KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit‑12 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

Kawża C‑639/18

KH

v

Sparkasse Südholstein

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja))

(Direttiva 2002/65/KE – Protezzjoni tal-konsumatur – Servizzi Finanzjarji – Tqegħid fis-suq b’distanza – Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur – Ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi– Skema organizzata ta’ provvista ta’ servizz b’distanza)

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex għall-ewwel darba tinterpreta l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 ( 2 ) u l-kunċett ta’ “kuntratt b’distanza”. F’dan il-kuntest, ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi li jemenda kuntratt ta’ self biss fir-rigward tar-rata tal-interessi huwa “kuntratt” li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/65? U liema huma l-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk kuntratt konkluż mingħajr il-preżenza fiżika simultanja tal-fornitur u tal-konsumatur huwiex “kuntratt b’distanza” fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva?

Id-dritt tal-Unjoni

TFUE

2.

L-Artikolu 12 TFUE jipprovdi li “fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ politika u attivitajiet oħra ta’ l-Unjoni għandu jingħata’ kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur”.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3.

L-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, “il-Karta”) ( 3 ) jipprovdi li l-politika tal-Unjoni “għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”.

Id-Direttiva 97/7

4.

Id-Direttiva 97/7 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod kienet l-ewwel miżura li approssimat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kuntratti b’distanza inġenerali bejn il-konsumaturi u l-fornituri ( 4 ).

5.

L-Artikolu 2(1) jiddefinixxi ‘“kuntratt mill-bogħod” bħala “kull kuntratt li jikkonċerna oġġetti jew servizzi konklużi bejn fornitur u konsumatur fi skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew proviżjoni ta’ servizzi magħmul mill-fornitur, li, għall-għanijiet tal-kuntratt, jagħmel użu esklussiv ta’ mezz wieħed jew aktar ta’ komunikazzjoni mill-bogħod sal-ħin li l-kuntratt ikun konkluż”.

6.

Il-verżjoni oriġinali tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1), ġiet issostitwita bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/65 sabiex tiddikjara espressament li kuntratti dwar servizzi finanzjarji li għalihom tapplika d-Direttiva 2002/65 huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva 97/7.

Id-Direttiva 2002/65

7.

Id-dikjarazzjonijiet li ġejjin huma magħmula fil-premessi tad-Direttiva 2002/65. “Fil-kwadru tas-suq intern, huwa fl-interess ta’ konsumaturi li jkollhom aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-firxa l-iktar wiesgħa possibbli ta’ servizzi finanzjarji disponibbli […]. Sabiex tiġi s-salvagwardjata l-liberta’ ta’ l-għażla, li hija dritt essenzjali tal-konsumatur, grad għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur huwa meħtieġ sabiex tiġi mtejjba l-kunfidenza ta’ konsumatur f’bejgħ b’distanza” ( 5 ). “Livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għandu jiġi garantit b’din id-Direttiva, bl-iskop li jiġi assigurat il-moviment ħieles ta’ servizzi finanzjarji” ( 6 ). “Din id-Direttiva tkopri s-servizzi finanzjarji kollha li x’aktarx jiġu provduti b’distanza” ( 7 ). “Kuntratti negozjati b’distanza jinvolvu l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza li jintużaw bħala parti minn skema ta’ distanza ta’ bejgħ jew provista ta’ servizzi li ma tinvolix il-preżenza simultanja tal-fornitur u l-konsumatur. L-iżvilupp kostanti ta’ dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni jeħtieġ li jiġu ddefiniti prinċipji li huma validi anki għal dawk il-mezzi li għadhom ma humiex f’użu ġenerali. Għalhekk, kuntratti b’distanza huma dawk li l-offerta, in-negozjati u l-konklużjoni tagħhom jitwettqu b’distanza” ( 8 ). “Kuntratt singolu li jinvolvi operazzjonijiet suċċessivi jew operazzjonijiet separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien jista’ jkun suġġett għal trattament legali differenti fl-Istati Membri differenti, imma huwa important li din id-Direttiva tiġi applikata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Għal dak l-iskop, huwa approprjat li din id-Direttiva għandha tiġi kunsidrata li tapplika għall-ewwel minn serje ta’ operazzjonijiet jew operazzjonijiet separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien li jistgħu jiġu kunsidrati bħala li jiffurmaw entita’ sħiħa, irrispettivament minn jekk dik l-operazzjoni jew serje ta’ operazzjonijiet hija s-suġġett ta’ kuntratt singolu jew diversi kuntratti suċċessivi” ( 9 ). “‘Ftehim inizjali ta’ servizz’ jista’ jiġi kunsidrat bħala per eżempju l-ftuħ ta’ kont tal-bank, l-akkwist ta’ karta ta’ kreditu, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ amministrazzjoni ta’ portfolio, u ‘operazzjonijiet’ jistgħu jġu kunsidrati bħala per eżempju id-depożitu jew l-irtirar ta’ fondi lejn jew mill-kont tal-bank, ħlas b’karta ta’ kreditu, operazzjonijiet magħmula fil-kwadru ta’ kuntratt ta’ amministazzjoni ta’ portofolio. Iż-żieda ta’ elementi ġodda għal ftehim inizjali ta’ servizz, bħall-possibilta’ li jintuża strument elettroniku ta’ ħlas flimkien mal-kont tal-bank proprju eżistenti, ma jikkostitwixxix ‘operazzjoni’ imma kuntratt addizzjonali li tapplika għalih din id-Direttiva. Is-sottoskrizzjoni għal unitajiet ġodda ta’ l-istess fond ta’ investiment kollettiv huwa kunsidrat bħala wieħed mill-‘operazzjonijiet suċċessivi ta’ l-istess natura’” ( 10 ). “Billi tġi koperta skema ta’ provvista ta’ servizzi organizzata mill-provveditur tas-servizzi finanzjarji, din id-Direttiva timmira biex teskludi mill-qasam ta’ applikazzjoni tagħha servizzi provduti fuq bażi strettament okkażjonali u barra struttura kummerċjali dedikata għall-konklużjoni ta’ kuntratti b’distanza” ( 11 ). “L-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjonijiet b’distanza m’għandux iwassal għal restrizzjoni mhux garantita fuq l-informazzjoni provduta lill-klijent. Fl-interessi ta’ trasparenza din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet meħtieġa sabiex jiġi assigurat li jiġi provdut livell approprjat ta’ informazzjoni lill-konsumatur kem qabel u wara l-konklużjoni ta’ kuntratt” ( 12 ). “Bl-iskop ta’ protezzjoni ottima tal-konsumatur, huwa important li l-konsumatur huwa infurmat b’mod adegwat bid-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u b’kull kodiċi ta’ kondotta eżistenti f’dan il-qasam u li għandu dritt li jirtira” ( 13 ).

8.

L-Artikolu 1 jiddisponi li:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hija li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur.

2.   Fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu ftehim inizjali ta’ servizz segwit b’operazzjonijiet suċċessivi jew serje ta’ operazzjonijiet separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien, id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall-ftehim inizjali.

Fil-każ li ma jkun hemm ebda ftehim inizjali ta’ servizz imma l-operazzjonijiet suċċessivi jew l-operazzjonijiet separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien jitwettqu bejn l-istess partijiet kontraenti [l-Artikoli 3 u 4 japplikaw biss meta l-ewwel operazzjoni tkun imwettqa]. Meta, madankollu, ebda operazzjoni ta’ l-istess natura ma titwettaq għal iktar minn sena, l-operazzjoni li jmiss titqies li tkun l-ewwel f’serje ġdida ta’ operazzjonijiet u, għalhekk, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 4.”

9.

