SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Konnetturi għal apparat tas-smigħ – Partijiet u aċċessorji – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 85444290, 90214000 u 90219010”

Fil-Kawża C‑138/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar‑Reġjun tal-Punent, id‑Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Skatteministeriet

vs

Estron A/S,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Estron A/S, minn L. Kjær, advokat,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann‑Lindegren, bħala aġent, assistit minn K. Hagel‑Sørensen, advokat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u S. Maaløe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat‑tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 tad-19 ta’ Settembru 2008 (ĠU 2008, L 291, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iSkatteministeriet (Ministeru tat‑Taxxa, id‑Danimarka) u Estron A/S dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ konnetturi għal apparati tas-smigħ.

Il-kuntest ġuridiku

Is-SA

3

Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), ġie stabbilit mill-Konvenzjoni li twaqqaf kunsill għall-kooperazzjoni doganali, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti timpenja ruħha li tiżgura li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet u mingħajr bidliet, kif ukoll il-kodiċi relatati magħhom u li ssegwi s-sekwenza numerika ta’ din is-sistema. Kull parti kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tbiddilx il-portata ta’ dawn tal-aħħar.

5

L-ODD għandha tapprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.

6

In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8544 tipprovdi:

“Din l-intestatura tkopri, sakemm ikunu iżolati għall-elettriku, il-wajers, kejbils u conductors oħra (pereżempju, malji, strixxi, vireg) ta’ kull tip, użati bħala conductors elettriċi, użati għal makkinarju, apparat jew installazzjonijiet elettriċi bħala kanalizzazzjonijiet interni jew esterni (pereżempju taħt l-art, taħt il-baħar, fl-arja, eċċ.). Din tinkludi sensiela ta’ oġġetti li jmorru minn sempliċi wajer irqiq iżolanti, xi kultant irqiq ħafna, sal-kejbils kumplessi ta’ dijametru kbir.

Il-conductors mhux metalliċi huma wkoll inklużi f’din l-intestatura.[traduzzjoni mhux uffiċċjali]

[…]”

7

In-nota ta’ spjega tas-SA rigward il-Kapitolu 90 tagħmel il-preċiżazzjonijiet li ġejjin:

“Dan il-kapitolu jinkludi flimkien l-istrumenti u l-apparat diversi ħafna, iżda li, bħala regola ġenerali, huma kkaratterizzati essenzjalment mill-finitura tal-manifattura tagħhom u mill-preċiżjoni kbira tagħhom li jagħmel il-maġġoranza tagħhom validi li jintużaw b’mod partikolari […] għall-fini mediċi.”

8

In-Nota ta’ Spjega tas-SA rigward l-intestatura 9021 tipprovdi:

“IV.- Hearing aids

Dan l-apparat jikkonsisti, ħafna drabi, f’apparat elettriku li jinkludi, marbuta flimkien b’kejbil, mikrofonu wieħed jew iktar (bi jew mingħajr dispożittiv ta’ amplifikazzjoni), riċettur u batterija. Ir-riċettur jista’ jkun intra-awrikolari, imqiegħed wara l-widna jew imqiegħed manwalment fuq il-widna.

Taħt dan il-grupp jaqa’ biss l-apparat intiż sabiex jirrimedja għal difetti reali tas-smigħ, bl-esklużjoni, konsegwentement, ta’ apparat bħal headphones, amplifikaturi u oġġetti simili, użati fis-swali ta’ konferenzi jew mit-telefonisti sabiex tiżdied il-kapaċità ta’ smigħ tal-konverżazzjonijiet.”

Id-dritt tal-Unjoni

9

In-NM hija bbażata fuq is-SA.

10

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU 2000, L 28, p. 16) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), jipprovdi:

“1.   Kull sub-titolu NM għandu jkollu numru kodifikat bi tmien numri:

a)

l-ewwel sitt numri għandhom ikunu n-numri kodifikati li jkollhom x’jaqsmu mat-titoli u s-sub-titoli tan-nomenklatura tas-[SA];

b)

is-seba’ u t-tmien numri għandhom juru s-sub-titoli NM. Meta titolu jew sub-titolu tas-[SA] ma jinqasamx aktar għal fini tal-Komunita’, is-seba’ u t-tmien numri għandhom ikunu ‘00’.”

