SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Marzu 2020 ( *1 )
“Appell – Kompetizzjoni – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Artikolu 4(1) – Obbligu ta’ notifika minn qabel tal-konċentrazzjonijiet – Artikolu 7(1) – Obbligu ta’ sospensjoni – Artikolu 7(2) – Eżenzjoni – Kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni waħda’ – Artikolu 14(2) – Deċiżjoni li timponi multi għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel in-notifika u l-awtorizzazzjoni tagħha – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Prinċipju ta’ imputazzjoni – Konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur”
Fil-Kawża C‑10/18 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑5 ta’ Jannar 2018,
Mowi ASA, li kienet Marine Harvest ASA, stabbilita f’Bergen (in-Norveġja), irrappreżentata minn R. Subiotto, QC,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Farley u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby u K. Jürimäe (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Mejju 2019,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Settembru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Mowi ASA, li kienet Marine Harvest ASA, titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (T‑704/14, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2017:753), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5089 final tat‑23 ta’ Lulju 2014 li timponi multa għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (Każ M. 7184 – Marine Harvest/Morpol (proċedura Artikolu 14(2)) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-multi li ġew imposti fuqha. |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Il-premessi 5, 6, 8, 20 u 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet [konċentrazzjonijiet]) (ĠU 2004, L 24, p. 1), jgħidu li:
[…]
[…]
[…]
|
3 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ambitu”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22, dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom dimensjoni Komunitarja, kif definiti f’dan l-Artikolu.” |
4 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjoni ta’ konċentrazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu li: “1. Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:
2. Kontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża, b’mod partikolari permezz ta’:
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjonijiet u riferenza qabel in-notifika fuq talba tal-partijiet li jagħmlu n-notifika”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li: “Konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja definiti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni ta’ l-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll. In-notifika tista’ ssir ukoll meta l-impriżi konċernati juru lill-Kummissjoni li għandhom intenzjoni bi ħsieb tajjeb li jikkonkludu ftehim jew, fil-każ ta’ offerta pubblika, meta jkunu ħabbru b’mod pubbliku li għandhom l-intenzjoni li jagħmlu din l-offerta, sakemm il-ftehim intenzjonat jew l-offerta intenzjonata jwasslu għal konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, il-frażi ‘konċentrazzjoni notifikata’ għandha tkopri wkoll konċentrazzjonijiet li għadhom ma twettqux u li kienu notifikati skond it-tieni subparagrafu. Għall-għanijiet tal-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu, it-terminu ‘konċentrazzjoni’ jinkludi konċentrazzjonijiet li għadhom ma twettqux u li jaqgħu taħt it-tieni subparagrafu.” |
6 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu li: “1. Konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja kif definit f’Artikolu 1, jew konċentrazzjoni li għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(5), ma għandhiex tkun implimentata qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikoli 6(1)(b), 8(1) jew 8(2), jew a bażi ta’ preżunzjoni skond l-Artikolu 10(6). 2. Il-paragrafu 1 ma għandux ifixkel l-implimentazzjoni ta’ offerta pubblika jew ta’ serje ta’ transazzjonijiet f’titoli inklużi dawk li jistgħu jinbidlu f’titoli oħra u li tħallew jiġu negozjati f’suq bħal ma huwa borża u li permezz tagħhom kien akkwistat il-kontroll, fis-sens ta’ l-Artikolu 3, minn diversi bejjiegħa. Dan sakemm:
|
7 |
Skont l-Artikolu 14(2) sa (4) ta’ dan ir-regolament: “2. Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi ta’ mhux aktar minn 10 % tal-valur tal-bejgħ totali ta’ l-impriża konċernata fis-sens ta’ l-Artikolu 5 fuq il-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) jew l-impriżi konċernati meta, b’intenzjoni jew b’negliġenza, huma
3. Meta jkun qiegħed jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom ikunu kunsidrati n-natura, l-gravità u t-tul tal-ksur. 4. Deċiżjoni meħuda skond il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx ikunu ta’ natura kriminali.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
8 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew deskritti fil-qosor fil-punti 1 sa 37 tas-sentenza appellata, kif ġej:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
9 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Ottubru 2014, l-appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multi imposti mill-Kummissjoni. |
10 |
Insostenn tar-rikors tagħha, hija qajmet ħames motivi fejn l-ewwel u t-tielet wieħed biss huma ta’ interess għall-finijiet ta’ dan l-appell. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq “żball manifest ta’ liġi u ta’ fatt”, sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża ċaħdet l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ne bis in idem. |
11 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu. |
It-talbiet tal-partijiet fl-appell
12 |
Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
13 |
Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
Fuq l-appell
14 |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-prinċipju ta’ imputazzjoni u l-prinċipju li jirregola l-konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur. |
15 |
Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti qajmet aggravju ġdid, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
16 |
L-ewwel aggravju tal-appell huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
17 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 70, 150 u 151, kif ukoll fil-punt 230 tas-sentenza appellata, meta interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”, fis-sens tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004. |
18 |
Billi ddeċidiet, fil-punti 70 u 230 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tal-appellanti li jgħidu li kienet teżisti kundizzjonalità bejn l-akkwist ta’ Diċembru 2012 u l-offerta pubblika ta’ xiri inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali injorat il-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjonijiet multipli jistgħux jiġu assimilati ma’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni waħda, li jinsab fil-fatt li dawn it-tranżazzjonijiet huma s-suġġett ta’ rabta kundizzjonali u mhux fil-mument li fih isseħħ l-operazzjoni li permezz tagħha jiġi akkwistat il-kontroll. |
