SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mill-appellanti minħabba l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Rikors għad-danni – Kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni’ – Evalwazzjoni – Kunċett ta’ ‘kumpannija miżmuma jew ikkontrollata’ – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑123/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2018,

HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Schlingmann, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn R. Tricot, M. Kellerbauer u C. Zadra, sussegwentement minn R. Tricot, C. Hödlmayr u C. Zadra, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Prechal u M. Vilaras, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, C. G. Fernlund, P. G. Xuereb, u N. J. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Novembru 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH (iktar ’il quddiem “HTTS”) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2017, HTTS vs Il-Kunsill (T‑692/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:890), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ HTTS intiż li tikseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minnha minħabba l-inklużjoni ta’ isimha, minn naħa, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas‑26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25), fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2008, L 335M, p. 969, u rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 423), u, min-naħa l-oħra, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010.

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 961/2010, intitolat “L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi”, jinkludi l-Artikolu 16 li, fil-paragrafu 2 tiegħu, jipprovdi:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness VIII għandhom ikunu ffriżati. L-Anness VIII għandu jinkludi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, mhux koperti mill-Anness VII, li f’konformità mal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK [tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39, rettifika fil-ĠU 2010, L 197, p. 19)], ġew identifikati li:

(a)

huma impenjati, huma direttament assoċjati ma’, jew jipprovdu apoġġ għal attivitajiet nukleari ta’ natura sensittiva fir-rigward tal-proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari mill-Iran, inkluż permezz l-involviment fl-akkwist ta’ oġġetti u teknoloġija pprojbiti, jew li jkunu propjetà ta’, jew ikkontrollati minn, tali persuna, entità jew korp, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti, jew li jaġixxu f’isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom;

[…]

(d)

huma persuna ġuridika, entità jew korp li huwa proprjetà ta’ jew ikkontrollat mill-Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL).

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

3

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 10 tas-sentenza appellata bit-termini segwenti:

“1

[HTTS] hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż stabbilita f’Marzu 2009 minn N. Bateni, li huwa s-soċju waħdieni u d-direttur tagħha. HTTS teżerċita attivitajiet ta’ aġent marittimu u ta’ amministratur tekniku ta’ bastimenti.

2

Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-miżuri restrittivi introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li jikkostitwixxu riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-‘proliferazzjoni nukleari’). Iktar preċiżament, hija parti minn kawżi dwar miżuri meħuda kontra kumpannija marittima, [IRISL], kif ukoll kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi allegatament marbuta ma’ din il-kumpannija, li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, skont il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, HTTS u żewġ kumpanniji marittimi oħra, Hafize Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem ‘HDSL’) u Safiran Pyam Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem ‘SAPID’).

3

L-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ HTTS fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għall-miżuri restrittivi tal-Anness V tar-Regolament [Nru 423/2007] seħħet fis-26 ta’ Lulju 2010, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 668/2010]. Kontra din l-inklużjoni ma sarx rikors għal annullament. Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni tal-isem ta’ HTTS fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi tal-Anness VIII tar-Regolament [Nru 961/2010], imwettqa ftit xhur wara minn dan ir-regolament, ġiet ikkontestata minn HTTS u sussegwentement annullata mill-Qorti Ġenerali, li ddeċidiet li l-inklużjoni ma kinitx siffiċjentement motivata fid-dritt (ara l-punt 5 hawn taħt).

4

Fir-Regolament Nru 668/2010, ir-raġuni għall-inklużjoni ta’ HTTS kienet essenzjalment li hija kienet ‘[t]aġixxi f’isem ĦSDL fl-Ewropa’. Fir-Regolament Nru 961/2010, ir-raġuni kienet li hija ‘[kienet] [i]kkontrollata u/jew taġixxi f’isem IRISL’.

5

B’sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament Nru 961/2010, sa fejn kien jikkonċerna din il-kumpannija, iżda b’effett mis-7 ta’ Frar 2012, bil-għan li tippermetti lill-Kunsill eventwalment jirregolarizza, fil-frattemp, il-motivazzjoni tal-inklużjoni mill-ġdid tal-isem ta’ HTTS. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fil-fatt qieset li l-annullament b’effett immedjat tar-Regolament Nru 961/2010 seta’ jippreġudika serjament u irriversibbilment l-effikaċja tal-miżuri restrittivi adottati minn dan ir-regolament kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, għaliex ‘ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi fuq [l-appellanti] [t]ista’ xorta waħda [t]irriżulta li h[ija] ġġustifikat[a]’ (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill, T‑562/10, EU:T:2011:716, punti 4142).

6

Wara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), l-isem [tal-appellanti] ġie inkluż diversi drabi mill-Kunsill, u kull darba dan ġie kkontestat minn din tal-aħħar, u sussegwentement kull darba, annullat mill-Qorti Ġenerali bis-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312), u tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650).

7

Għandu jitfakkar barra minn hekk, f’dan l-istadju, li, b’sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453), il-Qorti Ġenerali annullat ukoll l-inklużjoni tal-isem ta’ IRISL u ta’ kumpanniji marittimi oħra, fosthom HDSL u SAPID, fil-listi li jikkonċernawhom, għar-raġuni li l-elementi mressqa mill-Kunsill ma kinux jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ IRISL u, konsegwentement, ma setgħux b’dan il-mod jiġġustifikaw iż-żamma tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw il-kumpanniji marittimi l-oħra li kienu ġew inklużi fil-listi minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ IRISL.

