KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HOGAN
ippreżentati fit‑12 ta’ Settembru 2019 ( 1 )
Kawża C‑524/18
Dr. Willmar Schwabe GmbH & Co. KG
vs
Queisser Pharma GmbH & Co. KG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Informazzjoni u protezzjoni tal-konsumatur – Regolament (KE) Nru 1924/2006 – Indikazzjonijiet dwar is-saħħa relatati mal-ikel – Artikolu 10(1) u (3) – Kunċett ta’ ‘akkumpanjar’ ta’ indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa – Riferiment għal effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi – Obbligu ta’ produzzjoni ta’ provi xjentifiċi – Portata”
1. |
Meta l-indikazzjonijiet ġenerali dwar is-saħħa jsiru fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ tas-supplimenti tal-ikel, jista’ jingħad li l-manifattur ikkonforma mar-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 ( 2 ) li dawn l-indikazzjonijiet “[jistgħu jsiru] biss jekk [i]kun[u] akkumpanjat[i] minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikoli 13 jew 14” meta din l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa tkun tinsab fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan l-imballaġ? Din hija essenzjalment id-domanda prinċipali li l-Qorti tal-Ġustizzja hija issa meħtieġa teżamina sussegwentement għal rinviju għal dan il-għan mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). |
2. |
Id-domanda li tirrigwarda provi xjentifiċi ġiet indirizzata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Nelsons (C‑177/15) ( 3 ). Fid-dawl ta’ dan, għaldaqstant nipproponi – konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja – li dawn il-konklużjonijiet ikunu limitati jindirizzaw biss il-kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3). Qabel ma nagħmel dan, huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat il-kuntest leġiżlattiv rilevanti. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3. |
Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1924/2006 tipprovdi li “[n]umru dejjem jikber ta’ ikel li qed jiġi ttikkettat u rriklamat fil-Komunità qed ikollu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u biex tiġi ffaċilitata l-għażla tagħhom, il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq […] għandhom ikunu siguri u ttikkettati b’mod xieraq”. |
4. |
Il-premessa 16 tipprovdi wkoll li “[h]uwa importanti li l-indikazzjonijiet fuq l-ikel ikunu jistgħu jinftiehmu mill-konsumatur u huwa xieraq li-konsumaturi kollha jkunu mħarsa minn indikazzjonijiet qarrieqa. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 84/450/KEE tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, sabet li hu meħtieġ meta tkun qed tiġġudika każijiet dwar riklamar li teżamina l-effett fuq konsumatur konċettwali tipiku. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tkun tista’ sseħħ l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjoni kontenuta fih, dan ir-Regolament jieħu bħala standard il-konsumatur medju, li hu infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment osservanti u attent, u meħud kont tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, skond l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fih disposizzjonijiet sabiex jipprevjeni l-esplojtazzjoni tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal indikazzjonijiet li jqarrqu”. |
5. |
Il-premessa 23 tipprovdi li “[i]ndikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jiġu awtorizzati għall-użu fil-Komunità biss wara valutazzjoni xjentifika ta’ l-ogħla standard possibbli. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni xjentifika armonizzata ta’ dawn l-indikazzjonijiet, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel għandha twettaq tali valutazzjonijiet”. |
6. |