19 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, b’mod partikolari fil-punti 150 u 151 tas-sentenza appellata, meta qieset li l-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 ma tikkostitwixxix il-bażi xierqa għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”. Issa, fil-fehma tagħha, din il-premessa tirrifletti b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jittratta bħala “konċentrazzjoni waħda” it-tranżazzjonijiet kollha “marbuta ħafna ma xulxin fis-sens li jkunu relattati b’kundizzjoni”. |
20 |
Il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija premessa 20 hija biss “sentenza [waħda], qasira ħafna” u li ma tikkostitwixxix regola ta’ dritt legalment vinkolanti ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tinvalida l-interpretazzjoni li l-appellanti tagħti lill-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”. Fil-fatt, l-appellanti tqis li din naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istess premessa ġiet tradotta f’regola ta’ dritt vinkolanti, jiġifieri l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, li jagħmel riferiment għall-offerti pubbliċi ta’ xiri jew ta’ skambju u għal sensiela ta’ tranżazzjonijiet f’titoli. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-interpretazzjoni billi bbażat ruħha, fil-punti 106 sa 109 tas-sentenza appellata, fuq l-Avviż ġurisdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1), li jikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, numru ta’ linji gwida mhux vinkolanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet qari żbaljat tal-istess premessa 20, fil-punt 151 tas-sentenza appellata, meta affermat li, kieku kellha tiġi adottata l-istess interpretazzjoni, it-tranżazzjonijiet kollha “li jkunu suġġetti għal rabta kundizzjonali” jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni waħda, minkejja li ma jkunux taw lok għal akkwist ta’ kontroll. |
21 |
Fit-tieni lok, l-appellanti tqis li l-akkwist ta’ Diċembru 2012 u l-offerta pubblika ta’ xiri inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ rabta kundizzjonali u kienu, konsegwentement, jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda. |
22 |
Minn naħa, hija ssostni li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni li torbot din l-offerta pubblika ta’ xiri mal-akkwist ta’ Diċembru 2012 hija stabbilita mil-liġi Norveġiża dwar in-negozjar ta’ titoli, li tirrappreżenta l-ogħla livell ta’ kundizzjonalità possibbli. B’mod partikolari, din il-kundizzjoni tirriżulta mid-dritt Norveġiż li jimplimenta d-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 20). Issa, il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx din iċ-ċirkustanza. |
23 |
Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ rabta kundizzjonali bejn l-offerta pubblika u l-akkwist ta’ Diċembru 2012 hija kkonfermata wkoll mill-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li jgħid li żewġ tranżazzjonijiet jew iktar jistgħu jkunu marbuta de jure u de facto. F’dan il-każ, l-akkwist ta’ Diċembru 2012 u l-offerta pubblika ta’ xiri inkwistjoni huma marbuta de jure minn kundizzjonalità reċiproka, sa fejn din l-offerta pubblika ta’ xiri saret obbligatorja permezz tal-implimentazzjoni tal-akkwist ta’ Diċembru 2012 u hija kontinġenti fuqu. Bl-istess mod, dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet huma marbuta de facto, peress li skont il-punt 43 ta’ dan l-avviż, fuq il-livell ekonomiku, “kull waħda mit-tranżazzjonijiet [tiddependi] neċessarjament fuq [l-implimentazzjoni] [tal-oħra]”. Dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet ġew previsti u miftiehma simultanjament u eżegwiti sabiex jintlaħaq l-istess għan ekonomiku, jiġifieri li jiġu akkwistati l-azzjonijiet pendenti kollha ta’ Morpol. |
24 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-raġuni għall-eżistenza tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004. |
25 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-approċċ formalistiku adottat mill-Qorti Ġenerali ma huwiex xieraq għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-għan imfittex minn din l-eżenzjoni, li teħtieġ analiżi tal-għan politiku ta’ din tal-aħħar. B’hekk, il-Qorti Ġenerali adottat approċċ restrittiv billi ċaħdet, fil-punti 174 sa 189 tas-sentenza appellata, ir-rilevanza tal-Green Paper dwar ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/89 (COM(2001) 745 final, iktar ’il quddiem il-“Green Paper”), li kien jirrikjedi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija eżenzjoni jiġi estiż sabiex jiġu ffaċilitati l-akkwisti. Barra minn hekk, il-punt 189 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq distinzjoni formalistika bejn l-istrutturi ta’ tranżazzjonijiet u jiċħad, b’mod żbaljat, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 għal struttura ta’ tranżazzjonijiet, meta l-kontroll jista’ jkun inkiseb qabel it-tnedija ta’ offerta pubblika ta’ xiri. |
26 |
Fit-tieni lok, l-għan politiku tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa li jiġu ffaċilitati l-offerti pubbliċi u l-akkwiżizzjonijiet gradwali, permezz tal-osservanza ta’ kundizzjonijiet rigorużi intiżi sabiex jiġu evitati t-tibdiliet fl-istruttura tas-suq qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni nnotifikata. B’hekk, ix-xerrej jista’, bħala prinċipju, jakkwista azzjonijiet tal-kumpannija fil-mira, iżda ma jistax jużahom effettivament qabel ma l-Kummissjoni tawtorizza din il-konċentrazzjoni, ħaġa li ma tipprekludix lil din l-istituzzjoni milli teżerċita s-setgħat tagħha ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
27 |
Ma jkunx iġġustifikat li tiġi rrifjutata l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 għal struttura ta’ tranżazzjonijiet partikolari meta l-kontroll jista’ jkun inkiseb qabel it-tnedija ta’ offerta pubblika ta’ xiri. Fil-punt 134 tal-Green Paper, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-akkwist ta’ kumpannija kkwotata fil-Borża għandu jibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li, “[f]ix-xenarji ta’ din it-tip, ikun ftit li xejn prattiku u artifiċjali li jitqies li l-konċentrazzjoni sseħħ max-xiri tal-azzjoni jew tal-grupp ta’ azzjonijiet li jikkonferixxu lill-akkwirent il-kontroll (de facto) tal-impriża fil-mira” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalkemm din l-affermazzjoni kienet tikkonċerna l-akkwiżizzjonijiet gradwali, hija valida wkoll għall-offerti pubbliċi ta’ xiri jew ta’ skambju. |
28 |
