KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fil‑25 ta’ Ġunju 2020 ( 1 )

Kawża C‑808/18

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2013/32/UE – Proċedura nazzjonali ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 6 – Aċċess effettiv – Artikolu 43 – Garanziji proċedurali – Artikolu 46(5) u (6) – Assenza tal-effett sospensiv tar-rikorsi introdotti kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi li jirrifjutaw l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 2(h) – Detenzjoni obbligatorja f’żoni ta’ tranżitu – Kunċett ta’ detenzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 5, Artikolu 6(1), Artikolu 12(1) u Artikolu 13(1) – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment”

Werrej

 

I. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Id-dritt tal-Unjoni

 

1. Id-Direttiva 2008/115

 

2. Id-Direttiva 2013/32

 

3. Id-Direttiva 2013/33

 

B. Id-dritt Ungeriż

 

1. Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil

 

2. Il-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat

 

II. Il-proċedura prekontenzjuża

 

III. Analiżi

 

A. Fuq l-assenza ta’ aċċess effettiv għall-proċedura ta’ ażil

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

a) Fuq l-identifikazzjoni eżatta tal-obbligu suġġett tal-ilment

 

b) Applikazzjoni għal dan il-każ

 

B. Fuq il-ksur tar-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

a) Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32

 

b) Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-garanziji proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32

 

c) Fuq l-Artikolu 72 TFUE

 

C. Fuq id-detenzjoni ġenerali tal-applikanti għall-ażil u n-nuqqas ta’ osservanza tal-garanziji proċedurali rilevanti

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

a) Fuq l-eżistenza ta’ detenzjoni

 

b) Fuq il-legalità tad-detenzjoni

 

D. Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva 2008/115

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

a) Fuq l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2008/115

 

b) Fuq l-Artikolu 72 TFUE

 

E. Fuq l-assenza ta’ effettività tar-rikorsi introdotti kontra d-deċiżjonijiet li jiċħdu talba għall-ażil

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

IV. Spejjeż

 

V. Konklużjoni

1.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, sabiex jiġi kkonstatat li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32/UE ( 2 ), tad-Direttiva 2013/33/UE ( 3 ) u tad-Direttiva 2018/115/KE ( 4 ).

2.

Dan ir-rikors ta’ portata estremament wiesgħa, jikkontesta l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ parti sostanzjali mil-leġiżlazzjoni Ungeriża li tirregola l-proċeduri ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil u dawk intiżi għall-eżekuzzjoni tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju nazzjonali. Il-kwistjonijiet legali li jqajjem huma ta’ interess partikolari, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tal-applikanti għall-ażil li jingħataw akkomodazzjoni fiż-żoni ta’ tranżitu fil-fruntiera Serbo‑Ungeriża għandhiex tiġi kklassifikata bħala “detenzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2013/33.

3.

L‑interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fis-sitwazzjoni attwali, fejn Stati Membri oħra qegħdin isaħħu l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom fil-qasam, ikollha implikazzjonijiet li jmorru lil hinn minn din il-kawża, iżżid in-natura sensittiva tas-sentenza li ser tingħata.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2008/115

4.

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal‑Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

[…]”.

5.

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

6.

L-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.”

7.

Skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115:

“Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.”

2. Id-Direttiva 2013/32

8.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

[…]”.

9.

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

[…]

5.   Fejn applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi rispettat il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dak il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sa 10 ijiem ta’ xogħol.”

10.

L-Artikolu 24(3) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-applikanti jkunu ġew identifikati bħala applikanti li jkunu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali, dawn jingħataw appoġġ adegwat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet u jkunu konformi mal-obbligi ta’ din id-Direttiva matul il-proċedura ta’ asil kollha.

Fejn tali appoġġ adegwat ma jkunx jista’ jingħata fil-qafas tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 31(8) u fl-Artikolu 43, b’mod partikolari fejn l-Istati Membri jqisu li l-applikant jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali bħala riżultat ta’ tortura, stupru jew suriet serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew vjolenza sesswali, l-Istati Membri m’għandhomx japplikaw, jew għandhom jieqfu japplikaw, l-Artikolu 31(8) u l-Artikolu 43. Fejn l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 46(6) għal applikanti li għalihom l-Artikoli 31(8) u l-Artikolu 43 ma jistgħux jiġu applikati f’konformità ma’ dan is-subparagrafu, l-Istati Membri għandhom tal-inqas jagħtu l-garanziji previsti fl-Artikolu 46(7).”

11.

L-Artikolu 26(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għar-raġuni biss li huwa/hija jkun/tkun applikant. Ir-raġunijiet għal u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-garanziji disponibbli għall-applikanti detenuti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 2013/33/UE”.

12.

L-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Proċeduri fuq il-fruntiera” jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri, konformement mal-prinċipji u mal-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru dwar:

a)

l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni, taħt l-Artikolu 33, li ssir f’dawn il-postijiet; u/jew

b)

is-sustanza ta’ applikazzjoni fi proċedura taħt l-Artikolu 31(8).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri previsti fil-paragrafu 1 tittieħed fi żmien raġonevoli. Meta deċiżjoni ma tkunx ittieħdet fi żmien erba’ ġimgħat, l-applikant għandu jitħalla jidħol fit-territorju tal-Istat Membru sabiex l-applikazzjoni tiegħu tiġi proċessata konformement mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

3.   Fil-każijiet ta’ wasliet li jinvolvu numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, li jagħmluha impossibbli fil-prattika li jiġu applikati hemmhekk dawk id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, dawk il-proċeduri jistgħu jiġu wkoll applikati fejn u sa meta dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jkunu normalment akkommodati f’postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu”.

13.

L-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“[…]

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju.

6.   Fil-każ li tittieħed deċiżjoni:

a)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala manifestament bla bażi taħt l-Artikolu 32(2) jew bla bażi wara eżami f’konformità mal-Artikolu 31(8), ħlief każijiet fejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 31(8)(h);

b)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2)(a), (b) jew (d);

c)

li tirrifjuta l-ftuħ mill-ġdid tal-każ tal-applikant wara li ma tkompliex taħt l-Artikolu 28; jew

d

li ma tiġix eżaminata jew ma tiġix eżaminata kompletament l-applikazzjoni taħt l-Artikolu 39,

qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax jibqa’ jew le fit-territorju tal-Istat Membru, jew fuq talba tal-applikant jew billi jiddeċiedi ex officio, jekk tali deċiżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tad-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru u fejn, f’każijiet bħal dawn, id-dritt ta’ rimanenza fl-Istat Membru sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju ma tkunx prevista fil-liġi nazzjonali.

[…]

8.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikant jibqa’ fit-territorju sa meta joħroġ ir-riżultat tal-proċedura kemm jekk l-applikant jista’ jibqa’ fit-territorju u kemm jekk le, kif stipulat fil-paragrafi 6 u 7.

[…]”

3. Id-Direttiva 2013/33

14.

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant [skont id-Direttiva 2013/32].

2.   Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3   Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

a)

sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

b)

sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

c)

sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

d)

meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva [2008/115] sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

e)

meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

f)

skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida.

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

[…]”

15.

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“[…]

2.   Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata.

3.   Fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rieżami ġudizzjarju minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. Meta jitwettaq ex officio tali rieżami għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli mill-bidu tad-detenzjoni. Meta jitwettaq fuq talba tal-applikant, huwa għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli wara t-tnedija tal-proċedimenti rilevanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fil-liġi nazzjonali l-perjodu li fih għandhom jitwettqu r-rieżami ex officio u/jew ir-rieżami fuq talba tal-applikant.

Meta b’riżultat tar-rieżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih.

[…]”

16.

L-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Il-minorenni għandhom jinżammu biss f’detenzjoni bħala miżura aħħarija u wara li jkun ġie stabbilit li ma jistgħux jiġu applikati miżuri alternattivi inqas koerżivi b’mod effettiv. Tali detenzjoni għandha tkun għall-iqsar perjodu ta’ żmien u għandu jsir kull sforz biex id-detenuti minorenni jinħelsu u jitqiegħdu f’akkomodazzjoni adatta għal tali minorenni.

[…]”

B.   Id-dritt Ungeriż

1. Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil

17.

L-Artikolu 71/A tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. Törvény (il-Liġi Nru LXXX dwar id-Dritt għall-Ażil, tal-2007, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”) jipprevedi:

“1.   Jekk il-barrani jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu fiż-żona ta’ tranżitu:

a)

qabel jidħol fit-territorju tal-Ungerija; jew

b)

wara li jkun interċettat fit-territorju tal-Ungerija ’il ġewwa minn medda ta’ [tmien kilometri] mil-linja tal-fruntiera esterna fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( 5 ) jew minn sinjali ta’ demarkazzjoni tal-fruntiera, u eskortat sa portal ta’ installazzjoni intiża għall-protezzjoni tal-ordni tal-fruntiera, kif previst mil-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat;

għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu flimkien mad-derogi previsti f’dan l-artikolu.

[…]

4.   Jekk jgħaddu erba’ ġimgħat mill-preżentata tal-applikazzjoni, il-kontroll tal-barranin għandu jawtorizza d-dħul fit-territorju skont il-liġi.

5.   Jekk it-talba ma hijiex inammissibbli, il-kontroll tal-barranin għandu jawtorizza d-dħul fit-territorju skont il-liġi.

6.   Jekk id-dħul fit-territorju Ungeriż jiġi awtorizzat, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha twettaq il-proċedura għall-ażil skont ir-regoli ġenerali.

7.   Ir-regoli tal-proċedura fuq il-fruntiera ma għandhomx japplikaw għall-persuni li għandhom bżonn trattament speċjali”.

18.

L-Artikolu 31/A(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi ta’ detenzjoni previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33. L-Artikolu 31/A(2) ta’ din il-liġi jipprevedi li: “[I]d-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil tista’ tiġi ordnata wara evalwazzjoni każ b’każ u biss jekk l-għan imfittex ma jistax jintlaħaq minn miżura li tiżgura li l-persuna kkonċernata tibqa’ għad-dispożizzjoni”, u l-Artikolu 31/A(5) ta’ dan l-istess artikolu jipprevedi li: “[I]d-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil għandha tiġi ordnata permezz ta’ deċiżjoni li hija eżekuttiva sa min-notifika tagħha”.

19.

L-Artikolu 31/B tal-imsemmija liġi jistabbilixxi:

“1.   Ebda detenzjoni ma tista’ tiġi ordnata għas-sempliċi raġuni li ġiet imressqa applikazzjoni għall-ażil.

2.   Ebda detenzjoni ma tista’ tiġi ordnata fil-konfront ta’ applikant għall-ażil minorenni mhux akkumpanjat.

3.   Id-detenzjoni ma tistax tiġi ordnata fil-konfront ta’ familji b’ulied minorenni ħlief bħala miżura tal-aħħar rikors, billi qabel kollox jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess superjuri tal-ulied.

[…]”

20.

Skont l-Artikolu 80/H tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil:

“F’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli I sa IV u V/A sa VIII għandhom jiġu applikati flimkien mad-derogi previsti fl-Artikoli 80/I sa 80/K”.

21.

L-Artikolu 80/I(i) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikoli 30 u 31[(a)], kif ukoll tal-Artikoli 71/A sa 72[(i)] tal-istess liġi.

22.

Skont l-Artikolu 80/J tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil:

“1.   L-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi introdotta personalment quddiem l-awtorità kompetenti u esklużivament fiż-żona ta’ tranżitu, ħlief jekk l-applikant għall-ażil:

a)

huwa s-suġġett ta’ miżura koerċittiva, ta’ miżura jew ta’ kundanna li tirrestrinġi l-libertà individwali;

b)

huwa s-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni ordnata mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil;

c)

jirrisjedi legalment fit-territorju Ungeriż u ma jitlobx akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza.

2.   L-applikant għall-ażil huwa suġġett għall-proċedura ta’ ażil mill-introduzzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtorità kompetenti san-notifika tad-deċiżjoni adottata fit-tmiem tal-proċedura meta din ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar.

[…]

4.   Matul il-tul tal-proċedura, l-applikanti għall-ażil li jirrisjedu fiż-żona ta’ tranżitu ma jibbenefikawx mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(a) u (c).

5.   L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tassenja lill-applikant għall-ażil iż-żona ta’ tranżitu bħala l-post ta’ residenza tiegħu, sakemm isir eżekuttiv id-digriet ta’ trasferiment skont ir-Regolament ta’ Dublin jew id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar. L-applikant għall-ażil jista’ jitlaq miż-żona ta’ tranżitu billi jaqsam il-portal tal-ħruġ.

6.   Jekk l-applikant għall-ażil huwa minorenni mhux akkumpanjat ta’ inqas minn 14‑il sena, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha twettaq il-proċedura tal-ażil konformement mar-regoli ġenerali, wara d-dħul tal-minorenni fil-pajjiż. Hija għandha ssiblu mingħajr dewmien akkomodazzjoni temporanja u titlob fl-istess ħin lill-awtorità kompetenti fil-qasam tat-tutela li taħtar tutur responsabbli mill-protezzjoni u r-rappreżentanza tal-minorenni. It-tutur għandu jinħatar fit-tmint ijiem sussegwenti għall-wasla tal-applikazzjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil. L-awtorità kompetenti fil-qasam tat-tutela għandha tikkomunika mingħajr dewmien l-isem tat-tutur maħtur lill-minorenni mhux akkumpanjat u lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil”.

23.

L-Artikolu 80/K ta’ din il-liġi jipprevedi:

“[…]

2.   L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tieħu deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni li hija jkollha quddiemha, jew tagħlaq il-proċedura, jekk l-applikant għall-ażil:

[…]

d)

jitlaq miż-żona ta’ tranżitu.

Id-deċiżjoni li ttemm il-proċedura skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontenzjuża.

[…]”

2. Il-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat

24.

L-Artikolu 15/A tal-államhatárról szóló, 2007. évi LXXXIX (il-Liġi Nru LXXXIX dwar il-Fruntieri tal-Istat, tal-2007, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat”) jipprevedi:

“1.   Żona ta’ tranżitu tista’ tinħoloq fiż-żona msemmija fl-Artikolu 5(1) sabiex isservi bħala post ta’ residenza temporanja għall-persuni li japplikaw sabiex jibbenefikaw mill-ażil jew mill-protezzjoni sussidjarja (iktar ’il quddiem l-‘applikant għall-ażil’) u bħala post fejn jiżvolġu l-proċeduri fil-qasam tal-ażil u tal-pulizija tal-immigrazzjoni u li fiha jinsabu l-istituzzjonijiet neċessarji għal dan il-għan.

2.   L-applikant għall-ażil li jkun qiegħed fiż-żona ta’ tranżitu jista’ jidħol fit-territorju Ungeriż:

a)

jekk l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tieħu deċiżjoni li tagħti l-protezzjoni internazzjonali;

b)

jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ġenerali li jirrigwardaw il-proċedura ta’ ażil, jew

c)

jekk ikun neċessarju li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71/A(4) u (5) tal-Liġi [dwar id-Dritt għall-Ażil].

2a.   F’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, id-dħul fit-territorju Ungeriż ta’ applikant għall-ażil li jkun jinsab fiż-żona ta’ tranżitu jista’ jiġi awtorizzat fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu (2)(a) u (b).

[…]”.

II. Il-proċedura prekontenzjuża

25.

Fil‑11 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija dwar il-ksur minn dan l-Istat Membru tal-Artikolu 46(1), (3), (5) u (6) tad-Direttiva 2013/32, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2010/64/UE ( 6 ). F’din l-ittra l-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-effett tar-rimedji ġuridiċi f’każ ta’ proċeduri fuq il-fruntiera, dwar l-assenza ta’ effett sospensiv awtomatiku tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet negattivi fil-qasam tal-ażil, dwar il-garanzija ta’ intervista personali fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet li jiċħdu l-applikazzjonijiet bħala inammissibbli u ta’ deċiżjonijiet meħuda fit-tmiem ta’ proċedura mħaffa, dwar il-kompetenza proċedurali awtonoma ta’ imħallfin assistenti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju u finalment dwar in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ġuridiċi tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

26.

L-Ungerija wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra rċevuta mill-Kummissjoni fit‑12 ta’ Frar 2016, li permezz tagħha dan l-Istat Membru argumenta li l-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti kienet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

27.

Fis‑7 ta’ Marzu 2017, l-Ungerija adottat il-Liġi Nru XX tal-2017, li emendat il-Liġi dwar l-Ażil. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-liġi tqajjem tħassib ġdid, li jiżdied ma’ dak espost fl-ittra ta’ intimazzjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2015, dwar il-punti segwenti: it-tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment hija kontradittorja mal-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 2008/115, in-nuqqas ta’ garanzija ta’ aċċess effettiv għall-proċedura ta’ ażil, l-estensjoni illegali tal-proċedura fuq il-fruntiera, id-detenzjoni ġġeneralizzata tal-applikanti għall-ażil, in-nuqqas ta’ osservanza tal-garanziji proċedurali previsti, l-applikazzjoni mhux xierqa tal-prinċipju ta’ pajjiż terz sigur, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ allowance għall-ispejjeż ta’ kuljum lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, il-ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kopertura tal-ispejjeż relattivi għall-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u t-tnaqqis, minn tmienja għal tliet ijiem, tat-terminu għall-introduzzjoni ta’ talbiet għal verifika tad-deċiżjonijiet tal-ewwel livell li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil.

28.

Fit‑18 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija li permezz tagħha kkritikatha li ma osservatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikoli 3, 6 u 7, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 31(8), l-Artikoli 33, 38, 43 u l-Artikolu 46(1), (3), (5) u (6) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll l-Artikoli 2, 8, 9, 11 u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 moqrija flimkien mal-Artikolu 2(g) u mal-Artikolu 17(3) u (4) ta’ din l-istess direttiva, u finalment l-Artikoli 6, 18 u 47 tal-Karta.

29.

L-Ungerija wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Lulju 2017 qabel ma lestiet ir-risposta tagħha fl‑20 ta’ Ottubru 2017 u fl‑20 ta’ Novembru 2017. Filwaqt li ddikjarat li hija tikkunsidra l-leġiżlazzjoni Ungeriża kkonċernata bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan l-Istat Membru pproċeda bl-allineament ta’ din il-leġiżlazzjoni ma’ dan id-dritt fir-rigward ta’ ċerti punti preċiżi.

30.

