KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis-26 ta’ Settembru 2019 ( 1 )

Kawża C-532/18

GN, irrappreżentata legalment minn HM

vs

ZU, bħala stralċjarju ta’ Niki Luftfahrt GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montréal – Artikolu 17(1) – Responsabbiltajiet tat-trasportaturi bl-ajru lejn il-passiġġieri – Kunċett ta’ ‘inċident’ – Ferita fiżika mġarrba minn passiġġier minħabba qlib ta’ xarba taħraq li seħħ fuq ajruplan fl-ajru”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru ( 2 ), (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”), dispożizzjoni li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom passiġġier li ġarrab ferita fiżika matul titjira jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru li jkun opera din it-titjira.

2.

Din it-talba taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn passiġġiera minuri, irrappreżentata minn missierha u l-persuna responsabbli mill-istralċ ta’ kumpannija tal-ajru. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob kumpens minħabba smit ikkawżat lilha wara li l-qlib ta’ xarba taħraq li seħħ, għal raġuni mhux magħrufa, matul titjira transkonfinali mwettqa mill-imsemmija kumpannija.

3.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna, għall-ewwel darba, tidentifika l-isfumaturi tal-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta’ applikabbiltà li diġà ġew stabbiliti minn ċerti qrati nazzjonali. B’mod iktar speċifiku, qed issirilha mistoqsija, essenzjalment, dwar jekk huwiex neċessarju li l-avvinement li seħħ fuq ajruplan mhux biss kien mhux mistenni u mhux tas-soltu u estern għall-passiġġier ikkonċernat, iżda wkoll li jkun dovut għal riskju inerenti għat-trasport bl-ajru jew marbut ma’ dan it-trasport. Għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li huma biss l-ewwel kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti u mhux dawk tal-aħħar fosthom.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Il-Konvenzjoni ta’ Montréal

4.

Il-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jesponi, b’mod partikolari fit-tielet paragrafu tiegħu, li l-Istati partijiet “jirrikonoxxu l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni”. Barra minn hekk, fil-ħames paragrafu tiegħu jistabbilixxi li “l-azzjoni kollettiva mill-Istat għal armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ Konvenzjoni ġdida hija l-mezz l-aktar adegwat biex jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi”.

5.

L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, intitolat “Mewt u inġurji [feriti] tal-passiġġieri – dannu lill-bagalji” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]t-trasportatur huwa responsabbli għad-danni sofferti fil-każ ta’ mewt jew inġurji personali [feriti fiżiċi] ta’ passiġġier sakemm biss l-inċident li kkawża l-mewt jew l-inġurja [il-ferita] seħħ abbord l-ajruplan jew tul xi operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark”.

6.

Bis-saħħa tal-Artikolu 20 ta’ din il-Konvenzjoni, intitolat “L-Eżonerazzjoni”, “[j]ekk it-trasportatur jipprova li d-dannu ġie kkawżat jew kontribwit bin-negliġenza jew att ħażin jew negliġenti tal-persuna li titlob kumpens, jew il-persuna li mingħandha hu jew hi jieħdu d-drittijiet tiegħu/tagħha, it-trasportatur għandu jkun kompletament jew parzjalment eżonerat mir-responsabbiltà tiegħu lejn l-attur, sa fejn din in-negliġenza jew att ħażin jew negliġenti kkawżaw jew ikkontribwew għad-dannu. Meta għar-raġuni ta’ mewt jew inġurja [ferita] ta’ passiġġier jintalab kumpens minn persuna minbarra l-passiġġier, it-trasportatur għandu bl-istess mod ikun eżonerat kompletament jew parzjalment mir-responsabbiltà tiegħu sa fejn jipprova li d-dannu ġie kkawżat jew saret kontribuzzjoni lilu minn negliġenza jew att ħażin jew negliġenti ta’ dak il-passiġġier. Dan l-Artikolu japplika għad-disposizzjonijiet kollha ta’ responsabbiltà f’din il-Konvenzjoni, inkluż il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 21”.

7.

L-Artikolu 21 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Kumpens f’każ ta’ mewt jew inġurja [feriment] ta’ passiġġieri”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għal danni kkawżati taħt il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 17 li ma jaqbżux 100000 Dritt Speċjali tal-Ġbid għal kull passiġġier, it-trasportatur ma jistax jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tiegħu.

2.   It-trasportatur m’ għandux ikun responsabbli għal danni kkawżati taħt il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 17 sa fejn jeċċedu għal kull passiġġier 100000 Dritt Speċjali tal-Ġbid jekk it-trasportatur jipprova illi:

a)

dan id-dannu ma ġiex ikkawżat min-negliġenza jew att ħażin jew negliġenza tat-trasportatur jew is-servjenti jew l-aġenti tiegħu; jew

b)

id-dannu kien dovut biss għal negliġenza jew att jew omissjoni ta’ parti terza”.

8.

L-Artikolu 29 ta’ din l-istess konvenzjoni, intitolat “Bażi tal-pretensjonijiet”, jipprovdi li “[f]il-trasport tal-passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, tkun kif tkun fondata, kemm taħt din il-Konvenzjoni jew taħt kuntratt jew delitt jew xort’ oħra, tista’ tinġieb biss bla ħsara għall-kondizzjonijiet u dawn il-limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-Konvenzjoni bla ħsara għall-kwistjoni dwar min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom. F’kull azzjoni ta’ din ix-xorta, m’humiex rikoverabbli danni punitivi, eżemplari jew danni oħrajn non-kompensatorji”.

B.   Id-dritt tal-Unjoni

9.

Il-premessi 5 sa 7 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 889/2002 ( 3 ), li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti ( 4 ), huma fformulati kif ġej:

“(5)

Il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Montreal fil-waqt li indikat l-intenzjoni tagħha li ssir sħab fil-ftehim billi tirratifikah.

(6)

Huwa neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament [(KE) Nru 2027/97] sabiex jiġi allinjat mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, u hekk tiġi kreata sistema uniformi ta’ responsabbiltà għat-trasport internazzjonali bl-ajru.

(7)

Dan ir-Regolament u l-Konvenzjoni ta’ Montreal isaħħu l-protezzjoni tal-passiġġieri u tad-dipendenti tagħhom u ma jistgħux jiġu interpretati sabiex idgħajfu l-protezzjoni tagħhom fir-rigward tal-leġislazzjoni preżenti fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(10)

Sistema ta’ responsabbiltà illimitata fil-każ ta’ mewt jew ta’ korriment tal-passiġġieri hija mixtieqa fil-kuntest ta’ sistema ta’ trasport bl-ajru sikura u moderna”.

10.

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2027/97, kif emendat bir-Regolament Nru 889/2002 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2027/97”), “[d]an ir-Regolament jimplimenta d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta’ Montreal fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru u jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet supplimentari. Jestendi wkoll l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għat-trasport bl-ajru fi ħdan Stat Membru wieħed”.

11.

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2027/97 jistabbilixxi li “[i]l- kunċetti misjuba f’dan ir-Regolament li mhumiex definiti fil-paragrafu 1 huma ekwivalenti għal dawk użati fil-Konvenzjoni ta’ Montreal”.

12.

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[i]r- responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.

Fix-xahar ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li dak inhar kellha 6 snin, użat titjira, bejn Spanja u l-Awstrija, operata mill-kumpannija tal-ajru Niki Luftfahrt GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak.

14.

It-tifla kienet bilqiegħda ħdejn missierha, li matul it-titjira, irċieva mingħand l-assistent tal-kabina tazza kafé taħraq mingħajr għatu u poġġiha fuq il-mejda li tingħalaq ta’ quddiemu. Sussegwentement, dan ir-reċipjent inqaleb u l-kontenut tiegħu nxtered fuq it-tifla li ġarrbet smit tat-tieni grad f’parti ta’ ġisimha. Ma setax jiġi stabbilit jekk il-qlib tat-tazza tal-kafé kienx dovut għal ħsara fil-mejda jew għal vibrazzjoni tal-ajruplan.