Għalhekk, billi qieset li din id-dispożizzjoni ma kinitx tapplika għal struttura ta’ tranżazzjonijiet li fiha l-kontroll seta’ nkiseb qabel it-tnedija ta’ offerta pubblika ta’ xiri, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni formalistika bejn strutturi ta’ tranżazzjonijiet, li toħloq inċertezza fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-imsemmija eżenzjoni, u esponiet lix-xerrejja għal riskji prattiċi u finanzjarji importanti. |
29 |
Fit-tielet lok, l-appellanti tirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Jannar 2005 (Każ Orkla/Elkem — COMP/M.3709), li tirrigwarda sitwazzjoni simili għal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li fiha din l-istituzzjoni kienet aċċettat b’mod partikolari li l-akkwirent ta’ sehem li jagħti lok għal offerta pubblika obbligatorja kien ikun qiegħed jesponi ruħu għal riskji finanzjarji serji fl-istennija tal-approvazzjoni ta’ dan l-akkwist mill-Kummissjoni. |
30 |
Fir-raba’ lok, l-appellanti ssostni li interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, fis-sens li dan japplika għall-offerti pubbliċi kollha ta’ xiri jew ta’ skambju, tiffaċilita l-għanijiet tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, billi tippermetti lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-rata definittiva tas-sehem akkwistat u l-effetti varji tal-operazzjoni inkwistjoni. |
31 |
Fil-ħames lok, l-appellanti ssostni li, f’dan il-każ, hija kkonformat ruħha mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 billi nnotifikat il-konċentrazzjoni mingħajr dewmien, jiġifieri tlett ijiem wara l-konklużjoni tal-akkwist ta’ Diċembru 2012, u billi naqset milli teżerċita d-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma akkwistati, liema fatti l-Qorti Ġenerali ma kkontestatx. |
32 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti u tqis li l-ewwel aggravju huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
33 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li ż-żewġ partijiet tiegħu għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti tikkontesta, essenzjalment, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, li wassalha sabiex tiċħad l-ewwel motiv għal annullament tagħha. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma jipprekludix l-implimentazzjoni ta’ offerta pubblika ta’ xiri jew ta’ skambju jew ta’ tranżazzjonijiet li permezz tagħhom il-kontroll, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jiġi akkwistat mingħand diversi bejjiegħa permezz ta’ sensiela ta’ tranżazzjonijiet f’titoli. |
35 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 68 sa 83 tas-sentenza appellata, l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, fid-dawl tal-akkwist ta’ Diċembru 2012 biss. |
36 |
Hija rrilevat, minn naħa, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata, li l-ksur tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ikkonstatat mill-Kummissjoni, kien jirriżulta mis-sempliċi akkwist ta’ Diċembru 2012, jiġifieri mit-tranżazzjoni li permezz tagħha l-appellanti akkwistat il-kontroll ta’ Morpol. Sa fejn din it-tranżazzjoni seħħet qabel l-offerta pubblika ta’ xiri inkwistjoni, hija kkonkludiet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 kien irrilevanti sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tkopri l-offerti pubbliċi ta’ xiri. |
37 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali eskludiet ukoll l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, sa fejn din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ tranżazzjonijiet li permezz tagħhom il-kontroll, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jiġi akkwistat mingħand diversi bejjiegħa permezz ta’ sensiela ta’ tranżazzjonijiet f’titoli. Kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-punti 75 u 79 sa 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti akkwistat il-kontroll ta’ Morpol mingħand bejjiegħ wieħed permezz ta’ tranżazzjoni waħda f’titoli, jiġifieri l-akkwist ta’ Diċembru 2012. Fir-rigward tal-offerta pubblika ta’ xiri inkwistjoni, din saret, skont il-Qorti Ġenerali, f’data fejn l-appellanti diġà kellha l-kontroll esklużiv de facto ta’ Morpol, minħabba l-akkwist ta’ Diċembru 2012. |
38 |
Issa, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostniet, essenzjalment, li l-akkwist ta’ Diċembru 2012 u l-offerta pubblika ta’ xiri inkwistjoni, minħabba r-rabtiet eżistenti bejniethom, kienu jikkostitwixxu l-istadji ta’ konċentrazzjoni waħda, b’tali mod li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma kienx japplika għal din il-konċentrazzjoni. |
39 |
Fil-punti 85 sa 229 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti mressqa mill-appellanti insostenn ta’ dan l-argument u ċaħdithom. Hija rrilevat, f’dan il-kuntest, li l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” ma huwiex intiż li japplika f’każ fejn il-kontroll esklużiv de facto tal-unika kumpannija fil-mira jinkiseb mingħand bejjiegħ wieħed, permezz ta’ tranżazzjoni privata waħda, anki meta din tiġi segwita minn offerta pubblika obbligatorja. |
40 |
Fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 hija żbaljata, sa fejn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, kellha tiġi interpretata b’mod wiesa’, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni kienet applikabbli għall-akkwist ta’ Diċembru 2012 u għall-offerta pubblika ta’ xiri inkwistjoni, sa fejn dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet kienu jikkostitwixxu l-istadji ta’ konċentrazzjoni waħda. |
41 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat, fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”, kif jirriżulta mill-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, li jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, il-bażi legali xierqa għal din l-interpretazzjoni. |
42 |
F’dan ir-rigward, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” jinsab biss fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 u mhux fl-artikoli ta’ dan ir-regolament. |
43 |
Fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li din il-premessa ma kienx fiha madankollu definizzjoni eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li fihom żewġ tranżazzjonijiet jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda. Hija bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq in-natura speċifika tal-imsemmija premessa, li, minkejja li tista’ tippermetti li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dispożizzjoni legali, ma tistax tikkostitwixxi tali regola peress li ma għandhiex valur legali vinkolanti tagħha stess. |
44 |
Issa, għalkemm, kif tirrikonoxxi l-appellanti permezz tal-argumenti li hija tinvoka, il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ sservi bħala element ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, hija ma tistax tiddeduċi validament mill-formulazzjoni biss ta’ din il-premessa interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” li ma tkunx konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk kellha, f’diversi okkażjonijiet, l-opportunità li tindika li l-premessi ta’ att tal-Unjoni ma għandhomx valur legali vinkolanti u ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 76, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2009, Tyson Parketthandel, C‑134/08, EU:C:2009:229, punt 16). |
