KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit‑23 ta’ April 2020 ( 1 )

Kawża C‑681/18

JH

vs

KG

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Brescia (il-Qorti Distrettwali ta’ Brescia, l-Italja))

“Politika soċjali — Direttiva 2008/104 — Impjieg temporanju — Kuntratti suċċessivi mal-istess impriża — Artikolu 5(5) — Ugwaljanza fit-trattament — Evitar tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva”

1. 

Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel okkażjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 2 ). B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkjarifika jekk, fiċ-ċirkustanzi fejn ħaddiem jiġi impjegat minn aġenzija ta’ xogħol temporanju u assenjat għad-dispożizzjoni tal-istess impriża utenti bħala ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija permezz ta’ tmien kuntratti suċċessivi għall-provvista temporanja ta’ xogħol u 17‑il estensjoni, kienx hemm “assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

2.

L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 3 ) jipprevedi li:

“1.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”.

Id-Direttiva 2008/104

3.

Id-Direttiva 2008/104, kif tippreċiża l-ewwel premessa tagħha, tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta u hija mfassla sabiex tiżgura konformità sħiħa mal-Artikolu 31 tal-Karta. Din id-direttiva tistabbilixxi qafas protettiv għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li huwa “non-diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li [j]irrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali” ( 4 ). Fi ħdan dan il-qafas, “[i]l-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ta’ l-inqas dawk li japplikaw għal dawn il-ħaddiema kieku kellhom ikunu rreklutati mill-impriża utenti biex jokkupaw l-istess impjieg” ( 5 ).

4.

Il-premessa 15 tesponi li “il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Fil-każ ta’ ħaddiema li għandhom kuntratt permanenti ma’ l-aġenzija ta’ xogħol temporanju tagħhom, u bil-ħsieb tal-protezzjoni speċjali li joffri tali kuntratt, għandu jkun previst li jkunu permessi eżenzjonijiet mir-regoli applikabbli fl-impriża utenti”.

5.

Il-premessa 21 tindika li “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex iħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u għandhom jipprovdu pieni effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-ksur ta’ l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva”.

6.

L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji ta’ xogħol temporanju jew impriżi utenti impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le.

[…]”

7.

Skont l-Artikolu 2 tagħha, l-iskop tad-Direttiva 2008/104 “huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol”.

8.

L-Artikolu 3(1) tagħha jiddefinixxi diversi termini rilevanti għall-applikazzjoni tad-direttiva:

“(a)

‘ħaddiem’ tfisser kwalunkwe persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala ħaddiem skond il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg;

(b)

‘aġenzija ta’ xogħol temporanju’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg ma’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija sabiex tassenjahom lil impriżi utenti biex jaħdmu hemm temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom;

ċ)

‘ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija’ tfisser ħaddiem b’kuntratt ta’ impjieg jew li għandu relazzjoni ta’ impjieg ma aġenzija ta’ xogħol temporanju bil-ħsieb li jiġi assenjat għal ma’ impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(d)

‘impriża utenti’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jaħdem temporanjament għaliha taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(e)

‘assenjazzjoni’ tfisser il-perijodu li matulu l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jintbagħat fl-impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(f)

‘kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg’ tfisser kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

(i)

it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

(ii)

il-paga”.

9.

L-Artikolu 4(1) jipprevedi li “[i]l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta’ interess ġenerali li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu prevenuti l-abbużi”.

10.

L-Artikolu 5(1) jipprevedi li “[i]l-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg. […]”.

11.

Skont l-Artikolu 5(5), “l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti, skond il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika, bil-ħsieb li jipprevjenu l-użu ħażin fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’tali miżuri”.

12.

L-Artikolu 6 jipprevedi li:

“1.   Il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu infurmati bi kwalunkwe post vakant fl-impriża utenti biex jingħataw l-istess opportunità bħall-ħaddiema l-oħra f’dik l-impriża biex isibu impjieg permanenti. Din l-informazzjoni tista’ tingħata b’avviz ġenerali f’post adatt fl-impriża li għaliha u taħt is-superviżjoni tagħha jiġu ingaġġati l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe klawsola li tipprojbixxi jew li għandha l-effett li tipprevjeni l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija wara l-assenjazzjoni tiegħu huma nulli u bla effett jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

[…]”

13.

Skont l-Artikolu 10(1), “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Direttiva mill-aġenziji tax-xogħol temporanju jew mill-impriżi utenti. B’mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati biex l-obbligi li ġejjin minn din id-Direttiva jkunu jistgħu jiġu infurzati”.

Id-dritt Taljan

14.

Il-qorti tar-rinviju tesponi li huwa d-Decreto legislativo 10 settembre 2003, No 276 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 tal‑10 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta’ delegi fil-qasam tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol, stabbilit permezz tal-Liġi Nru 30, tal‑14 ta’ Frar 2003, kif emendat bid-Digriet Liġi Nru 34/2014, ikkonvertit f’liġi b’emendi permezz tal-Liġi 78/2014, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003”) li huwa applikabbli f’dan il-każ.

15.

L-emenda leġiżlattiva introdotta permezz tal-Liġi 78/2014 ħassret mill-Artikolu 20(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 kemm id-dispożizzjoni li tipprovdi li “it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat huwa awtorizzat għal raġunijiet tekniċi, ta’ produzzjoni jew ta’ organizzazzjoni, jew għal finijiet ta’ sostituzzjoni, anki jekk dawn ir-raġunijiet jirrigwardaw l-attività kummerċjali ordinarja tal-utent” kif ukoll l-obbligu li jiġu indikati tali raġunijiet fil-kuntratt bil-miktub.

16.

