SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Portata – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport”

Fil-Kawża C‑159/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-juge de paix du troisième canton de Charleroi (il-Qorti Konċiljatorja tat-Tielet Canton ta’ Charleroi, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

André Moens

vs

Ryanair Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Moens, minn N. Leys, advocaat,

għal Ryanair Ltd, minn C. Price, avocat,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, M. Hellmann u A. Berg, sussegwentement minn M. Hellmann u A. Berg, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn André Moens u Ryanair Ltd, trasportatur bl-ajru, fir-rigward ta’ rifjut min-naħa ta’ dan tal-aħħar li jikkumpensa lil dan il-passiġġier b’konsegwenza ta’ dewmien twil tat-titjira tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jiddikjaraw:

“(14)

Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal [Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 492)], obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)

Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

4

Taħt it-titolu “Kanċellazzjoni”, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

c)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, […]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

5

Taħt it-titolu “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

A. Moens għamel riżervazzjoni ma’ Ryanair għal titjira bi tluq minn Treviso (l-Italja) b’destinazzjoni Charleroi (il-Belġju).

7

Din it-titjira seħħet fil‑21 ta’ Diċembru 2015 b’dewmien mal-wasla ta’ erba’ sigħat u tlieta u għoxrin minuta; liema dewmien kien dovut għall-preżenza ta’ petrol fuq runway tal-ajruport ta’ Treviso li wasslet għall-għeluq tal-imsemmija runway għal tul ta’ iktar minn sagħtejn u, sussegwentement, għaċ-ċaqliq tal-ħin ta’ tluq tal-ajruplan li kien qiegħed jopera t-titjira inkwistjoni.

8

Minħabba dan id-dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat, A. Moens talab lil Ryanair il-ħlas tal-kumpens ta’ EUR 250 previst fl-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004 moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) tiegħu.

9

Peress li Ryanair irrifjutat li tilqa’ din it-talba minħabba li d-dewmien twil tat-titjira kkonċernata kien dovut għal “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, A. Moens mar quddiem il-juge de paix du troisième canton de Charleroi (il-Qorti Konċiljatorja tat-Tielet Canton ta’ Charleroi, il-Belġju) bil-għan li jikseb il-kumpens mitlub.

10

Din il-qorti tistaqsi jekk il-preżenza ta’ petrol fuq waħda mir-runways tal-ajruport ta’ Treviso li tat lok għal tali dewmien tistax tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-juge de paix du troisième canton de Charleroi (il-Qorti Konċiljatorja tat-Tielet Canton ta’ Charleroi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-fatt inkwistjoni fit-tilwima preżenti, jiġifieri t-tixrid ta’ petrol fuq runway li wassal għall-għeluq ta’ din ir-runway, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “avveniment” fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771), jew taħt dak ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-premessa 14 tal-imsemmi regolament, kif interpretat mis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43), jew dawn iż-żewġ kunċetti huma l-istess ħaġa?

2)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima preżenti, jiġifieri t-tixrid ta’ petrol fuq runway li wassal għall-għeluq ta’ din ir-runway, għandu jitqies bħala avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru u, konsegwentement, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” li tista’ teżenta lit-trasportatur bl-ajru mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira operata minn dan l-ajruplan?

3)

Jekk l-avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima preżenti, jiġifieri t-tixrid ta’ petrol fuq runway li wassal għall-għeluq ta’ din ir-runway, għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, minn dan għandu jiġi dedott li għat-trasportatur bl-ajru dan jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” li ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha?”

Fuq id-domandi

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

12

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li l-petrol imxerred fuq ir-runway, li ta lok għad-dewmien twil tat-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien ġej minn ajruplan tat-trasportatur bl-ajru li opera din it-titjira, jiġifieri minn Ryanair.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li l-ewwel u t-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jinftiehmu fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport li tat lok għall-għeluq tagħha u, b’konsegwenza ta’ dan, għad-dewmien twil ta’ titjira bi tluq minn jew b’destinazzjoni lejn dan l-ajruport, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-petrol inkwistjoni ma jkunx ġej minn ajruplan tat-trasportatur li jkun wettaq din it-titjira.

14

Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jew ta’ dewmien twil, jiġifieri b’tul ta’ tliet sigħat jew iktar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Skont dawn il-premessi 14 u 15 kif ukoll l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, it-trasportatur bl-ajru huwa għalhekk eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens tal-passiġġieri taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jekk ikun f’pożizzjoni li juri li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien tat-titjira b’tul ta’ tliet sigħat jew iktar mal-wasla jkun dovut għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma kinux setgħu jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha jkunu ttieħdu jew, fil-każ li tali ċirkustanza tissussisti, li jkun adotta l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni billi uża l-mezzi kollha ta’ persunal u ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiġi evitat li dan iwassal għall-kanċellazzjoni jew għal dewmien twil tat-titjira kkonċernata (sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-avvenimenti li min-natura jew mill-oriġini tagħhom ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu, liema kundizzjonijiet huma kumulattivi, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi osservat li l-kwalifika bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandha ssir fir-rigward tas-sempliċi ċirkustanza li tat lok għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil fit-titjira kkonċernata mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi evalwat, preċedentement u kif tidher li tixtieq tagħmel il-qorti tar-rinviju, jekk l-imsemmija ċirkustanza tikkostitwixxix “avveniment” fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771).

