SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) u (3) – Anness tad-Direttiva 93/13/KEE – Punt 1(m) u (q) – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Att notarili – Inklużjoni tal-ordni għal infurzar minn nutar – Inverżjoni tal-oneru tal-prova – Artikolu 5(1) – Tfassil ċar u komprensibbli”

Fil-Kawża C‑34/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Ottília Lovasné Tóth

vs

ERSTE Bank Hungary Zrt.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Lovasné Tóth, minn G. Némethi, ügyvéd,

għal ERSTE Bank Hungary Zrt., minn T. Kende u P. Sonnevend, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif ukoll tal-punt 1(m) u (q) tal-anness ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ottília Lovasné Tóth (iktar ’il quddiem il-“persuna li ssellfet”) u ERSTE Bank Hungary Zrt. (iktar ’il quddiem il-“Bank”) rigward talba għal konstatazzjoni tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju denominat f’muniti barranin.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-ħames premessa tad-Direttiva 93/13:

“Billi, ġeneralment, il-konsumaturi ma jkunux jafu r-regoli tal-liġi li, fi Stati Membri li ma jkunux tagħhom stess, jiggwidaw kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi; billi dan in-nuqqas ta’ kuxjenza jista’ jżommhom lura minn transazzjonijiet diretti għax-xiri ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru ieħor”.

4

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

5

L-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jagħmel riferiment għall-anness tagħha li fih “lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti”.

6

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 tal-istess direttiva tipprevedi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

8

Il-punt 1 tal-anness ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[…]

m)

jagħtu lill-bejjiegħ jew lill-fornitur id-dritt li jistabbilixxi jekk il-merkanzija jew is-servizzi pprovduti jkunux konformi mal-kuntratt, jew jagħtuh id-dritt esklussiv li jinterpreta kwalunkwe klawżola fil-kuntratt;

[…]

q)

jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, biex b’hekk jirristrinġu l-evidenza disponibbli għalih b’mod esaġerat jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skond il-liġi applikabbli, għandu jkun fuq parti oħra tal-kuntratt.”

Id-dritt Ungeriż

Il-Kodiċi Ċivili

9

Il-Polgári Törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény (il-Liġi Nru IV tal-1959 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tgħid, fl-Artikolu 205/A tagħha:

“1.   Kull klawżola kuntrattwali li parti tkun stabbilixxiet minn qabel, b’mod unilaterali u mingħajr il-parteċipazzjoni tal-parti l-oħra, għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ diversi kuntratti, u li l-partijiet ma nnegozjawx b’mod individwali għandha titqies bħala klawżola kuntrattwali ġenerali.

[…]

3.   In-natura ta’ klawżola kuntrattwali ġenerali ta’ dispożizzjoni ma hijiex influwenzata mill-portata, mill-mod ta’ formulazzjoni ta’ din, u lanqas mill-fatt li hija tkun inkluża fil-kuntratt innifsu jew f’att separat.”

10

L-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“1.   Kwalunkwe klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali, jew kwalunkwe klawżola ta’ kuntratt ma’ konsumatur li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali, hija inġusta jekk, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ bona fide u ta’ ekwità, b’mod unilaterali u mingħajr ġustifikazzjoni hija tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt b’mod li tiżvantaġġa lill-parti kontraenti li ma hijiex dik li timponi l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni.

2.   Sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha eżistenti fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt u li ddeterminaw il-konklużjoni tiegħu, kif ukoll in-natura tas-self miftiehem u r-rabta tal-klawżola inkwistjoni ma’ klawżoli oħra tal-kuntratt jew ma’ kuntratti oħra.

3.   Leġiżlazzjoni speċjali tista’ tiddetermina l-klawżoli li jitqiesu li huma inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumatur jew li għandhom jitqiesu bħala tali sakemm ma tingħatax prova kuntrarja.”

11

Skont l-Artikolu 209/A tal-Kodiċi Ċivili:

“1.   Il-parti leża tista’ tikkontesta klawżola inġusta mdaħħla fil-kuntratt bħala kundizzjoni ġenerali.

2.   Il-klawżoli inġusti mdaħħla f’kuntratti konklużi ma’ konsumatur bħala kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali jew li l-bejjiegħ jew fornitur ikun ifformula b’mod unilaterali, minn qabel u mingħajr negozjar individwali, huma nulli. In-nullità tista’ biss tiġi invokata fl-interess tal-konsumatur.”

12

L-Artikolu 242 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“1.   Ir-rikonoxximent ta’ dejn ma jibdilx l-istatus legali ta’ dejn, iżda l-oneru huwa fuq l-awtur ta’ tali rikonoxximent sabiex jipprova li d-dejn tiegħu ma jeżistix, li l-eżekuzzjoni tiegħu ma tistax tiġi infurzata mill-qrati, jew li l-kuntratt huwa invalidu.

2.   Ir-rikonoxximent ta’ dejn isir permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub ikkomunikata lill-parti l-oħra.”

13

L-Artikolu 523 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“1.   Permezz ta’ kuntratt ta’ self, l-istabbiliment ta’ kreditu jew kwalunkwe persuna oħra li ssellef, huwa obbligat ipoġġi għad-dispożizzjoni tad-debitur l-ammont miftiehem; min-naħa tiegħu, id-debitur huwa obbligat iħallas lura l-imsemmi ammont skont il-kuntratt.

