SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Artikolu 127(6) TFUE – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 4(1)(g) – Superviżjoni prudenzjali ta’ stabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata – Regolament (UE) Nru 468/2014 – Artikolu 2(21)(c) – Regolament (UE) Nru 575/2013 – Artikolu 10 – Grupp suġġett għal superviżjoni prudenzjali – Stabbilimenti affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali”

Fil-Kawżi magħquda C‑152/18 P u C‑153/18 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-23 ta’ Frar 2018,

Crédit mutuel Arkéa, stabbilita f’Relecq‑Kerhuon (Franza), irrappreżentata minn H. Savoie, avocat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn K. Lackhoff, R. Bax u C. Olivier, bħala aġenti, assistiti minn P. Honoré, avocat,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, K.‑P. Wojcik u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

sostnuti minn:

Confédération nationale du Crédit mutuel, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn M. Grégoire u C. De Jonghe, avocats,

intervenjenti fl-appell (C‑152/18 P),

u

Crédit mutuel Arkéa, stabbilita f’Relecq-Kerhuon (Franza), irrappreżentata minn H. Savoie, avocat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn K. Lackhoff, R. Bax u C. Olivier, bħala aġenti, assistiti minn P. Honoré, avocat,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, K.‑P. Wojcik u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

sostnuti minn:

Confédération nationale du Crédit mutuel, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn M. Grégoire u C. De Jonghe, avocats,

intervenjenti fl-appell (C‑153/18 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, A. Rosas u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħha, Crédit mutuel Arkéa (iktar ’il quddiem “CMA”) titlob l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE (T‑712/15, iktar ’il quddiem l-ewwel sentenza appellata, EU:T:2017:900), u tat-13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE (T‑52/16, iktar ’il quddiem it-tieni sentenza appellata, EU:T:2017:902) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikorsi tagħha għall-annullament, rispettivament, tad-Deċiżjoni ECB/SSM/2015–9695000CG7B84NLR5984/28 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-5 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), u tad-Deċiżjoni ECB/SSM/2015–9695000CG7B84NLR5984/40 tal-BĊE tal-4 ta’ Diċembru 2015 li tistabbilixxi r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013

2

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1), intitolat “Rinunzja għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati permanentement ma’ korp ċentrali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, f’konformità mad-dritt nazzjonali, jirrinunzjaw parzjalment jew totalment l-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet Tnejn sa Tmienja lil istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar li jkunu fl-istess Stat Membru u li jkunu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li jissorveljawhom u li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-impenji tal-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet affiljati jkunu obligazzjonijiet in solidum jew l-impenji tal-istituzzjonijiet affiljati miegħu jkunu ggarantiti totalment mill-korp ċentrali

b)

is-solvenza u l-likwidità tal-korp ċentrali u tal-istituzzjonijiet affiljati kollha jkunu mmonitorjati fis-sħuħija tagħhom fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati ta’ dawn l-istituzzjonijiet;

c)

il-maniġment tal-korp ċentrali jkollu s-setgħa li joħroġ struzzjonijiet lill-maniġment tal-istituzzjonijiet affiljat.

[…]”

3

Skont l-Artikolu 11(4) ta’ dan ir-regolament:

“Meta jiġi applikat l-Artikolu 10, il-korp ċentrali msemmi f’dak l-Artikolu għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Parti Tnejn sa Tmienja fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tal-korp ċentrali kollu kif ikkostitwit flimkien mal-istituzzjonijiet affiljati tiegħu.”

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013

4

Il-premessi 16, 26, 30, u 65 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), jistipulaw:

“(16)

Is-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu il-kbar huma essenzjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. […]

[…]

(26)

Riskji għas-sikurezza u s-solidità ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jistgħu jokkorru kemm fil-livell ta’ istituzzjoni ta’ kreditu individwali kif ukoll fil-livell ta’ grupp bankarju jew ta’ konglomerat finanzjarju. Arranġamenti superviżorji speċifiċi biex jimmitigaw dawn ir-riskji huma importanti biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Minbarra s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali, il-kompiti tal-BĊE għandhom jinkludu superviżjoni fil-livell konsolidat, […]

[…]

(30)

Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu bl-għan li jiżgura s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri parteċipanti individwali u l-unità u l-integrità tas-suq intern […]

[…]

(65)

[…] L-eżerċitar ta’ kompiti superviżorji għandu l-għan li jipproteġi s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. […]”.

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jikkonferixxi lill-BĊE kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u kull Stat Membru, b’rigward sħiħ u bid-dover ta’ attenzjoni għall-unità u l-integrità tas-suq intern abbażi ta’ trattament ugwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jkun impedut arbitraġġ regolatorju.”

6

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:

[…]

(g)

iwettaq superviżjoni fuq bażi kkonsolidata tal-kumpaniji prinċipali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, inkluż ta’ kumpaniji holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta, u biex jipparteċipa fis-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata, inkluż f’kulleġġi ta’ superviżuri mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f’dawk il-kulleġġi bħala osservaturi, b’rabta mal-kumpaniji prinċipali mhux stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri parteċipanti;

[…]”.

7

Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fil-kuntest ta’ Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (iktar ’il quddiem il-“MSU”), kompost mill-BĊE nnifsu u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u jiżgura l-funzjonament effettiv u koerenti ta’ dan il-mekkaniżmu.

8

L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħudin mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtijin lilu b’dan ir-Regolament wara li tkun ġiet ippreżentata talba għal rieżami skont il-paragrafu 5. L-iskop tar-rieżami amministrattiv intern għandu jappartjeni għall-konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-Regolament ta’ tali deċiżjonijiet.

[…]

5.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, titlob rieżami ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont dan ir-Regolament li tkun indirizzata lejn dik il-persuna jew li tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna. Talba għal rieżami ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv imsemmija fil-paragrafu 7 ma għandhiex tkun ammissibbli.