11

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea tadotta kull sena regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r-rati tad-dazji doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena segwenti.

12

Il-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li seħħew bejn it-8 ta’ Lulju 2009 u d-29 ta’ Marzu 2012, huma dawk li jirriżultaw suċċessivament għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009 tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 287, p. 1), tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 861/2010 tal-5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, L 284, p. 1) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 282, p. 1). Peress li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tan-NM applikabbli għal dawn il-fatti u rilevanti għad-domandi preliminari ma kinux affettwati minn dawn l-emendi suċċessivi, għandu jsir riferiment għall-verżjoni ta’ din in-nomenklatura li tirriżulta mir-Regolament Nru 1031/2008.

13

L-ewwel parti tan-NM tinkludi grupp ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tikkonċerna r-regoli ġenerali, il-Punt A, intitolat “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

6. Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, skont il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

14

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana” tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

15

In-nota 1(m) ta’ din it-taqsima hija fformulata kif ġej:

“1.

Din it-taqsima ma tkoprix:

[…]

m)

oġġetti ta’ Kapitlu 90.”

16

It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi l-Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u tagħmir elettriku u bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

17

Il-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi l-intestatura 8544, li hija strutturata kif ġej:

“8544

Wajer iżolat (inkluż żmaltat jew anodizzat), kejbil (inkluż kejbil koassjali) u kondutturi elettriċi iżolati oħrajn, mgħammrin b’konnekters jew le; kejbils ta’ fibra ottika, magħmulin minn fibri miksijin individwalment, immuntati b’kondutturi elettriċi jew mgħammrin b’konnekters jew le

[…]

[…]

8544 42

‐ ‐Mgħammrin b’konnekters

8544 42 10

‐ ‐ ‐ Ta’ tip użat għal telekomunikazzjonijiet

8544 42 90

‐ ‐ ‐ Oħrajn”.

18

It-tieni parti tan-NM tinkludi wkoll it-Taqsima XVIII, intitolata “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; arloġġi u arloġġi tal-idejn; strumenti mużikali; partijiet u aċċessorji tagħhom”.

19

Din it-taqsima tinkludi Kapitolu 90, intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, għal kejl, għal iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; partijiet u aċċessorji tagħhom”, li n-nota 2 tiegħu tipprevedi:

“Suġġett għal nota 1 hawn fuq, partijiet u aċċessorji għal magni, apparat, strumenti jew oġġetti ta’ dan il-kapitlu għandhom ikunu kklassifikati skond dawn ir-regoli:

a)

Partijiet u aċċessorji li huma oġġetti nklużi f’xi wieħed mit-titli ta’ dan il-kapitlu jew ta’ Kapitlu 84, 85 jew 91 (ħlief titlu 8487, 8548 jew 9033) għandhom fil-każi kollha ikunu kklassifikati fit-titli rispettivi tagħhom.

b)

Partijiet u aċċessorji oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, strument jew apparat, jew ma’ għadd ta’ magni, strumenti jew apparat ta’ l-istess titlu (inkluż magna, strument jew apparat ta’ titlu 9010, 9013 jew 9031) għandhom ikunu kklassifikati mal-magni, strumenti jew apparat ta’ dak it-tip.

ċ)

Il-partijiet u l-aċċessorji l-oħrajn kollha għandhom ikunu kklassifikati f’titlu 9033.”