Konsegwentement, fit‑8 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija opinjoni motivata, li ġiet innotifikata lilha fl-istess ġurnata, li fiha hija ddikjarat li l-Ungerija:

billi llimitat, waqt il-proċedura ta’ rikors kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-eżami previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 għall-fatti u għall-punti ta’ liġi eżaminati fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni,

billi ma ttrasponietx fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32 u billi adottat dispożizzjonijiet li jidderogaw mir-regola ġenerali tal-effett sospensiv awtomatiku f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 46(6) ta’ din l-istess direttiva,

billi tispostja lejn in-naħa l-oħra tal-għeluq tal-fruntiera ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż mingħajr ma tosserva l-proċeduri u l-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115,

billi tipprevedi li l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi introdotta personalment quddiem l-awtorità kompetenti, u esklużivament fiż-żona ta’ tranżitu,

billi tipprevedi li għandha tapplika għall-applikanti għall-ażil kollha (bl-eċċezzjoni tal-ulied ta’ taħt l-14‑il sena) proċedura li r-riżultat tagħha huwa li dawn l-applikanti għall-ażil għandhom jibqgħu f’detenzjoni matul il-proċedura ta’ ażil kollha fl-installazzjonijiet ta’ żona ta’ tranżitu li minnhom jistgħu jitilqu biss billi jieħdu d-direzzjoni lejn is-Serbja, u ma takkumpanjax din id-detenzjoni b’garanziji xierqa,

billi tnaqqas minn tmienja għal tlett ijiem it-terminu stabbilit għall-introduzzjoni ta’ talba għal verifika tad-deċiżjonijiet tal-ewwel livell li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil,

hija ma osservatx l-obbligi li hija għandha skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 46(3), (5) u (6) tad-Direttiva 2013/32, u finalment l-Artikolu 2(h) u l-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33, moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 18 u 47 tal-Karta.

31.

L-Ungerija wieġbet l-opinjoni motivata fit‑8 ta’ Frar 2018. Hija tenniet l-opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt Ungeriż inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni u ġġustifikathom billi invokat is-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva kif ukoll l-Artikolu 72 TFUE.

32.

Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti mressqa mill-Ungerija, il-Kummissjoni marret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2018. L-Ungerija ppreżentat ir-risposta tagħha fil‑11 ta’ Marzu 2019. Il-partijiet ippreżentaw ukoll replika u kontroreplika fit‑23 ta’ April 2019 u fl‑4 ta’ Ġunju 2019 rispettivament.

33.

Waqt is-seduta tal‑10 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni u l-Ungerija ressqu s-sottomissjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34.

Skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ġew mistiedna, fuq talba tal-Imħallef Relatur, jissottomettu l-istatistiċi fil-pussess tagħhom li jirrigwardaw it-tul medju tal-akkomodazzjoni tal-applikanti għall-ażil fiż-żoni ta’ tranżitu li jinsabu fil-fruntiera Serbo‑Ungeriża, kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jinsabux fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom. Il-partijiet ippreżentaw it-tweġibiet tagħhom fit-terminu stabbilit. Fl‑20 ta’ Mejju 2020, il-Qorti Ġenerali kkomunikat dawn it-tweġibiet lill-partijiet, u stednithom jibagħtu, jekk ikun il-każ, sal‑1 ta’ Ġunju 2020. L-Ungerija biss wieġbet għal din l-istedina. Fl-osservazzjonijiet tagħha, l-Ungerija sostniet b’mod partikolari li, wara l-għeluq tal-imsemmija żoni ta’ tranżitu u l-ispostament ta’ persuni li jirrisjedu hemm fiċ-ċentri ta’ akkoljenza miftuħa, li hija kienet wettqet bħala l-eżekuzzjoni tas-sentenza FMS et ( 7 ), iċ-ċirkustanza li fuqha hija bbażata fuq it-teżi ta’ detenzjoni ġenerali tal-applikanti kollha għall-ażil minħabba r-residenza fiż-żona ta’ tranżitu, li ġiet żviluppata fir-rikors tal-Kummissjoni, sparixxiet. Konsegwentement, din il-parti ta’ dan ir-rikors saret mingħajr skop.

III. Analiżi

35.

Qabel kollox, nillimita ruħi li nosserva li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, imqajma mill-Ungerija, ibbażata fuq l-għeluq reċenti taż-żoni ta’ tranżitu, ma tistax tirnexxi fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha l-interess tal-Kummissjoni sabiex tressaq azzjoni għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jeżisti anki meta l-allegat ksur ikun tneħħa wara t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ( 8 ). F’ipoteżi bħal din, l-azzjoni żżomm l-iskop tagħha, li jista’ jikkonsisti b’mod partikolari fl-istabbiliment tal-bażi ta’ responsabbiltà li Stat Membru jista’ jkollu bħala konsegwenza tan-nuqqas tiegħu fir-rigward ta’ dak li joħroġ mid-drittijiet ( 9 ). Fid-dawl ta’ dan, jidhirli li jkun possibbli li ngħaddi għall-evalwazzjoni tal-mertu ta’ dan ir-rikors kollu.

36.

Dan ir-rikors idur, essenzjalment, ma’ ħames ilmenti li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

A.   Fuq l-assenza ta’ aċċess effettiv għall-proċedura ta’ ażil

1. L-argumenti tal-partijiet

37.

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tqis li billi pprovdiet li l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi introdotta fiżikament mill-persuna quddiem l-awtorità kompetenti, u esklużivament fiż-żona ta’ tranżitu, li fiha hija tawtorizza biss id-dħul ta’ numru żgħir ta’ persuni, l-Ungerija tikser l-obbligi li hija għandha skont l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2013/32.

38.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-Liġi Nru XX tal-2017 emendat il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil billi introduċiet proċedura derogatorja matul sitwazzjoni ta’ kriżi pprovokata minn immigrazzjoni massiva, li stabbilixxiet bħala regola ġenerali, bi ftit eċċezzjonijiet rari, li l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi introdotta fiżikament u esklużivament fiż-żewġ żoni ta’ tranżitu tal-fruntiera Serbo-Ungeriża, jiġifieri Röszke u Tompa.

39.

Wara li sostniet it-tħassib tagħha dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-imsemmija żoni ta’ tranżitu, il-Kummissjoni enfasizzat li l-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti jawtorizzaw biss numru limitat ħafna ta’ dħul f’dawn iż-żoni. Fil-fatt, ir-rapporti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Immigrazzjoni u r-Refuġjati jindikaw li n-numru massimu ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali aċċettati mill-Ungerija kien tnaqqas progressivament sakemm f’Mejju tal-2018, dan l-Istat kien prattikament għalaq il-fruntieri għal dawn l-applikanti.

40.

Minn dawn ir-rapporti jirriżulta wkoll li ċerti persuni kienu jkunu quddiem l-entratura taż-żona ta’ tranżitu, f’medda ta’ art dejqa, u li l-ammissjoni tagħhom fiż-żona kienet titwettaq abbażi ta’ lista ta’ stennija informali, li kienet tintbagħat mill-“mexxejja tal-komunità” lill-awtoritajiet Ungeriżi. Minkejja li l-Ungerija tiċħad li hija tikkontribwixxi fl-iżvilupp ta’ tali lista ta’ stennija, hija ma tikkontestax l-eżistenza tagħha. Ebda infrastruttura ma teżisti fl-imsemmija medda ta’ art u peress li l-ammissjoni fiż-żona ta’ tranżitu titwettaq ftit ftit, speċjalment sa minn Jannar 2018, u ġeneralment abbażi tal-imsemmija lista ta’ stennija, ftit persuni kienu jistennew quddiem iż-żona ta’ tranżitu. L-imsemmija rapporti jindikaw ukoll li l-persuni li jixtiequ japplikaw għal protezzjoni internazzjonali għandhom jistennew diversi xhur qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fiż-żona ta’ tranżitu, b’din l-istennija tista’ ddum sa tmintax‑il xahar.

41.

Il-Kummissjoni tosserva li mill-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jaraw li kull persuna li tixtieq tikseb protezzjoni internazzjonali tista’ tintroduċi applikazzjoni fit-territorju tagħhom u li jkollha aċċess, wara li tasal fit-territorju tagħhom, għall-proċedura tal-għoti tal-imsemmija protezzjoni. L-obbligu li jiġu rreġistrati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mhux iktar tard minn tliet ijiem ta’ xogħol wara l-preżentazzjoni tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, jirreferi wkoll għall-applikazzjonijiet ippreżentati fil-fruntiera ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, l-effett utli tal-obbligu li tingħata protezzjoni internazzjonali, kif previst fl-Artikolu 18 tal-Karta, jinkiser jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet ippreżentati fil-fruntiera tagħhom.

42.

Fil-qosor, il-Kummissjoni ssostni li billi tawtorizza biss il-persuni li jkunu jinsabu fiż-żona ta’ tranżitu jippreżentaw u jirreġistraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u billi tirrestrinġi b’mod estremament strett l-aċċess għal din iż-żona, l-Ungerija ma tagħtix lill-persuni li jinsabu fil-fruntieri Ungeriżi l-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni u li jirreġistraw din tal-aħħar fit-terminu previst mid-Direttiva 2013/32.

43.

Il-Kummissjoni żżid li wieħed ma jistax jiddikjara f’bona fide li ftit nies jixtiequ jintroduċu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija abbażi tal-pretest li huma biss ftit individwi li qegħdin jistennew quddiem iż-żona ta’ tranżitu. Fil-fatt, ikkunsidrat il-fatt li l-istennija ta’ qabel id-dħul fiż-żona ta’ tranżitu hija possibbli biss fuq medda ta’ art dejqa mingħajr l-inqas infrastruttura, li n-numru ta’ persuni awtorizzati jidħlu fiż-żona kien progressivament imnaqqas għal persuna waħda kuljum biss, u li l-ammissjoni ssir abbażi ta’ lista ta’ stennija informali, huwa diffiċli li jiġi pretiż li l-applikanti jistennew fi kju matul ix-xhur tax-xitwa, mingħajr kenn u ikel, u mingħajr l-inqas opportunità realistika li jidħlu fiż-żona ta’ tranżitu.

44.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li anki indipendentement min-numru eżatt ta’ persuni li qegħdin jistennew, sistema li tissuġġetta d-dritt għar-reġistrazzjoni stabbilit mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 għal kundizzjoni ta’ introduzzjoni tal-applikazzjoni f’post speċifiku, li għalih l-aċċess huwa limitat fuq perijodu twil, ma hijiex konformi mar-regola, stabbilita fl-istess artikolu, li l-aċċess għall-proċedura għandu jkun żgurat fi żmien xieraq.

45.

L-Ungerija ssostni li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma għandhomx id-dritt li jistgħu jagħżlu l-pajjiż ta’ ażil tagħhom u li għandu jiġi kkunsidrat mhux biss l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, iżda wkoll il-paragrafi (2) u (3) ta’ din id-dispożizzjoni, li minnhom jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jawtorizza lill-Istati Membri jirrikjedu li l-applikant jintroduċi l-applikazzjoni tiegħu fiżikament f’post magħżul. Għalhekk l-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil huwa konformi ma’ dan ir-rekwiżit, sa fejn jipprevedi li f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva ( 10 ), l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi introdotta personalment quddiem l-awtorità kompetenti fiż-żona ta’ tranżitu.

46.

B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ma huwiex żgurat li l-applikazzjonijiet introdotti fiż-żona ta’ tranżitu jiġu rreġistrati mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil konformement mad-Direttiva 2013/32 hija żbaljata sa fejn, ladarba l-applikazzjoni tiġi introdotta fiż-żona ta’ tranżitu, il-proċedura tibda skont ir-regoli ġenerali. B’hekk, l-Artikolu 32/D tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jiżgura l-fatt li wara l-introduzzjoni tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tibda l-proċedura immedjatament jew mhux iktar tard minn erbgħa u għoxrin siegħa wara, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32.

47.

Barra minn hekk, minkejja li l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom preżentement il-prattika li l-applikanti għall-ażil li fis-Serbja jaċċedu għall-proċedura ta’ ażil jew għal assistenza, jiġu quddiem iż-żoni ta’ tranżitu f’ordni ddeterminat minnhom stess, mill-awtoritajiet Serbi jew minn ċerti organizzazzjonijiet, l-awtoritajiet Ungeriżi ma għandhom madankollu ebda influwenza fuq l-ordni hekk stabbilit u assolutament ma jipparteċipawx fl-iżvilupp jew fl-użu ta’ tali listi.

48.

Skont l-Ungerija, il-“medda ta’ art dejqa” imsemmija mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista’ tispjega n-numru żgħir ta’ applikanti. Fil-fatt, peress li t-territorju Ungeriż li jinsab quddiem iż-żona ta’ tranżitu huwa adjaċenti għal territorji Serbi, numru kunsiderevoli ta’ persuni li jixtiequ jintroduċu applikazzjoni għall-ażil jistgħu mingħajr problema jistennew quddiem iż-żona ta’ tranżitu. L-assenza ta’ kju twil, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni, huwa pjuttost spjegat mill-fatt li l-persuni kkonċernati huma diġà suġġetti għal proċedura ta’ ażil pendenti fis-Serbja u jibbenefikaw minn assistenza f’dan l-Istat.

2. Evalwazzjoni

a) Fuq l-identifikazzjoni eżatta tal-obbligu suġġett tal-ilment

49.

Il-Kummissjoni tinvoka, bħala bażi legali għall-ewwel ilment, qari magħqud tal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2013/32. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż fil-fruntiera, li jimplika li l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva huwa applikabbli għal każ inkwistjoni. Fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jiġi identifikat l-obbligu speċifiku li naqset minnu l-Ungerija f’dan il-każ.

50.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-obbligi li għandhom l-Istati Membri fil-fażi inizjali tal-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom qabel kollox jirreġistraw kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida lill-awtoritajiet nazzjonali fit-tlett jew sitt ijiem ta’ xogħol wara l-preżentazzjoni, u dan it-terminu jitwal għal għaxart ijiem meta, minħabba n-numru kbir ta’ persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali f’daqqa, fil-prattika jkun diffiċli ħafna li t-terminu prinċipali jiġi osservat. Insegwitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw mill-possibbiltà konkreta li jintroduċu l-applikazzjoni tagħhom kemm jista’ jkun malajr.

51.

Fir-risposta tagħha, l-Ungerija donnha tikkunsidra li l-obbligu li qiegħed jiġi allegat il-ksur tiegħu huwa dak li tirreġistra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-termini previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32. Madankollu, nirrileva li quddiem id-dikjarazzjoni tal-Ungerija li l-awtoritajiet Ungeriżi normalment jirreġistraw fl-erbgħa u għoxrin siegħa ta’ wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu, il-Kummissjoni ppreċiżat, fir-replika tagħha, li hija tikkritika lill-Ungerija mhux għan-“natura mhux xierqa” tal-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tat-termini stabbiliti għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda għall-fatt li l-Ungerija ma żguratx l-aċċess għaliha “fi żmien xieraq”.

52.

B’hekk, il-Kummissjoni rreferiet għal obbligu b’xi mod preliminari meta mqabbel ma’ dak tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri l-obbligu li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali billi tippermetti l-preżentazzjoni ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 11 ). Fil-fatt, minkejja li dan ma huwiex immaterjalizzat permezz ta’ dispożizzjoni speċifika, jidhirli li huwa evidenti li dan l-obbligu huwa koessenzjali għar-rekwiżit li jiġi żgurat effett utli għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, u għad-direttiva kollha kemm hi, peress li, jekk dan ma jiġix osservat mill-Istati Membri kkonċernati, ir-regoli proċedurali armonizzati kollha stabbiliti minnha jibqgħu kliem mingħajr ħajja.

53.

Sabiex nasal għal karatterizzazzjoni iktar preċiża ta’ dan l-obbligu, jistgħu jiġu dedotti elementi essenzjali mill-proposta tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva 2005/85 ( 12 ), li d-Direttiva 2013/32 ma bidlitx il-filosofija bażika tagħha fil-qasam ta’ aċċess għall-proċedura, sa fejn din il-proposta tikkaratterizza d-dritt korrelattiv tal-applikanti potenzjali li jkollhom aċċess għall-proċedura kif ġej: “applikanti għall-ażil għandu jkollhom aċċess għall-proċedura ta’ ażil mill-iktar fis possibbli. Ir-regoli dwar il-proċeduri ta’ ażil ma għandhom ebda sens jekk il-persuni li jixtiequ jiksbu l-protezzjoni ma jistax ikollhom aċċess effettiv għall-proċedura ta’ ażil ta’ dan l-Istat jew jiġu abbandunati għad-destin tagħhom fit-territorju tiegħu għal perijodu twil inutilment għaliex l-awtoritajiet ma jagħtux il-kwalità ta’ applikazzjoni għall-ażil lill-applikazzjonijiet tagħhom […]” (traduzzjoni mhux uffiċjali). Fil-fatt, dan it-test jidhirli li jimplika kemm, l-ewwel nett, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri huwa mhux sempliċi obbligu li jastjenu milli jostakolaw il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda pjuttost obbligu pożittiv li jiffaċilitawha bl-adozzjoni ta’ aġir proattiv fil-konfront ta’ persuni li jistgħu jippreżentaw tali applikazzjoni u li, it-tieni nett, dan ma jiġix osservat meta l-Istati Membri jirrikonoxxu tard manifestazzjoni jew espressjoni min-naħa ta’ dawn il-persuni tal-biża’ li jintbagħtu lura fil-pajjiżi tagħhom, li għandha tinftiehem bħala l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

54.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel minn dawn iż-żewġ elementi, jidhirli li d-Direttiva 2013/32 ikkodifikatu, sa fejn hija tipprevedi, fl-Artikolu 8(1) tagħha li l-Istati Membri għandhom jipprovdu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew lill-persuni apolidi miżmuma f’detenzjoni jew li jinsabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, informazzjoni dwar il-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jekk jeżistu elementi li juru li dawn jistgħu jkunu jridu jippreżentaw waħda. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-“Gwida prattika: aċċess għall-proċedura ta’ ażil” stabbilita mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), tispeċifika li “[i]l-gwardja tal-fruntiera u l-aġenti tal-ewwel kuntatt għandhom id-dmir li jkunu proattivi sabiex jiżguraw aċċess effettiv għall-proċedura ta’ ażil. Huma għandhom id-dmir li jidentifikaw il-persuni li jistgħu jkunu jridu japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, u jinformawhom dwar id-dritt li japplikaw għall-ażil u jikkomunikawlhom l-informazzjoni dwar il-passi li għandhom jieħdu sabiex jippreżentaw applikazzjoni” ( 13 ) ( 14 ).

55.

