KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit-28 ta’ Mejju 2020 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC,

u l-partijiet l-oħra li isimhom jidher fl-Anness I ( 2 )

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),

Il-Grupp tal-Euro

L-Unjoni Ewropea (C‑597/18 P)

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Eleni Pavlikka Bourdouvali,

u l-partijiet l-oħra li isimhom jidher fl-Anness II ( 3 )

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),

Il-Grupp tal-Euro

L-Unjoni Ewropea (C‑598/18 P)

u

Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC,

u l-partijiet l-oħra li isimhom jidher fl-Anness I (C‑603/18 P)

Eleni Pavlikka Bourdouvali,

u l-partijiet l-oħra li isimhom jidher fl-Anness II,

(C‑604/18 P)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),

Il-Grupp tal-Euro,

L-Unjoni Ewropea (C‑603/18 P u C‑604/18 P)

“Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – Programm ta’ għajnuna għall-istabbiltà ta’ Ċipru – Il-Grupp tal-Euro – Natura ġuridika – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni”

1.

X’inhi n-natura legali tal-Grupp tal-Euro? Kif jinkwadra ruħu dan l-organu fil-qafas kostituzzjonali kumpless tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (iktar ’il quddiem, l-“UEM”)? Il-Grupp tal-Euro jista’ jiġi kklassifikat bħala “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Konsegwentement, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu fuq kawżi għad-danni ppreżentati, skont din id-dispożizzjoni, kontra l-Grupp tal-Euro, għal kull dannu kkawżat minn atti allegatament dannużi mwettqa minn dan l-organu?

2.

Dawn huma l-kwistjonijiet diskussi f’dawn il-konklużjonijiet li jirrigwardaw żewġ appelli ppreżentati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ( 4 ), sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, kontra żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem is-sentenzi appellati) ( 5 ), li fihom din tal-aħħar ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fir-rigward ta’ kawżi għad-danni ppreżentati, fost oħrajn, kontra l-Grupp tal-Euro.

3.

Il-kawżi dwar iż-żewġ appelli tal-Kunsill imsemmija iktar ’il fuq, li fuqhom jiffokaw, kif titlob il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet, huma magħquda ma’ żewġ kawżi oħra relatati ma’ appelli ( 6 ), ippreżentati minn depożitanti jew azzjonisti ta’ żewġ banek Ċiprijotti (imsemmija fl-Annessi I u II, iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fl-ewwel istanza”), anki huma kontra sentenzi appellati. Huma jitolbu l-annullament tal-imsemmija sentenzi sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjonijiet għad-danni li huma kienu ppreżentaw kontra l-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Grupp tal-Euro għad-danni allegatament ikkawżati minn sensiela ta’ atti li huma wettqu, fosthom dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro ( 7 ).

4.

Dawn il-kawżi huma ta’ importanza kostituzzjonali ċerta. Huma joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tiċċara n-natura ġuridika tal-Grupp tal-Euro, organu li għandu influwenza politika ċertament importanti, iżda li jikkostitwixxi, fil-kuntest kostituzzjonali/istituzzjonali Ewropew, l-organu x’aktarx l-iktar diskuss u l-inqas faċli li tinkwadra.

I. Il-kuntest ġuridiku

5.

L-Artikolu 137 TFUE jipprovdi li “[l]-arranġamenti għal laqgħat bejn ministri ta’ dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiġu stabbiliti fil-Protokoll dwar il-Grupp ta’ l-euro”.

6.

Il-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 14”) jistabbilixxi, fil-preambolu tiegħu, li “[L]-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, BIX-XEWQA li jippromovu l-kondizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea u, għal dak il-għan, li jiżviluppaw il-koordinazzjoni dejjem iktar mill-qrib tal-politika ekonomika fiż-żona ta’ l-euro, KONXJI mill-bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għal djalogu msaħħaħ bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, sa ma l-euro tkun saret il-munita ta’ l-Istati Membri kollha ta’ l-Unjoni, QABLU dwar id-dispożizzjonijet […]” li jinsabu fl-Artikoli 1 u 2 tal-imsemmi protokoll.

7.

L-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14 jipprovdi li “[i]l-Ministri ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiltaqgħu informalment. Dawn il-laqgħat għandhom iseħħu, skond il-ħtieġa, sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika. Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-laqgħat. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun mistieden jieħu sehem f’dawn il-laqgħat, li għandhom ikunu preparati mir-rappreżentanti tal-Ministri responsabbli għall-finanzi ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u tal-Kummissjoni.”

8.

L-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 14 jipprovdi li “[i]l-Ministri ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jeleġġu president għal sentejn u nofs, bil-maġġoranza ta’ dawk l-Istati Membri.”

II. Il-fatti

9.

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti bi preċiżjoni fil-punti 10 sa 46 tas-sentenzi appellati li għalihom qiegħed isir riferiment għal iktar dettalji.

10.

Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa biżżejjed li jitfakkar li, matul il-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2011, ċertu numru ta’ banek stabbiliti f’Ċipru, fosthom is-Cyprus Popular Bank u l-Bank of Cyprus, fl-2012 kellhom diffikultajiet finanzjarji serji.

11.

Meta intervjeniet insostenn tas-sistema bankarja tagħha, ir-Repubblika ta’ Ċipru ppreżentat lill-President tal-Grupp tal-Euro, f’Ġunju 2012, talba għal assistenza finanzjarja, li wasslet għan-negozjati ta’ memorandum ta’ qbil, fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku, bejn il-Kummissjoni, bi qbil mal-BĊE u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), u l-awtoritajiet Ċiprijotti.

12.

Dan il-memorandum ta’ qbil ġie approvat fl-24 ta’ April 2013 mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), ġie ffirmat fit-26 ta’ April 2013 u ġie approvat fit-30 ta’ April 2013 mill-Parlament Ċiprijott.

13.

Fil-25 ta’ April 2013, il-Kunsill, skont l-Artikolu 136(1) TFUE, adotta d-Deċiżjoni 2013/236, indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli ( 8 ).

14.

Kemm fil-perijodu ta’ qabel l-adozzjoni tal-memorandum ta’ qbil kif ukoll wara l-iffirmar u l-approvazzjoni tiegħu, il-Grupp tal-Euro għamel diversi dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar l-assistenza finanzjarja għar-Repubblika ta’ Ċipru.

15.

B’mod iktar speċifiku, permezz ta’ dikjarazzjoni tal-25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro indika, fost l-oħrajn, li kien intlaħaq qbil dwar l-elementi essenzjali ta’ programm makroekonomiku ta’ aġġustament futur, li kellu l-appoġġ tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, kif ukoll tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI. Permezz ta’ dikjarazzjoni tat-13 ta’ Mejju 2013, il-Grupp tal-Euro laqa’ favorevolment id-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES li tapprova l-ewwel parti tal-assistenza u kkonferma li r-Repubblika ta’ Ċipru kienet implimentat il-miżuri miftehma fil-memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013. Permezz ta’ dikjarazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2013, il-Grupp tal-Euro, fost affarijiet oħra, laqa’, minn naħa, il-konklużjoni tal-ewwel missjoni ta’ kontroll tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Bank of Cyprus kien inħareġ mill-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16.

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Diċembru 2013 (Kawża T‑680/13) u fl-1 ta’ Diċembru 2014 (Kawża T‑786/14) rispettivament, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw il-kawżi għall-kumpens tad-dannu msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq kontra, fost l-oħrajn, il-Grupp tal-Euro.

17.

Matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE, permezz ta’ atti separati ( 9 ), qajmu eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

18.

Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u kkundannathom ibatu l-ispejjeż tal-istanza.

IV. It-talbiet tal-partijiet

19.

Fil-Kawżi C‑597/18 P u C‑598/18 P, li fuqhom qegħdin isiru dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-partijiet tas-sentenzi appellati li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li huwa ppreżenta fir-rigward tal-kawżi għad-danni ppreżentati kontra l-Grupp tal-Euro u li tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

20.

Fil-kawżi msemmija, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli ppreżentati mill-Kunsill u tikkundannah għall-ispejjeż.

21.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appelli ppreżentati mill-Kunsill u tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

22.

Ir-Repubblika tal-Finlandja, awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2019, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appelli tal-Kunsill u tannulla s-sentenzi appellati sa fejn dawn iddikjaraw ammissibbli fir-rigward tal-Grupp tal-Euro l-azzjonijiet għad-danni ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

V. Analiżi tal-appelli

23.

L-appelli ppreżentati mill-Kunsill, li fuqhom, kif ingħad, jiffokaw dawn il-konklużjonijiet, jikkontestaw ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati (rispettivament fil-punti 106 sa 114 tas-sentenza fil-Kawża T‑680/13 u 102 sa 110 tas-sentenza fil-Kawża T‑786/14) u l-konklużjoni sussegwenti li l-Grupp tal-Euro għandu jiġi kklassifikat bħala “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE b’tali mod li l-aġir dannuż li huwa wettaq jista’ jiġi imputat lill-Unjoni.

A.   Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-parti rilevanti tas-sentenzi appellati

24.

L-ewwel nett, fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, it-terminu “istituzzjoni” użat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jinkludi mhux biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mniżżla fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda anki l-korpi u l-organi l-oħrajn kollha tal-Unjoni stabbiliti permezz tat-trattati u intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni ( 10 ).

25.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il‑Kummissjoni u BĊE (C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mallis”; ara, b’mod partikolari, il-punt 61) iddeċidiet li l-Grupp tal-Euro ma jistax jiġi kklassifikat bħala “korp jew organu tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, ma jeskludix li dan jiġi kklassifikat bħala “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li skont il-ġurisprudenza, minn naħa, ir-rikors għal annullament u l-azzjoni għad-danni huma rimedji differenti u awtonomi, li għandhom funzjonijiet differenti u min-naħa l-oħra li, sabiex l-att jew l-aġir dannuż ikun jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ma huwiex neċessarju li dan għandu jkun ukoll is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE ( 11 ).

26.

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-identifikazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “istituzzjoni”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għandha titwettaq abbażi ta’ kriterji speċifiċi għal din id-dispożizzjoni, li huma differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, skont il-Qorti Ġenerali, għal dan il-għan għandu jiġi ddeterminat jekk l-entità tal-Unjoni, li lilha huwa imputabbli l-att jew l-aġir inkriminat, ġietx stabbilita mit-Trattati u jekk hijiex intiża sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni ( 12 ).

