipendenza tal-professjonijiet ikkonċernati kif ukoll iċ-ċertezza legali, u, f’dak li jikkonċerna l-veterinarji, ukoll l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa.

88

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-għanijiet ta’ garanzija tal-oġġettività u tal-indipendenza tal-professjonijiet ikkonċernati, kif ukoll ta’ ċertezza legali, jintrabtu mal-għan ta’ protezzjoni tad-destinatarji ta’ servizzi, previst fil-premessa 40 tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll ta’ garanzija tal-kwalità tas-servizzi.

89

Hemm lok li jiġi rrilevat li l-għanijiet ta’ protezzjoni tad-destinatarji ta’ servizzi, ta’ garanzija tal-kwalità tas-servizzi u ta’ protezzjoni tas-saħħa jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten, C‑58/98, EU:C:2000:527, punt 38, u tal-1 ta’ Marzu 2018, CMVRO, C‑297/16, EU:C:2018:141, punt 57).

90

Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna t-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, din tippreżupponi li jkunu ssodisfatti tliet elementi, jiġifieri li r-rekwiżit ikun xieraq sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq u dan l-għan ma jistax jintlaħaq minn miżura inqas restrittiva.

91

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jivverifika u, għaldaqstant, juri, bl-invokazzjoni ta’ elementi preċiżi ta’ natura li jsostnu l-argument tiegħu li rekwiżiti bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ jissodisfaw il-kundizzjonijiet magħmula minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑296/12, EU:C:2014:24, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

F’dak li jikkonċerna n-natura proprja tar-rekwiżiti inkwistjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-limitazzjonijiet li jikkonċernaw il-forma legali u l-parteċipazzjoni fil-kapital ta’ kumpannija huma, sa fejn jiżguraw it-trasparenza tas-sehem fil-kapital ta’ dik il-kumpannija u l-kwalifika tal-persuni li għandhom sehem f’dan il-kapital u jiddeterminaw, b’mod preċiż, il-persuni responsabbli fil-kumpannija kkonċernata, fil-prinċipju xierqa sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tad-destinatarji ta’ servizzi u ta’ garanzija tal-kwalità tas-servizzi.

93

Għal dak li huwa l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżiti relatati maż-żamma esklużiva tal-kapital tal-kumpanniji ta’ veterinarji mill-membri ta’ din il-professjoni huma xierqa sabiex jitnaqqsu r-riskji li tali kumpanniji jadottaw strateġiji ekonomiċi li jistgħu jippreġudikaw l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa kif ukoll l-indipendenza tal-veterinarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, CMVRO, C‑297/16, EU:C:2018:141, punti 8283).

94

Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali hija xierqa sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan imfittex unikament jekk fil-verità tissodisfa x-xewqa li dan jintlaħaq b’mod konsistenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55; tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 76; kif ukoll id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sokoll-Seebacher u Naderhirn, C‑634/15, EU:C:2016:510, punt 27).

95

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kif sostniet korrettement il-Kummissjoni u mingħajr ma dan huwa kkontestat mir-Repubblika tal-Awstrija, ir-rekwiżiti imposti fuq l-aġenti tal-privattivi fir-rigward taż-żamma tal-kapital ma jistgħux jitqiesu bħala li huma konsistenti fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, peress li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka tippermetti lil persuni esterni għall-professjoni ta’ aġent tal-privattivi, jiġifieri l-membri tal-familja ta’ tali aġent, li jsiru soċji ta’ kumpannija ta’ aġenti tal-privattivi, filwaqt li tali possibbiltà ma hijiex prevista għal kumpanniji attivi f’dan il-qasam u li huma stabbiliti fi Stati Membri għajr ir-Repubblika tal-Awstrija.

96

Isegwi li r-Repubblika tal-Awstrija ma waslitx sabiex tistabbilixxi li dawn ir-rekwiżiti huma xierqa sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

97

Għall-kumplament, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tressaq ebda argument speċifiku intiż sabiex jikkontesta li r-rekwiżiti inkwistjoni huma xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet allegati u sempliċement issostni li dawn ir-rekwiżiti jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti.

98

Fir-rigward tat-tieni element tal-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123, kif stabbilit fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi skartat bħala irrilevanti l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, li skontu l-abbozzi ta’ liġi, li ma kinux fis-seħħ fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, huma intiżi li jemendaw din il-leġiżlazzjoni.

