SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Trasferiment ta’ impriżi – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni tat-trasferiment – Trasferiment ta’ klijentela – Trasferiment tas-servizzi finanzjarji kollha ta’ bank lil kumpannija ta’ senserija finanzjarja bl-esklużjoni tat-trasferiment tal-persunal”
Fil-Kawża C‑194/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura
Jadran Dodič
vs
Banka Koper,
Alta Invest,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, D. Šváby u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal J. Dodič, minn M. Blatnik u M. Dodič, juristes, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u B. Rous Demiri, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 98). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Jadran Dodič u, min-naħa l-oħra, Banka Koper u Alta Invest, dwar il-legalità tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 tenfasizza li “[h]uwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.” |
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
|
Id-dritt Sloven
|
5 |
L-Artikolu 73(1) taż-Zakon o delovnih razmerih (il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet ta’ Xogħol) (Uradni list RS, Nru 21/13, iktar ’il quddiem iż-“ZDR” jipprovdi: “Jekk, minħabba t-trasferiment ġuridiku ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża, imwettaq abbażi tal-liġi, ta’ dispożizzjoni oħra, ta’ att ġuridiku jew ta’ deċiżjoni tal-qorti li għandha s-saħħa ta’ res judicata jew minħabba inkorporazzjoni jew diviżjoni, isseħħ bidla fir-rigward tal-persuna li timpjega, id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali u oħrajn li jirriżultaw mir-relazzjonijiet tax-xogħol li l-ħaddiema kellhom lejn il-persuna li timpjega ċedenti fil-jum tat-trasferiment għandhom jiġu ttrasferiti lill-persuna li timpjega ċessjonarja.” |
|
6 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(1) taż-ZDR jipprevedi: “Ir-raġunijiet għax-xoljiment ordinarju tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem mill-persuna li timpjega huma: Meta ma jkunx iktar neċessarju li xogħol speċifiku jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt ta’ xogħol, għal raġunijiet ekonomiċi, organizzattivi, teknoloġiċi, strutturali jew għal raġunijiet simili relatati mal-persuna li timpjega.” |
|
7 |
Skont is-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 89(1) taż-ZDR: “[…] bidla fir-rigward tal-persuna li timpjega fis-sens tal-Artikolu 73(1) ta’ din il-liġi għandha titqies ukoll bħala raġuni mhux iġġustifikata għax-xoljiment ordinarju ta’ kuntratt ta’ xogħol.” |
|
8 |
L-Artikolu 159(1) taż-Zakon o trgu finančnih instrumentov (il-Liġi dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji) (Uradni list RS, Nru 108/10; iktar ’il quddiem iż-“ZTFI”) jispeċifika r-regoli applikabbli fil-każ li “l-Assemblea ta’ kumpannija ta’ senserija finanzjarja tadotta deċiżjoni ta’ waqfien tal-attività tal-kumpannija ta’ senserija finanzjarja u ta’ bidu tal-proċedura ta’ stralċ jew deċiżjoni li tbiddel l-attività ta’ senserija finanzjarja b’tali mod li l-kumpannija ma tibqax tipprovdi servizzi ta’ investiment u twettaq attivitajiet ta’ investiment.” |
|
9 |
L‑Artikolu 159(3) taż-ZTFI jipprevedi: “Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 159(1), il-kumpannija ta’ senserija finanzjarja għandha: 1. twettaq l-atti kollha neċessarji għat-trasferiment:
lil persuna oħra li, skont l-Artikolu 32 ta’ din il-liġi, hija awtorizzata tipprovdi servizzi ta’ investiment u twettaq attivitajiet ta’ investiment fis-Slovenja; 2. tiżgura li l-persuna msemmija fil-punt 1 ta’ dan il-paragrafu tikseb:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
10 |
Fit‑23 ta’ Diċembru 2011, Banka Koper adottat deċiżjoni dwar il-waqfien tal-provvisti ta’ servizzi ta’ investiment u tat-twettiq tal-attivitajiet ta’ investiment tagħha, kif ukoll tas-servizzi ta’ senserija finanzjarja. |