Fir-rigward tat-tieni element, huwa minnu li d-Direttiva 2013/32 ma timponix terminu li fih l-Istati Membri għandhom jilqgħu l-preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni. Madankollu, wieħed ma jistax jiddeduċi li l-Istati Membri jistgħu, kif jogħġob lilhom, jissottomettu l-applikanti potenzjali għal terminu ta’ stennija eċċessiv qabel ma dawn ikunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, tali qari jwassal sabiex iċaħħad mill-kontenut tiegħu d-dritt ta’ dawn l-applikanti li jaċċedu għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali li min-naħa tagħha hija intiża sabiex tirrendi effettiv id-dritt ta’ ażil stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta. Għalhekk inqis, bħall-Kummissjoni, li l-obbligu li jiżguraw aċċess effettiv għal din il-proċedura jimponi li l-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmu ta’ akkoljenza b’tali mod li l-persuni li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom b’mod utli.

56.

Għalhekk ser neżamina l-kwistjoni dwar jekk l-Ungerija osservatx, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-obbligu li l-portata tiegħu għadha kemm ġiet iddeterminata.

b) Applikazzjoni għal dan il-każ

57.

Qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat lill-Ungerija jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett huwa l-obbligu impost mill-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jipprevedi li l-persuni li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali li ma jirrisjedux diġà legalment fit-territorju Ungeriż għandhom jippreżentaw ruħhom f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu sabiex jibdew il-proċedura tal-għoti tal-ażil. It-tieni aspett jirrigwarda l-fatt li l-aċċess għal dawn iż-żoni ta’ tranżitu kien ristrett drastikament matul il-perijodu ta’ bejn il-bidu tal-kriżi ta’ immigrazzjoni (Settembru 2015) sal-lum. Issa, niddikjara mill-ewwel li, fil-fehma tiegħi, il-provi prodotti mill-Kummissjoni huma tali natura li juru b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-realtà ta’ dawn iż-żewġ aspetti.

58.

Għal dak li jirrigwarda l-obbligu impost mill-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil u deskritt iktar ’il fuq, l-Ungerija bilkemm ikkontestat il-fatt li fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet derogatorji applikabbli fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, il-persuni li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali għandhom jippreżentaw ruħhom, konformement mal-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke jew ta’ Tompa, li jinsabu fil-fruntiera Serbo-Ungeriża jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom u b’hekk jibdew il-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali.

59.

Fir-rigward tal-limitazzjoni progressivament drastika tal-aċċess għaż-żoni ta’ tranżitu allegata mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Ungerija fl-ebda mument ta’ din il-proċedura ma kkontestat l-eżattezza tal-informazzjoni li tirriżulta mir-rapporti, redatti minn korpi internazzjonali differenti, li skonthom:

f’Settembru 2015 il-Ministru tal-Intern Ungeriż kien informa l-HCR li n-numru massimu ta’ ammissjonijiet fiż-żona ta’ tranżitu kien stabbilit għal 100 persuna kuljum, numru li sussegwentement tnaqqas għal 50 persuna fi Frar 2016, u imbagħad għal 30 persuna f’Marzu 2016 ( 15 );

f’Novembru 2016 għaxar persuni kuljum biss kienu awtorizzati jidħlu fiż-żona ta’ tranżitu, u dan in-numru tnaqqas għal ħamsa kuljum fl-2017 – barra minn hekk din l-aħħar informazzjoni kienet ikkonfermata minn rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa ( 16 ) – u imbagħad għal persuna waħda kuljum sa minn Jannar 2018 ( 17 );

f’Mejju 2018, in-numru ta’ persuni ammessi fiż-żoni ta’ tranżitu kien ta’ għaxra kull ġimgħa;

minħabba din il-limitazzjoni progressiva tal-aċċess għaż-żoni ta’ tranżitu, il-persuni li jridu japplikaw għal protezzjoni internazzjonali huma obbligati jistennew diversi xhur qabel ma jiġu ammessi fiż-żoni ta’ tranżitu, bl-istennija tista’ ddum bejn ħdax u tmintax‑il xahar ( 18 ).

60.

Barra minn hekk, l-Ungerija tirrikonoxxi espressament li l-ammissjoni fiż-żona ta’ tranżitu sseħħ abbażi ta’ lista ta’ stennija informali mibgħuta mill-“mexxejja tal-komunità” lill-awtoritajiet Ungeriżi ( 19 ). Fil-fatt, minflok ma kkontestat l-eżistenza ta’ din il-lista u tal-użu tagħha, hija tiddikjara biss li hija ma tipparteċipax fl-istabbiliment tagħha u ma għandha ebda influwenza fuq l-ordni ta’ ammissjoni hekk stabbilit.

61.

Abbażi ta’ dawn l-elementi, wieħed jista’ għalhekk jikkunsidra li l-persuni li jridu japplikaw għal protezzjoni internazzjoni fil-fruntiera Serbo-Ungeriża huma obbligati jissaportu stennija ta’ ħdax sa tmintax‑il xahar qabel ma jkunu jistgħu jiġu ammessi f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu u jipproċedu hekk bil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom. Issa, jidhirli li din is-sitwazzjoni hija preċiżament dik prevista mill-Kummissjoni fil-proposta relattiva għad-Direttiva 2005/85, sa fejn persuni li jridu jiksbu protezzjoni internazzjonali huma f’dan il-każ abbandunati għad-destin tagħhom fit-territorju Ungeriż għal perijodu twil inutilment, għaliex l-awtorità Ungeriża kompetenti ma tikkunsidrax il-manifestazzjoni jew l-espressjoni ta’ biża li jintbagħtu lura fil-pajjiż tagħhom, magħmula barra żona ta’ tranżitu, bħala preżentazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali. Fil-presenza ta’ terminu ta’ stennija ta’ tali tul, jiena ma narax kif wieħed jista’ jikkunsidra li s-sistema ta’ akkoljenza Ungeriża hija maħsuba b’mod li jippermetti lill-applikanti potenzjali li jippreżentaw utilment l-applikazzjoni tagħhom. Għal din ir-raġuni, inqis li r-relazzjoni bejn l-obbligu ta’ oriġini leġiżlattiv li jippreżentaw ruħhom f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu sabiex jippreżentaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-limitazzjoni drastika tan-numru ta’ persuni awtorizzati li jidħlu fihom ma hijiex kompatibbli mal-obbligu li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, kif dedott mill-iskop tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 u kif ġie kkaratterizzat iktar ’il fuq.

62.

Madankollu għandu jiġi nnotat li l-Ungerija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm biss numru żgħir ta’ persuni li jistennew fil-medda ta’ art li tinsab quddiem iż-żona ta’ tranżitu. Skont dan l-Istat Membru, dan huwa spjegat mhux mir-restrizzjonijiet tal-ammissjoni implimentati mill-awtoritajiet Ungeriżi, assoċjati mal-assenza ta’ kwalunkwe infrastruttura f’din il-medda, kif tippretendi l-Kummissjoni, iżda mill-eżistenza tal-lista ta’ stennija informali applikata fuq in-naħa Serba, element li fuqu l-imsemmija awtoritajiet ma għandhom ebda influwenza. Issa, anki jekk jiġi preżunt li n-numru limitat ħafna ta’ persuni ammessi fiż-żoni ta’ tranżitu huwa dovut biss għall-eżistenza ta’ tali lista, il-konklużjoni li saret fil-punt preċedenti rigward il-ksur tal-obbligu li l-persuni li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali jiġu żgurati aċċess effettiv għall-proċedura rilevanti ma tinbidilx.

63.

Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina kif iċ-ċirkustanza mhux ikkontestata li l-Ungerija kienet ittollerat l-eżistenza ta’ din il-lista, u kienet ipparteċipat ukoll b’mod attiv fil-funzjonament tagħha permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-“mexxejja tal-komunità”, kif jidhirli li jirriżulta minn wieħed mir-rapporti tal-HCR iċċitati mill-Kummissjoni, tista’ tiġi rrikonċiljata man-natura pożittiva tal-obbligu li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċedura inkwistjoni. Fil-fatt, din in-natura timplika, kif indikajt iktar ’il fuq, aġir proattiv tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat intiż sabiex jiffaċilita l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mill-persuni li jridu jagħmlu dan.

64.

L-argumenti l-oħra magħmula mill-Ungerija sabiex turi l-assenza ta’ ksur tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 lanqas ma jikkonvinċuni.

65.

Jidhirli li huwa irrilevanti l-argument li l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva f’dan il-każ għandha l-effett li tagħti lill-persuni kkonċernati dritt suġġettiv li jistgħu jagħżlu l-pajjiż ta’ ażil tagħhom (“right to asylum shopping”), li la jirriżulta mill-Artikolu 18 tal-Karta u lanqas mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève, fit‑28 ta’ Lulju 1951, peress li l-obbligu li għandu l-Istat ospitanti li jiżgura aċċess effettiv għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali jinjora l-pajjiż terz li minnu dawn il-persuni waslu fit-territorju ta’ dan l-Istat jew fil-fruntieri tiegħu. Barra minn hekk, inqis li l-kunċetti tal-“ewwel pajjiż ta’ asil”, ta’ “pajjiż ta’ oriġini bla periklu” u ta’ “pajjiż terz bla periklu” previsti mid-Direttiva 2013/32 diġà jippermettu lill-Istati Membri jipprekludu l-għażla tal-pajjiż ta’ ażil mingħajr ma jippreġudikaw l-aċċess għall-proċedura inkwistjoni.

66.

Lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument li l-obbligu li jippreżentaw ruħhom f’post partikolari sabiex jippreżentaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa ġġustifikat mill-fatt li skont iċ-ċifri kkomunikati mill-amministrazzjoni u mill-pulizija tal-fruntieri, il-parti l-kbira tal-persuni li jidħlu illegalment fl-Ungerija jipprovaw jaqsmu l-fruntiera qrib żoni ta’ tranżitu. Fil-fatt, dan bl-ebda mod ma jista’ jiġġustifika dispożizzjoni tad-dritt intern, bħall-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li tostakola l-preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32.

67.

L-Ungerija sostniet ukoll li l-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil kellu jiġi kkunsidrat kompatibbli mad-Direttiva 2013/32 sa fejn l-Artikolu 6(3) ta’ din tal-aħħar jippermetti lill-Istati Membri jirrikjedu li l-applikazzjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali jiġu introdotti fiżikament u/jew f’post magħżul. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument għandu jkun suġġett għal attenzjoni ikbar.

68.

Nixtieq l-ewwel nett nippreċiża li jidhirli li huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, ma hemmx dubju li l-assenza ta’ aċċess effettiv għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, allegat mill-Kummissjoni f’dan il-każ, ma jikkonċernax il-fażi ta’ introduzzjoni tal-applikazzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali, iżda dik, preċedenti għal din tal-aħħar, tal-preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni ( 20 ). Issa, kemm il-formulazzjoni kif ukoll l-istruttura tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 juru l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ fażijiet distinti, li jimplikaw konklużjonijiet differenti rigward il-fakultà tal-Istat Membru ospitanti li jipprovdi obbligi għall-persuni kkonċernati. Minkejja li obbligi jistgħu effettivament jiġu imposti fuq persuni li diġà ppreżentaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ir-rekwiżit li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċedura jimplika li mill-banda l-oħra ebda obbligu ma jista’ jiġi impost fuq il-persuni li għandhom ma ppreżentawhiex. Tali qari huwa kkonfermat mill-ispjegazzjonijiet tal-proposta emendata relattiva għad-Direttiva 2013/32, li tipprevedi li “hija stabbilita distinzjoni ikbar bejn il-kliem ‘jippreżenta’ u ‘jiddepożita’ [li ġiet issostitwita minn ‘jintroduċi’ fit-test finali tad-direttiva] fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” u li “applikazzjoni hija kkunsidrata ‘ppreżentata’ meta persuna li tista’ tinftiehem bħala li għandha l-intenzjoni tikseb l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja tippreżenta applikazzjoni ta’ protezzjoni lil Stat Membru. Din l-azzjoni ma teħtieġ ebda formalità amministrattiva. L-imsemmija formalitajiet japplikaw waqt id-‘depożitu’ [‘introduzzjoni’] tal-applikazzjoni ( 21 ) ( 22 )” (traduzzjoni mhux uffiċjali).

69.

Il-proposta reċenti ta’ regolament dwar il-proċeduri tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali jidhirli li tikkonferma din l-interpretazzjoni. Anzjuża li tirrazzjonalizza u tissemplifika l-iżvolġiment tal-proċedura, il-Kummissjoni hawnhekk iddistingwiet b’mod rigoruż l-istadji differenti li jifformaw l-aċċess għaliha, jiġifieri, l-preżentazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-introduzzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’dan il-kuntest, l-obbligu tal-persuni li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali li jippreżentaw ruħhom fiżikament u f’post magħżul mill-Istat Membru ospitanti jinsab fl-Artikolu 28 tal-imsemmija proposta ta’ regolament, intitolat “Introduzzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”, filwaqt li ebda obbligu impost fuq dawn il-persuni ma jinsab fl-Artikolu 25 ta’ din l-istess proposta ta’ regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” ( 23 ).

70.

Fi kwalunkwe każ, il-fakultà mogħtija lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2013/32, li jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu introdotti fiżikament u f’post magħżul għandha tinftiehem “mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2” ta’ dan l-artikolu. Fi kliem ieħor, din bl-ebda mod ma tista’ tiġi eżerċitata b’mod li jipprekludi lill-persuni kkonċernati milli jintroduċu l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali “malajr kemm jista’ jkun”. Issa, peress li dawn il-persuni ma jistgħux jaċċedu għaż-żona ta’ tranżitu ħlief wara stennija ta’ tul ta’ bejn ħdax u tmintax‑il xahar, kif muri iktar ’il fuq, jidhirli improbabbli ħafna li l-Ungerija tista’ tinvoka, ġustament, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2013/32 sabiex tiġġustifika l-kompatibbiltà tal-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil mad-dritt tal-Unjoni.

71.

Bħala konklużjoni, inqis li billi tipprevedi li l-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi ppreżentata fiżikament quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti, u esklużivament f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu, li fihom din l-awtorità taċċetta biss numru żgħir ta’ persuni, l-Ungerija tikser l-obbligu li għandha skont l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2013/32.

72.

Għalhekk nikkunsidra li l-ewwel ilment ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi milqugħ.

B.   Fuq il-ksur tar-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali

1. L-argumenti tal-partijiet

73.

Permezz tat-tieni ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li peress li l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 jirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera, billi applikat proċedura partikolari bħala regola ġenerali, li matulha l-garanziji previsti minn din id-direttiva ma kinux żgurati, l-Ungerija ma osservatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 43 u l-Artikolu 24(3) tal-imsemmija direttiva.

74.

Il-Liġi Nru XX tal-2017 kienet introduċiet dispożizzjonijiet ġodda inkompatibbli mal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, kull proċedura prevista f’din il-liġi, kemm jekk tirrigwarda l-ammissibbiltà kif ukoll il-mertu, għandha ssir fiż-żona ta’ tranżitu, għall-kuntrarju ta’ dak li jipprevedi dan l-Artikolu 43. It-tieni nett, l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jillimitax it-tul tal-proċedura għal erba’ ġimgħat kif jirrikjedi l-imsemmi Artikolu 43. It-tielet nett, il-proċedura prevista minn din il-liġi lanqas ma tosserva l-garanziji proċedurali li jinsabu fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari l-appoġġ adegwat li għandhom jibbenefikaw minnu l-persuni li għandhom bżonn trattament speċjali konformement mal-Artikolu 24(3) ta’ din id-direttiva.

75.

Barra minn hekk, l-Artikolu 72 TFUE ma jippermettix lill-Istati Membri jirrifjutaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fuq livell ġenerali, mingħajr l-inqas riferiment għal persuni partikolari, billi jinvokaw iż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà interna. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota, minn naħa, li s-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, li mmotivat l-adozzjoni tal-Liġi Nru XX tal-2017, ma jidhirx li kienet iddikjarata fit-territorju Ungeriż għal perijodu tranżitorju, u min-naħa l-oħra, li regoli ta’ dritt tal-Unjoni oħra huma intiżi sabiex jippermettu lill-Istati Membri jagħżlu soluzzjonijiet flessibbli f’każ ta’ urġenza u jeskludu, sa ċertu punt, regoli ġeneralment applikabbli, mingħajr ma jippreġudikaw l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li ma teżistix riżerva ġenerali, inerenti għat-trattat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull miżura meħuda fir-rigward tas-sigurtà pubblika u li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għas-sigurtà pubblika, bħall-Artikolu 72 TFUE, jirrigwardaw każijiet eċċezzjonali stabbiliti ferm.

76.

L-Ungerija tqis li l-proċeduri mwettqa fiż-żoni ta’ tranżitu ma humiex proċeduri fuq il-fruntiera u li konsegwentement, ma għandhomx ikunu konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

77.

Fil-fatt, iż-żoni ta’ tranżitu Ungeriżi ma humiex legalment paragunabbli maż-żoni ta’ tranżitu msemmija f’din id-dispożizzjoni. Dan huwa spjegat mill-fatt li l-emenda introdotta mil-Liġi Nru XX tal-2017 implimentat regoli ta’ proċedura ġodda f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva u emendat fl-istess waqt il-funzjoni taż-żoni ta’ tranżitu. Meta tiġi ddikjarata tali kriżi, l-Artikolu 80/I(i) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jeskludi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura fuq il-fruntiera, b’tali mod li japplikaw ir-regoli ta’ proċedura “ordinarji” previsti mid-Direttiva 2013/32. Dan jimplika li, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali attwalment fis-seħħ, iż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa huma, essenzjalment, istituzzjonijiet ta’ akkoljenza li jinsabu qrib il-fruntiera, u mhux “żoni ta’ tranżitu” fis-sens tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, fejn jitwettqu l-proċeduri ta’ ażil skont ir-regoli ġenerali.

78.

Raġuni oħra li għaliha l-proċedura fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa ma tistax, b’mod ċar, tiġi kklassifikata bħala proċedura fuq il-fruntiera hija li l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ażil ma hijiex ser teżamina biss il-kwistjoni tal-inammissibbiltà, iżda ser tiddeċiedi wkoll, f’każ ta’ ammissibbiltà, fuq il-mertu tal-applikazzjoni.

79.

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-garanziji previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari tal-obbligu li jingħata l-appoġġ adegwat rikjest mill-Artikolu 24(3) ta’ din l-istess direttiva, allegat mill-Kummissjoni, l-Ungerija twieġeb li l-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jistabbilixxi l-prinċipju li d-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess liġi għandhom, għal dak li jirrigwarda l-persuni li għandhom bżonn trattament speċjali, jiġu applikati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-imsemmija persuni. Konsegwentement, l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tkun attenta b’mod kostanti, matul il-proċedura, għall-bżonnijiet tal-persuni li jirrikjedu trattament speċjali.

