SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ konfiska – Deċiżjoni Qafas 2006/783/ĠAI – Artikolu 12(1) u (4) – Leġiżlazzjoni li tirregola l-eżekuzzjoni – Leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tawtorizza l-użu tal-priġunerija għal dejn fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-miżura ta’ konfiska – Konformità – Leġiżlazzjoni tal-Istat emittenti li tawtorizza wkoll l-użu tal-priġunerija għal dejn – Assenza ta’ effett”

Fil-Kawża C‑97/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-Tramuntana, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2018, fil-proċeduri kriminali kontra

ET,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, C. Toader, A. Rosas u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn J.M. Hoogveld u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u E. Lankenau, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas‑6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU 2006, L 328, p. 59).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar talba għall-awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ priġunerija għal dejn ippreżentata mill-Openbaar ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi), intiża li tiżgura l-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ ordni ta’ konfiska mogħtija fil-konfront ta’ ET fil-Belġju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 7, 8 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 jistipulaw:

“(1)

Il-Kunsill Ewropew imlaqqa’ f’Tampere fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, saħaq li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu jsir il-pedament tal-koperazzjoni ġudizjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll kriminali fl-Unjoni.

[…]

(7)

L-għan ewlieni tal-kriminalità organizzata huwa l-gwadann finanzjarju. Għalhekk, sabiex ikun effettiv, kwalunkwe tentattiv biex tali kriminalità tiġi prevenuta u miġġielda għandu jiffoka fuq l-ittraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavati minn atti kriminali. L-assigurazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku fl-Unjoni Ewropea ta’ miżuri legali temporanji bħall-iffriżar u l-qbid mhux biżżejjed; il-kontroll effettiv tal-kriminalità ekonomika jeħtieġ ukoll ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ konfiska tar-rikavati minn kriminalità.

(8)

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hu li jiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ konfiska ta’ proprjetà sabiex Stat Membru jkun obbligat li jirrikonoxxi u jesegwixxi, fit-territorju tiegħu, ordnijiet ta’ konfiska maħruġin minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha l-kompetenza f’materji kriminali. Din id-Deċiżjoni Kwadru hija marbuta mad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 200[5]/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-konfiska ta’ rikavati, mezzi strumentali u proprjetà li għandhom x’jaqsmu ma’ reati [(ĠU 2005, L 68, p. 49)]. L-għan ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru hu li jiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom regoli effettivi li jirregolaw il-konfiska ta’ rikavati minn reati, inter alia f’relazzjoni ma’ l-obbligu tal-prova fir-rigward tas-sors ta’ l-assi li għandha persuna ħatja ta’ reat li għandu x’jaqsam mal-kriminalità organizzata.

[…]

(13)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TFUE] u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Kapitolu VI tagħha. […]”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

“1.   L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hu li jistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru għandu jirrikonoxxi u jesegwixxi fit-territorju tiegħu, ordnijiet ta’ konfiska maħruġin minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha l-kompetenza f’materji kriminali.

2.   Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbura fl-Artikolu 6 [TFUE], u kwalunkwe obbligi li jaqgħu fuq awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandhomx jiġu affettwati.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru,

a)

‘Stat emittenti’ għandu jfisser l-Istat Membru li fih qorti ħarġet ordni ta’ konfiska fil-qafas ta’ proċedimenti kriminali;

b)

‘Stat ta’ esekuzzjoni’ għandu jfisser l-Istat Membru li lejh ġiet trasmessa ordni ta’ konfiska għall-iskop ta’ esekuzzjoni;

c)

‘ordni ta’ konfiska’ għandu jfisser penali jew miżura finali imposti minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat jew reati kriminali, li tirriżulta fl-ipprivar definittiv ta’ proprjetà;

[…]”

6

L-Artikolu 7(1) tal-istess Deċiżjoni Qafas jipprevedi:

“L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu mingħajr formalitajiet sussegwenti ordni ta’ konfiska li ġiet trasmessa skond l-Artikoli 4 u 5, u għandhom jieħdu minnufih il-miżuri kollha neċessarji għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidux li jinvokaw waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 8, jew l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidux li jinvokaw waħda mir-raġunijiet għal posponiment ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 10.”