|
11 |
Fis‑27 ta’ Ġunju 2012, Banka Koper ikkonkludiet kuntratt ta’ trasferiment ma’ Alta Invest skont l-Artikolu 159 taż-ZTFI, li jipprevedi li dik tal-ewwel kellha tittrasferixxi lit-tieni l-istrumenti finanzjarji u l-attivi l-oħra ta’ klijenti li hija kienet timmaniġġa, il-kontabbiltà relatata mat-titoli ta’ kreditu intanġibbli tal-klijenti tagħha, is-servizzi l-oħra ta’ investiment u s-servizzi anċillari, fis-sens taż-ZTFI, kif ukoll l-arkivji, jiġifieri d-dokumentazzjoni relatata mas-servizzi u mal-attivitajiet ta’ investiment li hija kienet meħtieġa żżomm għall-imsemmija klijenti. Barra minn hekk, ġie miftiehem li Banka Koper kienet ser twettaq attivitajiet ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti għal Alta Invest. |
|
12 |
F’Lulju 2012, Banka Koper informat lill-klijenti, li lilhom hija kienet tipprovdi servizzi ta’ senserija finanzjarja, li hija kienet ser twaqqaf din l-attività. F’dan il-kuntest, hija informathom speċifikament dwar il-possibbiltà li jittrasferixxu lejn Alta Invest, u offritilhom, f’dan ir-rigward, vantaġġi partikolari, bħat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasferiment tagħhom. Banka Koper informat ukoll lill-klijenti tagħha li s-silenzju min-naħa tagħhom kien ser jiġi interpretat bħala aċċettazzjoni tat-trasferiment tagħhom lejn Alta Invest. 91 % tal-klijenti ta’ Banka Koper effettivament ittrasferixxew lejn Alta Invest, fejn il-maġġoranza tagħhom espressament indikaw ix-xewqa tagħhom li minn dak iż-żmien ’il quddiem ikunu assoċjati ma’ din tal-aħħar. |
|
13 |
Sussegwentement, Banka Koper ġiet eskluża milli tinnegozja fil-Borża ta’ Ljubljana (is-Slovenja) u l-Bank Ċentrali tas-Slovenja adotta deċiżjoni li tawtorizzaha tipprovdi servizzi bħala fornitur ta’ servizzi ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti. |
|
14 |
Fis‑17 ta’ Settembru 2012, Banka Koper adottat regolament ġdid dwar l-ippjanar tal-impjiegi li permezz tiegħu hija neħħiet id-dipartiment tas-servizzi ta’ investiment, b’mod partikolari l-impjiegi tas-sensara finanzjarji. |
|
15 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati kollha tad-dipartiment tas-servizzi ta’ investiment ta’ Banka Koper ġew xolti għal raġunijiet ekonomiċi, inkluż il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat għall-pożizzjoni ta’ sensar finanzjarju konkluż minn J. Dodič fit‑30 ta’ Ġunju 2011 u li ġie xolt fil‑11 ta’ Ottubru 2012. |
|
16 |
Sadanittant, Banka Koper ipproponiet lill-impjegati kollha ta’ dan id-dipartiment ta’ servizzi ta’ investiment jikkonkludu kuntratti ġodda ta’ xogħol għal pożizzjonijiet oħra. |
|
17 |
J. Dodič irrifjuta din l-offerta, peress li kien iqis li x-xogħol hekk propost ma kienx adattat għalih. Sussegwentement, huwa kkontesta t-tkeċċija tiegħu quddiem il-qrati Sloveni u talab li huwa jiġi integrat mill-ġdid fil-pożizzjoni tiegħu ma’ Banka Koper, jew ma’ Alta Invest. Huwa jqis li Banka Koper ittrasferixxiet l-attività tagħha ta’ negozju finanzjarju lil Alta Invest, fis-sens tal-Artikolu 73 taż-ZDR, li jittrasponi fid-dritt Sloven l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23. Għalhekk, sussegwentement għat-trasferiment previst mill-kuntratt ta’ trasferiment tas‑27 ta’ Ġunju 2012, l-attività ta’ servizzi ta’ investiment tkompliet fi ħdan Alta Invest bid-dipartimenti operattivi u bin-netwerks ta’ Banka Koper. |
|
18 |
Quddiem dawn il-qrati, Banka Koper sostniet li, wara li ddeċidiet li twaqqaf il-provvista tas-servizzi tas-senserija finanzjarja lill-klijenti tagħha, hija kienet obbligata, skont l-Artikolu 159 taż-ZTFI, tittrasferixxi l-kontijiet relatati mat-titoli ta’ kreditu intanġibbli tagħhom lil persuna ġuridika oħra awtorizzata tipprovdi l-istess servizzi fis-Slovenja. Hija enfasizzat li t-trasferiment la kien jikkonċerna l-ħaddiema, la l-uffiċċji u lanqas ir-riżorsi ta’ xogħol u li l-klijenti tagħha kellhom il-possibbiltà jagħżlu l-fornitur il-ġdid ta’ servizzi ta’ investiment tagħhom. |