15.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, irrappreżentata legalment minn missierha, ippreżentat rikors intiż sabiex Niki Luftfahrt tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-inċident li seħħ matul l-imsemmija titjira, flimkien ma’ EUR 8500 oħra bħala interessi u spejjeż, fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

16.

L-amministratur ġudizzjarju tal-kumpannija tal-ajru, li llum tinsab f’falliment, ikkonfuta l-eżistenza ta’ responsabbiltà, billi invoka li ma kienx hemm inċident fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li ebda “avveniment mhux mistenni jew mhux tas-soltu” ma wassal għall-qlib tat-tazza kafé. Fi kwalunkwe każ ma kien hemm ebda “riskju inerenti għat-trasport bl-ajru”, jiġifieri tipiku ta’ dan it-trasport, minkejja li din il-kundizzjoni għandha tiġi ssodisfatta wkoll.

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2015, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneubourg, l-Awstrija) laqgħet it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Din il-qorti qieset li fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ kien hemm “inċident”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, għaliex il-qlib tat-tazza kafé kien irriżulta minn “avveniment mhux tas-soltu ta’ oriġini esterna”. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li kien hemm “riskju inerenti għat-trasport bl-ajru”, peress li ajruplan huwa suġġett, fil-kuntest tal-operat tiegħu, għal gradi ta’ inklinazzjoni varji li jistgħu jwasslu sabiex l-oġġetti mqiegħda fuq superfiċi orizzontali fl-ajruplan jinqalbu mingħajr ma tkun neċessarja manuvra partikolari. Finalment, hija kkonstatat l-assenza ta’ ħtija tat-trasportatur bl-ajru minħabba l-fatt li s-servizz ta’ xorb sħun f’reċipjenti mingħajr għatu hija prattika normali u soċjalment adegwata.

18.

Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Awwissu 2016, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) bidlet id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, wara li kkunsidrat li r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru kienet eskluża, peress li l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal ikopri biss l-inċidenti kkawżati minn “riskju inerenti għat-trasport bl-ajru” u li f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx tipproduċi prova ta’ dan.

19.

Adita b’rikors għal Reviżjoni, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2018 li waslet għand ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Awwissu 2018, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ikun hemm ‘inċident’ li għalih huwa responsabbli t-trasportatur bl-ajru fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] meta kikkra ta’ kafé jaħraq, imqiegħda fuq il-mejda li tingħalaq ta’ sît ta’ ajruplan fl-ajru, tiżloq għal raġuni mhux magħrufa, tinqaleb u b’hekk tikkawża smit lil passiġġier?”

20.

Osservazzjonijiet bil-miktub tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tad‑19 ta’ Ġunju 2019, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ressqu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

21.

Qabel kollox ninnota li l-qorti tar-rinviju tindika li l-Konvenzjoni ta’ Montréal hija applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, peress li t-titjira li matulha seħħ l-avveniment kontenzjuż għandha natura internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, peress li l-post ta’ tluq u l-post ta’ destinazzjoni ta’ din it-titjira jinsabu fit-territorju ta’ żewg Stati partijiet ( 5 ). F’dan ir-rigward, nenfasizza li fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni ta’ Montréal, l-Istati Membri tal-Unjoni ttrasferew lil din tal-aħħar il-kompetenzi tagħhom għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà għad-danni subiti f’każ ta’ mewt jew ferita ta’ passiġġier ( 6 ) u li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 jipprovdi li r-responsabbiltà lejn il-passiġġieri ta’ “trasportatur bl-ajru tal-Komunità” ( 7 ), bħal f’dan il-każ, donnha hija rregolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmija konvenzjoni relatati ma’ din ir-responsabbiltà ( 8 ).

22.

Sussegwentement, infakkar ( 9 ) li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal huma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 10 ), b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tagħha, f’osservanza tar-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli fl-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ( 11 ), li jipprovdi li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, billi jiġi segwit is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl kemm tal-iskop kif ukoll tal-għan tiegħu ( 12 ). Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, li huwa dak tal-unifikazzjoni tar-regoli dwar it-trasport bl-ajru internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċetti li jinsabu f’din il-konvenzjoni u li ma humiex iddefiniti fiha “għand[hom] jingħata[w] interpretazzjoni uniformi u awtonoma, minkejja s-sens differenti mogħti lil da[w]n il kunċett[i] fil-liġi nazzjonali tal-Istati partijiet għal din il-konvenzjoni” ( 13 ).

23.

Finalment, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża li għandhom jiddeċiedu ( 14 ). F’dan ir-rigward, nirrileva li f’dan il-każ, huwa stabbilit, kif tindika b’mod espliċitu d-domanda preliminari, li kien impossibbli li tiġi stabbilita r-raġuni li għaliha t-tazza kafé nqalbet fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-eċċezzjoni bbażata fuq ħtija kontributtiva tal-vittma, li kienet inizjalment imqajma mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, ma għadhiex suġġett tal-proċedura nazzjonali ( 15 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba mingħandha abbażi tal-konstatazzjonijiet hekk imwettqa mill-qorti tar-rinviju.

B.   Fuq il-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal

1. Fuq is-suġġett tad-domanda preliminari u l-argumenti magħmula

24.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna, essenzjalment, tiddetermina jekk il-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandux jiġi interpretat b’tali mod li jinkludi sitwazzjoni li fiha tazza kafé taħraq, imqiegħda fuq mejda li tingħalaq fuq ajruplan fl-ajru, tinqaleb għal raġuni indeterminata u tikkawża smit lil passiġġier, li għalhekk tkun tista’ teħtieġ, skont l-imsemmija dispożizzjoni, li t-trasportatur bl-ajru kkonċernat iħallas id-danni fir-rigward ta’ din il-ferita fiżika.

25.

Minkejja li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju saret f’termini li jirrigwardaw iċ-ċirkustanzi proprji tal-kawża prinċipali, madankollu nqis li jkun preferibbli l-Qorti tal-Ġustizzja ma tillimitax ir-risposta tagħha għal dan il-każ speċifiku biss iżda tieħu l-opportunità mogħtija lilha hawnhekk sabiex tagħti interpretazzjoni tal-kunċett imsemmi billi tistabbilixxi kriterji ta’ evalwazzjoni astratti u għalhekk ta’ portata iktar ġenerali ( 16 ). Għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża hija l-ewwel waħda li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-imsemmi kunċett.

26.

F’dan ir-rigward, nikkonstata, bħall-qorti tar-rinviju, li l-Konvenzjoni ta’ Montréal ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “inċident”, minkejja li tali avveniment jikkostitwixxi evidentement kundizzjoni determinanti sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmija konvenzjoni, f’każ ta’ dannu fiżiku (ferita fiżika jew mewt) imġarrab minn passiġġier ( 17 ). Bl-istess mod, dan it-terminu jinsab fid-dispożizzjoni ekwivalenti li tikkostitwixxi l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja ( 18 ), li kienet issostitwita mill-Konvenzjoni ta’ Montréal ( 19 ), iżda wkoll mingħajr definizzjoni f’dan l-ewwel strument.

27.

Madankollu, xi qrati nazzjonali żviluppaw ġurisprudenzi, li l-qorti tar-rinviju ssemmi espressament, dwar il-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja u/jew tal-Konvenzjoni ta’ Montréal ( 20 ). Nippreċiża li minkejja d-differenzi bejn l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja u l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, jiena tal-fehma li t-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha madankollu tiġi interpretata fid-dawl tad-deċiżjonijiet relatati mal-ewwel waħda, minħabba l-ekwivalenza sostanzjalment eżistenti bejniethom ( 21 ).