L-Artikolu 2(2)(1) jipprovdi li indikazzjoni “tfisser kull messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhix obbligatorja skond il-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, inklużi rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi, f’kull forma, li jiddikjaraw, jissuġġerixxu jew jimplikaw li xi ikel għandu karetteristiċi partikolari”. |
7. |
L-Artikolu 2(2)(5) jipprovdi wkoll li indikazzjoni dwar is-saħħa “tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa”. |
8. |
L-Artikolu 5(1)(a) jipprovdi li “[l]- użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti: (a) ikun muri li l-preżenza, in-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas f’ikel jew f’kategorija ta’ ikel ta’ nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-indikazzjoni għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku ta’ benefiċċju, kif stabbilit minn evidenza xjentifika b’mod ġenerali”. |
9. |
L-Artikolu 6(1) jipprovdi li “[i]ndikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu bbażati u ssostanzjati minn evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali”. |
10. |
L-Artikolu 10(1) jipprovdi li “[i]ndikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14”. |
11. |
L-Artikolu 10(3) jipprovdi li “[r]eferenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa tista’ ssir biss jekk tkun akkumpanjata minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew 14”. |
12. |
L-Artikolu 13(1) jipprovdi li “[i]ndikazzjonijiet li jiddeskrivu jew jirreferu għal: (a) l-irwol ta’ nutrijent jew ta’ sustanza oħra fit-tkabbir, l-iżvilupp u l-funzjonijiet tal-ġisem; jew (b) il-funzjonijiet psikoloġiċi u ta’ mġieba […] li huma indikati fil-lista prevista fil-paragrafu 3 jistgħu jsiru mingħajr ma jgħaddu mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 19, jekk ikunu: (i) ibbażati fuq evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali, u (ii) mifhuma sew mill-konsumatur medju”. |
13. |
L-Artikolu 13(3) jipprovdi li “[w]ara li tikkonsulta lill-Awtorità [Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel], il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), lista Komunitarja, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi tissupplimentah, ta’ indikazzjonijiet permessi kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa għall-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet”. |
14. |
L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012 ( 4 ) jipprovdi li “[i]l-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jistgħu jsiru fuq l-ikel, kif inhu msemmi fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, hi stipulata fl-Anness għal dan ir-Regolament. L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmijin fil-paragrafu 1 jistgħu jsiru fuq ikel f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness”. |
15. |
L-Anness jinkludi l-Vitamina B, fil-forom B6 u B12, li fir-rigward tagħhom it-tnejn tista’ ssir indikazzjoni fost oħrajn li hija “tikkontribwixxi għall-metaboliżmu li jipproduċi l-enerġija b’mod normali”, kif ukoll iż-żingu, li fir-rigward tiegħu tista’ ssir indikazzjoni fost oħrajn li huwa “jikkontribwixxi għall-funzjoni konjittiva normali”. |
16. |
L-Anness jispeċifika wkoll li l-indikazzjonijiet rispettivi jistgħu jsiru biss għal ikel li huwa tal-inqas sors ta’ Vitamina B6, B12 jew ta’ żingu kif elenkati fl-Anness tar-Regolament Nru 1924/2006 taħt it-titolu “sors ta’ [isem tal-vitamina/i] u/jew [isem tal-mineral/i]”. |
17. |
Taħt dan it-titolu, l-Anness tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprovdi li “[i]ndikazzjoni li ikel hu sors ta’ vitamini u/jew minerali, u kwalunkwe indikazzjoni li x’aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista’ ssir biss fejn il-prodott ikun fih mill-inqas ammont sinifikanti kif definit fl-Anness mad-Direttiva 90/496/KEE jew ammont previst b’derogi mogħtija skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra fl-ikel”. |
18. |
