KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis-26 ta’ Novembru 2019 ( 1 )

Kawża C‑717/18

Procureur-generaal

Partijiet magħquda:

X

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent (il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ Arrest Ewropew — Artikolu 2(2)— Abolizzjoni tal-verifika ta’ kriminalità doppja — Kundizzjonijiet — Reati punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena massima ta’ mill-inqas tliet snin — Evalwazzjoni tat-tul tal-piena b’referiment għad-dritt tal-Istat Membru emittenti, applikabbli għall-fatti jew għad-dritt fis-seħħ fil-ħin tal-ħruġ tal-MAE — Il-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali”

I. Introduzzjoni

1.

Il-persuna rikjesta li hija soġġetta għal Mandat ta’ Arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) fil-każ preżenti huwa rapper u kompożitur. Huwa kien ikkundannat fi Spanja għal diversi reati mwettqa fl-2012 u l-2013. “Glorifikazzjoni tat-terroriżmu u umiljazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu” kienet waħda minn dawk ir-reati. Id-dritt applikabbli għal dak ir-reat fil-waqt tat-twettiq tiegħu kien jipprovdi li r-reat kien punibbli b’piena ta’ kustodja għal massimu ta’ sentejn.

2.

Il-persuna rikjesta telqet minn Spanja u marret il-Belġju. L-awtorità ġudizzjarja Spanjola kompetenti ħarġet MAE bil-ħsieb li teżegwixxi l-piena ta’ kustodja. Il-MAE kien jindika li r-reat ta’ glorifikazzjoni tat-terroriżmu u umiljazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu jaqa’ taħt il-kategorija “terroriżmu”. Kien jindika wkoll li t-tul massimu tal-piena ta’ kustodja għar-reat ta’ glorifikazzjoni tat-terroriżmu u umiljazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu kienet ta’ tliet snin, wara amenda fl-2015, tal-Kodiċi Kriminali Spanjol.

3.

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri ( 2 ) jipprovdi li r-reati elenkati hemmhekk, inklużi dawk tat-“terroriżmu”, ma għandhomx iwasslu għal verifika ta’ kriminalità doppja, jekk huma punibbli b’piena ta’ kustodja għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin. Iżda, liema hu l-punt ta’ riferiment adegwat għal evalwazzjoni dwar jekk dak ir-rekwiżit ġiex issodisfatt? Hija l-piena ta’ kustodja massima applikabbli fil-każ odjern, li hija normalment irregolata mid-dritt li kien japplika meta r-reat ġie mwettaq? Jew hija l-piena massima kif ipprovduta mid-dritt nazzjonali fis-seħħ fil-waqt tal-ħruġ tal-MAE?

II. Il-qafas ġuridiku

4.

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li:

“1.   Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħorġu bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2.   L-offiżi li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma ddefiniti mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, għandhom, taħt it-termini ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas] u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jwasslu għaċ-ċediment skond mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

terroriżmu,

[…]

3.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin, waqt li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jżid kategoriji oħra ta’ reati mal-lista li tinsab fil-paragrafu 2. Il-Kunsill għandu jeżamina, fid-dawl tar-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 34(3), jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.

4.   Għal reati barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-atti li għalihom inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxu reat taħt id-dritt ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, irrespettivament mill-elementi kostitwenti jew ta’ kif inhu deskritt.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

5.

Fl-2012 u l-2013, il-persuna rikjesta kkomponiet, ippreżentat u ppubblikat fuq l-internet diversi kanzunetti ta’ stil rap.

6.

Bis-sentenza tal-21 ta’ Frar 2017, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) ikkundannat lil persuna rikjesta fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet għal: (A) sentenza ta’ priġunerija ta’ sentejn għar-reat ta’ glorifikazzjoni tat-terroriżmu u umiljazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu, punibbli taħt l-Artikoli 578 u 579 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol (“piena (A)”); (B) sentenza ta’ priġunerija ta’ sena għar-reat ta’ malafama u insult serju tal-Kuruna, punibbli taħt l-Artikolu 490.3 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol; u (Ċ) sentenza ta’ priġunerija ta’ sitt xhur għar–reat ta’ twettiq ta’ theddid inkundizzjonat, punibbli taħt l-Artikolu 169.2 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol.

7.

Il-kundanna u s-sentenzi ġew imposti b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali li kienu fis-seħħ meta twettqu l-fatti, jiġifieri qabel l-emenda tal-Kodiċi fl-2015.

8.

L-appell kontra s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2017 ġie miċħud mill-Qorti Suprema Spanjola, bis-sentenza tal-15 ta’ Frar 2018.

9.

Il-persuna rikjesta telqet minn Spanja u marret il-Belġju. Fil-25 ta’ Mejju 2018, inħareġ MAE mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) kontra l-persuna rikjesta, bil-għan li tiġi eżegwita l-piena ta’ kustodja, fir-rigward tat-tliet reati msemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem, l-“ewwel MAE”).

10.

Skont l-informazzjoni fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Oost-Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Gent, il-Belġju), talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Audiencia Nacional (il-Qorti Għolja Nazzjonali) bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-ewwel MAE. Wara dik it-talba, l-istess qorti Spanjola ħarġet MAE ieħor fis-27 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem, it-“tieni MAE”). It-tieni MAE jikkonċerna l-istess fatti bħal dawk tal-ewwel MAE.

11.

Iż-żewġ mandati ta’ arrest jinkludu l-istess informazzjoni fil-kaxxa (c)(2) (informazzjoni dwar il-pieni imposti fir-rigward tat-tliet reati) u taħt kaxxa (e)(I), fejn il-kaxxa mmarkata “terroriżmu” ġiet immarkata fir-rigward tar-reati li taw lok għal sanzjoni (A).

12.

Madankollu, it-tieni MAE tinkludi informazzjoni addizzjonali fil-kaxxi (e) u (f). Fir-rigward tal-kaxxa (e) (reati), filwaqt li l-ewwel MAE kienet tinkludi deskrizzjoni qasira tar-reati, it-tieni MAE żied deskrizzjoni ddettaljata ta’ dawk ir-reati, inkluża l-lirika tal-kanzunetti rap li taw lok għar-reati. Fir-rigward tal-kaxxa (f) (informazzjoni fakultattiva dwar ċirkostanzi oħra rilevanti għal każ), filwaqt li ma ġietx mimlija fl-ewwel MAE, fit-tieni MAE kienet tinkludi referimenti ddettaljati għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Kriminali Spanjoli li jirrigwardaw ir-reati mwettqa, fil-verżjoni tad-dritt li kienet fis-seħħ fil-mument tal-ħruġ tal-MAE, jiġifieri bil-kliem kif emendat fil-2015.

13.

Ir-Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Oost-Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Gent) ressqet talba oħra għal informazzjoni addizzjonali mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali). F’ittra bħala risposta mill-qorti Spanjola, ingħatat informazzjoni addizzjonali fir-rigward tas-sistema tal-pieni. Dik l-ittra ddikjarat ukoll li r-riferiment fit-tieni MAE għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminal Spanjol kif emendat fl-2015 kien żball.

14.

Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Settembru 2018, ir-Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Oost-Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Gent) irrifjutat li teżegwixxi t-tieni MAE. Skont informazzjoni fil-proċessi li għandha quddiemha din il-Qorti tal-Ġustizzja, dik il-qorti kkunsidrat li r-reat ta’ glorifikazzjoni tat-terroriżmu u umiljazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu ma setax jitqies bħala reat ta’ “terroriżmu” taħt il-lista fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ kriminalità doppja ma kienx ġie ssodisfatt fir-rigward tar-reati kollha li abbażi tagħhom inħareġ il-MAE.

15.

Fis-17 ta’ Settembru 2018, id-dipartiment tal-prosekuzzjoni pubblika ressaq appell kontra d-digriet imsemmi qabel. Fis-26 ta’ Settembru 2018, il-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali) ressaq talba fejn qal li l-imġiba ddefinita fil-MAE li tat lok għal piena (A) tikkorrispondi għar-reat elenkat bħala “terroriżmu” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tal-Wet van 19 december 2003 betreffende het Europees aanhoudingsbevel (il-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) (iktar ’il quddiem, il-“Wet EAB”), li jittrasponi l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas fid-dritt Belġjan.

16.

Il-Hof van Beroep te Gent, kamer van inbeschuldigingstelling (l-Awla tal-Akkuża fil-Qorti tal-Appell ta’ Gent, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju, tqis li l-kundizzjoni rigward il-livell ta’ piena imposta stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas, li tirrikjedi sentenza ta’ priġunerija għal perijodu ta’ mill-inqas erba’ xhur, hija ssodisfatta f’dan il-każ, meta wieħed jikkunsidra l-pieni riferuti iktar ’il fuq f’punt 6. Madankollu, dik il-qorti għandha d-dubji tagħha dwar liema verżjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti hija rilevanti sabiex jiġi deċiż dwar jekk ġiex issodisfatt ir-rekwiżit ta’ piena b’tul massimu ta’ mill-inqas tliet snin stabbilit fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Dan għaliex ir-reati li jagħtu lok għal piena (A) twettqu fl-2012 u 2013, meta l-Artikolu 578 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol kien għamel id-delitt ta’ glorifikazzjoni ta’ terroriżmu u umiljazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ minn sena sa sentejn. Kien biss iktar tard, fit-30 ta’ Marzu 2015, li l-Artikolu 578 tal-Kodiċi Kriminali Spanjol ġie emendat sabiex jipprovdi li dak id-delitt huwa punnibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ minn sena sa tliet snin.

17.

Huma f’dawk iċ-ċirkustanzi li l-Hof van Beroep te Gent, kamer van inbeschuldigingstelling (l-Awla tal-Akkuża fil-Qorti tal-Appell, Gent) issospendiet il-proċeduri quddiemha u ressqet is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari:

“1)

Għall-evalwazzjoni, mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tal-livell minimu ta’ piena għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin impost mill-Artikolu 2(2) [tad-deċiżjoni qafas], kif traspost fid-dritt Belġjan permezz tal-wet van 19.12.2003 betreffende het Europees aanhoudingsbevel (il-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, iktar ’il quddiem il-“Wet EAB”), din id-dispożizzjoni tippermetti li jsir riferiment għal-liġi kriminali li hija applikabbli fl-Istat Membru emittenti fil-mument li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew?