8

B’[ittra] tat-23 ta’ Lulju 2015, [l-appellanti] indirizzat lill-Kunsill talba għal kumpens għad-danni li hija kienet tqis li ġarrbet minħabba l-inklużjoni inizjali u l-inklużjonijiet sussegwenti ta’ isimha fil-listi tal-persuni marbuta mal-attività ta’ IRISL.

9

F’din it-talba għal kumpens, [l-appellanti] invokat id-dritt tagħha għal kumpens tad-danni materjali u immaterjali li hija qieset li ġarrbet mhux biss minħabba l-inklużjonijiet deċiżi bir-Regolamenti Nri 668/2010 u 961/2010, li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, iżda wkoll danni subiti minħabba l-inklużjonijiet u reinklużjonijiet sussegwenti (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). L-ammont totali tad-danni materjali, allegati b’dan il-mod, kien ta’ EUR 11928939 u dak tad-dannu immaterjali ta’ EUR 250000, għall-perijodu bejn is-26 ta’ Lulju 2010 u t-18 ta’ Settembru 2015.

10

B’ittra tas-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill ċaħad din it-talba.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

4

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2015, HTTS ippreżentat rikors intiż li l-Kunsill jiġi kkundannat iħallasha s-somma ta’ EUR 2516 221.50 bħala kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab minħabba l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi li jinsabu fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”).

5

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba fit-13 ta’ Mejju 2016.

6

Fir-rikors tagħha, HTTS invokat żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-kundizzjonijiet materjali li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi.

7

Fir-rigward tat-tieni motiv, eżaminat fl-ewwel lok mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar l-ewwel nett, fil-punti 44 sa 46 tas-sentenza appellata, osservat li miżura restrittiva li tista’ tkun suġġetta għaliha entità li ma tkunx entità Statali ma hijiex, fiha nnifisha, att awtonomu tal-Kunsill li għandu n-natura ta’ sanzjoni kriminali jew amministrattiva adottata fil-konfront ta’ din l-entità, iżda hija miżura meħtieġa, fis-sens tal-Artikolu 215(2) TFUE, sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tilħaq, progressivament, ir-riżultat konkret mixtieq minnha fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-riżultat li titwaqqaf l-attività ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-għan usa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-finalitajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, huwa ta’ natura li jiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, li jirriżultaw, għal ċerti operaturi ekonomiċi, mid-deċiżjonijiet li jimplimentaw l-atti adottati mill-Unjoni sabiex jintlaħaq dan l-għan fundamentali.

8

It-tieni nett, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-indħil fl-attività kummerċjali ta’ HTTS li jirriżulta mill-iffriżar tal-fondi tagħha ma setax jitqies li kien awtomatikament sors li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u li, sabiex tiġi stabbilita din ir-responsabbiltà, kien meħtieġ li l-qorti tal-Unjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-istituzzjoni kkonċernata marbuta mal-eżistenza tal-allegati rabtiet bejn HTTS u l-kumpanniji kkonċernati l-oħra, bħal, b’mod partikolari, IRISL.

9

Fit-tieni lok, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali speċifikat li lanqas l-eventwali annullament ta’ att wieħed jew iktar tal-Kunsill li kienu l-kawża tad-dannu invokat minn HTTS ma jikkostitwixxi prova inkonfutabbli ta’ ksur suffiċjentement serju min-naħa tal-Kunsill li jippermetti li tiġi kkonstatata, ipso jure, ir-responsabbiltà tal-Unjoni.

10

Fit-tielet lok, fil-punti 49 sa 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, b’osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju, jekk ir-rikorrent jista’ jistabbilixxi l-portata u l-importanza tad-dannu tiegħu permezz ta’ elementi sussegwenti għall-materjalizzazzjoni ta’ dan id-dannu, l-istituzzjoni konvenuta għandha tkun tista’ tinvoka, sabiex teżonera ruħha mir-responsabbiltà, l-elementi rilevanti kollha li jkunu seħħew qabel il-preżentata tar-rikors, taħt l-Artikolu 268 TFUE, quddiem il-qorti tal-Unjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, tali possibbiltà hija ġġustifikata b’mod partikolari fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), li huwa rregolat minn regoli u proċeduri maħsuba, b’mod partikolari, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp fiż-żmien tas-sitwazzjoni, fattwali u legali, li tkun is-suġġett tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li, jekk l-elementi prodotti mill-istituzzjoni kkonċernata fil-kuntest ta’ rikors għad-danni li jkunu seħħew qabel il-preżentata ta’ dan tal-aħħar jitqiesu li huma ineffettivi, dan iwassal sabiex jiġi ostakolat b’mod serju l-eżerċizzju effettiv tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-kuntest tal-PESK.

11

Fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li, fis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), l-annullament b’effett immedjat tar-Regolament Nru 961/2010 ġie evitat għar-raġuni li ma setax “jiġi eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi fuq [l-appellanti] [t]ista’ xorta waħda [t]irriżulta li h[ija] ġġustifikat[a]”.

12

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma setgħux jiġu injorati l-motivi rilevanti u l-provi invokati mill-Kunsill sabiex jeżonera ruħu mir-responsabbiltà, bil-għan li juri li l-kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni marbuta mal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni ma kinitx issodisfatta.