|
19 |
Bl-istess mod, Alta Invest argumentat li l-kuntratt ta’ trasferiment huwa l-konsegwenza diretta tal-applikazzjoni tal-Artikolu 159 taż-ZTFI. |
|
20 |
Il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għal trasferiment ta’ impriża ma kinux ġew issodisfatti fin-nuqqas ta’ żamma tal-identità tal-impriża minn perspettiva ekonomika jew funzjonali. Hija enfasizzat, minn naħa, li l-kuntratt ta’ trasferiment konkluż bejn Banka Koper u Alta Invest ma kien jipprevedi t-trasferiment ta’ ebda proprjetà, ta’ ebda dritt u lanqas ta’ ebda ħaddiem u, min-naħa l-oħra, li l-klijenti kienu għażlu liberament li jittrasferixxu t-titoli tagħhom lil Alta Invest “jew lil xi kumpannija oħra ta’ senserija finanzjarja”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment bis-saħħa tal-imsemmi kuntratt ma setax jiġi kklassifikat bħala “trasferiment ta’ impriża” jew ta’ “parti minn impriża”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23. |
|
21 |
Il-qorti tal-appell qieset ukoll li ma kienx hemm trasferiment ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, sa fejn il-kuntratt ta’ trasferiment konkluż bejn Banka Koper u Alta Invest ma kienx jinvolvi bidla fir-rigward tal-persuna li timpjega, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Din il-qorti qieset bħala deċiżiva l-assenza ta’ trasferiment ta’ klijentela mill-ewwel lit-tieni impriża. Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li kważi din il-klijentela kollha fil-fatt iddeċidiet li tittrasferixxi lejn Alta Invest ma kienx biżżejjed sabiex tikkonkludi li kien hemm “trasferiment ta’ impriża” fis-sens tad-Direttiva 2001/23. Barra minn hekk, il-fatt li Banka Koper kompliet teżerċita attività ta’ senserija finanzjarja, b’mod partikolari għal Alta Invest, kien jikkonferma, skont l-istess qorti, l-assenza ta’ trasferiment ta’ impriża. |
|
22 |
Huwa kontra din l-aħħar sentenza li J. Dodič ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn argumenta, b’mod partikolari, li l-fatt li 91 % tal-klijenti ta’ Banka Koper effettivament ittrasferixxew it-titoli tagħhom lil Alta Invest kien jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ impriża. |
|
23 |
Din il-qorti ċaħdet dan l-appell għall-motivi li l-waqfien tal-attività ta’ senserija finanzjarja, l-eżerċizzju ta’ attività ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti u l-assenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi materjali, ta’ ħaddiema jew tal-istruttura organizzattiva ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm “trasferiment ta’ impriża”, fis-sens tad-Direttiva 2001/23. Hija enfasizzat ukoll il-libertà ta’ għażla li l-klijenti ta’ Banka Koper kellhom kif ukoll l-obbligu legali ta’ din l-aħħar impriża li tiżgura l-kontinwità tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-klijenti tagħha billi tittrasferixxi d-dokumentazzjoni kollha lil kumpannija ta’ senserija finanzjarja oħra fil-każ li dawn il-klijenti ma jagħmlux l-arranġamenti tagħhom wara t-tħabbir min-naħa tagħha tal-waqfien ta’ attività. |
|
24 |
Għaldaqstant J. Dodič ippreżenta rikors kostituzzjonali quddiem l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja) fejn invoka interpretazzjoni manifestament żbaljata u arbitrarja tad-Direttiva 2001/23 kif ukoll iċ-ċaħda, mingħajr raġuni, tat-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-qorti annullat is-sentenza tal-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) u bagħtitilha lura l-kawża. Hija essenzjalment qieset li l-qorti tar-rinviju ma kinitx wieġbet għall-mistoqsijiet tar-rikorrent dwar l-eżistenza ta’ “trasferiment ta’ impriża”, fis-sens tad-Direttiva 2001/23. |
|
25 |
Huwa fil-kuntest ta’ dan it-tieni eżami tal-kawża inkwistjoni li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fiċ-ċirkostanzi tal-każ preżenti, huwiex possibbli li jitqies li hemm “trasferiment ta’ impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23. |