45 |
Għaldaqstant, l-appellanti ma tistax tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni wiesgħa tal-formulazzjoni tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 sabiex testendi l-portata tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004. |
46 |
F’dan ir-rigward, hekk kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 71 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, l-implimentazzjoni ta’ offerta pubblika ta’ xiri qabel in-notifika tagħha lill-Kummissjoni u qabel ma din tkun ġiet awtorizzata minn din tal-aħħar, anki jekk din il-konċentrazzjoni tikkostitwixxi konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. |
47 |
Issa, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, li jipprojbixxi l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, jillimita din il-projbizzjoni għall-konċentrazzjonijiet biss, kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tal-istess regolament (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 43). |
48 |
Sa fejn l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jikkostitwixxi deroga mill-imsemmija projbizzjoni, għandu, sabiex tiġi ddefinita l-portata ta’ din id-dispożizzjoni, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni” li jinsab fl-imsemmi Artikolu 3 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 44). |
49 |
Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, konċentrazzjoni għandha titqies li tkun ġiet implimentata meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema li tirriżulta mill-amalgamazzjoni ta’ żewġ impriżi jew iktar jew ta’ partijiet ta’ tali impriżi, jew mill-akkwist, minn persuna waħda jew iktar li diġà għandhom il-kontroll ta’ mill-inqas impriża waħda jew iktar, tal-kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew impriżi oħra jew ta’ partijiet minnhom, bil-kundizzjoni li l-kontroll jirriżulta mill-possibbiltà, mogħtija minn drittijiet, kuntratti jew mezzi oħra, li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq l-attività ta’ impriża (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, point 45). |
50 |
Minn dan isegwi li l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni sseħħ meta l-partijiet f’konċentrazzjoni jimplimentaw tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu sabiex jinbidel fuq bażi dewwiema l-kontroll fuq l-impriża fil-mira (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 46). |
51 |
Għalkemm il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 tipprevedi, ċertament, li għandhom jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni waħda tranżazzjonijiet li huma marbuta mill-qrib sa fejn huma suġġetti għal rabta kundizzjonali jew jieħdu l-forma ta’ sensiela ta’ tranżazzjonijiet f’titoli mwettqa f’perijodu ta’ żmien raġonevolment qasir, huma biss it-tranżazzjonijiet li huma neċessarji sabiex wieħed jasal għal bidla fil-kontroll li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 371/49 (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punti 48 u 49). |
52 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa irrilevanti f’sitwazzjoni fejn l-istħarriġ jingħata fil-kuntest ta’ tranżazzjoni privata inizjali minkejja li din tiġi segwita minn offerta pubblika ta’ xiri, peress li din tal-aħħar ma hijiex neċessarja sabiex tasal għal bidla fil-kontroll ta’ impriża kkonċernata mill-konċentrazzjoni inkwistjoni. |
53 |
Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ġustament l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ konċentrazzjoni waħda, sa fejn, kif irrilevat, essenzjalment, fil-punt 151 tas-sentenza appellata, dawn iwasslu sabiex jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” u, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, tranżazzjonijiet li, għalkemm aċċessorji għall-konċentrazzjoni, ma għandhomx rabta funzjonali diretta mal-implimentazzjoni tagħha. |
54 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut mill-appellanti li tranżazzjoni li ma hijiex neċessarja sabiex wieħed jasal għal bidla fil-kontroll ta’ impriża, bħal offerta pubblika ta’ xiri mnedija wara l-akkwist tal-kontroll tal-impriża fil-mira, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni” previst fl-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament Nru 139/2004. |
55 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”. |
56 |
Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 tmur kontra l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tiffaċilita l-offerti pubbliċi u l-akkwiżizzjonijiet gradwali, b’tali mod li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 japplika għall-istrutturi ta’ tranżazzjonijiet li fihom il-kontroll seta’ ġie akkwistat qabel it-tnedija ta’ offerta pubblika ta’ xiri. |
57 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti tirrikonoxxi li l-interpretazzjoni wiesgħa tagħha tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” twassal sabiex l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jingħata portata iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
58 |
Fil-punti 200 u 201 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, ġustament, u kif tammetti l-appellanti, li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, li għandha tiġi interpretata b’mod strett. |
59 |
Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza u kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punti 202 sa 204 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni invokata mill-appellanti twassal sabiex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004. |
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-appellanti, ibbażati fuq il-fatt li tali interpretazzjoni hija ġġustifikata mill-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkunsidrat, kif jirriżultaw mid-Direttiva 2004/25 jew mill-Green Paper, għandhom jiġu miċħuda. |
61 |
Bl-istess mod, l-argument tal-appellanti li jgħid li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 tippermetti li tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-mertu tal-konċentrazzjoni ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, tali argument, li jirrigwarda l-eżami tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern, huwa irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni preliminari dwar jekk din il-konċentrazzjoni setgħetx tiġi eżentata minn notifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004. |
62 |
Għaldaqstant, l-argumenti tal-appellanti, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-għan imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
63 |