80.

Fi kwalunkwe każ, l-Ungerija ssostni li l-Artikolu 72 TFUE jawtorizzaha tiddikjara sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva u tapplika, f’tali sitwazzjoni, regoli ta’ proċedura derogatorji għall-finijiet taż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

2. Evalwazzjoni

81.

Dan l-ilment jirrigwarda l-emendi magħmula lil-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil mil-Liġi Nru XX tal-2017, intiżi sabiex isaħħu iktar il-proċeduri speċjali, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva – sitwazzjoni li fl-Ungerija damet mingħajr interruzzjoni mill‑15 ta’ Settembru 2015 sas‑7 ta’ Marzu 2019, u kienet għalhekk fis-seħħ fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (2 ta’ Frar 2018). Dawn l-emendi leġiżlattivi kellhom l-effett, skont il-Kummissjoni, li jirrendu l-proċedura mwettqa fiż-żoni ta’ tranżitu inkompatibbli mal-garanziji marbuta mal-proċeduri fuq il-fruntiera konformement mal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

82.

L-Ungerija tikkontesta l-premessa nnifisha li fuqha huwa bbażat il-ksur tal-imsemmija garanziji, jiġifieri dik li din il-proċedura taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċedura fuq il-fruntiera”, b’tali mod li l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 japplika għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Għal din ir-raġuni, qabel ma ngħaddi għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk, wara l-introduzzjoni tal-emendi fuq imsemmija, il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-proċedura inkwistjoni josservawx il-garanziji previsti minn din id-dispożizzjoni, kif ukoll dik stabbilita fl-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32 (taqsima (b)), ser nieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni preliminari tal-applikabbiltà tiegħu (taqsima(a)).

a) Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32

83.

Qabel kollox, għandhom jiġu ċċarati l-linji essenzjali tal-argumenti difensivi prinċipali magħmula mill-Ungerija. Skont dan l-Istat Membru, minkejja li huwa minnu li l-installazzjonijiet ta’ Röszke u ta’ Tompa servew, sa Marzu 2017, għat-twettiq tal-proċeduri fuq il-fruntiera, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-Liġi Nru XX tal-2017, li eskludiet, f’każ ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedura fuq il-fruntiera sabiex tapplika sistema legali speċjali korrispondenti għall-allegata applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura “ġenerali” tad-Direttiva 2013/32, emendat fl-istess waqt il-funzjoni ta’ dawn l-installazzjonijiet. Jekk qabel dawn l-emendi l-istatus legali ta’ dawn tal-aħħar kien jikkorrispondi għal dak ta’ “żoni ta’ tranżitu” fis-sens tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, attwalment dawn huma, essenzjalment, istituzzjonijiet ta’ akkoljenza qrib il-fruntiera, fejn il-proċeduri ta’ ażil jiżvolġu konformement mar-regoli ta’ proċedura ġenerali. Il-fatt li istituzzjoni ta’ akkoljenza tinsab qrib il-fruntiera ma jirriżultax neċessarjament fil-klassifikazzjoni tagħha bħala “żona ta’ tranżitu”, kif ukoll fil-klassifikazzjoni tal-proċeduri li jsiru fiha bħala “proċeduri fuq il-fruntiera” għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

84.

Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata dwar l-iskop tal-“proċedura fuq il-fruntiera” prevista fl-imsemmi Artikolu 43.

85.

Għandu jitfakkar li, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni offra lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw il-popolazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri tagħhom u jittrattaw hemm hekk, f’terminu qasir, l-applikazzjonijiet ippreżentati, mingħajr restrizzjoni għal dak li jirrigwarda l-analiżi tal-ammissibbiltà iżda fil-kuntest ta’ kompetenza limitata, jiġifieri fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32, għall-evalwazzjoni tal-mertu tal-applikazzjoni. Għal dan il-għan, dan il-leġiżlatur jirreferi, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva, għal kompetenza li l-Istati Membri għandhom id-dritt jeżerċitaw “fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru”, il-konġunzjoni “jew” ma timplikax li ż-żoni ta’ tranżitu għandhom ikunu f’post differenti mill-fruntieri tal-Istati Membri iżda hija intiża biss sabiex tenfasizza post normalment użat għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati fil-fruntiera.

86.

Minn dan isegwi li, kif diġà esponejt reċentement fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kuntest tal-kawżi magħquda FMS et ( 24 ), l-element fundamentali għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-proċeduri mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 huwa t-territorjalità tagħhom ( 25 ). Jekk l-Istati Membri jużaw il-possibbiltà offruta lilhom li jistabbilixxu proċeduri f’post speċifiku fil-fruntiera tagħhom, din id-dispożizzjoni tapplika ( 26 ).

87.

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku stabbilit li:

l-applikazzjonijiet għall-ażil għandhom neċessarjament jiġu ppreżentati fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, konformement mal-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, kif ġie argumentat b’mod wiesa’ matul l-eżami tal-ewwel ilment ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu;

l-awtorità nazzjonali kompetenti tassenja lill-applikant għall-ażil, skont l-Artikolu 80/J(5) tal-istess liġi, waħda miż-żoni ta’ tranżitu bħala post ta’ residenza, sakemm id-digriet ta’ trasferiment isir eżekuttiv skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 27 ) jew id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar.

88.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi oġġettivi, fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li peress li hija mwettqa kollha ġewwa struttura li tinsab matul il-fruntiera, il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

89.

Din il-konklużjoni żgur li ma hijiex ikkontestata mill-argument li l-fatt li matul tali proċedura, l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ażil tiddeċiedi dwar il-mertu, lil hinn mill-każijiet elenkati fl-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32, huwa ta’ natura li jipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ tali proċedura bħala “proċedura fuq il-fruntiera”. Fil-fatt, dan l-argument iwassal sabiex jiġi ddikjarat li l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 ma huwiex applikabbli għall-proċedura inkwistjoni għar-raġuni li l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ din tal-aħħar ma humiex kompatibbli ma’ dan l-artikolu, li juri sofiżmu pur.

b) Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-garanziji proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32

90.

Ladarba ġie stabbilit li l-proċedura implimentata mill-awtorità Ungeriża kompetenti fil-qasam tal-ażil fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa taqa’ taħt l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-allegazzjoni li wara l-emendi introdotti mil-Liġi Nru XX tal-2017, din il-proċedura ma tosservax il-garanziji stabbiliti f’tali dispożizzjoni, b’mod partikolari dawk li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu biss dwar l-ammissibbiltà jew dwar il-mertu fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32 (l-ewwel parti tat-tieni ilment), u t-tul tal-proċedura għandu jkun limitat għal erba’ ġimgħat, b’dan illi jekk ebda deċiżjoni ma tkun ittieħdet f’dan it-terminu, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jingħata d-dritt tad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (it-tieni parti tat-tieni ilment). Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta li l-proċedura inkwistjoni lanqas tosserva l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32, applikabbli għall-proċedura fuq il-fruntiera minħabba r-riferiment magħmul mill-imsemmi Artikolu 43 ta’ din id-direttiva għall-“prinċipji u garanziji fundamentali previsti fil-Kapitolu II”, li jipprevedi li għandu jiġi pprovdut “appoġġ adegwat” lill-applikanti li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali (it-tielet parti tat-tieni ilment).

91.

Huwa ċar li t-tliet partijiet għandhom jintlaqgħu.

92.

Fir-rigward tal-ewwel parti, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-proċedura kollha prevista mil-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil tiżvolġi fiż-żona ta’ tranżitu, kemm fir-rigward tal-ammissibbiltà kif ukoll tal-mertu. Fil-fatt, kif fakkart preċedentement, l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jistipula li l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ażil tassenja lill-applikant għall-ażil iż-żona ta’ tranżitu bħala post ta’ residenza sakemm id-digriet ta’ trasferiment isir eżekuttiv skont ir-Regolament ta’ Dublin jew id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar, mingħajr ma jillimita l-kompetenza ta’ din l-awtorità għaż-żewġ każijiet previsti fl-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2013/32.

93.

Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti, huwa paċifiku ukoll bejn il-partijiet li l-Artikolu 80/I(i) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil kif ukoll l-Artikolu 15/A(2)a tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jawtorizzaw id-dħul fit-territorju Ungeriż ta’ applikant għall-ażil li jinsab f’żona ta’ tranżitu meta jgħaddu erba’ ġimgħat mill-introduzzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, u jimponu fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ażil li twettaq proċedura konformement mar-regoli ġenerali (Artikoli 71/A u 72 tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jittrasponu l-provvedimenti tal-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32.

94.

Fir-rigward tat-tielet parti, għandu jitfakkar li l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi, b’mod ġenerali, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “appoġġ adegwat” lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali matul il-proċedura ta’ ażil kollha, peress li din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll il-persuni li l-applikazzjoni tagħhom tiġi eżaminata konformement mar-regoli tal-proċedura fuq il-fruntiera deskritti fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

95.

L-Artikolu 24(3) tad‑Direttiva 2013/32 huwa s-suġġett, konformement mal-Artikolu 5 ta’ dan l-att, ta’ traspożizzjoni favorevoli mill-Ungerija, fis-sens li l-Artikolu 71/A(7) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jeskludi l-applikanti li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali ( 28 ) mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożittiv nazzjonali li jittrasponi r-regoli fuq imsemmija. Madankollu, huwa paċifiku li l-Artikolu 80/I(i) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil istess liġi eskluda l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 71/A(7) f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi ta’ immigrazzjoni massiva ( 29 ), sistema legali applikata mill-awtoritajiet Ungeriżi b’mod kontinwu sa mill-ħolqien tagħha. Barra minn hekk u fuq kollox, il-Liġi Nru XX tal-2017 stabbilixxiet dispożittiv speċifiku għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali, fis-sens li l-Artikolu 80/J(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, jipprevedi biss l-applikazzjoni ta’ ċerti garanziji proċedurali għall-benefiċċju tal-minorenni mhux akkumpanjati ta’ inqas minn 14‑il sena, jiġifieri parti żgħira mill-kategorija tal-applikanti kkonċernati. Fil-fehma tiegħi, din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32 mill-awtoritajiet Ungeriżi.

96.

F’dan ir-rigward, l‑unika invokazzjoni mill-Ungerija tal-Artikolu 4(3) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jipprevedi “li għal dak li jirrigwarda l-persuni li għandhom bżonn trattament speċjali, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tagħhom”, ma hijiex ta’ natura li tikkontesta din il-konklużjoni, peress li din hija dispożizzjoni simili għal sempliċi petizzjoni tal-prinċipju, kontradett mill-Artikoli 80/I(i) u 80/J(6) tal-istess liġi.

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex bħala konklużjoni intermedja, tiddikjara, fis-sentenza futura tagħha, li peress li l-proċedura fuq il-fruntiera tiżvolġi fiż-żoni ta’ tranżitu ma tosservax il-garanziji previsti fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll dawk stabbiliti fl-Artikolu 24(3) tagħha, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

c) Fuq l-Artikolu 72 TFUE

98.

Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni ta’ regoli differenti minn dawk stabbiliti mid-Direttiva 2013/32 hija, skont l-Ungerija, iġġustifikata f’dan il-każ mill-Artikolu 72 TFUE. Waqt il-kriżi ta’ immigrazzjoni li seħħet fl-2015, ir-regoli fis-seħħ irriżultaw, fil-fatt, insuffiċjenti sabiex jippermettu lill-Istati Membri jirregolaw tali sitwazzjoni b’mod xieraq. F’dan il-każ, l-Artikolu 72 TFUE jippermetti preċiżament deroga mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet taż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

99.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 72 TFUE, li jifforma parti mill-Kapitolu I intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali” tat-Titolu V TFUE (“L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”), jaqra kif ġej: “Dan it-titolu m’għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri rigward iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna”.

100.

Issa, l-argument tal-Ungerija jidhirli li huwa bbażat fuq qari fis-sens li din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju għandha tinftiehem bħala regola ta’ kunflitt li permezz tagħha l-prerogattivi tal-Istati Membri fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna jipprevalu fuq l-obbligi tagħhom tad-dritt sekondarju. Stat Membru jista’ għalhekk jinvoka l-Artikolu 72 TFUE sabiex ma japplikax kwalunkwe att meħud fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat, u li n-natura obbligatorja tiegħu ma hijiex ikkontestata, kull darba li huwa jqis li jeżisti riskju għaż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

101.

Dan il-qari diġà ġie rrifjutat, fil-fehma tiegħi, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija reċentement fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja et (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) ( 30 ) ( 31 ), li jidhirli li huwa utli li jitfakkar ir-raġunament tagħha.

102.

Qabel kollox, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed ma jistax jikkunsidra li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull miżura adottata għal raġunijiet tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika, peress li d-derogi espressi applikabbli f’każ ta’ sitwazzjoni li tista’ tippreġudika lil dawn tal-aħħar, jirrigwarda każijiet eċċezzjonali stabbiliti ferm ( 32 ). Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li peress li d-deroga prevista fl-Artikolu 72 TFUE hija, fiha nnifisha, ta’ interpretazzjoni stretta, hija ma tistax tiġi interpretata b’mod li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi jinvokaw biss l-obbligi tagħhom. Fi kliem ieħor, il-portata tar-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali ma tistax għalhekk tiġi ddeterminata minn kull Stat Membru, mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 72 TFUE li għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għad-deroga stabbilita f’dan l-artikolu għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-obbligi tiegħu fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna ( 33 ).

103.

Fil-każ fejn il-validità tal-att tad-dritt derivat ikkonċernat ma hijiex ikkontestata fid-dawl tal-Artikolu 72 TFUE, huwa dan l-Istat Membru li għandu jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja elementi li juru li dan l-att ma jippermettilux, fid-dawl tal-portata tad-dispożittiv legali stabbilit jew tal-kundizzjonijiet konkreti tal-implimentazzjoni tiegħu, li jiżgura l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet fuq imsemmija. Huwa biss taħt din il-kundizzjoni li Stat Membru jista’ jinvoka utilment l-Artikolu 72 TFUE sabiex jiġġustifika r-rifjut tiegħu li jimplimenta obbligu impost mill-att tad-dritt derivat ikkonċernat ( 34 ).

104.

Dan ir-raġunament għandu jiġi applikat għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

105.

Qabel kollox ninnota li l-Ungerija ma tikkontestax, bħala motiv ta’ difiża, il-validità tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 fir-rigward tal-Artikolu 72 TFUE. Madankollu, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha jirriżulta li dan l-Istat Membru jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex isostni li fil-presenza ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, huwa għandu d-dritt jipprevedi leġiżlazzjoni li teskludi l-garanziji assoċjati mal-proċeduri fuq il-fruntiera. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li l-eżistenza tan-neċessità li tintuża d-deroga intiża sabiex tippermetti l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Ungerija fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-Artikolu 43 tal-imsemmija direttiva biss. Issa, dan tal-aħħar jipprevedi espressament, fil-paragrafu (3) tiegħu, il-possibbiltà li tiġi implimentata tali deroga, fil-każ fejn l-influss ta’ numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li japplikaw fl-istess waqt għall-protezzjoni internazzjonali jirrendi impossibbli, fil-prattika, l-applikazzjoni tal-paragrafu (1) tiegħu. Madankollu, l-Ungerija ma invokatx dan l-artikolu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, lanqas sussidjarjament.

106.

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32 jista’ jiġi invokat mill-Ungerija esklużivament sabiex jawtorizza lill-Istati Membri jeskludu l-garanzija prevista fil-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu, jiġifieri sabiex jiġġustifikaw il-qbiż tat-terminu ta’ erba’ ġimgħat li fih normalment il-proċedura fuq il-fruntiera għandha sseħħ u tispiċċa. Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru jista’ jużah biss jekk l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu, fit-tmiem tal-imsemmi terminu ta’ erba’ ġimgħat, akkomodati normalment f’postijiet li jinsabu qrib il-fruntiera jew taż-żona ta’ tranżitu. Issa, kif iċċarat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha FMS et, ir-rekwiżit li dawn l-applikanti jingħataw akkomodazzjoni f’kundizzjonijiet normali jimplika neċessarjament li dawn ma jistgħux jibqgħu f’detenzjoni ( 35 ), bħal ma huwa l-każ fil-każ inkwistjoni, kif ser nispjega fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet ilment.

107.

Għalhekk, inqis li l-Artikolu 72 TFUE ma jippermettix li waqt l-implimentazzjoni ta’ proċedura fuq il-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, l-Ungerija tidderoga mill-garanziji previsti minn din id-dispożizzjoni.

108.

Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni ilment imressaq mill-Kummissjoni kollu kemm hu.

C.   Fuq id-detenzjoni ġenerali tal-applikanti għall-ażil u n-nuqqas ta’ osservanza tal-garanziji proċedurali rilevanti

1. L-argumenti tal-partijiet

109.

Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi pprovdiet l-applikazzjoni għall-applikanti għall-ażil kollha (bl-eċċezzjoni tat-tfal ta’ inqas minn 14‑il sena) ta’ proċedura li twassal sabiex dawn ikollhom jibqgħu f’detenzjoni waqt it-tul kollu tal-proċedura ta’ ażil fl-installazzjonijiet ta’ waħda miż-żoni ta’ tranżitu li minnha jistgħu jitilqu biss billi jieħdu d-direzzjoni lejn is-Serbja, u billi ma akkumpanjatx din id-detenzjoni bil-garanziji previsti mid-Direttiva 2013/33, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 2(h) u l-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33.

110.

Il-kunċett ta’ “detenzjoni”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, huwa kunċett legali awtonomu tad-dritt tal-Unjoni b’tali mod li l-klassifikazzjoni taż-żoni ta’ tranżitu fid-dritt Ungeriż jew il-fatt li dawn jinsabu fil-qrib tal-fruntiera ma għandhom ebda effett fuq l-evalwazzjoni tiegħu.

111.

Iż-żoni ta’ tranżitu stabbiliti fl-Ungerija huma postijiet magħluqa li l-applikant ma jistax jitlaq minnhom ħlief billi jieħu d-direzzjoni lejn is-Serbja. Il-persuni li jinsabu f’dawn iż-żoni ma jistgħux jidħlu fit-territorju Ungeriż.

112.

Konformement mal-Artikolu 80/K(2)(d) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, applikabbli matul is-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tista’ tagħlaq il-proċedura jekk l-applikant ikun telaq miż-żona ta’ tranżitu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jitlaq miż-żona ta’ tranżitu ma huwiex għażla libera tal-applikanti.

113.