20

Il-Kapitolu 90 tan-NM jinkludi l-intestatura 9021, li hija fformulata kif ġej:

“9021

Apparat ortopediku, inklużi krozzi, ċinturini u rfid kirurġiċi; qassab u apparat ieħor għall-ksur; partijiet artifiċjali tal-ġisem; apparat akustiku (hearing aids) u tagħmir ieħor li jintlibes jew jinġarr, jew jiddaħħal fil-ġisem, biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabilità

[…]

 

9021 40 00

‐ Apparat akustiku (hearing aids), ħlief partijiet u aċċessorji

[…]

[…]

9021 90

‐ oħrajn:

9021 90 10

‐ ‐ Partijiet u aċċessorji għal apparat akustiku (hearing aids)

9021 90 90

‐ ‐ Oħrajn”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Estron hija fornitriċi professjonali fl-industrija tal-protesi tas-smigħ u fl-industriji relatati, li tipprovdi konnetturi lill-fabbrikanti ta’ protesi tas-smigħ.

22

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li konnettur jista’ jiġi deskritt bħala wajer elettriku iżolat li jinkludi partijiet ta’ konnessjoni li jagħmel parti minn protesi tas-smigħ. Protesi tas-smigħ hija apparat awżiljarju elettriku li jinkludi ċirkwit b’mikrofonu, speaker ta’ daqs żgħir ħafna kif ukoll batterija. Il-mikrofonu jaqbad il-ħoss, li huwa amplifikat u trażmess mill-ispeaker permezz tal-konnettur li Estron żviluppat b’mod speċjali għall-mudelli ta’ protesi tas-smigħ. Konnettur jgħaqqad il-mikrofonu tal-protesi tas-smigħ mal-ispeaker tiegħu u jittrasporta s-sinjal tal-mikrofonu lejn l-ispeaker bl-ispeċifiċitajiet akustiċi, sonori, elettriċi u mekkaniċi.

23

Il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma magħmula minn żewġ wajers li kull wieħed minnhom fih sebat iħjut ta’ ram miksija bil-fidda, mibruma, ivverniċjati u miżbugħa. Grazzi għal dawn il-konnetturi, is-sinjali awdjoelettriċi huma trażmessi lill-ispeaker tal-protesi tas-smigħ. Il-ħoss maqbud mill-mikrofonu jiġi kkonvertit f’impulsjonijiet elettriċi f’tarf u fi ħsejjes fit-tarf l-ieħor.

24

Kull tarf tal-konnettur għandu “tapp” magħmul minn ċertu numru ta’ pernijiet ta’ kuntatt li huma preċiżament adattati għall-konnessjonijiet elettriċi tat-tip ta’ protesi tas-smigħ li l-konnettur huwa speċifikament maħluq għalihom. Konnettur ma jistax jittieħed fuq mudell ta’ protesi tas-smigħ sabiex jiġi użat fuq ieħor.

25

Il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ffurmati minn thermoforming, li huwa proċess ta’ produzzjoni bis-sħana li jippermetti li jiġi ffurmat il-prodott ikkonċernat fil-forma mixtieqa, sabiex tinkiseb forma li tiġi adattata għall-widna tal-bniedem. Dawn il-konnetturi, li jiżguraw il-konnessjoni bejn l-ispeaker tal-protesi tas-smigħ u l-mikrofonu, iservu wkoll bħala sospensjoni tal-protesi mal-widna billi jżommu l-protesi tas-smigħ eżattament fil-post fejn għandha titqiegħed sabiex jiġi ggarantit li tista’ tinżamm b’mod funzjonali mill-utent. Il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jeżistu f’diversi daqsijiet għal kull mudell. Dawn il-konnetturi huma barra minn hekk ifformati b’mod speċifiku għall-widna tal-lemin u għall-widna tax-xellug.

26

Bejn it-8 ta’ Lulju 2009 u d-29 ta’ Marzu 2012, Estron għamlet dikjarazzjoni doganali fejn ikklassifikat il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala “Partijiet u aċċessorji għal apparat akustiku (hearing aids)”, fis-subintestatura 90219010 tan-NM, li hija eżenti mid-dazju.