L-Artikolu 22(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/03 jipprevedi li, meta jintuża tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-aġenzija u l-ħaddiem hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/01 “bl-esklużjoni tal-Artikolu 5(3) et seq. tiegħu”. It-terminu oriġinali tal-kuntratt tax-xogħol jista’ jiġi estiż bil-kunsens bil-miktub tal-ħaddiem, fiċ-ċirkustanzi u għat-tul previst fil-Contratto collettivo nazionale di lavoro (il-Ftehim Kollettiv Nazzjonali ta’ Xogħol għall-Kategorija tal-Aġenziji ta’ Xogħol Temporanju, iffirmat fis‑27 ta’ Frar 2014, iktar ’il quddiem “iċ-CCNL”) li permezz tiegħu l-aġenzija hija marbuta.

17.

L-Artikolu 27 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/03, intitolat “Użu illegali tal-ħaddiema temporanji”, jipprevedi li, jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema ma jibqax fil-limiti u l-kundizzjonijiet iddefiniti minn dan l-istess digriet leġiżlattiv, il-ħaddiem jista’, permezz ta’ azzjoni li tista’ titressaq biss kontra l-impriża utenti, jitlob li r-relazzjoni ta’ xogħol tiġi ddikjarata bħala stabbilita bejnu u l-impriża utenti, mill-bidu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni.

18.

L-Artikolu 5(3) sa (4-bis) tad-Decreto legislativo 6 settembre 2001, n. 368 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368 tas‑6 ta’ Settembru 2001 li jimplimenta d-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP) ( 6 ), fil-verżjoni tiegħu applikabbli ratione temporis, jipprevedi li:

“[…] 3.   Meta l-ħaddiem jiġi impjegat mill-ġdid għal żmien determinat skont l-Artikolu 1 fi żmien ta’ għaxart ijiem li jibdew jiddekorru mid-data tal-iskadenza ta’ kuntratt li t-tul tiegħu jkun ta’ sitt xhur jew inqas, jew ta’ għoxrin jum li jibdew jiddekorru mid-data tal-iskadenza ta’ kuntratt li t-tul tiegħu jkun ta’ iktar minn sitt xhur, it-tieni kuntratt jitqies li huwa konkluż għal żmien indeterminat. […]

4.   Fil-każ ta’ żewġ reklutaġġi suċċessivi għal żmien determinat, li għandhom jitqiesu bħala relazzjonijiet mingħajr interruzzjoni bejniethom, ir-relazzjoni ta’ xogħol għandha titqies li hija għal żmien indeterminat b’effett mid-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt.

4-bis.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kuntratti suċċessivi kif previsti fil-paragrafi preċedenti, u mingħajr preġudizzju għad-diversi dispożizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet kollettivi […], meta, b’riżultat ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ekwivalenti, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess impjegat taqbeż, globalment, il-perijodu ta’ sitta u tletin xahar, inklużi l-prorogi u t-tiġdid, indipendentement mill-perijodi ta’ interruzzjoni bejn il-kuntratti, ir-relazzjoni ta’ xogħol għandha titqies bħala li hija ta’ żmien indeterminat […]”.

19.

L-Artikolu 47 taċ-CCNL jipprevedi li prorogi tal-kuntratti huma rregolati esklużivament miċ-CCNL. Għalhekk, il-prorogi previsti fl-Artikolu 22(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/03 fil-każ ta’ kuntratti għal żmien determinat jistgħu jseħħu sa sitt darbiet. Kull kuntratt, inkluż il-prorogi, ma jistax jeċċedi 36 xahar.

20.

L-Artikoli 1344 u 1421 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jipprovdu li l-kuntratti konklużi sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji huma invalidi.

Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi mressqa

21.

JH huwa ħaddiem impjegat minn aġenzija ta’ xogħol temporanju. Huwa ġie assenjat bħala ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija fl-impriża utenti KG, fejn ġie impjegat bħala ħaddiem tal-magna u t-torn mit‑3 ta’ Marzu 2014 sat‑30 ta’ Novembru 2016 b’kuntratti suċċessivi ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni temporanju tax-xogħol (total ta’ tmienja) u diversi prorogi (total ta’ 17).

22.

Fil‑21 ta’ Frar 2017, JH ippreżenta rikors kontra KG quddiem it-Tribunale ordinario di Brescia (il-Qorti Distrettwali ta’ Brescia, l-Italja). Huwa jitlob, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju għandha: (a) tikkonstata u tiddikjara li l-kuntratti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni temporanju tax-xogħol li permezz tagħhom huwa ħadem għal KG huma illegali u/jew invalidi; (b) tiddikjara l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bejnu u KG mit‑3 ta’ Marzu 2014; (c) tikkundanna lil KG sabiex tintegrah mill-ġdid u tħallas il-kumpens dovut u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxi korrispondenti. JH talab ukoll lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/104 u b’mod partikolari tal-Artikolu 5(5) tagħha.

23.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali (ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet) (i) ma tipprevedix li l-kuntratti għandhom jindikaw ir-raġunijiet tekniċi, ta’ produzzjoni jew ta’ organizzazzjoni, jew ir-raġunijiet ta’ sostituzzjoni għall-użu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol; (ii) ma tipprevedix li dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu ta’ natura temporanja; u lanqas (iii) ma tillimita l-assenjazzjonijiet suċċessivi ta’ ħaddiem għall-istess impriża utenti. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li ċ-CCNL (ara l-punt 19 iktar ’il fuq) ma huwiex applikabbli, minħabba li dan jirregola biss ir-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u l-aġenziji ta’ xogħol temporanju, u mhux bejn il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u l-impriżi utenti. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fi kwalunkwe każ, dawn ir-regoli, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fiż-żmien tal-fatti, ma jeħtiġux li r-raġunijiet tal-użu ta’ xogħol temporanju jiġu indikati fil-kuntratt, u lanqas ma jipprojbixxu l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid, immedjatament wara t-terminazzjoni tas-sitt estensjoni tal-kuntratt preċedenti, mingħajr interruzzjoni.

