SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Direttiva 2004/39/KE – Artikoli 8, 23, 50 u 51 – Kamp ta’ applikazzjoni – Konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża – Aġent li għandu l-istatus ta’ akkużat fi proċeduri kriminali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li jiġi pprojbit b’mod temporanju l-eżerċizzju tal-attività – Libertajiet fundamentali – Sitwazzjoni purament interna – Inapplikabbiltà”

Fil-Kawża C‑53/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2018, fil‑proċedura

Antonio Pasquale Mastromartino

vs

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. Von Danwitz (Relatur), E. Levits, C. Vajda u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. P. Mastromartino, minn G. Fonderico u H. Bonura, avvocati,

għall-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob), minn P. Palmisano, S. Providenti u E. Garzia, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), kif emendata permezz tad-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU 2010, L 331, p. 120) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva MiFID”), b’mod partikolari tal-Artikoli 8, 23 u 51 tagħha, kif ukoll tal-prinċipji u tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati fil-qasam ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ dritt ta’ stabbiliment.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Antonio Pasquale Mastromartino u l-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob) (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u l-Borża, l-Italja), rigward il-legalità tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża meħuda minn din tal-aħħar fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 36 u 38 tad-Direttiva MiFID huma fformulati kif ġej:

“(36)

Il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ investiment f’isem iktar minn ditta waħda ta’ investiment ma għandhomx jiġu kkunsidrati li huma aġenti marbuta imma bħala ditti ta’ investiment meta jidħlu fid-definizzjoni pprovduta f’din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti persuni li jistgħu jkunu eżentati.

[…]

(38)

Il-kondizzjonijiet sabiex jiġu kondotti attivitajiet ‘il barra mill-fondi tad-ditta ta’ l-ivestiment (l-bejgħ bieb b’bieb) ma għandhomx ikunu koperti b’din id-Direttiva.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti ta’ l-investiment u s-swieq irregolati.

2.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll għall-istituzzjonijiet tal-kreditu awtorizzati skond id-Direttiva 2000/12/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272)] meta jipprovdu servizz ta’ investiment jew iktar u/jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment […]”

5

Il-punti 1, 14 u 25 tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva huma fformulati kif ġej:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id- definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘Ditta ta’ investiment’ tfisser kull persuna legali li x-xogħol jew kummerċ regolari tagħha huma l-provvediment ta’ servizz jew iktar ta’ investiment lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività jew iktar ta’ investiment fuq bażi professjonali;

Fid-definizzjoni ta’ ditti ta’ l-ivestiment, l-Istati Membri jistgħu jinkludu impriżi li mhumiex persuni legali […]:

[…]

Madankollu, meta persuna naturali tipprovdi servizzi li jinvolvu ż-żamma tal-fondi jew tat-titoli trasferibbli ta’ partijiet terzi, tista’ tiġi kkunsidrata bħala ditta ta’ l-investiment għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva biss jekk, mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet l-oħra imposti b’din id-Direttiva u fid-Direttiva 93/6/KEE, il-persuna tikkonforma mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

id-drittijiet tal-pussess ta’ partijiet terzi fl-istrumenti u l-fondi jridu jiġu ssalvagwardati […];

b)

id-ditta trid tkun bla ħsara għar-regoli ddisinjati sabiex jimmonitorjaw is-solvibbiltà [tagħha u] tal-proprjetarji tagħha;

ċ)

il-kontijiet annwali tad-ditta jridu jiġu vverifikati […];

d)

meta d-ditta jkollha proprjetarju wieħed biss, irid jagħmel provvediment għall-protezzjoni ta’ l-investituri fl-eventwalità li d-ditta tieqaf mil-kummerċ tagħha wara l-mewt tiegħu, l-inkapaċità tiegħu jew kull grajja oħra minn din.