L-Artikolu 2(a) jiddefinixxi “kuntratt b’distanza” bħala “kull kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji konklużi bejn il-fornitur u konsumatur taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur, li, għall-iskop ta’ dak il-kuntratt, jagħmel użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni ta’ distanza sa u inkluż iż-żmien li fih huwa konkluż il-kuntratt”.

10.

L-Artikolu 2(b) jiddefinixxi “servizz finanzjarju” bħala “kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”.

11.

L-Artikolu 2(e) jiddefenixxi “mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza” bħala li jirreferi għal “kwalunkwe mezz li, mingħajr il-preżenza fiżika simultaneja tal-fornitur u l-konsumatur, jista’ jintuża għat-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizz bejn dawk il-partijiet”.

12.

L-Artikolu 3 jiddisponi li:

“1.   Fi żmien tajjeb qabel ma l-konsumatur jintrabat b’xi kuntratt ta’ distanza jew offerta, għandu jiġi provdut bl-informazzjoni li ġejja li tikkonċerna:

[…]

(3)

il-kuntratt b’distanza

(a)

l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt ta’ rtirar skond l-Artikolu 6 u, meta jeżisti d-dritt ta’ rtirat, id-dewmien tiegħu u l-kondizzjonijiet biex jiġi eżerċitat, inkluża informazzjoni dwar l-ammont li l-konsumatur jista’ jkun meħtieġ li jħallas abbażi ta’ l-Artikolu 7(1), kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ dak id-dritt;

[…]

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li l-iskop kummerċjali tagħha għandu jkun ċar, għandha tiġi provduta b’mod ċar u li jinftiehem fi kwalunkwe mod approprjat għall-mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza użat, b’qies dovut, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ fidi tajba f’operazzjonijiet kummerċjali, u l-prinċipji li jirregolaw il-protezzjoni ta’ dawk li ma jistgħux, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri, jagħtu l-kunsens tagħhom, bħal minuri.

[…]”

13.

Skont l-Artikolu 6:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumatur ikollu perjodu ta’ 14‑il jum skond il-kalendarju biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penalità u mingħajr ma jagħti raġuni. […]

Il-perjodu għall-irtirar għandu jibda:

jew mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt b’distanza, ħlief fir-rigward ta’ l-imsemmija assigurazzjoni tal-ħajja, meta l-limiu ta’ żmien jibda minn meta l-konsumatur hu infurmat li l-kuntratt b’distanza ġie konkluż, jew

mill-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali u l-informazzjoni skond l-Artikolu 5(1) jew (2), jekk dan hu iktar tard mid-data msemmija fl-ewwel inċiż.

[…]

2.   Id-dritt ta’ rtirar m’għandux japplika għal:

[…]

(ċ)

kuntratti li t-twettieq tagħhom ġie kompletat bis-sħiħ miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur qabel ma l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt ta’ rtirar m’ għandux japplika għal:

(a)

kwalunkwe kreditu maħsub primarjament għall-iskop ta’ akwiżizzjoni jew żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà fl-art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat, jew għall-iskop ta’ rinovazzjoni jew titjib ta’ bini, jew

(b)

kull kreditu assigurat jew b’ipoteka fuq proprjetà immobbli jew bi dritt relatat għal proprjetà immobbli […]

6.   Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ irtirar għandu, qabel l-iskadenza tad-data perentorja rilevanti, jinnotifika l-istruzzjonijiet prattiċi li ġejjin mogħtija lilu skond l-Artikolu 3(1)(3)(d) b’mezzi li jistgħu jiġu ppruvati skond il-liġi nazzjonali. Iż-żmien perentorju għandu jitqies li ġie osservat jekk in-notifika, jekk hi bil-miktub jew fuq medja oħra li sservi disponibbli u aċċessibbli għar-reċipjent, tintbagħat qabel ma jiskadi ż-żmien perentorju.”

14.

L-Artikolu 11 jiddisponi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet approprjati fil-każ ta’ nuqqas ta’ fornitur li jikkonforma ma’ disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva.

Jistgħu jipprovdu għal dan l-iskop b’mod partikolari li l-konsumatur jista’ jikkanċella l-kuntratt fi kwalunkwe ħin, b’xejn u mingħajr penalità.

Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.”

15.

L-Artikolu 18 jissostitwixxi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 97/7, u jiddisponi li din id-direttiva tal-aħħar ma tapplikax għal kuntratti “li jirrelataw għal kwalunkwe servizz finanzjarju li għalih tapplika d-Direttiva 202/65 [id-Direttiva 2002/65] […]”.

Id-dritt nazzjonali

16.

Il-paragrafu 312b(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem “il-BGB”), fil-verżjoni fis-seħħ mit‑8 ta’ Diċembru 2004 sat‑22 ta’ Frar 2011, jiddisponi li “kuntratti b’distanza huma kuntratti għall-provvista ta’ merkanzija jew l-għoti ta’ servizzi, inklużi servizzi finanzjarji, konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur esklużivament bl-użu ta’ komunikazzjoni b’distanza, fejn il-kuntratt huwa konkluż skont skema organizzata ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi b’distanza. Servizzi finanzjarji fis-sens tal-ewwel sentenza huma kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas.”

17.

Il-paragrafu 312d(1) u (2) tal-BGB, fil-verżjoni fis-seħħ mit‑8 ta’ Diċembru 2004 sal‑10 ta’ Ġunju 2010, jaqra hekk:

“(1)   Fil-każ ta’ kuntratt b’distanza l-konsumatur għandu d-dritt ta’ rtirar skont il-paragrafu 355. […]

(2)   B’deroga mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 355(2), il-perijodu ta’ rtirar ma jibdiex qabel id-dmir li tingħata informazzjoni skont il-paragrafu 312c(2) ikun issodisfatt; […] fil-każ ta’ servizzi mhux qabel id-data meta l-kuntratt ġie konkluż.”

18.

Il-paragrafu 312d(1) u (2) tal-BGB, fil-verżjoni fis-seħħ mill‑11 ta’ Ġunju 2010 sat‑3 ta’ Awwissu 2011, jiddisponi li:

“(1)   Fil-każ ta’ kuntratt b’distanza l-konsumatur għandu dritt ta’ irtirar skont il-paragrafu 355. […]

(2)   Minkejja l-ewwel sentenza tal-paragrafu 355(3), il-perijodu ta’ rtirar ma jibdiex qabel ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont il-paragrafu (2) tal-Artikolu 246 flimkien mal-paragrafi 1(1) u (2) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche [il-Liġi Introduttiva tal-Kodiċi Ċivili] ikunu ssodisfatti […].”

19.

Il-paragrafu 495 tal-BGB, fil-verżjoni fis-seħħ mill‑1 ta’ Awwissu 2002 sat‑12 ta’ Ġunju 2014, jiddisponi li “fil-każ ta’ kuntratt ta’ self konkluż minn konsumatur, il-persuna li tissellef għandha dritt ta’ irtirar skont il-paragrafu 355”.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

20.

Sparkasse Südholstein huwa bank reġjonali b’fergħat. Huwa jikkonkludi ftehimiet ta’ self bl-għan li jiffinanzja proprjetà immobbli ggarantita b’ipoteka: dan huwa mwettaq biss fil-fergħat tiegħu. F’ċerti każijiet individwali, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali pendenti, żidiet u emendi għal tali kuntratti jsiru permezz ta’ komunikazzjoni b’distanza. Mhux ikkontestat li sal-bidu tal‑2008, Sparkasse Südholstein kien diġà kkonkluda kuntratti li jagħmlu użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza f’numru ta’ każijiet.

21.