6.   Kwalunkwe talba għar-rieżami għandha ssir bil-miktub, inkluża stqarrija tar-raġunijiet, u għandha tiġi ppreżentata lill-BĊE fi żmien xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna li titlob ir-rieżami, jew, fl-assenza tagħha, mill-jum li tkun saret taf b’hekk din il-persuna, skont il-każ.

7.   Wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rieżami, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jesprimi opinjoni fi żmien adatt skont l-urġenza tal-kwistjoni u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċevi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Bord Superviżorju. Il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u għandu jippreżenta minnufih abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jew jabroga d-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol.

[…]

9.   L-opinjoni espressa mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid ippreżentat mill-Bord Superviżorju u d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Governattiv skont dan l-Artikolu għandu jkun motivat u nnotifikat lill-partijiet.

10.   Il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli operattivi tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

[…]”.

Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014

9

Skont il-premessa 9 tar-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 468/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Qafas tal-MSU”) (ĠU 2014, L 141, p. 1):

“Bħala riżultat, dan ir-Regolament jiżviluppa aktar u jispeċifika l-proċeduri ta’ kooperazzjoni stabbiliti fir-Regolament [Nru 1024/2013] bejn il-BĊE u l-NCAs fi ħdan l-MSU, kif ukoll fejn xieraq, mal-awtoritajiet nazzjonali nominati, u b’hekk jiżgura l-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU.”

10

L-Artikolu 2(21) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament [Nru 1024/2013] għandhom japplikaw, ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor, flimkien mad-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

21.

‘grupp taħt superviżjoni [prudenzjali]” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin

(a)

grupp li l-impriża prinċipali tiegħu tkun istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru parteċipanti;

[…]

(c)

entitajiet taħt superviżjoni li kull waħda minnhom ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-istess Stat Membru parteċipanti, kemm-il darba jkunu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li jissorveljahom taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) nru 575/2013 u li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru parteċipanti”.

Id-Deċiżjoni 2014/360/UE

11

Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2014/360/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47), waqqfet il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013.

12

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“Kull persuna naturali jew legali indirizzata b’deċiżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament […] Nru 1024/2013, jew li lilha dik id-deċiżjoni tikkonċernaha direttament jew individwalment, li tixtieq titlob rieżami amministrattiv intern […] għandha tagħmel hekk billi tippreżenta avviż bil-miktub ta’ rieżami lis-Segretarju, fejn tiġi identifikata d-deċiżjoni kkontestata. L-avviż ta’ rieżami għandu jintbagħat f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”

Id-dritt Franċiż

13

Skont l-Artikolu L.511‑30 tal-code monétaire et financier français (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż), għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi li jikkonċernaw stabbilimenti ta’ kreditu u kumpanniji ta’ finanzjament, il-Confédération nationale de Crédit mutuel (iktar ’il quddiem iċ-CNCM) hija kkunsidrata bħala korp ċentrali.

14

L-Artikolu L.511‑31 tal-imsemmi kodiċi jistipula, b’mod partikolari, li l-korpi ċentrali jirrappreżentaw l-istabbilimenti ta’ kreditu u l-kumpanniji ta’ finanzjament affiljati magħhom, li huma responsabbli biex jiżguraw il-koeżjoni tan-netwerk tagħhom u biex jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-istabbilimenti u tal-kumpanniji affiljati magħhom u li, għal dan il-għan, huma jieħdu kull miżura meħtieġa, b’mod partikolari biex jiġu ggarantiti l-likwidità u s-solvenza ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-istabbilimenti u kumpanniji kif ukoll tan-netwerk kollu kemm hu.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

15

Crédit mutuel huwa grupp bankarju mhux iċċentralizzat, ikkostitwit minn netwerk ta’ fergħat lokali li għandhom l-istatus ta’ kumpanniji kooperattivi. Kull fergħa lokali ta’ Crédit mutuel għandha taderixxi ma’ federazzjoni reġjonali u kull federazzjoni għandha taderixxi maċ-CNCM, korp ċentrali tan-netwerk fis-sens tal-Artikoli L.511‑30 u L.511‑31 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju. Fuq l-iskala nazzjonali, Crédit mutuel, barra minn hekk, jinkludi lil Caisse centrale du Crédit mutuel, li hija kumpannija kooperattiva ta’ kreditu pubblika ta’ responsabbiltà limitata u b’kapital azzjonarju varjabbli, awtorizzata bħala stabbiliment ta’ kreditu, miżmuma mill-membri tan-netwerk.

16

CMA hija kumpannija kooperattiva ta’ kreditu pubblika ta’ responsabbiltà limitata u b’kapital azzjonarju varjabbli, awtorizzata bħala stabbiliment ta’ kreditu. Hija nħolqot fl-2002 bit-tqarrib ta’ diversi federazzjonijiet reġjonali ta’ Crédits mutuels (krediti kooperattivi). Federazzjonijiet oħra ngħaqdu fi grupp sabiex joħolqu CM11‑CIC u oħrajn baqgħu awtonomi.

17

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Settembru 2014, CMA informat lill-BĊE b’analiżi li tgħid li ma kienx possibbli li hija tkun suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali tal-BĊE permezz taċ-CNCM. Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Novembru 2014, il-BĊE indika li kien ser iressaq din il-kwistjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi.

18

Fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-BĊE kkomunika liċ-CNCM abbozz ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel, talabha tiżgura li dan l-abbozz jiġi kkomunikat lid-diversi entitajiet li jikkomponuha u imponielha terminu sabiex dawn tal-aħħar jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fis-16 ta’ Jannar 2015, CMA kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha lill-BĊE u, fit-30 ta’ Jannar 2015, iċ-CNCM esprimiet ruħha fuq dawn tal-aħħar.