27

Wara kontroll, SKAT (l-amministrazzjoni fiskali, id-Danimarka) iddeċidiet, fis-6 ta’ Lulju 2012, li tikklassifika l-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 85444290 tan-NM li għaliha tapplika r-rata ta’ dazju ta’ 3.3 %. Konsegwentement, l-amministrazzjoni fiskali talbet, fil-konfront ta’ Estron, l-irkupru tad-dazji fuq il-konnetturi żdoganati għall-ammont ta’ 825 150.74 krona Daniża (DKK) (bejn wieħed u ieħor EUR 110500).

28

Estron ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Landsskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka), li, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ April 2013, ikkunsidrat li l-imsemmija konnetturi kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 90219010 tan-NM u, għaldaqstant, annullat id-dejn doganali.

29

Il-Ministeru tat-Taxxi kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostna li l-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8544 tan-NM. Skont dan il-ministeru, dawn il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85444290 tan-NM, intitolata, “Oħrajn”.

30

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu dwar il-fatt li l-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu partijiet ta’ protesi tas-smigħ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “partijiet”.

31

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-Gvern Daniż, il-fatt li dawn il-konnetturi jikkostitwixxu parti minn protesi tas-smigħ ma jfissirx li jistgħu jiġu kklassifikati fl-intestatura 9021 tan-NM.

32

F’dan ir-rigward, skont il-Gvern Daniż, ir-referenza, fin-nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM, għal intestatura fil-Kapitoli 84, 85, 90 jew 91 tan-NM għandha tiġi inkluża bħala referenza għall-merkanzija li taqa’ taħt intestaturi tariffarji b’erba’ ċifri. Konsegwentement, din ir-referenza ma tinkludix is-subintestaturi tariffarji b’sitta u tmien ċifri. Peress li l-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kklassifikati f’intestatura b’erba’ ċifri tal-Kapitolu 90 tan-NM, dawn huma kklassifikati, abbażi tan-nota 2(a) tal-imsemmi Kapitolu 90, fl-intestatura 8544 tan-NM.

33

Din l-interpretazzjoni litterali tan-nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM hija b’mod partikolari ssostanzjata bir-regola ġenerali 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, li tiddistingwi l-“intestaturi” mis-“subintestaturi”, l-istess bħan-noti tal-Kapitolu 85 tan-NM. L-imsemmi kapitolu huwa maqsum f’“noti”, “noti tas-subintestaturi” u “noti addizzjonali”, li jikkonċernaw rispettivament il-kodiċi b’erba’, sitta u tmien ċifri.

34

Skont Estron, il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu parti minn hearing aids (protesi tas-smigħ), fis-sens tal-kunċett ta’ “parti” kif hi ddefinita mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA (C‑183/06, EU:C:2007:110, punt 32). Skont din il-ġurisprudenza, il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 902140 tan-NM.

35

Skont il-formulazzjoni tagħha, l-intestatura 902140 tan-NM teskludi madankollu espliċitament il-partijiet u aċċessorji, li huma kklassifikati fl-intestatura 902190 tan-NM. Il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom għalhekk, skont Estron, jaqgħu taħt is-subintestatura 90219010, li tinkludi l-“Partijiet u aċċessorji għal apparat akustiku (hearing aids)”.

36

Estron tikkontesta li l-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati fl-intestatura 8544 tan-NM, kif allegat mill-Ministeru tat-Taxxi, bħala wajers elettriċi iżolati mgħammra b’partijiet ta’ konnessjoni. Il-fatt li dawn il-konnetturi jikkostitwixxu “parti” minn protesi tas-smigħ, bħal dik iddefinita mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika li l-klassifikazzjoni bħala “wajers elettriċi” hija eskluża. Barra minn hekk, il-forma, il-materjal u l-pernijiet ta’ kuntatt speċifiċi juru li l-imsemmija konnetturi huma “parti” ta’ protesi tas-smigħ u mhux wajer elettriku iżolat.