24.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva 2008/104, u speċjalment il-premessa 15 moqrija flimkien mal-Artikolu 5(5) tagħha, peress li hija ma tipprevedix l-istħarriġ ġudizzjarju tar-raġunijiet dwar l-użu tax-xogħol temporanju u ma tiffissax limiti dwar l-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għall-istess impriża utenti.

25.

F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju titlob deċiżjoni preliminari dwar id-domanda li ġejja:

“L-Artikolu 5(5) tad-[Direttiva 2008/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003, kif emendat bid-Digriet Liġi Nru 34/2014, li: (a) ma jipprevedix limiti għall-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem mal-istess impriża utenti; (b) ma jissuġġettax il-leġittimità tal-użu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, minn aġenzija tax-xogħol, għal żmien determinat għall-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet ta’ natura teknika, ta’ produttività, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni tal-użu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni nnifsu; (c) ma jipprevedix ir-rekwiżit li l-ħtieġa ta’ produttività rispettiva tal-impriża utenti għandha tkun temporanja bħala kundizzjoni għall-użu leġittimu ta’ tali forma ta’ kuntratt ta’ xogħol?”

26.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn JH, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea. Minkejja li JH talab għal seduta, waqt li ta r-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi mingħajr ma żżomm waħda skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

Evalwazzjoni

Ammissibbiltà

27.

Il-Gvern Taljan isostni li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli. L-ewwel nett, huwa jsostni li, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mill-qorti tar-rinviju tapplika biss għall-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar in-natura (għal żmien determinat jew le) tal-kuntratt ta’ xogħol bejn JH u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju. It-tieni nett, it-tilwima li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju hija tilwima bejn individwi u d-Direttiva 2008/104 ma għandhiex effett dirett orizzontali. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari ma jkollha ebda influwenza fuq ir-riżultat tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju. L-uniku riżultat pożittiv posibbli għal JH ikun li jikseb kumpens għad-danni mill-Istat Taljan fil-każ li jirriżulta li dan ittraspona d-Direttiva 2008/104 b’mod inkomplet jew inkorrett.

28.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, “id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha” ( 7 ).

29.

F’dan l-aħħar rigward, il-ħtieġa li ssir interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali tfisser li dik il-qorti għandha tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi li tagħmel jew li, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew validità ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni abbażi biss tal-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li jkun neċessarju li tagħmel domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa wkoll indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti, mill-inqas, spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dwarhom titlob l-intepretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwma mressqa quddiemha ( 8 ).

30.

Mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jidher li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob gwida lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104. Il-qorti tar-rinviju tispjega li din il-gwida hija neċessarja sabiex issolvi l-każ quddiemha. F’dan il-kuntest, l-argumenti tal-Gvern Taljan dwar l-impossibbiltà li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva direttament għal tilwima bejn individwi huma irrilevanti. Huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement minn jekk għandhomx effett dirett bejn il-partijiet fil-kawża inkwistjoni ( 9 ).

31.

Nikkunsidra li d-deċiżjoni tar-rinviju tipprovdi preżentazzjoni suffiċjenti taċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom hija bbażata d-domanda preliminari sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula.

32.

Għaldaqstant, inqis li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

33.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li: (a) ma tipprevedix limiti għall-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti; (b) ma tissuġġettax il-leġittimità tal-użu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema, permezz ta’ aġenzija tax-xogħol, għal żmien determinat għall-obbligu li jkun hemm raġunijiet ta’ natura teknika, ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni għall-użu ta’ tali xogħol; (c) ma tipprevedix ir-rekwiżit li l-ħtieġa ta’ produzzjoni tal-impriża utenti għandha tkun temporanja bħala kundizzjoni għall-użu leġittimu ta’ tali forma ta’ kuntratt ta’ xogħol.

34.

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser nindirizza wkoll il-kuntest iktar wiesa’, jiġifieri d-domanda dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 humiex qegħdin jiġu evitati.

35.

Dan jeħtieġni neżamina l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 kif ukoll l-iskop, il-formulazzjoni u l-kuntest tal-Artikolu 5(5) tagħha.

36.

Id-Direttiva 2008/104 hija bbażata fuq l-ex Artikolu 137(1) u (2) KE (issa l-Artikolu 153 TFUE), li kien jagħti lill-istituzzjonijiet is-setgħa li “jadottaw, […] permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament”, għal dak li jirrigwarda, inter alia, “il-kondizzjonijiet tax-xogħol”. Din ġiet adottata sabiex tikkumplimenta żewġ direttivi preċedenti dwar xogħol atipiku, li jindirizzaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol part-time u ta’ xogħol temporanju rispettivament ( 10 ). L-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha bħala għan globali l-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, filwaqt li jsir sforz sabiex jintlaħaq grad ikbar ta’ armonizzazzjoni tad-dritt soċjali applikabbli għalih. Il-mudell leġiżlattiv li jifforma l-bażi ta’ din l-azzjoni huwa bbażat fuq it-tfittxija ta’ bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol u ġie msejjaħ “flessigurtà” ( 11 ).

37.