19

Fid-19 ta’ Frar 2015, il-BĊE kkomunika liċ-CNCM abbozz irrivedut ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel u għall-entitajiet li jikkomponuh, talabha tiżgura li dan l-abbozz irrivedut jiġi kkomunikat lil dawn tal-aħħar u imponielha terminu sabiex dawn tal-aħħar jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fis-27 ta’ Marzu 2015, CMA ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

20

Fis-17 ta’ Ġunju 2015, il-BĊE adotta deċiżjoni li tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel, li fiha enfasizza li huwa l-awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata taċ-CNCM u l-awtorità kompetenti inkarigata mis-superviżjoni tal-entitajiet elenkati f’din id-deċiżjoni, li fosthom kien hemm CMA (premessa 1). Fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni, kien speċifikat li ċ-CNCM kellha tiżgura li l-grupp Crédit mutuel kien jissodisfa b’mod permanenti r-rekwiżiti speċifikati fl-Anness I tagħha. Mill-Artikolu 2(3) tal-imsemmija deċiżjoni kien jirriżulta li CMA kellha tissodisfa b’mod permanenti r-rekwiżiti speċifikati fl-Anness II‑2 tagħha, li abbażi tagħhom kien impost proporzjon ta’ fondi rispettivi ta’ kategorija 1 (iktar ’il quddiem il-“fondi rispettivi ‘CET 1’”) ta’ 11 %.

21

Fis-17 ta’ Lulju 2015, CMA talbet l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2014/360. Fil-31 ta’ Awwissu 2015, inżammet seduta quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

22

Fl-14 ta’ Settembru 2015, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ta opinjoni li tikkonstata l-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE tas-17 ta’ Ġunju 2015. F’din l-opinjoni huwa enfasizza, essenzjalment, li l-punti ta’ kritika indirizzati minn CMA fil-konfront ta’ din id-deċiżjoni setgħu jinġabru fi tliet kategoriji, jiġifieri li hija kienet qiegħda tikkontesta l-użu ta’ superviżjoni prudenzjali kkonsolidata tal-grupp Crédit mutuel permezz taċ-CNCM minħabba li din tal-aħħar ma hijiex stabbiliment ta’ kreditu (l-ewwel ilment), li kienet qiegħda tallega l-ineżistenza ta’ “grupp Crédit mutuel” (it-tieni lment) u li kienet qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni tal-BĊE li r-rekwiżiti tiegħu ta’ proporzjon ta’ fondi rispettivi “CET 1” jitilgħu minn 8 % għal 11 % (it-tielet ilment).

23

Fir-rigward tal-ewwel ilment, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, fl-ewwel lok, fakkar li, permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2014, il-BĊE kien ikkunsidra li l-grupp Crédit mutuel kien jikkostitwixxi grupp importanti suġġett għas-superviżjoni prudenzjali, li CMA kienet entità membru ta’ dan il-grupp u li ċ-CNCM kienet tikkostitwixxi l-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni. Fit-tieni lok, huwa rrileva li l-kunċett ta’ “korp ċentrali”, imsemmi fl-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, u fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013, ma kienx iddefinit mid-dritt tal-Unjoni u ma kienx impost li l-imsemmi korp ċentrali jkun istituzzjoni ta’ kreditu. Fit-tielet lok, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami rrileva li ma kienx neċessarju li l-BĊE jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu s-sensiela sħiħa tas-setgħat ta’ superviżjoni jew ta’ sanzjoni fir-rigward tal-entità omm ta’ grupp sabiex jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata. Fir-raba’ lok, huwa fakkar li, qabel it-trasferiment ta’ din il-kompetenza lill-BĊE, il-grupp Crédit mutuel kien is-suġġett ta’ superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata min-naħa tal-awtorità kompetenti Franċiża, jiġifieri l-autorité de contrôle prudentiel et de résolution (l-Awtorità ta’ Superviżjoni Prudenzjali u ta’ Riżoluzzjoni), permezz taċ-CNCM.

24

F’dak li jirrigwarda t-tieni lment, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami kkonkluda li l-grupp Crédit mutuel kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014. Fl-ewwel lok, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami qies li l-kwalità ta’ assoċjazzjoni taċ-CNCM ma kinitx tipprekludi l-eżistenza ta’ solidarjetà mal-istabbilimenti affiljati. Fit-tieni lok, huwa kkunsidra li l-kontijiet tal-grupp Crédit mutuel kollu kemm hu kienu stabbiliti fuq bażi kkonsolidata. Fit-tielet lok, huwa qies li l-BĊE kien iġġustifikat meta kien iddeċieda li ċ-CNCM kellha s-setgħa li tagħti istruzzjonijiet lid-diretturi tal-istabbilimenti affiljati.

25

F’dak li jirrigwarda t-tielet ilment, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami qies li l-evalwazzjonijiet tal-BĊE dwar il-livell tar-rekwiżiti ta’ fondi rispettivi “CET 1” ta’ CMA ma kienu vvizzjati minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma kinux ta’ natura sproporzjonata. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza n-nuqqas ta’ qbil persistenti bejn CMA u ċ-CNCM sa fejn dan jindika problemi ta’ governanza li jistgħu jagħtu lok għal riskji addizzjonali.

26

L-ewwel deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013, ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2015, filwaqt li żammet kontenut identiku.

27

It-tieni deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet rekwiżiti prudenzjali ġodda applikabbli għall-grupp Crédit mutuel u għall-entitajiet li jikkomponuh. Il-punt 1 ta’ din id-deċiżjoni kien jirrigwarda r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel fuq bażi kkonsolidata u l-punt 3 tagħha kien jirrigwarda dawk applikabbli speċifikament għal CMA.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

28

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Diċembru 2015 u fit-3 ta’ Frar 2016, CMA ppreżentat rikorsi għal annullament kontra, rispettivament, l-ewwel deċiżjoni kkontestata u t-tieni deċiżjoni kkontestata.

29

Insostenn taż-żewġ rikorsi tagħha, CMA ressqet tliet motivi, li minnhom l-ewwel tnejn biss huma kkonċernati minn dawn l-appelli.