13

B’hekk, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-elementi rilevanti, sabiex tistabbilixxi jekk l-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi setgħux jitqiesu li huma nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kunsill, fir-rigward tan-natura tar-rabtiet bejn HTTS u l-kumpanniji marittimi Iranjani l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 55 sa 60 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ kumpannija “miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra” ikopri s-sitwazzjoni fejn persuna fiżika jew ġuridika involuta fl-attività ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Istat inkwistjoni tkun f’pożizzjoni li tinfluwenza l-għażliet kummerċjali ta’ impriża li magħha jkollha relazzjonijiet kummerċjali, u dan anki fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta legali, ta’ proprjetà jew ta’ parteċipazzjoni fil-kapital, bejn dawn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi. F’dan id-dawl, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza li minnha joħroġ li l-kwalità ta’ entità “miżuma jew ikkontrollata” għandha tiġi evalwata każ b’każ fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell taż-żamma jew tal-intensità tal-kontroll inkwistjoni. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset li l-provi invokati mill-Kunsill, b’mod partikolari l-fatt li d-direttur ta’ HTTS kien preċedentement jeżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur legali ta’ IRISL u li HTTS kellha l-istess indirizz bħal IRISL Europe GmbH, kienu jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji preċiżi u konkordanti biżżejjed li jippermettu li jitqies li kien minn tal-inqas verosimili li HTTS kienet tinsab taħt il-kontroll ta’ u/jew kienet taġixxi f’isem IRISL. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill, meta adotta l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi inkwistjoni, ma kienx wettaq nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn HTTS u IRISL.

14

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ ġustifikazzjoni tal-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi wara l-annullament, permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453), tal-atti li jinkludu l-ismijiet ta’ IRISL, ta’ HDSL u ta’ SAPID fil-listi li jikkonċernawhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-imsemmi annullament ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi stabbilit li l-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi kienu vvizzjati b’illegalità suffiċjentement serja ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi kienu essenzjalment ibbażati fuq rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jistabbilixxi tliet istanzi ta’ ksur manifest, minn IRISL, tal-embargo fuq l-armi stabbiliti permezz tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà, tal-24 ta’ Marzu 2007. Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-konklużjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport, il-konstatazzjoni li IRISL kienet involuta f’attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran ma setgħetx titqies li kienet manifestament żbaljata.

15

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv.

16

Fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-inklużjoni tal-isem tagħha fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Hija l-ewwel nett fakkret, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, filwaqt li ċċitat is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill (T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 238), li, bħala prinċipju, in-natura insuffiċjenti ta’ motivazzjoni ta’ att ma tistax tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

17

It-tieni nett, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, li, sa fejn il-Kunsill jista’ juża, sabiex juri l-legalità tal-aġir tiegħu, l-elementi kollha li jkunu seħħew sal-preżentata tar-rikors għad-danni, il-motivazzjoni tal-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi kellha tinqara fid-dawl tal-motivi invokati mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2012/35/PESK tat-23 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 19, p. 22, u rettifka fil-ĠU 2012, L 31, p. 7), li żammet l-inklużjoni ta’ isem l-appellanti fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2010/413. Skont il-Qorti Ġenerali, ir-raġunijiet komplementari invokati mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2012/35 jippermettu lill-appellanti tifhem għaliex isimha ġie inkluż fil-listi kontenzjużi.

18

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors ta’ HTTS fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19

HTTS titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas is-somma ta’ EUR 2516 221.50 bħala kumpens għad-danni materjali u morali li jirriżultaw mill-inklużjonijiet ta’ isimha fil-listi kontenzjużi kif ukoll interessi moratorji kkalkolati fuq il-bażi tar-rata tal-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, u dan mis-17 ta’ Ottubru 2015 sal-ħlas sħiħ tal-ammont tal-kumpens, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

21

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu;

sussidjarjament, fil-każ li tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors, u

tikkundanna lil HTTS għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

22

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

23

HTTS issostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kunsill seta’ jinvoka informazzjoni u elementi li ma kinux fil-pussess tiegħu fid-data tal-inklużjoni ta’ isem HTTS fil-listi kontenzjużi sabiex juri li ma kienx wettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellha tqiegħed lilha nnifisha fid-data tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kkonċernati sabiex tiddeċiedi jekk, fuq il-bażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti kinitx taġixxi bl-istess mod bħalma għamel il-Kunsill fil-każ ineżami.

24

HTTS iżżid tgħid li l-karatteristiċi partikolari tal-azzjoni u tal-għanijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK ma jistgħux jiġġustifikaw approċċ differenti. B’hekk, anki f’dan il-qasam, l-aġir tal-istituzzjonijiet jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni sa fejn dawn l-istituzzjonijiet huma marbuta josservaw il-prinċipji tal-Istat ta’ dritt u huma marbuta jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

25

Barra minn hekk, HTTS tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), li turi l-fondatezza tal-argumenti tagħha. Fil-fatt, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kunsill ma jistax jirrimedja diversi snin iktar tard, billi jipproduċi provi ġodda, ksur tal-obbligu tiegħu li jipprovdi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-informazzjoni jew il-provi li jissostanzjaw ir-raġunijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna fiżika jew ġuridika.

26

Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-affermazzjonijiet tal-Kunsill fil-kuntest tal-kawżi li wasslu għas-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il‑Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312), li minnha jirriżulta li din l-istituzzjoni ma kellhiex, fil-bidu tas-sena 2012, l-informazzjoni li qiegħda tinvoka sabiex teżonera ruħha mir-responsabbiltà tagħha fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali billi turi li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta.