28.

Il-qorti tar-rinviju tindika li jidhirlha li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal huwa applikabbli f’dan il-każ, peress li l-ferita fiżika mġarrba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirriżulta, skont it-terminoloġija użata mill-imsemmija qrati nazzjonali, minn avveniment “mhux mistenni”, li joriġina minn “azzjoni esterna” għall-vittma u li jwassal għal “dannu mhux mistenni” għaliha. Hija tenfasizza li l-kawża prinċipali tiffoka fuq il-punt dwar jekk il-kunċett ta’ “inċident” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jippreżumix, minbarra li jiġu ssodisfatti l-kriterji hemm imsemmija, li jimmaterjalizza “riskju inerenti għat-trasport bl-ajru” ( 22 ).

29.

Din il-qorti tesponi li jeżistu diversi approċċi fir-rigward tan-neċessità li jiġi ssodisfatt dan l-aħħar kriterju, fid-dawl ta’ ċerti deċiżjonijiet mogħtija minn qrati tal-Istati partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Varsavja u/jew għall-Konvenzjoni ta’ Montréal kif ukoll diversi opinjonijiet dottrinali.

30.

Skont l-ewwel approċċ, li skont il-qorti tar-rinviju huwa sostnut mill-parti l-kbira tad-dottrina u tal-ġurisprudenza Ġermaniża ( 23 ), il-kunċett ta’ “inċident” inkwistjoni għandu jkun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn iseħħ riskju li tipikament jirriżulta min-natura tal-ajruplan, l-istat tiegħu jew l-operat tiegħu ( 24 ), jew minn installazzjoni ajronawtika użata waqt l-imbark jew l-iżbark. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li l-intenzjoni tal-Istati parti għall-Konvenzjoni ta’ Montréal ma kinitx li t-trasportaturi bl-ajru jassumu r-riskji ġenerali tal-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk, il-persuna leża għandha l-oneru tal-prova tal-materjalizzazzjoni ta’ riskju li seta’ jseħħ biss fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Issa, fil-każ inkwistjoni, fid-dawl tal-impossibbiltà li tiġi ddeterminata l-kawża tal-avveniment kontenzjuż, din l-interpretazzjoni twassal sabiex ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġi miċħud.

31.

Għall-kuntrarju, skont it-tieni approċċ, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li seħħ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru sabiex jiġi applikat l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita minnha u tal-bżonn tal-protezzjoni tal-effiċjenza tagħha. Il-qorti tar-rinviju tqis li dawn l-aħħar argumenti huma konvinċenti. Hija tispeċifika li ċerti awturi ddeduċew li l-qlib ta’ xarba taħraq fuq ġisem passiġġier ( 25 ) jikkostitwixxi “inċident” li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru. Fil-kawża prinċipali, din l-interpretazzjoni twassal għar-rikonoxximent tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru.

32.

Finalment, il-qorti tar-rinviju ssemmi approċċ ieħor, deskritt bħala “soluzzjoni intermedjarja”, li jipprovdi li r-responsabbiltà prevista fl-imsemmi Artikolu 17(1) tirriżulta mis-sempliċi fatt li l-avveniment ikkonċernat seħħ fuq l-ajruplan, jew inkella waqt l-imbark jew l-iżbark, mingħajr neċessità li jimmaterjalizza riskju inerenti għat-trasport bl-ajru, iżda bil-possibbiltà li t-trasportatur jiġi eżonerat minn din ir-responsabbiltà jekk juri l-assenza ta’ rabta man-natura jew mal-operat tal-ajruplan. F’dan il-każ, din l-interpretazzjoni tkun twassal ukoll sabiex tiġi ammessa r-responsabbiltà tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, peress li l-kawża tal-inċident ikkonċernat ma setgħetx tiġi identifikata.

33.

L-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jirriflettu dawn l-approċċi differenti. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li r-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru tista’ tiġi stabbilita, fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, biss meta l-inċident, avveniment mhux mistenni u mhux tas-soltu li jirriżulta minn intervent estern, kien ipprovokat minn riskju inerenti għat-trasport bl-ajru. Madankollu, ir-riskju ta’ inġurja personali minħabba l-qlib ta’ xarba taħraq jista’ jseħħ ukoll fil-kuntest tal-ħajja privata ( 26 ).

34.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Pollakk jeskludi r-rekwiżit ta’ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru, iżda madankollu jqis li hija neċessarja rabta kawżali plawżibbli bejn l-avveniment ikkonċernat – li għandu jkun mhux mistenni u mhux tas-soltu u minn sors estern għall-passiġġier – u l-moviment jew l-operat tal-ajruplan, rabta li teżisti f’dan il-każ ( 27 ).

35.

Min-naħa tagħhom, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ( 28 ) huma tal-opinjoni li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija koperta mill-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 17(1), peress li tirrigwarda avveniment mhux mistenni, li seħħ matul it-trasport bl-ajru u estern għall-persuna tal-vittma, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit it-twettiq ta’ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru – teżi sostnuta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali – u lanqas l-eżistenza ta’ rabta kawżali ma’ dan it-trasport – teżi proposta mill-Gvern Pollakk. Din hija wkoll il-fehma tiegħi, għar-raġunijiet segwenti, li huma konformi mar-regoli ta’ interpretazzjoni fuq imsemmija ( 29 ).

2. Fuq l-interpretazzjoni litterali

36.

Qabel kollox, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, infakkar ( 30 ) li kienu biss sitt verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-istrument li ġew deskritti bħala “awtentiċi”, li fosthom hemm tliet verżjonijiet li jikkorrispondu għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, jiġifieri l-Ingliż, l-Ispanjol u l-Franċiż ( 31 ).

37.

Dan l-Artikolu 17(1) jistabbilixxi li “[i]t-trasportatur huwa responsabbli għad-danni sofferti fil-każ ta’ mewt jew inġurji personali ta’ passiġġier sakemm biss l-inċident li kkawża l-mewt jew l-inġurja seħħ abbord l-ajruplan jew tul xi operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark”.

38.

Qabel kollox, nikkonstata, bħalma tagħmel il-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal ma jifformulax rekwiżit li jipprovdi li r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru tista’ tiġi stabbilita, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, biss meta l-avveniment kontenzjuż ikun ġie kkawżat minn riskju inerenti għat-trasport bl-ajru, kif issostni l-konvenuta fil-kawża prinċipali, jew inkella jippreżenta rabta kawżali man-natura jew l-operat tal-ajruplan, kif jipproponi l-Gvern Pollakk. Issa, inqis li kieku l-awturi tal-imsemmija konvenzjoni kellhom l-intenzjoni li jipprovdi tali kriterji restrittivi, huma ma kinux jonqsu milli jagħmlu dan b’mod espliċitu ( 32 ), li ma huwiex il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, ix-xogħol preparatorju ma jagħtix indikazzjoni ta’ din l-intenzjoni ( 33 ).

39.

Fl-istess sens, nenfasizza, bħall-Gvern Franċiż, li f’dan l-Artikolu 17(1) ġiet miżjuda preċiżjoni notevoli, meta mqabbel mad-dispożizzjoni korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja ( 34 ) preċedenti għalih, jiġifieri l-formulazzjoni “sakemm biss” ( 35 ), li turi r-rieda tal-imsemmija awturi li ma jissuġġettawx ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru għal kundizzjonijiet oħra, minbarra dawk ta’ “inċident” li seħħ fiċ-ċirkustanzi u kellu l-effetti li sussegwentement huma ddikjarati fl-imsemmi Artikolu 17(1). Fil-fehma tiegħi, minn din il-preċiżjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni li ma għandhiex l-effett li tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tiegħu.