27.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li billi l-Artikolu 137 TFUE u l-Protokoll Nru 14 jipprevedu l-eżistenza, il-kompożizzjoni, il-modalitajiet tal-laqgħat u l-funzjonijiet tal-Grupp tal-Euro, dan l-organu għandu jitqies bħala organu tal-Unjoni, stabbilit formalment mit-Trattati u intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tagħha. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-atti u l-aġir tal-Grupp tal-Euro fl-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti lilu mid-dritt tal-Unjoni huma imputabbli lill-Unjoni ( 13 ).

28.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kwalunkwe soluzzjoni kuntrarja oħra tmur kontra l-prinċipju tal-“Unjoni tad-dritt”, sa fejn tippermetti l-istabbiliment fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ta’ organi li l-atti u l-aġir tagħhom ma jistgħux jagħtu lok għar-responsabbiltà tagħha ( 14 ).

B.   Sunt qasir tal-argumenti tal-partijiet

29.

Fl-appelli tiegħu, il-Kunsill iqajjem aggravju uniku u jsostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati li l-atti tal-Grupp tal-Euro jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija bbażata fuq diversi żbalji ta’ liġi.

30.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza Mallis, iċċitata iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata fis-sentenzi appellati. Fil-fatt, minnha bl-ebda mod ma jirriżulta li s-sempliċi riferiment fit-Trattati għall-Grupp tal-Euro jippermetti li dan jiġi kkunsidrat bħala “istituzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE. L-Artikolu 137 TFUE u l-Protokoll Nru 14 għandhom biss portata purament prospettiva u mhux istituzzjonali tal-Grupp tal-Euro, peress li dan tal-aħħar ġie stabbilit fl-1997 mill-Kunsill Ewropew.

31.

Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonstata la li l-Grupp tal-Euro għandu personalità ġuridika, u lanqas, alternattivament, li għandu kompetenzi mogħtija lilu mit-Trattati, kif teħtieġ il-ġurisprudenza li huwa jiċċita. Is-sempliċi preżenza ta’ dispożizzjonijiet dwar l-eżistenza u r-regoli proċedurali ta’ laqgħa informali ma tippermettix li jiġi konkluż li ngħata l-kompetenzi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipju ta’ attribuzzjoni, stabbilit fl-Artikolu 5(2) TFUE.

32.

Fl-aħħar nett, l-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-konfront ta’ azzjonijiet għal kumpens imressqa kontra l-Grupp tal-Euro ma toħloqx problemi mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn l-individwi jkollhom possibbiltajiet oħra ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tista’ tinżamm responsabbli għall-illegalità tal-atti tal-MES li fir-rigward tagħhom hija eżerċitat setgħat ( 15 ). Fit-tieni lok, l-individwi jistgħu jirrikorru għall-qrati nazzjonali sabiex jipproteġu d-drittijiet tagħhom. Fit-tielet lok, il-qrati tal-Unjoni għandhom il-possibbiltà li jistħarrġu l-atti tal-Kunsill li jippreċedu u jsawru l-kundizzjonalità tal-MES ( 16 ).

33.

Il-Kummissjoni, li intervjeniet insostenn tal-Kunsill, tqis, fl-ewwel lok, li l-Grupp tal-Euro ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 340 TFUE sa fejn huwa jikkostitwixxi laqgħa informali tal-Ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u għalhekk ma jagħmilx parti mill-qafas istituzzjonali tal-Unjoni. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 263 u 340 TFUE għandhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni rationae personae. Skont tali istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li tikkorrobora r-raġunament tagħha permezz ta’ deċiżjonijiet preċedenti ta’ ġurisprudenza li skonthom organu li l-atti tiegħu ma jistgħux jiġu kkontestati skont l-Artikolu 263 TFUE jista’, min-naħa l-oħra, jitressaq quddiem qorti f’kawża għad-danni skont l-Artikolu 340 TFUE.

34.

Il-Gvern Finlandiż, li intervjena wkoll insostenn tal-Kunsill, jiddeduċi li, għalkemm l-eżistenza tal-Grupp tal-Euro hija rrikonoxxuta mit-Trattati, is-sempliċi fatt li jissemma dan tal-aħħar ma huwiex suffiċjenti sabiex il-Grupp tal-Euro jitla’ fil-grad ta’ “istituzzjoni” tal-Unjoni.

35.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza jsostnu li s-sentenza Mallis, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti sa fejn tikkonċerna azzjoni għal annullament u mhux azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ammissibbiltà tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali ma tiddependix mill-kundizzjoni li l-korp ikollu s-setgħa li jadotta atti vinkolanti. Jekk tiġi miċħuda l-possibbiltà ta’ teħid ta’ responsabbiltà mill-Unjoni għall-atti adottati mill-Grupp tal-Euro, dan ikun bħallikieku ġie injorat id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fit-tieni lok, huma jikkontestaw l-argument li l-Grupp tal-Euro ma ġiex stabbilit mit-Trattati. Fil-fatt, l-eżistenza tiegħu ġiet ifformalizzata mit-Trattat ta’ Lisbona, bl-Artikolu 137 TFUE u bil-Protokoll Nru 14. Fit-tielet lok, il-Grupp tal-Euro ma jillimitax ruħu biex jikkostitwixxi forum informali ta’ diskussjoni, iżda għandu responsabbiltajiet li jikkonċernaw l-elaborazzjoni tal-politiki ekonomiċi u baġitarji tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-imsemmija rikorrenti jikkontestaw li l-individwi jistgħu jużaw rimedji ġudizzjarji alternattivi sabiex jiksbu protezzjoni legali prinċipalment għal żewġ raġunijiet. It-teħid ta’ responsabbiltà min-naħa tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ma jistax jissostitwixxi t-teħid ta’ responsabbiltà mill-Grupp tal-Euro. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jitressqu proċeduri legali quddiem il-qrati nazzjonali ma hijiex sodisfaċenti għall-individwi peress li jistgħu jiġu kkontestati biss l-atti imputabbli lill-awtoritajiet nazzjonali u mhux dawk adottati mill-korpi stabbiliti mit-Trattati.

C.   Analiżi ġuridika

1. Osservazzjonijiet preliminari

36.

L-appelli ppreżentati mill-Kunsill iqajmu l-kwistjoni tal-possibbiltà li l-Grupp tal-Euro jiġi kklassifikat bħala “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u għalhekk, konsegwentement, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet għad-danni ppreżentati kontra dan l-organu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għal danni eventwali kkawżati minn atti allegatament dannużi li huwa wettaq.

37.

F’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

38.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jeħtieġ li jkunu ssodisfatti kumulattivament numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat ( 17 ).

39.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE huwa iktar wiesa’ minn dak li jinsab fl-Artikolu 13(1) TUE. Fil-fatt, it-terminu “istituzzjoni” użat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ma għandux jinftiehem bħala li jkopri biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni hekk imsejħa, kif elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda li jinkludi wkoll, fid-dawl tas-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali stabbilita mit-Trattati, kull organu ieħor tal-Unjoni stabbilit minnhom li għandu l-għan li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, l-azzjonijiet imwettqa minn dawn l-organi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti lilhom mid-dritt tal-Unjoni huma imputabbli lill-Unjoni, konformement mal-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ( 18 ).

40.

Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Grupp tal-Euro jistax jew le jiġi kklassifikat bħala “istituzzjoni tal-Unjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, b’tali mod li l-konsegwenzi dannużi tal-aġir tiegħu jistgħu jiġu imputati lill-Unjoni, għandha tinftiehem in-natura ġuridika ta’ dan l-organu u l-pożizzjoni tiegħu fil-qafas istituzzjonali tal-UEM. Għal dan il-għan, ser nibda l-ewwel nett minn analiżi, tal-arkitettura kostituzzjonali tal-UEM, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Taqsima 2). Sussegwentement ser nanalizza l-Grupp tal-Euro bħala tali fir-rigward tal-istituzzjoni tiegħu, tal-funzjonijiet tiegħu u tal-funzjonament tiegħu in concreto (Taqsima 3). L-elementi li jirriżultaw minn din l-analiżi ser jippermettu li tiġi ddeterminata n-natura ġuridika tal-Grupp tal-Euro u l-kwalifika kostituzzjonali tiegħu (Taqsima 4). Fl-aħħar nett, ser nesponi xi kunsiderazzjonijiet dwar ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Taqsima 5).

2. L-arkitettura kostituzzjonali tal-UEM

41.

Sa mill-oriġini tagħha, l-UEM kienet ikkaratterizzata minn arkitettura kostituzzjonali “asimetrika”, b’rabta maż-żewġ elementi li hija kkostitwita minnhom, jiġifieri l-politika monetarja u l-politika ekonomika ( 19 ). Din is-sitwazzjoni ta’ asimetrija kkonċernat kemm it-tqassim tal-kompetenzi kif ukoll, konsegwentement, l-istruttura kostituzzjonali u istituzzjonali fil-veru sens tal-kelma.

42.

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda t-tqassim tal-kompetenzi, għalkemm, minn naħa, l-Unjoni ngħatat il-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ( 20 ), min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-politiki ekonomiċi, inklużi dawk baġitarji u fiskali, baqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri.

43.

Fin-nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ natura ġenerali permezz ta’ trasferiment veru u proprju ta’ setgħat, kif kien il-każ għall-politika monetarja, fil-qasam tal-politika ekonomika, l-Unjoni tillimita ruħha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu VIII, tat-Tielet Parti tat-TFUE, li teżerċita esklużivament setgħat ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri ( 21 ), kif ukoll, u għall-Istati Membri biss li l-munita tagħhom hija l-euro, skont id-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għalihom, setgħat ta’ koordinazzjoni u ta’ sorveljanza baġitarja u ta’ tħejjija ta’ direzzjoni ta’ politika ekonomika ( 22 ).

44.

Din is-sitwazzjoni ta’ asimetrija fit-tqassim tal-kompetenzi fl-UEM wasslet għal asimetrija korrispondenti fl-organizzazzjoni kostituzzjonali u istituzzjonali tal-UEM, li minnha jirriżulta li l-UEM hija mmexxija minn bilanċ istituzzjonali tagħha stess.

45.

Fil-fatt, filwaqt li, għall-eżerċizzju tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja, it-Trattati jipprevedu qafas istituzzjonali, ikkostitwit mill-BĊE u mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali ( 23 ), fir-rigward tal-politika ekonomika, il-qafas ġenerali jirriżulta li huwa iktar kumpless.

46.

Fil-fatt, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-Istati Membri sseħħ f’qasam li jimplika neċessarjament tliet livelli operattivi distinti: dak nazzjonali, dak tal-Unjoni u dak intergovernattiv.

47.