30

Permezz tal-ewwel żewġ motivi tagħha, CMA kkontestat, essenzjalment, il-legalità tal-Artikolu 2(1) u tal-Anness I tal-ewwel deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-legalità tal-punt 1 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jorganizzaw superviżjoni prudenzjali kkonsolidata tal-grupp Crédit mutuel permezz taċ-CNCM. F’dan ir-rigward, CMA sostniet li, peress li ċ-CNCM ma hijiex stabbiliment ta’ kreditu, hija ma tistax taqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali tal-BĊE, u sostniet li l-BĊE kien żbaljat meta ddeċieda li kien jeżisti “grupp” għal finijiet ta’ superviżjoni prudenzjali.

31

Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ta’ CMA.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32

Permezz tal-appelli tagħha, CMA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenzi appellati.

33

Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli għaliex inammissibbli, minn tal-inqas fir-rigward tal-aggravji u tal-argumenti esposti fil-punti 100 sa 109 tagħhom;

li CMA tintalab tikkomunika, jekk meħtieġ abbażi tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull ftehim ta’ rifinanzjament konkluż minn CMA mas-sussidjarji tagħha;

tiċħad il-kumplament tal-appelli għaliex infondati;

tikkonferma s-sentenzi appellati; u

tikkundanna lil CMA għall-ispejjeż.

34

Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli; u

tikkundanna lil CMA għall-ispejjeż.

35

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li l-Kawżi C‑152/18 P u C‑153/18 P jiġu magħquda kemm għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

36

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2018, iċ-CNCM talbet, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li titħalla tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-BĊE u tal-Kummissjoni.

37

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2018, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE (C‑152/18 P u C‑153/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:765), din it-talba ntlaqgħet.

Fuq l-appelli

38

Insostenn tal-appelli tagħha, CMA tqajjem żewġ aggravji, li huma fformulati b’mod identiku f’kull wieħed minnhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien.

39

Preliminarjament, f’dak li jirrigwarda n-nota, prodotta fl-annessi ta’ dawn l-appelli, li permezz tagħha professur universitarju janalizza, fuq talba ta’ CMA, is-sentenzi appellati mill-perspettiva tad-dritt tar-regolazzjoni u tas-superviżjoni bankarja u li l-ammissibbiltà tagħha hija kkontestata mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi timplika li, sakemm dawn jinkludu punti ta’ liġi li fuqhom huma bbażati ċerti motivi tar-rikors, tali elementi għandhom jidhru fit-test innifsu tal-imsemmi rikors jew, minn tal-inqas, ikunu suffiċjentement identifikati fih (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 99100, kif ukoll id-digriet tas-7 ta’ Awwissu 2018, Campailla vs L-Unjoni Ewropea, C‑256/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:655, punt 34).

40

Issa, hekk kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, CMA tagħmel riferiment għal din in-nota f’termini ġenerali, fil-parti introduttiva tal-appelli tagħha u mingħajr ma torbot espressament l-imsemmija nota ma’ wieħed mill-aggravji mqajma insostenn tagħhom u mingħajr ma tindika konkretament l-elementi li jinsabu fl-istess nota li fuqhom huwa bbażat wieħed minn dawn l-aggravji.

41

Konsegwentement, hemm lok li l-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni tiġi milqugħa u li l-kontenut tan-nota inkwistjoni u r-riferiment għaliha fl-imsemmija appelli jiġu ddikjarati inammissibbli.

42

Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba għal miżura istruttorja ppreżentata mill-BĊE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħid li t-talbiet tar-risposta għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, l-appell. Għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi miċħuda għaliex inammissibbli.

Fuq l-ewwel aggravji

43

Permezz tal-ewwel aggravji mressqa minn CMA insostenn tal-appelli tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013 jippermettu li l-BĊE jorganizza superviżjoni prudenzjali kkonsolidata ta’ stabbilimenti affiljati ma’ korp ċentrali, anki meta dan tal-aħħar ma jkollux il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

44

Dawn l-aggravji huma maqsumin f’żewġ partijiet.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravji

– L-argumenti tal-partijiet

45

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravji, CMA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014 jippermetti li l-BĊE jorganizza superviżjoni prudenzjali kkonsolidata ta’ stabbilimenti affiljati ma’ korp ċentrali, mingħajr ma jkun neċessarju li dan il-korp ċentrali jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

46

Fl-ewwel lok, CMA tqis li, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet interpretat l-imsemmija dispożizzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 127(6) TFUE u mal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1024/2013, dwar il-kompiti speċifiċi fdati lill-BĊE fil-qasam tal-kontroll u tas-superviżjoni prudenzjali tal-“istituzzjonijiet ta’ kreditu”, hija kellha tqis li l-korp ċentrali msemmi fl-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014 għandu neċessarjament ikollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu sabiex il-BĊE jkun jista’ jeżerċita superviżjoni prudenzjali kkonsolidata minn dan il-korp ċentrali.

47

Fit-tieni lok, CMA tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 89 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 88 tat-tieni sentenza appellata, li tgħid li l-approċċ tagħha jwassal għal frammentazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali, kuntrarjament għall-għanijiet kemm tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll tar-Regolament Nru 468/2014.

48

F’dan ir-rigward, CMA ssostni, essenzjalment, li l-entitajiet li ma għandhomx il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu ma humiex inklużi fil-kunċett ta’ “grupp taħt superviżjoni [prudenzjali]”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, u li l-inklużjoni ta’ assoċjazzjoni bħaċ-CNCM, li ma għandhiex il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, fi ħdan il-grupp suġġett għas-superviżjoni prudenzjali tal-BĊE ma hijiex iġġustifikata mill-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni.