27

Il-Kunsill jirribatti li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li, peress li rikors għad-danni jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħames snin minn meta jseħħ il-fatt li jagħti lok għad-dannu allegat, l-istituzzjoni kkonċernata hija intitolata li tinvoka, sabiex teżonera ruħha mir-responsabbiltà tagħha, l-elementi kollha li jkunu seħħew qabel il-preżentata tar-rikors, fl-imsemmi terminu, bil-għan li turi li ma wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, bl-istess mod bħalma r-rikorrent jista’ jistabbilixxi l-portata u l-importanza tad-dannu tiegħu fuq il-bażi ta’ elementi probatorji sussegwenti għall-materjalizzazzjoni ta’ dan id-dannu.

28

Skont din l-istituzzjoni, it-teżi opposta twassal sabiex ikun ostakolat b’mod serju l-eżerċizzju effettiv tal-kompetenzi fil-qasam tal-PESK mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jadottaw, insostenn tal-implimentazzjoni ta’ din il-politika, il-miżuri restrittivi meħtieġa.

29

Fir-rigward tal-argument ta’ HTTS dwar l-allegat ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipji tal-Istat ta’ dritt, il-Kunsill isostni li l-qrati tal-Unjoni jistgħu, filwaqt li josservaw dawn il-prinċipji, jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari marbuta mal-fatt li dawn il-miżuri ttieħdu fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet PESK, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza appellata.

30

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li HTTS tallega li qiegħda tislet mis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), il-Kunsill isostni li minn din is-sentenza ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li jkunu seħħew wara l-adozzjoni tal-inklużjonijiet inkwistjoni sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kunsill isostni li, jekk il-persuna kkonċernata mill-miżuri restrittivi tkun aġixxiet b’mod li dawn il-miżuri jkunu ġġustifikati, ma jistax jiġi rrikonoxxut li din il-persuna għandha dritt għal kumpens, anki jekk il-fatti kienu għadhom ma humiex magħrufa mill-istituzzjoni fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri u anki jekk dawn l-istess miżuri kienu ġew annullati għal din ir-raġuni. Skont il-Kunsill, dan ikun iktar u iktar iġġustifikat meta l-fatti inkwistjoni kienu magħrufa jew kien imisshom kienu magħrufa mill-persuna kkonċernata mill-miżuri restrittivi.

31

Il-Kummissjoni, essenzjalment, tikkondividi l-argumenti tal-Kunsill dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, liema argumenti jiġġustifikaw il-possibbiltà għal din l-istituzzjoni li tinvoka elementi li seħħew wara d-data tal-inklużjoni ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-interpretazzjoni tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), il-Kummissjoni żżid tgħid li r-riferiment, minn HTTS, għall-punt 40 ta’ din is-sentenza ma huwiex korrett sa fejn, f’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiħux pożizzjoni dwar il-mument rilevanti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ rikors għad-danni iżda dwar il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm, fil-każ ineżami, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Fresh Marine, C‑472/00 P, EU:C:2003:399, punt 25; tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2018, Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 117).

33

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li hija l-unika waħda inkwistjoni fl-appell ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi jkun stabbilit meta dan il-ksur jimplika nuqqas manifest u serju mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti li għalihom hija suġġetta s-setgħa diskrezzjonali tagħha, fejn l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 50, u tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30).

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni jirriżulta, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet, mill-ħtieġa li jiġu bbilanċjati, minn naħa, il-protezzjoni tal-individwi kontra l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ manuvra li għandu jiġi rrikonoxxut lil dawn tal-aħħar sabiex ma tiġix ipparalizzata l-azzjoni tagħhom. Dan l-ibbilanċjar jirriżulta iktar u iktar importanti fil-qasam tal-miżuri restrittivi, fejn l-ostakoli li jiltaqa’ magħhom il-Kunsill f’termini ta’ disponibbiltà tal-informazzjoni ħafna drabi jagħmlu partikolarment diffiċli l-evalwazzjoni li għandu jwettaq.

35

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ jinvoka l-elementi rilevanti kollha li seħħew qabel il-preżentata tar-rikors għad-danni, sabiex juri li ma wettaqx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din tal-aħħar. B’mod iktar speċifiku, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ppermettiet lill-Kunsill, f’dan il-kuntest, jinvoka elementi li l-Kunsill ma kienx ħa inkunsiderazzjoni meta inkluda lil HTTS fil-listi kontenzjużi.

36

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, sabiex tkun issodisfatta l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa meħtieġ, minn naħa, li jkun hemm ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni intiża li tagħti drittijiet lill-individwi u, min-naħa l-oħra, li dan il-ksur ikun suffiċjentement serju.

37

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din il-kundizzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Issa, ir-rekwiżiti ta’ koerenza li fuqhom hija bbażata s-sistema ta’ rimedji prevista fit-Trattat FUE jeħtieġu li l-metodoloġija li biha tiġi eżaminata l-legalità ta’ att jew ta’ aġir ta’ istituzzjoni tal-Unjoni ma tvarjax skont it-tip ta’ rikors.

39

B’hekk, anki fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, l-illegalità ta’ att jew ta’ aġir li tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmi att jew aġir.