40.

Fir-rigward tal-imsemmi kunċett, nikkonstata li t-terminoloġija użata fl-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, fir-rigward tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru f’każ ta’ mewt jew ta’ feriment soffert minn passiġġieri, toħloq kuntrast ma’ dik użata fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 17 u fl-Artikolu 18 tal-imsemmija konvenzjoni, fir-rigward tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru f’każ ta’ distruzzjoni, telf jew dannu rispettivament, ta’ bagalji rreġistrati u ta’ merkanzija. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, dawn tal-aħħar ma jsemmux “inċident”, iżda sempliċi “fatt” li kkawża d-danni mġarrba mill-bagalji rreġistrati jew minn merkanzija ( 36 ). Fil-fehma tiegħi minn dan il-kuntrast jirriżulta li sabiex jiġi applikat l-imsemmi Artikolu 17(1), l-avveniment li kkawża l-mewt jew il-feriment tal-passiġġier għandu mhux biss ikun seħħ abbord jew inkella matul l-imbark jew l-iżbark ( 37 ), iżda għandu jkun jista’ wkoll jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “inċident”, skont kriterji li jistgħu jiġu ddeterminati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

41.

Minkejja li t-terminu “inċident” huwa użat diversi drabi fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, madankollu lanqas ma huwa elaborat fid-dispożizzjonijiet l-oħra li jużawh ( 38 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 28 ta’ din il-konvenzjoni, li jirrigwarda l-ħlas bil-quddiem f’każ ta’ mewt jew ta’ feriment ta’ passiġġieri, isemmi li dawn l-aħħar danni għandhom jirriżultaw minn “inċident ta’ inġejni ta’ l-ajru” ( 39 ), mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra.

42.

Infakkar li konformement ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, il-kunċett ta’ “inċident” imsemmi fl-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fid-dawl tas-“sens ordinarju li għandu jingħata [lit-terminu kkonċernat]”.

43.

F’dan ir-rigward, inqis li kif għamlu kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet f’din il-kawża, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett sostnuta minn diversi qrati tal-Istati parti għall-Konvenzjoni ta’ Varsavja u/jew għall-Konvenzjoni ta’ Montréal ( 40 ), sabiex eventwalment tittieħed ispirazzjoni minn dawn il-preċedenti ta’ natura ġurisprudenzjali, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta bihom.

44.

Fl-ewwel lok, nosserva li ċerti kriterji ġew aċċettati b’mod wiesa’, minkejja xi varjazzjonijiet fl-għażla tal-kliem użat mill-qrati nazzjonali, bħala rilevanti fir-rigward tal-kunċett ta’ “inċident” li jinsab fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja u fl-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal. Skont dawn il-qrati, essenzjalment, il-vittma għandha turi li l-avveniment li seħħ matul il-perijodu ta’ trasport bl-ajru, jew abbord l-ajruplan, jew matul l-operazzjonijiet ta’ imbark jew ta’ żbark, u li wassal għad-dannu fiżiku invokat, minn naħa, għandu natura “mhux mistennija” jew “mhux tas-soltu”, u min-naħa l-oħra li għandu oriġini “esterna” għall-persuna tal-passiġġier ikkonċernat ( 41 ). Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “inċident” fatt dannuż li jirriżulta mir-reazzjonijiet tal-vittma stess għall-funzjonament tas-soltu, normali u prevedibbli tal-ajruplan, jew li kien ipprovokat mill-istat ta’ saħħa eżistenti minn qabel tal-vittma. Il-kunsens miksub favur dawn il-fatturi ta’ evalwazzjoni jirriżulta, b’mod partikolari ( 42 ), mill-ġurispurdenza Amerikana ( 43 ), mill-ġurisprudenza Ġermaniża ( 44 ) kif ukoll mill-ġurisprudenza Franċiża ( 45 ). L-osservazzjonijiet sottomessi f’din il-kawża huma konverġenti wkoll f’dan ir-rigward.

45.

Nikkunsidra li dawn il-kriterji, li huma għal kollox konformi mad-definizzjoni normali tat-terminu kkonċernat ( 46 ), jistgħu jiġu sostnuti wkoll b’mod utli mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, sabiex jiġi ddeterminat liema sitwazzjonijiet jistgħu jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ “inċident” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal. F’dan ir-rigward, infakkar li l-qorti tar-rinviju tqis, fil-fehma tiegħi ġustament, li l-kriterji kollha msemmija iktar ’il fuq huma ssodisfatti f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali ( 47 ). Bl-istess mod, qrati nazzjonali oħra, b’mod partikolari Amerikani ( 48 ), iddeċidew li l-qlib ta’ xarba taħraq fuq passiġġier abbord ajruplan jikkostitwixxi “inċident” fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja.

46.

Fit-tieni lok, kif issemmi d-deċiżjoni tar-rinviju, nikkonstata li min-naħa l-oħra teżisti kontroversja dwar jekk għandhiex tkun meħtieġa, fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjonijiet, il-verifika ta’ kriterju addizzjonali marbut mal-eżistenza ta’ “riskju inerenti għat-trasport bl-ajru”. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li dan il-kriterju ġie adottat fil-ġurisprudenza Awstrijakka ( 49 ), iżda l-qorti tar-rinviju tiddubita l-korrettezza ta’ tali pożizzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-iżvilupp li l-ġurisprudenza Ġermaniża donnha segwiet lejn moderazzjoni tal-post mogħti lil dan il-kriterju ( 50 ). Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza Amerikana, minkejja li ċerti qrati applikaw kriterju ta’ dan it-tip ( 51 ), madankollu l-Qorti Suprema u qrati oħra ma għażlux dan l-approċċ restrittiv ( 52 ). Finalment, nirrileva li fil-ġurisprudenza Franċiża, il-konstatazzjoni ta’ riskju proprju għat-trasport bl-ajru twettqet kultant għall-finijiet tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, iżda din il-verifika ma saritx direttament mill-perspettiva tal-kunċett ta’ “inċident” u lanqas ma għadha attwali ( 53 ).

47.

Min-naħa tiegħi, kif indikajt fil-bidu ( 54 ), inqis li r-rekwiżit ta’ tali riskju, li l-adozzjoni ġurisprudenzjali tiegħu jirdhirli li baqgħet limitata, b’ebda mod ma huwa rifless fit-terminoloġija użata fl-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal. Il-pożizzjoni tiegħi hija msaħħa fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

3. Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

48.

Bħall-qorti tar-rinviju u l-Gvern Franċiż ( 55 ), inqis li ma huwiex konformi mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, u b’mod partikolari ma’ dawk tal-Artikolu 17(1) tagħha, li jiġi impost fuq il-persuna li titlob kumpens għal dannu fiżiku, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprova l-eżistenza ta’ “riskju inerenti għat-trasport bl-ajru” jew ta’ rabta kawżali plawżibbli ma’ dan it-trasport, kundizzjonijiet li għandhom jiġu vverifikati, skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali u skont il-Gvern Pollakk rispettivament, sabiex avveniment ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “inċident” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

49.

Qabel kollox, nosserva li l-Konvenzjoni ta’ Montréal għandha l-għan li tikseb uniformizzazzjoni tar-regoli li kienu applikabbli fl-oqsma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’mod iktar speċifku fil-qasam tar-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru. Il-ħames paragrafu tal-preambolu tagħha jindika li l-Istati parti għal dan l-istrument għandhom l-għan ta’ “armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru”, u għalhekk li jsaħħu s-sistema uniformi preċedentement stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Varsavja ( 56 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jistabbilixxi li l-azzjonijiet għall-finijiet ta’ danni, inkluż dawk ibbażati fuq l-Artikolu 17(1) tagħha, jistgħu jiġu eżerċitati biss fil-kundizzjonijiet u fil-limiti ta’ responsabbiltà previsti minn din il-konvenzjoni, liema fatt jeskludi l-użu ta’ regoli ta’ dritt nazzjonali sabiex jirregolaw ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 57 ).