37

In-nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM ma għandhiex effett f’dan ir-rigward. Din in-nota tapplika kemm għall-intestaturi b’erba’ ċifri kif ukoll għas-subintestaturi ta’ sitt ċifri skont id-dispożizzjonijiet tas-SA u tar-regola ġenerali 6 għall-interpretazzjoni tan-NM. Parti li, fiha nnifisha, tikkostitwixxi merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura tal-Kapitolu 90 tan-NM, jiġifieri s-subintestatura 902190 tan-NM, intitolata “Oħrajn”, għandha għalhekk tiġi kklassifikata taħt din is-subintestatura.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vestre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Punent, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-Nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-Nomenklatura Magħquda, flimkien mar-Regoli Ġenerali 1 u 6 [għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda], għandha tinftiehem fis-sens li “[b]ċejjeċ u aċċessorji li huma oġġetti nklużi f’xi waħda mill-intestaturi ta’ dan il-Kapitolu jew tal-Kapitolu 84, 85 jew 91” jirreferu għal merkanzija fl-intestaturi b’erba’ numri ta’ dawn il-kapitoli, jew inkella d-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi wkoll għas-subintestaturi (l-ewwel sitt numri) tal-Kapitoli 84, 85, 90 u 91?

2)

Il-konnetturi, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85444290 tan-NM, fis-subintestatura 90214000 tan-NM jew inkella fis-subintestatura 90219010 tan-NM?

3)

In-nota 1(m) tat-Taqsima XVI għandha tiġi interpretata fis-sens li jekk merkanzija taqa’ taħt il-Kapitolu 90, hija ma tistax taqa’ wkoll taħt il-Kapitoli 84 u 85?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid issir taf, essenzjalment, jekk in-Nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM, moqri flimkien mar-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-espressjoni “[b]ċejjeċ u aċċessorji li huma oġġetti nklużi f’xi waħda mill-intestaturi ta’ dan il-Kapitolu jew tal-Kapitolu 84, 85 jew 91”, li hija tinkludi, tirreferix biss għall-kodiċi b’erba’ ċifri ta’ dawn il-kapitoli jew tinkludix ukoll il-kodiċi b’sitta u tmien ċifri tal-imsemmija kapitoli.

40

In-Nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM tipprovdi li “Partijiet u aċċessorji li huma oġġetti nklużi f’xi wieħed mit-titli ta’ dan il-kapitlu jew ta’ Kapitlu 84, 85 jew 91 (ħlief titlu 8487, 8548 jew 9033) għandhom fil-każi kollha ikunu kklassifikati fit-titli rispettivi tagħhom.”

41

Skont il-Gvern Daniż, il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux minnhom innifishom merkanzija li taqa’ taħt intestatura b’erba’ ċifri tal-Kapitolu 90, iżda jikkostitwixxu merkanzija li taqa’ biss taħt is-subintestatura bi tmien ċifri 90219010 tan-NM, li tinkludi l-“Partijiet u aċċessorji għal apparat akustiku (hearing aids)”. Għalhekk, fil-Kapitolu 90 tan-NM ma teżistix intestatura b’erba’ ċifri li l-formulazzjoni tagħha tkopri l-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, dawn il-konnetturi jikkostitwixxi fihom innifishom merkanzija li taqa’ taħt intestatura b’erba’ ċifri tal-Kapitolu 85 tan-NM, jiġifieri l-intestatura 8544, li tinkludi l-“Wajer iżolat (inkluż żmaltat jew anodizzat), kejbil (inkluż kejbil koassjali) u kondutturi elettriċi iżolati oħrajn, mgħammrin b’konnekters jew le; kejbils ta’ fibra ottika, magħmulin minn fibri miksijin individwalment, immuntati b’kondutturi elettriċi jew mgħammrin b’konnekters jew le”.

42

Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk it-terminu “[intestatura]” li jinsab fin-Nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM jirreferix biss għal kodiċi b’erba’ ċifri jew jekk jinkludix ukoll kodiċi b’sitta u tmien ċifri.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-imsemmija nota tinkludi t-terminu “[intestatura]”, u mhux it-terminu “[subintestatura]”.