2)

Għall-evalwazzjoni, mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tal-livell minimu ta’ piena għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin impost mill-Artikolu 2(2) [tad-deċiżjoni qafas], kif traspost fid-dritt Belġjan permezz tal-Wet EAB, din id-dispożizzjoni tippermetti li jsir riferiment għal liġi kriminali fis-seħħ fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li aggravat l-iskala tal-piena b’paragun mal-liġi li kienet applikabbli fl-Istat Membru emittenti fil-mument li fih twettqu r-reati?”

18.

Il-persuna rikjesta, il-Gvern Belġjan u dak Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Il-partijiet interessati, kif ukoll il-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali), ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-16 ta’ Settembru 2019.

IV. Analiżi

19.

L-Artikolu 2(2) huwa dispożizzjoni kruċjali tad-Deċiżjoni Qafas. Huwa jneħħi r-rekwiżit tal-kriminalità doppja. Huwa jagħmel dan, madankollu, soġġett għal żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, huwa biss fir-rigward tat-32 reat elenkati fl-imsemmi artikolu li l-konsenja skont MAE għandha sseħħ mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja. It-tieni nett, ir-reat li abbażi tiegħu nħareġ il-MAE għandu jkun punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin.

20.

Iż-żewġ domandi preliminari imposti mill-qorti tar-rinviju, li, fl-opinjoni tiegħi għandhom jiġu eżaminati flimkien, jikkonċernaw it-tieni rekwiżit. Huma għandhom l-għan li jaċċertaw il-punt (u d-dritt nazzjonali rilevanti) li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas: id-dritt fis-seħħ fil-waqt tal-ħruġ tal-MAE jew id-dritt verament applikabbli għal każ speċifiku tal-persuna rikjesta?

21.

Sabiex tingħata risposta għal dik id-domanda, jien ser neżamina l-ewwel l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Wara li neżamina l-kliem tiegħu, li huwa tabilħaqq inkonklussiv, joħroġ biċ-ċar, fl-opinjoni tiegħi, li l-kuntest u l-għan u l-loġika ġenerali tas-sistema jwasslu għal konklużjoni li l-Artikolu 2(2) huwa maħsub sabiex jagħmel riferiment għad-dritt tal-Istat Membru emittenti li huwa verament applikabbli għal każ tal-persuna rikjesta (A). Barra minn hekk, għal finijiet ta’ kompletezza u peress li ġie diskuss b’mod estensiv mill-partjiet interessati fil-proċeduri preżenti, jien ser neżamina malajr l-implikazzjonijiet possibbli tal-prinċipju ta’ legalità f’dan il-każ (B). Jien ser nikkonkludi bi ftit kummenti finali dwar x’inhuma l-elementi li ma jikkonċernawx il-każ preżenti.

A.   Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas

22.

L-Artikolu 2 jirregola l-iskop tad-Deċiżjoni Qafas. L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi kundizzjoni preliminari essenzjali għal ħruġ ta’ MAE. Dik il-kundizzjoni għandha żewġ alternattivi. Għal każijiet fejn MAE jinħareġ għall-iskop ta’ prosekuzzjoni, l-atti inkwistjoni għandhom ikunu punibbli skont id-dritt tal-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tnax-il xahar. Inkella, meta sentenza diġà ngħatat jew ordni ta’ detenzjoni ġie magħmul u allura, il-MAE jinħareġ għall-iskop ta’ eżekuzzjoni, dik is-sentenza għandha tkun mill-inqas ta’ erba’ xhur.

23.

Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju sabet li din l-aħħar alternattiva ġiet issodisfatta. Is-sentenza li diġà ngħatat hija għal iktar minn erba’ xhur.

24.

Ladarba l-kundizzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas hija ssodisfatta, l-Artikolu 2(2) u (4) jistabbilixxu żewġ “sistemi”. Minn naħa, l-Artikolu 2(2) jinkludi l-lista tar-reati li għalihom il-konsenja skont MAE għandha sseħħ mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(4) jipprovdi li, għal reati oħrajn li ma humiex elenkati fl-Artikolu 2(2), tista’ tkun meħtieġa verifika tal-kriminalità doppja. L-Artikolu 2(3) jikkostitwixxi klawżola li tgħaqqad iż-żewġ sistemi msemmija iktar ’il fuq. Huwa jipprovdi għall-possibbiltà li tiġi estiża l-lista tar-reati fl-Artikolu 2(2) b’deċiżjoni unanima tal-Kunsill, b’hekk effettivament jiġu spostati reati mis-sistema tal-Artikolu 2(4) għal dik tal-Artikolu 2(2).

25.

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ( 3 ). L-ewwel nett, ir-reat inkwistjoni għandu jaqa’ taħt waħda mit-32 kategoriji ta’ reati elenkati f’dik id-dispożizzjoni. L-Artikolu 2(2) jagħmilha ċara li d-definizzjoni tar-reat skont id-dritt tal-Istat Membru emittenti tikkostitwixxi l-element rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dawk il-kategoriji. It-tieni nett, ir-reat inkwistjoni għandu jkun punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin.

26.

Il-partijiet interessati li ppreżentaw osservazzjonijiet f’dan il-każ Iressqu interpretazzjonijiet kunfliġġenti ta’ dik it-tieni kundizzjoni, li jien ser nagħmel riferiment għaliha bħala il-“kundizzjoni dwar it-tul tal-piena”.

27.

Il-persuna rikjesta u l-Kummissjoni jsostnu li d-dritt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 2(2) huwa d-dritt applikabbli għal persuna rikjesta fil-każ kriminali. Fil-każ preżenti, hija l-verżjoni tal-Kodiċi Kriminali Spanjol ta’ qabel l-2015, li hija applikabbli għal fatti inkwistjoni u li infatti ġiet applikata mill-qrati nazzjonali fl-Istat Membru emittenti għall-iskop ta’ għotja tal-kundanna fuq il-persuna rikjesta, li l-eżekuzzjoni tagħha issa qiegħda tiġi mitluba.

28.

Għall-kuntrarju, il-Gvern Spanjol u dak Belġjan, kif ukoll il-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali), isostnu li l-punt rilevanti għal dik l-evalwazzjoni huwa l-mument meta nħareġ il-MAE. Fil-każ preżenti, dan ifisser li d-dritt fis-seħħ wara l-emenda tal-Kodiċi Kriminali Spanjol fl-2015, li żiedet il-piena massima għar-reat ta’ glorifikazzjoni tat-terroriżmu u umiljazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu minn sentejn sa tliet snin, ikun id-dritt rilevanti.

29.

Sabiex tingħata risposta għad-domandi imposti mill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li jiġi analizzat it-test, il-kuntest u l-għan tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

a) Test

30.

Il-kliem tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas ma joffrix risposta konklussiva għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju. Infatti, dik id-dispożizzjoni tagħmel riferiment biss, b’mod kemxejn ġenerali, għar-“reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma ddefiniti mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti […]” ( 4 ). Dan ifisser li l-punt preċiż meta dawk ir-reati għandhom ikunu punibbli skont dawk it-termini, ma huwiex speċifikament imsemmi.

31.

Minkejja n-nuqqas ta’ ċarezza, il-Gvern Spanjol u dak Belġjan u l-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali) jibbażaw ruħhom fuq argumenti bbażati fuq it-test sabiex isostnu l-argument tagħhom li l-qafas legali li wieħed għandu jagħmel riferiment għalih għall-evalwazzjoni tat-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas, huwa d-dritt tal-Istat Membru emittenti fis-seħħ meta jinħareġ il-MAE.

32.

Dawk il-partijiet interessati jsostnu li l-użu tal-verb fil-preżent fl-espressjoni “huma punibbli” fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas jindika li l-waqt rilevanti huwa l-mument meta jinħareġ il-MAE.

33.

Dak l-argument ma huwiex konvinċenti. Diffiċli li jiġi ddikjarat li l-użu tal-verb fil-preżent fih innifsu u f’forma kemxejn ġenerika u newtrali jiddetermina l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Il-lingwa legali normalment tuża l-verb fil-preżent meta tkun qiegħda tistabbilixxi drittijiet u obbligazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma tagħmel ebda dikjarazzjoni dwar, jew tillimita bl-ebda mod, l-applikazzjoni temporali ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

34.

Barra minn hekk, dak l-argument huwa immedjatament ikkonfutat meta jitqiesu dispożizzjonijiet oħra tad-Deċiżjoni Qafas. Kif ammetta l-Gvern Spanjol waqt is-seduta, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas, li b’mod simili jagħmel riferiment għal “atti li huma punibbli mil-liġi tal-Istat Membru”, għandu jiftiehem li qiegħed jagħmel riferiment għad-dritt verament applikabbli għal każ kriminali fil-kuntest li fih il-MAE jinħareġ, u mhux għad-dritt applikabbli fil-waqt konsegwenti li fih jinħareġ il-mandat.

35.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan waqt is-seduta ssottometta li minkejja l-fatt li ż-żewġ Artikoli 2(1) u 2(2) tad-Deċizjoni Qafas jirreferu għall-istess terminu “punibbli”, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod differenti minħabba li l-Artikolu 2(1) jagħmel riferiment għal atti u l-Artikolu 2(2) għal reati.

36.

Dak l-argument jidher li jimplika li r-riferiment fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas għal atti punibbli torbot l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni mal-att punibbli speċifiku inkwistjoni fil-każ partikolari, u li dan Ifisser li d-dritt rilevanti huwa dak li hu applikabbli għal dawk l-atti. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Artikolu 2(2) jagħmel riferiment, b’mod astratt, għal reati punibbli jfisser li l-punt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-waqt meta jinħareġ il-MAE. Fi kliem ieħor, id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bħala li qegħdin jirreferu għal mumenti differenti peress li Artikolu 2(1) jagħmel riferiment għal “atti”, u mhux għal “reati” kif inhu l-każ fl-Artikolu 2(2).