Il-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali jirrigwardaw tliet ftehimiet ta’ self li KH ikkonkluda bħala konsumatur ma’ Sparkasse Südholstein:

Fl‑1 ta’ Lulju 1994 KH għamel ftehim ta’ self għall-ammont ta’ DM 114,000 (bejn wieħed u ieħor EUR 58000, iktar ’il quddiem “l-ewwel self”) mal-predeċessur legali ta’ Sparkasse Südholstein sabiex jiffinanzja l-akkwist ta’ proprjetà immobbli. Dan is-self kellu jitħallas sat‑30 ta’ Diċembru 2017. L-interessi għas-servizz tas-self kienu pagabbli bir-rata ta’ 6.95 % fis-sena, fissi għal perijodu inizjali ta’ għaxar snin. Mhux iktar minn sitt ġimgħat qabel it‑30 ta’ Mejju 2004, kull parti setgħet titlob negozjati sabiex taġġusta r-rata tal-interessi b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2004. Fin-nuqqas ta’ ftehim, “kundizzjonijiet varjabbli” kif speċifikat minn Sparkasse Südholstein f’kull każ għal self ta’ dan it-tip (jiġifieri, rata ta’ interessi varjabbli) ikunu japplikaw mill‑1 ta’ Ġunju 2004. Ġiet miftiehma wkoll ipoteka li tiggarantixxi dan is-self.

Fil‑25 ta’ Mejju 2004, permezz ta’ ftehim ta’ emenda, il-partijiet ftiehmu fuq rata tal-interessi ta’ 5.03 % fis-sena mill‑1 ta’ Ġunju 2004 għal perijodu ulterjuri ta’ għaxar snin.

F’Ottubru 2010 ( 14 ), il-partijiet ikkonkludew ftehim dwar rata tal-interessi ieħor, billi għamlu użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza, skont liema kellha tiġi applikata rata tal-interessi ta’ 4.01 % mill‑1 ta’ Ġunju 2014 sal-aħħar tal-perijodu kuntrattwali. KH ma ġiex informat b’xi dritt ta’ rtirar.

Bejn Ġunju 2014 u Novembru 2017, KH ħallas EUR 8 180.76 lil Sparkasse Südholstein skont dan il-kuntratt. KH ħallas lura s-self kollu fid‑29 ta’ Diċembru 2017 billi għamel ħlas ta’ EUR 58 287.27.

Fis‑17 ta’ Lulju 1994 KH għamel ftehim ta’ self ieħor fl-ammont ta’ DM 112,000 (bejn wieħed u iehor EUR 57000, iktar ’il quddiem “it-tieni self”) mal-predeċessur legali ta’ Sparkasse Südholstein bl-għan li jiffinanzja proprjetà immobbli. L-interessi għas-servizz tas-self kienu pagabbli bir-rata ta’ 5.7 % fis-sena, iffissati f’terminu inizjali ta’ ħames snin. Mhux iktar minn sitt ġimgħat qabel it‑30 ta’ Mejju 1999, kull parti setgħet titlob negozjati sabiex taġġusta r-rata tal-interessi b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 1999. Fin-nuqqas ta’ ftehim, “kundizzjonijietvarjabbli” kif speċifikat minn Sparkasse Südholstein f’kull każ għal self ta’ dan it-tip (jiġifieri, rata tal-interessi varjabbli) ikunu japplikaw mill‑1 ta’ Ġunju 1999. Ġiet miftiehma wkoll ipoteka li tiggarantixxi dan is-self.

Fl‑1999, permezz ta’ ftehim ta’ emenda l-partijiet ftiehmu fuq rata tal-interessi ta’ 4.89 % fis-sena mill‑1 ta’ Ġunju 1999 għal perijodu ta’ għaxar snin.

Fil‑15 ta’ April 2009, il-partijiet, billi għamlu użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza, ftiehmu fuq rata tal-interessi ta’ 5.16 % fis-sena mill‑1 ta’ Ġunju 2009 għal perijodu ulterjuri ta’ għaxar snin. KH ma ġiex informat b’xi dritt ta’ rtirar.

Bejn Ġunju 2009 u Frar 2018, KH ħallas total ta’ EUR 18 243.75 lil Sparkasse Südholstein skont dan il-kuntratt. Barra minn hekk, KH ħallas lil Sparkasse Südholstein dritt għall-amministrazzjoni tal-kont ta’ EUR 12 fit‑30 ta’ Novembru 2009.

Fl‑4 ta’ Novembru 1999, il-predeċessur legali ta’ Sparkasse Südholstein ta lil KH self fl-ammont ta’ DM 30000 (bejn wieħed u ieħor EUR 15000, iktar ’il quddiem “it-tielet self”). Skont il-kuntratt, is-self kellu jintuża għal ‘parteċipazzjoni f’ishma, iżda ġie miftiehem li fil-fatt kien ser jintuża bħala self personali. L-interessi fuq is-self kienu pagabbli bir-rata ta’ 6.6 % fis-sena, iffissati għal perijodu inizjali ta’ għaxar snin. Mhux iktar minn sitt ġimgħat qabel it‑30 ta’ Novembru 2008, kull parti setgħet titlob negozjati sabiex taġġusta r-rata tal-interessi b’effett mill‑1 ta’ Diċembru 2008. Fin-nuqqas ta’ ftehim, “kundizzjonijiet varjabbli” kif speċifikat minn Sparkasse Südholstein f’kull każ għal self ta’ dan it-tip (jiġifieri, rata tal-interessi varjabbli) ikunu japplikaw mill‑1 ta’ Diċembru 2008. Ġiet miftiehma wkoll ipoteka li tiggarantixxi dan is-self.

Fl-aħħar tal‑2008, billi għamlu użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza, il-partijiet ikkonkludew ftehim ta’ emenda tar-rata tal-interessi, li skont dan il-ftehim, rata tal-interessi ta’ 4.87 % kellha tiġi applikata fuq is-self mill‑1 ta’ Diċembru 2008 għal għaxar snin. Sparkasse Südholstein ma informax lil KH b’xi dritt ta’ rtirar.

Bejn Diċembru 2008 u Frar 2018, KH ħallas total ta’ EUR 8 328.33 lil Sparkasse Südholstein skont dan il-kuntratt.

22.

Fit‑2 ta’ Settembru 2015, KH irtira mit-tliet ftehimiet sussegwenti dwar l-interessi konklużi fl‑2008, fl‑2009 u fl‑2010. Huwa għamel hekk fuq il-bażi li dawn il-ftehimiet dwar ir-rata tal-interessi kienu jinvolvu bejgħ b’distanza, u li Sparkasse Südholstein kien qiegħed jopera skema organizzata ta’ bejgħ b’distanza. Għaldaqstant, KH sostna li kellu dritt ta’ rtirar skont il-paragrafu 495(1) tal-BGB (verżjoni fis-seħħ fiż-żmien rilevanti) jew, sussidjarjament, skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 312d(1) tal-BGB (fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien rilevanti).

23.

Għalhekk, KH ippreżenta l-proċeduri preżenti quddiem il-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem “il-qorti tar-rinviju”), fejn talab il-ħlas lura tal-pagamenti ta’ interessi u fidi mill-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ emenda li kien rtira minnhom, rifużjoni tad-dritt għall-amministrazzjoni tal-kont imħallsa u kumpens għall-użu li għamel minnhom il-konvenut.

24.