50.

Għalhekk, inqis li ma għandhiex tiġi adottata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, li tkun twassal sabiex l-azzjonijiet ibbażati fuq din id-dispożizzjoni jiġu ssuġġettati għal kundizzjonijiet restrittivi li ma kinux mixtieqa mill-awturi tal-imsemmija konvenzjoni, lanqas b’mod impliċitu, bħar-rekwiżit ta’ “riskju inerenti għat-trasport bl-ajru” jew ta’ rabta kawżali ma’ dan it-trasport. Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ huwa kkorroborat bl-indikazzjonijiet li jinsabu fil-preambolu tar-Regolament Nru 889/2002, u b’mod partikolari fil-premessa 7 tiegħu, li jissuġġerixxu li peress li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandhom għan protettiv dawn għandhom jiġu interpretati b’approċċ favorevoli għall-passiġġieri u għad-dipendenti tagħhom ( 58 ).

51.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat diversi drabi li mill-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montréal ( 59 ) jirriżulta li l-Istati partijiet tagħha għandhom l-għan, fuq il-pjan sostantiv, “li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u […] kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni” kif ukoll li “jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi” inkwistjoni. Għalhekk, l-imsemmija Stati adottaw sistema ta’ responsabbiltà stretta tat-trasportaturi bl-ajru ( 60 ), filwaqt li jieħdu ħsieb li jippreżervaw bilanċ bejn l-interessi tat-trasportaturi bl-ajru u dawk tal-passiġġieri ( 61 ).

52.

Issa, li kieku kellu jiġi ammess li l-avveniment li taw lok għad-dannu kopert mill-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jippreżenta partikolaritajiet speċifiċi għat-trasport bl-ajru, dan iwassal lill-passiġġier għal limitazzjoni, jew saħansitra għal ċaħda, tad-drittijiet tiegħu minħabba l-konsegwenzi li dan il-kriterju jkollu mhux biss fuq l-oneru tal-prova iżda wkoll fuq l-effettività tal-imsemmija dispożizzjoni.

53.

Fil-fatt, minn naħa, ladarba l-persuna leża ma għandhiex aċċess għall-informazzjoni teknika kollha li tirrigwarda n-navigazzjoni tal-ajruplan jew l-operat bl-ajru, li t-trasportatur bl-ajru biss ikollu, ikun eċċessivament diffiċli għal din il-persuna turi l-eżistenza ta’ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru jew anki ta’ rabta kawżali ma’ dan tal-aħħar, sabiex tkun tista’ titlob kumpens fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 17(1).

54.

Min-naħa l-oħra, permezz ta’ tali rekwiżiti r-regola prevista f’dan tal-aħħar tiġi kunsiderevolment imċaħħda mis-sustanza tagħha peress li diversi avvenimenti jkollhom jiġu esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li jistgħu jseħħu b’mod simili f’ċirkustanzi oħra minbarra dawk tat-trasport bl-ajru, jiġifieri fil-ħajja ta’ kuljum. Din l-esklużjoni twassal għal tnaqqis importanti tal-każijiet fejn tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjoni, billi tillimitahom għall-inċidenti l-iktar serji tat-trasport bl-ajru, bħal dawk ta’ turbolenzi kbar jew jekk jaqa’ l-ajruplan.

55.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, relatati mal-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal u mal-għanijiet tiegħu, huma kkorroborati minn analiżi tal-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni.

4. Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

56.

Sabiex tingħata l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, u b’mod iktar speċifiku tal-kunċett ta’ “inċident” inkluż fiha, fil-fehma tiegħi, kif jindikaw id-deċiżjoni tar-rinviju u l-osservazzjonijiet kollha magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema ta’ responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija konvenzjoni.

57.

Bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, f’każ ta’ mewt jew ta’ ferita fiżika sofferta minn passiġġier, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli ipso jure, meta l-inċident iseħħ abbord l-ajruplan, jew inkella waqt l-imbark jew l-iżbark ( 62 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 21 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li meta d-dannu ma jeċċedix ċertu limitu ta’ kumpens ( 63 ), kif inhu l-każ inkwistjoni ( 64 ), it-trasportatur ma jistax jiġi eskluż minn din ir-responsabbiltà oġġettiva, u fil-paragrafu 2 tiegħu, li f’każ li jinqabeż dan il-limitu, huwa jista’ jiġi eżonerat mir-responsabbiltà tiegħu minħabba nuqqas preżunt jekk juri li d-dannu ma kienx ikkawżat minnu, mill-impjegati tiegħu jew mill-aġenti tiegħu, jew li huwa imputabbli biss lil parti terza. Finalment, skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija konvenzjoni, fiż-żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 21, it-trasportatur għandu l-possibbiltà li jillimita, jew anki li jeskludi, ir-responsabbiltà tiegħu jekk juri l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa tal-persuna leża, nuqqas li huwa eskluż fil-kawża prinċipali ( 65 ).

58.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Montréal riedu sistema ta’ responsabbiltà li hija favorevoli għall-passiġġier leż, peress li dan tal-aħħar ma għandux jipproduċi l-prova ta’ nuqqas imwettaq mit-trasportatur bl-ajru, mill-impjegati tiegħu jew mill-aġenti tiegħu, iżda sempliċement il-prova tad-dannu tiegħu kif ukoll ta’ rabta kawżali bejnu u l-fatt li jagħti lok għalih li jista’ jiġi kklassifikat bħala “inċident”. Fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq imkien ma tissemma n-neċessità li l-passiġġier juri li seħħ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru jew li l-avveniment dannuż huwa direttament marbut ma’ dan it-trasport, bħala wieħed li jaqa’ taħt in-natura jew l-operat tal-ajruplan. Huwa biss fi stadju ulterjuri, ladarba ssir il-klassifikazzjoni ta’ “inċident” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, li t-trasportatur bl-ajru jista’ eventwalment, bħala difiża, jipprova jnaqqas ir-responsabbiltà tiegħu, jew anki jeskludiha totalment, billi jipproduċi l-provi meħtieġa suffiċjentement skont il-liġi, b’mod partikolari skont l-Artikolu 20 tal-istess strument.

59.

Barra minn hekk, tqegħid f’perspettiva tas-sistema ta’ responsabbiltà li tirriżulta attwalment mill-Konvenzjoni ta’ Montréal, f’każ ta’ inċident li jikkawża l-mewt jew ferita fiżika, meta mqabbla mas-sistema li kienet prevista mill-Konvenzjoni ta’ Varsavja, juri b’mod partikolari l-intenzjoni li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-passiġġieri bħala bażi għall-adozzjoni ta’ dan l-instrument iktar reċenti ( 66 ). Fil-fatt, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, kienet teżisti, fil-każ inkwistjoni, sempliċement responsabblità minħabba nuqqas preżunt tat-trasportatur bl-ajru ( 67 ), li saret responsabbiltà kkonċepita b’mod iktar strett bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Montréal. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni ta’ Varsavja kienet tipprovdi limitu tal-ammont tal-kumpens li jista’ jkun dovut mit-trasportaturi bl-ajru ( 68 ), limitu li tneħħa fil-Konvenzjoni ta’ Montréal. Din ir-rieda li s-sistema applikabbli għar-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru ssir iktar oneruża, sabiex id-danni fiżiċi tal-passiġġieri jiġu kkumpensati aħjar (mewt jew ferita fiżika) hija invokata wkoll, b’mod partikolari, mill-preambolu tar-Regolament Nru 889/2002 ( 69 ).