37.

Fil-fehma tiegħi, dak l-argument ma jistax jiġi sostnut. L-użu ta’ l-istess kelma “punibbli” fl-Artikolu 2(1) u 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas normalment jissuġerixxi li dawk il-paragrafi għandhom jiġu interpretati bl-istess mod. L-argument kontra dik l-interpretazzjoni li għadu kif ġie spjegat huwa bbażat fuq raġunament a contrario kemxejn mhux tas-soltu, li jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-kelma “punibbli” tintuża sabiex tikkwalifika żewġ nomi differenti (“atti” u “reati”). Madankollu, isegwi mil-loġika li fuqha topera d-Deċiżjoni Qafas ( 5 ), li hija spjegata iktar fid-dettall fit-taqsima li jmiss ( 6 ), li l-użu ta’ nomi differenti jirriżulta minflok mill-interazzjoni sistematika bejn l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas.

38.

Allura, interpretazzjoni purament testwali tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas tibqa’ inkonklussiva. Għal dik ir-raġuni, huwa neċessarju li wieħed jikkunsidra argumenti sistematiċi u teleoloġiċi.

b) Kuntest

39.

Tliet tipi ta’ kunsiderazzjonijiet isostnu l-interpretazzjoni li d-dritt rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas huwa dak applikabbli għal każ speċifiku: is-sistema interna tal-Artikolu 2 fih innifsu (i); is-sistema iktar wiesgħa tad-deċiżjoni qafas, fejn l-Artikolu 2 huwa kkunsidrat inkonnessjoni mal-Artikolu 8(1) u l-formola fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas (ii); u l-loġika ġenerali u l-operabbiltà tas-sistema tal-MAE fl-intier tagħha (iii).

i) Is-sistema interna tal-Artikolu 2

40.

L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi kundizzjoni essenzjali li l-MAE jista’ jinħareġ biss (a) għal atti punibbli, skont id-dritt tal-Istat Membru emittenti, b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, (b) fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur. Kif ammettew il-Gvern Belġjan u dak Spanjol, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina kif l-evalwazzjoni tat-tul tal-pieni msemmija hemmhekk issir mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt li huwa verament applikabbli għal każ. Dan huwa iktar ovvju fir-rigward tal-punt (b), meta diġà ngħatat sentenza, bħal fil-każ preżenti.

41.

Ladarba jiġi stabbilit li l-punt ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas fil-każ preżenti huwa d-dritt tal-Istat Membru emittenti applikat fis-sentenza li timponi l-piena, isir ċar li l-applikazzjoni ta’ approċċ differenti għall-iskopijiet ta’ evalwazzjoni tal-Artikolu 2(2) twassal, b’mod impressjonanti, għal aproċċi divergenti tad-dritt rilevanti fl-Istat Membru emittenti fl-istess dispożizzjoni UE u potenzjalment fl-istess proċeduri fil-livell nazzjonali.

42.

L-argument testwali bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas jagħmel riferiment għal “atti” filwaqt li l-Artikolu 2(2) jagħmel riferiment għal “reati” ma huwiex suffiċjenti sabiex isostni l-fehma li dawk id-dispożizzjonijiet jagħmlu riferiment għal mumenti differenti, meta jkun qiegħed jiġi evalwat il-qafas legali rilevanti għall-Istat Membru emittenti ( 7 ). Qari sistematiku tal-Artikolu 2 juri li hemm raġunijiet oħra għall-użu tal-kliem differenti “atti” u “reati” fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament ta’ dik id-dispożizzjoni. Ir-riferiment għal “atti” fl-Artikolu 2(1) jitqies adegwat fil-kuntest tal-istruttura kollha tal-Artikolu 2, li jkopri MAE maħruġ għal żewġ għanijiet: prosekuzzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi. Meta jagħmel riferiment għal prosekuzzjoni, l-Artikolu 2(1) loġikament jagħmel riferiment għal “atti punibbli”, filwaqt li fil-każ ta’ eżekuzzjoni, l-Artikolu jagħmel riferiment għal “sentenza”. L-Artikolu 2(2) juża t-terminoloġija differenti u iktar newtrali “reati punibbli” peress li din tkopri ż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet li fihom MAE jista’ jinħareġ (għal prosekuzzjoni u għal eżekuzzjoni).

43.

Għaldaqstant, ir-raġuni għalfejn l-Artikolu 2(2) jagħmel riferiment għal “reati” u mhux “atti” ma għandhiex x’taqsam max-xewqa min-naħa tal-leġiżlatur li jistabbilixxi oqsfa temporali differenti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi differenti tal-istess dispożizzjoni. Il-fatt li l-Artikolu 2(2) jiffoka fuq “offiżi” huwa spjegat aħjar mill-fatt li l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li tiġi pprovduta lista ta’ reati li għalihom ir-rekwiżit ta’ kriminalità doppja ma japplikax, kemm jekk hux f’sitwazzjoni ta’ prosekuzzjoni jew f’sitwazzjoni ta’ eżekuzzjoni. F’dak il-kuntest, huwa sempliċement loġiku li l-kliem tal-Artikolu jagħmel riferiment għal “reati punibbli”.

44.

Il-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali) ressaq argument sistematiku ieħor waqt is-seduta, jiġifieri, li l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas iwassal lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex iwettaq l-eżaminazzjoni tar-rekwiżit ta’ kriminalità doppja skont dak li huwa pprovdut fl-ordinament ġuridiku tiegħu fil-mument tal-eżekuzzjoni tal-MAE.

45.

Dak l-argument huwa ċertament validu fi ħdan l-evalwazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 2(4) fir-rigward tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Jien, madankollu, ma narax analoġija li tista’ ssir mar-rekwiżiti fl-Artikolu 2(2) fir-rigward tal-Istat Membru emittenti.

46.

L-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi l-għażla għal rifjut tal-eżekuzzjoni tal-MAE fir-rigward ta’ komportament li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jikkunsidrax moralment ħażin u allura ma jikkostitwixxix reat fl-ordinament ġuridiku tiegħu ( 8 ). Konsegwentement, il-kwistjoni tad-dritt rilevanti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tappartjeni għal-loġika tal-evalwazzjoni tal-kriterji ta’ rikonoxximent mill-perspettiva tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Dan ma jaffettwax bl-ebda mod ir-rekwiżiti tal-kuntest legali ta’ riferiment fl-Istat Membru emittenti. Fi kliem ieħor, l-evalwazzjoni tal-qafas legali rilevanti għall-Artikolu 2(4) tirrigwarda r-regoli tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li huma mid-definizzjoni tagħhom mhux applikabbli għal każ, iżda li huma użati bħala kejl għal kriminalità doppja bħala kundizzjoni ta’ rikonoxximent. Għall-kuntrarju, bħall-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(2) jibbaża ruħu fuq il-qafas legali tal-Istat Membru emittenti, li jifforma l-bażi għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-qorti permezz tal-eżekuzzjoni tal-MAE.

47.

Hija ħaġa waħda għal Stat Membru ta’ eżekuzzjoni li jivverifika kriminalità doppja abbażi ta’ evalwazzjoni tal-istandards morali kif joħorġu mil-leġiżlazzjoni kriminali fil-mument ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE. Hija ħaġa totalment differenti għal Stat Membru emittenti li joħroġ MAE skont sistema speċifika ssimplifikata b’riferiment għal-leġiżlazzjoni li ma hijiex applikabbli għar-reati inkwistjoni u li tinkludi evalwazzjoni differenti tas-serjetà tar-reat f’forma ta’ piena iktar ħarxa minn dik imposta mis-sentenza li fuqha huwa msejjes il-MAE.

48.

Finalment, il-Gvern Spanjol qajjem argument ieħor. Huwa jissottometti li kwalunkwe interpretazzjoni kontra dik li huwa jħaddan tkun tfisser li, jekk il-leġiżlatur Ewropew kellu jżid iktar reati mal-lista fl-Artikolu 2(2) abbażi tal-Artikolu 2(3), ma jkunx possibbli li jiġi eżegwit MAE fir-rigward ta’ fatti u sentenzi datati qabel dik il-leġiżlazzjoni l-ġdida.

49.

Ma nistax nara r-relevanza ta’ dan l-argument tassew spekulattiv. Iż-żieda ta’ reati ġodda fil-lista tal-Artikolu 2(2) fil-futur taf verament twassal għal kwistjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis. Iżda dawk il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati f’dak l-istadju b’mod komprensiv u trasversali, peress li numru ta’ dispożizzjonijiet u kundizzjonijiet ġenerali tad-Deċiżjoni Qafas japplikaw fil-kuntest tal-imsemmija kwistjonijiet ( 9 ). Kwistjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu indirizzati minn qabel, għaliex dawn jikkunsidraw biss kategorija waħda ta’ kwistjonijiet potenzjalment ikkonċernati. Lanqas ma għandhom dawn il-kwistjonijiet potenzjali jitħallew jgħawġu l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tad-Deċiżjoni Qafas f’każ kompletament mhux relatat, bħal każ preżenti.

ii) L-Artikolu 8(1) u l-formola annessa

50.

Il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li l-formola annessa mad-Deċiżjoni Qafas, meħuda inkunsiderazzjoni mal-Artikolu 8(1) ta’ dak l-att, issostni l-fehma li d-dritt rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjoni relatat mat-tul tal-piena fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas, huwa d-dritt verament applikabbli għal każ li fir-rigward tiegħu ċ-ċediment huwa mitlub.

51.

L-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas jispeċifika l-kontenut tal-MAE, u jistabbilixxi r-rekwiżiti prinċipali li għandhom jiġu osservati sabiex il-MAE jkun validu ( 10 ). Huwa jipprovdi li MAE għandu jinkludi, skont il-formola inkluża fl-Anness, tipi differenti ta’ informazzjoni, bħal (a) l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna rikjesta; (b) id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità ġudizzjarja emittenti; (ċ) l-indikazzjoni tal-eżistenza ta’ sentenza eżegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 1 u 2; (d) in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 2; (e) deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat; (f) il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skont il-liġi tal-Istat Membru emittenti u (ġ) jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat.