2.   Jekk il-persuna li ssellef tkun stabbiliment ta’ kreditu, id-debitur ikun obbligat iħallas interessi, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja (self bankarju).”

14

Skont l-Artikolu 688 tal-Kodiċi Ċivili, dan huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jittrasponi d-Direttiva 93/13 fid-dritt Ungeriż.

Id-Digriet tal-Gvern

15

Il-fogyasztóval kötött szerződésben tisztességtelennek minősülő feltételekről szóló 18/1999. (II. 5.) Kormányrendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 18/1999 (II. 5.) dwar klawżoli kkunsidrati inġusti f’kuntratti mal-konsumatur), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern”), jipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li titqies bħala inġusta, b’mod partikolari, klawżola kuntrattwali li:

“[…]

b)

tawtorizza esklużivament lill-parti kontraenti mal-konsumatur li tiddetermina dak li jikkostitwixxi eżekuzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt;

[…]

i)

teskludi jew tillimita l-possibbiltajiet għall-konsumatur li jirrikorri għar-rimedji legali previsti mil-liġi jew miftiehma mill-partijiet, ħlief jekk tissostitwixxi dawn ir-rimedji simultanjament b’mezzi oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim stabbiliti bil-liġi;

j)

tibdel l-oneru tal-prova għad-detriment tal-konsumatur.”

16

Skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan id-digriet:

“Dan id-digriet, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Ċivili, jiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt Ungeriż tad-Direttiva [93/13].”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

17

Il-polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény (il-Liġi Nru III tal-1952 li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), tipprevedi, fl-Artikolu 164(1) tagħha:

“L-oneru tal-prova tal-fatti neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima jaqa’, bħala regola ġenerali, fuq il-parti li għandha interess li l-qorti taċċettahom bħala pprovati.”

Il-Liġi Ungeriża Nru LIII tal-1994

18

Il-bírósági végrehajtásról szóló 1994. évi LIII törvény (il-Liġi Ungeriża Nru LIII tal-1994 dwar l-eżekuzzjoni ġudizzjara), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi, fl-Artikolu 10 tagħha:

“L-eżekuzzjoni ġudizzjarja hija ordnata permezz tal-istabbiliment ta’ titolu eżekuttiv. It-titoli eżekuttivi huma li ġejjin:

[…]

b)

dokument li jkollu ordni għal infurzar inkluża minn qorti”.

19

Sa mill-1 ta’ Ġunju 2010, din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“L-eżekuzzjoni ġudizzjarja hija ordnata permezz tal-istabbiliment ta’ titolu eżekuttiv. It-titoli eżekuttivi huma li ġejjin:

[…]

b)

dokument li jkollu ordni għal infurzar inkluża minn qorti jew minn nutar”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Fis-27 ta’ Ottubru 2008, il-persuna li ssellfet u l-Bank ikkonkludew kuntratt ta’ self immobbli (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self”) iddenominat fi franki Svizzeri (CHF). Permezz ta’ dan il-kuntratt, il-Bank intrabat li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna li ssellfet ammont ta’ CHF 132848 (madwar EUR 118140) għall-finijiet ta’ finanzjament mill-ġdid ta’ kreditu. Fl-istess jum, il-persuna li ssellfet talbet l-istabbiliment, minn natur, ta’ att awtentiku, intitolat “dikjarazzjoni unilaterali ta’ impenn”, li fih kienu jinsabu t-termini tal-kuntratt ta’ self.

21

Il-punt I.4. tal-kuntratt ta’ self, li l-kontenut tiegħu jinsab ukoll fl-imsemmi att notarili, huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex tiġi deċiża kwalunkwe tilwima li tikkonċerna l-bilanċ tal-kontijiet jew sabiex tiġi ssodisfatta talba tal-Bank, biex jiġi ddeterminat l-ammont tas-self jew ta’ kwalunkwe dejn ieħor mhux imħallas f’mument partikolari skont dan id-dokument, biex tiġi ddeterminata d-data effettiva tal-iżbors u d-data tal-eżiġibbiltà ta’ obbligu ta’ ħlas, jew biex jiġi ddeterminat kwalunkwe fatt jew informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ġudizzjarja forzata, il-partijiet jiddikjaraw li huma marbutin li jaċċettaw bħala prova li għandha s-saħħa probatorja att konkluż fil-forma awtentika mfassal b’mod konformi mal-kontijiet miftuħa mid-debitur fil-Bank u mar-reġistri u l-kotba tal-kontijiet tal-Bank.

Konsegwentement, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas lura tal-kapital jew tal-ammont pagabbli fuqu, jew fil-każ li l-ħlas lura ma jkunx konformi mal-kuntratt, flimkien ma’ dan id-dokument, l-att konkluż fil-forma awtentika mfassal skont il-kontijiet miftuħa mid-debitur fil-Bank u skont ir-reġistri u l-kotba tal-kontijiet tal-Bank għandu jservi bħala prova tas-self u tal-ammont pagabbli fuqu mhux imħallsa f’mument partikolari li jipprovdi bażi għall-eżekuzzjoni forzata, u tal-fatti li sar riferiment għalihom iktar ’il fuq, u, bl-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, il-partijiet jaqblu li jintrabtu biex jaċċettaw id-dokument probatorju msemmi.