[…]

14)

‘Suq irregolat’ ifisser sistema multilaterali mħaddma u/jew immaniġġjata minn operatur tas-suq, li ġġib flimkien, jew tiffaċilita li ġġib flimkien l-interessi multipli tax-xiri u l-bejgħ ta’ partijiet terzi u l-interessi tal-bejgħ fi strumenti finanzjarji - fis-sistema u skond regoli mhux diskrezzjonali - f’manjiera li tirriżulta f’kuntratt, rigward l-istrumenti finanzjarji imdaħħla għall-kummerċ skond ir-regoli u/jew is-sistemi tagħha, u li hija awtorizzata u tiffunzjona b’mod regolari u skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III;

[…]

25)

‘Aġent marbut’ ifisser persuna naturali jew legali li, taħt ir-responsabbiltà sħiħa u inkondizzjonata ta’ ditta waħda biss ta’ l-investiment li taġixxi f’isimhom, tippromwovi investiment jew servizzi anċillari lill-klijenti u lill-klijenti prospettivi, tirċievi u tittrasmetti struzzjonijiet jew ordnijiet mill-kljent rigward is-servizzi ta’ l-investiment jew l-istrumenti finanzjarji, tqiegħed l-istrumenti finanzjarji u/jew tipprovdi pariri lill-klijenti jew lill-klijenti prospettivi rigwrd dawn l-istrumenti u servizzi finanzjarji”.

6

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva MiFID, l-Istati Membri għandhom jissuġġettaw il-provvista tas-servizzi ta’ investiment jew l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ investiment minn impriża ta’ investiment għall-ħruġ minn qabel ta’ awtorizzazzjoni. L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni maħruġa lil tali impriża.

7

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-Ħtiġiet organizzattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ditta ta’ linvestiment għandha tistabilixxi politiki adegwati u proċeduri biżżejjed sabiex tiżgura l-konformità tad-ditta inklużi l-maniġers, l-impjegati u l-aġenti marbuta tagħha mal-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva kif ukoll ir-regoli approprjati li jirregolaw it-tranżazzjonijiet personali minn dawn il-persuni.”

8

Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva MiFID, intitolat “L-Obbligi tad-ditti ta’ l-investiment meta jaħtru aġenti marbuta”:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu ditta tal-investiment taħtar aġenti marbuta għall-għanijiet li jippromwovu s-servizzi tad-ditta tal-investiment, li jitolbu għall-kummerċ bil-ħerqa jew jirċievu ordnijiet minn għand il-klijenti jew klijenti potenzali u jittrasmettuhom, jagħtu post lil strumenti finanzjarji u jipprovdu pariri rigward dawn l-istrumenti u servizzi finanzjarji offruti mid-ditta tal-investiment.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi meta ditta tal-investiment tiddeċiedi li taħtar aġent marbut, tissokta responsabbli bis-sħiħ u mingħajr kondizzjoni għal kull azzjoni jew ommissjoni min-naħa tal-aġent marbut meta jaġixxi f’isem id-ditta. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditta tal-investiment li tiżgura illi aġent marbut jiżvela l-kapaċità li fiha jkun qiegħed jaġixxi u d-ditta li jkun qiegħed jirrappreżenta meta jikkuntattja klijent jew klijent potenzali jew qabel ma jinnegozja magħhom.

[…]

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti ta’ l-investiment li jimmonitorjaw l-attivitajiet ta’ l-aġenti marbuta tagħhom sabiex jiżguraw li d-ditti jissoktaw jikkonformaw ma’ din id-Direttuva meta jaġixxu permezz ta’ l-aġenti marbuta.

3.   Stati Membri li jiddeciedu li jippermettu li d-ditti tal-investiment jahtru agenti marbuta għandhom jistabbilixxu registru pubbliku. L-agenti marbuta għandhom ikunu rregistrati fir-registru pubbliku fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. […]

[…]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aġenti marbuta jiġu ammessi fir-reġistru pubbliku biss jekk ġie stabbilit li huma ta’ fama tajba biżżjjed u li jippossjiedu l-għerf ġenerali, kummerċjali u professjonali approprjat sabiex ikunu kapaċi li jikkomunikaw it-tagħrif rilevanti kollu bl-eżatt fejn jirrigwarda s-servizz propost lill-klijent jew lill-kljent potenzali.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ l-investiment li jaħtru aġenti marbuta jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jevitaw kull impatt negattiv li jista’ jkollhom l-attivitajiet ta’ l-aġent marbut mhux koperti bl-iskop ta’ din id-Direttva u mwettqa mill-aġent marbut f’isem id-ditta ta’ l-investiment.

[…]

5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ l-investiment jaħtru biss aġenti marbuta mdaħħla fir-reġistri pubbliċi riferiti fil-paragrafu 3.

6.   L-Istati Membri jistgħu jirrinfurzaw il-ħtiġiet iddikjarati f’dan l-Artikolu jew iżidu ħtiġiet oħra għall-aġenti marbuta rreġistrati fil-ġurisdizzjoni tagħhom.”