49

Fit-tielet lok, CMA tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014 sa fejn hija kkonstatat li ma kienx possibbli li l-BĊE jimponi sanzjonijiet fuq il-korpi ċentrali msemmija f’din id-dispożizzjoni mingħajr ma siltet, minn din il-konstatazzjoni, in-neċessità li tali korp ċentrali jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

50

Fil-fatt, skont CMA, peress li l-effettività ta’ superviżjoni hija suġġetta għall-eżistenza ta’ setgħa ta’ sanzjoni u peress li din tista’ tiġi eżerċitata biss fir-rigward tal-istabbilimenti ta’ kreditu, l-imsemmija dispożizzjoni hija applikabbli biss għal korpi ċentrali li għandhom il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu u l-fatt li l-BĊE jista’ jissanzjona l-istabbilimenti ta’ kreditu affiljati mal-imsemmija korpi ċentrali huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

51

Il-BĊE, il-Kummissjoni u ċ-CNCM jikkontestaw dan l-argument.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

L-Artikolu 127(6) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali li abbażi tagħha ġie adottat ir-Regolament Nru 1024/2013, jipprevedi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jafda lill-BĊE kompiti speċifiċi li jirrigwardaw politika relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra, bl-eċċezzjoni tal-impriżi ta’ assigurazzjoni.

53

Għalkemm huwa minnu li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni titkellem dwar l-“istabbilimenti ta’ kreditu” u “istituzzjonijiet finanzjarji oħra”, il-portata tas-setgħa prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li minnu hija tifforma parti u l-għanijiet imfittxija minnha.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 127 TFUE jinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Politika Monetarja”, tat-Titolu VIII tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, u jiffissa l-għanijiet kif ukoll il-kompiti fundamentali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE.

55

Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-eżerċizzju tal-kompiti ta’ superviżjoni prudenzjali bankarja msemmija fl-Artikolu 127(6) TFUE huwa li tiġi żgurata s-sigurtà u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari dawk tal-istabbilimenti kbar ta’ kreditu u tal-gruppi bankarji, bħala kontribuzzjoni sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi.

56

Barra minn hekk, it-tfittxija ta’ dawn l-għanijiet hija msemmija espliċitament fil-premessi 16, 26, 30 u 65 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament.

57

B’mod partikolari, mill-premessa 26 tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li, sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, huwa importanti li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ superviżjoni intiżi speċifikament sabiex inaqqsu r-riskji li jheddu s-sigurtà u s-solidità ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, li jistgħu jqumu kemm fil-livell tal-istituzzjoni ta’ kreditu nnifisha kif ukoll fil-livell tal-grupp bankarju jew tal-konglomerat finanzjarju li minnu tifforma parti.

58

Din il-premessa tippreċiża li, minbarra s-superviżjoni fuq livell ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens strett tal-kelma, il-BĊE għandu jkollu wkoll il-kompitu li jeżerċita superviżjoni fuq bażi kkonsolidata.

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013, intitolat “Kompiti kkonferiti lill-BĊE”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(g) tiegħu, li l-BĊE għandu b’mod partikolari l-kompetenza li jiżgura s-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata tal-kumpanniji omm ta’ stabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri parteċipanti.

60

B’mod konformi mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan MSU li huwa magħmul mill-BĊE stess u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tiegħu.

61

Skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 468/2014, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jiżviluppa u li jispeċifika l-proċeduri ta’ kooperazzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1024/2013 bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fi ħdan il-MSU, biex b’dan il-mod jiġi żgurat il-funzjonament effettiv u konsistenti ta’ dan tal-aħħar.

62

Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “grupp taħt superviżjoni [prudenzjali]” bħala li jindika, b’mod partikolari, l-entitajiet taħt superviżjoni prudenzjali li kull waħda minnhom ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-istess Stat Membru parteċipanti, kemm‑il darba jkunu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuqhom taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013 u li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru parteċipanti.

63

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punti 58 sa 64 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punti 57 sa 63 tat-tieni sentenza appellata, li s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jifformaw parti minn gruppi bankarji fuq bażi kkonsolidata tissodisfa essenzjalment żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, dak li l-BĊE jkun jista’ jifhem ir-riskji li jistgħu jaffettwaw stabbiliment ta’ kreditu u li ma joriġinawx minnu, iżda mill-grupp li minnu huwa jifforma parti, u, min-naħa l-oħra, dak li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet li jifformaw dan il-grupp.

64

Barra minn hekk, mill-Artikolu 127(6) TFUE bl-ebda mod ma jirriżulta li l-“korp ċentrali”, imsemmi fl-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

65

Għall-kuntrarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tal-għoti, abbażi tal-Artikolu 127(6) TFUE, ta’ kompiti speċifiċi fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali lill-BĊE, jirriżulta li dan għandu jkun jista’ jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata fir-rigward ta’ grupp bħal dak imsemmi fl-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, indipendentement mill-forma legali tal-korp ċentrali li miegħu jkunu affiljati l-entitajiet li jifformaw parti minn dan il-grupp u sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013 ikunu ssodisfatti.

66

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, grupp bankarju jista’ jaħrab minn superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata minħabba l-forma legali tal-entità li taġixxi bħala korp ċentrali ta’ dan il-grupp u jirriskja, għaldaqstant, li jippreġudika l-effettività tal-eżerċizzju, mill-BĊE, tal-imsemmija kompiti.

67

Konsegwentement, l-Artikolu 127(6) TFUE u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1024/2013 ma jipprekludux li l-BĊE jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata fir-rigward ta’ grupp bankarju li l-korp ċentrali tiegħu ma għandux il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 huma ssodisfatti.

68

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-argument ta’ CMA li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 89 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 88 tat-tieni sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ilmenti mressqa kontra motivi li saru biss għal finijiet ta’ kompletezza ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, C‑138/17 P u C‑146/17 P, EU:C:2018:1013, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Issa, kif sostnew ġustament il-BĊE u l-Kummissjoni, l-imsemmija punti saru biss għal finijiet ta’ kompletezza, għaliex ġew wara li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 88 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 87 tat-tieni sentenza appellata, iddeċidiet, ġustament, li huwa konformi mal-għanijiet tar-Regolamenti Nru 1024/2013 u Nru 468/2014 li tiġi aċċettata l-klassifikazzjoni ta’ “grupp taħt superviżjoni [prudenzjali]”, fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, irrispettivament minn jekk il-korp ċentrali ta’ dan il-grupp għandux jew le l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

70

Mill-bqija, il-fatt li l-punt 89 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 88 tat-tieni sentenza appellata saru biss għal finijiet ta’ kompletezza huwa kkonfermat mill-użu tal-kliem “barra minn hekk” fil-bidu ta’ dawn il-punti.