Fl-aħħar nett, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/63 ( 5 ) ġew adottati Linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”). |
19. |
It-Taqsima 3(1) tal-Linji gwida tipprovdi li “[l]-Artikolu 10(3) jippermetti l-użu ta’ dikjarazzjonijiet attraenti faċli, li jagħmlu referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi ta’ ċertu ikel għal saħħa tajba kumplessiva jew benesseri relatat mas-saħħa, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi. L-użu ta’ tali indikazzjonijiet jista’ jkun ta’ għajnuna għall-konsumaturi peress li jwassal messaġġi aktar ċari lill-konsumatur. Madankollu, dawn jistgħu jkunu interpretati ħażin u/jew ma jiftiehmux faċilment mill-konsumaturi u possibbilment iwasslu biex wieħed jifhem li jeżistubenefiċċji għas-saħħa oħrajn/aħjar ta’ ċertu ikel, minn dawk li jeżistu attwalment. Għal din ir-raġuni, meta wieħed jirreferi għal benefiċċji tas-saħħa ġenerali u mhux speċifiċi, huwa meħtieġ li dawn ir-referenzi jiġu akkumpanjati minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa misluta mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi fir-Reġistru tal-Unjoni. Għall-finijiet tar-Regolament, l-indikazzjoni tas-saħħa awtorizzata speċifika li takkumpanja l-istqarrija li tagħmel referenza għall-benefiċċji tas-saħħa ġenerali mhux speċifiċi, għandha ssir ‘biswit’ jew ‘wara’ t-tali stqarrija”. |
20. |
Barra minn hekk, it-Taqsima 3(2) tipprovdi li “[l]-indikazzjonijiet speċifiċi misluta mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi għandu jkollhom xi rilevanza għar-referenza ġenerali. Hekk kif din ir-referenza ssir aktar wiesgħa, eż. ‘għal saħħa tajba’, jaf ikunu eliġibbli li jakkumpanjawha aktar indikazzjonijiet dwar is-saħħa mil-listi permessi. Xorta għandha tingħata attenzjoni lill-fatt li l-Artikolu 10 jistabbilixxi regoli rigward il-kuntest li fih l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma użati u minħabba li l-Artikolu 10 jirreferi speċifikament għar-regoli tal-Kapitoli II u IV, dawk ir-regoli għandhom jiġu kkunsidrati wkoll jekk l-operaturi jixtiequ jikkonformaw mar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 10(3). Għalhekk, biex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom ir-responsabbiltà li juru r-rabta bejn ir-referenza għall-benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tal-ikel u l-indikazzjoni speċifika permessa dwar is-saħħa li takkumpanjaha”. |
21. |
Fl-aħħar nett, it-Taqsima 3(3) tipprovdi li “[x]i indikazzjonijiet sottomessi għall-awtorizzazzjoni matul il-valutazzjoni xjentifika tagħhom kienu ġġudikati bħala ġenerali wisq jew mhux speċifiċi għal evalwazzjoni. Dawn l-indikazzjonijiet ma setgħux jiġu awtorizzati u għalhekk jistgħu jinstabu fil-lista ta’ indikazzjonijiet mhux awtorizzati fir-Reġistru tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa. Dan ma jeskludix li dawk l-indikazzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10(3) u għalhekk jistgħu jiġu użati legalment meta jkunu akkumpanjati minn indikazzjoni speċifika misluta mil-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi skont dak l-Artikolu”. |
22. |
Ir-Reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u dwar is-saħħa huwa ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea ( 6 ). Dan jinkludi 40 indikazzjoni mhux awtorizzata li tirrigwarda l-Vitamina B, inklużi ħames indikazzjonijiet li jirrigwardaw il-Vitamina B2 u sitt indikazzjonijiet li jirrigwardaw il-Vitamina B12, kif ukoll seba’ indikazzjonijiet mhux awtorizzati li jirrigwardaw iż-żingu. L-ebda waħda mill-indikazzjonijiet mhux awtorizzati ma tidher li tikkorrispondi għal dawk magħmula fil-kawża preżenti. |
Id-dritt nazzjonali
23. |
L-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni Żleali, iktar ’il-quddiem l-“UWG”) ( 7 ) jipprovdi li “prattiki kummerċjali żleali huma illegali meta dawn jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew ta’ operaturi oħra tas-suq”. |