60.

It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-iżvilupp jikkonforta l-opinjoni tiegħi li l-kunċett ta’ “inċident” inkluż fl-imsemmi Artikolu 17(1), ma jistax jiġi interpretat b’mod li jirrikjedi l-eżistenza ta’ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru jew ta’ rabta kawżali ma’ dan tal-aħħar, liema kriterji li ma jkunu konformi la mas-sens kurrenti ta’ dan il-kunċett, la mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, u lanqas mal-portata tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita minnha. Għalhekk, ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali jistgħu, fil-fehma tiegħi, jaqgħu taħt dan il-kunċett, kif il-qorti tar-rinviju donnha hija inklinata li tiddeċiedi.

61.

Bħala konklużjoni, inqis li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “inċident” li jista’ jkun il-bażi ta’ responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, kull avveniment li kkawża l-mewt jew ferita fiżika ta’ passiġġier u li seħħ fuq l-ajruplan, jew inkella matul l-operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark, li ma huwiex mistenni jew li ma huwiex tas-soltu u li għandu oriġini esterna għall-persuna tal-passiġġier ikkonċernat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-imsemmi avveniment huwiex dovut għal riskju inerenti għat-trasport bl-ajru jew jekk huwiex direttament marbut ma’ dan it-trasport.

V. Konklużjoni

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija):

L-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit‑28 ta’ Mejju 1999 u approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal‑5 ta’ April 2001, għandu jiġi interpetat fis-sens li jikkostitwixxi “inċident” li jista’ jkun il-bażi ta’ responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, kull avveniment li kkawża l-mewt jew ferita fiżika ta’ passiġġier u li seħħ fuq l-ajruplan, jew inkella matul l-operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark, li ma huwiex mistenni jew li ma huwiex tas-soltu u li għandu oriġini esterna għall-persuna tal-passiġġier ikkonċernat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-imsemmi avveniment huwiex dovut għal riskju inerenti għat-trasport bl-ajru jew jekk huwiex direttament marbut ma’ dan it-trasport.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Din il-konvenzjoni, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, kienet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999 u approvata għan-nom tagħha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491). Hija daħlet fis-seħħ, għal dak li jirrigwarda l-Unjoni Ewropea, fit‑28 ta’ Ġunju 2004.

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489).

( 5 ) Jiġifieri, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Awstrija rispettivament.

( 6 ) Ara f’dan is-sens, il-punt 4 tad-Dikjarazzjoni dwar il-kompetenza tal-Komunità Ewropea dwar is-suġġetti rregolati mill-Konvenzjoni ta’ Montréal, dikjarazzjoni li tinsab fl-istrument ta’ approvazzjoni tal-Komunità ppreżentat fid‑29 ta’ April 2004 u fl-indirizz tal-internet segwenti: https://www.icao.int/secretariat/legal/List%20of%20Parties/Mtl99_FR.pdf.

( 7 ) Iddefinit fl-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmi regolament, bħala trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja valida mogħtija minn Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat‑23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 2, p. 3), li ġie abrogat u ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Novembru 2008, bir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251, punt 18); tat‑22 ta’ Novembru 2012, Espada Sánchez et (C‑410/11, EU:C:2012:747, punt 19); tas‑26 ta’ Frar 2015, Wucher Helicopter u Euro‑Aviation Versicherung (C‑6/14, EU:C:2015:122, punt 35), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Prüller‑Frey (C‑240/14, EU:C:2015:567, punti 25 et seq.).

( 9 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Guaitoli et (C‑213/18, EU:C:2019:524, punt 29).

( 10 ) Mid-data tad-dħul fis-seħħ indikata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Konvenzjoni dwar id-Dritt tat-Trattati, konkluża fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, Espada Sánchez et (C‑410/11, EU:C:2012:747, punti 20 sa 22); tas‑17 ta’ Frar 2016, Air Baltic Corporation (C‑429/14, EU:C:2016:88, punti 2324), kif ukoll tat‑12 ta’ April 2018, Finnair (C‑258/16, EU:C:2018:252, punti 19 sa 22).

( 13 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251, punti 2122), dwar il-kunċett ta’ “dannu”, li jinsab wara l-Artikolu 22(2) tal-imsemmija konvenzjoni.

( 14 ) Bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, ibbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti taqa’ fil-kompetenza tal-imsemmija qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Garkalns, C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 30, kif ukoll tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Prenninger et, C‑329/17, EU:C:2018:640, punt 27).

( 15 ) Il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax jekk id-dibattitu, fl-istanza prinċipali, kienx jirrigwarda l-ħtija eventwali tal-minuri mismuta u/jew ta’ missierha, li ħarrek it-tazza kafé u li jirrappreżentaha f’din l-istanza.

( 16 ) Fil-fatt, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa jikkontribwixxu direttament u reċiprokament għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni. Għalhekk seta’ jiġi ammess li meta d-domanda magħmula tidher li tfittex applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni għall-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tixtieq, fir-realtà, interpretazzjoni ta’ dan id-dritt għall-finijiet ta’ din it-tilwima (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1979, van Wesemael et, 110/78 u 111/78, EU:C:1979:8, punt 21; tas‑17 ta’ Novembru 2011, Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:752, punt 21; tat‑8 ta’ Novembru 2012, Gülbahce, C‑268/11, EU:C:2012:695, punt 32, kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2014, Crono Service et, C‑419/12 u C‑420/12, EU:C:2014:81, punti 2829).

( 17 ) Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2027/97 jagħmel riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Montréal fir-rigward tal-kunċetti, bħal dak ta’ “inċident”, li dan ir-regolament jinkludi mingħajr ma jiddefinixxihom.

( 18 ) Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli dwar it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Varsavja fit‑12 ta’ Ottubru 1929. Nippreċiża li t-terminu “inċident” kien użat ukoll, mingħajr preċiżjoni oħra, fl-Artikolu 30(2) ta’ din il-konvenzjoni, li jirrigwarda l-każ, mhux rilevanti f’dan il-każ, ta’ trasport bl-ajru eżegwit minn diversi trasportaturi suċċessivi.

( 19 ) Ara l-preambolu u l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

( 20 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal Reuschle, F., Montrealer Übereinkommen – Kommentar, De Gruyter, Berlin, it-2 Edizzjoni, 2011, kummentarju tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, speċjalment il-punti 13 et seq.

( 21 ) Fuq dawn il-ġurisprudenzi nazzjonali, ara wkoll il-punti 43 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Espressjoni enfasizzata fl-oriġinal, fil-lingwa Ġermaniża: “ein für die Luftfahrt typisches Risiko”.

( 23 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita lil Schmid, R., “Artikel 17”, fi Frankfurter Kommentar zum Luftverkehrsrecht, Luchterhand, il-Ġermanja, 2016, punti 16 u 17 (ara wkoll il-verżjoni bil-lingwa Ingliża, Schmid, R., “Article 17”, f’Montreal Convention, Kluwer, il-Pajjiżi l-Baxxi, 2006, punti 16 u 17), kif ukoll Ruhwedel, E., Der Luftbeförderungsvertrag, Luchterhand, Köln, it-3 Edizzjoni, 1998, punt 331. Barra minn hekk, hija ssemmi sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), tal‑21 ta’ Novembru 2017 (X ZR 30/15, NJW 2018, 861), filwaqt li madankollu tirrileva li din teħtieġ biss l-eżistenza ta’ “rabta” ma’ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru. Preċedentement għal din is-sentenza, ara d-deċiżjoni tal-Landgericht Frankfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt, il-Ġermanja), tas‑16 ta’ Diċembru 2005 (NJW‑RR 2006, 704), minbarra l-ġurisprudenza ċċitata minn Führich, E., Reiserecht – Handbuch und Kommentar, C.H. Beck, München, 2015, p. 1059.