52.

Il-formola annessa mad-Deċiżjoni Qafas tinkludi kaxxi differenti li għandhom jimtlew. Il-kaxxi ma jikkorrispondux eżattament għas-subparagrafi speċifiċi tal-Artikolu 8(1), iżda jkopru l-istess informazzjoni.

53.

Il-kaxxi (b), (ċ) u (e) fil-formola annessa juru li l-informazzjoni rikjesta tirrigwarda l-każ speċifiku. Skont il-kaxxa (b), l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tipprovdi informazzjoni speċifika rigward id-deċiżjoni li fuqha l-mandat huwa bbażat. F’kaxxa (ċ), l-awtorità għandha tindika t-tul tas-sentenza, inkluż (1) “[it-t]ul massimu tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni li tistà tiġi imposta għar-reat(i)” u (2) it-tul tal-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni imposta u l-bqija tas-sentenza li għandha tiġi skontata.

54.

Il-fatt li l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas hija neċessarjament marbuta mad-dritt applikabbli għal każ, isir iktar espliċitu permezz tal-kaxxa (e). F’dik il-kaxxa, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tipprovdi informazzjoni relatata mar-reati, inkluża “[d]eskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq/twettqu r-reat(i), inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat(i) mill-persuna rikjesta”, kif ukoll in-“[n]atura u klassifikazzjoni legali tar-reat(i) u d-dispożizzjoni legali applikabbli”. Immedjatament wara dan, il-kaxxa (e) tal-formola tirriproduċi l-lista tat-32 reat fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas u ssostni: “[j]ekk applikabbli, immarka wieħed jew aktar mir-reati li ġejjin punibbli fl-Istat Membru emittenti b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni ta’ massimu ta’ mill-inqas 3 snin kif definit mil-liġijiet ta’ l-Istat Membru emittenti”.

55.

Ikun imur kontra kull loġika li awtorità ġudizzjarja emittenti tiġi meħtieġa timla l-kaxxa (e) bid-dispożizzjoni statutorja applikabbli għal każ u, immedjatament wara dan, timla l-kaxxa (e)(I) billi tuża dispożizzjoni statutorja differenti mhux applikabbli għal każ.

56.

Minn dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tasal għal konklużjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti, meta tagħti informazzjoni, ma tistax tagħmel riferiment għal sanzjonijiet iktar severi minn dawk applikabbli għal każ kriminali kkonċernat.

57.

Jien naqbel mal-Kummissjoni.

58.

L-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas, kif ukoll l-informazzjoni speċifikament rikjesta fil-formola fl-Anness tal-istess deċiżjoni sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-imsemmi artikolu, jindikaw l-istess konklużjoni: l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-MAE kollha kemm hi tirrelata b’mod speċifiku mal-atti konkreti, reati, deċiżjonijiet ġudizzjarji u sentenzi fil-każ kriminali attwali.

59.

Dak huwa partikolarment il-każ tal-kaxxa (e) tal-formola annessa. F’konformità mal-Artikolu 8(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas, il-kaxxa (e) għandha tiġi mimlija sabiex jiġu pprovduti dettalji tar-reat għall-iskop ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2. Il-kaxxa (e) espliċitament teżiġi li informazzjoni dwar ir-reati li l-mandat “jirrelata” magħhom u deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq/twettqu r-reat(i), kif ukoll informazzjoni rigward in-“natura u klassifikazzjoni legali tar-reat(i) u d-dispożizzjoni legali applikabbli” ( 11 ) tiġi pprovduta.

60.

Ma hemmx dubju li dawk ir-rekwiżiti jirrelataw mad-dispożizzjonijiet statutorji speċifiċi applikabbli għar-reati li l-mandat jirrelata magħhom u li jikkorrispondu għal ċirkostanzi attwali, li għandhom ukoll jiġu deskritti f’kaxxa (e). Ikun għal darba oħra kontraintuwittiv, minn tal-inqas, li wieħed jitlaq b’mod radikali minn dik il-loġika meta jiġi speċifikament għas-subtaqsima I tal-kaxxa (e) sabiex jifhem ir-riferiment għal “reati […] punibbli […] b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni ta’ massimu ta’ mill-inqas 3 snin kif definit mil-liġijiet ta’ l-Istat Membru emittenti” bħala li verament tagħmel riferiment għal dritt posterjuri mhux applikabbli għar-reati li l-mandat jirrelata magħhom.

61.

Waqt is-seduta, kien hemm xi diskussjoni dwar il-valur interpretattiv tal-formola annessa. Fl-opinjoni tiegħi, hemm skop limitat għal argument fuq dak il-punt. Meta annessi jiffurmaw parti integrali tal-att legali li huma mehmuża miegħu, huma rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li huma jikkorrispondu magħhom ( 12 ). Il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma b’mod ċar dak il-valur interpretattiv preċiżament b’rabta mal-formola annessa tad-Deċiżjoni Qafas ( 13 ). L-Anness jipprovdi formola speċifika, li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti huma rikjesti li jimlew billi jipprovdu l-informazzjoni speċifika rikjesta ( 14 ).

62.

Barra minn hekk, ma hemmx kontradizzjoni bejn it-termini tal-Anness li jinkludi l-formola tal-MAE u d-dispożizzjonijiet legali tad-Deċiżjoni Qafas f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, in-natura speċifika tal-informazzjoni meħtieġa mill-formola fl-Anness, u partikolarment mill-kaxxa (e), tagħti iktar appoġġ lil (fl-opinjoni tiegħi b’mod pjuttost ċar) konklużjoni li tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas, kif diġà deskritt fil-qosor.

63.

Il-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali) u l-Gvern Belġjan argumentaw waqt is-seduta li l-kaxxa (c)(1) tal-formola, li tagħmel riferiment għat-“t]ul massimu tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni li tista’ tiġi imposta għar-reat(i)”, ma hemmx bżonn li timtela jekk il-MAE jinħareġ għall-għan ta’ eżekuzzjoni, iżda biss jekk jinħareġ għall-għan ta’ prosekuzzjoni.

64.

Ċertament, jekk hemm sentenza finali, dik il-kaxxa tal-anness, meħuda inkunsiderazzjoni mal-Artikolu 8(1)(f), tirrikjedi lill-awtorità ġudizzjarja emittenti biex tipprovdi informazzjoni biss dwar il-piena imposta ( 15 ). L-informazzjoni dwar l-iskala ta’ pieni li għaliha l-kaxxa (c)(1) tal-formola tagħmel riferiment allura tidher neċessarja biss fl-assenza tal-imsemmija sentenza, meta l-MAE jinħareġ għall-għanijiet ta’ prosekuzzjoni ( 16 ).

65.

Mhux ser niffokka għalissa fuq il-kaxxa (e) ( 17 ), li għal darba oħra, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni flimkien mal-kaxxa (c), tneħħi d-dubji espressi mill-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali) u l-Gvern Belġjan. Madankollu, anki jekk wieħed jiffoka biss fuq il-kaxxa (c)(1), ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-informazzjoni dwar l-iskala ta’ pieni ma għandhiex bżonn tiġi inserita f’dik il-kaxxa meta tkun ingħatat sentenza, li d-dritt rilevanti għall-evalwazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(2) tad-Deċizjoni Qafas huwa differenti mid-dritt attwalment applikabbli għal każ.

66.

Huwa vera li l-Qorti tal-Ġustizzja attribwixxiet konsegwenzi interpretattivi għal fatt li ċerta informazzjoni ma hijiex meħtieġa mill-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas jew mill-formola annessa f’Piotrowski ( 18 ). Madankollu, ir-raġunijiet għalfejn l-imsemmija konsegwenzi interpretattivi kienu attribwiti lil dak il-fatt f’dak il-każ ma humiex preżenti fil-każ inkwistjoni.

67.

Dak li kien inkwistjoni f’Piotrowski kien l-evalwazzjoni ta’ waħda mir-raġunijiet tassattivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE ( 19 ). F’dak il-kuntest, huwa biss loġiku li r-rifjut jista’ jkun biss ibbażat fuq informazzjoni effettivament imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni permezz tal-formola. Għall-kuntrarju, il-każ preżenti ma jikkonċernax raġuni għal rifjut. Huwa jikkonċerna wieħed mir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ nuqqas ta’ verifikazzjoni ta’ kriminalità doppja taħt l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Jekk dak ir-rekwiżit ma jiġix issodisfatt, il-MAE jista’ xorta waħda jiġi eżegwit, imma biss taħt is-sistema tal-Artikolu 2(4).

68.

Barra minn hekk, il-fatt li l-informazzjoni dwar is-sentenza massima li tista’ tiġi imposta għar-reat ma hijiex espliċitament meħtieġa mill-formola anessa mad-Deċiżjoni Qafas f’dan il-każ, minħabba li sentenza diġà ġiet imposta, ma twassalx għal konklużjoni li l-punt ta’ riferiment għall-iskopijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu allura jkun id-dritt applikabbli fil-waqt meta jinħareġ il-MAE. Il-konklużjoni loġika ta’ interpretazzjoni li tattribwixxi piż lil dak il-fatt hija pjuttost li, peress li l-informazzjoni ma hijiex meħtieġa fil-formola f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 2(2) minnu nnifsu ma humiex applikabbli. Madankollu, dik l-interpretazzjoni tirrendi mingħajr effett, il-kundizzjoni tal-Artikolu 2(2) li hija marbuta mat-tul tal-piena.

69.