Id-Direttiva 2008/104 b’hekk twettaq eżerċizzju ta’ bbilanċjar bejn l-għan ta’ “flessibbiltà” mfittex mill-impriżi u l-għan ta’ “sigurtà” li jikkorrispondi għall-protezzjoni tal-ħaddiema. B’hekk, il-premessa 11 tiddikjara li d-direttiva hija intiża sabiex tirrispondi mhux biss għall-bżonnijiet ta’ flessibbiltà tal-impriżi, iżda wkoll għan-neċessitajiet tal-ħaddiema sabiex jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali u l-ħajja privata tagħhom u b’hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll għall-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

38.

Id-Direttiva 2008/104 tistabbilixxi qafas protettiv għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li huwa nondiskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali. L-Artikolu 2 jipprevedi li l-fini ta’ din id-direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikun applikat għal dawn il-ħaddiema, u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala persuni li jimpjegaw, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu ta’ dan it-tip ta’ xogħol bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol ( 12 ).

39.

Id-Direttiva 2008/104 tipprevedi għalhekk kemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija kif ukoll il-kundizzjonijiet applikabbli għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenziji. Il-mira doppja tad-direttiva hija riflessa wkoll fl-istruttura tagħha. Minbarra d-dispożizzjonijiet introduttivi tagħha (il-kamp ta’ applikazzjoni, l-għan u d-definizzjonijiet) u d-dispożizzjonijiet finali, id-Direttiva 2008/104 hija organizzata f’żewġ partijiet. L-Artikolu 4, li jikkonkludi l-Kapitolu I (“Dispożizzjonijiet ġenerali”), jirrigwarda restrizzjonijiet għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija. Il-Kapitolu II (“Kondizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol”), li jinkludi l-Artikoli 5 sa 8, ikopri l-ugwaljanza fit-trattament, l-aċċess għall-impjieg, faċilitajiet kollettivi u taħriġ vokazzjonali, ir-rappreżentanza u l-informazzjoni ( 13 ).

40.

Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet japprossimaw ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u r-relazzjonijiet ta’ xogħol “abitwali”, huwa ċar ( 14 ) li l-punt tat-tluq tad-Direttiva 2008/104 huwa li l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol hija (u, jien inżid, għandha tkun) il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Id-direttiva għalhekk hija intiża sabiex tistimula l-aċċess tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għal impjieg permanenti fl-impriża utenti, għan li huwa rifless b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) u (2) tagħha ( 15 ).

41.

Id-Direttiva 2008/104 tapplika għall-“ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom” (Artikolu 1(1)) kif ukoll għal “impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji ta’ xogħol temporanju jew impriżi utenti impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le” (Artikolu 1(2)). Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “ħaddiem” bħala “li jkopri kull persuna li twettaq provvista ta’ xogħol, jiġifieri li twettaq, matul perijodu ta’ żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv tagħhom tirċievi remunerazzjoni, u li hija protetta f’dan ir-rigward fl-Istat Membru kkonċernat, u indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha fid-dritt nazzjonali, in-natura tar-rabta legali li torbot dawn iż-żewġ persuni u l-forma ta’ din ir-relazzjoni”, u interpretat il-kunċett ta’ “attività ekonomika” billi indikat li “għandha natura ekonomika kull attività li tikkonsisti li jiġu offerti oġġetti jew servizzi f’suq partikolari” ( 16 ).

42.

Komponent importanti tad-Direttiva 2008/104 huwa l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, konformement mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għandu, matul il-perijodu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu ma’ impriża utenti, jibbenefika tal-inqas mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg bażiċi li jkunu applikabbli li kieku kien ingaġġat direttament minn din l-impriża sabiex jokkupa l-istess post ta’ xogħol.

43.

Il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandu jiġi applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1)(f). Rapport imħejji minn Grupp ta’ Esperti stabbilit mill-Kummissjoni jissuġġerixxi li l-Kummissjoni hija tal-fehma li l-lista ta’ tali kundizzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 3(1)(f)(i) u (ii) ma hijiex eżawrjenti ( 17 ).

44.

Jiena sensittiva għal dan l-approċċ. Id-Direttiva 2008/104 hija mfassla biex tiżgura “konformità sħiħa” (ara l-premessa 1) mal-Artikolu 31 tal-Karta, li jirreferi għall-“kondizzjonijiet tax-xogħol” f’termini iktar ġenerali. L-Ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta ( 18 ) jindikaw li dik l-espressjoni għandha tinftiehem skont l-Artikolu 156 TFUE ( 19 ). Dan l-artikolu jelenka l-“kondizzjonijiet tax-xogħol” bħala wieħed mill-oqsma fejn il-Kummissjoni tista’ tintervjeni sabiex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, huwa ma jiddefinixxix dan it-terminu. Jidhirli li l-fatt li d-direttiva twiegħed “konformità sħiħa” mal-Artikolu 31 tal-Karta, flimkien mal-għan iddikjarat mid-Direttiva “ta’ protezzjoni”, jimmilita favur li l-“kundizzjonijiet tax-xogħol” ma jiġux interpretati b’mod wisq restrittiv ( 20 ), minkejja n-natura apparentement eżawrjenti tal-enumerazzjoni li tinsab fit-test.

45.

L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu l-użu ħażin fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5 u, b’mod partikolari, sabiex jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

46.

Din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri żewġ obbligi distinti. L-ewwel wieħed huwa l-prevenzjoni tal-użu ħażin fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5 nnifsu. It-tieni wieħed jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 meħuda fit-totalità tagħhom. Ma narax li l-użu tal-kliem “u, b’mod partikolari” jorbot iż-żewġ obbligi fis-sens li t-tieni wieħed huwa awtomatikament u totalment suġġett għall-ewwel wieħed. Iż-żewġ obbligi jikkonċernaw aspetti differenti tal-impjieg fi ħdan impriża utenti. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-“użu ħażin fl-applikazzjoni” tal-Artikolu 5 (u dan l-artikolu biss). It-tieni obbligu huwa usa’ u huwa intiż sabiex jipprevjeni l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex “jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva” (fl-intier tagħhom).