Fit-tielet lok, mill-punti 52 u 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-argumenti tal-appellanti, ibbażati fuq il-fatt li, minn naħa, kienet teżisti rabta kundizzjonali bejn l-akkwist ta’ Diċembru 2012 u l-offerta pubblika ta’ xiri inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-appellanti kkonformat ruħha mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu miċħuda. |
64 |
Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 229 u 230 tas-sentenza appellata, sa fejn il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” ma huwiex intiż li japplika f’każ li fih il-kontroll esklużiv de facto jinkiseb mingħand bejjiegħ wieħed permezz ta’ tranżazzjoni waħda, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ kundizzjonalità de jure jew de facto bejn l-akkwist ta’ Diċembru 2012 u l-offerta pubblika ta’ xiri inkwistjoni hija irrilevanti. L-istess konklużjoni tapplika a fortiori fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-appellanti osservatx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004. |
65 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq it-tieni aggravju
66 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, billi ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 306, 319, 339 sa 344 u 362 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet timponi multi distinti fuq l-appellanti, waħda għall-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-oħra għall-ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-prinċipju ta’ imputazzjoni u l-prinċipju li jirregola l-konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur. |
67 |
It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
Fuq l-ewwel parti
– L-argumenti tal-partijiet
68 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma applikatx, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jew, sussidjarjament, il-prinċipju ta’ imputazzjoni. |
69 |
Dan l-iżball ta’ liġi jinsab, b’mod partikolari, fil-punt 344 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ż-żewġ multi distinti imposti fuq l-appellanti għall-istess aġir ma jiksrux il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Issa, dan il-prinċipju, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jinkludi kemm projbizzjoni ta’ proċeduri doppji kif ukoll projbizzjoni tal-piena doppja, fis-sens li persuna ma għandhiex tiġi ssanzjonata darbtejn għall-istess reat. |
70 |
Fl-ewwel lok, billi qieset bħala kriterju rilevanti, fil-punt 319 tas-sentenza appellata, il-fatt li ż-żewġ multi imposti fuq l-appellanti “ġew imposti mill-istess awtorità f’waħda u fl-istess deċiżjoni”, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni formalistika u artifiċjali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, filwaqt li jirrigwarda kull sanzjoni doppja, indipendentement mill-fatt jekk din tkunx ġiet imposta fl-istess proċedura jew fi proċeduri distinti. |
71 |
Dan il-prinċipju jipprojbixxi li jiġu imposti diversi sanzjonijiet għall-istess aġir illegali, peress li t-tliet kundizzjonijiet ta’ identiċità tal-fatti, ta’ min wettaq il-ksur u tal-interess ġuridiku protett huma ssodisfatti, kif inhu l-każ f’din il-kawża. Fir-rigward tal-kriterju tal-identiċità tal-fatti u ta’ min wettaq il-ksur, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 305 tas-sentenza appellata, li ż-żewġ multi distinti ġew imposti biss minħabba l-att imwettaq mill-appellanti, jiġifieri l-akkwist ta’ Diċembru 2012. Għal dak li jirrigwarda l-identiċità tal-interess ġuridiku protett, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huma t-tnejn intiżi sabiex jipproteġu l-istess interess ġuridiku, jiġifieri li jiżguraw li ma jiġi kkawżat ebda dannu permanenti u irreparabbli għal kompetizzjoni effettiva b’konsegwenza tal-implimentazzjoni bikrija ta’ konċentrazzjonijiet. |
72 |
Fit-tieni lok, il-punt 344 tas-sentenza appellata ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, li minnha jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika fil-kuntest tal-istess deċiżjoni jew proċedura. L-appellanti tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni (C‑101/07 P u C‑110/07 P, EU:C:2008:741), u tal‑21 ta’ Lulju 2011, Beneo-Orafti (C‑150/10, EU:C:2011:507), kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni (T‑39/06, EU:T:2011:562). Barra minn hekk, ir-riferimenti magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 333 sa 338 tas-sentenza appellata, għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huma irrilevanti, sa fejn id-dritt tal-Unjoni jipprevedi protezzjoni iktar estiża kontra s-sanzjoni doppja, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. |
73 |
Sussidjarjament, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset, b’mod żbaljat, milli tapplika l-prinċipju ta’ imputazzjoni (Anrechnungsprinzip), li jeżiġi li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel sanzjoni imposta waqt id-determinazzjoni tat-tieni waħda u huwa applikabbli għal kull sitwazzjoni li fiha l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex kompletament applikabbli. Skont l-appellanti, la l-Kummissjoni, fil-punti 206 u 207 tad-deċiżjoni kontenzjuża, u lanqas il-Qorti Ġenerali, fil-punti 339 sa 344 tas-sentenza appellata, ma ħadu inkunsiderazzjoni l-ewwel multa meta huma imponew it-tieni waħda. |
74 |
Il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li l-argumenti tal-appellanti huma infondati sa fejn jikkonċernaw l-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ imputazzjoni, il-Kummissjoni tqis li, peress li l-appellanti ma żviluppatx b’mod korrett l-argumenti tagħha jew indikat l-iżball speċifiku li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet f’dan ir-rigward, l-imsemmija argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
75 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 344 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem u l-prinċipju ta’ imputazzjoni ma japplikawx għal sitwazzjoni li fiha diversi sanzjonijiet huma imposti fl-istess deċiżjoni, anki jekk dawn is-sanzjonijiet huma imposti għall-istess fatti. |
76 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi, li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. L-imsemmi prinċipju jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata. L-istess prinċipju huwa għalhekk intiż sabiex jipprevjeni li impriża tiġi “kkundannata jew imħarrka mill-ġdid”, li jippreżupponi li din l-impriża tkun ġiet ikkundannata jew iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie,C‑617/17, EU:C:2019:283, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Din l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija sostnuta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mir-raġuni għall-eżistenza ta’ dan il-prinċipju, peress li dan l-artikolu jirrigwarda speċifikament il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li wasslet għal deċiżjoni definittiva dwar l-istess element materjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie, C‑617/17, EU:C:2019:283, punti 30 u 32). |
78 |
Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 319 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax f’dan il-każ, għar-raġuni li s-sanzjonijiet għall-ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ġew imposti mill-istess awtorità fl-istess deċiżjoni, jiġifieri d-deċiżjoni kontenzjuża. |
79 |
Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-appellanti, ifformulat waqt is-seduta, li jgħid li s-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C‑617/17, EU:C:2019:283), hija differenti minn dik li hija inkwistjoni f’din il-kawża, peress li f’dik il-kawża l-kwistjoni kienet tirrigwarda l-impożizzjoni, fil-kuntest tal-istess deċiżjoni, ta’ multa għall-ksur tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni u ta’ multa għall-ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. |
80 |
Fil-fatt, il-protezzjoni li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa intiż li joffri kontra r-repetizzjoni ta’ proċeduri li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ kundanna hija mingħajr skop fis-sitwazzjoni fejn, fl-istess deċiżjoni, jiġi applikat l-Artikolu 14(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 139/2004, għall-finijiet li jiġi ssanzjonat ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie, C‑617/17, EU:C:2019:283, punt 34). |
81 |
Barra minn hekk, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti li l-appellanti tislet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, imsemmija fil-punt 72 ta’ din is-sentenza. |
82 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-punti 322 sa 328 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat din il-ġurisprudenza u kkonkludiet, ġustament, li la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienu ddeċidew fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplikax f’sitwazzjoni li fiha jiġu imposti diversi sanzjonijiet fl-istess deċiżjoni. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 110 u 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza ma tistax turi li l-Qorti Ġenerali wettqet xi żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. |
83 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-appellanti, ifformulat sussidjarjament, li jgħid li l-Qorti Ġenerali naqset, b’mod żbaljat, milli tapplika l-prinċipju ta’ imputazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li mill-appell jirriżulta li, permezz ta’ dan l-argument, l-appellanti tfittex li tikkontesta l-punti 339 sa 344 tas-sentenza appellata, hija madankollu ma tressaq ebda element konkret li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, b’mod partikolari fl-imsemmija punti, li l-prinċipju ta’ imputazzjoni, anki jekk jiġi preżunt li jista’ jiġi invokat f’dan il-każ, ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni li fiha diversi sanzjonijiet huma imposti fl-istess deċiżjoni, anki jekk dawn is-sanzjonijiet huma imposti għal-istess fatti. |
84 |
Għaldaqstant, sa fejn din il-premessa ma hijiex ikkontestata mill-appellanti, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti intiżi sabiex isostnu li dan il-prinċipju kien jeżiġi li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel sanzjoni imposta fuq l-appellanti fid-determinazzjoni tat-tieni waħda huma ineffettivi. |
85 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta ġiet mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt waqt is-seduta, l-appellanti ppreċiżat li, billi tirreferi b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ imputazzjoni, hija kellha l-intenzjoni li targumenta dwar in-natura sproporzjonata ta’ dawn is-sanzjonijiet. Dan l-argument huwa madankollu inammissibbli sa fejn hija ma fformulat l-ebda lment fir-rigward tal-punti 579 sa 631 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali evalwat speċifikament l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
86 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha. |
Fuq it-tieni parti
– L-argumenti tal-partijiet
87 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 362 tas-sentenza appellata, li l-ksur allegat tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma kienx jikkostitwixxi l-iktar ksur speċifiku u ma kienx jinkludi, għaldaqstant, il-ksur iktar ġenerali tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. B’dan il-mod, hija kisret il-prinċipju li jirregola l-konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur. |
88 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li dan il-prinċipju huwa rrikonoxxut fid-dritt internazzjonali u fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri. Minn dan jirriżulta li, meta att jidher li jaqa’ taħt żewġ dispożizzjonijiet legali, id-dispożizzjoni prinċipalment applikabbli teskludi d-dispożizzjonijiet l-oħra kollha, abbażi tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ konsum jew ta’ speċjalità. Ċerti Stati Membri jipprojbixxu wkoll l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet doppji meta dawn ikunu intiżi li jissanzjonaw ksur iktar serju u ksur inqas serju li jkun inkluż fl-ewwel wieħed. Barra minn hekk, l-appellanti tenfasizza li l-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati internazzjonali tipprojbixxi li tiġi imposta sanzjoni doppja fuq persuna meta l-ksur ta’ dispożizzjoni jimplika l-ksur ta’ dispożizzjoni oħra. |
89 |
Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 302, 352 u 361 tas-sentenza appellata, billi għamlet distinzjoni “technocratika” bejn l-elementi li jiddefinixxu l-obbligu ta’ notifika u dawk li jiddefinixxu l-obbligu ta’ sospensjoni. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-ksur tal-ewwel wieħed minn dawn l-obbligi jikkostitwixxi ksur instantanju, filwaqt li l-ksur tat-tieni wieħed jikkostitwixxi ksur kontinwu. Issa, din id-distinzjoni hija irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura simultanja taż-żewġ istanzi ta’ ksur inkwistjoni, sa fejn dawn jirreferu għall-istess aġir, jiġifieri l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, iżda f’mumenti differenti, jiġifieri qabel, rispettivament, in-notifika u l-awtorizzazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija distinzjoni ma tiġġustifikax li jiġu imposti sanzjonijiet kumulattivi għall-istess aġir. |
90 |
Fit-tielet lok, fir-rikors tal-appell tagħha, l-appellanti sostniet li l-ksur allegat tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jikkostitwixxi l-ksur l-iktar speċifiku u jinkludi l-ksur allegat tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. |
91 |