40

Din il-konklużjoni ma hijiex imdaħħla inkwistjoni mill-ġurisprudenza stabbilita, imfakkra essenzjalment mill-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li minnha jirriżulta li r-rikors għad-danni huwa rimedju awtonomu li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema ta’ rimedji u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu li huma maħsuba fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, L‑Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, din l-awtonomija hija bla ħsara għall-fatt li, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ tali rikors, il-qorti tal-Unjoni għandha tanalizza l-legalità tal-aġir tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni li jkun il-kawża tad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punti 6061).

41

Sa fejn ir-Regolament Nru 961/2010 ġie annullat permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), li, peress li ma kinitx is-suġġett ta’ appell ippreżentat fit-termini stabbilit, tibbenefika mill-awtorità ta’ res judicata, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ dan ir-regolament, l-ewwel parti tal-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija diġà ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punti 41 sa 45).

42

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li huwa biss ksur manifest u serju mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti li għalihom hija suġġetta s-setgħa diskrezzjonali tagħha li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni huwiex suffiċjentement serju, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, id-diffikultajiet fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-awtur tal-att ikkontestat.

43

B’hekk, hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li, f’ċirkustanzi analogi, ma kinitx titwettaq minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

44

Għandu jiġi kkonstatat li l-parametri elenkati fil-punt 42 ta’ din is-sentenza li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni huma kollha marbuta mad-data li fiha l-istituzzjoni kkonċernata adottat id-deċiżjoni jew l-aġir.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-livell ta’ serjetà tal-ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni mwettaq mill-istituzzjoni inkwistjoni, meħtieġ mill-ġurisprudenza, sa fejn huwa marbut intrinsikament ma’ dan il-ksur, ma jistax jiġi evalwat f’mument differenti minn dak li fih twettaq l-imsemmi ksur.

46

Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni għandha tiġi neċessarjament evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom aġixxiet l-istituzzjoni f’din id-data speċifika.

47

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li, sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ tali ksur suffiċjentement serju, istituzzjoni tista’ tinvoka biss l-elementi li tkun ħadet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tal-att ikkonċernat.

48

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, li kieku istituzzjoni setgħet tinvoka kwalunkwe element rilevanti li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata, sabiex turi li ma wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din tal-aħħar, ir-riżultat tar-rikors għad-danni jkun jiddependi mid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, il-kumpens tad-danni mġarrba minħabba l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkun jiddependi minn jekk, matul il-perijodu ta’ ħames snin li matulu jista’ jiġi ppreżentat rikors għad-danni, previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kwalunkwe element li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata kienx jippermetti lill-istituzzjoni li tkun l-awtur ta’ din id-deċiżjoni tiġġustifika l-aġir tagħha.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din ma hijiex il-finalità tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’din id-dispożizzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni ta’ dan it-terminu hija, minn naħa, li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża, li għandu jkollha żmien biżżejjed sabiex tiġbor l-informazzjoni adatta fid-dawl ta’ eventwali rikors, u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat li l-persuna leża tkun tista’ tipposponi b’mod indefinit l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għad-danni (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punti 3353 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Issa, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża, li għandu jkollha żmien biżżejjed sabiex tiġbor l-informazzjoni adatta fid-dawl ta’ eventwali rikors, tista’ tkun kompromessa jekk il-mogħdija ta’ żmien wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni jew tal-aġir inkwistjoni tkun tista’ tagħmel iktar diffiċli l-istabbiliment tal-fatt li l-istituzzjoni kkonċernata wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill jista’ jinvoka kwalunkwe element rielvanti li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni meta HTTS ġiet inkluża fil-listi kontenzjużi, sabiex juri li ma wettaqx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

52

Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-PESK.

53

Fil-fatt, minn naħa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat f’dan il-qasam il-kundizzjonijiet marbuta mal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, imfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402). Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati u d-diffikultajiet fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni li jaqgħu f’dan il-qasam, applikati mill-Kunsill fil-kuntest tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-aġir ta’ din l-istituzzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni.

54

Barra minn hekk, l-imsemmija konklużjoni lanqas ma hija kkontestata mill-argument tal-Kunsill li, peress li r-rikors għad-danni jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħames snin minn meta jseħħ il-fatt li jagħti lok għad-dannu allegat, ir-rikorrent jista’ jistabbilixxi l-portata u l-importanza tad-dannu tiegħu bl-użu ta’ elementi probatorji sussegwenti għall-materjalizzazzjoni ta’ dan id-dannu.

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċetti ta’ “ksur suffiċjentement serju” u ta’ “dannu” huma żewġ kunċetti distinti li jinsabu fuq livelli temporali differenti, b’tali mod li għandhom jinżammu distinti minn xulxin. Fil-fatt, il-“ksur suffiċjentement serju”, kif jirriżulta mill-punti 33 sa 50 ta’ din is-sentenza, huwa kunċett statiku, marbut mal-mument tal-adozzjoni tal-att jew tal-aġir illegali kkonċernat, filwaqt li l-kunċett ta’ “dannu” huwa, għall-kuntrarju, kunċett dinamiku min-natura tiegħu sa fejn, minn naħa, id-dannu jista’ joħroġ wara l-adozzjoni tal-att jew tal-aġir illegali u, min-naħa l-oħra, il-portata tiegħu tista’ tevolvi fiż-żmien.

56

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

57

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, HTTS qiegħda tikkontesta l-klassifikazzjoni tagħha, mill-Qorti Ġenerali, bħala kumpannija “miżmuma jew ikkontrollata” minn IRISL.