47.

Minn dan isegwi li jien ma naqbilx mas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni li l-Artikolu 5(5) japplika esklużivament għall-użu ħażin tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) sa (4). Din l-interpretazzjoni restrittiva tinjora l-fatt li l-Artikolu 5(5) jinkludi żewġ fergħat, fejn it-tieni waħda tirreferi għall-fatt li “jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”. Din tmur ukoll kontra l-għan manifest tad-direttiva, li huwa li tipproteġi l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija.

48.

Għalhekk jidhirli li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 5(5) li jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi intiżi sabiex “jevitaw id-dispożizzjonijiet” tad-Direttiva 2008/104 għandu jinftiehem bħala li jkopri d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva, kif interpretati fid-dawl tal-istruttura u tal-iskop tagħha.

49.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi intiżi sabiex “jevitaw id-dispożizzjonijiet” ta’ din id-direttiva, b’mod li jiġi żgurat li x-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija mal-istess impriża utenti ma jsirx faċilment sitwazzjoni permanenti li fiha l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija “jinqabdu”?

50.

Nibda billi nfakkar, għar-riskju ta’ tawtoloġija, li “ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1)(ċ) bħala li jaħdem “temporanjament” taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tal-impriża utenti li lilha ġie assenjat.

51.

It-titolu stess tad-Direttiva 2008/104 jippreċiża li r-relazzjonijiet ta’ xogħol li hija tkopri huma (u huma bħala definizzjoni intiżi li jkunu) ta’ natura temporanja. Dan it-terminu huwa użat, inter alia, fid-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (Artikolu 1), l-għan tagħha (Artikolu 2), kif ukoll fid-definizzjonijiet tat-termini prinċipali tagħha fl-Artikolu 3(1)(b), (ċ), (d) u (e). It-terminu ‘temporanju’ ifisser “għal perijodu limitat ta’ żmien”; “mhux permanenti” ( 21 ). Id-direttiva tippreċiża, barra minn hekk, li l-“kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit” (għalhekk, ir-relazzjonijiet ta’ impjieg permanenti) huma l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol u li l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom jiġu informati bil-pożizzjonijiet vakanti fl-impriża utenti sabiex ikollhom l-istess opportunitajiet bħall-ħaddiema l-oħra sabiex isibu impjieg permanenti (ara l-premessa 15 u l-Artikolu 6(1) u (2)) ( 22 ).

52.

Jiena naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni li d-Direttiva 2008/104 ma tiddefinixxi ebda miżura konkreta li l-Istati Membri għandhom jadottaw sabiex jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għall-istess impriża utenti “mfassla biex jevitaw” id-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Għalhekk (pereżempju), id-Direttiva 2008/104 ma tobbligax lill-Istati Membri jissuġġettaw l-użu ta’ tali assenjazzjonijiet suċċessivi għal obbligu espliċitu li jispjegaw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni jew it-tiġdid tal-kuntratti inkwistjoni. Madankollu, minn dan ma niddeduċix li dan l-Artikolu 5(5) huwa essenzjalment aspirattiv — jiġifieri, fi kliem iktar dirett, ma għandux setgħa vinkolanti.

53.

Il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 (“l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti, skond il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika, bil-ħsieb li jipprevjenu l-użu ħażin fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”) hija ċara, preċiża u inkundizzjonata. Huwa jevoka mingħajr diffikultà mhux mixtieqa l-kriterju klassiku tal-effett dirett. F’dan il-kuntest, “il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika” għandha tiġi meqjusa bħala l-vettura li permezz tagħha l-Istat Membru jwettaq l-obbligu tiegħu; iżda l-ebda waħda minnhom ma tippreġudika ċ-ċarezza, il-preċiżjoni jew l-inkundizzjonalità tal-obbligu bħala tali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw – naturalment, fil-limiti tad-Direttiva – li l-iżball identifikat ma jseħħx. F’kuntest “vertikali”, fejn il-konvenut huwa l-Istat jew emanazzjoni tal-Istat ( 23 ), il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jkun jista’ jikseb appoġġ qawwi mid-direttiva stess.

54.

Permezz ta’ dan il-punt, nixtieq infakkar li d-Direttiva 2008/104 tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-bażi legali tagħha (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), direttiva dwar ir-rekwiżiti minimi. Fil-fatt, il-formulazzjoni u l-istruttura tagħha ma jippermettux li wieħed jikteb obbligi tekniċi ħafna u preċiżi li huma nieqsa fit-test. Madankollu, dan ma jfissirx li huwa possibbli li jiġu injorati jew imwarrba l-obbligi li d-direttiva timponi fuq l-Istati Membri.

55.

Numru ta’ punti addizzjonali għadhom iridu jsiru.

56.

L-ewwel nett, peress li d-Direttiva 2008/104 hija direttiva dwar ir-rekwiżiti minimi, huwa ċar li Stat Membru jibqa’ liberu li jintroduċi tali leġiżlazzjoni speċifika. Nirrileva, naturalment, li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jipprevedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta’ interess ġenerali li għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu pprevenuti l-abbużi ( 24 ). Jekk assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija lill-istess impriża utenti jirriżultaw f’perijodu ta’ servizz ma’ dik l-impriża li huwa itwal (b’mod sinjifikattiv) minn dak li jista’ raġonevolment jitqies bħala “temporanju”, dan jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, preċiżament tali abbuż. Għalkemm miżura nazzjonali li tipprevjeni li tinħoloq tali sitwazzjoni tkun fil-fatt “restrizzjoni(jiet) fuq l-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija”, tali restrizzjoni tkun perfettament ġustifikabbli għal raġunijiet ta’ interess ġenerali espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) – jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u l-prevenzjoni tal-abbużi.