Hemmhekk tinsab il-problema ġenerali u strutturali f’dak l-argument. Huwa jinterpreta l-kontenut ta’ kriterju li għandu jiġi applikat mill-awtorità ġudizzjarja emittenti fir-rigward tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas bħala funzjoni tal-fatt li kriterju bħal dak ma għandux jiġi ċċekkjat mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka huwa bbażat fuq suppożizzjoni opposta: il-mod ta’ twettiq tad-Deċiżjoni Qafas jistinka għal bilanċ bejn, minn naħa, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, u min-naħa l-oħra, kontroll residwali minimu. Fiduċja hija mqiegħda fl-awtoritajiet emittenti bbażata fuq is-suppożizzjoni li huma jikkonformaw strettament mar-rekwiżiti materjali li huma l-bażi tas-sistema MAE. Dan huwa iktar u iktar hekk fil-kuntest tal-Artikolu 2(2), fejn il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jopera fl-ogħla livell tiegħu, fejn jipprevjeni verifikazzjoni tal-kriminalità doppja fir-rigward ta’ delitti partikolarment serji. Barra minn hekk, wieħed ma jistax jistrieħ fuq fiduċja sal-punt li din twassal għal sitwazzjoni fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiġi prekluża milli tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) jekk l-elementi quddiemha jwasslu lill-istess awtorità ġudizzjarja sabiex ikollha d-dubji.

70.

Fi kliem ieħor, il-fatt li l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas jistrieħ fuq sistema ta’ awtodikjarazzjoni, li tipprevedi biss reviżjoni minima u prima facie mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ( 20 ), ma jfissirx li l-kriterji sottostanti li għandhom jiġu użati mill-awtorità ġudizzjarja emittenti ma huma soġġetti għall-ebda regoli. L-oppost huwa veru: hemm biss żewġ kundizzjonijiet, imma dawk iż-żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu osservati b’mod strett mill-Istat Membru emittenti ( 21 ).

iii) Il-loġika u l-operabbiltà tas-sistema MAE

71.

Id-diskussjoni ta’ qabel turi li hemm raġunijiet imperattivi ta’ natura kemm loġika kif ukoll sistematika li joħorgu mid-Deċiżjoni Qafas sabiex tiġi rrifjutata interpretazzjoni li kieku tifred id-dritt attwalment applikabbli għal każ kriminali li għalih iċ-ċediment huwa mitlub mid-dritt ta’ riferiment għal għanijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

72.

Hemm mill-inqas żewġ argumenti oħra li jirrigwardaw l-operazzjoni iktar wiesgħa u l-operabbiltà tas-sistema tal-MAE li jimmeritaw li jiġu msemmija.

73.

L-ewwel nett, is-saħħa innegabbli tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas sa fejn tagħmel riferiment għad-dritt attwalment applikabbli għal każ huwa li toffri parametru ta’ riferiment prevedibbli u stabbli.

74.

B’kuntrast, l-interpretazzjoni l-oħra, li tikkompeti mal-interpretazzjoni msemmija qabel, sostnuta mill-Gvern Spanjol u dak Belġjan, kif ukoll mill-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali), tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn il-qafas legali li fuqu huwa msejjes il-MAE għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas, isir bersall li jiċċaqlaq. Dan ikun ifisser li l-qafas legali meħud inkusiderazzjoni taħt l-Artikolu 2(2) jista’ potenzjalment ikun soġġett għal tibdil repetut. Dan jista’ joħloq sitwazzjoni fejn MAE sussegwenti jinħarġu b’riferiment għal dispożizzjonijiet differenti tad-dritt nazzjonali, jew verżjonijiet differenti tal-istess dispożizzjoni, dipendenti fuq il-kuntest legali li jinbidel tal-Istat Membru emittenti, li jista’ jkun ivarja progressivament mill-kuntest legali attwali applikabbli għal każ kriminali. Bl-eċċezzjoni tar-regoli (nazzjonali) dwar termini ta’ preskrizzjoni, ma jkun hemm l-ebda limitu għall-potenzjal li jerġgħu jinħarġu MAE inkonnessjoni mal-istess reati taħt oqsfa legali differenti. Wieħed jista’ faċilment jimmaġina allura MAE suċċessivi maħruġa tul is-snin inkonnessjoni mal-istess fatti li jibqgħu punibbli taħt l-istess dispożizzjonijiet, iżda li jagħmlu riferiment għal sistemi legali differenti taħt id-Deċiżjoni Qafas kull darba li d-dritt nazzjonali jinbidel.

75.

L-instabbiltà intrinsika ta’ tali parametru ta’ riferiment tiġi iktar amplifikata minħabba l-fatt li l-waqt meta l-MAE jinħareġ jiddependi fuq fatturi ċirkostanzjali differenti u ma huwiex uniformi fil-prattika tal-Istati Membri differenti ( 22 ).

76.

Il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ varjanti temporali kieku tbiddel l-operazzjoni tas-sistema f’logħba tal-biljard mhux prevedibbli, fejn ikun diffiċli li, jekk mhux impossibli, jiġi aċċertat jekk humiex (jew humiex sejrin jiġu) issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

77.

In-nuqqas ta’ punt fiss u oġġettiv li jiddetermina d-dritt li jirregola l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) fl-Istat Membru emittenti jista’ jwassal ukoll għal għażliet strateġiċi, inkluż id-dewmien tal-ħruġ tal-MAE fid-dawl tal-emendi legali imminenti li jista’ jagħmilha impossibbli li l-Artikolu 2(2) jiġi applikat minflok l-Artikolu 2(4). Iżda regola li tiġi mfassla b’mod raġonevoli għandha anzi tfittex li tinkoraġġixxi aġir oppost mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, b’mod partikolari li huma jitolbu ċ-ċediment ta’ persuna b’mod iktar mgħaġġel u f’waqtu. Barra minn hekk, f’xenarju purament ipotetiku, il-potenzjal ta’ użu ħażin tar-regoli temporali ddefinit b’dak il-mod ma jistax jiġi eskluż għalkollox, peress li jippermeti emendi ex post tal-livelli ta’ piena taħt id-dritt nazzjonali, bl-għan li jiġi miksub jew iffaċilitat iċ-ċediment tal-persuni speċifiċi rikjesti.

78.

Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet kollha, hija biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas bħala li tagħmel riferiment għad-dritt applikabbli għal fatti tal-każ li toffri qafas legali sempliċi, ċar u prevedibbli, li huwa stabbilit mid-dritt attwalment applikabbli għal każ li fuqu huwa bbażat il-MAE. Bl-(unika) eċċezzjoni potenzjali ta’ emendi sussegwenti tad-dritt nazzjonali kriminali li tkun iktar favorevoli għall-akkużat, li allura twassal għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-lex mitior, dak il-parametru ta’ riferiment jibqa’ stabbli u ma jinbidilx.

79.

It-tieni nett l-interpretazzjoni sostnuta mill-Gvern Spanjol u dak Belġjan u mill-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali) kieku twassal għal sitwazzjoni kemxejn kontraintuwittiva li tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-MAE b’mod ieħor addizzjonali.

80.

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas japplika għal MAEmaħruġin għall-għanijiet kemm ta’ eżekuzzjoni kif ukoll ta’ prosekuzzjoni. L-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu allura jiltaqgħu ma’ sitwazzjonjiet fejn id-dispożizzjonijiet legali li fuqhom tistrieħ l-awtorità ġudizzjarja emittenti għall-għanjiet tat-tkomplija tal-kaxxa (e) jistgħu jikkontradixxu l-informazzjoni pprovduta taħt il-kaxxa (c)(1) jew l-informazzjoni addizzjonali pprovduta f’kaxxa (f) ( 23 ). Ikun hemm ukoll riskju li serħan ikun qiegħed isir fuq dispożizzjonijiet differenti fl-oqsma differenti tal-kaxxa (e) minnha nfisha. F’dik is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, li jkollhom quddiemhom oqsfa legali differenti msemmija fl-istess MAE, jistgħu b’mod raġonevoli jkollhom dubji dwar konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas, u probabbilment jikkunsidraw neċessarju li jitolbu informazzjoni addizzjonali mill-awtorità ġudizzjarja emittenti ( 24 ). Dan ipoġġi f’periklu l-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-MAE, fejn talbiet addizzjonali għal informazzjoni taħt l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandha tkun, kif il-Gvern Spanjol ġustament jinnota, l-eċċezzjoni iktar milli r-regola ( 25 ).

81.

Id-diskussjoni preċedenti tista’ tinġabar fil-qosor bid-domanda kandida segwenti: għalfejn tfittex interpretazzjoni kontraintuwittiva tal-Artikolu 2(2), b’hekk toħloq problemi sistematiċi, meta l-użu tal-piena massima verament applikabbli għal każ bħala punt ta’ riferiment joffri soluzzjoni iktar loġika, raġonevoli, prevedibbli u prattika? L-unika argument li jibqa’ f’dan ir-rigward huwa appell għal effettività, espressa kemm mill-Gvern Spanjol kif ukoll dak Belġjan, li issa ser nirritorna għalih.

c) Skop

82.

Id-Deċiżjoni Qafas hija l-inizjattiva ewlenija tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni. Kienet tfasslet sabiex tieħu post is-sistema multilaterali tal-proċeduri ta’ estradizzjoni u tiffaċilita ċ-ċediment tal-persuni rikjesti bejn l-Istati Membri billi tistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja ġdida ssimplifikata u iktar effettiva bbażata fuq fiduċja reċiproka. L-għan ċar tagħha huwa li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja. Peress li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa l-pedament ta’ dan l-istrument, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni għandhom jeżegwixxu l-MAE bħala regola ġenerali u jirrifjuttaw li jagħmlu dan biss abbażi tar-raġunijiet li ma jiġux eżegwiti elenkati b’mod eżawrjenti fid-deċiżjoni qafas, u li għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 26 ).

83.

L-argument teleoloġiku propost mill-Gvern Belġjan u dak Spanjol jistrieħ fuq il-ġurisprudenza stabbilita sew, sabiex tagħti sostenn lill-intepretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas, skont liema l-invokazzjoni tad-dritt fis-seħħ fl-Istat Membru emittenti fil-mument tal-ħruġ tal-MAE jservi bl-aħjar mod l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas.

84.

Jien nemmen li tliet kjarifikazzjonijiet importanti huma meħtieġa f’dak ir-rigward.