Fuq livell nazzjonali, tiġi eżerċitata l-politika ekonomika u fiskali li għaliha nżammet il-kompetenza mill-Istati Membri. Fuq livell tal-Unjoni, isseħħ il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u, għall-pajjiżi taż-żona Euro, jiġu eżerċitati l-imsemmija setgħat ta’ sorveljanza. Fir-rigward tal-livell intergovernattiv, dan dejjem irrappreżenta waħda mit-toroq preferenzjali għall-iżvilupp tal-integrazzjoni ekonomika bejn l-Istati u llum għadu jikkostitwixxi passaġġ parallel li kultant huwa sovrappost għal dak tal-Unjoni.

48.

L-imsemmija kumplessità tal-istruttura kostituzzjonali tal-UEM ġiet enfasizzata iktar wara l-miżuri meħuda b’risposta għall-kriżi finanzjarja. Fil-fatt, l-Unjoni u l-Istati Membri intervjenew permezz ta’ sensiela ta’ miżuri ta’ aġġustament, li ġew adottati kemm fil-qafas istituzzjonali u ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll barra minn dan il-qafas.

49.

Filwaqt li, fuq il-livell tad-dritt tal-Unjoni, ġew adottati diversi miżuri intiżi li jevitaw kriżi finanzjarja ġdida ( 24 ), barra mill-qafas istituzzjonali u ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri taż-żona Euro saħħew kunsiderevolment il-kooperazzjoni, fil-livell intergovernattiv, b’mod iktar partikolari bil-konklużjoni, fit-2 ta’ Frar 2012, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem it-“Trattat MES”) u fit-2 ta’ Marzu 2012, tat-Trattat dwar stabbiltà, koordinazzjoni u governanza fl-Unjoni ekonomika u monetarja (iktar ’il quddiem il-“Fiscal compact”).

50.

Dawn il-miżuri u, konsegwentement, l-implimentazzjoni tagħhom, minkejja li huma bbażati fuq livelli legalment u istituzzjonalment differenti, dak tal-Unjoni, minn naħa, u dak intergovernattiv barra mill-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jagħmlu madankollu parti minn qafas ġenerali komuni u huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin.

51.

Ir-relazzjoni qawwija bejn miżuri adottati fil-livell tal-Unjoni u fil-livell intergovernattiv uriet, fil-kuntest tal-UEM, forom ta’ kooperazzjoni — li barra minn hekk kienu diġà ppjanati qabel il-kriżi — li, billi jinsabu fil-fruntiera bejn dawn iż-żewġ livelli, jistgħu jiġu identifikati mit-terminu ta’ metodu “semi-intergovernattiv”. Fil-fatt, din hija kooperazzjoni ta’ natura intergovernattiva fis-sens li sseħħ barra mill-qafas ġuridiku u istituzzjonali tal-Unjoni. Madankollu, din il-kooperazzjoni għandha rabtiet u interdipendenza qawwija kemm mad-dritt kif ukoll mal-qafas istituzzjonali tal-Unjoni.

52.

Għalhekk, minn perspettiva legali, teżisti konnessjoni materjali bejn l-atti adottati mill-Unjoni u t-Trattati adottati mill-Istati Membri fil-livell intergovernattiv, fis-sens li, minn naħa, l-obbligu għal Stat Membru li jipparteċipa f’dawn it-trattati jirriżulta direttament mill-istatus tiegħu fid-dritt tal-Unjoni ( 25 ) u, min-naħa l-oħra, dawn l-atti jinkludu referenzi normattivi trażversali ( 26 ).

53.

Minn perspettiva istituzzjonali, dawn il-forom ta’ kooperazzjoni huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-azzjonijiet ta’ natura intergovernattiva u viċe versa. B’hekk, pereżempju, il-Kummissjoni u l-BĊE jeżerċitaw funzjonijiet importanti fil-kuntest tat-Trattat MES ( 27 ), filwaqt li l-Kummissjoni hija involuta b’mod qawwi fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Fiscal compact ( 28 ).

54.

F’tali sitwazzjoni, kostituzzjonalment u ġuridikament kumplessa u interkonnessa, jista’ għalhekk isir diffiċli ħafna li tiġi stabbilita fruntiera netta bejn azzjonijiet meħuda fuq livell intergovernattiv u fuq livell tal-Unjoni u, għaldaqstant, ukoll bejn organi ta’ natura intergovernattiva u organi tal-Unjoni.

55.

F’dawn l-aħħar snin, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet imsejħa diversi drabi, f’serje ta’ każijiet li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet marbuta mal-kriżi finanzjarja, sabiex teżamina kwistjonijiet marbuta mal-arkitettura kostituzzjonali tal-UEM. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ipprovat iżżomm il-bilanċ kostituzzjonali u istituzzjonali delikat li jirriżulta mill-għażliet magħmula mill-Istati Membri.

56.

Għalhekk, fis-sentenza Pringle ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, f’seduta plenarja, qieset li t-Trattat MES kien kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari, fost oħrajn, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, milli jafdaw lill-istituzzjonijiet b’din il-missjoni bħall-koordinazzjoni ta’ azzjoni konġunta li huma jieħdu barra mill-qafas tal-Unjoni, sakemm dawn il-kompiti ma jiżnaturawx l-attribuzzjonijiet li t-Trattati UE u FUE jagħtu lil dawn l-istituzzjonijiet ( 30 ).

57.

Imbagħad jirriżultaw li huma fundamentali s-sentenzi fil-kawżi Ledra ( 31 ) u Mallis ( 32 ), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita fl-istess kuntest fattwali dwar il-kriżi finanzjarja u bankarja Ċiprijotta ta’ dak tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali li wasslu għas-sentenzi appellati.

58.

B’mod iktar partikolari, fis-sentenza Ledra, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiċċara kif il-fatt li l-kompiti fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES ma jimplikawx setgħa deċiżjonali proprja u jorbtu biss lill-MES innifsu ma jeżonerax lil dawn l-istituzzjonijiet mill-possibbiltà li jiġu mħarrka quddiem il-qrati tal-Unjoni sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati mill-aġir illegali li huma wettqu, fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, meta taġixxi fil-qasam intergovernattiv fil-kuntest tat-Trattat MES, il-Kummissjoni żżomm ir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) TUE ( 33 ).

59.

Fis-sentenza Mallis, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kienu kkontestaw permezz ta’ rikors għal annullament preċiżament id-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal-25 ta’ Marzu 2013, li fuqha huma bbażati, fost oħrajn, l-azzjonijiet għall-kumpens tad-dannu tar-rikorrenti fil-kawżi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali li wasslu għas-sentenzi appellati. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dikjarazzjoni ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni komuni tal-Kummissjoni u tal-BĊE u li l-fatt li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet tal-Unjoni jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro ma jbiddilx in-natura tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar u ma jistax iwassal sabiex jitqies li dawn jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ setgħa deċiżjonali ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 34 ).

60.

Fir-rigward b’mod speċifiku tal-Grupp tal-Euro, fis-sentenza Mallis, punt 61, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “ma għandux jiġi osservat biss li l-kwalifika “informalment” tintuża fil-formulazzjoni tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro anness mat-Trattat FUE, iżda għandu jiġi osservat ukoll li l-Grupp tal-Euro ma jinsabx fost id-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea […]” ( 35 ), u li, għaldaqstant, “il-Grupp tal-Euro la jista’ jiġi assimilat ma’ formazzjoni tal-Kunsill u lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE”.

61.

Huwa fl-imsemmija arkitettura kostituzzjonali kumplessa tal-UEM, ikkompletata mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Grupp tal-Euro għandu jiġi nkwadrat.

3. Il-Grupp tal-Euro

a) L-istabbiliment tal-Grupp tal-Euro u r-raġunijiet għall-ħolqien tiegħu

62.

Il-Grupp tal-Euro ġie formalment stabbilit fil-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu tat-12 u tat-13 ta’ Diċembru 1997 ( 36 ). Fir-Riżoluzzjoni adottata f’din l-okkażjoni, wara li fakkar li “l-Kunsill ECOFIN jikkostitwixxi ċ-ċentru ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u huwa awtorizzat jaġixxi fl-oqsma rilevanti” u “li dan ir-rwol determinanti tal-Kunsill ECOFIN fiċ-ċentru tal-proċess ta’ koordinazzjoni u tal-proċess deċiżjonali fil-qasam ekonomiku jistabbilixxi l-unità u l-koeżjoni [tal-Unjoni]”, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li “[i]l-ministri tal-Istati li jaderixxu fiż-żona tal-euro jistgħu jiltaqgħu b’mod informali sabiex jiddiskutu kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet speċifiċi li huma jikkondividu fil-qasam tal-munita unika” u li “[l]-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, il-Bank Ċentrali Ewropew, huma mistednin jipparteċipaw fil-laqgħat”.

63.

Ir-raġuni għall-formazzjoni tal-Grupp tal-Euro tinsab f’rekwiżit doppju li jirriżulta mill-introduzzjoni tal-Euro għal dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li jużaw il-munita unika. Minn naħa, il-ħtieġa ta’ effikaċja ikbar tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika ta’ dawn l-Istati, fuq kollox, iżda mhux biss, minn perspettiva makroekonomika; min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ rabta bejn il-politika monetarja u l-politika ekonomika.

64.

Madankollu, peress li l-Kunsill ma jistax, bħala istituzzjoni tal-Unjoni kkostitwita minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, jissodisfa b’mod effikaċi dawn ir-rekwiżiti ta’ koordinazzjoni msaħħa u ta’ konnessjoni — rekwiżiti li huma neċessarji biss għal ċerti Stati Membri tal-Unjoni — u ma humiex intiżi li jaffettwaw il-qafas istituzzjonali indikat mit-Trattati, u lanqas ma jnaqqsu r-rwol tal-Kunsill innifsu bħala istituzzjoni, intgħażel l-approċċ li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ forum esklużiv, ta’ natura intergovernattiva, għall-Istati Membri taż-żona tal-Euro, li jippermettilhom li, fil-livell tal-Ministri tal-Finanzi tagħhom, jiskambjaw opinjonijiet fuq kwistjonijiet relatati mal-interessi tagħhom, li llum saru marbutin mill-qrib minħabba l-introduzzjoni tal-munita unika. Sa mill-bidu, il-kostituzzjoni tal-Grupp tal-Euro kienet tirrifletti għalhekk ir-rieda tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li jindirizzaw bejniethom il-kwistjonijiet speċifiċi għalihom (u għalhekk li ma jirrigwardawx lill-Istati Membri l-oħra) u, għal dan il-għan, li jiltaqgħu, b’mod informali u barra mill-Kunsill, sabiex jikkoordinaw u jarmonizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom, mingħajr madankollu ma jheddu la l-integrità tal-Kunsill bħala l-qalba tal-proċess deċiżjonali fil-livell tal-Unjoni fil-qasam ekonomiku, u lanqas l-indipendenza tal-BĊE.