( 24 ) Riskju li jista’ jirriżulta, pereżempju, minn tibdil fl-altitudni jew fil-veloċità tal-ajruplan.

( 25 ) F’dan is-sens, id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi, Reuschle, F., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 15; Stefula, M., Schadenersatz für Passagiere im Luftfahrtgesetz, Verlag Österreich, Vjenna, 2001, punti 123 u 136 (ara wkoll ir-rendikont ta’ dan l-aħħar xogħol minn Müller‑Rostin, W., NZV, 2002, p. 75), kif ukoll Kehrberger, H.‑P., “Overhead Bin-Unfälle an Bord von Luftfahrzeugen – Eine Fallstudie”, Festschrift für Werner Guldimann, Luchterhand, Berlin, 1997, punti 129 u 130, rigward l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja.

( 26 ) Sabiex jintwera fhiex jista’ jikkonsisti riskju speċifikament marbut mal-operat tal-ajruplan, meta mqabbel ma’ riskju ġenerali tal-ħajja ta’ kuljum, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssemmi qlib ta’ xarba taħraq minħabba turbolenza, bdil fl-altitudni tat-titjira jew fl-inklinazzjoni tal-ajruplan, jew anki difett fil-mejda li tingħalaq, ċirkustanzi li fil-kawża prinċipali ma ġewx stabbiliti.

( 27 ) Skont il-Gvern Pollakk, tali rabta tirriżulta mill-fatt li s-servizz ta’ xarbiet sħan matul il-vjaġġ hija prattika normali tat-trasportaturi, bl-ajru u oħrajn, li tagħmel parti mis-servizz ta’ trasport jew tikkostitwixxi provvista addizzjonali direttament marbuta miegħu.

( 28 ) Nispeċifika li waqt is-seduta l-Kummissjoni esprimiet il-pożizzjoni tagħha billi kkonfermat li hija taqbel mal-perspettiva espressa mill-Gvern Franċiż.

( 29 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Guaitoli et (C‑213/18, EU:C:2019:524, punt 58).

( 31 ) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitt verżjonijiet lingwistiċi li fihom kienet stabbilita l-Konvenzjoni ta’ Montréal (jiġifieri l-lingwa Ingliża, Għarbija, Ċiniża, Spanjola, Franċiża u Russa), ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251, punt 24), kif ukoll tas‑17 ta’ Frar 2016, Air Baltic Corporation (C‑429/14, EU:C:2016:88, punti 2331 sa 34).

( 32 ) Ara bħala paragun, id-definizzjoni dettaljata tat-terminu “aċċident” li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU 2010, L 295, p. 35), li skont l-Artikolu 1 tiegħu ma jirregolax madankollu r-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru, għall-kuntrarju tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

( 33 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi li limitazzjoni għal każijiet fejn iseħħ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru ma kinitx mixtieqa waqt l-iżvilupp tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, filwaqt li semmiet is-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23. Nippreċiża li l-punt 21 ta’ din is-sentenza jiddikjara li, skont il-kontenut tal-proċessi verbali tal-konferenza nazzjonali li wasslet għall-adozzjoni ta’ din il-konvenzjoni, għall-eżistenza ta’ inċident, ma kienx impost bħala kundizzjoni t-twettiq ta’ periklu konness mal-avjazzjoni.

( 34 ) L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja jipprovdi li “[i]t-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għad-dannu li seħħ f’każ ta’ mewt, ferita jew kull leżjoni fiżika oħra sofferta minn vjaġġatur meta l-inċident li kkawża d-dannu seħħ abbord l-ajruplan jew waqt kull operazzjoni ta’ imbark jew ta’ żbark” (enfasi miżjuda minni).

( 35 ) Formulazzjoni preżenti kemm fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal kif ukoll fil-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“upon condition only”) u bil-lingwa Spanjola (“por la sola razón”).

( 36 ) Dan japplika wkoll fil-verżjoni lingwistika Franċiża tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, iżda wkoll fil-verżjonijiet tagħha fil-lingwa Ingliża (fejn jintużaw il-kliem “accident” u “event”) u fil-lingwa Spanjola (fejn jintużaw il-kliem “accidente” u “hecho”).

( 37 ) Nenfasizza li ż-żmien kopert mill-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal huwa itwal mit-tul tat-titjira nnifisha, peress li jestendi mit-tluq tal-ajruplan sal-inżul tiegħu.

( 38 ) Jiġifieri l-Artikolu 28 (intitolat “Ħlas bil-quddiem”), il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 33 (intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”) kif ukoll il-paragrafu 2 tal-Artikolu 36 (intitolat “It-trasport suċċessiv”) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

( 39 ) L-istess japplika fil-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“aircraft accidents”) u Spanjola (“accidentes de aviación”). Skont Reuschle, F., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 26, għandha ssir distinzjoni bejn l-inċidenti tal-ajruplan innifsu (pereżempju, jekk jaqa’), li jaqgħu taħt l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, u l-inċidenti abbord l-ajruplan, iżda l-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tal-Artikolu 17 tiegħu jinkludi dawn iż-żewġ tipi ta’ inċidenti. Jiena naqbel ma’ din l-aħħar kunsiderazzjoni, iżda mhux ser niddeċiedi hawnhekk fir-rigward tas-suġġett tal-imsemmi Artikolu 28.

( 40 ) Ara l-punti 27 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Nenfasizza li ma għandux ikun hemm konfużjoni tal-verifika tal-fatt li d-dannu allegat ma huwiex dovut għal responsabblità tal-passiġġier ikkonċernat, li sseħħ fl-istadju tal-klassifikazzjoni eventwali tal-avveniment kontenzjuż bħala “inċident” li jista’ jkun il-bażi tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru – bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal –, mal-kwistjoni ulterjuri dwar jekk bħala difiża ntweriex li dan il-passiġġier ikkontribwixxa b’mod attiv jew b’ommissjoni għat-twettiq tad-dannu kontrih innifsu, b’tali mod li t-trasportatur bl-ajru jkun jista’ jiġi eżonerat mir-responsabbiltà tiegħu – bis-saħħa tal-Artikolu 20 ta’ din il-konvenzjoni.

( 42 ) Ara wkoll Mercadal, B., “Transports aériens”, Répertoire de droit commercial, Dalloz, Pariġi, 2000, punti 110 et seq.; Grigorieff, C.‑I., “Le régime d’indemnisation de la convention de Montréal”, Revue européenne de droit de la consommation, 2012, Nru 4, p. 662 sa 665, kif ukoll Letacq, F., “Fascicule 925”, Jurisclasseur Transport, Lexis360, Pariġi, 2018, punt 70.

( 43 ) Ara, prinċipalment, is-sentenza tal-U.S. Supreme Court (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika), tal-4 ta’ Marzu 1985, Air France vs Saks (470 U.S. 392 (1985), aċċessibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://supreme.justia.com/cases/federal/us/470/392/). Din is-sentenza fondatriċi tistabbilixxi li l-kunċett ta’ “accident” fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, li kienet “drafted in French by continental jurists”, tkopri “an unexpected or unusual event or happening that is external to the passenger”, u mhux il-każ fejn “the injury indisputably results from the passenger’s own internal reaction to the usual, normal, and expected operation of the aircraft”, u li “[a]ny injury is the product of a chain of causes, and we require only that the passenger be able to prove that some link in the chain was an unusual or unexpected event external to the passenger” (enfasi miżjuda minni).

( 44 ) Ara b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet Ġermaniżi ċċitati minn Reuschle, F., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 13.