|
26 |
L-ewwel nett, hija tenfasizza li t-trasferiment, lil impriża oħra awtorizzata, tal-istrumenti finanzjarji u tal-attivi l-oħra tal-klijenti, tal-kontabbiltà relatata mat-titoli ta’ kreditu intanġibbli tagħhom, tas-servizzi l-oħra ta’ investiment kif ukoll tal-arkivji, kien jikkostitwixxi kundizzjoni legali li Banka Koper kellha tissodisfa fil-każ ta’ waqfien tal-attività tagħha ta’ senserija finanzjarja. Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tirrileva li l-klijenti ta’ Banka Koper ma kinux marbuta b’dan it-trasferiment sa fejn huma kellhom il-possibbiltà jagħżlu l-impriża l-ġdida tagħhom ta’ senserija finanzjarja. Fl-aħħar nett, hija tfakkar li Banka Koper ma ttrasferixxietx il-ħaddiema tagħha u lanqas ir-riżorsi materjali tagħha jew l-istrutturi organizzattivi ta’ xogħol tagħha lil Alta Invest. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-każ ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, huwa evidenti li l-klawżola tal-kuntratt li teskludi t-trasferiment tal-ħaddiema titlef kull effett tagħha filwaqt li d-dubji tagħha ma jirrigwardawx il-punt dwar jekk il-partijiet fil-kuntratt ta’ trasferiment setgħux jeskludu t-trasferiment tal-ħaddiema. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
28 |
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kisba, mit-tieni impriża, tal-istrumenti finanzjarji u tal-attivi l-oħra ta’ klijenti tal-ewwel impriża, sussegwentement għall-waqfien ta’ attività tagħha, bis-saħħa ta’ kuntratt li l-konklużjoni tiegħu hija imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża anki meta, minn naħa, il-klijenti tal-ewwel impriża jibqgħu ħielsa li ma jafdawx l-immaniġġar tat-titoli finanzjarji tagħhom lit-tieni impriża u, min-naħa l-oħra, l-ewwel impriża tkompli taħdem bħala kumpannija ta’ senserija mhux indipendenti u tikkollabora f’dan ir-rigward mat-tieni impriża. |
|
29 |
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 ma tistax tiġi evalwata abbażi biss ta’ interpretazzjoni testwali. Minħabba differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva kif ukoll diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq il-kunċett ta’ “trasferiment legali”, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni biżżejjed flessibbli sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva li huwa, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, li tipproteġi lill-ħaddiema fil-każ li tinbidel il-persuna li timpjega (sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C‑463/09, EU:C:2011:24, punt 29, u tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 37). |
|
30 |
It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2001/23 tapplika meta t-trasferiment ta’ impriża jkun relatat ma’ attività ekonomika organizzata b’mod stabbli. Il-kunċett ta’ “entità”, imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, għalhekk jirreferi għal grupp organizzat ta’ persuni u elementi li jippermettu t-twettiq ta’ attività ekonomika li jkollha għan speċifiku għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et, C‑173/96 u C‑247/96, EU:C:1998:595, punt 25, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2010, UGT‑FSP, C‑151/09, EU:C:2010:452, punt 26). |
|
31 |
Fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li d-dipartiment tas-servizzi ta’ investiment ta’ Banka Koper kien jikkostitwixxi entità ekonomika, peress li dan id-dipartiment kellu riżorsi umani u loġistiċi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ senserija u fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ investiment għall-kontraenti. |
|