B’mod iktar speċifiku, KH jitlob lill-qorti tar-rinviju sabiex: (1) tordna li Sparkasse Südholstein iħallsu EUR 37 285.38 bl-interessi; (2) tiddikjara li, minħabba l-irtirar tiegħu tat‑2 ta’ Settembru 2015, ftehim dwar rata fissa ta’ interessi ma għadux jeżisti fir-rigward tat-tieni u t-tielet self; (3) tiddikjara li, minħabba l-irtirar tiegħu tat‑2 ta’ Settembru 2015, huwa ma għadux obbligat iwettaq pagamenti mensili fuq it-tieni u tielet self u (4) tiddikjara li Sparkasse Südholstein huwa obbligat li jirrifondilu l-pagamenti kollha magħmula mill-ewwel jum wara s-seduta orali u d-data meta s-sentenza ssir finali fuq it-tieni u t-tielet self bl-interessi, mid-data ta’ meta jiġu rċevuti l-ħlasijiet oriġinali tiegħu fil-kont tas-self.

25.

Sparkasse Südholstein isostni li KH ma kellux dritt għall-irtirar u jitlob lill-qorti sabiex tiċħad ir-rikors.

26.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-eżistenza tad-dritt għall-irtirar tiddependi fuq kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65. Sabiex id-dritt għall-irtirar previst fil-paragrafi 312b(1) u 312d(1) u (2) tal-BGB, li jittrasponu d-Direttiva 2002/65, japplika għall-kawżi preżenti, it-tranżazzjonijiet inkwistjoni jkollhom jiġu koperti mill-kunċett ta’ kuntratt “konkluż skont skema organizzata ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi b’distanza”, (paragrafu 312b(1) tal-BGB) moqri skont din id-direttiva. Dan il-kunċett irċieva interpretazzjoni diverġenti fil-ġurisprudenza nazzjonali u fil-letteratura akkademika. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jispjega li t-tranżazzjonijiet konklużi b’użu okkażjonali u pjuttost mhux strutturat tal-mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza huma intiżi li jiġu esklużi mill-ambitu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, Sparkasse Südholstein huwa mgħammar (bħala persunal u riżorsi) biex jikkonkludi ftehimiet ta’ emenda u supplimentari ma’ klijenti eżistenti permezz ta’ bejgħ b’distanza fuq bażi regolari.

27.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ kuntratt “[għall-]għoti ta’ servizzi, inklużi servizzi finanzjarji” (paragrafu 312b(1) tal-BGB) għandu wkoll jiġi interpretat skont id-Direttiva 2002/65. F’dan ir-rigward, l-Oberlandesgericht Frankfurt (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt, il-Ġermanja) kienet iddeċidiet preċedentement li “l-emenda tat-termini ta’ kreditu li kien diġà ngħata ma tikkostitwixxix servizz (ġdid, indipendenti) ipprovdut mill-bank. Minflok, hija parti mill-għoti oriġinali tal-kreditu. L-eżistenza ta’ kuntratt b’distanza dejjem tissuponi l-konsenja ta’ prodott jew il-provvista ta’ servizz mill-bejjiegħ jew fornitur, b’tali mod li ma jkunx biżżejjed jekk, skont il-ftehim milħuq il-konsumatur biss iwettaq servizz karatteristiku tal-kuntratt”. Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li kuntratti li jemendaw termini ta’ self huma inklużi fl-ambitu tad-Direttiva 2002/65.

28.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju titlob deċiżjoni preliminari fuq id-domandi segwenti:

“1.

Kuntratt ta’ self eżistenti li huwa emendat biss fir-rigward tal-ammont tar-rata tal-interessi miftehma (ftehim ta’ emenda tar-rata tal-interessi) jikkostitwixxi kuntratt ‘[konkluż] taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur’, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65/KE, meta bank li għandu numru ta’ fergħat jikkonkludi kuntratti ta’ self għall-finanzjament ta’ proprjetà immobbli li huma ggarantiti permezz ta’ titoli ta’ proprjetà immobbli unikament fl-aġenziji tiegħu, iżda li fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kummerċjali kuntrattwali kontinwi, kultant jikkonkludi kuntratti li jemendaw kuntratti ta’ self diġà konklużi biss permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod?

2)

Il-kunċett ta’ ‘kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji’ fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65/KE, jinkludi l-emenda ta’ kuntratt ta’ self eżistenti, meta din l-emenda tirrigwarda biss ir-rata tal-interessi maqbula (ftehim ta’ emenda tar-rata tal-interessi) mingħajr ma testendi t-tul ta’ self jew temenda l-ammont tas-self?”

29.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn KH, Sparkasse Südholstein, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummisjoni Ewropea. Fis-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2019 dawn il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

Evalwazzjoni

Ammissibbiltà

30.

Sparkasse Südholstein jissottometti li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli għaliex ma tikkonċernax l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE, li huwa ċar biżżejjed, iżda l-applikazzjoni tiegħu għall-fatti tal-kawża preżenti. Huwa jsostni wkoll li l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE koperti miż-żewġ domandi preliminari għall-kawża preżenti hija ovvja. Barra minn hekk, il-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju ma humiex suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari.

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 267 TFUE sabiex tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE f’każijiet speċifiċi ( 15 ). Il-proċedura sabiex jiġu magħmula domandi għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi “relazzjoni ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq it-tqassim lil kull waħda minnhom ta’ funzjonijiet differenti u tikkostitwixxi strument li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali kriterji għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-[Unjoni] li huma neċessarji għalihom sabiex jagħtu deċiżjoni fil-kawżi mressqa quddiemhom”. “Hija waħda mill-karatteristiċi essenzjali tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 234 KE li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta bi kliem pjuttost astratt u ġenerali għal domanda relatata mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-[Unjoni] li ssirilha, filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-kawża li tkun tressqet quddiemha billi tieħu inkunsiderazzjoni r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja” ( 16 ).

32.

Skont ġurisprudenza stabbilita, domandi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE magħmula minn qorti nazzjonali fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv li dik il-qorti hija responsabbli sabiex tiddefinixxi, u li l-eżattezza tagħhom ma hijiex kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda magħmula lilha minn qorti nazzjonali biss meta jkun manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew l-għan tagħha, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew fejn il-qorti ma għandhiex quddiemha punti ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha ( 17 ).

33.

Huwa ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65. Il-qorti tar-rinviju tispjega li din il-gwida hija meħtieġa sabiex tapplika d-dritt nazzjonali, interpretat fid-dawl tad-direttiva, għall-kawża quddiemha. Jiena nżid li – kuntrarjament għas-sottomissjoni ta’ Sparkasse Südholstein – ma nikkunsidrax li r-risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju hija “ovvja”, u wisq inqas li ma huwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tassisti lill-qorti nazzjonali billi tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-UE.

34.

Fir-rigward tas-sottomissjoni dwar l-allegati nuqqasijiet fil-preżentazzjoni fattwali tal-kawża, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali meta l-qorti ma għandhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha ( 18 ). Madankollu, jidhirli li d-deċiżjoni tar-rinviju hija biżżejjed bħala preżentazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari u tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli għal dawn id-domandi.

35.

Għaldaqstant nikkonkludi li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

Id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

36.

Id-Direttiva 2002/65 hija parti minn qafas komprensiv introdott mil-leġiżlatur tal-UE sabiex jikseb suq integrat fis-servizzi finanzjarji u l-kummerċjalizzazzjoni b’distanza tagħhom. B’mod partikolari, din tikkumplimenta d-Direttiva 97/7 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru b’distanza li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi finanzjarji.

37.

Il-kunċett ta’ “servizzi finanzjarji” ma kienx iddefinit fid-Direttiva 97/7 ( 19 ). Madankollu huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65 bħala servizzi ta’ “ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”.

38.