44

Madankollu, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2658/87 jagħmel distinzjoni bejn l-“[intestaturi] u s-“[subintestaturi”] fin-NM. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li n-NM tuża l-klassifikazzjoni b’sitt ċifri tal-intestaturi u tas-subintestaturi tas-SA, filwaqt li żżid is-seba’ u t-tmien ċifra sabiex tifforma sottodiviżjonijiet partikolari għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2014, Rohm Semiconductor, C‑666/13, EU:C:2014:2388, punt 3, u tat-28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 3).

45

Din id-distinzjoni tirriżulta wkoll min-NM stess u, b’mod partikolari, mir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tagħha. B’hekk, skont ir-regola ġenerali 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fis-subintestaturi tal-istess intestatura hija ddeterminata legalment skont it-termini ta’ dawn is-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, tat-taqsimiet jew tal-kapitoli.

46

Jidher għalhekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddistingwi bejn l-intestaturi u s-subintestaturi fin-NM u li l-użu tat-terminu “[intestaturi]” fin-Nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM jindika li din in-nota ma tinkludix is-“subintestaturi”.

47

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll, minn naħa, li t-terminu “intestatura” jirreferi għal kodiċi b’erba’ ċifri, filwaqt li l-kodiċi b’sitta u tmien ċifri huma msejħa, min-naħa tagħhom, “subintestaturi”. Min-naħa l-oħra, fin-NM, intestatura b’erba’ ċifri tinkludi subintestaturi b’sitta u tmien ċifri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2016, MIS, C‑288/15, EU:C:2016:424, punt 30; tad-19 ta’ Ottubru 2017, Lutz, C‑556/16, EU:C:2017:777, punt 39; tat-22 ta’ Frar 2018, SAKSA, C‑185/17, EU:C:2018:108, punt 32; tat-12 ta’ April 2018, Medtronic, C‑227/17, EU:C:2018:247, punti 3944; u tas-6 ta’ Settembru 2018, Kreyenhop & Kluge, C‑471/17, EU:C:2018:681, punti 845).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li n-Nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM, moqrija flimkien mar-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-espressjoni “[b]ċejjeċ u aċċessorji li huma oġġetti nklużi f’xi waħda mill-intestaturi ta’ dan il-Kapitolu jew tal-Kapitolu 84, 85 jew 91”, li hija tinkludi, tirreferi biss għall-kodiċi b’erba’ ċifri ta’ dawn il-kapitoli.

Fuq it-tieni domanda

49

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-konnetturi għal apparati għas-smigħ, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhomx jiġu kkwalifikati fis-subintestatura 85444290, fis-subintestatura 90214000 jew fis-subintestatura 90219010 tan-NM.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, li r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprevedu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija taħt is-subintestaturi tal-istess intestatura hija legalment iddeterminata skont il-kliem ta’ dawn is-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, filwaqt li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli għandha titqies li għandha biss valur indikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018, Profit Europe, C‑397/17 u C‑398/17, EU:C:2018:564, punt 25).

51

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinsab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, hekk kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 34, u tal-25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C‑143/15, EU:C:2016:115, punt 44).

52

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn tkun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi ta’ dan tal-aħħar (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Sonos Europe, C‑84/15, EU:C:2016:184, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa paċifiku li l-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu parti minn protesi tas-smigħ.

54

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “partijiet” fis-sens tan-NM, jimplika l-preżenza ta’ ġabra li għall-funzjonament tagħha dawn huma indispensabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C‑183/06, EU:C:2007:110, punt 31; tat-12 ta’ Diċembru 2013, HARK, C‑450/12, EU:C:2013:824, punti 3637; u tal-20 ta’ Novembru 2014, Rohm Semiconductor, C‑666/13, EU:C:2014:2388, punti 4445).

55

Fir-rigward tas-subintestatura 90214000 tan-NM, jidher li, fi kwalunkwe każ, konnetturi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jaqgħu taħt din is-subintestatura sa fejn din tinkludi l-hearing aids, “ħlief partijiet u aċċessorji”.