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li, wara li waqqfet, fis-sens tal-Artikolu 159 taż-ZTFI, il-provvista ta’ servizzi ta’ investiment u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ investiment, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi anċillari, Banka Koper kompliet taħdem bħala kumpannija ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti u tikkollabora f’dan ir-rigward ma’ xi kontraenti, fosthom Alta Invest, bħala prinċipju ma jaffettwax il-klassifikazzjoni tal-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “trasferiment ta’ parti minn impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23. |
|
33 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-kriterju deċiżiv, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa għalhekk il-fatt li l-entità ekonomika żżomm l-identità tagħha, li jirriżulta partikolarment mit-tkomplija effettiva tal-operazzjoni jew mit-tkomplija mill-ġdid tagħha (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et, C‑173/96 u C‑247/96, EU:C:1998:595, punt 21, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni kkonċernata, li fosthom jinsabu b’mod partikolari t-tip ta’ impriża jew ta’ negozju involut, it-trasferiment jew le ta’ elementi tanġibbli, bħall-bini u l-beni mobbli, il-valur tal-elementi intanġibbli fil-mument tat-trasferiment, it-teħid jew le tal-essenzjal tal-persunal mit-tmexxija ġdida tal-impriża, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-grad ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment, u t-tul tal-eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Madankollu, dawn l-elementi jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni ta’ totalità li għandha ssir u ma jistgħux, minħabba f’hekk, jiġu evalwati b’mod iżolat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-importanza rispettiva li għandha tingħata lid-diversi kriterji neċessarjament tvarja skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-impriża, fin-negozju jew f’parti min-negozju kkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku, hekk kif il-Kummissjoni indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-attività ekonomika mwettqa mill-entità inkwistjoni ma teħtieġx elementi tanġibbli sinjifikattivi għall-operat tagħha. Min-naħa l-oħra, peress li din l-attività ekonomika hija prinċipalment ibbażata fuq elementi intanġibbli, it-trasferiment tagħhom huwa ta’ importanza partikolari għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “trasferiment ta’ parti minn impriża”. |
|
37 |
Fil-fatt, l-attivi intanġibbli li l-istrumenti finanzjarji jikkostitwixxu u l-attivi l-oħra tal-kontraenti, f’dan il-każ il-klijenti, iż-żamma tal-kontijiet tagħhom, is-servizzi l-oħra ta’ investiment u s-servizzi anċillari kif ukoll iż-żamma tal-arkivji, jiġifieri d-dokumentazzjoni relatata mas-servizzi pprovduti u mal-attivitajiet ta’ investiment imwettqa fir-rigward tal-klijenti, jikkontribwixxu għall-identità tal-entità ekonomika kkonċernata, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 33 sa 35 ta’ din is-sentenza. |
|
38 |
Issa, it-trasferiment ta’ dawn l-elementi huwa neċessarjament suġġett għall-qbil espliċitu jew taċitu tal-klijenti peress li, f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impriża li twaqqaf l-attività tagħha ma tistax tobbliga lill-klijenti tagħha jafdaw l-immaniġġar tat-titoli tagħhom lill-kumpannija tal-għażla tagħha. |
|
39 |
Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-fatt li l-klijenti ta’ Banka Koper ma kinux marbuta bil-kuntratt ta’ trasferiment konkluż ma’ Alta Invest u setgħu liberament jiddeċiedu li jittrasferixxu t-titoli tagħhom lil din tal-aħħar, hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ma jistax, waħdu, jipprekludi l-klassifikazzjoni bħala “trasferiment ta’ parti minn impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23. |
|
40 |
Min-naħa l-oħra, minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ klijentela għandha tiġi stabbilita sabiex l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kklassifikata bħala “trasferiment ta’ parti minn impriża”. |
|
41 |