57.

It-tieni nett, assenjazzjonijiet suċċessivi repetuti ta’ spiss tal-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għall-istess impriża utenti jevitaw l-essenza stess tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva u jikkostitwixxu użu ħażin ta’ din il-forma ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Huma jimmodifikaw ukoll (evidentement) il-bilanċ stabbilit mid-direttiva bejn il-“flessibbiltà” ta’ min iħaddem u s-“sigurtà” tal-ħaddiema (ara l-punti 36 u 37 iktar ’il fuq), billi jippreġudikaw lil dan tal-aħħar.

58.

It-tielet, jidhirli li, sa fejn – f’kull każ partikolari – l-ebda spjegazzjoni oġġettiva ma hija offruta dwar għalfejn l-impriża utenti qiegħda tirrikorri għal kuntratti suċċessivi li jinvolvu l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, il-qorti nazzjonali hija taħt dmir partikolari li tkun viġilanti. (Dan huwa a fortiori l-każ meta huwa l-istess ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija li huwa assenjat lill-impriża utenti permezz tas-sensiela ta’ kuntratti inkwistjoni.) Mingħajr ma tmur lil hinn mill-parametri tad-direttiva, il-qorti nazzjonali għandha għalhekk teżamina – fil-kuntest tal-qafas nazzjonali legali u wara li tqis iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ – jekk xi waħda mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva humiex qegħdin jiġu evitati bl-użu ta’ tali assenjazzjonijiet suċċessivi.

59.

Għalhekk, waqt li teżamina jekk l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 huwiex osservat, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-“kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg”, stabbilit fl-Artikolu 5(1), iżda wkoll f’dispożizzjonijiet oħra, bħall-Artikolu 6(1) u (2), li jiffaċilitaw l-aċċess tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għal impjieg permanenti.

60.

F’dan l-istadju, huwa utli li jiġi eżaminat ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sciotto ( 25 ), li fuqu JH ibbaża ħafna ruħu.

61.

M. Sciotto, żeffiena tal-ballet, kienet impjegata mal-Fondazione Teatro dell’Opera di Roma permezz ta’ diversi kuntratti għal żmien definit imġedda abbażi ta’ diversi rappreżentazzjonijiet artistiċi pprogrammati bejn l‑2007 u l‑2011. Il-kuntratti ta’ xogħol tagħha ma kinux jindikaw l-eżistenza ta’ rekwiżiti partikolari ta’ natura teknika, organizzattiva jew produttiva li jiġġustifikaw l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien definit minflok kuntratt għal tul ta’ żmien indefinit. Għalhekk, hija talbet il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ dawn il-kuntratti, il-konverżjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha f’kuntratt għal żmien indefinit u l-kumpens għad-dannu mġarrab.

62.

Id-dritt applikabbli tal-Unjoni f’dan il-każ kien il-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss anness mad-Direttiva 1999/70. Il-Klawżola 5 ta’ dak il-Ftehim Qafas introduċiet miżuri speċifiċi sabiex tipprevjeni l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien definit ( 26 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod espress, “il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas jobbliga lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, bl-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li din il-klawżola telenka, fil-każ fejn id-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (c) ta’ din il-klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet […]” ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “l-kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ għandu jinftiehem fis-sens li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività partikolari u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru” ( 28 ).

63.

F’dan il-kuntest leġiżlattiv u ġurisprudenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, ma tkunx konformi [ma’ dawk ir-rekwiżiti]. Fil-fatt, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali, ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissodisfax effettivament bżonn veru, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop. Għaldaqstant dispożizzjoni bħal din tikkomporta riskju reali li jkun hemm użu abbużiv ta’ dan it-tip ta’ kuntratti u, għalhekk, ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-[Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss anness mad-Direttiva 1999/70 u mar-rekwiżit li din ikollha effett prattiku]” ( 29 ).

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-Klawżola 5 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li r-regoli dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi permezz tat-trasformazzjoni awtomatika tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat meta r-relazzjoni ta’ xogħol teċċedi data speċifika ma humiex applikabbli għas-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, fin-nuqqas ta’ miżura effettiva oħra fis-sistema tad-dritt intern li tissanzjona l-abbużi identifikati f’dan is-settur ( 30 ).

65.

JH sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li s-sentenza Sciotto tista’ tiġi trasposta bħala tali f’din il-kawża.

66.

Jiena niċħad dan l-argument. Huwa manifest li r-riżultat fis-sentenza Sciotto joħroġ minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija ta’ natura differenti mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 ( 31 ). Għalhekk, il-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss anness mad-Direttiva 1999/70 tistabbilixxi obbligi speċifiċi sabiex tevita l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat. L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 jistabbilixxi obbligu ġenerali li jipprevjeni l-assenjazzjonijiet suċċessivi intiżi sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Peress ukoll li d-Direttiva 2008/104 tipprevedi biss rekwiżiti minimi, ma huwiex possibbli li fid-Direttiva 2008/104 jiġu redatti obbligi dettaljati u speċifiċi – bħat-tul massimu totali tal-kuntratti ta’ xogħol suċċessivi jew numru (massimu) ta’ tiġdidiet ta’ tali kuntratti – bħal dawk li huma espressament stipulati fil-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, li jinsab anness fid-Direttiva 1999/70.

67.