7

L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, intitolat “Liġi li tirregola l-esekuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (4) tiegħu:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-esekuzzjoni ta’ l-ordni għandha tiġi regolata mill-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u l-awtoritajiet tagħha biss għandhu jkollhom kompetenza biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għal esekuzzjoni u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha li għandhom x’jaqsmu magħha.

[…]

4.   L-Istat ta’ esekuzzjoni ma jistax jimponi miżuri bħala alternattiva għall-ordni ta’ konfiska, inklużi sanzjonijiet ta’ ħabs jew kwalunkwe miżura oħra li tillimita l-libertà ta’ persuna bħala riżultat ta’ trasmissjoni skond l-Artikoli 4 u 5, sakemm l-Istat emittenti ma jkunx ta l-kunsens tiegħu.”

Id-dritt Olandiż

8

L-Artikolu 22(1)(a) u (3) tal-Wet wederzijdse erkenning en tenuitvoerlegging geldelijke sancties en beslissingen tot confiscatie (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni Reċiproka tas-Sanzjonijiet Pekunjarji u tal-Ordnijiet ta’ Konfiska), tas‑27 ta’ Settembru 2007 (Stb. 2007, Nru 354, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni”), jipprevedi:

“1.   Ordni ta’ konfiska li tista’ tiġi rrikonoxxuta għandha tiġi rrikonoxxuta u eżegwita konformement mad-dritt Olandiż. Sa fejn l-ordni ta’ konfiska:

a)

għandha bħala għan il-ħlas lill-Istat ta’ somma flus sabiex jiġi mċaħħad vantaġġ miksub b’mod illegali, id-deċiżjoni għandha tiġi eżegwita konformement mal-paragrafu (1) tal-Artikolu 577b u mal-Artikolu 577c tal-(Wetboek van Strafvordering (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)), peress li r-(raadkamer van de rechtbank Noord-Nederland (il-Kamra tal-Kunsill tal-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-Tramuntana, il-Pajjiżi l-Baxxi)) hija kompetenti sabiex tisma’ t-talba għal awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ priġunerija għal dejn;

[…]

3.   Piena jew miżura alternattiva huma eżegwiti biss wara li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tkun tat il-kunsens tagħha għal dan. […]”

9

L-Artikolu 577c(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi, fir-rigward tal-priġunerija għal dejn:

“Jekk il-persuna kkundannata ma tikkonformax ruħha mas-sentenza li timponi l-ħlas ta’ somma flus lill-Istat sabiex jiġi mċaħħad vantaġġ miksub b’mod illegali u li jkun irriżulta impossibbli li din is-somma tiġi rkuprata totalment fuq il-patrimonju tagħha abbażi tal-Artikolu 574 sa 576, il-qorti tista, fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, tawtorizza l-eżekuzzjoni ta’ priġunerija għal dejn ta’ massimu ta’ tliet snin.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Permezz ta’ sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp, il-Belġju) tal‑20 ta’ Diċembru 2012, ET ġie kkundannat għal piena ta’ konfiska għall-ammont ta’ EUR 800000. Din is-sentenza saret res judicata u l-eżekuzzjoni ta’ din l-ordni ta’ konfiska ttieħdet mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, bħala Stat Membru ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783.

11

Huwa f’dan il-kuntest li l-Uffiċċju tal-Prosekutur adixxa lill-qorti tar-rinviju, ir-rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-Tramuntana), b’talba bbażata fuq l-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni, intiża li jiġi awtorizzat jeżegwixxi priġunerija għal dejn fil-konfront ta’ ET, minħabba li huwa kien għadu persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fl-ammont ta’ EUR 652 119.19 u li dan l-uffiċċju kellu suspetti dwar l-eżistenza ta’ dħul finanzjarju moħbi.