Il-libertà ta’ moviment tal-persuni li jinsabu fiż-żona ta’ tranżitu hija barra minn hekk limitata ħafna, kif iddikjara l-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u tal-Pieni jew Trattamenti Inumani jew Degradanti u r-rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Immigranti u r-Refuġjati. Iż-żmien li għadda mill-applikanti fiż-żoni ta’ tranżitu jikkostitwixxi fattur importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-residenza f’dawn iż-żoni tistax tiġi kkunsidrata bħala detenzjoni. Issa, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni kienu sabu, fuq il-post, li ċerti applikanti kien ilhom jirrisjedu hemm għal iktar minn erbatax‑il xahar.

114.

Ir-residenza fiż-żoni ta’ tranżitu tirriżulta b’hekk f’restrizzjoni tal-libertà individwali tant kbira li għandha tiġi assimilata għal detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33. Barra minn hekk, din il-konklużjoni ġiet ikkonfermata mis-sentenza Ilias u Ahmed vs L-Ungerija tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 36 ).

115.

Issa, id-detenzjoni fiż-żoni ta’ tranżitu ma hijiex konformi mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll mal-Artikolu 8(2) u (3), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2013/33, peress li titwettaq bħala regola ġenerali, sistematikament, mingħajr evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali tal-applikanti, mingħajr ma tingħata deċiżjoni bil-miktub u peress li tista’ tiġi ordnata wkoll għall-minorenni, anki għal minorenni mhux akkumpanjati, bl-eċċezzjoni ta’ wlied ta’ inqas minn 14‑il sena.

116.

Minkejja li l-Artikolu 80/I tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jeskludix, f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, l-applikazzjoni tal-Artikolu 31/A tal-istess liġi, iddedikat għar-regoli applikabbli għad-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aħħar artikolu ma jistax iħassar il-ksur imwettaq mill-Ungerija sa fejn, f’tali sitwazzjoni ta’ kriżi, l-applikanti kollha huma marbuta li jirrisjedu fiż-żona ta’ tranżitu konformement mal-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt tal-Ażil.

117.

Finalment, ma jistax isir argument mill-fatt li fil-Kawża li wasslet għas-sentenza Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) ( 37 ), it-talba għal proċedura b’urġenza ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa, il-kunċett ta’ “detenzjoni” ma jiddependix fuq il-kwistjoni dwar jekk, f’kawża preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizzax l-użu tal-proċedura b’urġenza. Min-naħa l-oħra, fl-imsemmija kawża, il-qorti tar-rinviju kienet talbet il-proċedura b’urġenza, mhux minħabba r-residenza tal-applikant f’żona ta’ tranżitu, iżda għar-raġuni li din il-kawża kellha effett sinjifikattiv fuq ċertu numru ta’ kawżi simili li jaqgħu taħt l-istess leġiżlazzjoni.

118.

L-Ungerija tikkunsidra li ż-żoni ta’ tranżitu huma essenzjalment, ċentri ta’ akkoljenza li jinsabu fil-fruntiera esterna Schengen fl-Ungerija, maħsuba bħala post għall-proċedura għall-ażil konformement mad-dritt tal-Unjoni, u mhux postijiet ta’ detenzjoni.

119.

It-tqegħid f’żona ta’ tranżitu ma huwiex tqegħid f’detenzjoni, peress li dawn iż-żoni ta’ tranżitu huma magħluqa biss lejn id-direzzjoni tal-Ungerija, u l-okkupanti tagħhom huma liberi li jitilqu minnhom lejn is-Serbja. Barra minn hekk, l-applikanti għall-ażil li jitilqu miż-żona ta’ tranżitu ma humiex neċessarjament esposti għal konsegwenzi sfavorevoli. Fil-fatt, l-Artikolu 80/K(2)(d) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li jekk l-applikant għall-ażil jitlaq miż-żona ta’ tranżitu, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tieħu deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni li hija għandha jew tagħlaq il-proċedura. Konsegwentement, anki fl-assenza ta’ applikant għall-ażil, din l-awtorità tista’ tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal ażil, u tista’ wkoll tilqagħha. Din il-leġiżlazzjoni hija konformi mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2013/32, li jippermetti lill-imsemmija awtorità tagħlaq l-eżami tal-applikazzjoni f’każ ta’ rtirar impliċitu tagħha.

120.

Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil ma twassalx awtomatikament għal privatizzazzjoni sistematika tal-libertà peress li skont l-Artikolu 80/J(1)(c) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, il-persuna li tirrisjedi legalment fit-territorju Ungeriż tista’ tintroduċi l-applikazzjoni tagħha kullimkien u għalhekk la għandha tippreżenta ruħha u lanqas tibqa’ fiż-żona ta’ tranżitu.

121.

Ir-regoli ddettaljati li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, id-deċiżjoni ta’ detenzjoni u ż-żamma tagħha, huma previsti fl-Artikoli 31/A sa 31/I tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil u jiggarantixxu b’mod sħiħ l-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/33.

122.

Barra minn hekk, it-tul tar-residenza f’istituzzjoni ta’ akkoljenza ma jikkostitwixxix kriterju li jippermetti li jiġi kkunsidrat li hija detenzjoni. L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-kwalità tal-kundizzjonijiet prevalenti f’ċentru ta’ akkoljenza. Il-fatt li l-kobor limitat tat-territorju okkupat miż-żona ta’ tranżitu jimplika neċessarjament ċerti restrizzjonijiet tal-libertà ta’ moviment ma jiġġustifikax b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tagħha bħala żona ta’ detenzjoni.

123.

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-garanziji previsti mid-Direttiva 2013/33, l-Ungerija tenfasizza li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tagħti f’kull każ deċiżjoni dwar l-akkomodazzjoni fiż-żona ta’ tranżitu, bħala post ta’ residenza magħżul matul il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2013/33, u li din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors.

124.

Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑14 ta’ Marzu 2017, Ilias u Ahmed vs L-Ungerija (CE:ECHR:2017:314JUD004728715), l-Ungerija ssostni li din is-sentenza ma hijiex definittiva u li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżaminat mhux is-sitwazzjoni taż-żoni ta’ tranżitu użati attwalment, iżda dik ta’ istituzzjoni tal-2015, li huwa minnu li għandha l-istess isem, iżda li l-istatus u l-klassifikazzjoni legali tagħha huma differenti, bħad-drittijiet u l-obbligi kollha imposti fuq il-persuni li jirrisjedu fiha.

125.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat indirettament li ż-żoni ta’ tranżitu, li sa minn Marzu 2017 għandhom il-funzjoni ta’ ċentri ta’ akkoljenza, ma jikkostitwixxux ċentri ta’ detenzjoni. Fil-fatt, ir-rifjut li tiġi applikata l-proċedura preliminari ta’ urġenza fil-Kawża li waslet għas-sentenza Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) ( 38 ), li tirrigwarda tilwima dwar applikant li jirrisjedi f’żona ta’ tranżitu, jindika b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx ir-residenza f’żona ta’ tranżitu bħala detenzjoni, peress li l-użu ta’ din il-proċedura jista’ jiġi ġġustifikat, skont il-ġurisprudenza, meta l-kawża inkwistjoni tirrigwarda persuna f’detenzjoni.

126.

Finalment, l-Ungerija tqis, fir-rigward taż-żjara tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, li din tirrigwarda biss iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke u li l-għan tagħha kien il-kontroll fuq il-post tal-proġetti li jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni skambjaw biss ftit kliem ma’ wħud mir-residenti, mhux identifikati.

2. Evalwazzjoni

127.

Kif jirriżulta mill-argumenti miġbura fil-qosor iktar ’il fuq, il-qalba tad-diżgwid bejn il-partijiet tirrigwarda karatterizzazzjoni differenti tal-kunċett ta’ “detenzjoni”, kif previst fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33. Ser nanalizza dan il-punt qabel ma nindirizza l-kwistjoni dwar l-osservanza tal-garanziji assoċjati mad-detenzjoni fis-sens tal-istess direttiva.

a) Fuq l-eżistenza ta’ detenzjoni

128.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub f’din il-kawża, l-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, fis-sentenza tagħha Ilias u Ahmed vs L-Ungerija ( 39 ), fuq il-kwistjoni dwar jekk l-akkomodazzjoni ta’ żewġ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke tikkostitwixxix ċaħda tal-libertà għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (“Dritt għal-libertà u s-sigurtà”). F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet b’mod kuntrarju għas-sentenza mogħtija preċedentement mir-Raba’ Awla tagħha, u waslet għalhekk għal konklużjoni negattiva.

129.

Mistiedna jieħdu pożizzjoni dwar ir-rilevanza ta’ din is-sentenza waqt is-seduta, il-partijiet esprimew perspettivi opposti. Filwaqt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-konklużjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma hijiex trasponibbli għal din il-kawża minħabba ċerti differenzi fattwali u ġuridiċi importanti – l-Ungerija targumenta li din il-konklużjoni, applikabbli għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hija ta’ natura li ssostni l-argument tagħha li s-sitwazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma taqax taħt il-kunċett ta’ “detenzjoni”, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33. B’hekk, dan l-Istat Membru donnu jqis li jekk it-tqegħid ta’ dawn l-applikanti f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu ma huwiex ċaħda tal-libertà fis-sens tal-Artikolu 5 tal-KEDB, dan lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala detenzjoni, peress li dan l-aħħar kunċett jippreżumi l-eżistenza ta’ ċaħda tal-libertà fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Karta.

130.

Fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawżi magħquda FMS et ( 40 ), li jirrigwardaw ukoll il-kwistjoni dwar jekk tqegħid f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu li jinsabu fil-fruntiera Serbo-Ungeriża kinitx tikkostitwixxi detenzjoni fis-sens tad-Direttiva 2013/33, jien spjegajt li, minkejja li huwa minnu li l-Artikolu 5 tal-KEDB jikkorrispondi għall-Artikolu 6 tal-Karta, u li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jirrikjedi li d-drittijiet stabbiliti fih u li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB jiġu interpretati bħala li għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li mogħtija lilhom mill-KEDB, jibqa’ inkontestabbli l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat diversi drabi li l-koerenza mfittxija f’din id-dispożizzjoni ma tistax tippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha ( 41 ), peress li l-KEDB ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma aderixxietx magħha, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 42 ). Għalhekk stedint lill-Qorti tal-Ġustizzja tinjora l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u twettaq l-eżami tagħha fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta, ikkunsidrat b’mod awtonomu ( 43 ). Peress li dan l-aħħar artikolu għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33 ( 44 ), bħala li huwa inkluż fid-definizzjoni ta’ “detenzjoni” li tinsab fl-Artikolu 2(h) tal-istess direttiva, wasalt għall-konklużjoni li l-eżistenza ta’ detenzjoni għandha tiġi ddeterminata biss permezz tal-eżami tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-definizzjoni, li tipprevedi li għandha tiġi kklassifikata bħala tali “restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha”.

131.

Issa jidhirli li fis-sentenza reċentement mogħtija f’dawn il-kawżi magħquda ( 45 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea approvat dan l-approċċ peress li kkonkludiet l-eżistenza ta’ detenzjoni fit-tmiem ta’ analiżi li tirrigwarda biss il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5 tal-KEDB tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Ilias u Ahmed vs L-Ungerija ( 46 ).

132.

Fid-dawl tal-imsemmija kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, bl-għajnuna ta’ approċċ letterali, storiku u kuntestwali, li d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, “tikkostitwixxi miżura koerċittiva li ċċaħħad lil dan l-applikant mil-libertà ta’ moviment tiegħu u tiżolah mill-kumplament tal-popolazzjoni, billi timponi fuqu li jibqa’ b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq.” ( 47 ).

133.

Għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “detenzjoni” hekk ikkaratterizzat f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tipproduċi numru ta’ elementi fattwali li r-realtà tagħhom ma hijiex ikkontestata mill-Ungerija. Skont il-Kummissjoni, l-applikanti għall-ażil huma marbuta, matul il-proċedura kollha ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom, jibqgħu b’mod permanenti f’waħda miż-żoni ta’ tranżitu, li huma mdawwrin b’ċint għoli u barbed wire. Ġewwa ż-żona ta’ tranżitu, dawn l-applikanti huma akkomodati, fi gruppi ta’ ħames persuni, f’kontenituri metalliċi ta’ madwar 13‑il metru kwadru. Huma għandhom possibbiltà estremament limitata li jmorru f’sezzjoni taż-żona ta’ tranżitu oħra minbarra dik li jirrisjedu fiha, li huwa permess biss f’każ ta’ konsultazzjonijiet mediċi jew ta’ intervisti organizzati fil-kuntest tal-proċedura tal-ażil u taħt skorta ta’ gwardjani taż-żona ta’ tranżitu, u ma jistax ikollhom kuntatt ma’ persuni li ġejjin minn barra, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant legali tagħhom. Barra minn hekk, jidhirli li mill-fajl jirriżulta li l-movimenti tagħhom huma sorveljati b’mod permanenti minħabba l-presenza tal-imsemmija gwardjani ġewwa ż-żona ta’ tranżitu, kif ukoll fil-bieb tad-dħul ta’ kull sezzjoni tagħha.

134.

Fil-fehma tiegħi, dawn in-numru ta’ elementi juru grad għoli ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-applikanti għall-ażil sal-punt li jirrendu din is-sitwazzjoni komparabbli ma’ sistema ta’ detenzjoni ( 48 ), kif qieset il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza FMS et fir-rigward taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke abbażi ta’ elementi fattwali analogi pprovduti mill-qorti tar-rinviju ( 49 ).

135.

Għal dak li jirrigwarda l-argument mqajjem mill-Ungerija fir-risposta tagħha fil-kuntest ta’ din il-kawża, li t-tqegħid tal-applikanti kkonċernati fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke ma jistax jiġi kklassifikat bħala detenzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, peress li kull applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu l-possibbiltà li jitlaq volontarjament miż-żona ta’ tranżitu, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrifjutatu fis-sentenza FMS et ( 50 ).

136.

Abbażi tal-premessa li hija biss possibbiltà “realistika” ta’ tluq miż-żona ta’ tranżitu inkwistjoni li hija ta’ natura li teskludi l-esklużjoni ta’ detenzjoni ( 51 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat iċ-ċaħda tagħha permezz ta’ żewġ motivi, li skonthom, l-ewwel nett dħul eventwali tal-imsemmija applikanti fis-Serbja huwa kkunsidrat bħala illegali u għalhekk jesponihom għal sanzjonijiet, u li, it-tieni nett dawn l-applikanti jirriskjaw li jitilfu kull opportunità li jiksbu l-istatus ta’ refuġjat fl-Ungerija jekk jitilqu mit-territorju Ungeriż ( 52 ). Issa, fil-fehma tiegħi, dawn ir-raġunijiet jistgħu jkunu l-bażi taċ-ċaħda tal-argument magħmul mill-Ungerija f’din il-kawża.

137.

Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel motiv, il-kjarifika mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta li r-Repubblika tas-Serbja tirrifjuta preżentement li tapplika l-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid fir-rigward ta’ immigranti li ġejjin miż-żoni ta’ tranżitu Ungeriżi ma kinitx ikkontestata mill-Ungerija f’dan il-każ. Fir-rigward tat-tieni motiv, għandu jiġi kkonstatat li tluq miż-żona ta’ tranżitu huwa neċessarjament sinonimu għal rinunzja tal-possibbiltà li tinkiseb il-protezzjoni internazzjonali mitluba. Huwa minnu li, l-Artikolu 80/K(2)(d) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li, jekk applikant jitlaq miż-żona ta’ tranżitu, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma hijiex obbligata tagħlaq il-proċedura, iżda hija tista’ wkoll tieħu deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni li jkollha. Madankollu, anki fil-presenza ta’ tali possibbiltà teoretika, jidhirli ferm probabbli, jekk mhux ċertament, li tali deċiżjoni ma tkunx waħda favorevoli. Barra minn hekk, kull deċiżjoni li tittermina l-proċedura ma tistax, konformement mal-Artikolu 80/K(4) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien tal-fehma li l-applikanti għall-ażil ma humiex f’sitwazzjoni li jitilqu miż-żona ta’ tranżitu lejn is-Serbja volontarjament.

138.

Nixtieq inżid li dawn l-applikanti lanqas ma jistgħu jmorru lejn l-Ungerija, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li konformement mal-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, li huwa s-suġġett tar-raba’ ilment tal-Kummissjoni f’din il-kawża, il-pulizija Ungeriża tista’, matul sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, tinterpella liċ-ċittadini barranin li jirrisjedu irregolarment fit-territorju nazzjonali kollu u teskortahom sal-portal tal-eqreb istituzzjoni, ħlief f’każ ta’ suspett ta’ ksur. Minħabba t-tul tat-terminu ta’ stennija għall-aċċess fiż-żona ta’ tranżitu u għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-immigrant ikkonċernat ma għandux alternattiva ħlief li jitlaq lejn is-Serbja, jiġifieri li jirritorna minn fejn ġie f’kuntest, għall-inqas, ta’ inċertezza dwar l-awtorizzazzjoni tad-dħul tiegħu fit-territorju Serb, kif ukoll dwar ir-regolarità tas-sitwazzjoni tiegħu u dwar l-eżitu li jistennih fuq il-post mill-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-immigrazzjoni.

139.

Għalhekk, il-perspettiva li applikant għall-ażil jitlaq liberament miż-żona ta’ tranżitu jidhirli li hija manifestament irrealistika.

140.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, inqis li t-tqegħid ta’ kull applikant fiż-żona ta’ tranżitu matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali għandu jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi “detenzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33.

141.

Ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għadha kemm saret, il-klassifikazzjoni u l-istatut ġuridiku taż-żoni ta’ tranżitu fis-sens tad-dritt Ungeriż, li l-Ungerija invokat diversi drabi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, peress li l-kunċett ta’ “detenzjoni” inkwistjoni ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt nazzjonali, u għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 53 ).

142.

Ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni lanqas ma huwa affettwat bil-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tilqa’ talba għal proċedura b’urġenza ppreżentata mill-qorti tar-rinviju fil-kawża wasslet għas-sentenza Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), dwar tilwima li tirrigwarda applikant għall-ażil li jirrisjedi f’żona ta’ tranżitu, peress li s-sentenza mogħtija f’din il-kawża ma tispeċifikax li r-raġuni tar-rifjut huwa l-fatt li tali applikant ma jinstabx f’sitwazzjoni ta’ detenzjoni ( 54 ). Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni preliminari magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest fir-rigward tal-eżistenza ta’ detenzjoni, li hija ta’ natura fattwali u li l-limiti tagħha huma strettament limitati għall-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirlix li tikkoinċidi ma’ dik magħmula sabiex jiġi ddeterminat jekk l-elementi ta’ dan il-kunċett ta’ “detenzjoni” humiex preżenti fl-istess ħin.

b) Fuq il-legalità tad-detenzjoni

143.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-applikanti għall-ażil kollha huma s-suġġett ta’ detenzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2013/32, waqt l-akkomodazzjoni tagħhom fiż-żoni ta’ tranżitu li jinsabu fil-fruntiera Serbo‑Ungeriża. F’dan l-istadju, għandha għalhekk tittieħed pożizzjoni dwar il-legalità ta’ din id-detenzjoni, filwaqt li jitfakkar li konformement mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jistgħu jitqiegħdu f’detenzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet.