71

Konsegwentement, l-argument ta’ CMA li jikkritika dawn il-punti tas-sentenzi appellati għandu jiġi miċħud għaliex ineffettiv.

72

Fir-rigward tal-argument ta’ CMA, ibbażat fuq l-argument li l-fatt li ma kienx possibbli li l-BĊE jimponi sanzjonijiet fir-rigward tal-korpi ċentrali msemmija fl-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014 jimplika li tali korp ċentrali għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, lanqas dan ma jista’ jiġi milqugħ.

73

Kif indikaw il-BĊE u l-Kummissjoni, dan l-argument huwa bbażat fuq l-analiżi li tgħid li l-kompetenza tal-BĊE fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali hija suġġetta għall-eżistenza ta’ setgħa ta’ sanzjoni fir-rigward tal-entitajiet suġġetti għal din is-superviżjoni.

74

Huwa minnu li, hekk kif il-Qorti Ġenerali nnifisha rrilevat fil-punt 91 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 90 tat-tieni sentenza appellata, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprevedi li, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti li dan ir-regolament jafdalu fil-qasam ta’ superviżjoni prudenzjali, il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, fuq il-kumpanniji holding finanzjarji jew fuq il-kumpanniji holding finanzjarji mħallta.

75

Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 84 u 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, mit-testi applikabbli tad-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li l-eżistenza ta’ setgħa ta’ sanzjoni fir-rigward ta’ entità tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-għoti, lill-BĊE, ta’ setgħat ta’ superviżjoni prudenzjali fir-rigward ta’ din l-entità, b’tali mod li l-eżerċizzju, mill-BĊE, tal-kompetenza tiegħu fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata fir-rigward ta’ grupp ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-BĊE jkollu tali setgħa ta’ sanzjoni fir-rigward ta’ entità, bħalma huwa korp ċentrali fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, li tifforma parti minn dan il-grupp.

76

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-assenza ta’ setgħa ta’ sanzjoni tal-BĊE fil-konfront tal-korpi ċentrali msemmija f’din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-BĊE milli jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata fir-rigward ta’ grupp li l-korp ċentrali tiegħu ma għandux il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi ddeċidiet li l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimplika, fih innifsu, li korp ċentrali għandu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, b’tali mod li l-ewwel parti tal-ewwel aggravji għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravji

– L-argumenti tal-partijiet

78

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravji, CMA ssostni li, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013 jimplika li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, “korp ċentrali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 10, għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

79

Skont CMA, minn applikazzjoni koerenti tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013 u tal-Artikolu 11(4) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, sa fejn ir-rekwiżiti previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni jistgħu jiġu osservati biss minn stabbiliment ta’ kreditu, “korp ċentrali”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 10, għandu impliċitament, iżda neċessarjament, ikollu l-imsemmija kwalità sabiex il-BĊE jkun jista’ jwettaq superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata tal-grupp ikkonċernat.

80

CMA ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 adottata mill-Qorti Ġenerali ma tirrispettax il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni peress li, sa fejn hija tagħmel riferiment għas-“solvenza u [għal]-likwidità tal-korp ċentrali”, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi impliċitament, iżda neċessarjament, li s-superviżjoni prudenzjali ta’ grupp ikkostitwit minn korp ċentrali u minn entitajiet affiljati miegħu hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan il-korp ċentrali jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

81

Il-BĊE, il-Kummissjoni u ċ-CNCM jikkontestaw dan l-argument.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 10 u l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 575/2013 jikkonċernaw eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali previsti minn dan ir-regolament fir-rigward ta’ stabbilimenti ta’ kreditu affiljati ma’ korp ċentrali li jissorveljahom. Madankollu, it-tieni parti tal-ewwel aggravji ma tirrigwardax l-eżistenza ta’ tali eċċezzjoni, iżda l-eżistenza ta’ “grupp taħt superviżjoni [prudenzjali]”, fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, li jirreferi għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013.

83

F’dan ir-rigward, hekk kif il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament fil-punti 98 sa 100 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punti 97 sa 99 tat-tieni sentenza appellata, minbarra l-fatt li l-imsemmi Artikolu 2(21)(c) jagħmel riferiment biss għall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013 u li dan tal-aħħar ma jinkludi ebda riferiment għall-Artikolu 11(4) ta’ dan ir-regolament, l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar ma tikkostitwixxix kundizzjoni iżda konsegwenza tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10 peress li l-imsemmi Artikolu 11(4) isir applikabbli biss meta l-awtorità kompetenti teżenta, abbażi tal-istess Artikolu 10, stabbilimenti ta’ kreditu affiljati ma’ korp ċentrali mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali.

84

Konsegwentement, fl-assenza ta’ tali deċiżjoni ta’ eżenzjoni, l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 575/2013 ma huwiex applikabbli u l-kwistjoni ta’ jekk il-korp ċentrali inkwistjoni josservax din id-dispożizzjoni hija irrilevanti għall-finijiet tal-eżerċizzju, mill-BĊE, ta’ superviżjoni prudenzjali fuq il-grupp kollu kkostitwit minn dan il-korp ċentrali u mill-entitajiet affiljati miegħu.

85

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013, li tgħid li “s-solvenza u l-likwidità tal-korp ċentrali u tal-istituzzjonijiet affiljati kollha jkunu mmonitorjati fis-sħuħija tagħhom fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati ta’ dawn l-istituzzjonijiet”, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li din il-kundizzjoni bl-ebda mod ma timplika li l-korp ċentrali inkwistjoni għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

86

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, il-kundizzjoni prevista fiha ma tikkonċernax superviżjoni individwali tal-korp ċentrali, iżda l-eżistenza ta’ sorveljanza kontinwa tas-solvenza u tal-likwidità tal-assjem ikkostitwit minn dan il-korp u mill-istabbilimenti affiljati miegħu, fuq bażi kkonsolidata, jiġifieri fuq il-bażi tal-kontijiet ikkonsolidati ta’ dawn l-entitajiet.