L-appellanti tqis li l-kapaċità tal-Kummissjoni li timponi multi għandha tikkorrispondi għax-xenarji differenti previsti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004. B’hekk, l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament u s-setgħa tal-Kummissjoni li tissanzjona l-ksur ta’ dan l-artikolu, skont l-Artikolu 14(2)(b) tal-imsemmi regolament, jikkonċernaw sitwazzjoni li fiha konċentrazzjoni tkun ġiet innotifikata, iżda implimentata qabel ma tkun ġiet awtorizzata. Fin-nuqqas ta’ notifika, il-fatt li konċentrazzjoni tiġi implimentata qabel in-notifika u, għaldaqstant, neċessarjament qabel ma tkun ġiet awtorizzata jikkostitwixxi l-ksur l-iktar speċifiku u l-iktar xieraq, li jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa skont l-Artikolu 14(2)(a) tal-istess regolament. |
92 |
Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti madankollu ppreċiżat li hija tqis, għall-kuntrarju, li l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, sa fejn jirreferi kemm għall-obbligu ta’ notifika kif ukoll għall-obbligu ta’ sospensjoni, jinkludi l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament. |
93 |
Skont l-appellanti, ksur tal-obbligu ta’ notifika jista’ jiġi kkonstatat biss jekk l-obbligu ta’ sospensjoni jiġi miksur. F’dan ir-rigward, fil-punt 306 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “l-kuntest legali attwali ma huwiex wieħed tas-soltu, sa fejn [kienu] jeżistu żewġ artikoli fir-Regolament Nru 139/2004, li skonthom il-ksur [kien] ssanzjonat b’multi fl-istess skala ta’ pieni, iżda li għalihom ksur tal-ewwel artikolu [kien] jwassal neċessarjament għal ksur tat-tieni”. Barra minn hekk, l-appellanti tibbaża ruħha, b’analoġija, fuq is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, IBP u International Building Products France vs Il-Kummissjoni (T‑384/06, EU:T:2011:113, punt 109), li fiha l-Qorti Ġenerali affermat, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni jew l-għoti ta’ informazzjoni ineżatta jew żnaturata bħala risposta għal talba għal informazzjoni, li “waħda minn dawn iż-żewġ klassifikazzjonijiet jeskludi l-possibbiltà li tiġi applikata wkoll l-oħra f’dak li jirrigwarda l-istess aġir”. |
94 |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 356 u 357 tas-sentenza appellata, ma jeżistix riskju li jintlaħaq ir-riżultat “assurd” deskritt fil-punt 356, fl-ipoteżi fejn, kif issostni l-appellanti, il-ksur tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa kopert mill-ksur iktar ġenerali previst fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. |
95 |
Għall-appellanti, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mill-Qorti Ġenerali hija konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), li ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 139/2004, u li kien jeżiġi li l-konċentrazzjoni tiġi nnotifikata f’terminu previst. Madankollu, din l-interpretazzjoni tkun mingħajr sens fil-kuntest tar-Regolament Nru 139/2004, li jimponi sempliċi obbligu ta’ notifika tat-tranżazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha, b’tali mod li ma jkunx iktar iġġustifikat li jiġu imposti sanzjonijiet kumulattivi għall-ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
96 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti u tqis it-tieni parti tat-tieni aggravju bħala infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
97 |
Permezz ta’ din it-tieni parti, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li jirregola l-konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur billi ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punt 362 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ġustament issanzjonat lill-appellanti għall-ksur kemm tal-Artikolu 4(1) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. |
98 |
Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 348 u 349 tas-sentenza appellata, filwaqt li kkonstatat li, fid-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, ma jeżistux regoli speċifiċi dwar il-konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur, il-Qorti Ġenerali madankollu eżaminat l-argumenti tal-appellanti, ibbażati fuq il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. B’hekk hija vverifikat il-punt dwar jekk ir-Regolament Nru 139/2004 kienx fih, kif issostni l-appellanti, “dispożizzjoni applikabbli prinċipalment”, li teskludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. |
99 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fil-punt 350 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddefinixxiex ksur bħala li wieħed huwa iktar serju mill-ieħor, peress li l-ksur tal-Artikolu 4(1) u l-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huma suġġetti għall-istess limitu massimu, konformement mal-Artikolu 14(2)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament. |
100 |
Meta għamlet tali konstatazzjoni l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi. |
101 |
Fil-punti 294 u 295 tas-sentenza appellata, hija ġustament irrilevat, fl-osservazzjonijiet preliminari tagħha dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li, għalkemm teżisti rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn ksur tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament iwassal awtomatikament għal ksur tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, il-kuntrarju madankollu ma huwiex eżatt. |
102 |
B’hekk, fis-sitwazzjoni fejn impriża tinnotifika konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ikun għad hemm il-possibbiltà li din l-impriża tikser l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, fl-ipoteżi fejn hija timplimenta din il-konċentrazzjoni qabel ma l-Kummissjoni tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. |
103 |
Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandhom għanijiet awtonomi fil-kuntest tas-sistema ta’ “one-stop shop”, imsemmija fil-premessa 8 ta’ dan ir-regolament. |
104 |
Kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 302 tas-sentenza appellata, minn naħa, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi obbligu li tittieħed azzjoni, li jikkonsisti fl-obbligu ta’ notifika tal-konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament jipprevedi obbligu li ma tittiħidx azzjoni, jiġifieri li din il-konċentrazzjoni ma tiġix implimentata qabel in-notifika u l-awtorizzazzjoni tagħha. |
105 |
Ir-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi, fl-Artikolu 14(2)(a) u (b) tiegħu, multi distinti għall-ksur ta’ kull wieħed minn dawn l-obbligi. |
106 |
Għaldaqstant, għalkemm, kif issostni l-appellanti, fil-kuntest tar-Regolament Nru 139/2004, effettivament ma huwiex possibbli li jiġi previst ksur tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament indipendentement minn ksur tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, xorta jibqa’ l-fatt li, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett fil-punti 296 u 297 tas-sentenza appellata, dan l-istess regolament jipprevedi l-possibbiltà, konformement mal-Artikolu 14(2)(a) u (b) tiegħu, li jiġu imposti multi distinti, fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-istanzi ta’ ksur, fis-sitwazzjoni fejn dawn tal-aħħar jitwettqu fl-istess ħin, permezz tal-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel in-notifika tagħha lill-Kummissjoni. |