Għal dan il-għan, hemm lok li ssir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-inċentivi offruti lill-klijenti ta’ Banka Koper sabiex jafdaw l-immaniġġar tat-titoli tagħhom lil Alta Invest. |
|
42 |
Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ għażla espliċita jew le tal-klijenti fir-rigward tat-trasferiment tal-kontijiet tagħhom lejn Alta Invest jew, ukoll, l-eżistenza ta’ trasferiment awtomatiku tal-arkivji relatati mal-kontijiet tagħhom. F’dak il-kuntest, hija għandha tiddetermina jekk l-Artikolu 159(3) taż-ZTFI jirrikjedix lil kumpannija ta’ senserija finanzjarja li tiddeċiedi li twaqqaf din l-attività tittrasferixxi d-dokumentazzjoni relatata mal-kontijiet tal-klijenti tagħha lil persuna waħda awtorizzata fis-Slovenja sabiex tipprovdi servizzi u twettaq attivitajiet ta’ investiment jew jekk din id-dokumentazzjoni tistax tiġi ttrasferita lil numru ta’ persuni. |
|
43 |
L-eżistenza ta’ inċentivi finanzjarji, bħat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasferiment lejn Alta Invest, ukoll tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
44 |
Barra minn hekk, għalkemm il-fatt li 91 % tal-klijenti ta’ Banka Koper qablu li jafdaw l-immaniġġar tat-titoli tagħhom lil Alta Invest jidher li jikkorrobora l-effettività ta’ tali inċentivi, il-klassifikazzjoni bħala “trasferiment”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, ma tistax madankollu ssir abbażi ta’ din il-konstatazzjoni waħedha, li, barra minn hekk, isseħħ wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasferiment bejn iż-żewġ impriżi. |
|
45 |
Fl-aħħar nett, finalment hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza jew le ta’ “trasferiment ta’ parti minn impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza, C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 45, u tas‑6 ta’ Diċembru 2018, Montag, C‑480/17, EU:C:2018:987, punt 34). |
|
46 |
Fid-dawl ta’ dan li jippreċedi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kisba, mit-tieni impriża, tal-istrumenti finanzjarji u tal-attivi l-oħra ta’ klijenti tal-ewwel impriża, sussegwentement għall-waqfien ta’ attività tagħha, bis-saħħa ta’ kuntratt li l-konklużjoni tiegħu hija imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki meta l-klijenti tal-ewwel impriża jibqgħu ħielsa li ma jafdawx l-immaniġġar tat-titoli finanzjarji tagħhom lit-tieni impriża, tista’ tikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża meta l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ klijentela tkun stabbilita, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, in-numru kbir ħafna ta’ klijenti attwalment ittrasferiti ma huwiex, waħdu, deċiżiv fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “trasferiment” u l-fatt li l-ewwel impriża tikkollabora, bħala kumpannija ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti, mat-tieni impriża, bħala prinċipju, huwa irrilevanti. |
Fuq l-ispejjeż
|
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kisba, mit-tieni impriża, tal-istrumenti finanzjarji u tal-attivi l-oħra ta’ klijenti tal-ewwel impriża, sussegwentement għall-waqfien ta’ attività tagħha, bis-saħħa ta’ kuntratt li l-konklużjoni tiegħu hija imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki meta l-klijenti tal-ewwel impriża jibqgħu ħielsa li ma jafdawx l-immaniġġar tat-titoli finanzjarji tagħhom lit-tieni impriża, tista’ tikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża meta l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ klijentela tkun stabbilita, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, in-numru kbir ħafna ta’ klijenti attwalment ittrasferiti ma huwiex, waħdu, deċiżiv fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “trasferiment” u l-fatt li l-ewwel impriża tikkollabora, bħala kumpannija ta’ senserija finanzjarja mhux indipendenti, mat-tieni impriża, bħala prinċipju, huwa irrilevanti. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.