( 45 ) Minbarra d-deċiżjonijiet Franċiżi msemmija mill-awturi op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 42, ara s-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), l-Ewwel Awla Ċivili, tal‑15 ta’ Jannar 2014 (ECLI:FR:CCASS:2014:C100011, kif ukoll il-ġurisprudenza preċedenti msemmija fl-indirizz tal-internet segwenti: https://www.legifrance.gouv.fr/affichJuriJudi.do?oldAction=rechJuriJudi&idTexte=JURITEXT000028482732&fastReqId=1262213182&fastPos=2).

( 46 ) Il-kelma “accident (inċident)” li toriġina mit-terminu bil-Latin “accidens: qui arrive fortuitement (li jseħħ b’mod fortuwitu)” u hija ddefinita bħala “événement ou fait involontaire dommageable imprévu (avveniment jew fatt involuntarju imprevist li jikkawża ħsara)” skont Cornu, G. et, Vocabulaire juridique, it-12‑il Edizzjoni, PUF, Pariġi, 2018, p. 11, jew “[an] unexpected event, typically sudden in nature and associated with injury, loss, or harm” skont l-Encyclopædia Britannica (https://academic.eb.com/levels/collegiate/article/accident/605405).

( 47 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara fost oħrajn, is-sentenzi tal-U.S. District Court of Puerto Rico (il-Qorti Federali tad-Distrett ta’ Puerto Rico, l-Istati Uniti), tas‑17 ta’ Ġunju 1988, Diaz Lugo vs American Airlines, Inc. (686 F. Supp. 373 (D.P.R 1988), aċċessibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://law.justia.com/cases/federal/district-courts/FSupp/686/373/1362396/), kif ukoll tal-U.S. District Court of California (il-Qorti Federali tad-Distrett ta’ California, l-Istati Uniti), tal‑15 ta’ Mejju 2007, Wipranik vs Air Canada et (2007 WL 2441066, aċċessibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://www.aviationlawmonitor.com/wp-content/uploads/sites/579/2013/06/Wipranik.pdf).

( 49 ) F’dan is-sens, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tiċċita sentenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), tat‑2 ta’ Lulju 2015 (2 Ob 58/15s, aċċessibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://www.ris.bka.gv.at/Dokumente/Justiz/JJT_20150702_OGH0002_0020OB00058_15S0000_000/JJT_20150702_OGH0002_0020OB00058_15S0000_000.pdf).

( 50 ) Ara l-kunsiderazzjonijiet ta’ din il-qorti esposti fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 23 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-U.S. District Court of New York (il-Qorti Federali tad-Distrett ta’ New York, l-Istati Uniti), tal‑10 ta’ Jannar 2017, Lee vs Air Canada (228 F. Supp. 3d 302 (2017), aċċessibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://www.leagle.com/decision/infdco20170210967), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata minn Naveau, J., Godfroid, M., u Frühling, P., Précis de droit aérien, Bruylant, Brussell, it‑2 Edizzjoni, 2006, punt 214.

( 52 ) Ara s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 minbarra l-ġurisprudenza ċċitata minn Tompkins, G. N., Liability Rules Applicable to International Air Transportation As Developed by the Courts in the United States – From Warsaw 1929 to Montreal 1999, Kluwer, il-Pajjiżi l-Baxxi, 2010, punti 8.5.5 u 8.9.1 sa 8.9.17 kif ukoll minn Diederiks‑Verschoor, I. H., An Introduction to Air Law, Kluwer, il-Pajjiżi l-Baxxi, 2012, p. 153 sa 160.

( 53 ) Mercadal, B., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punti 117 sa 124, kif ukoll Letacq, F., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 57, jesponu li riskji inerenti għan-navigazzjoni u l-operat bl-ajru kienu meħtieġa fi Franza bħala karatteristika tal-operazzjonijiet ta’ imbark u żbark fis-sens tal-imsemmi Artikolu 17, u dan il-kriterju ma ġiex abbandunat, bħal fil-pajjiżi Anglo-sassoni.

( 54 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, l-awturi op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

( 56 ) Fuq it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-passiġġieri, ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Dan l-Artikolu 29 jipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ esklużività tas-sistema stabbilita mill-imsemmija konvenzjoni billi jagħmel riferiment għar-regoli ta’ dritt nazzjonali applikabbli għat-tilwima l-kwistjonijiet relatati ma’ “min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom”.

( 58 ) Ara l-estratti minn dan il-preambolu ċċitati fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Speċifikament, fid-dawl tat-tielet u l-ħames paragrafi tal-imsemmi preambolu.

( 60 ) Ser ninvoka l-kontenut ta’ din is-sistema fil-punt 56 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251, punti 30 et seq.); tat‑22 ta’ Novembru 2012, Espada Sánchez et (C‑410/11, EU:C:2012:747, punti 2930); tas‑17 ta’ Frar 2016, Air Baltic Corporation (C‑429/14, EU:C:2016:88, punti 3848), kif ukoll tat‑12 ta’ April 2018, Finnair (C‑258/16, EU:C:2018:252, punti 3443).

( 62 ) Fir-rigward tal-espressjoni “sakemm biss”, użata f’din id-dispożizzjoni, ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) Jiġifieri 100000 Dritt Speċjali ta’ Ġbid (DSĠ) għal kull passiġġier, ammont li tela’ għal 113100 DSĠ sa mit‑30 ta’ Diċembru 2009 (fir-rigward ta’ din is-sistema fuq livell doppju u tar-reviżjoni mwettqa fir-rigward tal-ammont rilevanti, ara l-gwida aċċessibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://www.icao.int/secretariat/legal/Administrative%20Packages/mtl99_fr.pdf). Nippreċiża li l-Artikolu 23 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi li f’każ ta’ azzjoni ġudizzjarja, il-konverżjoni monetarja ta’ Stat li, bħar-Repubblika tal-Awstrija, hija membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) għandha ssir skont il-valur f’DSĠ ikkalkolat fid-data tas-sentenza, permezz tal-metodu applikat normalment mill-FMI u ppubblikat fuq is-sit tal-internet tiegħu (ara https://www.imf.org/fr/About/Factsheets/Sheets/2016/08/01/14/51/Special-Drawing-Right-SDR).

( 64 ) Fid-dawl tal-ammont ta’ kumpens mitlub (ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 65 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 66 ) F’dan is-sens, ara wkoll il-punt 21 tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iċċitata iktar’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.

( 67 ) Ara l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja moqri flimkien mal-Artikolu 20 tagħha, li kien jipprevedi li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru kienet konfutabbli.

( 68 ) Konformement mal-Artikolu 22(1) tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja. Dwar ir-reviżjoni tal-limiti inizjalment previsti minnha, ara Grigorieff, C.‑I., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 42, p. 653 sa 656.

( 69 ) Il-premessi 7 u 10 ta’ dan ir-regolament jindikaw li “[huwa] u l-Konvenzjoni ta’ Montreal isaħħu l-protezzjoni tal-passiġġieri u tad-dipendenti tagħhom” u li “[s]istema ta’ responsabbiltà illimitata fil-każta’ mewt jew ta’ korriment tal-passiġġieri hija mixtieqa fil-kuntest ta’ sistema ta’ trasport bl-ajru sikura u moderna.”. It-titjib kunsiderevoli tas-sistema ta’ kumpens tal-passiġġieri vittmi ta’ inċidenti tal-ajru, speċjalment fir-rigward tal-oneru tal-prova, kien enfasizzat ukoll fir-rapporti uffiċjali ppubblikati fi Franza u l-Isvizzera, aċċessibbli rispettivament fl-indirizzi tal-internet segwenti: http://www.assemblee-nationale.fr/12/pdf/rapports/r0675.pdf u https://www.admin.ch/opc/fr/federal-gazette/2004/2701.pdf.