56

Min-naħa l-oħra, is-subintestatura 90219010 tan-NM tirreferi espressament għall-partijiet u aċċessorji ta’ hearing aids.

57

Sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tariffarja tal-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, minn naħa, in-noti ta’ spjega tas-SA u, min-naħa l-oħra, dawk tan-NM jagħtu indikazzjonijiet utli, anki jekk tali noti ta’ spjega għandhom natura ta’ interpretazzjoni u ma humiex legalment vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 45).

58

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, in-Nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM tipprovdi li “Partijiet u aċċessorji li huma oġġetti nklużi f’xi wieħed mit-titli ta’ dan il-kapitlu jew ta’ Kapitlu 84, 85 jew 91 (ħlief titlu 8487, 8548 jew 9033) għandhom fil-każi kollha ikunu kklassifikati fit-titli rispettivi tagħhom.”

59

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għandu jiġi eżaminat jekk il-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kkunsidrati li huma inklużi fl-intestatura 8544 tan-NM li tinkludi l-“Wajer iżolat (inkluż żmaltat jew anodizzat), kejbil (inkluż kejbil koassjali) u kondutturi elettriċi iżolati oħrajn, mgħammrin b’konnekters jew le; kejbils ta’ fibra ottika, magħmulin minn fibri miksijin individwalment, immuntati b’kondutturi elettriċi jew mgħammrin b’konnekters jew le” jew fl-intestatura 9021 tagħha, li tinkludi “[a]pparat ortopediku, inklużi krozzi, ċinturini u rfid kirurġiċi; qassab u apparat ieħor għall-ksur; partijiet artifiċjali tal-ġisem; apparat akustiku (hearing aids) u tagħmir ieħor li jintlibes jew jinġarr, jew jiddaħħċal fil-ġisem, biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabilità”.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-formulazzjoni tal-intestatura 9021 tan-NM ssemmi espressament biss l-“apparat akustiku (hearing aids)” u mhux il-partijiet ta’ dawn. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, is-subintestatura 90219010 tan-NM ssemmi espressament il-“Partijiet u aċċessorji għal apparat akustiku (hearing aids)”, li huma, fil-fatt, espressament esklużi mis-subintestatura 90214000 tan-NM. Il-formulazzjoni ta’ dawn is-subintestaturi tidher b’hekk ibbażata fuq l-idea li l-intestatura 9021 tan-NM tkopri l-partijiet u l-aċċessorji tal-hearing aids. Il-formulazzjonijiet tat-Taqsima XVIII u tal-Kapitolu 90 tan-NM jirreferu fil-fatt espressament għall-“partijiet u aċċessorji” tal-istrumenti u apparat inklużi fiha.

61

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li n-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9021 tirreferi għall-hearing aids. Skont din in-nota, dawn tal-aħħar jikkonsistu, ħafna drabi, f’apparati elettriċi li jinkludu, “[marbuta flimkien b’kejbil]” mikrofonu wieħed jew iktar (bi jew mingħajr dispożittiv ta’ amplifikazzjoni), riċettur u batterija.

62

Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-intestaturi 9021 tan-NM, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq in-nota ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 90, li l-prodotti kklassifikati f’din l-intestatura huma kkaratterizzati essenzjalment mill-finitura tal-manifattura tagħhom u mill-preċiżjoni kbira tagħhom, liema fatt jiddistingwihom mill-prodotti ordinarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 47).

63

Issa, mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif imfakkra fil-punti 22 sa 25 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li konnetturi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma differenti, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, mill-prodotti ordinarji, u b’mod partikolari l-wajers, kejbils u kondutturi iżolati oħra għall-elettriku msemmija fl-intestatura 8544 tan-NM, minħabba l-finezza tal-produzzjoni u l-preċiżjoni kbira tagħhom fid-dawl tal-metodu ta’ produzzjoni kif ukoll tal-ispeċifiċità tal-funzjoni tagħhom.