Jekk proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata jinbdew mill-Bank, il-partijiet jew id-debitur għandhom jistaqsu lin-nutar li jkun iċċertifika dan id-dokument, jew lil kwalunkwe nutar ieħor kompetenti, biex joħroġ att notarili mfassal skont il-kontijiet miftuħa mid-debitur fil-Bank u skont ir-reġistri u l-kotba tal-kontijiet tal-Bank, wara li l-ewwel ikun għamel eżami tar-reġistri, u bi stqarrija tal-ammont tas-self u tal-ammonti pagabbli fuqu li għadhom ma tħallsux, jew ta’ kwalunkwe dejn ieħor relatat li jirriżulta mis-self imsemmi iktar ’il fuq, kif ukoll tal-fatti u l-informazzjoni msemmijin iktar ’il fuq, u għandhom jawtorizzaw it-tneħħija tal-kunfidenzjalità bankarja fir-rigward tal-informazzjoni inkwistjoni.”

22

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt ta’ self jawtorizza lill-Bank ixolji dan il-kuntratt b’effett immedjat fil-każ ta’ nuqqas serju mit-twettiq tal-obbligi kuntrattwali min-naħa tal-persuna li ssellfet, bħalma huwa n-nuqqas mit-twettiq ta’ obbligu ta’ ħlas. Peress li d-dejn kollu bbażat fuq dan il-kuntratt isir dovut wara dan ix-xoljiment, il-Bank għandu dritt għall-ħlas lura immedjat tal-ammont li jkun għadu dovut.

23

Fil-5 ta’ Jannar 2016, il-persuna li ssellfet ippreżentat rikors quddiem il-qorti Ungeriża tal-ewwel istanza kompetenti. Hija sostniet li l-klawżola inkluża fil-punt I.4 tal-kuntratt ta’ self u d-dispożizzjoni korrispondenti tal-att awtentiku stabbilita mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self kienu inġusti għaliex, permezz ta’ din il-klawżola, hija ntrabtet li taċċetta li l-Bank ikun jista’ jistabbilixxi b’mod unilaterali nuqqas min-naħa tagħha u l-ammont tad-dejn tagħha, kif ukoll jipproċedi direttament għall-eżekuzzjoni abbażi ta’ dan l-att awtentiku, li għandu saħħa probatorja, peress li huwa kopert b’ordni għal infurzar. Skont il-persuna li ssellfet, l-imsemmija klawżola taqleb l-oneru tal-prova għad-detriment tal-konsumatur, peress li jkun dan tal-aħħar, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, li jkollu jadixxi qorti sabiex jopponi ruħu għall-eżekuzzjoni forzata.

24

Il-Bank jitlob li r-rikors jiġi miċħud. Skont il-Bank, il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix li jiġi stabbilit b’mod unilaterali jekk il-persuna li ssellfet wettqitx l-obbligi tagħha. Hija ma taqlibx l-oneru tal-prova, u lanqas ma ċċaħħad lill-persuna li ssellfet mill-possibbiltà li tagħmel it-talbiet tagħha. Anki fil-preżenza ta’ att notarili li jiċċertifika l-ammont tad-dejn, id-dritt Ungeriż jibqa’ jippermetti l-produzzjoni ta’ provi kuntrarji. Minbarra dan, anki fil-kuntest ta’ proċedura ssemplifikata ta’ eżekuzzjoni forzata, huwa dejjem il-Bank li għandu jipprova l-ammont tad-dejn. L-imsemmija klawżola ma tippermettix lill-Bank jiddetermina b’mod unilaterali l-ammont tad-dejn u lanqas li jimponi l-interpretazzjoni proprja tiegħu tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ self.

25

Il-qorti Ungeriża tal-ewwel istanza kompetenti ċaħdet ir-rikors tal-persuna li ssellfet għaliex il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex inġusta, u tispeċifika biss il-modalitajiet li għandhom jiġu osservati sabiex jiġi kkonfermat id-dejn. Fir-rigward tal-eżekuzzjoni, din il-qorti qieset li, meta hija tiġi ordnata, ma hemmx mezz sabiex jiġi vverifikat jekk il-persuna li ssellfet naqsitx milli tħallas. Madankollu, din tista’ tiddikjara lill-uffiċjal ġudizzjarju li hija wettqet l-obbligi tagħha u, jekk ikun il-każ, tibda proċedura intiża għall-esklużjoni tal-eżekuzzjoni forzata. F’din il-proċedura, il-persuna li ssellfet tkun tista’ tikkontesta d-dejn.

26

Il-persuna li ssellfet appellat quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija enfasizzat il-fatt li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ toħloq żbilanċ għad-detriment tal-konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 93/13, billi tissemplifika l-possibbiltajiet li l-Bank għandu sabiex jagħmel it-talbiet tiegħu u billi tirrendi iktar diffiċli d-difiża tal-konsumatur.