9

Skont l-Artikolu 50(1) u (2)(g) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kompetenti huma fdati bil-poteri kollha ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni li huma meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, li huma eżerċitati b’mod konformi mad-dritt nazzjonali u jinkludu mill-inqas, b’mod partikolari, id-dritt li “jitolbu l-projbizzjoni temporanja ta’ attivitajiet professjonali”.

10

L-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva, intitolat “Is-Sanzjonijiet amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-proċeduti għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, illi jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi appoprjati jew ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli, meta ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet adottati sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn il-miżuri jkunu effettivi, ipproporzjonati u dissważivi.”

Id-dritt Taljan

11

L-Artikolu 31 tad-decreto legislativo n. 58 – Testo unico delle disposizioni in materia di intermediazione finanziaria, ai sensi degli articoli 8 e 21 della legge 6 febbraio 1996, n. 52 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 58, dwar test uniku ta’ dispożizzjonijiet dwar l-intermedjazzjoni finanzjarja, fis-sens tal-Artikoli 8 u 21 tal-Liġi tas-6 ta’ Frar 1996, Nru 52), tal-24 ta’ Frar 1998 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 71, tas-26 ta’ Marzu 1998) (iktar ’il quddiem it-“TUF”), jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li jseħħu barra mill-uffiċċji tal-impriża, l-entitajiet li huma awtorizzati jaħtru konsulenti finanzjarji barra mill-uffiċċji tal-impriża. […]

2.   L-attività ta’ konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża hija eżerċitata esklużivament fl-interess ta’ entità awtorizzata waħda. Il-konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża jippromwovi u jipprovdi lil klijenti jew klijenti potenzjali servizzi ta’ investiment u/jew servizzi anċillari, jirċievi u jittrażmetti l-istruzzjonijiet jew l-ordnijiet ta’ klijenti rigward strumenti finanzjarji jew servizzi ta’ investiment, jippromwovi u jqiegħed prodotti finanzjarji u/jew jipprovdi lil klijenti jew lil klijenti potenzjali konsulenza fil-qasam ta’ investiment fuq dawn il-prodotti jew servizzi. […]”

12

Skont l-Artikolu 55(2) tat-TUF, il-Consob tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ miżura kawtelatorja, għal perijodu massimu ta’ sena, is-sospensjoni tal-eżerċizzju tal-attività ta’ konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża, b’mod partikolari jekk dan ikollu l-istatus ta’ akkużat taħt l-Artikolu 60 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fir-rigward tal-ksur imsemmi f’dan l-Artikolu 55(2).

13

L-Artikolu 111(2) tar-regolamento recante norme di attuazione del decreto legislativo 24 febbraio 1998, n. 58 in materia di intermediari (ir-Regolament li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv tal-24 ta’ Frar 1998 Nru 58 dwar l-intermedjarji), adottat mill-Consob permezz tad-Deċiżjoni Nru 16190, tad-29 ta’ Ottubru 2007, jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-eventwali adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji msemmija fl-Artikolu 55(2) tat-[TUF], il-Consob għandha tevalwa, fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mil-liġi, f’liema ċirkustanzi l-konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża […] ħa l-istatus ta’ akkużat għal wieħed mir-reati li hemm riferiment għalihom fin-norma ċċitata iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni u jekk dawn iċ-ċirkustanzi jistgħux jaffettwaw l-interessi speċifiċi marbuta mal-eżerċizzju tal-attività ta’ konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

A. P. Mastromartino jeżerċita l-attività ta’ konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2015, ibbażata fuq l-Artikolu 55(2) tat-TUF, il-Consob ipprojbixxietu b’mod temporanju milli jeżerċita din l-attività għal tul ta’ żmien ta’ sena, minħabba li kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali.

15

A. P. Mastromartino ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja). Quddiem din il-qorti, huwa jsostni, fost l-oħrajn, li l-Artikolu 55(2) tat-TUF, li jservi ta’ bażi legali għall-projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju ta’ attività ta’ konsulent finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva MiFID. Barra minn hekk, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Consob skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex timponi tali projbizzjoni tikser il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ oġġettività stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-libertajiet fundamentali.

16

Il-Consob tikkontesta dan l-argument, peress li, b’mod partikolari, l-imsemmija direttiva ma tapplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-funzjoni tal-aġent marbut (tied agent) tidħol fl-armonizzazzjoni pprovduta mid-[Direttiva MiFID], u għal liema aspetti?