85.

L-ewwel nett, l-effettività tad-Deċiżjoni Qafas, mifhuma bħala li tiffaċilita ċediment kemm jista’ jkun possibbli, ma hijiex l-unika valur imfittex minn dak l-istrument. Dan jidher ċar mhux biss mill-premessa 12 u mill-Artikolu 1(3), li jenfassizzaw l-obbligazzjoni li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-MAE, iżda wkoll mill-fatt li d-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli ta’ proċedura differenti u garanziji li għandhom jiġu osservati fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tas-sistema tal-MAE. Kieku l-effettività kienet l-uniku valur ewlieni, li kellha titħalla tirbaħ fuq il-valuri u l-kunsiderazzjonijiet kollha l-oħra, x’kien ikun l-iskop allura li jkun hemm sistemi differenti ta’ ċediment soġġetti għal regoli differenti u li wieħed jipprovdi għal raġunijiet differenti ta’ rifjut?

86.

It-tieni nett, u forsi b’mod iktar kruċjali fil-kuntest tal-każ preżenti, l-effettività ta’ MAE speċifiku f’każ individwali (effettività individwali) ma għandhiex tiġi konfuża mal-effettività tad-Deċiżjoni Qafas (effettività strutturali). Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkwotata miż-żewġ gvernijiet tikkonċerna l-effettività strutturali, b’mod partikolari l-operazzjoni tajba u l-operabbiltà tas-sistema tal-MAE bħala tali. Għal raġunijiet spjegati iktar ’il fuq ( 27 ), interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas fis-sens li tagħmel riferiment għad-dritt applikabbli meta l-MAE jinħareġ taf tiffaċilita ċ-ċediment fil-każ individwali preżenti, iżda ċertament ma twassalx għal operazzjoni tajba u effettività strutturali tas-sistema tal-MAE fl-intier tagħha ( 28 ).

87.

It-tielet nett, u finalment, l-interpretazzjoni mressqa mill-Gvern Belġjan u dak Spanjol u mill-Procureur-General (il-Prosekutur Ġenerali) turi ukoll għalfejn effettività ad hoc f’każ individwali hija diffiċli sabiex tiġi tradotta f’regoli li huma ġeneralment effiċjenti u operazzjonali. Infatti, minbarra d-dritt applikabbli għal każ kriminali u d-dritt applikabbli fil-waqt tal-ħruġ tal-MAE, li fuqhom is-sottomossjonijiet f’dan il-każ huma bbażati, possibbiltajiet oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala rilevanti, bħad-dritt applikabbli fil-waqt tal-fatti (li jista’ ma jikkoinċidix mad-dritt applikabbli għal każ kriminali, minħabba l-prinċipju ta’ lex mitior); id-dritt applikabbli għal waqt meta jiġi rċevut il-MAE mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni; jew id-dritt applikabbli fil-waqt meta ssir id-deċiżjoni dwar il-MAE.

88.

Kull wieħed minn dawn l-oqsfa legali differenti jista’, f’każ partikolari, jiġi kkunsidrat bħala l-iktar effettiv sabiex jiżgura b’suċċess ċ-ċediment ta’ persuna rikjesta, dipendenti fuq il-klassifikazzjoni u l-iskala ta’ pieni li dan jadotta, u ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali. Allura, sakemm il-prevedibbiltà ma għandhiex tiġi ridotta għall-għarfien li l-awtorità ġudizzjarja emittenti titħalla taqbad u sempliċement tagħżel kwalunkwe qafas legali ta’ riferiment li hi tixtieq għall-għanijiet tal-Artikolu 2(2), l-argument ibbażat fuq l-effettività fil-każ individwali sempliċement ma jipproduċix parametru ta’ riferiment prevedibbli.

d) Konklużjoni intermedjarja

89.

L-argumenti kkunsidrati iktar ’il fuq li jirrigwardaw it-test, il-kuntest u l-għan tad-Deċiżjoni Qafas, Iwassluni għal konklużjoni li dak li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas huwa d-dritt li huwa verament applikabbli għal każ inkwistjoni.

90.

Jista’ jiġi miżjud li dik il-konklużjoni hija infatti ukoll allinjata mal-istinti fundamentali ta’ kwalunkwe avukat (kriminali). L-argumenti kemxejn tekniċi li tressqu f’dan il-każ ma għandhomx isiru s-siġar proverbjali li joskuraw il-vista tagħna tal-bosk: meta ssir rikjesta għal ċediment ta’ persuna speċifika għal reat speċifiku, loġikament it-tul massimu tal-piena għandu jkun dak applikabbli għal każ speċifiku, u mhux wieħed li jista’ jsir potenzjalment applikabbli taħt id-dritt nazzjonali xi ftit jew ħafna snin wara.

91.

Id-domandi magħmula mill-Hof van Beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent) għandhom allura jingħataw risposta fis-sens li l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat bħala li jagħmel riferiment, għall-għanijiet li jiġi evalwat il-livell tal-perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin imsemmi f’dak l-artikolu, għad-dritt kriminali li hu applikabbli fl-Istat Membru emittenti għar-reat(i) kriminali speċifiku/speċifiċi li għalih/għalihom jagħmel riferiment il-MAE.

B.   Il-prinċipju ta’ legalità

92.

Fil-fehma tiegħi, l-analiżi tal-loġika, l-operazzjoni u l-istruttura tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas imwettqa fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet tipprovdi risposta awtonoma, suffiċjenti u konklussiva għal kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju. Jien ma naħsibx li l-prinċipju ta’ legalità jkollu xi tip ta’ effett fuq dik il-konklużjoni. Madankollu, peress li dak il-prinċipju kien imqajjem mill-partijiet u diskuss b’mod estensiv, jien ser noffri, għal finijiet ta’ ċarezza u kompletezza, ftit kummenti ta’ konklużjoni rigward l-implikazzjonijiet tal-prinċipju ta’ legalità għal każ preżenti.

93.

Il-persuna rikjesta tinvoka argumenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ legalità fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Fil-fehma tiegħu, il-prinċipju ta’ legalità japplika għall-eżekuzzjoni tal-MAE. Il-Gvern Belġjan u dak Spanjol u l-Procureur-General (il-Prosekutur Ġenerali) ma jaqblux ma’ dik il-pożizzjoni. Skont id-definizzjoni tal-prinċipju ta’ legalità fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti EDB), il-prinċipju ta’ legalità ma japplikax f’dan il-każ. Anki jekk is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mal-prinċipju ta’ legalità, hi bidlet il-pożizzjoni tagħha waqt is-seduta u stqarret li l-prinċipju ta’ legalità ma huwiex rilevanti għall-għanijiet ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

94.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif stabbilit b’mod partikolari fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], li jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jiġi kkundannat għal att jew ommissjoni li, fid-data meta twettaq dan il-fatt, ma kienx jikkostitwixxi ksur skont il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali” ( 29 ). Il-prinċipju ta’ legalità allura jirrikjedi lid-dritt tal-UE sabiex jipprovdi definizzjoni ċara tar-reati u tal-pieni li huma jattiraw. Dak ir-rekwiżit huwa ssodisfatt “meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk ikun hemm bżonn, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha li tingħata mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu” ( 30 ). Il-prinċipju ta’ nonretroattività tad-dritt kriminali jfisser li “jipprekludi b’mod partikolari li qorti tkun tista’, matul proċedura kriminali, jew tissanzjona kriminalment aġir li ma jkunx ipprojbit minn regola nazzjonali adottata qabel it-twettiq tar-reat li jkun is-suġġett tal-akkuża, jew taggrava r-regoli dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ tali proċedura.” ( 31 )

95.

Il-Gvern Spanjol u dak Belġjan u l-Procureur-General (il-Prosekutur Ġenerali) jissottomettu li, f’dan il-każ, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas li huma jappoġġjaw ma tfissirx li l-prinċipju ta’ legalità huwa miksur. Dan għaliex la d-determinazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi r-reat u lanqas il-piena applikabbli ma hi bl-ebda mod affettwata. Ir-riferiment għad-dritt applikabbli fil-waqt tal-ħruġ tal-MAE ma jbiddilx id-dritt applikabbli għal każ kriminali. Dan jiġi użat biss għal għanijiet tal-applikazzjoni tal-istrument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. Dawk il-gvernijiet isostnu li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-prinċipju ta’ legalità ma huwiex applikabbli għal każijiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali għall-infurzar ta’ sanzjonijiet kriminali.

96.

Jien naqbel. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, iċ-ċirkostanzi tal-każ preżenti ma jaqgħux taħt il-protezzjoni tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (“KEDB”). Wieħed jammetti li, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li d-distinzjoni bejn “piena” (is-“sustanza”, li għandha tiġi koperta mill-Artikolu 7(1) KEDB) u miżura li tikkonċerna l-eżekuzzjoni jew infurzar ta’ piena (li xxaqleb iktar lejn l-elementi ta’ “proċedura”) ma hijiex ċara ( 32 ). Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti KEDB iddikjarat b’mod kostanti li l-applikazzjoni tal-istrumenti differenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali għall-infurzar tas-sanzjonijiet kriminali ma tikkonċernax il-piena fiha nfisha, iżda l-eżekuzzjoni tagħha, b’hekk tibqa’ allura barra mill-iskop tal-Artikolu 7 KEDB.

97.

Pereżempju, f’Szabó vs L‑Isvezja, il-Qorti EDB iddeċidiet li ma tqajmet l-ebda kwistjoni taħt l-Artikolu 7 KEDB anki jekk fil-waqt meta ir-rikorrent ikkometta r-reat, il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati ( 33 ) kien għadu ma ġiex irrattifikat mill-Isvezja u t-trasferiment kellu implikazzjonijiet negattivi fuq il-liberazzjoni kkundizzjonata tiegħu. Il-Qorti EDB stqarret li t-trasferiment tar-rikorrent jew, iktar speċifikament, id-dispożizzjonijiet tal-liberazzjoni kkundizzjonata – li kienu iktar ħorox fl-Ungerija milli fl-Isvezja – jistgħu ma jiġux ikkunsidrati bħala li jikkostitwixxu “piena” fit-tifsira tal-Artikolu 7 tal-KEDB peress li domandi għal liberazzjoni kkundizzjonata kienu jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza ( 34 ). Il-Qorti EDB ikkonfermat l-istess approċċ fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas billi kkunsidrat li “konsenja... [ma hijiex] piena inflitta... għaliex wettqet reat, imma proċedura maħsuba sabiex tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi [Stat Membru ieħor].” ( 35 )

98.