65.

Madankollu, peress li kkonċepit bħala strument intergovernattiv ta’ koordinazzjoni bejn livell strettament nazzjonali u dak komunitarju, il-Grupp tal-Euro madankollu, kiseb mill-ewwel importanza politika sostanzjali billi sar il-parametru referenzjarju primarju tal-koordinazzjoni ekonomika taż-żona tal-Euro.

66.

Il-Grupp tal-Euro ltaqa’ għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Ġunju 1998. Matul l-ewwel snin tal-eżistenza tiegħu, huwa aġixxa f’tip ta’ żona ġuridika griża, minkejja li x-xogħlijiet imwettqa b’mod informali fi ħdanu kienu progressivament is-suġġett ta’ ċerti miżuri organizzattivi intiżi sabiex jistrutturaw l-attivitajiet tagħhom u sabiex jagħtu lil-laqgħa konnotazzjoni iktar rigoruża sabiex jittejjeb il-funzjonament tagħha. F’dan ir-rigward, tista’ tissemma, pereżempju, il-possibbiltà li jitqassmu dikjarazzjonijiet jew avviżi, jekk ikun il-każ ( 37 ), jew id-deċiżjoni, fl-2004, li jkun hemm president permanenti maħtur għal perijodu ta’ sentejn ( 38 ).

b) Il-Grupp tal-Euro wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona: kompożizzjoni u funzjonament

67.

Kien biss bit-Trattat ta’ Lisbona li l-Grupp tal-Euro ġie rrikonoxxut fil-livell tad-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod iktar speċifiku fl-Artikolu 137 TFUE u fil-Protokoll Nru 14.

68.

L-Artikolu 137 TFUE jillimita ruħu biex jirreferi għall-Protokoll Nru 14 fir-rigward tal-modalitajiet tal-laqgħat bejn il-Ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

69.

Min-naħa l-oħra, il-Protokoll Nru 14 għandu kontenut iktar sostanzjali. Qabelxejn, fil-preambolu tiegħu, huwa jfakkar l-għan li jiġu ffavoriti l-kundizzjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku ikbar fl-Unjoni u l-bżonn konness li tiġi żviluppata koordinazzjoni dejjem iktar stretta tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro u, konsegwentement, li jkunu previsti dispożizzjonijiet partikolari għal djalogu msaħħaħ bejn l-Istati Membri taż-żona tal-Euro sakemm l-euro ssir il-munita tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Sussegwentement, fl-Artikolu 1 tiegħu, huwa jsemmi l-kompożizzjoni tal-Grupp tal-Euro, filwaqt li jindika n-natura informali tiegħu, u l-għan tal-laqgħat kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-BĊE; fl-Artikolu 2 tiegħu, huwa jsemmi l-elezzjoni tal-President tal-Grupp tal-Euro.

70.

Madankollu, il-Grupp tal-Euro ma huwiex maħtur biss fil-livell tad-dritt primarju tal-Unjoni, iżda wkoll f’atti oħra, kemm tad-dritt sekondarju tal-Unjoni kif ukoll barra mill-qafas ġuridiku tal-Unjoni.

71.

Għalhekk, fil-livell tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, il-Grupp tal-Euro jissemma fir-Regolament Nru 473/2013 ( 39 ) u fir-regolament dwar il-mekkaniżmu superviżorju uniku ( 40 ). Fil-livell tal-atti adottati fil-qafas intergovernattiv, il-Grupp tal-Euro jew il-President tiegħu jissemmew kemm fil-Fiscal compact ( 41 ) kif ukoll fit-Trattat MES ( 42 ).

72.

Fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu, kif indikat fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14, il-Grupp tal-Euro huwa kompost mill-Ministri ( 43 ) tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ( 44 ).

73.

Skont it-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro. Wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Nru 14, il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni saret għaldaqstant obbligatorja, kuntrarjament għal dak li kien il-każ preċedentement, peress li l-Kummissjoni kienet tipparteċipa fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro biss fuq stedina, anki jekk, fil-prattika, din kienet parteċipazzjoni sistematika ( 45 ).

74.

Skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14, il-BĊE għandu, min-naħa l-oħra, ikun “mistieden” sabiex jieħu sehem f’dawn il-laqgħat. Għalhekk, fir-rigward ta’ din l-istituzzjoni, l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona ma biddlitx il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni — marbuta mar-rekwiżiti ta’ indipendenza ta’ din l-istituzzjoni ( 46 ) — iżda għamlet biss obbligatorja l-istedina għal-laqgħat ( 47 ).

75.

Fil-prattika, id-Direttur Eżekuttiv tal-MES jiġi mistieden ukoll, jekk ikun il-każ, jipparteċipa fil-laqgħat u għad-diskussjonijiet dwar il-programmi ekonomiċi li huwa involut fihom il-FMI ( 48 ).

76.

L-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 14 jindika li l-Ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jeleġġu, b’maġġoranza ta’ dawn l-Istati Membri, president tal-Grupp tal-Euro, għal perijodu ta’ sentejn u nofs ( 49 ), li jikkostitwixxi, b’xi mod, il-wiċċ estern tal-Grupp tal-Euro ( 50 ).

77.

Il-Grupp tal-Euro normalment jiltaqa’ darba fix-xahar lejliet is-sessjoni tal-Kunsill-ECOFIN, iżda jistgħu jsiru laqgħat addizzjonali jekk ikun neċessarju. Kif ġie spjegat waqt is-seduta, il-Grupp tal-Euro ma għandu ebda segretarjat tiegħu, iżda għandu sostenn organizzattiv li jinbidel billi jistrieħ, għall-bżonnijiet loġistiċi relatati mal-funzjonament tiegħu, fuq is-Segretarjat tal-Kunsill jew, jekk ikun il-każ, fuq dak tal-Kummissjoni. Il-preparazzjoni tal-ħidma tal-Grupp tal-Euro ssir fil-“grupp ta’ ħidma ‘Grupp tal-Euro’” (Eurogroup Working Group), korp preparatorju kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tal-Kummissjoni u tal-BĊE.

78.

Fir-rigward tal-għan tal-laqgħat, kif tenfasizza t-tieni sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14, il-Ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jiltaqgħu “sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika” sabiex jintlaħaq l-għan, imsemmi fil-preambolu tal-istess protokoll, li “jiżviluppaw il-koordinazzjoni dejjem iktar mill-qrib tal-politika ekonomika fiżż-ona ta’ l-euro” fil-kuntest ta’ “djalogu msaħħaħ bejn [dawn] l-Istati Membri”.

79.

Kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-Grupp tal-Euro jista’ jiddiskuti kemm kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-qafas tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll kwistjonijiet li jqumu barra minn dan il-qafas.

80.

B’hekk jaqgħu, pereżempju, manifestament taħt id-dritt tal-Unjoni, id-diskussjonijiet fi ħdan il-Grupp tal-Euro dwar l-abbozzi ta’ dokumenti baġitarji programmatiċi trażmessi mill-Istati Membri jew l-eżami tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar dawn l-abbozzi u l-eżami tas-sitwazzjoni u tal-perspettivi baġitarji għaż-żona tal-euro kollha bbażat fuq l-evalwazzjoni globali mwettqa mill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 6 (1) u 7(5) tar-Regolament Nru 473/2013. L-istess japplika għad-diskussjonijiet dwar ir-rapport fuq l-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lill-BĊE fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, skont l-Artikolu 20(2), (3), (4) u (6) tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku ( 51 ).

81.

Min-naħa l-oħra, jaqgħu f’kuntest ġuridiku intergovernattiv u għalhekk estranju għad-dritt tal-Unjoni, pereżempju, l-attivitajiet imwettqa mill-Grupp tal-Euro fir-rigward tas-Samit tal-euro (Eurosummit), kif previsti mill-fiscal compact ( 52 ).

82.

Fi kwalunkwe każ, jeżisti grad għoli ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-għan tal-laqgħat, peress li l-Grupp tal-Euro huwa liberu li jiddiskuti fuq kwalunkwe suġġett li, peress li għandu impatt fuq is-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona tal-Euro, jeħtieġ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri ta’ din iż-żona.

83.

Ir-riżultati tal-laqgħa jiġu ppreżentati lill-pubbliku mill-President tal-Grupp tal-Euro f’konferenza stampa. Il-Grupp tal-Euro jista’ wkoll jagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi bil-miktub. Id-dikjarazzjonijiet, orali jew bil-miktub, jesprimu r-riżultat tal-ftehim politiku informali dwar il-kwistjonijiet diskussi fi ħdan il-Grupp tal-Euro.

c) In-natura informali tal-Grupp tal-Euro

84.

L-attribut fundamentali tal-Grupp tal-Euro huwa n-natura informali tiegħu, rekwiżit diġà indikat fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-1997 u riprodott kelma b’kelma fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14.

85.

Il-kwalifika espressa tal-laqgħat tal-Grupp tal-Euro bħala li seħħew “b’mod informali” tikkorrispondi għar-rieda li l-laqgħa tiġi kkaratterizzata bħala forum ta’ diskussjoni politika, b’parteċipazzjoni limitata ( 53 ), kunfidenzjali u flessibbli sabiex jinħolqu kundizzjonijiet partikolari li, billi jiffaċilitaw id-diskussjonijiet bejn il-Ministri, jikkontribwixxu b’mod deċiżiv sabiex jitwaqqfu d-differenzi u sabiex jiġu riżolti kunflitti potenzjali u għalhekk jiffavorixxu t-twettiq ta’ ftehim politiku.

86.

Ir-raġuni għall-introduzzjoni tal-kundizzjoni tal-informalità tinsab fir-rekwiżit doppju, marbut mal-għan tal-ħolqien u tal-eżistenza stess tal-Grupp tal-Euro, kif indikat fil-punti 63 sa 65 iktar ’il fuq. Minn naħa, din il-kundizzjoni tissodisfa rekwiżiti marbuta mar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri taż-żona tal-Euro u Stati Membri oħra u mar-rieda li ma titnaqqasx is-setgħa tal-Kunsill ECOFIN, li huwa l-fulkru tas-setgħa deċiżjonali fil-livell tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni ekonomika. Huwa għalhekk li l-Grupp tal-Euro, bħala organu informali, ġie kkonċepit bħala nieqes minn setgħa deċiżjonali preċiżament, kif wara kollox ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mallis ( 54 ). Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni tal-informalità tissodisfa x-xewqa li tiġi ggarantita l-indipendenza tal-BĊE mis-setgħa politika, b’mod partikolari tal-Istati Membri. B’hekk l-informalità saret prerekwiżit għad-djalogu bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-politika monetarja u l-awtoritajiet kompetenti għall-politika ekonomika fl-UEM.