Din id-definizzjoni hija fformulata b’mod wiesa’ u tkopri firxa wiesgħa ta’ prodotti ( 20 ). Huwa ċar mill-memorandum ta’ spjega li jakkumpanja l-proposta emendata li din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE: il-proposta tispjega li “id-definizzjoni ta’ servizzi finanzjarji ġiet issimplifikata meta mqabbla mal-proposta iniżjali; kull riferiment għal direttivi eżistenti tneħħa, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi finanzjarji kollha li jistgħu jiġu offruti lil konsumatur huma koperti u sabiex tiġi evitata l-eżistenza ta’ lakuni, li kien ikun il-każ bid-definizzjoni preċedenti” ( 21 ). Huwa evidenti wkoll mill-kliem stess tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65 li servizzi li jikkonċernaw “kreditu”, bħalma huwa self, huma servizzi finanzjarji ( 22 ). Bl-istess mod, tali servizzi huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva 97/7. Isegwi li KH ma huwiex korrett meta jafferma li d-Direttiva 97/7 tista’ tapplika fil-kawża preżenti.

39.

Indur issa għad-domandi magħmula. Jidhirli li jkun iktar loġiku li nittrattahom f’ordni inversa.

It-tieni domanda

40.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65, jinkludix ftehim ta’ emenda ta’ kuntratt ta’ self eżistenti meta din l-emenda tirrigwarda r-rata tal-interessi, mingħajr ma testendi t-tul tas-self jew temenda l-ammont tas-self.

41.

Essenzjalment, kif il-qorti tar-rinviju tispjega fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, din id-domanda tqum peress li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/65 jiddikjara li, fejn kuntratt għal servizzi finanzjarji jinkludi ftehim inizjali ta’ servizz segwit b’operazzjonijiet suċċessivi jew serje ta’ operazzjonijiet separati tal-istess natura mwettqa tul iż-żmien, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom japplikaw biss għall-ftehim inizjali.

42.

Il-konklużjoni ta’ ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi, tiskatta għall-fornitur (il-persuna li ssellef) l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2000/65? Jew huwa eżentat għalhekk permezz tal-Artikolu 1(2)?

43.

Sparkasse Südholstein u l-Gvern Ġermaniż jissottomettu li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/65 ma japplikawx għal ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi. Tali ftehim jikkonċerna biss l-obbligu ewlieni tal-konsumatur taħt ftehim ta’ self u mhux l-aspetti l-oħra tal-kuntratt. Għaldaqstant ftehim dwar ir-rata tal-interessi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kuntratt awtonomu.

44.

Il-Kummissjoni u KH jargumentaw li l-ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi huwa “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji” li għalih tapplika d-Direttiva 2002/65.

45.

Id-Direttiva 2002/65 hija intiża sabiex twettaq armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u għalhekk it-termini tagħha għandhom jingħataw interpretazzjoni li hija komuni għall-Istati Membri kollha ( 23 ). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, isegwi mill-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE, li, sa fejn dispożizzjoni ta’ dan id-dritt ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kunċett partikolari, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 24 ).

46.

Interpretazzjoni uniformi fil-kuntest ta’ tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tippermetti li jiġu evitati diverġenzi bejn l-Istati Membri. Dan huwa partikolarment importanti f’settur b’aspett transkonfinali inerenti. Madankollu, miżuri adottati sabiex jikkonsolidaw is-suq uniku ma għandhomx idgħajfu l-protezzjoni tal-konsumatur. Għall-kuntrarju, dawn għandhom – kif tindika l-ewwel premessa tad-Direttiva 2002/65 – ikunu strumentali fil-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi li qegħdin jaġixxu fis-suq. Dawn ir-regoli komuni jirrikonċiljaw il-ħtieġa li jissaħħaħ is-suq uniku ma’ dik li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u b’dan il-mod jimmiraw li jżidu l-fiduċja tal-konsumatur li mbagħad ikun iktar predispost li jikkonkludi kuntratti mill-bogħod ( 25 ). L-għan tad-Direttiva 2002/65 huwa li tagħti lill-konsumaturi protezzjoni estensiva billi tagħtihom numru ta’ drittijiet fir-rigward ta’ kuntratti b’distanza, peress li l-użu ta’ komunikazzjoni b’distanza ma għandux iwassal għal tnaqqis fl-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur ( 26 ).

47.

L-Artikolu 2(a) jiddefinixxi t-terminu “kuntratt b’distanza” bħala “kull” kuntratt li jikkonċerna “servizzi finanzjaraji konklużi bejn il-fornitur u konsumatur taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur”. Il-premessa 14 tispjega li d-direttiva tkopri “s-servizzi finanzjarji kollha” li x’aktarx jiġu pprovduti b’distanza.

48.

Dawn it-testi jissuġġerixxu li l-kunċett ta’ “kuntratt b’distanza” li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, peress li l-Artikolu 2(a) jirreferi għal “kull kuntratt” u l-premessa 14 tirreferi għas-“servizzi finanzjarji kollha”. Dan l-approċċ huwa wkoll konsistenti mal-għan protettiv tad-direttiva, li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

49.

Il-premessa 16 tispjega wkoll li meta kien qiegħed ifasssal id-Direttiva 2002/65, il-leġiżlatur tal-UE kien konxju mill-fatt li kuntratt singolu li jinvolvi operezzjonijiet suċċessivi jew operazzjonijiet separati tal-istess natura mwettqa tul iż-żmien jista’ jkun suġġett għal trattament legali differenti fl-Istati Membri differenti. Il-premessi tad-direttiva jipprovdu gwida ta’ kif għandhom jinftiehmu dawn il-kunċetti.

50.

Għalhekk, il-premessi jispjegaw li d-direttiva għandha tapplika għall-“ewwel minn serje ta’ operazzjonijiet suċċessivi jew operazzjonijiet separati ta’ l-istess natura mwettqa tul iż-żmien li jistgħu jiġu kunsidrati bħala li jiffurmaw entità sħiħa, irrispettivament minn jekk dik l-operazzjoni jew serje ta’ operazzjonijiet hija s-suġġett ta’ kuntratt singolu jew diversi kuntratti suċċessivi” ( 27 ). Il-kunċett ta’ “ftehim inizjali ta’ servizz” huwa spjegat ukoll permezz tal-għoti ta’ xi eżempji, bħalma huma “l-ftuħ ta’ kont tal-bank, l-akkwist ta’ karta ta’ kreditu” jew “il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ amministrazzjoni ta’ portfolio”, filwaqt li “id-depożitu jew l-irtirar ta’ fondi lejn jew mill-kont tal-bank, ħlas b’karta ta’ kreditu” u “operazzjonijiet magħmula fil-kwadru ta’ kuntratt ta’ amministrazzjoni ta’ portofolio” huma kkunsidrati li huma “operazzjonijiet”. Madankollu, “iż-żieda ta’ elementi ġodda għal ftehim inizjali ta’ servizz, bħall-possibilità li jintuża strument elettroniku ta’ ħlas flimkien mal-kont tal-bank proprju eżistenti, ma jikkostitwixxix ‘operazzjoni’ imma kuntratt addizzjonali li tapplika għalih din id-Direttiva” ( 28 ).

51.