Minkejja dan, għandhom jitfakkru wkoll dawk is-siltiet tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sciotto li huma ta’ natura iktar ġenerali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, “meta d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ li jiġu madankollu kkonstatati abbużi, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali li jadottaw miżuri li għandhom mhux biss ikunu proporzjonati, iżda wkoll suffiċjentement effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati bl-applikazzjoni [tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni]. [M]eta jkun sar użu abbużiv minn kuntratti jew minn relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tagħti garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex tissanzjona b’mod xieraq dan l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni” ( 32 ). Hija ġurisprudenza stabbilita li “l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha, kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4 TUE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, adattati sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji” ( 33 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “hija l-qorti adita li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni interna, b’kull mod possibbli u meta jseħħ użu abbużiv ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, interpretazzjoni u applikazzjoni tali li jiġi ssanzjonat debitament dan l-abbuż u li jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni” ( 34 ).

68.

Infakkar ukoll li, fil-kawża Pfeiffer ( 35 ), l-Awla Manja pprovdiet lill-qrati nazzjonali indikazzjonijiet utli dwar l-approċċ korrett li għandu jiġi adottat meta jiġi meqjus l-impatt ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva li għandha effett dirett fil-kuntest ta’ tilwim bejn individwi.

69.

Għalhekk b’mod partikolari, “[m]inkejja li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, impost b’dan il-mod mid-dritt [tal-Unjoni], jikkonċerna l-ewwel nett id-dispożizzjonijiet interni introdotti sabiex jittrasponu d-direttiva in kwistjoni, dan il-prinċipju mhuwiex madankollu limitat għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet iżda jeżiġi li l-qorti nazzjonali tieħu in kunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali fl-intier tiegħu sabiex tevalwa safejn dan jista’ jiġi applikat b’tali mod li ma jwassalx għal riżultat kuntrarju għal dak intenzjonat mid-direttiva” ( 36 ). Fil-qosor, “il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi [mad-dritt tal-Unjoni] għaldaqstant jeżiġi li l-qorti tar-rinviju tagħmel dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħha, billi tikkunsidra r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali, sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa [tad-direttiva inkwistjoni]” ( 37 ).

70.

Applikati mutatis mutandis għal kawża li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, dawn il-kunsiderazzjonijiet ifissru li: (i) fil-limiti tad-Direttiva 2008/104, huwa l-Istat Membru li għandu jiżgura li l-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu jinkludi l-miżuri xierqa sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi pprevenut l-użu ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla sabiex tiġi evitata n-natura temporanja tar-relazzjonijiet ta’ xogħol koperti mid-Direttiva 2008/104; u (ii) il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti tar-rinviju tagħmel dak kollu li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, fid-dawl tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali, sabiex tiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva 2008/104 billi tissanzjona l-abbuż inkwistjoni u billi tinvalida l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

71.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li: (a) ma timponix limiti fuq l-assenjazzjonijiet suċċessivi ta’ ħaddiem lill-istess impriża utenti; (b) ma teħtieġx li, sabiex l-użu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ikun iġġustifikat, irid ikun hemm raġunijiet ta’ natura teknika, produzzjoni, organizzazzjoni jew sostituzzjoni; u ċ) ma tipprovdix li, sabiex tali forma ta’ kuntratt ta’ xogħol tkun legali, ir-rekwiżit tal-produzzjoni tal-impriża utenti għandu jkollu natura temporanja.

72.

Madankollu, l-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem lill-istess impriża utenti li, meħuda flimkien, jaqbżu tul ta’ żmien li jista’ raġonevolment jitqies bħala “temporanju” u li ma humiex relatati ma’ kuntratt ta’ xogħol permanenti bejn il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju jevitaw l-essenza stess tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 u jikkostitwixxu użu ħażin ta’ din il-forma ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Huwa f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tevalwa dawn iċ-ċirkustanzi. Fil-każ li kien hemm użu ħażin ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi, id-dmir ta’ kooperazzjoni leali u l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu lill-qorti tar-rinviju li tagħmel dak kollu li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, fid-dawl tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali, sabiex tiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva 2008/104 billi tissanzjona l-abbuż inkwistjoni u tinvalida l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Konklużjoni

73.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale ordinario di Brescia (il-Qorti Distrettwali ta’ Brescia, l-Italja):

L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li: (a) ma timponix limiti fuq l-assenjazzjonijiet suċċessivi ta’ ħaddiem lill-istess impriża utenti; (b) ma teħtieġx li, sabiex l-użu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ikun iġġustifikat, irid ikun hemm raġunijiet ta’ natura teknika, produzzjoni, organizzazzjoni jew sostituzzjoni; u c) ma tipprovdix li, sabiex tali forma ta’ kuntratt ta’ xogħol tkun legali, ir-rekwiżit tal-produzzjoni tal-impriża utenti għandu jkollu natura temporanja.

Assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem lill-istess impriża utenti li, meħuda flimkien, jaqbżu tul ta’ żmien li jista’ raġonevolment jitqies bħala “temporanju” u li ma humiex relatati ma’ kuntratt ta’ xogħol permanenti bejn il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju jevitaw l-essenza stess tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 u jikkostitwixxu użu ħażin ta’ din il-forma ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dawn iċ-ċirkustanzi jeżistux f’kull każ partikolari.

Fil-każ li kien hemm użu abbużiv ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi, id-dmir ta’ kooperazzjoni leali u l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu lill-qorti tar-rinviju li tagħmel dak kollu li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, fid-dawl tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali, sabiex tiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva 2008/104 billi tissanzjona l-abbuż inkwistjoni u tinvalida l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2008, L 327, p. 9).

( 3 ) ĠU 2007, C 303, p. 1.

( 4 ) Premessa 12.

( 5 ) Premessa 14.