87.

Barra minn hekk, kwistjonijiet bħall-istrateġiji fiskali jew baġitarji jew il-prospetti ta’ tkabbir ekonomiku mhux dejjem jirrikjedu deċiżjonijiet immedjati, iżda jimplikaw pjuttost djalogu regolari u skambju kontinwu ta’ opinjonijiet li jippermettu lil kull Ministru japprofondixxi, bil-kunfidenzjalità kollha, l-analiżi tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru tiegħu, b’mod partikolari fil-kuntest Ewropew, u, konsegwentement, l-għażliet possibbli li jiffaċċja.

88.

Il-Grupp tal-Euro jeżerċita, fi kwalunkwe każ, influwenza konsiderevoli fuq il-livelli kollha ta’ governanza tal-UEM, kif wara kollox intwera reċentement ( 55 ): fil-livell tal-Unjoni, peress li d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ECOFIN jistgħu jiġu ddeterminati permezz ta’ pożizzjoni kkoordinata tal-Istati Membri taż-żona tal-Euro fi ħdan il-Kunsill stess; f’dan il-livell, il-Grupp tal-Euro għandu wkoll rwol politiku importanti ħafna fl-oqsma msemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq; fuq livell nazzjonali, permezz tal-possibbiltà li jiġu kkoordinati miżuri jew interventi meħuda fuq livell nazzjonali mid-diversi Stati Membri; u fil-livell intergovernattiv, pereżempju, meta l-Ministri li jipparteċipaw fil-Grupp tal-Euro jkunu wkoll il-membri tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES ( 56 ).

89.

Dik tal-Grupp tal-Euro madankollu tibqa’ influwenza purament politika. Fil-fatt, bħala organu ta’ natura informali, il-Grupp tal-Euro mhux biss ma għandux kompetenzi proprji, iżda ma għandu l-ebda setgħa li jissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza mill-parteċipanti tiegħu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-għanijiet politiċi miftiehma. Il-Ministri li jipparteċipaw fil-laqgħat huma dejjem legalment liberi li jwarrbu, fil-korpi deċiżjonali tal-Unjoni, nazzjonali jew intergovernattivi, ftehimiet politiċi milħuqa fi ħdan il-Grupp tal-Euro. Il-kapaċità tal-Grupp tal-Euro li jinfluwenza l-governanza ekonomika tiddependi fuq il-kapaċità tiegħu li jiġġenera l-osservanza volontarja tal-pożizzjonijiet komuni. Fi kliem ieħor, ir-riżultat tad-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp tal-euro għandu verament ikun kunsenswali ( 57 ).

90.

Barra minn hekk, l-assenza ta’ kompetenzi proprji timplika li l-ftehimiet politiċi milħuqa fi ħdan il-Grupp tal-Euro neċessarjament jiġu implimentati permezz ta’ atti adottati f’sede oħra, kemm jekk ikunu atti tal-Unjoni, tal-Istati Membri jew korpi intergovernattivi esterni għall-qafas ġuridiku tal-Unjoni, bħall-MES.

4. Fuq in-natura ġuridika tal-Grupp tal-Euro

91.

Fil-qafas kostituzzjonali kumpless deskritt iktar ’il fuq u fid-dawl tal-karatterizzazzjoni tal-Grupp tal-Euro mwettqa fit-taqsima preċedenti, x’inhi n-natura ġuridika tiegħu?

92.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha ssir analiżi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati moqrija fid-dawl tar-rwol li għandu l-Grupp tal-Euro fl-arkitettura kostituzzjonali partikolari tal-UEM. F’dan ir-rigward, peress li ma hemmx dubju li l-Grupp tal-Euro ġie kkostitwit bħala organu intergovernattiv estern għall-qafas istituzzjonali u ġuridiku tal-Unjoni ( 58 ), l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju tal-Unjoni jkollha l-għan li tivverifika jekk it-Trattat ta’ Lisbona għamilx biss rikonoxximent ta’ dan l-organu jew jekk kellux l-intenzjoni li jemenda n-natura ġuridika tiegħu, b’mod li, peress li issa ddaħħal fl-imsemmi qafas istituzzjonali u legali tal-Unjoni, il-Grupp tal-Euro jista’ jitqies bħala istituzzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

93.

F’din il-perspettiva, minn perspettiva litterali, għandu jiġi rrilevat li kemm l-Artikolu 137 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 14, minn naħa, żammew l-isem tal-korp bħala “grupp” — mingħajr għalhekk ma kklassifikawh bħala “kunsill” jew “kumitat” — u, fuq kollox, min-naħa l-oħra, jirreferu espliċitament għal laqgħat tal-“Ministri ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” u “informalment” ( 59 ). Din il-formulazzjoni tirriproduċi kważi litteralment dik użata fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-1997 ( 60 ).

94.

Minbarra l-klassifikazzjoni tal-laqgħat bħala “informali”, li hija marbuta mal-funzjoni speċifika tal-Grupp tal-Euro li dwarha ser nerġa’ nittratta fil-qosor ( 61 ), inqis li r-riferiment espliċitu għall-Ministri tal-Istati Membri jindika li, meta jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, il-parteċipanti jaġixxu fil-kwalità nazzjonali tagħhom bħala ministri.

95.

Din l-interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, imsaħħa mis-sentenza sussegwenti tal-istess dispożizzjoni li tindika li l-laqgħat jirrigwardaw id-diskussjoni ta’ “kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika”. L-użu ta’ din it-terminoloġija ċara li r-responsabbiltajiet li huma s-suġġett tal-laqgħat jibqgħu fi ħdan il-Ministri individwalment, minħabba l-kompetenzi tagħhom fuq livell nazzjonali u ma jiġux ittrasferiti lil-laqgħa li fiha huma jiltaqgħu, anki jekk dawn ir-responsabbiltajiet, li kull wieħed mill-parteċipanti għandu fuq livell nazzjonali, jikkoinċidu bejniethom minħabba l-ħolqien tal-munita unika.

96.

L-interpretazzjoni litterali, li ċertament ma hijiex deċiżiva bħala tali f’każ bħal dan, tidher madankollu li tirrileva l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona li jirrikonoxxu l-eżistenza tal-Grupp tal-Euro bħala forum ta’ diskussjoni fil-livell intergovernattiv, iktar milli jikkostitwixxuh bħala organu tal-Unjoni separat.

97.

Din l-interpretazzjoni tidher li hija kkonfermata, minn perspettiva sistematika ( 62 ), minn paragun bejn it-terminoloġija użata fl-Artikolu 137 TFUE u fil-Protokoll Nru 14 u dik użata f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati. Fil-fatt, it-terminoloġija użata meta mqabbla mal-Grupp tal-Euro hija differenti b’mod evidenti, l-ewwel nett, minn dik użata għall-kompożizzjoni tal-Kunsill fl-Artikolu 16(2) TUE, li jipprovdi li “l-Kunsill għandu jkun kompost minn rappreżentant ta’ kull Stat Membru fil-livell ministerjali” ( 63 ). Id-dispożizzjoni li tikkonċerna lill-Kunsill għalhekk ma tirreferix għall-Ministri li jaġixxu fil-kwalità nazzjonali tagħhom, iżda għall-Kunsill bħala istituzzjoni tal-Unjoni komposta minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru ġewwa din l-Istituzzjoni tal-Unjoni.

98.

It-tieni nett, il-kliem użat fl-Artikolu 137 TFUE u fil-Protokoll Nru 14 huwa differenti wkoll, b’mod evidenti, minn dak użat fl-Artikoli 136(2) u 138(3) TFUE, li jikkonċernaw id-deliberazzjonijiet dwar miżuri li jikkonċernaw esklużivament lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ( 64 ). Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu, fil-fatt, li “għandhom jieħdu sehem fil-vot biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” ( 65 ). Fl-istess termini, huwa espress, barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 472/2013 u fl-istess sens l-Artikolu 139(4) TFUE moqri flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess artikolu.

99.

L-użu ta’ terminoloġiji hekk differenti fil-fehma tiegħi jikkonferma li, meta l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona riedu jirreferu għar-rappreżentanti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bħala aġenti fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, huma użaw termini differenti minn dawk użati fir-rigward tal-Grupp tal-Euro.

100.

Barra minn hekk, minn perspettiva storika, mill-qari tal-atti tal-Konvenzjoni dwar il-futur tal-Ewropa li minnhom joriġinaw id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma tirriżultax ir-rieda li l-Grupp tal-Euro jiġi integrat fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, iżda, għall-kuntrarju, jinsabu indizji f’sens kuntrarju ( 66 ).

101.

Minn perspettiva teleoloġiku, jirriżulta mill-analiżi tal-oriġini u tal-funzjoni tal-Grupp tal-Euro, fl-arkitettura kostituzzjonali tal-UEM indikati iktar ’il fuq, li r-riferiment għall-Grupp tal-Euro fl-Artikolu 137 TFUE u fil-Protokoll Nru 14 huwa intiż li jwettaq rikonoxximent formali ta’ entità preeżistenti u esterna għall-qafas istituzzjonali tal-Unjoni. Permezz ta’ dan ir-rikonoxximent ġew ukoll awtorizzati, formalment permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jipparteċipaw f’din il-laqgħa, b’mod speċifiku l-Kummissjoni, li l-parteċipazzjoni tagħha saret obbligatorja, u l-BĊE, li l-istedina tiegħu saret obbligatorja. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ ħolqien ta’ korp deċiżjonali awtonomu għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, dan ir-rikonoxximent ippermetta li ma jnaqqasx ir-rwol fundamentali tal-Kunsill fil-qasam tal-koordinazzjoni ekonomika filwaqt li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tal-Istati Membri l-oħra.

102.

Fil-fatt, in-natura esterna tal-qafas ġuridiku tal-Unjoni tippermetti lill-Grupp tal-Euro jżomm l-informalità, li tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali tal-funzjoni tiegħu. Fil-fatt, din tippermetti lill-Grupp tal-Euro jopera bħala forum ta’ diskussjoni politika, li fih tista’ titwettaq il-kompożizzjoni ta’ interessi kumplessi u għaldaqstant il-ħolqien ta’ kompromessi bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

103.