99

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet tippreżenta ruħha fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u t-tibdil eventwali li seħħ sussegwentement ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

100

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Awstrija f’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti inkwistjoni, fis-seħħ fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jippermettix li jintwera li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitlaħqu l-għanijiet stabbiliti.

101

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 28(1) taz-ZTG, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ssuġġeriet diversi miżuri alternattivi li huma inqas restrittivi, bħal regoli ta’ kondotta kif ukoll regoli fir-rigward ta’ assigurazzjoni u ta’ garanzija, li, b’mod partikolari jekk jitqiesu flimkien, jistgħu jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Issa, għalkemm ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li dan ir-rekwiżit jidher indispensabbli sabiex jiġi żgurat li l-amministraturi ta’ kumpannija ta’ inġiniera ċivili personalment responsabbli għas-servizzi tagħhom, dan l-Istat Membru ma jissostanzjax dan l-argument b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tasal għall-konklużjoni li l-miżuri li huma inqas dannużi ma jkunux suffiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti.

102

It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 29a tal-PAG, għandu jingħad ukoll, minbarra kunsiderazzjonijiet mogħtija fil-punti 95 u 96 ta’ din is-sentenza, li, minn naħa, l-argumenti tal-Kummissjoni mqassra fil-punti 62 sa 64 ta’ din is-sentenza jwasslu sabiex ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet li hija tfittex u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ma ressqitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja argument li jista’ jikkonfuta dan l-argument.

103

It-tielet nett, fir-rigward tal-Artikolu 15a tat-TÄG, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, minn naħa, li l-veterinarji huma suġġetti għal sensiela ta’ obbligi relatati mal-protezzjoni tas-saħħa, bħalma huma l-garanzija tal-produzzjoni tal-ikel sigur, id-dikjarazzjoni ta’ mard li jolqot annimali u dik ta’ ċertu mard tal-bniedem. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru jargumenta li r-regoli tal-kondotta, ħlief fil-każ fejn l-osservanza tagħhom hija strettament ikkontrollata mill-Istat, ma jistgħux jeskludu r-relazzjonijiet ta’ dipendenza u l-influwenza ta’ persuni esterni għall-professjoni, b’mod li tali regoli ma humiex xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

104

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-riċerka leġittima tal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u ta’ indipendenza tal-veterinarji ma tistax tiġġustifika li l-operaturi mhux veterinarji jiġu kompletament esklużi miż-żamma tal-kapital tal-kumpanniji ta’ veterinarji, peress li ma huwiex eskluż li kontroll effettiv jista’ jiġi eżerċitat mill-veterinarji fuq dawn il-kumpanniji anki fl-ipoteżi fejn dawn ma jżommux il-kapital kollu ta’ dawn il-kumpanniji, sa fejn iż-żamma mill-persuni mhux veterinarji ta’ parti limitata ta’ dan il-kapital mhux neċessarjament tipprekludi tali kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, CMVRO, C‑297/16, EU:C:2018:141, punt 86).

105

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi minn kull sehem fil-kapital tal-kumpanniji ta’ veterinarji l-persuni kollha li ma għandhomx l-awtorizzazzjoni professjonali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u ta’ indipendenza tal-veterinarji.

106

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rekwiżiti nazzjonali inkwistjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, hekk li jiksru l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123.

107

Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 huwa fondat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE.

Fuq l-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123

L-argumenti tal-partijiet

108

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 21(1) taz-ZTG u l-punt 6 tal-Artikolu 29a tal-PAG jobbligaw lill-kumpanniji professjonali kkonċernati li jillimitaw lilhom innifishom għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ inġinier ċivili jew ta’ aġent tal-privattivi rispettivament. Issa, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 jimponi fuq l-Istati Membri li jneħħu r-rekwiżiti li jobbligaw lill-fornituri li jeżerċitaw esklużivament attività speċifika, jew li jillimitaw l-eżerċizzju konġunt jew fi sħubija ta’ attivitajiet differenti. Skont il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprekludu, minn naħa waħda, kemm il-ħolqien minn kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru għajr ir-Repubblika tal-Awstrija ta’ stabbilimenti sekondarji multidixxiplinari kif ukoll l-istabbiliment primarju tal-kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija. Min-naħa l-oħra, tali dispożizzjonijiet jipprekludu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

109

Fir-rigward tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 21(3) taz-ZTG, li skontu t-twaqqif ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ċivili ma’ persuni li jeżerċitaw attività mhux liberali huwa awtorizzat biss għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili jekk dawn il-persuni ma jkunux awtorizzati li jwettqu kompiti ta’ eżekuzzjoni, jikser l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123.