27

Il-qorti tar-rinviju, li tfakkar li, skont l-Artikolu 242 tal-Kodiċi Ċivili, l-oneru huwa fuq l-awtur ta’ rikonoxximent ta’ dejn li jipprova li d-dejn tiegħu ma jeżistix, li l-eżekuzzjoni tiegħu ma tistax tiġi infurzata mill-qrati, jew li l-kuntratt huwa invalidu, tqis li dan l-artikolu ma huwiex applikabbli għall-klawżola li tinsab fil-punt I.4 tal-kuntratt ta’ self. Skont il-qorti tar-rinviju, l-imsemmi artikolu, li jaqleb l-oneru tal-prova għad-dejn irrikonoxxut, japplika biss jekk l-ammont tad-dejn ikun ċar u ddefinit. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

28

Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li l-punt I.4 tal-kuntratt ta’ self għandu l-istess effett bħall-Artikolu 242 tal-Kodiċi Ċivili rigward l-inverżjoni tal-oneru tal-prova, sa fejn, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, hija l-persuna li tkun issellfet li għandha tipprova li l-Bank ma għandux dritt u tadixxi qorti sabiex tikkontesta n-natura leġittima tal-eżekuzzjoni forzata jew il-validità tal-kuntratt ta’ self. Fi proċedura intiża għal-limitazzjoni jew għall-esklużjoni tal-eżekuzzjoni forzata, ir-rekwiżiti fil-qasam tat-termini u tal-provi huma iktar stretti minn dawk fil-proċeduri ċivili ordinarji. Għaldaqstant, billi teżiġi li d-dejn, anki mingħajr ma jkun neċessarjament irrikonoxxut mid-debitur, jiġi ċċertifikat permezz ta’ att awtentiku li għandu saħħa probatorja abbażi tal-kotba tal-Bank, din il-klawżola twassal għal żbilanċ għad-detriment tal-konsumatur.

29

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-imsemmija klawżola taqax taħt il-punt 1(m) u (q) tal-anness tad-Direttiva 93/13 kif ukoll dwar il-mod kif għandha tevalwa jekk tali klawżola hijiex ta’ natura inġusta. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li l-imsemmi anness huwa s-suġġett ta’ traspożizzjoni fid-dritt Ungeriż u li l-klawżoli li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 1(1) tad-Digriet tal-Gvern huma meqjusa inġusti mingħajr ma huwa meħtieġ l-ebda eżami addizzjonali.

30

Din il-qorti tosserva li, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri jistgħu jadottaw, fil-qasam irregolat minn din id-direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Għaldaqstant, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jiddikjara inġusti, mingħajr eżami addizzjonali, il-klawżoli li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1 tal-anness ta’ din id-direttiva.

31

Fir-rigward tal-punt dwar jekk klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-punt 1(q) tal-anness tad-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju tosserva li, filwaqt li l-verżjoni fil-lingwa Ungeriża ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għal klawżoli “li għandhom bħala skop jew bħala effett”, verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari fil-lingwa Ġermaniża, dik Pollakka, dik Ċeka u dik Slovena, jirreferu għal klawżoli “li għandhom bħala għan jew bħala effett […]”. Abbażi ta’ dawn il-verżjonijiet lingwistiċi msemmija l-aħħar, għandu jitqies li l-istabbiliment finanzjarju kkonċernat, billi daħħal din il-klawżola fil-kuntratt inkwistjoni, kellu bħala għan li jaqleb l-oneru tal-prova.

32

F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jirreferi għal klawżola li għandha bħala għan li taqleb l-oneru tal-prova, sabiex tkun tista’ tipproċedi b’eżekuzzjoni forzata ssemplifikata fil-każ ta’ nuqqas serju min-naħa tal-konsumatur, anki jekk din il-proċedura ssemplifikata ta’ eżekuzzjoni forzata tista’ wkoll tiġi bbażata fuq id-dritt nazzjonali, indipendentement mill-imsemmija klawżola.

33

Skont il-qorti tar-rinviju, minkejja li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni notarili diġà prevista mil-liġi Ungeriża, din il-klawżola tista’ tkun inġusta sa fejn ikollha bħala konsegwenza, billi tħalli lill-Bank il-possibbiltà li jistabbilixxi l-ammont li jkun għadu dovut, li teskludi kull negozjar ekwu u leali mal-persuna li tissellef u li tobbliga lil din sabiex tibda proċedura ġudizzjarja oneruża. Fl-aħħar nett, il-konsegwenzi potenzjali tal-imsemmija klawżola fil-każ ta’ tilwima ma humiex għalkollox komprensibbli għall-konsumatur medju mal-konklużjoni tal-kuntratt.

34

Il-qorti tar-rinviju tosserva li sitwazzjoni analoga għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tat lok għas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637). Madankollu, din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ applikazzjonijiet diverġenti mill-qrati Ungeriżi fir-rigward ta’ klawżoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), fil-każ li tkun inkluża ordni għal infurzar f’att awtentiku, id-debitur jista’, b’applikazzjoni tal-Artikolu 369 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jikkontesta d-dejn biss fil-kuntest ta’ proċedura ta’ waqfien jew ta’ limitazzjoni tal-eżekuzzjoni. Madankollu din hija konsegwenza li tirriżulta mir-regoli proċedurali applikabbli għall-atti awtentiċi notarili u għall-ordni għal infurzar. Il-klawżoli analogi għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaffettwawx għaldaqstant il-pożizzjoni ġuridika tal-konsumatur u ma jaġixxu bl-ebda mod għad-detriment tiegħu f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-fatt li l-oneru tal-prova huwa fuq il-konsumatur, skont l-Artikolu 164(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, huwa inerenti fil-proċeduri intiżi għall-esklużjoni jew għal-limitazzjoni tal-eżekuzzjoni forzata, b’tali mod li l-att awtentiku notarili ma jtaqqalx il-piż tal-oneru tal-prova għall-konsumatur.

36

Madankollu, qrati oħra minbarra l-Kúria (il-Qorti Suprema) qiesu li tali klawżola tista’ taqleb l-oneru tal-prova għad-detriment tal-konsumatur.