58

L-ewwel nett, HTTS issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li r-rabtiet ta’ proprjetà bejnha u IRISL ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kinitx “miżmuma jew ikkontrollata” minn din tal-aħħar. Barra minn hekk, ir-Regolamenti Nru 423/2007 u Nru 961/2010 ma jippermettux l-inklużjoni ta’ entità li sempliċement taġixxi f’isem IRISL.

59

It-tieni nett, fir-rigward tal-elementi kkunsidrati mill-Kunsill u elenkati fil-punt 59 tas-sentenza appellata, HTTS issostni, minn naħa, li dawn ma jippermettux li jintwera li hija kienet “miżuma jew ikkontrollata” minn IRISL. Min-naħa l-oħra, HTTS tosserva li l-Kunsill ma kellux dawn l-elementi meta inkludiha fil-listi kontenzjużi. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il‑Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), il-Qorti Ġenerali qieset li l-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kunsill fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati f’dik il-kawża ma kien fihom l-ebda indikazzjoni dwar in-natura tal-allegat kontroll minn IRISL jew dwar l-attivitajiet eżerċitati minn HTTS f’isem IRISL.

60

Fl-aħħar nett, HTTS tenfasizza l-fatt li, filwaqt li l-Qorti Ġenerali qieset leġittimu li l-Kunsill jista’ jinvoka elementi li jeżonerawh, hija għall-kuntrarju ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi inkriminanti invokati minnha, bħalma huma l-annullamenti tal-inklużjonijiet ta’ IRISL, ta’ SAPID u ta’ HDSL.

61

Il-Kunsill jirribatti li, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ddeċidiet li r-rabtiet ta’ proprjetà ma għandhom ebda rwol fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ żamma jew ta’ kontroll ta’ kumpannija, iżda sempliċement ikkonstatat li l-kriterju deċiżiv f’dan ir-rigward kien il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza.

62

Fir-rigward tal-indizji kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Kunsill isostni li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-indizji, fl-intier tagħhom, jippermetti li tiġi ssostanzjata l-konstatazzjoni li huwa ma wettaqx ksur flagranti u mhux skużabbli jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn HTTS u IRISL. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kunsill, l-argumenti invokati mill-appellanti f’dan ir-rigward huma intiżi li jdaħħlu inkwistjoni l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Għaldaqstant, dawn l-argumenti huma inammissibbli fil-kuntest ta’ appell.

63

Barra minn hekk, il-Kunsill josserva li s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża ineżami, sa fejn din is-sentenza tikkonċerna rikors għal annullament li ma kienx jikkonċerna l-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi.

64

Fl-aħħar nett, il-Kunsill jallega li, permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Frar 2017, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑14/14 u T‑87/14, EU:T:2017:102), il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-legalità tal-inklużjonijiet ta’ IRISL, ta’ HDSL u ta’ SAPID. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ifakkar li l-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi ma jikkostitwixxux ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, sa fejn ir-rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kkonstata tliet istanzi ta’ ksur manifest minn IRISL tal-embargu fuq l-armi introdott permezz tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-imsemmi Kunsill tas-Sigurtà.

65

Il-Kummissjoni tikkondividi l-argumenti tal-Kunsill. Fir-rigward tal-iżball ta’ liġi dwar il-kriterju applikabbli sabiex jiġi stabbilit f’liema sitwazzjonijiet kumpannija tikkontrolla jew iżżomm entità legali oħra, il-Kummissjoni ssostni li ma hemm ebda differenza materjali essenzjali bejn aġir taħt il-kontroll ta’ kumpannija u aġir f’isem kumpannija, sa fejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jimplikaw neċessarjament pożizzjoni ta’ kontroll jew, minn tal-inqas, influwenza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66

It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

67

Permezz tal-ewwel ilment tal-ewwel parti, HTTS issostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żball meta ddeċidiet li r-rabtiet ta’ proprjetà ma jikkostitwixxux element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-appellanti kinitx kumpannija “miżuma jew ikkontrollata” minn IRISL.

68

L-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 961/2010 jimponi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-persuni, lill-entitajiet jew lill-korpi li ma humiex koperti mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà u li jkunu ġew identifikati “f’konformità mal-Artikolu 20(1)(b) tad-[Deċiżjoni 2010/413] […] li huma persuna ġuridika, entità jew korp li huwa proprjetà ta’ jew ikkontrollat [minn IRISL]”.

69

L-użu mir-Regolament Nru 961/2010 tal-kliem “miżmuma” u “ikkontrollata” jissodisfa l-ħtieġa li l-Kunsill ikun jista’ jieħu miżuri effettivi kontra l-persuni, l-entitajiet jew il-korpi kollha marbuta ma’ kumpanniji involuti fil-proliferazzjoni nukleari. Minn dan jirriżulta li ż-żamma jew il-kontroll jistgħu jkunu diretti jew indiretti. Fil-fatt, li kieku din ir-rabta kellha tiġi stabbilita biss fuq il-bażi taż-żamma jew tal-kontroll dirett tal-imsemmija persuni, il-miżuri jkunu jistgħu jiġu evitati b’numru kbir ta’ possibbiltajiet ta’ kontroll kuntrattwali jew fattwali, li jagħtu lil kumpannija possibbiltajiet daqstant wiesgħa daqs żamma jew kontroll dirett sabiex teżerċita influwenza fuq entitajiet oħra.