F’konformità ma’ dak l-approċċ, il-Qorti EDB ma tqisx bħala problematiku l-fatt li istrumenti differenti li jikkonċernaw kooperazzjoni internazzjonali huma applikati għal reati mwettqa jew sentenzi mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom fl-Istat speċifiku ( 36 ). Dik il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata wkoll fir-rigward ta’ MAE ( 37 ).

99.

Din l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità ispirat ukoll il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-MAE. F’Advocaten voor de Wereld, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-fatt li l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas ineħħi l-ħtieġa ta’ verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ma jikkostitwixxix vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità, peress li d-definizzjoni tar-reati u l-penalitajiet applikabbli jibqgħu kwistjonijiet iddeterminati mid-dritt tal-Istat Membru emittenti ( 38 ). Dik is-sentenza poġġiet l-enfasi fuq fiduċja reċiproka u fuq il-fatt li osservanza tal-prinċipju ta’ legalità għandu jkun żgurat mill-Istat Membru emittenti.

100.

Għaldaqstant, jidher li b’konformità mal-ġurisprudenza kemm ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB, kunsiderazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru emittenti fil-waqt tal-ħruġ tal-MAE, għall-għanijiet ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjoni li tirrelata mat-tul tal-piena fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas, ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ legalità kif stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, interpretat b’konformità mal-iskop tal-Artikolu 7 KEDB. Dan għaliex interpretazzjoni bħal dik ma twassalx għal impożizzjoni fil-każ kriminali ta’ piena li ma kinitx ipprovduta mill-Istat Membru emittenti fil-waqt meta r-reati ġew imwettqa.

101.

Madankollu, għandu jinżamm amment ta’ tliet kunsiderazzjonijiet addizzjonali.

102.

L-ewwel nett, lil hinn mill-interpretazzjoni stretta tal-iskop tal-prinċipju tal-legalità, kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jagħti iktar sostenn lill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas proposta fil-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Infatti, dak il-prinċipju jfisser li, lil hinn mill-qasam strett tad-definizzjoni ta’ reati u penalitajiet fid-dritt kriminali, id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu ċerti u l-applikazzjoni tagħhom prevedibbli għal dawk li huma soġġetti għalihom, b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt kriminali. L-applikazzjoni ta’ dak l-istandard għandu jiġi osservat iktar u iktar b’mod strett f’każ ta’ regoli li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi għal individwi ( 39 ). Dak hu l-każ mhux biss għal regoli kriminali sostantivi, iżda wkoll għad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali proċedurali bħad-Deċiżjoni Qafas, li tista’ twassal għal ċaħda ta’ libertà tal-persuna rikjesta ( 40 ).

103.

Huwa f’dak il-kuntest iktar wiesa’ li l-ġurisprudenza dwar ċertezza legali tirrikjedi li regoli tad-dritt nazzjonali għandhom jiġu fformulati mingħajr ambigwità, mhux biss sabiex il-persuni kkonċernati jingħataw fehma ċara u preċiża tad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tagħhom, iżda wkoll sabiex il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jiżguraw l-applikazzjoni tagħhom. Is-sitwazzjoni mhux prevedibbli li kieku tiġi maħluqa bl-interpretazzjoni tal-kliem inkonklussiv tal-Artikolu 2(2) b’tali mod li d-dritt rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjoni li tirrelata mat-tul tal-piena tista’ konsegwentement tiġi mibdula f’kull waqt, tkun diffiċli li tiġi rrikonċiljata mar-rekwiżiti ta’ ċarezza u prevedibbiltà imposti mill-prinċipju taċ-ċertezza legali.

104.

It-tieni nett, waqt li huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Advocaten voor de Wereld li l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ legalità, hi għamlet dan fuq il-bażi li d-definizzjoni tar-reati u l-penalitajiet applikabbli “tkompli taqa’ taħt il-kompetenza tad-dritt ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, li, kif barra minn hekk huwa stipulat fl-Artikolu 1(3) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas, għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif huma stabbiliti fl-Artikolu 6 UE u, konsegwentement, il-prinċipju tal-legalità tar-reati u tal-pieni” ( 41 ). Ir-rekwiżiti imposti f’dik id-dispożizzjoni rigward il-kwalifikazzjoni tar-reati, kif ukoll dwar is-serjetà ta’ dawk ir-reati, b’riferiment għall-iskala ta’ penalitajiet fl-Istat Membru emittenti għandhom jiġu applikati skont l-ogħla standard ta’ ċertezza legali. Huma jiffurmaw il-bażi ta’ fiduċja li hija meħtieġa mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li fuqha jiddependi b’mod sħiħ is-suċċess tad-Deċiżjoni Qafas bħala sistema.

105.

Finalment, jirriżulta mill-ġurisprudenza reċenti ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri għandhom approċċi differenti għall-iskop tal-prinċipju ta’ legalità ( 42 ). Dawk l-approċċi differenti jafu wkoll jinħassu fil-kunsiderazzjoni tagħhom tal-kundizzjonijiet differenti għall-applikazzjoni tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Qafas. Interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni bħal dik sostnuta mill-Gvern Spanjol u dak u Belġjan u mill-Procureur-General (il-Prosekutur Ġenerali) taf tissogra tidħol f’kunflitt ma’ wħud mill-interpretazzjonijiet nazzjonali tal-prinċipju ta’ legalità f’qasam fejn id-Deċiżjoni Qafas minnha nfisha ma tipprovdix risposta mhux ambigwa ( 43 ).

C.   Kummenti Finali

106.

Wara li ssuġerejt risposta għad-domanda speċifika mressqa mill-qorti tar-rinviju, jien nemmen li jaf jkun utli li wieħed ifakkar minflok konklużjoni, dwar xiex ma huwiex dan il-każ, kif ippreżentat quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja.

107.

L-ewwel nett, minn ċertu perspettiva, il-fatti u l-kuntest legali li jiffurmaw il-bażi tal-każ kriminali fl-Istat Membru emittenti jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jidħol f’kunflitt mad-dritt fundamentali tal-libertà ta’ espressjoni. Il-każ quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma jikkonċernax la dawn il-kwistjonijiet, u bl-ebda mod il-merti tas-sentenzi li jimponu piena li l-eżekuzzjoni tagħhom hija mfittxija mill-MAE inkwistjoni.

108.

It-tieni nett, dan il-każ ma jikkonċernax ukoll l-evalwazzjoni ta’ l-ewwel kundizzjoni li tqajjem l-applikabbiltà tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas: jista’ r-reat ta’ “glorifikazzjoni tat-terroriżmu u umiljazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu” kif iddefinit mill-Kodiċi Kriminali Spanjol awtomatikament jiġi kkunsidrat taħt “terroriżmu”, li jidher bħala wieħed mit-32 reat fil-lista fl-Artikolu 2(2)?

109.

It-tielet nett, ir-risposta mogħtija għad-domandi fil-każ preżenti bl-istess mod ma għandha l-ebda impatt fuq aspetti oħra li jaffettwaw is-suċċess potenzjali tal-MAE inkwistjoni, bħal pereżempju kunsiderazzjoni għal ċediment għaż-żewġ reati l-oħra li għalihom ċediment ġie rikjest, jew l-evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-kriterju tad-doppja kriminalità tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas fir-rigward tat-tliet reati inkwistjoni.

110.

Ir-raba’ nett, jista’ jiġi mfakkar ukoll li, mill-perspettiva tal-konsegwenzi possibbli prattiċi u sistematiċi, id-diskussjoni dwar id-determinazzjoni (tal-verżjoni termporali tad-)dritt rilevanti applikabbli fir-rigward tal-Istat Membru emittenti taħt l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas ma hijiex awtomatikament transponibbli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(4) ( 44 ).

V. Konklużjoni

111.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda mressqa mill-Hof van Beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent, il-Belġju) kif ġej:

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri għandu jiġi interpretat bħala li jagħmel riferiment, għall-għanijiet li jiġi evalwat il-livell tal-perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin impost hemmhekk, għad-dritt kriminali li hu applikabbli fl-Istat Membru emittenti għar-reat(i) kriminali speċifiku/speċifiċi li għalih/għalihom jagħmel riferiment il-MAE.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009 L 81, p. 24) (“id-Deċiżjoni Qafas”).

( 3 ) Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfatti, dan ma jfissirx neċessarjament li l-MAE ma jistax jiġi eżegwit. Anzi, ifisser li s-sistema tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas issir applikabbli. Skont dik id-dispożizzjoni, konsenja taf tkun soġġetta għal kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, b’tali mod li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni jekk l-att li fuqha l-MAE hija bbażata ma tikostitwixxix reat taħt id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, skont ir-raġuni għal l-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kif stipulata fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

( 4 ) Enfasi miżjuda.

( 5 ) Iktar ’il fuq, punti 22 sa 25.

( 6 ) Iktar ’l isfel, punti 40 sa 43.

( 7 ) Kif deskritt fil-qosor iktar ’il fuq, f’punti 35 sa 37.

( 8 ) Ara, b’analoġija, sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Grundza (C‑289/15, EU:C:2017:4, punt 45) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑289/15, EU:C:2016:622, punt 68).

( 9 ) Bħala eżempju, wieħed ifakkar li d-Deċiżjoni Qafas tirregola l-iskop temporali tagħħa fir-rigward tal-mument li fih isiru rikjesti ta’ ċedimenti ġodda. Skont l-Artikolu 34(1), l-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas sal-31 ta’ Diċembru 2003. Allura, l-Artikolu 32 Isostni li t-talbiet rċevuti wara l-1 ta’ Jannar 2004 huma rregolati mir-regoli adottati skont id-deċiżjoni qafas.