37

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies bħala klawżola fis-sens tal-punt 1(m) tal-anness tad-Direttiva 93/13, li għandha bħala skop jew bħala effett li tagħti lill-bejjiegħ jew lill-fornitur id-dritt li jiddetermina jekk l-oġġett ikkunsinnat jew is-servizz ipprovdut huwiex konformi mat-termini tal-kuntratt jew li tagħtih id-dritt esklużiv li jinterpreta kwalunkwe klawżola tal-kuntratt.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-punt 1(q) tal-Anness tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan tal-aħħar, bħala dispożizzjoni ta’ natura leġiżlattiva tad-dritt tal-Unjoni fil-grad ta’ regola ta’ ordni pubbliku, jipprojbixxi b’mod ġenerali u b’mod li jirrendi superfluwu kull eżami addizzjonali, l-impożizzjoni mill-kreditur ta’ klawżola kuntrattwali standard jew mhux innegozzjata individwalment li jkollha bħala l-għan jew l-effett tagħha li taqleb l-oneru tal-prova billi dan tpoġġih għal karigu tad-debitur fil-kwalità tiegħu ta’ konsumatur?

2)

F’każ li jkun meħtieġ li jiġi evalwat l-għan jew l-effett tal-klawżola kuntrattwali abbażi tal-punt 1(q) tal-Anness tad-Direttiva [93/13], tista’ tiqies bħala li tostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumaturi l-klawżola kuntrattwali

li skontha d-debitur fil-kwalità tiegħu ta’ konsumatur jista’ b’mod leġittimu jippreżumi li għandu jeżegwixxi l-kuntratt fl-intier tiegħu, bil-klawżoli kollha tiegħu, skont il-modalitajiet u kif rikjest mill-kreditur, anki jekk l-imsemmi debitur ikun konvint li l-prestazzjonijiet rikjesti mill-kreditur ma humiex dovuti, totalment jew parzjalment, jew

li għandha l-effett li teskludi jew tirrestrinġi l-aċċess tal-konsumatur għal metodu ta’ soluzzjoni ta’ tilwimiet bbażat fuq negozjati leali, peress li huwa suffiċjenti għall-kreditur li japplika din il-klawżola sabiex it-tilwima titqies li ġiet irregolata?

3)

Fil-każ li n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali elenkati fl-Anness tad-Direttiva [93/13] jkollha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kriterji stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [93/13], klawżola li għandha effett fuq id-deċiżjonijiet tal-konsumatur dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ir-riżoluzzjoni tat-tilwimiet mal-kreditur b’mezzi bonarji jew kontenzjużi jew anki l-implimentazzjoni tad-drittijiet tiegħu, hija konformi mal-prinċipju ta’ formulazzjoni ċara u komprensibbli tal-klawżoli, stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, meta filwaqt li l-klawżola inkwistjoni tkun [grammatikalment] ċara, iżda li l-effetti legali tagħha jkunu jistgħu jiġu stabbiliti biss bl-għajnuna ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma jkunux suġġetti għal ġurisprudenza uniformi la fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, u lanqas fis-snin suċċessivi?

4)

Il-punt 1(m) tal-Anness tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozzjata b’mod individwali tista’ tkun inġusta anki fil-każ li din tawtorizza l-kummerċjant jevalwa unilaterlament jekk il-prestazzjoni tal-konsumatur ġietx eżegwita b’mod konformi mal-kuntratt, u meta din il-klawżola tkun ġiet rikonoxxuta mill-konsumatur bħala li torbtu, anki qabel ma tkun twettqet ebda prestazzjoni mill-partijiet kontraenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi

39

Il-Bank jeċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domandi magħmula għaliex, essenzjalment, huma ta’ natura ipotetika. Fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi, il-Bank isostni li l-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa żbaljata li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqleb l-oneru tal-prova għad-detriment tal-konsumatur. Barra minn hekk, din il-klawżola ma tistax tostakola t-teħid ta’ azzjoni legali jew l-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji mill-konsumatur. Għaldaqstant, il-punt 1(q) tal-anness tad-Direttiva 93/13 ma huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali. F’dak li jirrigwarda t-tielet domanda, il-Bank isostni li l-ġurisprudenza rigward il-klawżoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet uniformi fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self, peress li l-Kúria (il-Qorti Suprema) qieset diversi drabi li tali klawżoli la kienu jibdlu d-drittijiet u lanqas l-obbligi tal-konsumatur meta mqabbla mar-regoli applikabbli tad-dritt nazzjonali. F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, ir-raba’ domanda, il-Bank isostni li l-punt 1(m) tal-anness tad-Direttiva 93/13 ma huwiex applikabbli għall-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din ma tagħtix lill-kummerċjant id-dritt li jiddetermina jekk il-prestazzjonijiet tal-konsumatur humiex konformi mat-termini tal-kuntratt ta’ self.

40

Għandu jitfakkar qabel kollox li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika n-natura eżatta tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan ir-rigward, kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jirriżultax b’mod manifest mit-talba għal deċiżjoni preliminari li x-xenarji previsti mill-qorti tar-rinviju ma jikkorrispondux għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

42

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti u tad-dritt nazzjonali taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2019, Associação Peço a Palavra et, C‑563/17, EU:C:2019:144, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, f’dan il-każ, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-importanza u l-portata tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43

Għaldaqstant, id-domandi magħmula huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

44

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jikklassifika bħala inġusta, b’mod ġenerali u mingħajr eżami addizzjonali, klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali u li għandha bħala skop jew bħala effett li taqleb l-oneru tal-prova għad-detriment tal-konsumatur.