70

B’hekk, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-kunċett ta’ “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata” ma għandux, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, l-istess portata bħal dik li għandu, b’mod ġenerali, fid-dritt tal-kumpanniji, fejn il-kwistjoni tkun li tiġi identifikata r-responsabbiltà kummerċjali ta’ kumpannija li legalment tkun taħt il-kontroll deċiżjonali ta’ entità kummerċjali oħra.

71

Fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ miżura restrittiva, dan il-kunċett ikopri, fil-fatt, is-sitwazzjoni fejn il-persuna fiżika jew ġuridika involuta fil-proliferazzjoni nukleari tkun f’pożizzjoni li tinfluwenza l-għażliet kummerċjali ta’ persuna oħra li magħha jkollha relazzjonijiet kummerċjali, u dan anki fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta legali, ta’ proprjetà jew ta’ parteċipazzjoni fil-kapital, bejn dawn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi.

72

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imqajjem mill-appellanti fil-konfront ta’ dan il-punt tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq qari żbaljat tiegħu.

73

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-imsemmi punt ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ eventwali rabta legali, ta’ proprjetà jew ta’ parteċipazzjoni fil-kapital, bejn HTTS u IRISL, iżda jirriżulta biss li l-assenza ta’ tali rabta ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-kwalità ta’ entità “miżmuma jew ikkontrollata”.

74

Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm l-eżistenza ta’ rabta legali, ta’ proprjetà jew ta’ parteċipazzjoni fil-kapital ta’ kumpannija tista’, f’ċerti każijiet, tiġi riflessa fil-possibbiltà li jiġu influwenzati l-għażliet tal-entità miżmuma jew ikkontrollata, din l-eżistenza ma hijiex kundizzjoni sine qua non għall-eżerċizzju ta’ tali influwenza.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li kumpannija setgħet tiġi kklassifikata bħala “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra” meta din tal-aħħar tkun tinsab f’sitwazzjoni fejn tkun f’pożizzjoni li tinfluwenza l-għażliet tal-kumpannija ikkonċernata, u dan anki fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta legali, ta’ proprjetà jew ta’ parteċipazzjoni fil-kapital bejn dawn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi.

76

Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-ewwel parti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

77

Fir-rigward tat-tieni lment tal-ewwel parti, fis-sens li r-Regolamenti Nru 423/2007 u Nru 961/2010 ma jippermettux l-inklużjoni ta’ kumpannija li sempliċement taġixxi “f’isem” IRISL, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li l-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 961/2010 ma ssemmix espliċitament l-aġir f’isem kumpannija oħra. Madankollu, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawk meħuda mill-Kunsill fil-konfront ta’ HTTS, l-aġir taħt il-kontroll ta’ persuna jew ta’ entità u l-aġir f’isem tali persuna jew entità għandhom jiġu assimilati.

78

Din il-konklużjoni hija kkorroborata, l-ewwel nett, mill-analiżi tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li, kif tfakkar fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, hija intiża li tippermetti lill-Kunsill jieħu miżuri effettivi kontra l-persuni involuti fil-proliferazzjoni nukleari u li jiġi evitat li dawn il-miżuri jiġu evitati.

79

It-tieni nett, l-imsemmija konklużjoni hija kkorroborata wkoll mill-analiżi tal-kuntest tal-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 961/2010. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, kif għamlet il-Kummissjoni, li, fl-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010, il-kontroll minn persuna jew entità jew iż-żamma minn persuna jew entità huma mqiegħda fuq l-istess livell bħall-aġir skont l-istruzzjonijiet jew f’isem persuna jew entità.

80

Minn dan isegwi li t-tieni lment tal-ewwel parti għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għalhekk, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

81

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-ilment li l-indizji li jipprovaw il-kwalità ta’ HTTS bħala “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata” minn IRISL, elenkati fil-punt 59 tas-sentenza appellata, ma kinux magħrufa mill-Kunsill fid-data tal-inklużjoni ta’ isem HTTS fil-listi kontenzjużi.

82

Issa, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, li l-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li jista’ jwassal għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom aġixxiet l-istituzzjoni inkwistjoni fid-data tal-aġir invokat kontriha jew tal-att ikkontestat.

83

Kif ġie deċiż fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, huwa għalhekk li, sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ tali ksur suffiċjentement serju, istituzzjoni ma tistax tinvoka elementi li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tal-att ikkonċernat, u dan anki meta din l-istituzzjoni tkun tal-fehma li tali elementi jistgħu jikkompletaw b’mod utli r-raġunijiet mogħtija f’dan l-att jew setgħu jikkontribwixxu bħala bażi għall-adozzjoni tiegħu.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill ikkonferma li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolamenti Nru 668/2010 u Nru 961/2010, huwa ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu l-elementi elenkati fil-punt 59 tas-sentenza appellata, b’tali mod li dawn l-elementi ma ġewx evalwati minn din l-istituzzjoni fil-mument li fih wettqet l-istruttorja tal-fajl.

85

Fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill jista’ jinvoka elementi li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tal-att ikkonċernat sabiex juri li ma wettaqx żball suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li tagħti drittijiet lill-individwi sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

86

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta essenzjalment iddeċidiet, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li minn elementi li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill meta inkluda lil HTTS fil-listi kontenzjużi kien jirriżulta li l-imsemmija istituzzjoni ma kinitx wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-portata tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn HTTS u IRISL.