Kif diġà ġie enfasizzat, il-Grupp tal-Euro jopera bħala strument ta’ koordinazzjoni, bħala “pont” bejn id-diversi livelli li fihom jitwettaq il-governance tal-UEM, jiġifieri dak nazzjonali, dak tal-Unjoni, li għalih il-kooridinazzjoni titwettaq konkretament permezz tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tagħha tal-Kummissjoni u tal-BĊE, u dak intergovernattiv estern fil-kuntest ġuridiku tal-Unjoni.

104.

B’mod partikolari, il-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Kummissjoni, li żżomm ir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, kif tirriżulta mill-Artikolu 17(1) TUE ( 67 ), hija intiża, fost l-oħrajn, li tiżgura li l-attivitajiet ta’ dan il-forum ta’ diskussjoni jseħħu b’mod kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li miegħu huma marbuta. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tkun newtrali u hija f’pożizzjoni li tipproduċi stampa aħjar tal-problemi kollha inerenti fiż-żona tal-euro u djalogu iktar ibbilanċjat bejn id-diversi atturi involuti ( 68 ). Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-BĊE, din tissodisfa r-rekwiżit, li ssemma diġà, li tiġi żgurata rabta bejn politika ekonomika u politika monetarja fi ħdan l-UEM ( 69 ), b’osservanza tal-indipendenza tal-BĊE.

105.

Il-konstatazzjoni tan-natura esterna tal-Grupp tal-Euro għall-qafas istituzzjonali tal-Unjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, ikkontestata mill-fatt li dan l-organu jissemma minn dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jiddefinixxux attribuzzjoni ta’ setgħat speċifiċi lill-Grupp tal-Euro, iżda jippermettulu jirċievi informazzjoni u jmexxi diskussjonijiet informati dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika ekonomika fiż-żona tal-euro jew ta’ importanza fir-rigward tal-munita unika. Ċertament dawn id-dispożizzjonijiet idaħħlu lill-Grupp tal-Euro f’mekkaniżmi ta’ superviżjoni (oversight) u responsabbiltajiet (accountability) previsti mid-dritt tal-Unjoni, iżda, b’koerenza mal-approċċ semi-intergovernattiv imsemmi fil-punti 51 sa 53 iktar ’il fuq, dawn jissodisfaw ir-rekwiżit li l-kompetenzi tal-Unjoni jintrabtu mal-politiki ekonomiċi li jibqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri.

106.

Bħala konklużjoni, fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Grupp tal-Euro għandu jitqies li huwa organu espressjoni ta’ forma partikolari ta’ intergovernaliżmu preżenti fl-arkitettura kostituzzjonali tal-UEM ( 70 ). Imwieled bħala organu purament intergovernattiv, fil-kuntest kollu tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri fil-kuntest tal-UEM, dan l-organu jiżgura funzjoni ta’ konnessjoni bejn l-isfera statali u dik tal-Unjoni. It-Trattat ta’ Lisbona rrikonoxxa l-eżistenza ta’ dan l-organu estern fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni u fformalizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-BĊE fix-xogħol tiegħu, iżda ma kellux l-intenzjoni li jbiddel in-natura ġuridika tiegħu, li hija marbuta mill-qrib mar-rwol tiegħu ta’ “pont” bejn l-Istati Membri u l-Unjoni.

107.

Minn dan kollu jsegwi li peress li l-Grupp tal-Euro huwa organu estern għall-qafas istituzzjonali u ġuridiku tal-Unjoni, il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawżi għad-danni ppreżentati kontra dan l-organu, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal eventwali danni kkawżati minn atti allegatament dannużi mwettqa mill-Grupp tal-Euro. Minn dan isegwi li, peress li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet din il-ġurisdizzjoni fis-sentenzi appellati, l-imsemmija sentenzi huma vvizzjati bi żball ta’ liġi u għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jirrikonoxxu l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward ta’ kawżi għad-danni ppreżentati kontra l-Grupp tal-Euro.

108.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju tal-Istat tad-dritt (jew tal-Unjoni tad-dritt, fil-lingwa użata mill-Qorti Ġenerali) fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ser niddiskuti din il-kwistjoni fis-sezzjoni segwenti.

5. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

109.

Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali qieset li n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-Grupp tal-Euro bħala entità tal-Unjoni jmur kontra l-prinċipju tal-“Unjoni tad-dritt”, sa fejn dan jippermetti l-kostituzzjoni fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ta’ organi li l-atti u l-aġir tagħhom ma jistgħux jinvolvu r-responsabbiltà ta’ din l-Unjoni ( 71 ).

110.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u li jinsab affermat fil-preżent fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 72 ).

111.

Il-konklużjoni dwar in-natura ġuridika tal-Grupp tal-Euro li teskludi li huwa jiġi kklassifikat bħala istituzzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ma tippreġudikax l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ma tmurx kontra l-idea tal-“Unjoni tad-dritt”. Fil-fatt, l-individwi għandhom iggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja billi jistgħu jaġixxu permezz ta’ azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-istituzzjonijiet li jadottaw l-atti u l-aġir li jagħmlu tagħhom u jiżviluppaw il-konklużjonijiet tal-Grupp tal-Euro.

112.

Kif ġie enfasizzat fil-punt 90 iktar ’il fuq, il-ftehimiet politiċi milħuqa fi ħdan il-Grupp tal-Euro, fl-assenza tal-kompetenzi formali tiegħu, jikkonkretizzaw ruħhom u jiġu implimentati permezz ta’ atti u attivitajiet ta’ organi oħra, kemm jekk ikunu tal-Unjoni jew kif ukoll jekk ikunu esterni għall-qafas ġuridiku tagħha. L-attività tal-Grupp tal-Euro tiġi għalhekk qabel l-adozzjoni ta’ aġir relatat ma’ diversi organi. Il-Grupp tal-Euro jintervjeni fi stadju, importanti, wkoll, ta’ “decision making process” iktar vast.

113.

Il-fatt li l-Grupp tal-Euro ma huwiex ikklassifikat bħala “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ma jeskludix ir-responsabbiltà tal-Unjoni, meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 38, għall-azzjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu implimentaw id-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-Euro. L-individwi jistgħu jaġixxu għal kumpens għad-dannu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, kontra l-istanzi tal-Unjoni, ġeneralment il-Kunsill, li jimplimentaw il-ftehimiet konklużi fi ħdan il-Grupp tal-Euro.

114.

Għalhekk, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-każ ineżami, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza setgħu, qabelxejn, jaġixxu kontra l-Kunsill, sabiex jitolbu l-kumpens minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/236 (tal-inqas fir-rigward ta’ ċerti miżuri li huma previsti fiha), kif ukoll fir-rigward tal-Kummissjoni u tal-BĊE għall-eżami tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni ( 73 ).

115.

Barra minn hekk, skont il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Ledra, ir-rikorrenti setgħu jipproċedu ġudizzjarjament kontra l-Kummissjoni u l-BĊE sabiex jiksbu kumpens għad-dannu eventwalment subit minħabba allegati illegalitajiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet matul in-negozjati u l-iffirmar tal-memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 ( 74 ).

116.

Għalhekk, ġiet iggarantita l-possibbiltà għar-rikorrenti li jaġixxu ġudizzjarjament għall-kumpens għad-danni allegatament imġarrba minnhom minħabba l-eżekuzzjoni ta’ dak li huma jiddefinixxu “il-pjan ta’ azzjoni stabbilit” fid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal-25 ta’ Marzu 2013 ( 75 ).

117.

Meta mqabbla ma’ din il-possibbiltà ta’ protezzjoni, ftit li xejn tista’ żżid il-kawża għal kumpens imressqa kontra l-Grupp tal-Euro. Kieku tkun ammissibbli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, din tkun intiża, fi kwalunkwe każ, sabiex timputa lill-Unjoni l-aġir eventwali dannuż li allegatament ikkawża dan l-organu. Fil-fatt, ċertament, il-Grupp tal-Euro ma għandux personalità ġuridika ( 76 ), filwaqt li l-Unjoni hija l-unika entità, flimkien mal-BĊE ( 77 ), li għandha personalità ġuridika għaliha. Konsegwentement, l-eventwali danni kkawżati mill-aġir tal-Grupp tal-Euro jkunu imputati lill-Unjoni. Ir-riżultat ma jinbidilx jekk l-Unjoni tista’, kif enfasizzajt, tintalab tirrispondi għall-aġir tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jimplimentaw id-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-Euro.

118.

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro.

119.

F’dan ir-rigward, nirrileva qabelxejn li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur ta’ drittijiet tal-individwi, li għandu jirriżulta minn ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi ( 78 ), jistax jiġi imputat jew le lil istituzzjoni tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa essenzjali li jiġi identifikat b’mod preċiż l-aġir imputabbli lil din l-istituzzjoni li kkontribwixxa b’mod essenzjali għat-twettiq tal-ksur. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat fil-katina tal-avvenimenti jekk, fil-każ li l-istituzzjoni inkwistjoni kellha tiddeċiedi li taġixxi b’mod differenti, dan kienx jevita li l-ksur inkwistjoni jimmaterjalizza ruħu.

120.

Fir-rigward b’mod speċifiku tad-dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispjega li dan it-tip ta’ dikjarazzjonijiet, li jirriflettu r-riżultati tad-diskussjonijiet li seħħew fi ħdanu u l-ftehimiet politiċi li ntlaħqu, ma jikkostitwixxux l-espressjoni ta’ setgħa deċiżjonali tal-Kummissjoni ( 79 ) u għalhekk, bħala tali, ma jistgħux jiġu imputati lil din l-istituzzjoni.

121.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li mill-Artikolu 17(1) TUE jirriżulta li l-Kummissjoni, “tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni” u “tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” ( 80 ) u kif hija żżomm ir-rwol ta’ gwardjan tat-Trattati, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, inkluż meta taġixxi barra mill-qafas ġuridiku tal-Unjoni ( 81 ).

122.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-laqgħat tal-Grupp tal-Euro huma intiżi li jippermettu koordinazzjoni dejjem iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro. Permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-laqgħat, li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, saret obbligatorja, il-Kummissjoni tagħti kontribuzzjoni sostanzjali għad-diskussjonijiet li jsiru fi ħdan il-Grupp tal-Euro u għall-attivitajiet tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat fi ħdan dan l-organu, il-Kummissjoni tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni ( 82 ).

123.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-Kummissjoni tipparteċipa fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, hija ma tistax tikkontribwixxi, bl-aġir tagħha, għal ksur tar-regoli tal-Unjoni ( 83 ).