2)

Regola nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 55(2) ta[t-TUF], u mill-emendi suċċessivi, kif ukoll mill-Artikolu 111(2) [tar-Regolament li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv tal-24 ta’ Frar 1998 Nru 58 dwar l-intermedjarji, adottat mill-Consob permezz tad-Deċiżjoni Nru 16190 tad-29 ta’ Ottubru 2007] tipprekludi l-applikazzjoni korretta tad-[Direttiva MiFID], u b’mod partikolari tal-Artikoli 8, 23 u 51 tagħha, kif ukoll tal-prinċipji u tar-regoli tat-Trattati dwar in-nondiskriminazzjoni, il-proporzjonalità, il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi u d-dritt ta’ stabbiliment, liema regola:

a)

tippermetti li jiġi pprojbit ‘diskrezzjonalment’ l-eżerċizzju tal-attività ta’ ‘aġent marbut’ (konsulent awtorizzat sabiex joffri servizzi barra mill-uffiċċji tal-impriża – ex promotur finanzjarju) fir-rigward ta’ fatti li ma jimplikawx it-telf ta’ reputazzjoni tajba, kif iddefinita mid-dritt intern, u li fl-istess ħin ma jirrigwardawx l-osservanza tar-regoli li jimplimentaw [din id-Direttiva];

b)

tippermetti li jiġi pprojbit ‘diskrezzjonalment’ u sa sena l-eżerċizzju tal-attività ta’ ‘aġent marbut’ (konsulent awtorizzat sabiex joffri servizzi barra mill-uffiċċji tal-impriża – ex promotur finanzjarju) fi proċeduri intiżi li jipprevjenu l-‘istrepitus’ li jirriżulta mill-akkuża fi proċess kriminali li t-tul tiegħu huwa normalment ħafna iktar minn sena?”

Fuq id-domandi preliminari

18

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva MiFID, b’mod partikolari l-Artikoli 8, 23, 50 u 51 ta’ din, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq id-Direttiva MiFID

19

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, qabel kollox, jiġi vverifikat jekk tali projbizzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva MiFID.

20

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva MiFID, din tapplika għall-impriżi ta’ investiment u għas-swieq irregolati. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 1, ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva japplikaw ukoll għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati taħt id-Direttiva 2000/12, meta huma jipprovdu servizz jew servizzi ta’ investiment u/jew jeżerċitaw attività jew diversi attivitajiet ta’ investiment.

21

Peress li l-projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ “konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’kull każ, ma għandhiex x’taqsam mal-ġestjoni ta’ suq irregolat, fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva MiFID, u ma tirrigwardax tali istituzzjoni ta’ kreditu, tqum biss il-kwistjoni dwar jekk tali konsulent jaqax taħt il-kunċett ta’ “impriża ta’ investiment”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

22

Skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, dan il-kunċett jirreferi għall-persuni ġuridiċi li x-xogħol jew l-attività regolari tagħhom jikkonsistu fil-provvista ta’ servizz wieħed jew iktar ta’ investiment lil terzi u/jew fl-eżerċizzju ta’ attività jew diversi attivitajiet ta’ investiment fuq bażi professjonali. Minkejja li persuna fiżika tista’, fil-kundizzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-punt 1, ukoll titqies bħala impriża ta’ investiment, ikun differenti meta hija taġixxi taħt ir-responsabbiltà u f’isem impriża ta’ investiment waħda.

23

Tali persuna tikkostitwixxi mhux “impriża ta’ investiment”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva MiFID, iżda taqa’ taħt il-kunċett distint ta’ “aġent marbut”, fis-sens tal-punt 25 ta’ dan l-Artikolu 4(1). Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiddefinixxi l-“aġent marbut” bħala “persuna naturali jew legali li, taħt ir-responsabbiltà sħiħa u inkondizzjonata ta’ ditta waħda biss ta’ l-investiment li taġixxi f’isimhom, tippromwovi investiment jew servizzi anċillari lill-klijenti u lill-klijenti prospettivi, tirċievi u tittrasmetti struzzjonijiet jew ordnijiet mill-kljent rigward is-servizzi ta’ l-investiment jew l-istrumenti finanzjarji, tqiegħed l-istrumenti finanzjarji u/jew tipprovdi pariri lill-klijenti jew lill-klijenti prospettivi rigwrd dawn l-istrumenti u servizzi finanzjarji”.