24. |
L-Artikolu 5(1)(1) tal-UWG jipprovdi li “kull prattika kummerċjali qarrieqa tikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali. Prattika kummerċjali tkun qarrieqa jekk tkun tinvolvi indikazzjonijiet impreċiżi, jew indikazzjonijiet qarrieqa oħra, rigward waħda jew iktar minn dawn li ġejjin (1) il-karattertistiċi essenzjali tal-prodott jew tas-servizz, bħad-disponibbiltà tiegħu, in-natura tiegħu, il-prestazzjoni tiegħu, il-vantaġġi tiegħu, ir-riskji tiegħu, il-kompożizzjoni tiegħu, l-aċċessorji tiegħu, il-metodu u d-data tal-manifattura, tal-kunsinna jew tal-provvista tiegħu, l-utilità tiegħu, l-użu possibbli tiegħu, il-kwantità tiegħu, il-proprjetajiet tiegħu, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-ipproċessar tal-ilmenti, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali tiegħu, ir-riżultati mistennija mill-użu tiegħu, kif ukoll ir-riżultati u t-testijiet tal-karatteristiċi prinċipali mwettqa fuq il-prodott jew is-servizz”. |
25. |
L-Artikolu 11(1) tal-Lebensmittel, Bedarfsgegenstände und Futtermittelgesetzbuch (il-Kodiċi dwar il-Prodotti tal-Ikel, il-Prodotti għall-Konsum ta’ Kuljum u l-Għalf, iktar ’il quddiem il-“LFGB”) ( 8 ), jipprovdi li “il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tal-ikel taħt isem qarrieqi jew b’rappreżentazzjoni, jew indikazzjoni qarrieqa jew il-promozzjoni tiegħu b’mod ġenerali jew f’każ partikolari permezz ta’ preżentazzjonijiet jew stqarrijiet qarrieqa oħra huma pprojbiti. B’mod partikolari, jirriżulta qerq: (1) meta fir-rigward ta’ prodott tal-ikel jintużaw ismijiet, indikazzjonijiet, preżentazzjonijiet, deskrizzjonijiet jew stqarrijiet oħra li jistgħu jqarrqu fir-rigward tal-karatteristiċi tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tip, il-kwalità, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini, il-provenjenza jew il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni tiegħu”. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
26. |
Ir-rikorrenti, Dr. Willmar Schwabe GmbH & Co. KG, timmanifattura u tbigħ prodotti mediċinali veġetali li fihom estratt tal-weraq tal-ginko, li huma awtorizzati għat-trattament sintomatiku ta’ disturb mentali kkawżat minn sindromu tal-moħħ organiku, li jinkludi, b’mod partikolari, disturbi tal-memorja u tal-konċentrazzjoni. |
27. |
Il-konvenuta, Queisser Pharma GmbH & Co. KG, tbigħ is-suppliment tal-ikel “Doppelherz aktiv Ginkgo + B‑Vitamine + Cholin” (Doppelherz ginkgo attiv + vitamini B + kolin), li huwa kompost minn total ta’ tmien ingredjenti, inkluż il-kolin, iż-żingu, l-estratt tal-weraq tal-ginko u l-Vitamini B1 (l-anewrina), B2, B5 (l-aċidu pantoteniku) u B12. |
28. |
In-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ ta’ barra tinkludi l-indikazzjoni “B‑Vitamine und Zink für Gehirn, Nerven, Konzentration und Gedächtnis” (Vitamini B u żingu għall-moħħ, għan-nervituri, għall-konċentrazzjoni u għall-memorja). |
29. |
In-naħa ta’ wara tal-imballaġġ ta’ barra tinkludi diversi indikazzjonijiet, li fosthom is-sussegwenti jirrigwardaw il-Vitamini B u ż-żingu fir-rigward tal-moħħ, tan-nervituri, tal-konċentrazzjoni u tal-memorja: “Il-Vitamina B1 u l-Vitamina B12 jikkontribwixxu għal metaboliżmu enerġetiku normali u għal funzjoni normali tas-sistema nervuża kif ukoll għas-sosteniment ta’ kapaċità mentali normali. Il-Vitamina B2, bħall-Vitamina B1, għandha rwol fil-metaboliżmu enerġetiku normali u fil-funzjoni normali tas-sistema nervuża. Barra minn hekk, il-Vitamina B2 tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċelloli kontra l-istress ossidattiv. It-traċċa ta’ element żingu jikkontribwixxi għal funzjoni konjittiva normali u jipproteġi ċ-ċelloli kontra l-istress ossidattiv.” |
30. |