87

Barra minn hekk, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 106 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 105 tat-tieni sentenza appellata, ma jidhirx li huwa meħtieġ li l-korp ċentrali jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, peress li l-osservanza tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 hija biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi eżerċitata superviżjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali mill-grupp inkwistjoni.

88

Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li la l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 u lanqas l-Artikolu 11(4) ta’ dan ir-regolament ma jimplikaw li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, korp ċentrali għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel aggravji ma tistax tiġi milqugħa u l-ewwel aggravji tal-appelli għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tieni aggravji

L-argumenti tal-partijiet

90

Permezz tat-tieni aggravji mqajma minn CMA insostenn tal-appelli tagħha, hija ssostni li l-grupp Crédit mutuel ma jistax jiġi kklassifikat bħala “grupp taħt superviżjoni [prudenzjali]”, fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Nru 468/2014, peress li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fil-punti 136 u 137 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 135 u 136 tat-tieni sentenza appellata, huwa ma jissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013.

91

Prinċipalment, CMA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-deċiżjoni taċ-CNCM Nru 1–1992, tat-10 ta’ Marzu 1992, dwar l-eżerċizzju tas-solidarjetà bejn il-fergħat ta’ Crédit mutuel u l-fergħat ta’ Crédit mutuel agricole (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 1992”), kienet turi l-eżistenza ta’ obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi rispettivi u ta’ likwidità fi ħdan il-grupp Crédit mutuel u li, konsegwentement, l-imsemmija kundizzjoni setgħet tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta.

92

F’dan ir-rigward, CMA ssostni li, għalkemm, fil-mekkaniżmu ta’ solidarjetà stabbilit minn din id-deċiżjoni, teżisti solidarjetà bejn il-fondi li jaqgħu taħt l-istess grupp reġjonali, min-naħa l-oħra, ma jeżisti ebda obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi rispettivi u ta’ likwidità bejn il-gruppi reġjonali. Għalhekk, fil-każ ta’ diffikultà ta’ grupp reġjonali, iċ-CNCM ma tistax tobbliga lil grupp reġjonali ieħor jittrasferixxi fondi rispettivi u likwidità sabiex isostni l-ewwel grupp.

93

Il-fatt li l-Caisse centrale du Crédit mutuel tista’ tintervjeni abbażi ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà nazzjonali billi tuża r-riżorsi limitati fdati lilha mill-gruppi reġjonali ma jippermettix li jiġi identifikat obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi rispettivi u ta’ likwidità bejn il-gruppi reġjonali. Dan huwa każ ta’ sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ frazzjoni limitata tad-depożiti miġbura mill-gruppi reġjonali għall-benefiċċju ta’ dan il-fond ċentrali, li jibqa’ debitur fir-rigward ta’ dawn il-gruppi.

94

Sussidjarjament, CMA tqis li, anki jekk jitqies li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 1992 tipprevedi l-eżistenza ta’ tali obbligu, din id-deċiżjoni ma tapplikax għall-entitajiet kollha li jikkomponu l-grupp Crédit mutuel suġġett għas-superviżjoni prudenzjali tal-BĊE peress li dan jinkludi diversi sussidjarji tal-fondi reġjonali, li, peress li ma humiex affiljati mal-korp ċentrali ta’ dan il-grupp, ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u għalhekk ma huma marbuta minn ebda obbligu ta’ solidarjetà jew ta’ sostenn fil-konfront tal-entitajiet l-oħra tal-imsemmi grupp.

95

Konsegwentement, CMA tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-grupp Crédit mutuel kien jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013.

96

Il-BĊE, il-Kummissjoni u ċ-CNCM jikkontestaw dan l-argument.

97

Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu L.511‑31 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju magħżula mill-Qorti Ġenerali hija wisq restrittiva u li, bil-kontra ta’ dak li hija ddeċidiet, dan l-Artikolu L. 511‑31 huwa biżżejjed, waħdu, sabiex ikun jista’ jitqies li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 hija ssodisfatta, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 1992 turix l-eżistenza ta’ impenji ta’ solidarjetà fi ħdan il-grupp Crédit mutuel.

98

Il-Kummissjoni tagħmel riferiment b’mod partikolari għad-deċiżjoni tal-Conseil d’État (Il-Kunsill tal-Istat, Franza), tad-9 ta’ Marzu 2018, Nru 399413, u tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tissostitwixxi l-motivi f’dan ir-rigward.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

99

Għandu jitfakkar li, wara li rrilevat li, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-qrati nazzjonali kompetenti, hija għandha neċessarjament tiddeċiedi dwar il-portata tal-Artikolu L.511‑31 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 134 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 133 tat-tieni sentenza appellata, ikkunsidrat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma kinitx tippermetti, fiha nnifisha, li jiġi konkluż li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 kienet issodisfatta, peress li r-riferiment għat-teħid ta’ “miżuri […] meħtieġa” sabiex “jiġu ggarantiti l-likwidità u s-solvenza ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-istabbilimenti u kumpanniji kif ukoll tan-netwerk kollu kemm hu” huwa ta’ natura ġenerali wisq sabiex minnu tkun tista’ tiġi dedotta l-eżistenza ta’ obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi rispettivi u ta’ likwidità fi ħdan il-grupp Crédit mutuel sabiex jiġi żgurat li l-obbligi fil-konfront tal-kredituri jiġu ssodisfatti.

100

Kien wara din il-kunsiderazzjoni li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk tali obbligu kienx jirriżulta mid-deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 1992.

101

L-oġġezzjoni ta’ CMA, li d-deċiżjoni tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tad-9 ta’ Marzu 2018, Nru 399413, ma tistax, minħabba li hija sussegwenti għad-data tal-għoti tas-sentenzi appellati, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu L. 511‑31 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, ma tistax tiġi milqugħa.