24

Mill-punti 1 u 25 tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tistabbilixxi distinzjoni netta bejn il-kunċetti ta’ “impriża ta’ investiment” u ta’ “aġent marbut”, fejn dan il-kunċett imsemmi l-aħħar huwa essenzjalment ikkaratterizzat mill-fatt li l-aġent marbut jaġixxi taħt ir-responsabbiltà u f’isem impriża waħda ta’ investiment. Il-premessa 36 ta’ din l-istess direttiva tispeċifika f’dan ir-rigward li “[i]l-persuni li jipprovdu servizzi ta’ investiment f’isem iktar minn ditta waħda ta’ l-investiment ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala aġenti marbuta imma bla [bħala] ditti ta’ l-investiment”.

25

F’dan il-każ, minkejja li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddikjara ruħha fuq il-klassifikazzjoni tal-“konsulenti finanzjarji barra mill-uffiċċji tal-impriża”, skont iċ-ċirkustanzi li huma speċifiċi għall-kawża pendenti quddiemha, jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tidentifika l-kriterji li din il-qorti għandha tapplika għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, Robeco Hollands Bezit et, C‑658/15, EU:C:2017:870, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, “konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippromwovi u jagħti, b’mod partikolari, provvisti ta’ servizzi ta’ investiment u/jew servizzi anċillari kif ukoll pariri ta’ investiment lill-klijenti jew lil klijenti potenzjali, u dan esklużivament fl-interess ta’ impriża waħda ta’ investiment. Għalhekk jidher li tali konsulent, fid-dawl tal-funzjonijiet li huwa jeżerċita, għandu jitqies bħala “aġent marbut”, fis-sens tal-punt 25 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva MiFID, u mhux bħala “impriża ta’ investiment”, fis-sens tal-punt 1 ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Fir-rigward dwar jekk l-Artikoli 8, 23 u 51 tad-Direttiva MiFID, li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, humiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-Artikolu 8 ta’ din jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw, lil impriża ta’ investiment, l-awtorizzazzjoni li għaliha l-Istati Membri għandhom jissuġġettaw il-provvista ta’ servizzi ta’ investiment jew l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ investiment minn tali impriża. Issa, l-imsemmija direttiva ma tissuġġettax l-attività tal-aġenti marbuta għall-ħruġ minn qabel ta’ awtorizzazzjoni, b’tali mod li l-projbizzjoni temporanja mill-attitvità ta’ “konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża” inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt dan l-Artikolu 8.

28

Imbagħad, kif il-Kummissjoni rrilevat fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, l-Artikolu 23 tad-Direttiva MiFID ma jirregolax l-attività tal-aġenti marbuta inkwantu tali, iżda jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom impriżi ta’ investiment jistgħu jirrikorru għal tali aġenti. B’mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 13(2) ta’ din, jobbliga lill-impriżi ta’ investiment jistabbilixxu politiki, proċeduri u verifiki li jippermettu li jiġi ggarantit li huma nfushom josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva meta huma jaġixxu permezz tal-aġenti marbuta, mingħajr ma jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom dawn l-aġenti jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom.

29

Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-Artikolu 23(3) u (5) tad-Direttiva MiFID, ir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni tal-aġenti marbuta f’reġistru pubbliku huwa maħsub bħala kundizzjoni li għandha tiġi osservata mill-impriżi ta’ investiment sabiex ikunu jistgħu jaħtru tali aġenti. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li tali reġistrazzjoni tippreżupponi, b’mod partikolari, li l-persuna rreġistrata tippreżenta onorabbiltà suffiċjenti. Issa, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-projbizzjoni ta’ eżerċizzju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx ibbażata fuq allegat nuqqas ta’ onorabbiltà ta’ A. P. Mastromartino, iżda fuq il-fatt li dan kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali.

30

Barra minn hekk, l-Artikolu 23 tad-Direttiva MiFID ma jirregolax il-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipprojbixxu b’mod temporanju l-attività ta’ aġent marbut. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 23 jipprovdi b’mod espliċitu li l-Istati Membri jistgħu jirrendu iktar stretti r-rekwiżiti stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 23 jew jipprevedu rekwiżiti supplimentari għall-aġenti marbuta rreġistrati fit-territorju tagħhom, rekwiżiti fost liema tista’ tinstab, b’mod partikolari, tali projbizzjoni temporanja.