( 10 ) Ara, għal dan l-għan, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, (C‑241/15, EU:C:2016:385, punti 6364), u dik tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 43).

( 11 ) Enfasi miżjuda.

( 12 ) Ara, pereżempju, speċifikament fuq is-suġġett ta’ annessi ma’ strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 49 et seq.), u tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 56). Ara wkoll, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, X (C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 52).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 44); tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 89); u tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punti 57 sa 59).

( 14 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 49).

( 15 ) Dik l-interpretazzjoni hija sostnuta mis-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 48 sa 51).

( 16 ) Dik l-interpretazzjoni hija espressa bl-istess mod mill-Avviż tal-Kummissjoni — Manwal dwar kif toħroġ u teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU 2017 C 335, p. 1), skont liema l-għan tal-kaxxa (c) tal-formola annessa huwa “li jkun dokumentat il-fatt li l-MAE jissodisfa l-limitu massimu tal-pieni stipulati fl-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kwadru dwar il-MAE. Matul l-istadju ta’ qabel il-proċess, dak il-minimu jkun japplika għas-sentenza li tista’ tiġi imposta bi prinċipju, u meta tkun ingħatat sentenza, dan ikun japplika għat-tul tal-piena effettiva. […]”

( 17 ) Deskritta iktar ’il fuq, punti 59 u 60.

( 18 ) Sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, PiotrowskiC‑367/16, EU:C:2018:27).

( 19 ) Dak il-każ kien jikkonċerna r-raġuni tassattiva għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat inkluża fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas, skont liema l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha tiċħad l-eżekuzzjoni ta’ MAE jekk il-persuna rikjesta “ma tistax, minħabba l-età tagħha, tinsab kriminalment ħatja għall-atti fuq liema l-mandat ta’ arrest hu bbażat taħt il-liġi ta’ l-Istat li jesgwixxi”. Peress li, b’mod partikolari, il-formola pprovduta fl-Anness ma tinkludix informazzjoni speċifika li tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji li jeżegwixxu biex jevalwaw il-kundizzjonijiet addizzjonali bbażati fuq ċirkustanzi individwali li jippermettu l-prosekuzzjoni ta’ minuri taħt id-dritt kriminali tal-Istat Membru emittenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha sempliċement tivverifika jekk il-persuna kkonċernata laħqitx l-età minima meħtieġa sabiex tiġi kkunsidrata bħala kriminalment ħatja fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-atti fuq liema l-mandat hu bbażat mingħajr ma jkollhom jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet addizzjonali. Sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punti 5962).

( 20 ) Fuq id-diskussjoni u r-retiċenza kostituzzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) f’diversi Stati Membri, ara pereżempju Ambos, K., European Criminal Law, Cambridge University Press, Cambridge, 2018, f’p. 432 et seq.

( 21 ) Ulterjorment, jien madankollu għandi nammetti li l-argument magħmul mill-Procureur-Generaal (il-Prosekutur Ġenerali) u il-Gvern Belġjan juri b’mod ċar it-tensjoni inerenti bejn it-terminoloġija użata, minn naħa, u l-istruttura legali u l-operazzjoni tas-sistema MAE (jew ħafna iktar sistemi bbażati fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fl-EU, f’dan ir-rigward), min-naħa l-oħra. Il-prinċipju ta’ gwida jingħad li huwa wieħed ta’ fiduċja (reċiproka), li għandha tinġieb fis-seħħ u titrawwem mid-dritt. Iżda jekk wieħed jafda, ftit hemm bżonn ta’ dritt. Huwa biss meta ma hemmx (iktar) lok għal fiduċja fejn regoli legali infurzabbli jsiru neċessarji. F’ċertu punt, regoli legali infurzabbli jistgħu verament jiġu ssostitwiti b’fiduċja reċiproka. Iżda dak jista’ jiġri biss gradwalment u b’mod organiku b’interazzjoni soċjali minn isfel għal fuq. Fiduċja ma tistax tiġi maħluqa b’mod normattiv b’digriet minn fuq.

( 22 ) Il-prattika turi li l-mument partikolari li fih jinħareġ il-MAE jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor u jista’ jinkludi, pereżempju, il-bidu tal-investigazzjoni; it-tmiem tal-investigazzjoni; il-mument li fih tiġi normalment ordnata id-detenzjoni ta’ qabel il-prosekuzzjoni; meta l-persuna titqies li hija ssuspettata; jew kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali sa tmiemhom. Ara EAW — Rights. Analysis of the implementation and operation of the European Arrest Warrant from the point of view of defence practitioners, Council of Bars and Law Societies of Europe/European Lawyers Foundation, Brussels/The Hague, 2016, pp. 25-26.

( 23 ) Ara iktar ’il fuq, punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Ara, dwar is-setgħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni f’dan ir-rigward, sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 91) u sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 103).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 61).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 39 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Punti 72 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Il-metafora li faċilment tiġi f’moħħ dak li jkun f’dan il-kuntest hija dik tal-ġeneral li, għall-iskop li jirbaħ battalja, huwa lest li jitlef il-gwerra.

( 29 ) Ara, pereżempju, sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Vaditrans (C‑102/16, EU:C:2017:1012, punt 50).

( 30 ) Ara, pereżempju, sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, The International Association of Independent Tanker Owners et. (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara b’mod partikolari, sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 50).

( 31 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, fuq din id-diskussjoni, il-konklużjonijiet tiegħi f’Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553, punt 151), li jirreferu għas-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja [GC], (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, § 85 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati tat-18 ta’ Diċembru 1997 (Serje tat-Trattati Ewropej Nru 167).

( 34 ) Qorti EDB, Szabó vs L‑Isvezja, sentenza dwar l-ammissibbiltà tas-27 ta’ Ġunju 2006 (CE:ECHR:2006:0627DEC002857803) Ara wkoll, dwar il-Protokoll Addizzjonali għal Konvenzjoni dwar it-Trasferiment, il-Qorti EDB, sentenzi dwar l-ammissibbiltà tas-27 ta’ Ġunju 2006, Csoszánszki vs L-Isvezja, (CE:ECHR:2006:0627DEC002231802); tas-6 ta’ Settembru 2011, Müller vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2011:0906DEC004805809); u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Ciok vs Il-Polonja (CE:ECHR:2012:1023DEC000049810). Ara, dwar mumenti oħra ta’ kooperazzjoni internazzjonali, Qorti EDB, sentenza dwar l-ammissibbiltà tal-5 ta’ Lulju 2007, Saccoccia vs L-Awstrija, (CE:ECHR:2007:0705DEC006991701).

( 35 ) Qorti EDB, sentenza dwar l-ammissibbiltà tas-7 ta’ Ottubru 2008, Monedero Angora vs Spanja (CE:ECHR:2008:1007DEC004113805, § 2). Ara wkoll Qorti EDB, sentenza dwar l-ammissibbiltà tat-23 ta’ Ottubru 2012, Giza vs Il-Polonja (CE:ECHR:2012:1023DEC000199711, §§ 30 sa 34).

( 36 ) Qorti EDB, sentenza dwar l-ammissibbiltà tas-27 ta’ Ġunju 2006, Szabó vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2006:0627DEC002857803), u sentenza dwar l-ammissibbiltà tas-6 ta’ Settembru 2011, Müller vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2011:0906DEC004805809).

( 37 ) Qorti EDB, sentenza dwar l-ammissibbiltà tas-7 ta’ Ottubru 2008, Monedero Angora vs Spanja (CE:ECHR:2008:1007DEC004113805, § 2).

( 38 ) Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 53).

( 39 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean (C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.)

( 40 ) Legalità, mifhuma b’mod wiesa’ (fis-sens tal-leġittimità u b’rabta mal-kunċett tal-istat tad-dritt) tidher fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ numru ta’ elementi mhux relatati mad-definizzjoni ta’ reati u penalitajiet, bħar-regoli rigward l-awtoritajiet kompetenti sabiex jimponu sanzjonijiet. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2015, Weltimmo (C‑230/14, EU:C:2015:639, punt 56), u tas-17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30, punti 3435). B’mod simili, ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u preċiżjoni japplikaw b’mod ġenerali għad-“dritt” li jipprovdi għal limitazzjonijiet ta’ drittijiet fundamentali. Ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81), u tas-17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30, punt 40).

( 41 ) Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereled (C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 53), Enfasi miżjuda.

( 42 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936), punt 60).

( 43 ) Eżempju tajjeb ta’ din id-diversità jista’ jinstab fid-diskussjonijiet fil-Kumitat Ewropew dwar ir-reati kriminali tal-Kunsill tal-Ewropa. Id-diskussjonijiet fuq il-waqt għal riferiment meta tkun qiegħda tiġi kkunsidrata kriminalità doppja fir-rigward tar-rikjesti ta’ estradizzjoni, juru li diversi Stati Membri jikkunsidraw li l-waqt għandu jkun dak tal-fatti li jagħtu lok għar-reat minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ legalità, filwaqt li Stati Membri oħrajn jikkunsidraw li l-waqt għandu jkun dak tar-rikjesta għal estradizzjoni, sabiex tiġi ġġenerata kooperazzjoni ġudizzjarja. Ara “Kumpilazzjoni ta’ risposti għal kwestjonarju dwar il-mument ta’ riferiment li għandu jiġi applikat meta tkun qiegħda tiġi kkunsidrata l-kriminalità doppja fir-rigward ta’ rikjesti għal estradizzjoni”, PC-OC(2013)12Bil.Rev3, Kumitat Ewropew dwar ir-reati kriminali, Kumitat ta’ Esperti dwar l-Operazzjoni ta’ konvenzjonijiet Ewropej dwar kooperazzjoni fir-rigward ta’ materji kriminali, Strasbourg, 25 ta’ Novembru 2014.

( 44 ) Kif diskuss iktar ’il fuq f’punti 45 sa 47.