Minn dan isegwi li l-element ewlieni sabiex jeżisti “kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 2(a) huwa li għandu jkun hemm ftehim bejn il-partijiet, jiġifieri qbil tal-intenzjonijiet. Id-direttiva tipprovdi ftit gwida, fil-premessa 15, ta’ x’inhuma l-elementi li jikkostitwixxu “kuntratt”, li huma, jiġifieri, l-offerta, in-negozjati, u l-konklużjoni. Minkejja li d-definizzjonijiet ta’ “kuntratt” u “ftehim” jistgħu jvarjaw taħt id-dritt nazzjonali, jidher li dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tad-Direttiva 2002/65 hija offerta u aċċettazzjoni li twassal għal qbil tal-intenzjonijiet. “Ftehim” li jaqa’ fl-ambitu tad-direttiva huwa ddefinit billi jiġi mqabbel ma’ “operazzjoni”. “Operazzjoni” hija att li jeżegwixxi ftehim eżistenti mingħajr ma jżid elementi li għalihom ikun meħtieġ qbil tal-intenzjonijiet mill-ġdid. Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self, “operazzjoni” għalhekk tkun tkopri tranżazzjonijiet individwali bħalma huma pagamenti li jnaqqsu l-ammont totali dovut ( 29 ).

52.

Fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kreditu, l-“obbligu karatteristiku” huwa l-għoti stess tas-somma mislufa, filwaqt li l-obbligu tal-persuna li tissellef li tirrimborsa l-imsemmija somma huwa konsegwenza tal-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni tal-persuna li ssellef ( 30 ). Il-persuna li ssellef toffri ammont ta’ flus disponibbli bħala self. Minbarra l-ammont misluf, l-elementi ewlenin l-oħra tal-ftehim meħtieġa sabiex jintlaħaq ftehim huma l-istruttura u t-tul tal-perijodu għall-ħlas lura u r-rata tal-interessi. Kwistjoni ewlenija għal persuna li potenzjalment ser tissellef hija jekk tagħżilx rata tal-interessi fissa jew varjabbli. Konsumatur li jevita r-riskju jkun iktar inklinat li jagħżel rata tal-interessi fissa, filwaqt li konsumatur li jkun iktar lest li jieħu riskji aktarx li jagħżel rata tal-interessi varjabbli. Meta l-konsumatur jagħżel rata tal-interessi fissa, xi drabi jiġi miftiehem li wara ċertu perijodu ta’ żmien ir-rata tal-interessi terġa’ tiġi nnegozjata bejn il-partijiet. Dan kien il-każ fil-kawża prinċipali. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju u kif Sparkasse Südholstein ikkonferma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-tliet ftehimiet ta’ self kienu jinkludu klawżola simili, li ma’ sitt ġimgħat sa ġimagħtejn qabel l-iskadenza tal-perijodu li fih ir-rata tal-interessi kienet fissa, kull parti tista’ titlob li tinnegozja r-rata tal-interessi mill-ġdid. Fil-każ li, wara dan il-perijodu, l-ebda ftehim ma jkun intlaħaq fir-rigward ta’ aġġustament, għandha tapplika rata tal-interessi varjabbli għal dan is-self, kif speċifikat minn Sparkasse Südholstein għat-tip ta’ self inkwistjoni.

53.

Jidher li r-rata tal-interessi kienet innegozjata mill-ġdid bejn il-partijiet abbażi ta’ proposta ġdida mill-bank. Anki jekk ma ntlaħaqx ftehim, it-termini tal-kuntratt inizjali ma baqgħux bla tibdil. Dawn inbidlu sostanzjalment. Speċifikament, ir-rata tal-interessi inbidlet minn rata fissa għal rata varjabbli. Għalhekk il-ftehim il-ġdid ma kienx sempliċi “operazzjoni” li l-elementi tiegħu kienu koperti mill-ftehim preċedenti, iżda ftehim ġdid fuq ir-rati tal-interessi, li jeħtieġ qbil tal-intenzjonijiet mill-ġdid. Wieħed mill-partijiet ħa l-inizjattiva sabiex jibda n-negozjati u rati tal-interessi possibbli ġew diskussi. Il-partijiet setgħu jiftiehmu fuq rata tal-interessi fissa ġdida jew jibdlu għal rata tal-interessi varjabbli. Din it-tieni possibbiltà kienet topera bħala ftehim awtomatiku.

54.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jissottomettu Sparkasse Südholstein u l-Gvern Ġermaniż, il-fatt li elementi oħra tas-self, bħalma huma l-ammont ta’ flus u t-tul, ma ġewx modifikati bil-ftehim sussegwenti dwar ir-rati tal-interessi, ma jfissirx li dan il-ftehim kien sempliċiment “operazzjoni”, li ma japplikawx għalih id-dispożizzjonijiet iddettaljati tad-Direttiva 2002/65. Interpretazzjoni bħal din tillimita eċċessivament l-ambitu ta’ direttiva li kienet imfassla sabiex tkopri “kull kuntratt” rigward servizzi finanzarji (Artikolu 2(a)). Ma hemm xejn fid-Direttiva 2002/65 li jindika li sabiex japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha, ftehim ta’ emenda għandu jimmodifika l-elementi kollha jew il-biċċa l-kbira tal-elementi tal-kuntratt preċedenti. Meta element ewlieni tal-ftehim kopert bil-kuntratt inizjali jiskadi u jiġi innegozjat mill-ġdid, u wara ftehim ġdid (jew ftehim awtomatiku) jiġi milħuq japplikaw termini ġodda, il-konsumatur għandu jibbenefika mill-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jagħti l-kunsens tiegħu, kif ipprovdut bid-Direttiva 2002/65.

55.

Sparkasse Südholstein u l-Gvern Ġermaniż isostnu wkoll li f’relazzjoni kuntrattwali l-ftehim ta’ self inizjali u l-emendi sussegwenti li jimmodifikaw ir-rata tal-interessi għandhom jiġu kkunsidrati fl-intier tagħhom, li jifformaw kuntrattt wieħed. Sparkasse Südholstein jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għal digriet tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tal‑15 ta’ Jannar 2019 li fiha l-qorti ddeċidiet li f’każijiet ta’ “Unechte Abschnittsfinanzierung” ( 31 ) ftehim dwar ir-rata tal-interessi ma huwiex kuntratt separat iżda parti mill-kuntratt ta’ self. Għaldaqstant il-konsumatur għandu dritt għal irtirar biss fir-rigward tal-kuntratt ta’ self inizjali u mhux mill-ftehimiet sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi.

56.

Din id-deċiżjoni kienet, kif nifhimha jiena, ibbażata purament fuq kunsiderazzjonijiet ta’ dritt nazzjonali. Madankollu, kif spjegajt iktar ’il fuq (fil-punt 45), id-Direttiva 2002/65 tipproċedi b’armonizzazzjoni sħiħa ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali u t-termini tagħha għandhom jingħataw interpretazzjoni li hija komuni għall-Istati Membri kollha ( 32 ). Għalhekk, il-fatt li sistema legali nazzjonali partikolari tikklassifika ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi bħala parti mill-ftehim ta’ self inizjali ma għandux impatt fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt b’distanza” skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 u l-“operazzjonijiet” li għalihom ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tad-direttiva skont l-Artikolu 1(2) tagħha. Id-Direttiva teskludi espressament mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha biss ċerti “operazzjonijiet”; u ftehim dwar ir-rata tal-interessi konkluż mal-iskadenza tal-ftehim inizjali fuq ir-rati tal-interessi huwa, għar-raġunijiet li jiena tajt ( 33 ), “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji” ġdid.

57.

Għaldaqstant nikkonkludi li l-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi li la jestendi t-terminu u lanqas ma jimmodifika l-ammont tas-self. Ftehim bħal dan ma huwiex “operazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/65 u għalhekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva japplikaw għalih.

L-ewwel domanda

58.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn bank jikkonkludi ċerti tipi ta’ kuntratti ta’ self biss fil-bini kummerċjali tiegħu, iżda xi drabi sussegwentement jikkonkludi kuntratti sabiex jemenda ftehimiet ta’ self billi jagħmel użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza, teżistix “skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65.

59.