In-naħa ta’ wara tal-imballaġġ tinkludi wkoll indikazzjonijiet addizzjonali li jirrigwardaw il-Vitamini B f’rigwardi oħra għajr il-moħħ, in-nervituri, il-konċentrazzjoni u l-memorja, kif ukoll indikazzjonijiet addizzjonali li jirrigwardaw ingredjenti oħra. |
31. |
Ir-rikorrenti ressqet proċeduri quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali, Düsseldorf, il-Ġermanja) fejn sostniet li l-indikazzjoni fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ ta’ barra tikser l-Artikolu 5(1)(a), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, kif ukoll l-Artikolu 5(1) tal-UWG u l-Artikolu 11(1) tal-LFGB. Il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali, Düsseldorf) ċaħdet ir-rikors permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Awwissu 2014. |
32. |
F’sentenza mogħtija fit‑30 ta’ Ġunju 2016 mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf, il-Ġermanja), l-appell tar-rikorrenti ġie miċħud fuq il-bażi li l-indikazzjoni fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġ ta’ barra la tikser l-Artikolu 10(1) u lanqas l-Artikolu 10(3) tar-Regolament. |
33. |
L-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf) ikkonstatat li l-indikazzjoni kienet indikazzjoni ġenerali, mhux speċifika dwar is-saħħa li kienet akkumpanjata b’indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ ta’ barra, inklużi indikazzjonijiet li jirrigwardaw il-Vitamini B1, B5 u B12, kif ukoll iż-żingu. Barra minn hekk, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf) ikkonstatat li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament ma kienx jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi dwar il-mod li bih l-indikazzjonijiet speċifiċi kellhom jakkumpanjaw indikazzjoni ġenerali. |
34. |
Barra minn hekk, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf) ikkonstatat li jekk l-indikazzjoni fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ ta’ barra kellha titqies bħala indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa, din tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(1) peress li jkunu ġew prodotti provi għall-indikazzjonijiet speċifiċi individwali fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ ta’ barra. Madankollu, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf) ikkonstatat li biss indikazzjoni li tirrigwarda funzjonijiet speċifiċi tal-organiżmu setgħet titqies bħala indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa, li ma kienx il-każ hawnhekk. |
35. |
Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 5(1) tal-UWG u fuq l-Artikolu 11(1) tal-LFGB, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf) ikkonstatat li, fid-dawl tal-konstatazzjoni tagħha fir-rigward tar-Regolament, ma kienx hemm il-ħtieġa li jiġu indirizzati dawn id-dispożizzjonijiet. |
36. |
Ir-rikorrenti appellat għal darb’oħra quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof Bundesgerichthof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ proċedura speċjali limitata għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-qorti tar-rinviju b’mod ġenerali kkonfermat l-interpretazzjoni stabbilita mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf) fir-rigward tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament, iżda kkonstatat li l-eżami alternattiv tal-Artikolu 10(1) ma kienx meħtieġ. |
37. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-mod li bih l-indikazzjonijiet speċifiċi kellhom jakkumpanjaw indikazzjoni ġenerali kien iqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolament, b’mod partikolari minħabba li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti, kif ukoll il-ġurisprudenza preċedenti tal-qorti tar-rinviju, jidhru li jeħtieġu rabta diretta bejn l-indikazzjonijiet ġenerali u speċjali, bħal, per eżempju, permezz ta’ asterisk li tirreferi lill-qarrej minn indikazzjoni waħda għall-oħra. |
38. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-kawża preżenti kienet tiddependi wkoll fuq jekk indikazzjoni ġenerali dwar is-saħħa, minbarra li tkun akkumpanjata b’indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa, għandhiex hija stess ukoll tkun ibbażata fuq provi xjentifiċi, minkejja li tali indikazzjonijiet ġenerali dwar is-saħħa abbażi tal-Artikolu 10(3) huma eżentati mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tar-Regolament. |
39. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
40. |
Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-konvenuta u mill-Kummissjoni, li lkoll kemm huma għamlu sottomissjonijiet orali matul is-seduta. |
Evalwazzjoni
Rimarki introduttorji
41. |
Ir-rikorrenti osservat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċentraw fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament, filwaqt li r-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina wkoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1). |
42. |
Il-Kummissjoni ssuġġeriet ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu pożizzjoni dwar jekk l-indikazzjonijiet ġenerali dwar is-saħħa li jirreferu għall-effett ikkombinat ta’ diversi ingredjenti jeħtiġux awtorizzazzjoni skont ir-Regolament. |
43. |
Bħala punt tat-tluq, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li peress li abbażi tal-Artikolu 267 TFUE “hija biss il-qorti nazzjonali li għandha l-fakultà li tiddetermina d-domandi li għandhom isiru, il-partijiet ma jistgħux ibiddlu l-kontenut tagħhom” ( 9 ). |
44. |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina kwistjonijiet addizzjonali meta tqis li dan jista’ jkun utli għall-qorti tar-rinviju ( 10 ). |
45. |
Fil-kawża preżenti, inqis li sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ l-ewwel nett li tiġi eżaminata d-distinzjoni bejn l-indikazzjonijiet ġenerali u speċifiċi, minkejja li din il-kwistjoni ma tqajmitx espliċitament mill-qorti nazzjonali. |
46. |
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-effett ikkombinat ta’ indikazzjonijiet ġenerali dwar is-saħħa li jkopru diversi ingredjenti, din il-kwistjoni taqa’ taħt it-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Kif diġà rrimarkajt, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet li dawn il-konklużjonijiet jindirizzaw biss l-ewwel domanda. |
L-ewwel domanda
47. |
L-ewwel domanda essenzjalment tirrigwarda l-mod li bih l-indikazzjonijiet ġenerali dwar is-saħħa għandhom ikunu akkumpanjati b’indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa, iżda kif indikat iktar ’il fuq, inqis li huwa meħtieġ l-ewwel nett li jiġu stabbiliti l-kriterji għad-distinzjoni bejn l-indikazzjonijiet ġenerali u speċifiċi dwar is-saħħa. |
L-indikazzjonijiet speċifiċi u ġenerali dwar is-saħħa
48. |
L-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, li jiddefinixxi l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, ma jipprovdi l-ebda distinzjoni bejn l-indikazzjonijiet speċifiċi u ġenerali. Bl-istess mod, ma ssir l-ebda distinzjoni fl-Artikolu 5(1), li jeħtieġ provi xjentifiċi għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, jew fl-Artikolu 10(1), li jeħtieġ l-użu ta’ kliem awtorizzat għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, hekk kif stabbilit fl-Anness tal-Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012. |
49. |
Madankollu, l-użu ta’ indikazzjonijiet ġenerali dwar is-saħħa huwa previst espressament fl-Artikolu 10(3), li barra minn hekk jirreferi għal dawn l-indikazzjonijiet bħala “mhux speċifiċi” u jeħtieġ li jkunu akkumpanjati b’indikazzjonijiet “speċifi[ċi]” dwar is-saħħa. F’dan il-kuntest, jirriżulta b’mod ċar li l-indikazzjonijiet speċifiċi u ġenerali jifformaw elementi komplementari tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, b’tali mod li kwalunkwe indikazzjoni għandha tkun jew speċifika jew ġenerali. |