110

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li huma biss il-periti u l-inġiniera li jistgħu joħolqu kumpanniji komuni peress li ma huwiex possibbli li jinħolqu kumpanniji rregolati mid-dritt ċivili ma’ persuni li jeżerċitaw professjonijiet oħra ħlief bil-kundizzjoni li dawn il-persuni ma jkunux awtorizzati sabiex iwettqu kompiti ta’ eżekuzzjoni. It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, assoċjazzjoni ma’ persuni li jeżerċitaw professjonijiet oħra ma hijiex possibbli fil-forma ta’ kumpannija ta’ inġiniera ċivili, iżda hija possibbli biss fil-forma ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ċivili li fiha s-soċji huma personalment responsabbli u ma jibbenefikawx mil-limitazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. It-tielet nett, din l-istituzzjoni tosserva li l-approċċ li inġinier li jipprovdi s-servizzi tiegħu skont iz-ZTG jista’ jassoċja ruħu ma’ inġiniera ċivili sabiex iwaqqaf kumpannija ta’ inġiniera ċivili, filwaqt li inġinier li jipprovdi s-servizzi tiegħu fil-kuntest tal-GewO jista’ jagħmel dan biss fil-forma ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ċivili, jidher kontradittorju u sproporzjonat.

111

F’dak li jikkonċerna l-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-punt 6 tal-Artikolu 29a tal-PAG, l-attività ta’ tali kumpannija għandha tiġi limitata għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent tal-privattivi, inkluż l-attivitajiet awżiljarji u l-ġestjoni tal-patrimonju ta’ din il-kumpannija. Skont din l-istituzzjoni, l-għanijiet ta’ twettiq ta’ livell għoli ta’ konsulenzi u ta’ difiża tal-interessi tal-konsumaturi jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri li f’termini assoluti ma jeskludux l-eżerċizzju konġunt jew fi sħubija ma’ professjonijiet oħra tal-attivitajiet ta’ aġenti tal-privattivi.

112

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li mid-Direttiva 2006/123 jirriżulta li restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet multidixxiplinari huma awtorizzati sa fejn huma intiżi sabiex iżommu l-imparzjalità, l-indipendenza u l-integrità tal-professjonijiet irregolati.

113

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, dan l-Istat Membru jsostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 21(1) taz-ZTG jippermetti l-assoċjazzjoni ta’ kumpanniji ta’ inġiniera ċivili ta’ speċjalizzazzjonijiet differenti. It-tieni nett, huwa jfakkar li l-Artikolu 21(3) taz-ZTG jippermetti wkoll assoċjazzjoni ma’ professjonijiet oħra, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux awtorizzati sabiex jeżerċitaw attivitajiet ta’ twettiq.

114

Skont dan l-Istat Membru, fid-dawl tas-separazzjoni stretta tal-attivitajiet tal-ippjanar u ta’ eżekuzzjoni, ir-regoli dwar l-organizzazzjoni interna ma humiex biżżejjed sabiex jippermettu t-twettiq tal-għan li jiġu żgurati l-imparzjalità u l-indipendenza tal-professjoni. Minbarra dan, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra li l-idea tal-Kummissjoni, li skontha jkun biżżejjed li jiġu stabbiliti linji gwida dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, ma tistax tilħaq l-għan imfittex sa fejn tali linji gwida ma għandhomx saħħa vinkolanti.

115

F’dak li jikkonċerna l-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi, ir-Repubblika tal-Awstrija tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-emendi proposti għall-punti 6 u 11 tal-Artikolu 29a tal-PAG jikkonsistu f’sempliċi tneħħija ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod li ma tista’ tiġi kkritikata dwar ebda restrizzjoni tal-attivitajiet multidixxiplinari.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

116

Skont l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jkunux issuġġettati għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament jew li jirristrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti. Madankollu, il-fornituri msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu jistgħu jkunu suġġetti għal tali rekwiżiti, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fih.