45

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li l-anness ta’ din id-direttiva jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti. Huwa minnu li l-anness tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, element essenzjali li abbażi tiegħu l-qorti kompetenti tista’ tibni l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta ta’ klawżola (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-3 ta’ April 2014, Sebestyén, C‑342/13, EU:C:2014:1857, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, huwa stabbilit li klawżola li tinsab fil-lista tal-imsemmi anness ma għandhiex neċessarjament titqies bħala inġusta u li, bil-kontra, klawżola li ma tinsabx fiha tista’ madankollu tiġi ddikjarata inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C‑478/99, EU:C:2002:281, punt 20).

46

Għaldaqstant hija l-qorti nazzjonali, fil-preżenza ta’ klawżola ta’ kuntratt, li għandha tivverifika, skont l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, jekk din il-klawżola toħloqx, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ kunsiderevoli bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

47

Madankollu, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minn din l-istess direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Għalhekk, l-Istati Membri huma liberi, fil-prinċipju, li jestendu l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 1 tal-anness tal-imsemmija direttiva, li jiddikjaraw inġusti b’mod ġenerali l-klawżoli standard li huma elenkati f’dan il-punt, mingħajr ma jkun meħtieġ eżami addizzjonali skont il-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

48

Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li, skont id-dritt Ungeriż, il-klawżoli li hemm riferiment għalihom fil-punt 1(q) tal-anness tad-Direttiva 93/13 huma effettivament meqjusa bħala inġusti, u dan mingħajr ma huwa meħtieġ eżami addizzjonali. Jekk dan ikun il-każ, hija mill-ġdid il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt l-Artikolu 1(1)(j) tad-Digriet tal-Gvern.

49

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jikklassifikax bħala inġusta, b’mod ġenerali u mingħajr eżami addizzjonali, klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali u li għandha bħala effett jew bħala skop li taqleb l-oneru tal-prova għad-detriment tal-konsumatur.

Fuq it-tieni domanda

50

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jirreferi għal klawżola li għandha bħala skop jew bħala effett, minn naħa, li tħalli lill-konsumatur jippreżumi b’mod leġittimu li huwa marbut li jeżegwixxi l-obbligi kuntrattwali kollha tiegħu, anki jekk huwa jqis li ċerti prestazzjonijiet ma humiex dovuti u, min-naħa l-oħra, li tostakola, għall-konsumatur, it-teħid ta’ azzjoni legali jew l-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji, meta l-ammont li jkun għadu dovut taħt dan il-kuntratt huwa stabbilit permezz ta’ att notarili li għandu saħħa probatorja, li jippermetti lill-kreditur itemm it-tilwima.

51

Mill-formulazzjoni tal-punt 1(q) tal-anness tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li dan il-punt jirreferi għal klawżoli li għandhom bħala skop jew bħala effett li jeskludu jew jostakolaw, għall-konsumatur, it-teħid ta’ azzjoni legali jew l-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji.

52

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ klawżoli li għandhom mnejn jaqgħu taħt il-punt 1(q) tal-anness tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva, li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa jekk, u, jekk ikun il-każ, sa fejn, il-klawżola kkonċernata tidderoga mir-regoli applikabbli fl-assenza ta’ qbil bejn il-partijiet, b’mod li tirrendi iktar diffiċli għall-konsumatur, fid-dawl tal-mezzi proċedurali li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, l-aċċess għall-ġustizzja u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 75).

53

Għaldaqstant, klawżola li ma għandhiex mnejn tqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni ġuridika inqas favorevoli minn dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ ma taqax taħt il-punt 1(q) tal-anness tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Il-punt 1(q) ta’ dan l-anness jirreferi, għaldaqstant, għal klawżoli li għandhom konsegwenzi ġuridiċi li jistgħu jiġu stabbiliti b’mod oġġettiv. Din il-kunsiderazzjoni ma tinbidilx mill-fatt li l-inklużjoni ta’ tali klawżola f’kuntratt tista’ tagħti l-impressjoni lill-konsumatur li r-rimedji ġudizzjarji huma ristretti u li, minħabba f’hekk, dan huwa marbut li jissodisfa l-obbligi kollha li jinsabu fil-kuntratt, peress li l-klawżola kkonċernata ma tippreġudikax il-pożizzjoni ġuridika tiegħu fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

54

F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija espressjoni, b’mod partikolari, tal-possibbiltà għall-kreditur, kif prevista mid-dritt Ungeriż, li jibda l-proċedura, fil-każ ta’ nuqqas serju mill-obbligi kuntrattwali min-naħa tal-konsumatur, għall-eżekuzzjoni forzata tal-pagament tal-ammont li jkun għadu dovut minnu abbażi ta’ att notarili li jkollu l-ordni għal infurzar. Din il-qorti tindika wkoll li d-debitur jista’ jibda proċedura intiża għall-esklużjoni jew għal-limitazzjoni tal-eżekuzzjoni forzata.

55

Rigward din l-istess proċedura ssemplifikata ta’ eżekuzzjoni forzata, ġie osservat fil-punt 60 tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637) li l-konsumatur jista’, minn naħa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 209/A(1) tal-Kodiċi Ċivili, jippreżenta rikors sabiex jikkontesta l-validità tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni tal-Artikolu 369 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jibda proċedura intiża għall-esklużjoni jew għal-limitazzjoni tal-eżekuzzjoni forzata. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura msemmija l-aħħar, il-konsumatur jista’, skont l-Artikolu 370 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata tal-kuntratt.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, u dan għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tibdilx il-pożizzjoni ġuridika tal-konsumatur sa fejn hija ma teskludix u lanqas ma tostakola, fir-rigward tiegħu, it-teħid ta’ azzjoni legali jew l-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji, fis-sens tal-punt 1(q) tal-anness tad-Direttiva 93/13.