144.

Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema legali xierqa għal kull miżura ta’ detenzjoni, stabbilita fl-Artikoli 8 sa 11 tal-istess direttiva, ma hijiex osservata mill-Ungerija. Naqbel mingħajr eżitazzjoni mal-interpretazzjoni tagħha.

145.

Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali pprovduti mill-Kummissjoni jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikoli 31/A u 31/B tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet marbuta mal-użu tad-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil fid-dritt nazzjonali, ġiet eskluża, f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, mill-Artikolu 80/I(a) ta’ din l-istess liġi. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt, kif issostni l-Ungerija, li dawn id-dispożizzjonijiet jibqgħu japplikaw fl-imsemmija sitwazzjoni, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-fatt li dan l-Istat Membru kkontesta b’qawwa l-eżistenza ta’ kwalunkwe detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, li d-dispożizzjonijiet rilevanti ma humiex applikati għad-detenzjoni ta’ dawn l-applikanti fiż-żoni ta’ tranżitu.

146.

L-Ungerija bl-ebda mod ma tikkontesta l-implimentazzjoni sistematika tal-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jagħti lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil il-kompitu li tassenja lill-applikanti għall-ażil iż-żona ta’ tranżitu bħala post ta’ residenza matul il-proċedura. Fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju, li l-Kummissjoni ġustament tqis li din hija tali li tikser, minn naħa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li skontha detenzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss abbażi tar-raġunijiet hemm elenkati b’mod eżawrjenti, u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, li jirrikjedi li detenzjoni tista’ tiġi ordnata biss meta din tkun neċessarja u abbażi ta’ evalwazzjoni individwali ta’ kull każ, jekk miżuri oħra inqas koersivi ma jistgħux ikunu applikati b’mod effikaċi ( 55 ).

147.

Fir-rigward tal-assenza tal-għoti ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni li tindika l-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li fuqha hija bbażata, bi ksur tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/33, nirrileva li l-Ungerija ssostni li l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ażil tagħti fil-każijiet kollha deċiżjoni dwar it-tqegħid tal-applikanti għall-ażil fiż-żona ta’ tranżitu waqt it-tul tal-proċedura. Madankollu, dan l-Istat Membru stess jammetti b’mod impliċitu, fir-risposta tiegħu, li din ma hijiex deċiżjoni ta’ detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, peress li hija tikklassifikaha bħala deċiżjoni li timponi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

148.

L-Ungerija lanqas tikkontesta li d-detenzjoni tista’ tiġi ordnata wkoll għall-minorenni, anki għal minorenni mhux akkumpanjati, bl-eċċezzjoni ta’ wlied ta’ inqas minn erbatax‑il sena, li mingħajr dubju hija ta’ natura li tikser l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2013/33, li skontu l-minorenni ma jistgħux jitqiegħdu f’detenzjoni ħlief bħala l-aħħar għażla u wara li jiġi stabbilit li miżuri oħra inqas koerċittivi ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

149.

Mir-rikors jirriżulta li l-Kummissjoni invokat ukoll il-ksur tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33. Issa, ma nistax nifhem fejn huwa l-ksur ta’ tali dispożizzjoni, li tiddefinixxi biss il-kunċett ta’ “detenzjoni”, ladarba l-Kummissjoni ma tallegax in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tagħha. Konsegwentement, ma nistax naqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

150.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi, inqis li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha sa fejn ma akkumpanjatx id-detenzjoni implimentata fiż-żoni ta’ tranżitu bil-garanziji previsti fl-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33.

151.

Għalhekk, nikkunsidra li t-tielet ilment tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jintlaqa’.

D.   Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva 2008/115

1. L-argumenti tal-partijiet

152.

Permezz tar-raba’ ilment tagħha, il-Kummissjoni tqis li, billi spostjat lejn in-naħa l-oħra tal-għeluq tal-fruntiera liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, mingħajr ma osservat il-proċeduri u l-garanziji ddefiniti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Ungerija ma osservatx l-obbligi tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet.

153.

Qabel kollox, il-Kummissjoni tirrileva li konformement mal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, huwa possibbli li fit-territorju Ungeriż tintuża medda ta’ 60 metru mal-linja tal-fruntiera esterna sabiex jinbnew, jiġu stabbiliti u operati installazzjonijiet li jservu għall-protezzjoni tal-ordni fil-fruntiera u jeżegwixxu l-kompiti fir-rigward tad-difiża u s-sigurtà nazzjonali, tal-ġestjoni tad-diżastri, tas-sorveljanza tal-fruntieri, tal-ażil u tal-pulizija tal-immigrazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1b) tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, jipprevedi li l-pulizija tista’ tinterpella, matul sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, iċ-ċittadini barranin li jirrisjedu irregolarment u teskortahom sal-portal tal-eqreb istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ din l-istess liġi, ħlief f’każ ta’ suspett ta’ ksur.

154.

Mir-rapporti ċċitati mill-Kummissjoni jirriżulta li l-pulizija Ungeriża tispostja għall-fruntiera liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment arrestati fit-territorju Ungeriż u taqsmilhom l-għeluq tal-fruntiera. Iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, spostjati sal-medda dejqa tal-fruntiera tat-territorju Ungeriż, fejn ebda infrastruttura ma hija disponibbli u minn fejn ma hemm ebda mezz li permezz tiegħu jmorru fil-kumplament tat-territorju Ungeriż, fil-prattika, ma għandhom ebda għażla oħra ħlief li jitilqu mit-territorju Ungeriż. Il-Kummissjoni tikkunsidra għalhekk li din il-proċedura tikkorrispondi għall-kunċett ta’ “tneħħija” kif iddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, anki jekk, f’ċerti każijiet, ikun possibbli li teknikament, l-operazzjoni ta’ trasferiment fiżiku ma tintemmx lil hinn mit-territorju Ungeriż.

155.

It-tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati titwettaq mingħajr ma tingħata deċiżjoni ta’ ritorn, mingħajr evalwazzjoni, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, tal-ħajja tal-familja, tal-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, u mingħajr osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ma jingħatawx ġustifikazzjoni u lanqas spjegazzjoni xierqa bil-miktub, u fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, dawn ma għandhom ebda rimedju.

156.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat ma jaqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għaċ-ċittadini diġà preżenti fit-territorju Ungeriż, filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 5(1)b jestendi għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fl-Ungerija.

157.

Finalment, deroga) essenzjali, ġenerali u estiża mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 ma tistax tiġi ġġustifikata mill-Artikolu 72 TFUE, li jistabbilixxi biss prinċipju li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni u li jiffaċilita l-interpretazzjoni tal-atti tal-Unjoni adottati abbażi tat-tielet parti tat-Titolu V tat-TFUE.

158.

L-Ungerija ssostni, preliminarjament, li l-Artikolu 5(1b) tal-Liġi t dwar il-Fruntieri tal-Istat huwa ġġustifikat skont id-deroga prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/5. Fir-rigward tal-Artikolu 5(1b) tal-istess liġi, dan l-Istat Membru jirrileva li dan jista’ jiġi applikat biss f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, bid-differenza tal-Artikolu 5(1)a.

159.

F’dan il-kuntest, l-Ungerija ssostni li l-Artikolu 72 TFUE jippermetti lill-Istati Membri jadottaw u japplikaw regoli li jirrigwardaw iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna li jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-għan tad-dikjarazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva u tar-regoli applikati f’tali sitwazzjoni huwa, f’kull każ, iż-żamma tal-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna tal-pajjiż. Id-Direttiva 2008/115 ma tipprevedix li r-regoli li hija tistabbilixxi għandhom jiġu applikati wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 72 TFUE. Konsegwentement, Stat Membru jista’ jeskludi d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva meta jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu taż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

160.

L-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika huma rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali li jagħtu lill-Istati Membri kompetenza leġiżlattiva li tippermettilhom jindaħlu fid-dritt tal-Unjoni, u li l-Artikolu 4(2) TUE jenfasizza n-natura essenzjali tagħhom. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 56 ), l-Istati Membri jiddeċiedu b’awtonomija sħiħa dwar dak li jikkunsidraw li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ordni pubbliku, u din l-evalwazzjoni tista’ tvarja matul iż-żmien. F’dan ir-rigward, l-Ungerija tfakkar li l-kuntest ġuridiku, previst mid-dritt sekondarju għall-finijiet tal-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minn immigrazzjoni massiva, irriżulta insuffiċjenti fil-fehma tal-Kummissjoni stess, li minnhom siltet il-konsegwenzi billi ppreżentat, fl-2016, kumpless sħiħ ta’ proposti ta’ riforma tas-sistema komuni ta’ ażil Ewropea, kemm fir-rigward tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll tad-Direttiva 2008/115.

161.

Konsegwentement, f’sitwazzjoni ta’ kriżi bħal dik li teżisti fl-Ungerija, ma huwiex obbligatorju li jiġu ssodisfatti l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, meta l-pulizija Ungeriża tapplika l-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat.

162.

Barra minn hekk, il-pulizija ma ġġigħelx liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment arrestati fit-territorju Ungeriż jaqsmu l-fruntiera, peress li l-installazzjoni ta’ protezzjoni tal-fruntiera (għeluq tal-fruntiera) ma jinstabx fil-linja tal-fruntiera, iżda fit-territorju tal-Ungerija. Għalhekk, dawn il-persuni ma humiex ser jitneħħew lejn is-Serbja u jistgħu, wara li jkunu skortati sal-portal, jintroduċu l-applikazzjoni tagħhom fl-eqreb żona ta’ tranżitu. Fl-assenza ta’ ritorn effettiv, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 hija eskluża, peress li fil-fatt Stat Membru ma jistax jeżegwixxi miżuri ta’ tneħħija fit-territorju tiegħu stess.

163.

L-Ungerija żżid li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tindika fejn għandhom ikunu jinsabu fit-territorju tal-pajjiż l-installazzjonijiet li jservu għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-ażil, jew fejn għandhom jittieħdu l-persuni li jirrisjedu irregolarment. Għalhekk, meta il-pulizija tipproċedi bit-trasferiment, ġewwa t-territorju Ungeriż, taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment sabiex dawn ikunu jistgħu jintroduċu fl-inqas żmien possibbli l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħhom, hija ma tiksirx id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma teżisti ebda regola tad-dritt tal-Unjoni li timponi l-offerta ta’ xi assistenza liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment. Finalment, l-Ungerija ssostni li l-pulizija taġixxi fil-limiti tal-kuntest leġiżlattiv u tuża b’mod proporzjonat mezzi koersivi fil-każijiet previsti mil-liġi biss.

2. Evalwazzjoni

164.

Qabel kollox għandu jitfakkar li l-Ungerija ma tikkontestax li t-teħid ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż sal-portal tal-eqreb installazzjoni jitwettaq mill-awtoritajiet tal-pulizija Ungeriża mingħajr ma jiġu ssodisfatti l-garanziji relatati mal-proċedura ta’ ritorn, stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 ( 57 ). L-ewwel nett, l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura sseħħ mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, il-ħajja tal-familja, l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u lanqas tosserva l-prinċipju ta’ non-refoulement (Artikolu 5) u mingħajr ma tingħata deċiżjoni ta’ ritorn (Artikolu 6(1)). Barra minn hekk, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati ma jirċievu ebda deċiżjoni bil-miktub dwar il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi tar-ritorn u/jew tat-tneħħija (Artikolu 12(1)) u fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, ma għandhom ebda rimedju (Artikolu 13(1)).

165.

Madankollu, l-Ungerija tirrifjuta l-ksur ikkritikat lilha, permezz ta’ dan l-ilment, abbażi ta’ żewġ argumenti essenzjali: prinċipalment, l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2008/115 f’dan il-każ, u sussidjarjament, il-possibbiltà li l-Istati Membri jinvokaw l-Artikolu 72 TFUE sabiex jidderogaw mir-regoli uniformi stabbiliti minn din id-direttiva. Ser neżaminahom wieħed wieħed.

a) Fuq l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2008/115

166.

L-Ungerija tqis, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2008/115 ma tapplikax għal dan il-każ peress li l-użu tal-prattika tat-teħid lura lejn il-fruntiera jkun iġġustifikat skont id-deroga li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115.

167.

Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-direttiva għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ġew arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti waqt il-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li sussegwentement ma kisbux l-awtorizzazzjoni jew id-dritt ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li l-espressjoni “mal-qsim irregolari” timplika “rabta diretta fiż-żmien u fl-ispazju bejn l-arrest jew il-qbid taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u l-qsim ta’ fruntiera esterna” u li “[g]ħalhekk huma kkonċernati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew arrestati jew maqbuda mill-awtoritajiet kompetenti fil-mument stess tal-qsim irregolari ta’ fruntiera esterna jew wara dan il-qsim fil-viċinanza ta’ din il-fruntiera” ( 58 ) ( 59 ).

168.

Ma jidhirlix li l-Kummissjoni tikkontesta li l-Artikolu 5(1a) tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat huwa intiż sabiex juża d-deroga prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115.

169.

Fil-fehma tiegħi, dan l-ilment ġustament jirrigwarda biss l-Artikolu 5(1)b tal‑Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, applikabbli minflok l-Artikolu 5(1)a f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, u li kien għadu fis-seħħ fid-data tal-iskadenza tat-terminu tal-opinjoni motivata. Għalhekk, hija din id-dispożizzjoni li, skont il-Kummissjoni, ma taqax taħt l-imsemmija deroga.

170.

L-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat jipprevedi li, “[m]atul sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, il-pulizija tista’ tinterpella ċ-ċittadini barranin li jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż u teskortahom sal-portal tal-eqreb installazzjoni msemmija fil-paragrafu (1), ħlief f’każ ta’ suspett ta’ ksur”. Issa, fl-assenza tal-limitazzjoni ta’ din is-setgħa tal-pulizija “ġewwa medda ta’ [tmien kilometri] sa mil-linja tal-fruntiera esterna”, kif jipprevedi l-Artikolu 5(1)a tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat ( 60 ), din id-dispożizzjoni tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fl-Ungerija, u mhux biss għal dawk arrestati jew interċettati waqt il-qsim irregolari tal-fruntiera esterna jew wara dan il-qsim qrib din il-fruntiera, kif jirrikjedi l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115. Għalhekk, ladarba ma jissodisfax wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni derogatorja, l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

171.

Fit-tieni lok, l-Ungerija targumenta li t-teħid ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż sal-portal tal-eqreb installazzjoni, imwettaq mill-pulizija Ungeriża, ma jikkostitwixxix “tneħħija” fis-sens tad-Direttiva 2008/115, għar-raġuni li din tal-aħħar ma tapplikax fl-assenza ta’ ritorn effettiv.

172.

Il-kunċett ta’ “tneħħija” huwa ddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva bħala “l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru”, li jista’ effettivament jinftiehem li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Ungerija hija legalment korretta. Fil-fatt, huwa paċifiku i l-Artikolu 5(1b) tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat jawtorizza biss li l-awtoritajiet tal-pulizija jeskortaw iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment arrestati fit-territorju Ungeriż sal-portal tal-eqreb installazzjoni ta’ protezzjoni tal-fruntiera, installazzjonijiet li jinsabu fit-territorju tal-Ungerija. B’hekk, l-operazzjoni ta’ trasferiment fiżiku ma testendix barra minn dan it-territorju, kif tirrikjedi d-definizzjoni inkwistjoni. Madankollu, jidhirli li fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li peress li jitħallew fil-medda ta’ art dejqa li tinsab bejn l-għeluq tal-fruntiera u l-fruntiera nazzjonali, li ma fiha ebda infrastruttura u ma tippermettix li wieħed jirrisjedi hemm fit-tul, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ma għandhomx possibbiltà oħra ħlief li jitilqu minn din il-medda ta’ art u jaqsmu l-fruntiera territorjali mas-Serbja. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz lanqas ma huma f’pożizzjoni li jmorru mill-portal li fih takkumpanjahom il-pulizija saż-żona ta’ tranżitu u jidħlu hemm sabiex jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, peress li dan ifisser stennija ta’ bejn ħdax u tmintax‑il xahar f’medda ta’ art dejqa li kif għadni kemm fakkart hija nieqsa minn kull infrastruttura. Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-prattika inkwistjoni hija ekwivalenti, fil-fatt, għal “tneħħija” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115.

173.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li d-Direttiva 2008/115 hija applikabbli għall-miżura inkwistjoni.

b) Fuq l-Artikolu 72 TFUE

174.

Għal dak li jirrigwarda l-argument magħmul mill-Ungerija li l-Artikolu 72 TFUE jippermetti lill-Istati Membri jeskludu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 meta jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom taż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 101 sa 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet relattivi għar-raġunament magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja et (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) ( 61 ), fil-fehma tiegħi, jibqgħu rilevanti.

175.

Għal darba oħra għandha tiġi applikata din il-linja ta’ raġunament.

176.

Qabel kollox, ninnota li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Ungerija ma qajmitx espressament, bħala motiv ta’ difiża, l-invalidità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 fir-rigward tal-Artikolu 72 TFUE. Għalhekk, għandha tiġi vverifikata l-eżistenza tan-neċessità ta’ dan l-Istat Membru li jinvoka d-deroga hemm prevista fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 kollha kemm hi ( 62 ). F’din id-direttiva stess, l-Artikolu 18 huwa potenzjalment rilevanti peress li jirregola espressament is-sitwazzjonijiet ta’ urġenza fuq imsemmija permezz tal-għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz suġġetti għal obbligu ta’ ritorn, u jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jidderogaw, sakemm tippersisti din is-sitwazzjoni, minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, nosserva li l-Ungerija ma invokatx l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u li fi kwalunkwe każ, dan tal-aħħar ma jawtorizza ebda deroga mid-dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom huwa kkontestat minn dan l-ilment ( 63 ) ( 64 ).

177.

Minn dan isegwi li l-Ungerija ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 72 TFUE sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha li timplimenta l-obbligi kollha imposti fuqha mill-Artikolu 5, mill-Artikolu 6(1), mill-Artikolu 12(1) u mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115.