117

F’dan il-każ, minn naħa, skont l-Artikolu 21(1) taz-ZTG, l-inġiniera ċivili jistgħu jwaqqfu kumpanniji ta’ inġiniera ċivili għall-finijiet esklużivi tal-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, filwaqt li, konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, it-twaqqif, minn inġiniera ċivili, ta’ kumpannija ma’ persuni li jeżerċitaw attività mhux liberali huwa awtorizzat biss jekk din tkun kumpannija rregolata mid-dritt ċivili, li fiha dawn il-persuni tal-aħħar ma humiex awtorizzati jwettqu kompiti ta’ eżekuzzjoni.

118

Min-naħa l-oħra, skont il-punt 6 tal-Artikolu 29a tal-PAG, l-attivitajiet tal-kumpanniji ta’ aġenti tal-privattivi huma limitati għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni, għall-attivitajiet awżiljarji u għall-ġestjoni tal-patrimonju tal-kumpannija kkonċernata.

119

Isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet jissottomettu l-fornituri previsti minnhom għal rekwiżiti bħal dawk ikkonċernati mill-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123. Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat ukoll jekk dawn ir-rekwiżiti jistgħux jiġu ġġustifikati skont punti (a) jew (b) ta’ din id-dispożizzjoni.

120

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Artikolu 21 taz-ZTG għandu l-għan li jżomm l-imparzjalità, l-indipendenza u l-integrità tal-professjoni ta’ inġinier ċivili u tqis li dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġu żgurati permezz tar-regoli tal-kondotta. F’dak li jikkonċerna l-aġenti tal-privattivi, dan l-Istat Membru jinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja b’emendi leġiżlattivi intiżi li jneħħu d-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-Kummissjoni.

121

Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija li jirrigwardaw il-modifiki leġiżlattivi tal-PAG, li seħħew sussegwentement għall-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li, minbarra dan, ma daħlux fis-seħħ fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.

122

F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 21 taz-ZTG, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma spjegat bl-ebda mod kif preċiżament l-imparzjalità, l-indipendenza u l-integrità tal-professjoni ta’ inġinier ċivili jistgħu jiġu kkontestati jekk l-inġiniera ċivili setgħu jitħallew jassoċjaw ruħhom, fil-kuntest ta’ kumpannija bħal dawk previsti fl-Artikolu 21(1) taz-ZTG, ma’ persuni li jeżerċitaw professjonijiet oħra. Dan huwa iktar il-każ peress li l-paragrafu 3 ta’ din l-istess dispożizzjoni jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-assoċjazzjoni ta’ inġiniera ċivili ma’ persuni li jeżerċitaw attività oħra, fil-kuntest ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ċivili.

123

Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Awstrija ma ressqet l-ebda argument konkret sabiex turi li miżuri inqas vinkolanti, bħall-adozzjoni ta’ regoli ta’ organizzazzjoni interna ta’ kumpannija multidixxiplinari, prevista mill-Kummissjoni fl-argumenti tagħha, ma jkunux xierqa sabiex jiġu żgurati l-imparzjalità, l-indipendenza u l-integrità ta’ inġinier ċivili li jeżerċita l-attività tiegħu fil-kuntest ta’ tali kumpannija. Għalhekk ma jistax jiġi aċċettat li l-projbizzjoni ta’ twaqqif ta’ kumpanniji paralleli, li tirriżulta mill-Artikolu 21 taz-ZTG, hija “neċessarja” għal dawn il-finijiet, fis-sens tal-Artikolu 25(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 2006/123.

124

Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 huwa fondat.

125

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi żammet ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ post tas-sede għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u ta’ aġenti tal-privattivi, ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ forma legali u ta’ żamma tal-kapital għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, ta’ aġenti tal-privattivi u ta’ veterinarji kif ukoll ir-restrizzjoni tal-attivitajiet multidixxiplinari għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u ta’ aġenti tal-privattivi, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-punt 1 tal-Artikolu 14, l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (ċ), u (3), u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123.

Fuq l-ispejjeż

126

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tal-Awstrija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

127

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi żammet ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ post tas-sede għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u ta’ aġenti tal-privattivi, ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ forma legali u ta’ żamma tal-kapital għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili, ta’ aġenti tal-privattivi u ta’ veterinarji kif ukoll ir-restrizzjoni tal-attivitajiet multidixxiplinari għall-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u ta’ aġenti tal-privattivi, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-punt 1 tal-Artikolu 14, l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (ċ), u (3), u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.