124.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li anki meta huma jaġixxu barra mill-kuntest tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom madankollu josservaw bir-reqqa d-dritt tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tibqa’ applikabbli għalihom ( 84 ).

125.

Il-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Kummissjoni fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, li fil-kuntest tagħhom hija żżomm ir-rwol imsemmi iktar’ il fuq ta’ gwardjan tat-Trattati, kif tirriżulta mill-Artikolu 17(1) TUE, u l-funzjonijiet li hija teżerċita jippermettulha tistħarreġ il-kompatibbiltà tal-iżvolġiment tal-attivitajiet tal-Grupp tal-Euro mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-Karta ( 85 ).

126.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma huwiex eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-konsegwenzi dannużi li jirriżultaw minn eventwali nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni biex tistħarreġ il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-Euro jistgħu jitqiesu bħala imputabbli lill-Kummissjoni ( 86 ). Dan iżid livell addizzjonali ta’ effettività għall-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita lill-individwi.

6. Kunsiderazzjonijiet konklużivi

127.

Mill-analiżi mwettqa jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward ta’ kawżi għad-danni ppreżentati, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, kontra l-Grupp tal-Euro. Konsegwentement, is-sentenzi appellati għandhom jiġu annullati fil-parti fejn jirrikonoxxu tali kompetenza ġudizzjarja lill-Qorti Ġenerali.

128.

F’dan il-każ, jiena tal-fehma li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv fuq dan l-aspett tal-kawża. Fil-fatt, mill-konklużjonijiet esposti fil-punti 106 u 107 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fl-ewwel istanza fir-rigward tal-Grupp tal-Euro għandhom jintlaqgħu.

129.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ispejjeż, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkondividi l-evalwazzjonijiet tiegħi, allura r-rikorrenti fl-ewwel istanza ser ikunu telliefa fil-Kawżi C‑597/18 P u C‑598/18 P u għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż ta’ dawn iż-żewġ kawżi, filwaqt li r-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż tagħha ( 87 ).

VI. Konklużjoni

130.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il-Kunsill et (T‑680/13, EU:T:2018:486), Bourdouvali et vs Il-Kunsill et (T‑786/14, EU:T:2018:487) huma annullati sa fejn jiċħdu l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Grupp tal-Euro.

2)

Ir-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza minn K. Chrysostomides & Co. et u Bourdouvali et huma inammissibbli sa fejn huma indirizzati kontra l-Grupp tal-Euro.

3)

K. Chrysostomides & Co. et u Bourdouvali et huma kkundannati għall-ispejjeż tal-appelli fil-Kawżi C‑597/18 P u C‑598/18 P.

4)

Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Il-lista tal-partijiet l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.

( 3 ) Il-lista tal-partijiet l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.

( 4 ) Il-Kunsill vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P) u Il-Kunsill vs Bourdouvali et (C‑598/18 P).

( 5 ) Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il-Kunsill et (T‑680/13, EU:T:2018:486) Bourdouvali et vs Il-Kunsill et (T‑786/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:487).

( 6 ) K. Chrysostomides & Co. et vs Il-Kunsill et (C‑603/18 P) u Bourdouvali et vs Il‑Kunsill et (C‑604/18 P).

( 7 ) Ara, fid-dettall, il-punti 75 sa 79 u 71 sa 75 tas-sentenzi appellati, rispettivament, fil-Kawżi T‑680/13 u T‑786/14.

( 8 ) ĠU 2013, L 141, p. 32.

( 9 ) Ara l-punti minn 50 sa 55 tas-sentenzi appellati.

( 10 ) Punti 106 (Kawża T‑680/13) u 102 (Kawża T‑786/14) tas-sentenzi appellati.

( 11 ) Punti 107 sa 110 (T‑680/13) u 103 sa 106 (Kawża T‑786/14) tas-sentenzi appellati u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 12 ) Punti 111 u 112 (Kawża T‑680/13) kif ukoll 107 u 108 (Kawża T‑786/14) tas-sentenzi appellati. Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

( 13 ) Punti 113 (Kawża T‑680/13) u 109 (Kawża T‑786/14) tas-sentenzi appellati.

( 14 ) Punti 114 (Kawża T‑680/13) u 110 (Kawża T‑786/14) tas-sentenzi appellati.

( 15 ) Il-Kunsill jirreferi għall-punti 56 sa 60 tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ledra”).

( 16 ) Il-Kunsill jagħmel riferimenti għar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1) speċifikament fl-Artikolu 7 tiegħu.

( 17 ) Sentenza Ledra, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs BEI (C‑370/89, EU:C:1992:482, punti minn 12 sa 16) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ April 2002, Lamberts vs L-Ombudsman (T‑209/00, EU:T:2002:94, punt 49), ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts (C‑234/02 P, EU:C:2004:174).

( 19 ) Il-previżjoni ta’ struttura asimetrika tal-UEM tinsab diġà fir-rapport ta’ Delors (Rapport fuq l-Unjoni Ekonomika u Monetarja fil-Komunità Ewropea), ippubblikat fit‑12 ta’ April 1989, li l-indikazzjonijiet tiegħu ġew essenzjalment riprodotti mill-Kunsill Ewropew ta’ Madrid tas‑26 u s‑27 ta’ Ġunju 1989, li kien jistabbilixxi l-bidu tal-implimentazzjoni fi tliet stadji tal-UEM (ara, fost l-oħrajn, il-punti 16, 17 u 19 ta’ dan ir-rapport).

( 20 ) Ara l-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE.

( 21 ) Ara l-Artikolu 5(1) TFUE.

( 22 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u l-Kapitolu 4 tat-Titolu VIII tat-tielet parti tat-TFEU.

( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Kapitolu 2 tat-Titolu VIII tat-tielet parti tat-TFUE, Taqsima 6, tat-Titolu I tas-sitt parti tat-TFUE kif ukoll il-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. F’dan ir-rigward, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:7, punti 107 et seq.).

( 24 ) Wieħed jirreferi għal żewġ serje ta’ miżuri: L-ewwel nett, il-miżuri meħuda fl-2011 fil-kuntest imsejjaħ “Six-Pack” (għal iktar dettalji u referenzi, ara d-dokument tal-Kummissjoni Ewropea Memo/11/898, tat-12 ta’ Diċembru 2011); it-tieni nett, ir-riforma, adottata fl-2013, imsejħa “Two-pack”, li kellha l-għan li ssaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro (Regolament Nru 472/2013, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 u Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar ir-regoli komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU 2013, L 140, p. 11). Dawn il-miżuri huma attwalment is-suġġett ta’ reviżjoni u ta’ dibattitu (ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Frar 2020, IP/20/170).

( 25 ) Ara, pereżempju, il-premessa 7 fil-preambolu tat-Trattat MES.

( 26 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES u l-Artikolu 2 tal-Fiscal compact li rrikonoxxew is-supremazija tad-dritt tal-UE. Fis-sens l-ieħor, ara pereżempju r-Regolament Nru 472/2013 li jiċċita diversi drabi t-Trattat MES.

( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 156157 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756; iktar ’il quddiem is-“sentenza Pringle”) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja telenka, permezz tar-riferimenti normattivi rispettivi, il-kompiti fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE mit-Trattat MES.

( 28 ) Ara l-Artikoli 3(2), 5(1) u (2), 6, 7, 8 u 12(1) u (4) tal-Fiscal compact.

( 29 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.

( 30 ) Ara, b’mod speċifiku, il-punti 55 sa 70 u minn 155 sa 169.

( 31 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq.

( 32 ) Ara l-punt 25 iktar ’il fuq.

( 33 ) Punti 53 sa 60 u, b’mod partikolari, punt 59.

( 34 ) Ara l-punti 57 u 60 tas-sentenza Mallis.

( 35 ) Kif elenkati fl-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, adottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2009, L 325, p. 35), li l-lista tagħha hija msemmija fl-Artikolu 16(6) TUE.

( 36 ) Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tat‑13 ta’ Diċembru 1997 dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fit-tielet stadju tal-UEM u l-Artikoli 109 u 109B tat-Trattat KE (ĠU 1998, C 35, p. 1; iktar ’il quddiem, ir-“Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-1997”, ara, b’mod partikolari, il-punt 6).

( 37 ) L-ewwel dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tqassmet fit‑8 ta’ Mejju 2000 (ara Agence Europe, 7712, 8 u 9 ta’ Mejju 2000, p. 9).

( 38 ) Matul l-ewwel snin, il-Grupp tal-Euro kien ippresjedut mill-presidenza rotanti tal-Kunsill ħlief meta l-presidenza kienet eżerċitata minn pajjiż li ma kienx jagħmel parti miż-żona tal-euro, f’liema każ daħal l-ewwel pajjiż taż-żona tal-euro biex jeżerċita l-presidenza tal-Kunsill.

( 39 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24. Ara, b’mod partikolari, il-premessi 16, 23, 34 u l-Artikoli 6(1), 7(3) u (5), 8(1) u, rigward il-President tal-Grupp tal-Euro, 15(1). Ir-Regolament Nru 472/2013 isemmi l-grupp ta’ xogħol “Grupp tal-Euro” u l-president tiegħu (ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 40 ) Ara l-Artikolu 20(2), (3) u (6) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

( 41 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 12(4), li jagħti lill-Grupp tal-Euro r-responsabbiltà li jipprepara u li jieħu passi fir-rigward tal-laqgħat tas-Samit tal-Euro (Euro Summit) u jindika li l-President tal-Grupp tal-Euro jista’ jiġi mistieden jipparteċipa fis-Samit tal-Euro għal dan il-għan.

( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 11, Artikolu 5(2), li jipprevedi l-possibbiltà għall-Bord tal-Gvernaturi li jiddeċiedi li jkun ippresedut mill-President tal-Grupp tal-Euro, u paragrafu (3) u (7)(b).

( 43 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif ser naraw fil-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kliem kemm tal-Artikolu 137 TFUE kif ukoll tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14 huwa differenti minn dak tal-Artikolu 16(2) TUE, dwar il-kompożizzjoni tal-Kunsill, li jipprevedi rappreżentazzjoni ta’ kull Stat Membru fil-“livell ministerjali”. Din id-differenza testwali timplika li, minħabba n-“natura esklużiva” tal-Grupp tal-Euro, b’differenza minn dak li huwa l-każ għall-Kunsill, huma biss il-Ministri veri u mhux is-sottosegretarji li jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tiegħu. Anki jekk dan ma huwiex speċifikat, ġeneralment jipparteċipaw, minħabba l-kompetenza li għandhom, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

( 44 ) Mis-sit tal-internet tal-Grupp tal-Euro (https://www.consilium.europa.eu/it/council-eu/eurogroup), jirriżulta li fil-prattika, madankollu, huwa possibbli li dan jiltaqa’ f’dak li jissejjaħ “format inklużiv”, bil-parteċipazzjoni għad-diskussjonijiet anki tal-Ministri tal-Istati Membri l-oħra.