50. |
Dan huwa sostnut mill-pożizzjoni meħuda mill-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Nelsons, li fiha huwa ddikjara li l-Artikolu 10(3) “ma jippruva[x] […] jidentifik[a] kategorija ġdida differenti ta’ dikjarazzjoni li tidher fuq prodotti, iżda pjuttost jirrikonoxx[i] żewġ tipi partikolari ta’ stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa – ġenerali u speċifiċi – li jistħoqqilhom trattament differenti” ( 11 ). |
51. |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mil-Linji gwida stabbiliti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/63 li tadotta linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għall-indikazzjonijiet tas-saħħa stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jipprovdu fit-Taqsima 3(3) li “[x]i indikazzjonijiet sottomessi għall-awtorizzazzjoni matul il-valutazzjoni xjentifika tagħhom kienu ġġudikati bħala ġenerali wisq jew mhux speċifiċi għal evalwazzjoni.” Fir-rigward ta’ dawn l-indikazzjonijiet, it-Taqsima tipprovdi wkoll li dan “ma jeskludix li dawk l-indikazzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10(3) u għalhekk jistgħu jiġu użati legalment meta jkunu akkumpanjati minn indikazzjoni speċifika misluta mil-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi skont dak l-Artikolu”. |
52. |
Dan iqajjem il-punt dwar jekk ikunx hemm skop utli li jiġu stabbiliti kriterji ta’ definizzjoni għad-distinzjoni bejn l-indikazzjonijiet speċifiċi u ġenerali dwar is-saħħa. Sabiex ikunu “legali”, l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa għandhom ikunu “awtorizzati” u l-formulazzjoni tagħhom għandha tkun inkluża f’lista ppubblikata. Indikazzjoni dwar is-saħħa meqjusa li hija ġenerali wisq ma tiġix awtorizzata, iżda din tista’ xorta waħda tintuża bħala indikazzjoni ġenerali dwar is-saħħa jekk hija tkun akkumpanjata b’indikazzjoni speċifika legali. |
53. |
Bl-istess mod, l-amministrazzjoni prattika tar-Regolament Nru 1924/2006 f’dan ir-rigward tidher li teħtieġ l-eżami ta’ żewġ kwistjonijiet biss. L-ewwel waħda hija jekk l-indikazzjoni dwar is-saħħa hijiex indikazzjoni speċifika legali li tinsab fuq il-lista ta’ indikazzjonijiet awtorizzati, u jekk dan ma huwiex il-każ, it-tieni hija jekk l-indikazzjoni dwar is-saħħa hijiex akkumpanjata u sostnuta b’indikazzjonijiet speċifiċi legali. |
54. |
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kwistjoni dwar jekk, f’każ partikolari, indikazzjoni dwar is-saħħa tikkostitwixxix indikazzjoni speċifika legali jew indikazzjoni ġenerali sostnuta. L-evalwazzjoni tal-indikazzjonijiet speċifiċi hija inqas kumplessa, peress li hija bbażata fuq ipparagunar mal-lista ta’ indikazzjonijiet awtorizzati. L-evalwazzjoni tal-indikazzjonijiet ġenerali tinvolvi minn naħa tagħha eżerċizzju li huwa ftit iktar kumpless, peress li dan l-eżerċizzju jeħtieġ ipparagunar tal-indikazzjonijiet ġenerali mal-indikazzjonijiet speċifiċi li allegatament isostnuhom. |
55. |
La r-Regolament u lanqas il-miżuri addizzjonali adottati mill-Kummissjoni ma jipprovdu indikazzjoni dwar il-livell ta’ sostenn li għandu jiġi stabbilit, għalkemm il-Linji gwida jipprovdu fit-Taqsima 3(2) li “l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom ir-responsabbiltà li juru r-rabta bejn ir-referenza għall-benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tal-ikel u l-indikazzjoni speċifika permessa dwar is-saħħa li takkumpanjaha”. |
56. |
Fil-kawża preżenti, l-indikazzjoni ġenerali tidher li hija parzjalment sostnuta minn indikazzjoni speċifika awtorizzata li tirrigwarda ż-żingu, filwaqt li l-kwistjoni dwar sa fejn din l-indikazzjoni hija sostnuta minn indikazzjonijiet speċifiċi awtorizzati li jirrigwardaw il-vitamini B hija eżerċizzju ftit iktar kumpless. Madankollu, hekk kif diġà indikajt, din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u ta’ kwalunkwe prova rilevanti xjentifika jew ta’ natura oħra, li l-partijiet jistgħu jiddeċiedu li jinvokaw. |