57

Min-naħa l-oħra, klawżola li tippermetti lill-kreditur itemm kull tilwima b’mod unilaterali, fejn l-ammont li jkun għadu dovut jiġi stabbilit, abbażi tal-kotba tal-Bank, permezz ta’ att notarili li miegħu nutar jista’ jżid l-ordni għal infurzar, għandha mnejn taqa’ taħt il-punt 1(q) tal-anness tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, sa fejn tali klawżola tagħti lill-kummerċjant id-dritt li jaqta’ b’mod definittiv eventwali tilwim rigward l-obbligi kuntrattwali, hija teskludi jew tostakola, għall-konsumatur, id-dritt li jieħu azzjoni legali jew l-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

58

Madankollu, kif ġie osservat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, jidher li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex tali li teskludi jew tostakola t-teħid ta’ azzjoni legali jew l-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji fid-dawl tal-modalitajiet proċedurali previsti mid-dritt Ungeriż applikabbli, iżda dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil nutar li jkun stabbilixxa, b’osservanza tar-rekwiżiti formali, att awtentiku li jirrigwarda kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur, jipproċedi bl-inklużjoni tal-ordni għal infurzar fl-imsemmi att jew li jirrifjuta li jipproċedi għat-tħassir tiegħu meta, fl-ebda mument, ma jkun sar stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-imsemmi kuntratt, sakemm, madankollu, il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji previsti mid-dritt nazzjonali jkunu jiggarantixxu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża kkonċernata, protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-konsumatur, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punti 6465).

60

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li huwa ma jirreferix għal klawżola li għandha bħala skop jew bħala effett li tħalli lill-konsumatur jippreżumi b’mod leġittimu li huwa marbut li jeżegwixxi l-obbligi kuntrattwali kollha tiegħu, anki jekk huwa jqis li ċerti prestazzjonijiet ma humiex dovuti, ladarba din il-klawżola ma tibdilx il-pożizzjoni ġuridika tal-konsumatur fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u, min-naħa l-oħra, li huwa jirreferi għal klawżola li għandha bħala skop jew bħala effett li tostakola, għall-konsumatur, it-teħid ta’ azzjoni legali jew l-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji, meta l-ammont li jkun għadu dovut jiġi stabbilit permezz ta’ att notarili li għandu s-saħħa probatorja, li jippermetti lill-kreditur itemm it-tilwima b’mod unilaterali u definittiv.

Fuq it-tielet domanda

61

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-kummerċjant jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward klawżola li hija mfassla b’mod ċar iżda li l-effetti legali tagħha jistgħu jiġu stabbiliti biss permezz ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma humiex is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi.

62

Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, imfakkra, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jeżiġi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur fuq il-livell grammatikali, iżda wkoll li hija tippermetti lill-konsumatur jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jistgħu jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw minnha fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 75, u tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura, C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 55).

63

Din il-ġurisprudenza teżiġi, essenzjalment, li l-mekkaniżmi għall-kalkolu tad-dejn u tal-ammont li għandu jitħallas lura mill-konsumatur għandhom ikunu trasparenti u komprensibbli u li, fejn xieraq, il-kummerċjant jipprovdi informazzjoni addizzjonali neċessarja għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 51).

64

Dejjem fir-rigward tar-rekwiżit ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsegwenzi ekonomiċi għall-konsumatur li jirriżultaw minn kuntratt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn ċerti aspetti tal-mod tal-varjazzjoni tal-ispejjeż marbuta mas-servizz li għandu jiġi pprovdut kienu speċifikati mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji imperattivi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, jew fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu jipprevedu, għal konsumatur, id-dritt li jtemm il-kuntratt, kien essenzjali li l-imsemmi konsumatur jiġi informat mill-kummerċjant bl-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 29).

65

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’kuntest ieħor, fir-rigward ta’ klawżola li tistabbilixxi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Istat ta’ stabbiliment tal-bejjiegħ, li dan huwa fil-prinċipju obbligat li jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet imperattivi bħall-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6; rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87), li jipprevedi li l-għażla tal-liġi applikabbli ma jistax ikollha bħala riżultat li ċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fl-assenza ta’ għażla, kienet tkun applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation, C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 69).

66

Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, ma jirriżultax li l-kummerċjant huwa wkoll obbligat li jinforma lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, bid-dispożizzjonijiet proċedurali ġenerali tad-dritt intern tal-Istat ta’ residenza tiegħu, bħal dawk rigward it-tqassim tal-oneru tal-prova, kif ukoll dwar il-ġurisprudenza relatata magħhom.

67

Fil-kawża prinċipali, ma hijiex, b’mod partikolari, kwistjoni ta’ klawżola ta’ identifikazzjoni tad-dritt applikabbli favur id-dritt tal-Istat Membru li fih il-kummerċjant għandu s-sede tiegħu, filwaqt li l-konsumatur jirrisjedi fi Stat Membru ieħor. Rigward tali sitwazzjoni, mid-Direttiva 93/13, kif tikkonferma b’mod partikolari l-ħames premessa tagħha, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jippreżumi li l-konsumatur ma jafx ir-regoli tad-dritt li, fl-Istati Membri għajr l-Istat Membru tiegħu, jirregolaw il-kuntratti marbuta mal-bejgħ ta’ oġġetti jew mal-offerta ta’ servizzi.