18

Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-preżenza ta’ petrol fuq runway li tat lok għall-għeluq tagħha u, konsegwentement, għad-dewmien twil ta’ titjira minn jew lejn dan l-ajruport taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni meta l-petrol inkwistjoni ma jkunx ġej minn ajruplan tat-trasportatur li jkun wettaq din it-titjira, hemm lok li jiġi osservat li, minnha nnifisha, tali ċirkustanza ma tistax titqies li hija intrinsikament marbuta mal-funzjonament tal-ajruplan li opera din it-titjira (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 24).

19

Għalhekk, tali ċirkustanza ma tistax titqies li hija inerenti, minħabba n-natura jew minħabba l-oriġini tagħha, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 26).

20

Barra minn hekk hija taħrab mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat inkwantu l-manutenzjoni tar-runways b’ebda mod ma taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 26) u d-deċiżjoni ta’ għeluq tar-runways ta’ ajruport meħuda mill-awtoritajiet ajruportwarji kompetenti hija vinkolanti fuq it-trasportaturi bl-ajru.

21

Għalhekk il-preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport li tat lok għall-għeluq tagħha, u, konsegwentement, għal dewmien twil tat-titjira, għandha tiġi kkwalifikata bħala “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

22

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport li tat lok għall-għeluq tagħha u, konsegwentement, id-dewmien twil tat-titjira minn jew lejn dan l-ajruport taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta l-petrol inkwistjoni ma jkunx ġej minn ajruplan tat-trasportatur li opera din it-titjira.

Fuq it-tielet domanda

23

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport li tat lok għall-għeluq ta’ din ir-runway, li fir-rigward tagħha ġiet stabbilita n-natura ta’ “ċirkustanza straordinarja”, għandha tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza li ma setgħetx tiġi evitata anki jekk kienu ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

24

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar, hekk kif jirriżulta fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li t-trasportatur bl-ajru huwa eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(c) u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk ikun f’pożizzjoni li jipprova li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien tat-titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mal-wasla jkun dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

25

Għalhekk peress li mhux iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha huma ta’ natura li jeżentaw, hija l-parti li jkollha l-intenzjoni li tinvokahom li għandha tistabbilixxi li dawn ma kinux setgħu, fi kwalunkwe każ, jiġu evitati permezz ta’ miżuri adattati għas-sitwazzjoni, jiġifieri permezz ta’ miżuri li, fil-mument meta jissussistu dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, jissodisfaw b’mod partikolari kundizzjonijiet teknikament u ekonomikament sostenibbli għat-trasportatur bl-ajru kkonċernat (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 28).

26

B’hekk din il-parti jkollha tistabbilixxi li, anki li kieku kellha tuża l-mezzi kollha ta’ persunal u ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji kollha għad-dispożizzjoni tagħha, hija manifestament ma kinitx tkun tista’, mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji mhux sostenibbli fil-konfront tal-kapaċitajiet tal-impriża tagħha fil-mument rilevanti, tevita li ċ-ċirkustanzi straordinarji li bihom kienet ikkonfrontata ma jkunux iwasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjira jew għal dewmien ta’ din it-titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mal-wasla (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 29).

27

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat sens flessibbli u suġġettiv tal-kunċett ta’ “miżura raġonevoli”, li jħalli lill-qorti nazzjonali l-kompitu li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, it-trasportatur bl-ajru setax jitqies li adotta l-miżuri kollha xierqa għas-sitwazzjoni (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 30), filwaqt li tindika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-miżuri li jistgħu effettivament jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, bl-esklużjoni ta’ dawk li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ terzi, bħal, b’mod partikolari, il-ġestjonarji tal-ajruport jew il-kontrolluri tal-ajru kompetenti (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 43).

28

F’dan il-każ, hekk kif josserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 35 u 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta jiġi kkonfrontat b’deċiżjoni tal-awtoritajiet ajruportwarji li tingħalaq runway ta’ ajruport, trasportatur bl-ajru għandu l-obbligu li jikkonforma ruħu ma’ din id-deċiżjoni u li jistenna minn dawn l-awtoritajiet id-deċiżjoni tagħhom li r-runway tinfetaħ mill-ġdid jew kull miżura oħra alternattiva. Għalhekk, trasportatur bl-ajru, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux il-fakultà li jadotta miżuri raġonevoli eventwali sabiex jevita ċ-ċirkustanza straordinarja inkwistjoni.

29

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport li tat lok għall-għeluq tagħha, li fir-rigward tagħha ġiet stabbilita n-natura ta’ “ċirkustanza straordinarja”, għandha titqies bħala ċirkustanza li ma setgħetx tiġi evitata anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir‑Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport li tat lok għall-għeluq tagħha u, konsegwentement, id-dewmien twil tat-titjira minn jew lejn dan l-ajruport taqa’ taħt il‑kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta l-petrol inkwistjoni ma jkunx ġej minn ajruplan tat-trasportatur li opera din it-titjira.

 

2)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal‑premessi 14 u 15 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport li tat lok għall-għeluq tagħha, li fir‑rigward tagħha ġiet stabbilita n-natura ta’ “ċirkustanza straordinarja”, għandha titqies bħala ċirkustanza li ma setgħetx tiġi evitata anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Vilaras

Jürimäe

Šváby

Rodin

Piçarra

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ġunju 2019.

Ir-Reġistratur

A. Calot Escobar

Il-President tar-Raba’ Awla

M. Vilaras


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.