64

Fir-raba’ lok, huwa importanti li tittieħed inkunsiderazzjoni d-destinazzjoni tal-konnetturi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din id-destinazzjoni tista’, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn hija inerenti għall-imsemmi prodott, fejn l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu.

65

F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju jidher li jirriżulta wkoll li konnetturi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma speċjalment adattati għall-apparati għas-smigħ. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija konnetturi huma maħsuba speċjalment sabiex jiġu integrati f’apparat għas-smigħ.

66

Għalhekk, min-Nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM jirriżulta li konnetturi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jaqgħu taħt l-intestatura 9021 tan-NM. Barra minn hekk, sa fejn is-subintestatura 90219010 tan-NM tirreferi espressament għall-partijiet u aċċessorji ta’ hearing aids, tali konnetturi jistgħu jiġu kklassifikati taħt l-imsemmija subintestatura.

67

Madankollu, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikahom hija stess, u dan peress li hija mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, jidher li l-qorti nazzjonali tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 27, u tal-25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C‑143/15, EU:C:2016:115, punt 41).

68

Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ konnetturi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timplika l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal każ konkret. Issa, għandu jitfakkar li, meta kawża titressaq quddiemha skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-trattati, kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

69

Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-klassifikazzjoni tariffarja tal-konnetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta għad-domandi li għamlitilha l-qorti tar-rinviju.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-klassifikazzjoni tariffarja tal-konnetturi għall-apparat tas-smigħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta għad-domandi li għamlitilha l-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tielet domanda

71

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-Nota 1(m) tat-Taqsima XVI tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jekk merkanzija taqa’ taħt il-Kapitolu 90 tan-NM, din ma tistax taqa’ wkoll taħt il-Kapitoli 84 u 85 tagħha.

72

In-Nota 1(m) tat-Taqsima XVI tan-NM tipprovdi li l-imsemmija taqsima ma tinkludix l-artikoli tal-Kapitolu 90 tan-NM.

73

Għandu jiġi kkonstatat li t-Taqsima XVI tan-NM tinkludi l-Kapitoli 84 u 85 tan-NM. Fir-rigward tal-Kapitolu 90 ta’ din tal-aħħar, dan jaqa’ taħt it-Taqsima XVIII tagħha.

74

Mill-formulazzjoni tan-Nota 1(m) tat-Taqsima XVI tan-NM jirriżulta li jekk merkanzija taqa’ taħt il-Kapitolu 90 tan-NM, hija ma tistax taqa’ taħt l-imsemmija taqsima tan-NM.

75

Minn dan isegwi li jekk merkanzija taqa’ taħt il-Kapitolu 90 tan-NM, huwa eskluż, abbażi tan-Nota 1(m) tat-Taqsima XVI tan-NM, li hija taqa’ wkoll taħt il-Kapitoli 84 u 85 tan-NM, li jagħmlu parti mit-Taqsima XVI tagħha.

76

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li n-Nota 1(m) tat-Taqsima XVI tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jekk merkanzija taqa’ taħt il-Kapitolu 90 tan-NM, hija ma tistax taqa’ wkoll taħt il-Kapitoli 84 u 85 tagħha.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

In-Nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 tad-19 ta’ Settembru 2008, moqri flimkien mar-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-espressjoni “[b]ċejjeċ u aċċessorji li huma oġġetti nklużi f’xi waħda mill-intestaturi ta’ dan il-Kapitolu jew tal-Kapitolu 84, 85 jew 91”, li hija tinkludi, tirreferi biss għall-kodiċi b’erba’ ċifri ta’ dawn il-kapitoli.

 

2)

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-klassifikazzjoni tariffarja tal-konnetturi għall-apparat tas-smigħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta għad-domandi li għamlitilha l-qorti tar-rinviju.

 

3)

In-Nota 1(m) tat-Taqsima XVI tan-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1031/2008, għandha tiġi interpretata fis-sens li jekk merkanzija taqa’ taħt il-Kapitolu 90 tan-NM, hija ma tistax taqa’ wkoll taħt il-Kapitoli 84 u 85 tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.