68

B’mod differenti mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-obbligu, fuq il-kummerċjant, li jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt internazzjonali privat. Hija lanqas ma tirrigwarda l-obbligu impost fuq il-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur bid-dispożizzjonijiet imperattivi li skonthom l-ammont li għandu jitħallas mill-konsumatur jista’ jvarja u li għandhom, minħabba f’hekk, effett dirett fuq il-konsegwenzi ekonomiċi għall-konsumatur li jirriżultaw mill-kuntratt. Minflok, hija kwistjoni, fil-kawża prinċipali, tal-informazzjoni tal-konsumatur li tirrigwarda l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet proċedurali ġenerali dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova kif ukoll l-interpretazzjoni tagħhom mill-ġurisprudenza fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

69

F’tali ċirkustanzi, l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq il-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet proċedurali u ta’ ġurisprudenza relatata magħhom, tkun tmur lil hinn minn dak li jista’ raġonevolment jiġi mistenni minn dan tal-ewwel fil-kuntest tar-rekwiżit ta’ trasparenza.

70

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jeżiġix li l-kummerċjant jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward klawżola li hija mfassla b’mod ċar, iżda li l-effetti legali tagħha jistgħu jiġu stabbiliti biss permezz ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma humiex is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi.

Fuq ir-raba’ domanda

71

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(m) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jirreferi għal klawżola kuntrattwali li tawtorizza lill-kummerċjant jevalwa b’mod unilaterali jekk il-prestazzjoni li għandha ssir mill-konsumatur ġietx eżegwita b’mod konformi mal-kuntratt.

72

Il-punt 1(m) tal-anness tad-Direttiva 93/13 jirreferi għal klawżoli li għandhom bħala skop jew effett li jagħtu lill-kummerċjant id-dritt li jiddetermina jekk l-oġġett ikkunsinnat jew is-servizz ipprovdut humiex konformi mat-termini tal-kuntratt jew li jagħtuh id-dritt esklużiv li jinterpreta kwalunkwe klawżola tal-kuntratt.

73

Peress li, fil-prinċipju, huwa l-kummerċjant li jaġixxi inkwantu bejjiegħ jew li jipprovdi servizzi, din id-dispożizzjoni għandha titqies li tirreferi għal klawżoli li jippermettu lill-kummerċjant, fil-każ ta’ lment jew ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-konsumatur rigward is-servizz ipprovdut jew l-oġġett ikkunsinnat, jiddetermina b’mod unilaterali jekk il-prestazzjoni proprja tiegħu hijiex konformi mal-kuntratt.

74

Fil-fatt, huwa stabbilit li l-punt 1(m) tal-anness tad-Direttiva 93/13 ma jirreferix għall-obbligi tal-konsumatur li jirriżultaw mill-kuntratt, iżda biss għall-obbligi tal-kummerċjant. B’dan il-mod, din id-dispożizzjoni ma tirreferix għal klawżoli li jawtorizzaw lill-kummerċjant jevalwa b’mod unilaterali jekk il-prestazzjoni korrispettiva tal-konsumatur, li tikkonsisti fil-ħlas ta’ dejn u fil-ħlas tal-ispejjeż marbuta miegħu, ġietx eżegwita b’mod konformi mal-kuntratt.

75

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(m) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jirreferix għal klawżola kuntrattwali li tawtorizza lill-kummerċjant jevalwa b’mod unilaterali jekk il-prestazzjoni li għandha ssir mill-konsumatur ġietx eżegwita b’mod konformi mal-kuntratt.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jikklassifikax bħala inġusta, b’mod ġenerali u mingħajr eżami addizzjonali, klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali u li għandha bħala effett jew bħala skop li taqleb l-oneru tal-prova għad-detriment tal-konsumatur.

 

2)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li huwa ma jirreferix għal klawżola li għandha bħala skop jew bħala effett li tħalli lill-konsumatur jippreżumi b’mod leġittimu li huwa marbut li jeżegwixxi l-obbligi kuntrattwali kollha tiegħu, anki jekk huwa jqis li ċerti prestazzjonijiet ma humiex dovuti, ladarba din il-klawżola ma tibdilx il-pożizzjoni ġuridika tal-konsumatur fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u, min-naħa l-oħra, li huwa jirreferi għal klawżola li għandha bħala skop jew bħala effett li tostakola, għall-konsumatur, it-teħid ta’ azzjoni legali jew l-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji, meta l-ammont li jkun għadu dovut jiġi stabbilit permezz ta’ att notarili li għandu s-saħħa probatorja, li jippermetti lill-kreditur itemm it-tilwima b’mod unilaterali u definittiv.

 

3)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jeżiġix li l-kummerċjant jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward klawżola li hija mfassla b’mod ċar iżda li l-effetti legali tagħha jistgħu jiġu stabbiliti biss permezz ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma humiex is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi.

 

4)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(m) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jirreferix għal klawżola kuntrattwali li tawtorizza lill-kummerċjant jevalwa b’mod unilaterali jekk il-prestazzjoni li għandha ssir mill-konsumatur ġietx eżegwita b’mod konformi mal-kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.