Id-definizzjoni ta’ “kuntratt b’distanza” fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 hija mfassla fuq dik li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 97/7 ( 34 ). Hija kkaratterizzata b’żewġ elementi prinċipali. L-ewwel element huwa dak li ż-żewġ partijiet kontraenti – il-fornitur u l-konsumatur – ma humiex fiżikament u simultanjament preżenti flimkien meta kuntratti b’distanza huma ppreparati u konklużi. It-tieni element huwa li dawn it-tranżazzjonijiet jitwettqu skont skema organizzata ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi b’distanza mmexxija mill-fornitur, li jagħmel użu esklużiv ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni b’distanza ( 35 ).

60.

Fir-rigward tal-ewwel element, huwa importanti li jiġi nnotat li d-definizzjoni ta’ “kuntratt b’distanza” teħtieġ biss l-użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza għall-finijiet tal-kuntratt. “Mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/65 bħala “kwalunkwe mezz li, mingħajr il-preżenza fiżika simultaneja tal-fornitur u l-konsumatur, jista’ jintuża għat-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizz bejn dawk il-partijiet”. Din id-definizzjoni hija wiesgħa u tinkludi kull mezz ta’ komunikazjoni mingħajr il-preżenza fiżika simultanja taż-żewġ partijiet, bħalma huma telefon, emails, posta, fax, eċċ. L-istadji kollha meħtieġa għall-konklużjoni tal-kuntratt għandhom jitwettqu bl-użu esklużiv ta’ mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza ( 36 ). Jiena naqbel mal-approċċ ta’ kittieba akkademiċi li l-fatt li, qabel ma sar il-kuntratt, kien hemm xi kuntatt wiċċ imb’ wiċċ bejn il-fornitur u l-konsumatur għal għanijiet oħra apparti l-offerta, in-negozjati u l-konklużjoni tal-kuntratt ma għandux fih innifsu jipprevjeni l-kuntratt milli jikkwalifika bħala kuntratt b’distanza ( 37 ).

61.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-ftehimiet dwar ir-rata tal-interessi li jemendaw l-arranġamenti inizjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu konklużi bl-użu esklużiv ta’ mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza. Dan l-element ma jidhirx li huwa kkontestat mill-partijiet.

62.

Dak li qiegħed jiġi kkontestat huwa jekk Sparkasse Südholstein operax “skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi”. Din il-frażi ma hijiex iddefinita iktar fid-direttiva. Il-premessa 18 tipprovdi daqsxejn ta’ gwida billi tispjega li l-għan ta’ dan ir-rekwiżit huwa li jeskludi mill-ambitu tad-direttiva “servizzi provduti fuq bażi strettament okkażjonali u barrra struttura kummerċjali dedikata għall-konklużjoni ta’ kuntratti b’distanza” ( 38 ).

63.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu d-deċiżjoni fattwali dwar il-metodi eżatti użati minn Sparkasse Südholstein sabiex jikkonkludi ftehimiet li jemendaw ir-rati tal-interessi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi gwida ta’ kif għandha tiġi interpretata “skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur” fis-sens tad-Direttiva 2002/65.

64.

Isegwi mill-kliem stess tal-Artikolu 2(a) li skema bħal din għandha tissodisfa ċerti kriterji. L-ewwel nett trid tkun “organizzata”. Dan ifisser li l-fornitur għandu jkun ippreparat, skont l-istruttura kummerċjali tiegħu, inklużi persunal u riżorsi, sabiex jikkonkludi kuntratti mingħajr il-preżenza fiżika simultanja tal-fornitur u tal-konsumatur. It-tieni nett, trid tkun “mill-”fornitur. Huwa l-fornitur li jwaqqaf il-qafas sabiex jipproponi l-konklużjoni ta’ kuntratti b’distanza lill-konsumatur. It-tielet nett, l-użu tagħha għandu jkun “esklużiv” għall-finijet tal-kuntratt inkwistjoni “sa u inkluż iż-żmien li fih huwa konkluż il-kuntratt”. Għaldaqstant għandha tkopri l-istadji kollha tal-kuntratt kif previst mid-Direttiva 2002/65, jiġifieri l-offerta, in-negozjati u l-konklużjoni tal-kuntratt. Ir-raba’ nett ma għandhiex tkun “strettament okkażjonali”. Il-konklużjoni ta’ kuntratt għal servizzi finanzjarji mingħajr il-preżenza fiżika simultanja tal-partijiet ma għandhiex isseħħ “eċċezzjonalment”, “rarament” jew “irregolarment”. Anzi, għandha tkun possibbiltà jew għażla relattivament normali meta jiġu konklużi kuntratti. Il-premessa 18 torbot dan ir-raba’ element mal-ewwel element ippreżentat f’dan il-punt, jiġifieri l-eżistenza ta’ “skema organizzata” bħala struttura kummerċjali, persunal u riżorsi. Huwa diffiċili li wieħed jimmaġina li ladarba fornitur ikun għadda mill-problema li jwaqqaf struttura li tippermetti l-konklużjoni ta’ kuntratti b’distanza, dan ser jagħmel użu minn din l-istruttura b’mod “strettament okkażjonali”.

65.

Fil-fehma tiegħi, jekk is-sistema ġiet maħsuba sabiex kollox jista’ jseħħ b’distanza, hemm skema organizzata ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi b’distanza ( 39 ). Ikun żball li jiġi rikjest li l-konklużjoni ta’ kuntratti b’distanza għandha tkun “frekwenti” jew “sistematika”, jew li għandha tkun ir-regola standard għall-maġġoranza tal-kuntratti, jew għal kuntratti ta’ ċertu tip, konklużi mill-fornitur. Interpretazzjoni bħal din hija inkosistenti mal-kliem tad-Direttiva 2002/65, li ma jagħmilx riferiment għal ċertu grad ta’ “frekwenza” iżda għal imġieba li ma hijiex “strettament okkażjonali” (enfasi miżjuda). Din tmur ukoll kontra l-għan protettiv tad-direttiva, peress li tillimita l-ambitu tagħha lil hinn minn dak li huwa espressament ipprovdut mill-kliem tagħha. Għall-istess raġunijiet nirrifjuta l-argument ta’ Sparkasse Südholstein li l-fornitur għandu “jagħti l-impressjoni”, pereżempju permezz tas-sit Internet, li jopera sistema ġenerali ta’ bejgħ b’distanza. Il-kriterju propost mill-Gvern Ġermaniż li għandu jkun hemm “għażla strateġika” mill-fornitur sabiex joħloq struttura għall-konklużjoni ta’ kuntratti b’distanza jidhirli li hija wkoll irrilevanti. Id-Direttiva 2002/65 ma tikkunsidrax il-perspettiva suġġettiva tal-fornitur iżda r-realtà oġġettiva: fil-fatt il-fornitur qiegħed imexxi “skema organizzata ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi b’distanza”?

66.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-fatti abbażi ta’ dawn il-kriterji u tiddetermina jekk kienx hemm, fil-kawża preżenti, “skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi”. L-informazzjoni sottomessa mill-qorti tar-rinviju tindika li Sparkasse Südholstein kien mgħammar kemm b’persunal u riżorsi sabiex jikkonkludi ftehimiet ta’ emenda u supplimentari ma’ klijenti eżistenti permezz ta’ bejgħ b’distanza fuq bażi regolari. Kif spjega Sparkasse Südholstein stess fis-seduta, meta l-klijent ma jkunx ibbażat qrib il-bank, huwa iktar konvenjenti għall-klijent sabiex jikkonkludi kuntratt b’distanza. Dan ifisser li l-konklużjoni ta’ ftehimiet sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi hija possibbiltà kull darba li ftehim ta’ dan it-tip huwa previst. Jekk dan huwiex dak li jiġri fil-fatt jista’ jiddependi fuq kunsiderazzjonijiet prattiċi. Fil-fehma tiegħi, huwa għalhekk plawżibbli, li Sparkasse Südholstein imexxi skema organizzata ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi b’distanza bl-għan li jikkonkludi ftehimiet sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi.