107 |
L-interpretazzjoni magħmula mill-appellanti, li tgħid li, f’tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tissanzjona biss il-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, sa fejn din id-dispożizzjoni tinkludi l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, ma tistax tiġi aċċettata. |
108 |
Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 139/2004, li huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 34 ta’ dan tal-aħħar, li jiżgura kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Komunitarja billi jobbliga lill-impriżi jinnotifikaw minn qabel il-konċentrazzjonijiet tagħhom u billi jipprovdi li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi sospiża sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 42). |
109 |
Issa, billi ċċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li toħloq distinzjoni, permezz tal-multi li hija timponi, bejn is-sitwazzjonijiet previsti fil-punti 102 u 106 ta’ din is-sentenza, jiġifieri, minn naħa, dik fejn l-impriża tosserva l-obbligu ta’ notifika, iżda tikser l-obbligu ta’ sospensjoni u, min-naħa l-oħra, dik fejn din l-impriża tikser dawn iż-żewġ obbligi, l-imsemmija interpretazzjoni ma tippermettix li jintlaħaq dan l-għan, sa fejn il-ksur tal-obbligu ta’ notifika qatt ma jista’ jkun is-suġġett ta’ sanzjoni speċifika. |
110 |
Barra minn hekk, l-istess interpretazzjoni tneħħi kull effett utli mill-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li, kif tirrikonoxxi l-appellanti stess, ma teżisti ebda sitwazzjoni, ħlief dik prevista mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li fiha din id-dispożizzjoni tkun tista’ tapplika. Sa fejn l-interpretazzjoni tal-appellanti twassal, f’dan ir-rigward, sabiex tikkontesta l-validità tal-istess dispożizzjoni, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 306 tas-sentenza appellata, u mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-appellanti, li hija ma qajmet ebda eċċezzjoni ta’ illegalità quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-Artikolu 14(2)(a) ta’ dan ir-regolament. |
111 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis li l-Kummissjoni setgħet timponi żewġ multi distinti skont, rispettivament, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament. |
112 |
It-tieni nett, fil-punti 351 sa 358 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-argument tal-appellanti, li jgħid li l-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jikkostitwixxi l-ksur l-iktar speċifiku, li jinkludi l-ksur tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. |
113 |
Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ibbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 352 tas-sentenza appellata, li ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa ksur instantanju, filwaqt li ksur tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament huwa ksur kontinwu, li jibda jiddekorri fl-istess mument meta jitwettaq il-ksur tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament. |
114 |
Fil-punti 353 sa 356 tas-sentenza appellata, hija ddeduċiet li, fid-dawl tat-termini ta’ preskrizzjoni differenti li japplikaw għat-teħid ta’ azzjoni kontra dawn iż-żewġ tipi ta’ ksur, l-interpretazzjoni sostnuta mill-appellanti jkollha bħala konsegwenza li tagħti vantaġġ lil impriża li tikser kemm l-obbligu ta’ notifika kif ukoll l-obbligu ta’ sospensjoni, meta mqabbla ma’ impriża li tikser biss l-obbligu ta’ sospensjoni. |
115 |
Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, id-distinzjoni kkonstatata, ġustament, mill-Qorti Ġenerali, bejn il-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li jikkostitwixxi ksur instantanju, u l-ksur tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, li huwa ksur kontinwu, hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk waħda minn dawn iż-żewġ istanzi ta’ ksur għandhiex tiġi kklassifikata bħala “iktar speċifika” u, għaldaqstant, jekk waħda tistax tinkludi lill-oħra. |
116 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 100 sa 111 ta’ din is-sentenza, l-argument tal-appellanti li jgħid li l-istess distinzjoni ma tippermettix lill-Kummissjoni timponi sanzjonijiet kumulattivi huwa, fi kwalunkwe każ, infondat. |
117 |
It-tielet nett, l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur, kif jirriżulta mid-dritt internazzjonali u mill-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, lanqas ma jista’ jintlaqa’. |
118 |
Fil-fatt, anki jekk jitqies li dan il-prinċipju huwa rilevanti f’dan il-każ, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 372 u 373 tas-sentenza appellata, fl-assenza, fir-Regolament Nru 139/2004, ta’ dispożizzjoni li hija “applikabbli prinċipalment”, kif jirriżulta mill-punti 100 sa 111 ta’ din is-sentenza, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
119 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
120 |
Peress li ebda waħda mill-partijiet imqajma mill-appellanti insostenn tat-tieni aggravju ma ġiet milqugħa, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-aggravju ġdid imqajjem waqt is-seduta
L-argumenti tal-partijiet
121 |
Permezz ta’ aggravju ġdid imqajjem waqt is-seduta, l-appellanti bbażat ruħha fuq l-Artikolu 277 TFUE sabiex tinvoka l-illegalità tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004. |
122 |
Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 jikkostitwixxi l-bażi legali li tippermetti li jiġi ssanzjonat il-ksur kemm tal-Artikolu 4(1) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li ma hemm ebda raġuni sabiex jiġi applikat l-Artikolu 14(2)(a) tal-imsemmi regolament. |
123 |
Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju ġdid huwa inammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
124 |
Permezz tal-aggravju l-ġdid tagħha, imqajjem waqt is-seduta, l-appellanti teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004. |
125 |
F’dan ir-rigward, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, mill-punt 306 tas-sentenza appellata jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma qajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni. |
126 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti tal-Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 99, kif ukoll tat‑3 ta’ Lulju 2014, Electrabel vs Il-Kummissjoni, C‑84/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2040, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
127 |
Konsegwentement, l-aggravju l-ġdid invokat mill-appellanti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
128 |
Peress li ebda wieħed mill-aggravji mqajma mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma ġie milqugħ, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
129 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-appellanti u din tal-aħħar tilfet fl-aggravji tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.