178.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti l-oħra mressqa mill-Ungerija ma humiex ta’ natura li jikkontestaw din il-konklużjoni. L-istess japplika għall-argument ibbażat fuq il-qari magħqud tal-Artikolu 72 TFUE u tal-Artikolu 4(2) TUE. Fil-fatt, xejn ma jindika li l-preżervazzjoni effettiva tal-funzjonijiet statali essenzjali msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, bħal dawk li jiżguraw l-integrità territorjali, iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, ma tistax tiġi żgurata ħlief jekk jitħallew inapplikati d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fid-Direttiva 2008/115. Fir-rigward tas-sentenza Tsakouridis ( 65 ), minkejja li huwa minnu li minnha jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri intiżi għaż-żamma tal-ordni pubbliku, ma narax kif l-imsemmija sentenza tista’ tinftiehem fis-sens li dawn l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw tali deroga fil-każijiet mhux previsti mid-dritt sekondarju tal-Unjoni billi jinvokaw sempliċement l-Artikolu 72 TFUE. Fil-fatt, infakkar biss li hawn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tinterpreta dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju, jiġifieri l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/83/KE ( 66 ).

179.

Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-raba’ ilment tal-Kummissjoni.

E.   Fuq l-assenza ta’ effettività tar-rikorsi introdotti kontra d-deċiżjonijiet li jiċħdu talba għall-ażil

1. L-argumenti tal-partijiet

180.

Il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija kisret l-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32, għar-raġuni li meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda, il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma tipprovdix espressament il-possibbiltà ta’ effett sospensiv tar-rikorsi. Konsegwentement, id-dritt tal-applikanti għall-ażil li jibqgħu fit-territorju Ungeriż waqt li jistennew l-eżitu tar-rikors ma huwiex żgurat, peress li deċiżjoni negattiva hija eżekuttiva indipendentement mill-introduzzjoni tar-rikors.

181.

Issa, skont ir-regoli ta’ proċedura ġudizzjarja ġenerali applikabbli fl-Ungerija fil-qasam tal-kontenzjuż amministrattiv, l-introduzzjoni tar-rikors ma għandhiex effett sospensiv, peress li l-Artikolu 50 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża jipprevedi biss li l-effett sospensiv jista’ jintalab taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, bħala lex specialis, tistabbilixxi min-naħa tagħha, ir-regoli fil-qasam tal-kontenzjuż amministrattiv applikabbli għall-istħarriġ tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ażil.

182.

L-egyes törvényeknek a tömeges bevándorlás kezelésével összefüggő módosításáról szólóL 2015. évi CXL. törvény (il-Liġi Nru CCX tal-2015 li Temenda Ċerti Liġijiet f’Kuntest ta’ Ġestjoni tal-Immigrazzjoni tal-Massa), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2015, emendat l-Artikoli 53 u 68 tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil u eskludiet id-dispożizzjonijiet li jiżguraw espressament effett sospensiv. Dawn l-emendi japplikaw kemm matul kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva kif ukoll fl-assenza ta’ tali sitwazzjoni.

183.

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis, l-ewwel nett, li peress li r-rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet li jiċħdu l-applikazzjonijiet għall-ażil bħala infondati ma għandux effett sospensiv awtomatiku, l-Ungerija ma ttrasponietx korrettament ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 35(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, waħdu, ma jagħtix lill-applikanti għall-ażil dritt ta’ residenza, iżda jispeċifika biss li dawn il-persuni huma suġġetti għall-proċedura ta’ ażil san-notifika ta’ deċiżjoni li ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar. Għalhekk, l-unika leġiżlazzjoni li minnha l-applikant jista’ jiddeduċi dritt ta’ residenza fl-Ungerija huwa l-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jipprevedi li l-applikant ikollu d-dritt, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija liġi, li jirrisjedi fit-territorju Ungeriż. Madankollu, din id-dispożizzjoni tissuġġetta d-dritt ta’ residenza fl-Ungerija għal kundizzjonijiet addizzjonali mingħajr dettall speċifiku. Il-fatt li konformement mal-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, applikabbli matul sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tassenja lill-applikant iż-żona ta’ tranżitu bħala post ta’ residenza, sakemm id-deċiżjoni li ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar issir eżekuttiva, ma jippermettix li naslu għal din il-konklużjoni. Fil-fatt, ir-residenza fiż-żona ta’ tranżitu għandha tiġi kklassifikata bħala detenzjoni u ma tikkorrispondix għall-kunċett ta’ residenza fl-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32.

184.

It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet li jiċħdu bħala inammissibbli applikazzjonijiet għall-ażil, l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi li l-introduzzjoni tar-rikors ma għandhiex effett sospensiv, li huwa konformi biss mar-regola stabbilita fl-Artikolu 46(6) tad-Direttiva 2013/32, li permezz tagħha l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effett sospensiv awtomatiku tar-rikorsi jew jiżguraw li tittieħed deċiżjoni dwar l-effett sospensiv minn qorti. Barra minn hekk, il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma tispeċifikax b’mod ċar jekk l-Artikolu 50 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża huwiex applikabbli wkoll għall-proċeduri ġudizzjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li għalihom l-imsemmija liġi tipprevedi regoli speċjali, u għalhekk tkun ikkunsidrata bħala li tittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 46(6) tal-imsemmija direttiva konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

185.

It-tielet nett, skont l-Artikolu 46(6)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32, jekk applikazzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli għaliex pajjiż terz huwa kkunsidrat bħala pajjiż terz sigur għall-applikant, jew bħala infondata għaliex l-applikant daħal jew tawwal is-soġġorn tiegħu illegalment fit-territorju tal-Istat Membri, l-effett sospensiv tal-introduzzjoni tar-rikors għandu jkun awtomatiku wkoll. Il-Kummissjoni tammetti li dawn iż-żewġ każijiet huma previsti fl-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, u li l-Artikolu 53(6) tal-imsemmija liġi jipprevedi li d-depożitu ta’ rikors ma għandux effett li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ażil meħuda b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Madankollu, il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma tipprevedix b’mod ċar li f’każijiet simili, id-depożitu tar-rikors għandu effett sospensiv. Hija biss interpretazzjoni kuntrarja li tippermetti li jiġi konkluż, li f’tali każijiet, tapplika regola differenti minn dik tal-assenza ta’ effett sospensiv. Madankollu, it-test ta’ din il-liġi ma jispeċifikax jekk din ir-regola differenti timplikax effett sospensiv awtomatiku, kif jeħtieġ l-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32.

186.

L-Ungerija tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni u l-prattika fil-qasam tal-ażil jiżguraw b’mod xieraq il-possibbiltà li l-applikanti jibqgħu fit-territorju, anki jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 ma kinux trasposti letteralment fid-dritt Ungeriż. Fil-fatt, minn qari magħqud tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 35(1) tal-Liġi dwar l-Ażil jirriżulta li d-dritt li jibqgħu fit-territorju huwa żgurat lill-applikanti għall-ażil sal-għeluq tal-proċedura tal-ażil, li jikkorrispondi, jekk ikun il-każ, għan-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja relattiva għar-rikors ippreżentat kontra kull deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil. B’hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konformi mal-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32.

187.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 46(6) tad-Direttiva 2013/32 jimponi biss, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, li f’ċertu numru ta’ każijiet, il-qorti adita mir-rikors ikollha ġurisdizzjoni tordna l-effett sospensiv tar-rikors, jew fuq talba tal-applikant, jew ex officio. F’dan il-każ, l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jipprevedix dritt awtomatiku li jibqa’ fit-territorju, iżda madankollu, l-applikant jista’, skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża, jitlob protezzjoni ġudizzjarja immedjata, li tista’ tirriżulta, skont id-deċiżjoni mogħtija minnha, f’effett sospensiv tar-rikors, u għalhekk, f’possibbiltà li jibqa’ fit-territorju. L-applikanti li jintroduċu rikors jagħmlu użu minn din il-possibbiltà b’mod sistematiku u fil-prattika l-qrati dejjem jilqgħu din it-talba.

188.

L-“eċċezzjonijiet għall-eċċezzjoni” previsti fl-Artikolu 46(6)(a) tad-Direttiva 2013/32, huma koperti mill-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h) tal-Liġi dwar id-Dritt dwar id-Dritt għall-Ażil, u d-dritt li jibqgħu fit-territorju huwa naturalment żgurat f’dawn iż-żewġ każijiet.

189.

Il-konformità tad-dritt Ungeriż mad-dritt tal-Unjoni lanqas ma hija kkontestata mill-Artikolu 80/J(2) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil. Fil-fatt, skont l-Artikolu 80/J(5) tal-istess liġi, l-applikant għandu d-dritt li jirrisjedi fiż-żona ta’ tranżitu, u għalhekk fit-territorju tal-Ungerija, san-notifika tad-deċiżjoni definittiva, li jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “tibqa’ fl-Istat Membru” previst fl-Artikolu 2(p) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll għar-rekwiżiti tal-Artikolu 46(5) u (6) ta’ din id-Direttiva.

2. Evalwazzjoni

190.

Qabel kollox, għandhom isiru xi osservazzjonijiet preliminari.

191.

It-traspożizzjoni tad-direttivi fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali hija kkaratterizzata mit-tfittxija kostanti ta’ bilanċ bejn in-natura tal-att ġuridiku inkwistjoni, li skont l-Artikolu 288 TFUE hija limitata, sabiex torbot lill-Istati Membri destinatarji fir-rigward tar-riżultat li jrid jinkiseb filwaqt li jħallilhom il-kompetenza dwar il-forma u l-metodi, u n-neċessità li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa u uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Huwa għalhekk li ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma hijiex neċessarjament meħtieġa riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva f’dispożizzjoni legali jew leġiżlazzjoni espressa u speċifika, u t-traspożizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta b’kuntest ġuridiku ġenerali, sakemm dan jiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva, b’mod li huwa suffiċjentement ċar u preċiż ( 67 ).

192.

Meta d-dispożizzjoni tad-direttiva li għandha tiġi trasposta hija intiża sabiex toħloq drittijiet għall-individwi, is-sodisfazzjon tar-rekwiżit ta’ ċertezza legali marbut magħha jeħtieġ li l-kuntest leġiżlattiv nazzjonali ma jħalli l-ebda dubju leġittimu dwar il-portata ta’ dawn id-drittijiet. F’dan il-każ, l-obbligu ta’ traspożizzjoni impost fuq l-Istati Membri jimplika, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn għandhom jiżguraw li l-individwi jibbenefikaw minn sitwazzjoni ġuridika suffiċjentement ċara u preċiża, li tqegħedhom f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali ( 68 ).

193.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu evalwati t-tliet partijiet ta’ dan l-ilment.

194.

L-ewwel parti ta’ dan l-ilment tirrigwarda l-paragrafu (5) tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 (“Id-dritt għal rimedju effettiv”), li jistabbilixxi r-regola ġenerali li kull applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu d-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, anki wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu, sal-iskadenza tat-terminu previst għall-introduzzjoni ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni, jew jekk jiġi introdott rikors, sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tiegħu.

195.

F’dan ir-rigward, irrid nirrileva li l-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fir-replika jwassluni sabiex nikkunsidra li l-għan tal-kritika ta’ din tal-aħħar huwa nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta, u fi kwalunkwe każ, nuqqas ta’ ċarezza ta’ tali traspożizzjoni. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li l-kuntest ġuridiku nazzjonali jħalli spazju għal dubji raġonevoli dwar il-portata tad-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, b’kontradizzjoni għal dak rikjest mill-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq.

196.

Għandu jiġi osservat li l-Ungerija ssostni li qari magħqud tal-Artikoli 5(1)(a) u 35(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jippermetti li jwassal għar-riżultat imfittex mill-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32. Issa, nindika l-ewwel nett, li naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar tqis li l-Artikolu 35(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil inkwistjoni (“L-applikant huwa suġġett għall-proċedura ta’ ażil sa mill-introduzzjoni, fiżikament, tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil […] san-notifika tad-deċiżjoni mogħtija fit-tmiem tal-proċedura meta din ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar”), ma jgħid xejn għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-applikant li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ( 69 ).

197.

Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5(1)(a) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, meħud waħdu, jistax jagħti lill-applikanti għall-ażil id-dritt li jibqgħu fl-Ungerija, u għalhekk jikkostitwixxix traspożizzjoni xierqa tal-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32.

198.

Jiena tal-fehma li din il-kwistjoni għandha tingħata tweġiba negattiva.

199.

Sabiex nispjega r-raġunijiet li wassluni għal din il-konklużjoni, infakkar qabel kollox li d-dispożizzjoni inkwistjoni taqra kif ġej: “l-applikant għall-ażil għandu d-dritt, skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi, li jirrisjedi fit-territorju Ungeriż, u skont il-leġiżlazzjoni speċifika, li jikseb permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż” ( 70 ). Issa, minkejja li l-imsemmija dispożizzjoni għandha ċertament l-effett li tagħti dritt ta’ residenza fit-territorju Ungeriż għall-benefiċċju ta’ kull applikant għall-ażil, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt donnu li huwa madankollu suġġett għal kundizzjonijiet supplimentari li ma huma speċifikati imkien, kif tqis, fil-fehma tiegħi ġustament, il-Kummissjoni. Mitluba tidentifika tali kundizzjonijiet matul is-seduta, l-Ungerija ċċitat biss l-Artikolu 35(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li pjuttost jidhirli li jirrigwarda t-traspożizzjoni tal-kunċett ta’ “applikant għall-ażil”, u mhux l-istabbiliment ta’ waħda mill-kundizzjonijiet tal-għoti tad-dritt ta’ residenza ċċitati iktar ’il fuq.

200.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sistema ġuridika Ungeriża ma tippermettix li jintlaħaq ir-riżultat imfittex mill-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri l-għoti lill-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjoni tagħhom ġiet miċħuda bħala infondata, id-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Fi kwalunkwe każ, quddiem dritt ta’ residenza li l-elementi tiegħu ma huma ddefiniti mkien, ma narax kif tista’ titqies li din hija sistema ġuridika li għandha ċ-ċarezza u l-preċiżjoni suffiċjenti sabiex l-applikanti għall-ażil “jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u, fejn xieraq, li jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali” ( 71 ).

201.

Din il-konklużjoni hija limitata għas-sistema ġuridika Ungeriża li tapplika f’sitwazzjonijiet ordinarji, jiġifieri fl-assenza ta’ dikjarazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva. Fil-fatt, meta tiġi ddikjarata tali sitwazzjoni, l-Ungerija tfakkar li l-Artikolu 80/J(4) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jissospendi d-dritt li jibqgħu fit-territorju nazzjonali, kif irrikonoxxut mill-Artikolu 5(1)(a) ta’ din il-liġi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni nazzjonali rilevanti hija, skont dan l-Istat Membru, l-Artikolu 80/J(5) tal-imsemmija liġi, sa fejn tipprevedi li ż-żona ta’ tranżitu hija assenjata lill-applikant għall-ażil bħala post ta’ residenza obbligatorja sakemm id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu ssir eżekuttiva u ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar (jew id-digriet ta’ trasferiment skont ir-Regolament ta’ Dublin).

202.

Issa, fid-dawl tal-fatt li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tali dispożizzjoni tikkostitwixxi detenzjoni illegali, fis-sens tad-Direttiva 2013/33, għandu jiġi kkunsidrat li hija ma tistax tissodisfa r-rekwiżit li tagħti lill-applikant għall-ażil id-dritt li jibqa’ fit-territorju nazzjonali skont l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32.

203.

It-tieni parti ta’ dan l-ilment tirrigwarda l-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2013/32, li jipprevedi, b’mod derogatorju, li meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda taqa’ taħt waħda mill-kategoriji elenkati f’dan il-paragrafu (li jinkludu b’mod partikolari d-deċiżjonijiet li jiddikjaraw applikazzjoni bħala manifestament infondata, kif ukoll, bl-esklużjoni ta’ ċerti eċċezzjonijiet, bħala infondata fit-tmiem ta’ proċedura mħaffa jew inammissibbli ( 72 )), id-dritt li jibqgħu fit-territorju ma għandux neċessarjament jiġi żgurat b’mod awtomatiku mill-Istat Membru kkonċernat, iżda li dan tal-aħħar għandu, tal-inqas meta d-deċiżjoni inkwistjoni għandha l-konsegwenza li ttemm id-dritt tal-applikant li jibqa’ f’dan l-Istat Membru, jipproċedi li qorti għandha tesprimi ruħha dwar l-eżistenza ta’ tali dritt.

204.

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-kritika tal-Kummissjoni hija limitata għat-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu għal dak li jirrigwarda r-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-applikazzjoni bħala inammissibbli. Hija tippretendi li l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil li jirregola r-rikorsi ppreżentati kontra tali deċiżjonijiet ( 73 ), u li jipprevedi li “[f]il-proċedura amministrattiva kontenzjuża, id-depożitu ta’ rikors ma għandux effett li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ażil meħuda skont l-Artikolu 51(2)(e) u 7(h)”, ma jittrasponix b’mod korrett ir-riżultat imfittex mill-Artikolu 46(6) tad-Direttiva 2013/32. Issa, fil-fehma tiegħi, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar din il-kwistjoni peress li l-Ungerija ma tqajjem ebda oġġezzjoni dwar il-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali, meħuda waħedha, ma tiżgurax la l-effett sospensiv awtomatiku ta’ dawn ir-rikorsi u lanqas il-fatt li deċiżjoni li tirrigwarda l-effett sospensiv tittieħed minn qorti.

205.

Dak li jidhirli li jistħoqqlu attenzjoni partikolari huwa, mill-banda l-oħra, l-argument tal-Ungerija li l-imsemmi riżultat huwa effettivament milħuq fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, minħabba l-eżistenza tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża. Din id-dispożizzjoni tippermetti, skont dan l-Istat Membru, li l-qorti adita bir-rikors prinċipali tintalab protezzjoni ġudizzjarja immedjata, li b’mod partikolari tista’ tieħu l-forma tal-għoti ta’ effett sospensiv ( 74 ), li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Mill-banda l-oħra, din tal-aħħar tindika li hija ma tikkunsidrax l-imsemmi Artikolu 50 bħala traspożizzjoni suffiċjentement ċara u preċiża tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2013/32.

206.

Jiena ma nistax naqbel ma’ dan l-argument.

207.

Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza biss li l-Liġi dwar għad-Dritt għall-Ażil ma tispeċifikax b’mod ċar jekk ir-regoli ġenerali ta’ proċedura amministrattiva huma applikabbli għall-proċeduri ġudizzjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali liġi. Issa, jidhirli li tali osservazzjoni ma tistax twassalna, waħedha, sabiex jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta mid-dritt nazzjonali inkwistjoni hija nieqsa miċ-ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-applikanti għall-ażil ikunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u jinvokawhom quddiem qorti, għal tliet raġunijiet essenzjali. L-ewwel nett, l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jeskludix, b’mod espress, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża, u ma jinkludi ebda element inkompatibbli ma’ tali applikazzjoni. It-tieni nett, rabta bejn lex generalis (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża) u lex specialis (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil) ( 75 ), li tipprevedi li l-ewwel waħda tista’ tapplika anki fil-każijiet koperti mit-tieni waħda sabiex tindirizza l-lakuni tagħha, żgur li ma hijiex insolita. It-tielet nett, il-Kummissjoni ma tipprovdi ebda element, bħal ġurisprudenza nazzjonali kurrenti, li tista’ tqajjem dubju dwar il-fatt li l-qrati amministrattivi Ungeriżi għandhom effettivament il-possibbiltà li jagħtu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara l-applikazzjoni għall-ażil inammissibbli, u tagħti b’hekk lill-applikant ikkonċernat id-dritt li jibqa’ fit-territorju nazzjonali.

208.

Barra minn hekk, ma naħsibx li interpretazzjoni differenti minn dik proposta tosserva l-ekwilibriju li l-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq twettaq permezz tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 191 u 192 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

209.

It-tielet parti ta’ dan l-ilment jirrigwarda l-eċċezzjonijiet għad-deroga previsti fl-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2013/32. Mill-punt (a) tal-imsemmi paragrafu wieħed jiddeduċi li meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda hija bbażata fuq iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 31(8)(h) tad-Direttiva 2013/32, ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 46(5) ta’ din id-Direttiva, terġa’ tibda tapplika b’tali mod li d-dritt li jibqgħu fit-territorju għandu jingħata b’mod awtomatiku. Bl-istess mod, wieħed jiddeduċi li dan id-dritt għandu jingħata b’mod awtomatiku fil-każ fejn l-applikazzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(c) u (e), peress li l-Artikolu 46(6)(b) jipprevedi biss il-każijiet fejn l-applikazzjoni hija ddikjarata inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(a), (b) u (d).

210.

Għandu jitfakkar li permezz ta’ din il-parti, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-eċċezzjonijiet li jirriżultaw mill-punti (a) u (b) tal-imsemmi paragrafu 2 ġew fil-fatt trasposti, sa fejn l-Artikolu 53(6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jirreferi preċiżament għalihom meta jistipula li l-introduzzjoni ta’ rikors ma għandhiex effett sospensiv “bl-eċċezzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-ażil meħuda skont l-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h)”. Madankollu, hija tqis mill-ġdid li t-traspożizzjoni ma hijiex ċara peress li din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tgħidx espressament li l-eċċezzjoni għall-assenza ta’ effett sospensiv hija l-effett sospensiv awtomatiku.

211.

Issa, fid-dawl tal-mod li bih il-Kummissjoni żviluppat l-argument tagħha fil-kuntest ta’ din il-parti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li sempliċi interpretazzjoni a contrario tal-imsemmija dispożizzjoni turi b’mod ċar il-fatt li l-leġiżlatur Ungeriż xtaq jagħti lir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet ibbażati fuq iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 51(2)(e) u (7)(h) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil effett sospensiv awtomatiku.

212.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel parti tal-ħames ilment, u tiċħad it-tieni u t-tielet parti.

IV. Spejjeż

213.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk, bħal f’dan il-każ, il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew iktar. Madankollu, skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, jekk jidhrilha ġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti tbati wkoll parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

214.

Fil-kuntest tas-soluzzjoni proposta, il-Kummissjoni Ewropea tirbaħ il-biċċa l-kbira tal-kawża, filwaqt li l-argumenti tal-Ungerija jirbħu biss fir-rigward ta’ parti żgħira tas-suġġett tat-tilwima, jiġifieri t-tieni u t-tielet parti tal-ħames ilment. Għaldaqstant, jidher li huwa ġġustifikat, f’dan il-każ, li l-Ungerija tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, erba’ kwinti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din tal-aħħar għandha tbati kwint tal-ispejjeż tagħha.

V. Konklużjoni

215.

Għalhekk, għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Billi tipprovdi li kull applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi introdotta fiżikament mill-persuna quddiem l-awtorità kompetenti, u esklużivament fiż-żoni ta’ tranżitu, li fihom hija tawtorizza biss id-dħul ta’ numru żgħir ta’ persuni, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligu tagħha skont l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

2)

Billi timplimenta proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil fil-fruntiera nieqsa mill-garanziji previsti fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont din id-dispożizzjoni.

3)

Billi applikat għall-applikanti għall-ażil kollha, bl-eċċezzjoni ta’ wlied ta’ inqas minn 14‑il sena, proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom li r-riżultat tagħha huwa t-tqegħid f’detenzjoni fiż-żoni ta’ tranżitu matul it-tul tagħha, mingħajr ma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-garanziji previsti fl-Artikoli 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet.

4)

Billi spostjat lejn in-naħa l-oħra tal-għeluq tal-fruntiera liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod irregolari fit-territorju nazzjonali mingħajr ma osservat il-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 12(1) u fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet.

5)

Billi ttrasponiet b’mod inkorrett fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32/UE, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont din id-dispożizzjoni.

6)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

7)

L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll erba’ kwinti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwint tal-ispejjeż tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

( 5 ) ĠU 2016, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntiera ta’ Schengen”.

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1).

( 7 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020 (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367).

( 8 ) Ara, ex multis, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 19).

( 9 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑442/06, EU:C:2008:216, punt 42).

( 10 ) Fir-risposta tagħha l-Ungerija tispjega li sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva hija sitwazzjoni speċjali li tista’ tiġi ddikjarata meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 80/A(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil u li matulha regoli ta’ proċedura speċifiċi japplikaw. Fil-fehma tagħha, il-Gvern Ungeriż għamel din id-dikjarazzjoni f’Settembru 2015 u estenda l-effetti tagħha sas‑7 ta’ Settembru 2019.

( 11 ) Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija ddefinita mill-proposta tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva 2005/85/KE [tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat] (ĠU 2005, L 326, p. 13)], jiġifieri l-att legali mħassar u ssostitwit mid-Direttiva 2013/32, bħala “kull manifestazzjoni jew espressjoni li tindika li [l-persuna kkonċernata] tibża’ li tintbagħat lura fil-pajjiż tagħha” (ara l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat /*COM/2000/0578 final – CNS 2000/0238*/ (ĠU 2001, 62 E, p. 231), kummentarju dwar l-Artikolu 4 (traduzzjoni mhux uffiċjali).

( 12 ) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat /*COM/2000/0578 final – CNS 2000/0238*/, kummentarju dwar l-Artikolu 4.

( 13 ) Enfasi miżjuda minni.

( 14 ) EASO u Frontex, “Gwida prattika: aċċess għall-proċedura ta’ ażil”, 2016, disponibbli fl-indirizz https://www.easo.europa.eu/sites/default/files/Practical%20Tools%20Access%20To%20Procedures-Practical-Guide-FR.pdf.pdf, p. 6.

( 15 ) Rapport tal-HCR intitolat “Hungary as a country of asylum. Observations on restrictive legal measures and subsequent practice implemented between July 2015 and March 2016” (“L-Ungerija bħala pajjiż ta’ ażil: osservazzjonijiet dwar il-miżuri legali restrittivi u l-prattika segwita bejn Lulju 2015 u Marzu 2016”), disponibbli fuq l-indirizz https://www.refworld.org/docid/57319d514.html.

( 16 ) Rapport taż-żjara ta’ informazzjoni tal-Ambaxxatur Tomás Boček, rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Immigranti u r-Refuġjati, fis-Serbja u f’żewġ żoni ta’ tranżitu fl-Ungerija, tat-12 jew 16 ta’ Ġunju 2017, disponibbli fl-indirizz https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=090000168075e9b2.

( 17 ) Rapport stabbilit mill-Hungarian Helsinki Committee intitolat “Country Report: Hungary” (“Rapport dwar l-Ungerija”), disponibbli fl-indirizz https://www.asylumineurope.org/sites/default/files/report-download/aida_hu_2017 update.pdf.

( 18 ) Rapport tal-HCR intitolat “Desperate journeys: Refugees and migrants arriving in Europe and at Europe’s border” (“Vjaġġi ta’ disperazzjoni – Refuġjati u immigrant li jaslu fl-Ewropa u fil-fruntieri tal-Ewropa”), Jannar-Awwissu 2018, disponibbli fl-indirizz https://www.unhcr.org/desperatejourneys/.

( 19 ) Kif jirriżulta mir-rapport taż-żjara ta’ informazzjoni tal-Ambaxxatur Tomás Boček, rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Immigrazzjoni u r-Refuġjati, fis-Serbja u f’żewġ żoni ta’ tranżitu fl-Ungerija, mit‑12 sas‑16 ta’ Ġunju 2017, disponibbli fl-indirizz https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=090000168075e9b2.

( 20 ) F’dan ir-rigward, ninnota li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni rreferiet b’mod kostanti għall-“introduzzjoni” tal-applikazzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali. Madankollu, l-ewwel ilment tagħha jirrigwarda b’mod ċar il-fażi preċedenti għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, jiġifieri dik tal-“preżentazzjoni”.

( 21 ) Anness, “Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta emendata akkumpanjata mid-dokument “Proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus mogħti mill-protezzjoni internazzjonali”, Artikolu 6.

( 22 ) Il-preċiżazzjonijiet bejn il-parenteżi ġew miżjuda minni.

( 23 ) Ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE, iffirmata fi Brussell fit‑13 ta’ Lulju 2016 (COM/2016/0467 final - 2016/0224 (COD)).

( 24 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda FMS et (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:294, punt 136).

( 25 ) Sa fejn naf jien, l-idea li tiġi pprovduta sistema speċifika għall-“proċedura fuq il-fruntiera” tmur lura għall-proposta emendata tad-Direttiva 2005/85, li tesprimiha kif ġej: “Abbażi tal-konsultazzjonijiet ulterjuri magħmula mal-Istati Membri, approċċ partikolari huwa propost għal dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet introdotti f’post fil-fruntiera” (enfasi magħmula [ara l-proposta emendata għad-Direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat /* COM/2002/0326 final - CNS 2000/0238 */ (ĠU 2002, C 291E, p. 143)], li fil-fehma tiegħi, tikkonferma n-natura essenzjali tal-element tat-territorjalità tal-proċedura.

( 26 ) Din jimplika neċessarjament li l-klassifikazzjoni funzjonali tal-installazzjonijiet ta’ Röszke u ta’ Tompa, fis-sens tad-dritt nazzjonali, bħala żoni ta’ tranżitu jew istituzzjonijiet ta’ akkoljenza, li tressqet diversi drabi mill-Ungerija fir-risposta tagħha, hija irrilevanti għalkollox għal dan il-għan.

( 27 ) Regolament (UE) Nru tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Dublin”).

( 28 ) L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikant li jkollu bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali” bħala: “applikant li l-kapaċità tiegħu li jibbenefika mid-drittijiet u li jikkonforma mal-obbligi previsti f’din id-Direttiva tkun limitata minħabba cirkostanzi individwali”.

( 29 ) B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 71/A(7) jistipula li r-regoli tal-proċedura fil-fruntiera ma japplikawx għall-“persuni li għandhom bżonn trattament speċjali”, jiġifieri, konformement mad-definizzjoni tal-Artikolu 2(k) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil il-“minorenni mhux akkumpanjati, jew kwalunkwe persuna vulnerabbli – b’mod partikolari l-minorenni, il-persuni anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, in-nisa tqal, il-ġenituri iżolati bi tfal minuri, kif ukoll il-persuni li sofrew tortura, stupru jew forom serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali – li wara evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tagħha, jista’ jiġi stabbilit li għandha bżonnijiet speċifiċi”. Madankollu, jidhirli li dan il-kunċett jaqa’ taħt dak iktar wiesa’ ta’ “applikanti li jkollhom bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali” użat mid-Diretti 2013/32. Għal din l-aħħar definizzjoni, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Sentenza tat-2 ta’ April 2020 (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257).

( 31 ) Qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dik il-kawża, kont diġà ħadt pożizzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 72 TFUE fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stadt Frankfurt am Main (C‑18/19, EU:C:2020:130, punti 38 sa 42).

( 32 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-derogi jinsabu fl-Artikoli 36, 45, 52, 65, 72, 346 u 347 TFUE.

( 33 ) Sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja et (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punti 143 sa 147).

( 34 ) Parafrażi tiegħi tal-punti 148 sa 151 tal-imsemmija sentenza.

( 35 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, FMS et (C 924/19 PPU u C 925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 244).

( 36 ) Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2017, Ilias u Ahmed vs L-Ungerija, ECHR:2017:0314JUD004728715.

( 37 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020 (C‑564/18, EU:C:2020:218).

( 38 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020 (C‑564/18, EU:C:2020:218).

( 39 ) Qorti EDB, 21 ta’ Novembru 2019, CE:ECHR:2019:1121JUD004728715.

( 40 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda FMS et (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:294, punti 148 sa 152).

( 41 ) Fil-fatt mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52 tal-Karta jirriżulta li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza neċessarja bejn il-Karta u l-KEDB “mingħajr ma jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” (traduzzjoni mhux uffiċjali).

( 42 ) Ara fil-qasam tal-ażil, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 32).

( 43 ) Din l-interpretazzjoni “awtonoma” tad-dispożizzjonijiet tal-Karta li l-kontenut tagħhom huwa simili għal dak tal-KEDB hija suġġetta għall-kundizzjoni, stabbilita mill-Artikolu 52(3) tagħha, li tirriżulta f’livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak żgurat mill-KEDB.

( 44 ) Din il-premessa taqra kif ġej: “Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 6, 7, 18, 21, 24 u 47 tal-[K]arta u trid tiġi implimentata b’dan il-mod”.

( 45 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, FMS et (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367).

( 46 ) Qorti EDB, 21 ta’ Novembru 2019, CE:ECHR:2019:1121JUD004728715.

( 47 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, FMS et (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367) punti 216 sa 222.

( 48 ) Min-naħa tiegħi, ma narax kif restrizzjoni ta’ din il-portata tal-libertà ta’ moviment tista’ tiġi kkunsidrata bħala konsegwenza inevitabbli tal-kobor limitat taż-żona ta’ tranżitu kollha, kif tippretendi l-Ungerija.

( 49 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, FMS et (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367), punt 226.

( 50 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, FMS et (C 924/19 PPU u C 925/19 PPU, EU:C:2020:367).

( 51 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda FMS et (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:294, punti 155166), li fihom sostnejt li hija biss possibbiltà “realistika” ta’ tluq volontarju li hija ta’ natura li teskludi l-eżistenza ta’ detenzjoni, u dan il-karattru realistiku għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni proprja tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

( 52 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, FMS et (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 228 sa 229).

( 53 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat‑-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C 26/13, EU:C:2014:282, punt 37).

( 54 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 27).

( 55 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 48).

( 56 ) L-Ungerija tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708).

( 57 ) Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Ungerija li l-pulizija Ungeriża taġixxi fil-limiti tal-kuntest leġiżlattiv u tuża b’mod proporzjonat mezzi koerċittivi fil-każijiet previsti mil-liġi biss, kif jirrikjedi l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2008/115, ma huwiex rilevanti fir-rigward tad-determinazzjoni dwar jekk l-Ungerija naqsitx milli twettaq l-obbligi li l-ksur tagħhom huwa kkritikat b’dan l-ilment.

( 58 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Arib et (C‑444/17, EU:C:2019:220, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Enfasi miżjuda minni.

( 60 ) L-Artikolu 5(1)a tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, jaqra kif ġej: “Il-pulizija tista’, fit-territorju Ungeriż, tinterpella ċ-ċittadini barranin li jirrisjedu irregolarment fit-territorju Ungeriż, ġewwa medda ta’ [tmien kilometri] mil-linja tal-fruntiera esterna kif iddefinita fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew ta’ sinjali ta’ demarkazzjoni tal-fruntiera, u teskortahom sal-portal tal-eqreb installazzjoni msemmija fil-paragrafu (1), ħlief f’każ ta’ suspett ta’ ksur”.

( 61 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2020 (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257).

( 62 ) Fl-assenza ta’ kontestazzjoni tal-validità tagħha, iċ-ċirkustanza li d-Direttiva 2008/115 ma tinkludix premessa, bħall-premessa 51 tad-Direttiva 2013/32, li tispeċifika li hija ma tippreġudikax l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda ż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, konformement mal-Artikolu 72 TFUE, żgur ma hijiex tali li tiġġustifika deroga mid-dispożizzjonijiet abbażi ta’ din id-direttiva, kif tippretendi l-Ungerija.

( 63 ) Fil-fatt, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 jawtorizza biss lill-Istati Membri jippermettu termini għall-istħarriġ ġudizzjarju itwal minn dawk stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tal-imsemmija direttiva u li jieħdu miżuri urġenti dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2) tal-istess direttiva.

( 64 ) Kif tirrimarka l-Kummissjoni fir-rikors, l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2008/115 jenfasizza espressament li “[l]-ebda parti minn dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, li jiżguraw it-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva”.

( 65 ) Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2010 (C‑145/09, EU:C:2010:708).

( 66 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU 2004, L 158, p. 77).

( 67 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 68 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 ) F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat li l-Ungerija ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprevedi li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 51(2) tal-Liġi Nru II dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Terzi, tal-2007, jipprevedi li “jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz huma suġġetti għall-proċedura ta’ ażil, ma jistax jiġi ordnat jew infurzat refoulement jew ritorn”, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tistax tagħti lill-applikanti għall-ażil dritt li jibqgħu fit-territorju Ungeriż, peress li din tapplika biss “jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Ungerija, kif speċifikat f’liġi distinta”.

( 70 ) Enfasi miżjuda minni.

( 71 ) Enfasi miżjuda minni.

( 72 ) Artikolu 46(6)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32.

( 73 ) Waqt is-seduta l-Ungerija kkonfermat li dan l-artikolu jkopri r-rikorsi ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet filwaqt li ġibdet l-attenzjoni għall-paragrafu (2) tal-istess artikolu, li jipprevedi “[d]eċiżjoni ta’ ċaħda li hija mmotivata mill-inammissibbiltà tal-applikazzjoni, jew li tingħata fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontenzjuża” (enfasi miżjuda minni).

( 74 ) Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li r-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ protezzjoni ġudizzjarja immedjata għandhom jiġu indikati b’mod iddettaljat fit-talba, id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu annessi u l-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba għandhom jiġu sostnuti.

( 75 ) Waqt is-seduta l-Ungerija kkonfermat li r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ atti ġuridiċi għandha tinftiehem b’dan il-mod.