67.

Il-fatt li Sparkasse Südholstein jikkonkludi ċerti tipi ta’ kuntratti ta’ self esklużivament fil-bini kummerċjali tiegħu jew li l-kuntratti inizjali ta’ self ma’ KH kienu konklużi bil-preżenza fiżika simultanja tal-partijiet ma jbiddilx din il-konklużjoni. Id-Direttiva 2002/65 ma teħtieġx, meta teżisti relazzjoni kummerċjali ġenerali bejn il-fornitur u l-konsumatur, li r-relazzjoni sħiha titwettaq b’distanza. Fejn hemm sensiela ta’ “kuntratti” diskreti, bħalma huma l-kuntratti ta’ self inizjali u l-ftehimiet sussegwenti dwar ir-rata ta’ self fil-kawża preżenti, huwa ċar mill-kliem tal-Artikolu 2(a) (skont liema l-fornitur għandu jagħmel użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza “għall-iskop ta’ dak il-kuntratt” (enfasi miżjuda)) li huwa il-kuntratt speċifiku inkwistjoni li għandu jiġi konkluż b’ “distanza” sabiex japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/65.

68.

Għaldaqstant nikkonkludi li teżisti “skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 meta fornitur, sabiex jikkonkludi ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi jagħmel użu esklużiv minn mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza, meta l-użu ta’ dawn il-mezzi huwa esklużiv u mhux strettament okkażjonali iżda jifforma parti minn qafas imwaqqaf minn dan il-fornitur, skont l-istruttura kummerċjali tiegħu, inklużi persunal u riżorsi, li jippermettulu li jikkonkludi kuntratti mingħajr il-preżenza fiżika simultanja tal-partijiet. Hija l-qorti tar-rinviju, bħala l-uniku ġudikant tal-fatti, li għandha tiddetermina jekk dawn l-elementi humiex preżenti f’każ partikolari.

Konklużjoni

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mil-Landgericht Kiel (il-Qorti Reġjonali ta’ Kiel, il-Ġermanja) kif ġej:

Il-kunċett ta’ “kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi li la jestendi l-perijodu u lanqas ma jimmodifika l-ammont tas-self. Ftehim bħal dan ma huwiex “operazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/65 u għalhekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva japplikaw għalih.

Ikun hemm “skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 meta fornitur, sabiex jikkonkludi ftehim sussegwenti dwar ir-rata tal-interessi jagħmel użu esklużiv minn mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza, meta l-użu ta’ dawn il-mezzi huwa esklużiv u mhux strettament okkażjonali iżda jifforma parti minn qafas imwaqqaf minn dan il-fornitur, skont l-istruttura kummerċjali tiegħu, inklużi persunal u riżorsi, li jippermettilu jikkonkludi kuntratti mingħajr il-preżenza fiżika simultanja tal-partijiet. Hija l-qorti nazzjonali, bħala l-uniku ġudikant tal-fatti, li għandha tiddetermina jekk dawn l-elementi humiex preżenti f’kawża partikolari.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, u rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14). Ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ġew emendati mill-adozzjoni tagħha (l-aħħar verżjoni kkonsolidata hija dik tal‑2018) iżda d-dispożizzjonijiet li huma rilevanti fil-kawża preżenti ma nbidlux.

( 3 ) ĠU 2007, C 303, p. 1.

( 4 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319). Din id-direttiva ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

( 5 ) Premessa 3.

( 6 ) Premessa 13.

( 7 ) Premessa 14.

( 8 ) Premessa 15.

( 9 ) Premessa 16.

( 10 ) Premessa 17.

( 11 ) Premessa 18.

( 12 ) Premessa 21.

( 13 ) Premessa 23.

( 14 ) Din id-data hija bbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju. Hawnhekk ninnota li jidhirli li huwa qabel l‑10 snin previsti skont il-ftehim ta’ emenda tal‑25 ta’ Mejju 2004.

( 15 ) Is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1986, VAG France, 10/86, EU:C:1986:502, punt 7.

( 16 ) Is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2010, Genc, C‑14/09, EU:C:2010:57, punti 3031.

( 17 ) Is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 18 ) Sentenza tas‑16 ta’Frar 2012, Varzim Sol, C‑25/11, EU:C:2012:94, punt 29.

( 19 ) L-Anness II tad-Direttiva 97/7, imħassar permezz tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/65 kien jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ servizzi finanzjarji: servizzi ta’ investiment, operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, servizzi bankarji u operazzjonjiet relatati ma’ negozji futuri jew għażliet.

( 20 ) Haentjens, M. u de Gioia-Carabellese, P., European Banking and Financial Law, Routledge, Londra u New York, 2015, p. 64.

( 21 ) Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 97/7/KE u 98/27/KE, COM 99 0385 finali (ĠU 2000 C 177E, p. 21) (iktar ’il quddiem il-“proposta emendata għal direttiva”).

( 22 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fis-sentenza Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:305, punt 41.

( 23 ) Is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Romano, C‑143/18, EU:C:2019:701, punti 3455.

( 24 ) Is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Schottelius, C‑247/16, EU:C:2017:638, punt 31.

( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fis-sentenza Romano, C‑143/18, EU:C:2019:273, punti 4142.

( 26 ) Il-premessa 12 tispjega li l-adozzjoni ta’ regoli komuni f’dak is-settur għandha tkun “konsistenti ma ebda tnaqqis fil-protezzjoni globali tal-konsumatur”. Ara wkoll, f’dan ir-rigward u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 36, sentenza fir-rigward tad-Direttiva 97/7.

( 27 ) Premessa 16.

( 28 ) Premessa 17.

( 29 ) Ara Linaritis, I., “The access to financial services through the Internet: in light of Directives 2002/65/EC, 2000/31/EC, 1999/93/EC” (bil-Grieg), Sakkoulas, Athens, Thessaloniki, 2005, p. 119.

( 30 ) Is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 41.

( 31 ) Litteralment, il-frażi tfisser “sottodiviżjoni mhux ġenwina tal-iskeda tal-ħlas”.

( 32 ) Is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Romano, C‑143/18, EU:C:2019:701, punti 3455.

( 33 ) Ara l-punti 47 u 53 hawn fuq.

( 34 ) Ara l-memorandum ta’ spjega li jakkumpanja l-proposta emendata għal direttiva.

( 35 ) Ara l-premessi 15 u 18 u l-Artikolu 2(a) u (e) tad-Direttiva 2002/65. Ara wkoll, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Handelsgesellschaft Heinrich Heine, C‑511/08, EU:C:2010:48, punt 27.

( 36 ) Ara, għal dan l-għan, l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/65. Ara wkoll Yonge, W., “The distance marketing of consumer financial services directive”, Journal of Financial Services Marketing, Vol. 8, 2003, p. 80.

( 37 ) Fisher, J., Bewsey, J., Waters, M., Ovey, E., The Law of Investor Protection, Sweet & Maxwell, London, it-tieni edizzjoni, 2003, p. 247.

( 38 ) Ara wkoll il-memorandum ta’ spjega li jakkumpanja l-proposta emendata għad-direttiva.

( 39 ) Ara wkoll, għal dan l-iskop, Van Huffel, M., “La Directive 2002/65/CE du 23 Septembre 2002 concernant la commercialisation à distance des services financiers auprès des consommateurs”, Euredia, Vol. 3, 2003, p. 363.