( 45 ) Bħala regola ġenerali, fil-Grupp tal-Euro jipparteċipa l-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-euro, akkumpanjat mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Ekonomija u tal-Finanzi tal-Kummissjoni.

( 46 ) Il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tal-BĊE ssib spjegazzjoni min-neċessità li l-BĊE jkun jista’ jevalwa jekk parteċipazzjoni eventwali f’laqgħa partikolari tistax tkun kompatibbli mal-indipendenza tiegħu jew le. Fil-prattika, il-BĊE dejjem jipparteċipa fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro. Normalment fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, jipparteċipa l-President tal-BĊE, li madankollu, skont l-Artikolu 13(2) tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-BĊE (Protokoll Nru 4 anness mat-trattati) jista’ jaħtar delegat.

( 47 ) Fil-fatt, il-Protokoll Nru 14 ma jinkludix iktar l-espressjoni “fejn opportun” li tinsab fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-1997.

( 48 ) Dan jirriżulta mis-sit tal-Grupp tal-Euro ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq.

( 49 ) Il-President għandu jiġi elett b’maġġoranza sempliċi ta’ dawk intitolati għall-vot (il-Ministri ta’ kull Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro) u għalhekk mhux tal-parteċipanti.

( 50 ) Il-Protokoll Nru 14 u lanqas ebda att uffiċjali pubbliku ieħor ma jindika b’mod speċifiku l-funzjonijiet tal-President tal-Grupp tal-Euro. Barra minn hekk, mill-paġni tal-internet tal-Grupp tal-Euro jirriżulta li l-President tiegħu għandu l-kompiti segwenti: jippresjedi l-laqgħat tal-Grupp tal-Euro u jistabbilixxi l-aġenda tagħhom; ifassal il-programm ta’ ħidma fit-tul tal-Grupp tal-Euro; jippreżenta r-riżultati tad-diskussjonijiet tal-Grupp tal-Euro lill-pubbliku u lill-Ministri tal-pajjiżi tal-UE li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro; jirrappreżenta l-Grupp tal-Euro fil-laqgħat internazzjonali (bħal, pereżempju, il-G7); jinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Grupp tal-Euro (ara s-sit internet tal-Grupp tal-Euro ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq). Skont l-imsemmi Artikolu 5(2) tat-Trattat dwar il-MES, il-President tal-Grupp tal-Euro jista’ wkoll jiġi elett bħala president tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES, jekk il-membri tal-bord jiddeċiedu hekk.

( 51 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40.

( 52 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41.

( 53 ) Fil-prattika, fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro jieħdu sehem biss il-Ministri, il-Membru tal-Kummissjoni u l-President tal-BĊE, flimkien ma’ kollaboratur wieħed, li jwasslu għal numru totali ta’ parteċipanti ħafna iktar limitat (madwar erbgħin persuna) mil-laqgħat tal-Kunsill ECOFIN fejn jistgħu jkunu preżenti iktar minn 150 persuna.

( 54 ) Ara l-punt 60 iktar ’il fuq.

( 55 ) Reċentement kien proprju l-Grupp tal-Euro li ngħata l-kompitu li jiżviluppa l-istrateġiji li bihom għandhom jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi tal-epidemija tal-COVID-19. Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2020, punt 14.

( 56 ) Ara l-Artikolu 5(1) tat-Trattat MES.

( 57 ) Għal analiżi interessanti tal-funzjonament konkret tal-Grupp tal-Euro, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura informali tal-laqgħat, ara x-xogħol ta’ Uwe Puetter, The Eurogroup, How secretive Circle of finance Ministers shape European Governance, Manchester, 2006. F’dan ir-rigward, ara, b’mod speċifiku, p. 5.

( 58 ) Kif rajna, fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-Grupp tal-Euro fil-fatt inħoloq oriġinarjament permezz ta’ att li jinsab barra mis-sistema tas-sorsi tal-Unjoni, minn korp, il-Kunsill Ewropew, li, fil-mument tal-ħolqien tiegħu, kien jinsab barra mill-qafas istituzzjonali tal-Unjoni.

( 59 ) Ara, speċifikament, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14.

( 60 ) L-iktar differenza lingwistika rilevanti tikkonċerna s-sostituzzjoni tal-kliem “il-Ministri jistgħu jiltaqgħu b’mod informali” bl-użu tal-preżent “il-Ministri jiltaqgħu b’mod informali”. Madankollu, minn perspettiva litterali, din l-emenda, fil-fehma tiegħi, pjuttost tikkonferma l-interpretazzjoni proposta fil-punti li ġejjin, li l-Protokoll Nru 14 ma jawtorizzax lill-Ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jiltaqgħu, iżda nnotat il-fatt li huma jiltaqgħu. Il-verżjoni Taljana tikkorrispondi għall-verżjoni Franċiża, Ġermaniża, Olandiża u Portugiża.Il-verżjoni Spanjola tuża l-futur “mantendrán”. Il-verżjoni Ingliża hija, min-naħa l-oħra, iktar ambigwa peress li tissostitwixxi l-kliem “may meet” bil-kliem “shall meet”. Madankollu, it-terminu “shall”, li ġeneralment jindika obbligu, jidher li jirreferi għan-natura informali tal-laqgħa (shall meet informally), li, kif rajna, jikkostitwixxi attribut fundamentali tal-Grupp tal-Euro (ara l-punti 84 et seq iktar ’il fuq).

( 61 ) Ara l-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Minn perspettiva sistematika, jista’ wkoll jiġi osservat, bħala element fih innifsu mhux deċiżiv, iżda indikattiv, li l-Grupp tal-Euro jissemma fit-Trattati mhux fost l-istituzzjonijiet, iżda fil-kapitolu ddedikat għad-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u f’protokoll speċifiku.

( 63 ) Enfasi hija tiegħi.

( 64 ) L-Artikolu 136(2) TFUE jikkonċerna d-deliberazzjonijiet dwar miżuri relatati esklużivament mal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu. L-Artikolu 138(3) TFUE jikkonċerna d-deliberazzjonijiet dwar miżuri meħuda skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni unifikata fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-konferenzi internazzjonali għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

( 65 ) Enfasi miżjuda.

( 66 ) Ara, pereżempju, il-“Kontribuzzjoni Franko-Ġermaniża dwar il-governanza ekonomika” (CONV 470/02) fejn ġie propost, minn naħa, li “tiġi rikonoxxuta l-eżistenza tal-Grupp tal-Ewro, fi protokoll anness mat-Trattat” (enfasi miżjud) u, min-naħa l-oħra, li jinħoloq Kunsill Euro-ECOFIN kompost esklużivament minn rappreżentanti tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, kif diġà ġie propost mill-Kummissjoni (ara CONV 391/02). Din it-tieni proposta, li ma ntgħażlitx, essenzjalment ħolqot fi ħdan l-Unjoni, korp deliberattiv ad hoc għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

( 67 ) Ara, b’analoġija, il-punt 59 tas-sentenza Ledra, iċċitata iktar ’il fuq.

( 68 ) Bħala korp tal-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tas-sorveljanza, il-Kummissjoni għandha wkoll rwol ta’ sinteżi tal-iżviluppi ekonomiċi komuni u tirriżulta li hija korp partikolarment xieraq sabiex tipproponi d-dijanjożi komuni dwar is-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro. Il-Kummissjoni tikkonsulta mal-Grupp tal-Euro fuq id-deċiżjonijiet importanti kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu fi ħdan l-UEM.

( 69 ) Ara l-punti 63 sa 68 iktar ’il fuq.

( 70 ) Ċertament ma jikkostitwixxix l-espressjoni ta’ forma ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri, peress li r-rekwiżiti tal-Artikoli 20 TUE u 326 sa 334 TFUE ma humiex issodisfatti, u lanqas ma tidher paragunabbli ma’ forom oħra ta’ kooperazzjoni eżistenti fil-passat bħall-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni fil-kuntest tat-Trattat ta’ Maastricht.

( 71 ) Punti 114 (Kawża T‑680/13) u 110 (Kawża T‑786/14) tas-sentenzi appellati.

( 72 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 49).

( 73 ) Ara l-punti 192 u 198 (T‑680/13) u 191 u 197 (Kawża T‑786/14) tas-sentenzi appellati.

( 74 ) Ara l-punti 201 u 203 (T‑680/13), u 200 u 202 (Kawża T‑786/14) tas-sentenzi appellati kif ukoll il-punti hemmhekk ċċitati fis-sentenza Ledra.

( 75 ) Ara l-punt 20 tal-appell ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-Kawża C‑603/18 P.

( 76 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawżi magħquda Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑105/15 P – C 109/15 P, EU:C:2016:294, punt 63).

( 77 ) Ara l-Artikolu 47 TUE u l-Artikolu 282(3) TFUE.

( 78 ) Ara s-sentenza Ledra, punt 65 u l-ġurisprudenza stabbilita ċċitata).

( 79 ) Ara s-sentenza Mallis, punt 57.

( 80 ) Ara s-sentenza Pringle, punt 163, u s-sentenza Ledra, punt 57.

( 81 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Ledra, punt 59.

( 82 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Pringle, punt 164.

( 83 ) F’dan ir-rigward ara l-punt 69 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P – C‑10/15 P, EU:C:2016:290).

( 84 ) Ara s-sentenza Ledra, punt 67, u l-punti 69 u 85 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P – C‑10/15 P, EU:C:2016:290). Ara wkoll il-punt 176 tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:675).

( 85 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Pringle, punt 164. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-każ fil-kuntest tat-Trattat MES fejn, l-Artikolu 13(3) u (4) jagħti kompiti speċifiċi u għalhekk setgħa (dmir) ta’ twaqqif tal-proċess kollu tal-adozzjoni tal-aġir eventwalment dannuż (ara l-punti 58 u 59 tas-sentenza Ledra u l-punt 82 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawżi magħquda Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE (C‑105/15 P – C‑109/15 P, EU:C:2016:294), il-Kummissjoni ma għandhiex setgħat simili fil-kuntest tal-Grupp tal-Euro.

( 86 ) Ara, b’analoġija, il-punt 64 tas-sentenza Ledra.

( 87 ) Skont l-Artikoli 184(2), 138(1) u 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja; l-aħħar żewġ artikoli huma applikabbli għall-proċeduri tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmi regolament.