31

Minbarra dan, din il-projbizzjoni temporanja lanqas ma taqa’ taħt l-Artikolu 50 tad-Direttiva MiFID. Fil-fatt, minkejja li l-awtoritajiet kompetenti, taħt il-paragrafi (1) u (2)(g) ta’ dan l-artikolu, għandu jkollhom id-dritt li jitolbu l-projbizzjoni temporanja tal-eżerċizzju tal-attività professjonali, jirriżulta madankollu mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li din id-direttiva ma tirregolax l-attività tal-aġenti marbuta. B’mod partikolari, il-premessa 38 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li din ma tkoprix il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li jseħħu barra mill-uffiċċji tal-impriża ta’ investiment. Issa, il-projbizzjoni temporanja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirreferi b’mod speċifiku għall-attività ta’ konsulenti finanzjarji li jaġixxu “barra mill-uffiċċji tal-impriża” li ma taqax taħt id-Direttiva MiFID.

32

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 51(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi xierqa kontra l-persuni responsabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skont l-imsemmija direttiva. Issa, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-fatti li wasslu għall-projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ “konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża” inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx rabta ma’ ksur tar-regoli li jiżguraw it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva. Huma għaldaqstant fatti li għalihom dan l-Artikolu 51(1) ma japplikax.

33

Għaldaqstant, il-projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ “konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża” inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva MiFID, madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-kawża prinċipali. Mingħajr preġudizzju għal din il-verifika, l-imsemmija direttiva hija għalhekk mingħajr effett fuq tali projbizzjoni.

Fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità

34

Għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi ma humiex applikabbli għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha huma limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2018, NKBM, C‑215/17, EU:C:2018:901, punt 41).

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi mistoqsijiet rigward il-kompatibbiltà ta’ projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ “konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-libertajiet fundamentali, li l-qorti tar-rinviju donnha tqis li huma applikabbli fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti li tali projbizzjoni tista’ tipproduċi fuq l-attività tal-konsulent ikkonċernat, indipendentement min-natura transkonfinali tagħha jew le ta’ din id-direttiva.

36

Minkejja li ma jistax jiġi eskluż mill-bidu li leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-attivitajiet nazzjonali u transkonfinali ta’ tali konsulent tkun tista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, tipproduċi effetti li ma jkunux limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’tali każ, li hija ma tistax, mingħajr indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju għajr in-natura applikabbli mingħajr distinzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tqis li t-talba għal interpretazzjoni preliminari rigward id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE rigward il-libertajiet fundamentali hija meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem din il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 5054, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2018, NKBM, C‑215/17, EU:C:2018:901, punti 42 sa 44).

37

Issa, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma ġġib fid-dawl l-ebda element konkret li jippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali u l-eżerċizzju, anki potenzjali, minn A. P. Mastromartino tal-libertajiet fundamentali ggarantiti permezz tal-Artikoli 49 u 56.

38

Barra minn hekk, minkejja li A. P. Mastromartino jenfasizza, fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, il-konsegwenzi li projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ “konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jkollha, b’mod għalkollox astratt, fuq il-possibbiltà tal-eżerċizzju ta’ din l-attività fl-Unjoni kollha, ma jirriżultax madankollu mill-osservazzjonijiet tiegħu li tali konsegwenzi huma b’xi mod rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

39

Għaldaqstant, il-libertajiet fundamentali ggarantiti permezz tal-Artikoli 49 u 56 TFUE ma humiex applikabbli għal projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ “konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u huma, għalhekk, mingħajr effett fuq din il-projbizzjoni.

40

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttiva MiFID, b’mod partikolari l-Artikoli 8, 23, 50 u 51 ta’ din, l-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża la taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, la taħt dak tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, u lanqas taħt dak tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. F’sitwazzjoni bħal din, l-Artikoli 8, 23, 50 u 51 ta’ din id-direttiva, l-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità ma jipprekludux tali projbizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, kif emendata permezz tad-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010, b’mod partikolari l-Artikoli 8, 23, 50 u 51 ta’ din, l-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża la taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, la taħt dak tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, u lanqas taħt dak tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. F’sitwazzjoni bħal din, l-Artikoli 8, 23, 50 u 51 ta’ din id-direttiva, l-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità ma jipprekludux tali projbizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.