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

( 7 ) Sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll tiċħad talba għal deċiżjoni preliminari fuq il-bażi msemmija hawn fuq: ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Varzim Sol (C‑25/11, EU:C:2012:94, punt 29).

( 8 ) Sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Asendia Spain (C‑259/18, EU:C:2019:346, punti 1718 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC (C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Dawn huma d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, iktar ’il fuq.

( 11 ) Ara l-premessa 9 u l-Prinċipji Komuni ta’ Flessigurtà, adottati mill-Kunsill fil‑5 u fis‑6 ta’ Diċembru 2007 u approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell fl‑14 ta’ Diċembru 2007 (Dokument tal-Kunsill 16201/07), kif ukoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Lejn Prinċipji Komuni ta’ Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà” (COM(2007) 359 final tas‑27 ta’ Ġunju 2007). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża AKT (C‑533/13, EU:C:2014:2392, punt 33).

( 12 ) Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883, punt 35, imqassar).

( 13 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża AKT (C‑533/13, EU:C:2014:2392, punti 3035).

( 14 ) Premessa 15.

( 15 ) Ara Engel, Chris, “Regulating temporary work in the European Union: The Agency Directive”, f’Temporary work in the European Union and the United States, Bulletin of comparative labour relations Nru 82, 2013, p. 19.

( 16 ) Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883, punti 4344).

( 17 ) Kummissjoni Ewropea, Rapport – Grupp ta’ Esperti – Traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, Awwissu 2011, p. 21.

( 18 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.

( 19 ) L-Artikolu 156 TFUE jipprevedi li “bl-għan li jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 151 u mingħajr preġidizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u tiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom fl-oqsma tal-politika soċjali skond dan il-kapitolu, partikolarment f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’: - l-impjieg; - il-liġi tax-xogħol u l-kondizzjonijiet tax-xogħol; - it-taħriġ professjonali bażiku u avvanzat; - is-sigurtà soċjali; - il-prevenzjoni ta’ l-inċidenti u l-mard kaġunati mix-xogħol; - l-iġjene fl-impjieg; - id-dritt ta’ l-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv bejn min iħaddem u l-ħaddiema”.

( 20 ) Ara Robin Olivier, Sophie, “Article 31: conditions de travail justes et équitables”, f’Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne, Picod, Fabrice, Rizcallah, Cécilia, Van Drooghenbroeck, Sébastien, Bruxelles, Bruylant, 2019, pp. 789‑805.

( 21 ) Ara l-Oxford Dictionary of English. Fil-lingwa Franċiża, il-kelma użata għal “temporanju” fit-titolu tad-Direttiva, fid-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan tagħha u fid-definizzjonijiet prinċipali tagħha, hija “intérimaire”, li hija deskritta bħala “travailler de manière temporaire” (fl-Artikoli 1(1), (3)(1)(b), (ċ), (d) u (e)). Il-kelma “intérimaire” hija ddefinita mill-Petit Robert de la langue française bħala li tfisser “temporanju” jew “tranżitorju” u “temporaire” bħala li tfisser “limitat fiż-żmien”. Bit-Taljan, li hija l-lingwa tal-proċedura, it-termini użati huma “interinale” u “temporaneamente”.

( 22 ) F’kawżi li jikkonċernaw il-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss anness mad-Direttiva 1999/70, nosserva (mingħajr ma nissuġġerixxi li r-raġunament jista’ jiġi traspost bħala tali għall-kawża preżenti: ara l-punt 66 iktar ’l isfel) li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat sabiex jiġu koperti bżonnijiet li huma, fil-fatt, ta’ natura mhux provviżorja iżda permanenti u sostenibbli ma huwiex iġġustifikat fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas sa fejn tali użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat imur direttament kontra l-premessa li fuqha huwa bbażat dan il-ftehim qafas, jiġifieri li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ impjieg, filwaqt li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħlijiet u attivitajiet” (enfasi miżjuda). Ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et (C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Il-locus classicus għal din il-formulazzjoni dwar meta jkun hemm effett dirett “vertikali” hija s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster vs British Gas (C‑188/89, EU:C:1990:313). Iktar reċentement, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2017:492).

( 24 ) Sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, AKT (C‑533/13, EU:C:2015:173, punti 2332).

( 25 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, C‑331/17, EU:C:2018:859 (iktar ’il quddiem is-sentenza “Sciotto”).

( 26 ) Il-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss anness mad-Direttiva 1999/70 tiddikjara, fil-punt 1 tagħha, li: “[s]abiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, [l-Istati Membri] għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin: a) raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet; b) iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss; c) in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet”.

( 27 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 32), enfasi miżjuda.

( 28 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 39).

( 29 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 72 u d-dispożittiv).

( 31 ) Jidher ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 1999/70 u d-Direttiva 2008/104 għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti. Għalhekk, ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ ħaddiem temporanju mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ impriża utenti minn azjenda ta’ xogħol temporanju ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70. Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 42).

( 32 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punti 6465).

( 33 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 67), u tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et vs Deutsches Rotes Kreuz, Kreisverband Waldhut eV (iktar ’il quddiem is-sentenza Pfeiffer), (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 67).

( 34 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 69), enfasi miżjuda.

( 35 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 107 sa 119).

( 36 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 115).

( 37 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 118). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawża AKT (C‑533/13, EU:C:2014:2392), li kienu jikkonċernaw l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, fil-punt 134 tagħhom. Fil-punt 135 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Szpunar enfasizza li l-assenza ta’ miżuri speċifiċi ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tivverifika, abbażi tad-dritt nazzjonali kkunsidrat fl-intier tiegħu, jekk hija tistax, permezz ta’ interpretazzjoni, tasal għal soluzzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.