102

Fil-fatt, il-partijiet kellhom, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward u, fi kwalunkwe każ, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) diġà ddeċieda dwar din id-dispożizzjoni f’deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2016, Nru 403418, jiġifieri f’data preċedenti għal dik tal-għoti tas-sentenzi appellati.

103

Fil-punt 5 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat b’mod partikolari indika li, billi adotta l-Artikolu L. 511‑31 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, il-leġiżlatur Franċiż inkariga liċ-CNCM mhux biss bir-rappreżentazzjoni kollettiva tal-fondi ta’ Crédit mutuel li kienu affiljati man-netwerk ta’ Crédit mutuel, iżda wkoll bil-kompiti li tiżgura l-koeżjoni ta’ dan in-netwerk u l-applikazzjoni tar-rispettivi dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tal-istabbilimenti ta’ kreditu, li teżerċita kontroll amministrattiv, tekniku u finanzjarju fuq l-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ kull fond u li tadotta l-miżuri kollha meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-imsemmi netwerk. Barra minn hekk, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qies li, skont dan l-Artikolu L. 511‑31, iċ-CNCM tista’, meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-istabbilimenti kkonċernati tiġġustifika dan, u minkejja kull dispożizzjoni jew stipulazzjoni li tgħid mod ieħor, tiddeċiedi dwar l-amalgamazzjoni ta’ żewġ fondi jew iktar affiljati man-netwerk, it-trasferiment tal-avvjament tagħhom, kif ukoll ix-xoljiment tagħhom. Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), minn dan il-qafas legali u regolatorju jirriżulta li, irrispettivament mill-istat tar-relazzjonijiet fin-netwerk ta’ Crédit mutuel bejn il-gruppi li hemm ikkostitwiti fih, iċ-CNCM hija legalment responsabbli mill-preparazzjoni u mill-implimentazzjoni ta’ miżuri li huma parti mir-regolamentazzjoni sistemika tas-sistema bankarja f’dak li jirrigwarda l-grupp kollu Crédit mutuel u għandu, bħala ‘impriż[a] prinċipali fl-Unjoni’, ikollha pjan ta’ rkupru preventiv għal dan il-grupp.

104

Fil-punt 7 tad-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2018, Nru 399413, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) żied jgħid li eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti li jifformaw parti mir-regolamentazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jimplika neċessarjament li ċ-CNCM hija kompetenti biex toħroġ regolamenti li jorbtu lill-fondi ta’ kreditu, biex tiżgura l-osservanza, minn dawn tal-aħħar, tad-dispożizzjonijiet li japplikaw għalihom u, fil-każ ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, timponilhom sanzjonijiet xierqa. Fil-punt 20 ta’ din id-deċiżjoni, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li, sabiex “jiggarantixxu l-likwidità u s-solvenza tan-netwerk” li għalih huma responsabbli, il-korpi ċentrali huma awtorizzati, bis-saħħa tal-Artikolu L. 511‑31 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, li jieħdu “l-miżuri kollha meħtieġa” u, b’mod partikolari, li jistabbilixxu, fost il-membri tan-netwerk, mekkaniżmi ta’ solidarjetà vinkolanti, li ma jistgħux ikunu limitati biss għat-twaqqif ta’ skemi prefinanzjati bħal fondi ta’ garanzija.

105

Għaldaqstant, mid-deċiżjonijiet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tat-13 ta’ Diċembru 2016, Nru 403418, u tad-9 ta’ Marzu 2018, Nru 399413, jirriżulta li l-obbligu, għall-korpi ċentrali, li jieħdu “l-miżuri kollha meħtieġa, b’mod partikolari sabiex jiġu ggarantiti l-likwidità u s-solvenza ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-istabbilimenti u kumpanniji kif ukoll tan-netwerk kollu kemm hu”, previst fl-Artikolu L. 511‑31 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, jimplika, fir-rigward taċ-CNCM, setgħat wisgħin ħafna ta’ kontroll amministrattiv, tekniku u finanzjarju fuq in-netwerk kollu ta’ Crédit mutuel, li jippermettilha tistabbilixxi, f’kull mument, mekkaniżmi ta’ solidarjetà vinkolanti, bħall-impożizzjoni, fuq il-membri ta’ dan in-netwerk, ta’ obbligi ta’ trasferiment ta’ fondi rispettivi u ta’ likwidità, kif ukoll li tiddeċiedi, minkejja kull dispożizzjoni jew stipulazzjoni li tgħid mod ieħor, li għandu jkun hemm amalgamazzjoni ta’ żewġ fondi jew iktar affiljati man-netwerk.

106

Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali enfasizza fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-amalgamazzjoni ta’ membru tan-netwerk ta’ Crédit mutuel ma’ stabbiliment fi kriżi finanzjarja hija ekwivalenti għall-impożizzjoni fuqu tal-assunzjoni tal-passiv ta’ dak l-istabbiliment, tali tranżazzjoni jista’ jkollha, fuq l-imsemmi membru, effetti finanzjarji iktar onerużi minn dawk li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ sempliċi obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi rispettivi u ta’ likwidità.

107

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu L. 511‑31 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, kif interpretat mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), jimplika l-eżistenza ta’ obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi rispettivi u ta’ likwidità fi ħdan il-grupp Crédit mutuel għall-finijiet li jiġi żgurat li l-obbligi fil-konfront tal-kredituri jiġu ssodisfatti, b’tali mod li l-BĊE kien iġġustifikat li jikkunsidra li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 kienet issodisfatta.

108

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni aggravji, peress li dawn l-aggravji għandhom jiġu miċħuda għaliex ineffettivi.

109

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

110

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

111

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

112

Peress li l-BĊE, il-Kummissjoni u ċ-CNCM talbu li CMA tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-BĊE, mill-Kummissjoni u miċ-CNCM.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

Crédit mutuel Arkéa hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.