12

ET jargumenta li t-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur hija inammissibbli u, sussidjarjament, infondata. F’dan ir-rigward, ET jargumenta li l-priġunerija għal dejn ma hijiex biss “miżura” fis-sens tad-dritt kriminali Olandiż, iżda tikkostitwixxi wkoll sanzjoni kriminali, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, ET jargumenta li l-applikazzjoni tal-priġunerija għal dejn tikkostitwixxi aggravazzjoni tal-ordni ta’ konfiska li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba, b’mod li hija illegali.

13

Il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) li tipprovdi li l-miżura ta’ priġunerija għal dejn prevista fl-Artikolu 577c tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali għandha titqies bħala “piena”, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-KEDB, għandha xi dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-Tramuntana) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill [2006/783] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ ordni ta’ konfiska trażmessa minn Stat emittenti tista’ tiġi imposta priġunerija għal dejn fis-sens tal-Artikolu 577c tal-[Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali], fid-dawl tas-sentenza tal-Hoge Raad [der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi)] tal‑20 ta’ Diċembru 2011, li tipprevedi li l-priġunerija għal dejn għandha titqies bħala piena fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB?

2)

Il-fatt li anki d-dritt tal-Istat emittenti jipprevedi l-possibbiltà li tiġi imposta l-priġunerija għal dejn huwa rilevanti fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi imposta l-priġunerija għal dejn?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

15

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska mogħtija fi Stat ta’ emittenti, tawtorizza, jekk ikun il-każ, l-użu ta’ priġunerija għal dejn.

16

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 8 tagħha, jirriżulta li l-għan tagħha, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, huwa l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kemm ċivili kif ukoll kriminali u, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku, li jiġu stabbiliti r-regoli li jipprovdu li Stat Membru jirrikonoxxi u jeżegwixxi fit-territorju tiegħu ordni ta’ konfiska mogħtija minn qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor f’materji kriminali.

17

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, sa fejn dawn jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36).

18

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni huma obbligati jirrikonoxxu ordni ta’ konfiska li ġiet trażmessa konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda formalità oħra, u għandhom jittieħdu mingħajr ebda dewmien il-miżuri neċessarji kollha għall-eżekuzzjoni tagħha.

19

Għaldaqstant, huma biss il-motivi espliċitament previsti mill-imsemmija Deċiżjoni Qafas li jagħtu possibbiltà, jekk ikun il-każ, lill-Istat ta’ eżekuzzjoni li jirrifjuta li jirrikonoxxi jew li jeżegwixxi l-ordni ta’ konfiska, skont l-Artikolu 8, jew li jissospendi l-eżekuzzjoni tagħha, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija deċiżjoni.

20

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ konfiska hija rregolata bil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u l-awtoritajiet tiegħu biss għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu modalitajiet ta’ eżekuzzjoni kif ukoll sabiex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati magħha.

21

Skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, l-approvazzjoni minn qabel tal-Istat emittenti hija meħtieġa għall-adozzjoni ta’ miżura li tissostitwixxi l-ordni ta’ konfiska.

22

Għaldaqstant, minn qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 12 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas jirriżulta li, bħala regola ġenerali, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li jiddeċiedu, konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u l-miżuri l-iktar xierqa sabiex tiġi eżegwita l-ordni ta’ konfiska. Madankollu, bħala regola speċjali, bis-saħħa tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, l-approvazzjoni minn qabel tal-Istat emittenti hija meħtieġa jekk il-miżura maħsuba mill-Istat ta’ eżekuzzjoni kellha tidher bħala sostituttiva tal-imsemmija deċiżjoni.

23

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk id-Deċiżjoni Qafas 2006/783 tipprekludix miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ priġunerija għal dejn, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni Olandiża u kif interpretata mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

24

Preliminarjament, hemm lok jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Agro Foreign Trade & Agency, C‑507/15, EU:C:2017:129, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Issa, il-priġunerija għal dejn tista’, skont il-punti li jirriżultaw mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi applikata fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kontra l-persuna kkonċernata b’ordni ta’ konfiska sakemm din ma tħallasx volontarjament is-somma li hija ġiet ikkundannata tħallas u li hija ma tkunx insolvibbli. Din il-miżura ta’ eżekuzzjoni tħalli jissussisti l-obbligu ta’ ħlas, b’mod illi l-persuna li tiġi imposta fuqha priġunerija għal dejn tista’, fi kwalunkwe waqt, tiġi liberata minnha billi tħallas id-dejn. Il-priġunerija għal dejn hija limitata ratione temporis, sa fejn il-perijodu tad-detenzjoni ma jistax jeċċedi tliet snin u l-perijodu impost jiddependi, inter alia, fuq ħlasijiet parzjali mwettqa eventwalment.