87

Minn dan isegwi li l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jintlaqa’.

88

Fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq l-argumenti li, minn naħa, l-indizji kkunsidrati mill-Kunsill u elenkati fil-punt 59 tas-sentenza appellata ma jippermettux li jintwera li HTTS kienet “miżuma jew ikkontrollata” minn IRISL u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-livell taż-żamma u l-intensità tal-kontroll fuq il-bażi tal-imsemmija indizji, ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn l-ilmenti peress li, fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, ġie deċiż li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq elementi, indikati fl-imsemmi punt 59, li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill meta inkluda lil HTTS fil-listi kontenzjużi.

89

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’.

Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

90

It-tielet u r-raba’ aggravju huma bbażati fuq l-iżball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet, minn naħa, li l-Kunsill ma kisirx l-obbligu tiegħu li jimmotiva l-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, li n-natura insuffiċjenti ta’ motivazzjoni ta’ att ma tistax tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

91

Fir-rigward tat-tielet aggravju, HTTS issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, meta ppreżumiet li r-Regolament Nru 668/2010 kien japplika għall-każ ineżami, b’tali mod li l-Kunsill ma kisirx l-obbligu tiegħu li jimmotiva l-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi.

92

Fil-fatt, skont HTTS, dan ir-regolament kien “skada” minħabba r-Regolament Nru 961/2010, li min-naħa tiegħu ġie annullat mill-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il‑Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), minħabba li kien ivvizzjat b’difett ta’ motivazzjoni.

93

Barra minn hekk, il-motivi “supplimentari”, iċċitati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata sabiex jiġu ġġustifikati l-inklużjonijiet ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi, huma elementi li seħħew jew li l-Kunsill sar jaf bihom wara dawn l-inklużjonijiet u, għalhekk, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel aggravju.

94

Fir-rigward tar-raba’ aggravju, skont HTTS, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li, bħala prinċipju, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti tispeċifika li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija essenzjali sabiex proċedura titqies li tosserva l-prinċipji tal-Istat ta’ dritt. Għaldaqstant, il-ksur ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, fil-qasam tal-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-PESK, l-obbligu ta’ motivazzjoni jimplika l-obbligu għall-Kunsill li jiġbor l-informazzjoni jew il-provi li jiġġustifikaw dawn il-miżuri sabiex ikun jista’, fil-każ ta’ kontestazzjoni, jipproduċi l-imsemmija informazzjoni jew l-imsemmija provi quddiem il-qorti tal-Unjoni.

95

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li t-tielet u r-raba’ aggravju jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96

It-tielet u r-raba’ aggravju huma marbuta mill-qrib u għalhekk għandhom jiġu eżaminati flimkien.

97

L-ewwel nett, għandu jitqies li l-ilmenti dwar il-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata huma ineffettivi sa fejn huma indirizzati kontra motivi tas-sentenza appellata esposti mill-Qorti Ġenerali għal finijiet ta’ kompletezza.

98

It-tieni nett, għandu jitfakkar, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, li l-inklużjoni ta’ isem HTTS magħmula permezz tar-Regolamenti Nru 668/2010 u Nru 961/2010 ma kinitx motivata bl-istess mod f’dawn iż-żewġ regolamenti u li, permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-illegalità tar-Regolament Nru 961/2010 biss.

99

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tqis, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li mill-annullament tar-Regolament Nru 961/2010, permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), ma setax jiġi dedott li r-Regolament Nru 668/2010 kellu wkoll jitqies li huwa illegali minħabba difett ta’ motivazzjoni.

100

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti, peress li ma kkontestatx il-legalità tar-Regolament Nru 668/2010 permezz ta’ rikors għal annullament, kellha turi l-illegalità tal-imsemmi regolament, fil-kuntest tar-rikors li wassal għas-sentenza appellata. Fil-fatt, bħala prinċipju, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ legalità u, għalhekk, jipproduċu effetti legali sakemm ma jkunx ġew irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 52).

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ HTTS, espost fil-punti 91 u 92 ta’ din is-sentenza, ma jistax jintlaqa’.

102

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-appellanti pproduċiet il-provi li jippermettu li tiġi kkonstatata l-illegalità tar-Regolament Nru 668/2010 minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, l-ilmenti ta’ HTTS ma jistgħux iwasslu sabiex jiġi rrikonoxxut ksur tad-dritt tal-Unjoni suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din tal-aħħar.

103

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li n-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni ta’ att li jistabbilixxi miżura restrittiva ma hijiex, bħala tali, ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il‑Kunsill, C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali

106

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ l-kawża hija stess b’mod definittiv, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

107

F’dan il-każ, kif ikkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet, imfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

108

Barra minn hekk, peress li kkonkludiet li ma kienx hemm ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, ma wettqitx eżami tal-kundizzjonijiet l-oħra li huma kumulattivament meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 57).

109

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’, l-ewwel nett, twettaq, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill meta inkluda lil HTTS fil-listi kontenzjużi, eżami ġdid tal-eventwali eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà kuntrattwali ta’ din tal-aħħar. It-tieni nett, jekk minn dan l-eżami tirriżulta l-eżistenza ta’ tali ksur, il-Qorti Ġenerali ser ikollha teżamina l-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, kif imfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

Fuq l-ispejjeż

110

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2017, HTTS vs Il-Kunsill (T‑692/15, EU:T:2017:890) hija annullata.

 

2)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.