26

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 22(1)(a) tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni, priġunerija għal dejn tikkostitwixxi mezz li tiġi eżegwita, konformement mad-dritt Olandiż, ordni ta’ konfiska, mogħtija fi Stat Membru ieħor, li l-għan tagħha huwa l-ħlas lill-Istat ta’ somma flus miksuba b’mod illegali meta l-persuna kkundannata ma tikkonformax ruħha mas-sentenza li timponi tali ħlas. Skont il-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu, piena jew miżura alternattiva għandha tiġi eżegwita biss wara li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti tkun ikkonsentiet għal dan.

27

F’dan il-kuntest, il-priġunerija għal dejn, intiża li tikseb l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska, ma tistax titqies bħala miżura li tissostitwixxi din id-deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 12(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 u lanqas ma tikkostitwixxi sanzjoni addizzjonali jew modifika ta’ tali deċiżjoni mogħtija fl-Istat emittenti. Konsegwentement, l-adozzjoni tagħha ma teħtieġx l-approvazzjoni minn qabel ta’ dan l-Istat tal-aħħar.

28

Fil-fatt, bħalma ġie argumentat mill-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, l-applikazzjoni tal-priġunerija għal dejn hija intiża biex jintlaħaq l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, li jikkonsisti, bħalma tfakkar fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, f’li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri b’mod partikolari fil-qasam ta’ eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ konfiska tal-beni, billi ssir pressjoni fuq il-persuna kkonċernata li tirrifjuta li tħallas l-ammont dovut, minkejja li hija tkun f’pożizzjoni li tagħmel dan.

29

Din il-konstatazzjoni ma hijiex imminata mill-fatt li l-priġunerija għal dejn ġiet ikklassifikata bħala “piena”, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-KEDB, mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), bħalma tirrileva l-qorti tar-rinviju. Tali klassifikazzjoni ma taffettwax il-possibbiltà, għall-awtorità kompetenti, prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, li tiddetermina l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ konfiska u li timplimenta l-miżuri kollha li hija tqis l-iktar xierqa sabiex twettaq din l-eżekuzzjoni, sabiex tilħaq l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 filwaqt li tosserva, bħalma jirriżulta mill-premessa 13 tagħha, id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata.

30

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska mogħtija fi Stat emittenti, tawtorizza, jekk ikun il-każ, l-użu ta’ priġunerija għal dejn.

Fuq it-tieni domanda

31

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat emittenti tawtorizza wkoll l-użu eventwali tal-priġunerija għal dejn jaffettwax l-applikazzjoni ta’ tali miżura fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

32

F’dan ir-rigward, bħalma ġie rrilevat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, konformement mal-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ konfiska hija rregolata bil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

33

Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jimplika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward tal-fatt li kull wieħed mill-Istati Membri jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri oħra, minkejja li l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu twassal għal soluzzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 52).

34

L-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2006/783, kif espost fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, jiġi imminat li kieku l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kienet irregolata bid-dritt nazzjonali tal-Istat emittenti jew suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti minn dan id-dritt.

35

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat emittenti tawtorizza wkoll l-użu eventwali tal-priġunerija għal dejn ma jaffettwa bl-ebda mod l-applikazzjoni ta’ tali miżura fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 12(1) u (4) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas‑6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska mogħtija fi Stat emittenti, tawtorizza, jekk ikun il-każ, l-użu ta’ priġunerija għal dejn.

 

2)

Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat emittenti tawtorizza wkoll l-użu eventwali tal-priġunerija għal dejn ma jaffettwa bl-ebda mod l-applikazzjoni ta’ tali miżura fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.