Indikazzjonijiet akkumpanjati
57. |
Il-konvenuta targumenta favur interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “akkumpanjar”, peress li għandu jiġi preżunt li l-konsumatur jaqra wkoll in-naħa ta’ wara ta’ imballaġġ, filwaqt li r-rikorrenti u l-Kummissjoni jargumentaw favur interpretazzjoni restrittiva tat-terminu “akkumpanjar”, peress li l-Artikolu 10(3) huwa eċċezzjoni għar-regola ġenerali fl-Artikolu 10(1), li teħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet tas-saħħa. Huma jargumentaw ukoll li fil-kawża preżenti, l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa li allegatament isostnu l-indikazzjoni ġenerali huma mħallta f’lista itwal ta’ diversi indikazzjonijiet, u għalhekk huwa diffiċli li jiġi ddeterminat liema indikazzjonijiet huma intiżi li jsostnu l-indikazzjoni ġenerali dwar is-saħħa. |
58. |
It-Taqsima 3(1) tal-Linji gwida tipprovdi li “[g]ħall-finijiet tar-Regolament, l-indikazzjoni tas-saħħa awtorizzata speċifika li takkumpanja l-istqarrija li tagħmel referenza għall-benefiċċji tas-saħħa ġenerali mhux speċifiċi, għandha ssir ‘biswit’ jew ‘wara’ t-tali stqarrija” ( 12 ). |
59. |
Jekk il-kliem fil-Linji gwida (“biswit” jew “wara”) kellu jittieħed prima facie, allura dan jissuġġerixxi li l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa għandha tkun immedjatament maġenb l-indikazzjoni ġenerali dwar is-saħħa sabiex jiġi osservat ir-rekwiżit relatat mal-użu tal-kelma “akkumpanjata” fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament. Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 10(4) jipprevedi li jistgħu jiġu adottati Linji gwida, li, b’mod konformi mal-premessa 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/63, jistgħu jkollhom l-għan li jiżguraw “il-konsistenza fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet” u li jiġu “żgurati ċarezza u ċertezza akbar għall-operaturi ekonomiċi”, huwa assjomatiku li, f’Unjoni bbażata fuq l-osservanza tal-Istat tad-dritt, il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament ma tistax tinbidel jew tiġi emendata, jew xort’oħra mwessgħa, permezz ta’ Linji gwida bħal dawn. |
60. |
Għalhekk, jirriżulta li l-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata esklużivament b’riferiment għall-kliem stess tal-Artikolu 10(3). Irrispettivament minn kemm id-distinzjoni tista’ tkun dejqa u fina, il-kelma “takkumpanja” hija madankollu xi ftit usa’ u iktar espansiva mill-kliem “biswit” jew “wara” użati fil-Linji gwida. Għalhekk, wieħed jista’ f’konverżazzjoni ta’ kuljum, jitkellem, per eżempju, dwar ittra “li takkumpanja” rigal, minkejja li l-ittra tista’ tkun f’envelop issiġillat u r-rigal innifsu imballat separatament. |
61. |
Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-użu tal-kelma “takkumpanja” f’dan il-kuntest jissuġġerixxi li huwa biżżejjed li l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa meħtieġa mill-Artikolu 10(3) huma indikati b’mod prominenti fi bnadi oħra fuq l-imballaġġ. Ma huwiex meħtieġ li l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa jitqiegħdu biswit jew wara jew ikunu immedjatament ħdejn l-indikazzjonijiet ġenerali dwar is-saħħa magħmula fil-kawża preżenti fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ. L-Artikolu 10(3) lanqas ma jinkludi xi rekwiżit li l-indikazzjonijiet ġenerali u speċifiċi dwar is-saħħa jkunu marbuta b’xi mod, bħal permezz ta’ asterisk. Minflok, huwa biżżejjed li l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa jingħataw prominenza suffiċjenti b’tali mod li dawn l-indikazzjonijiet ikunu aċċessibbli u jistgħu jinqraw mill-konsumatur. |
62. |
Jekk l-Artikolu 10(3) jitqies, hekk kif interpretat ġudizzjarjament, li għandu lakuni jew li ma jipproteġix b’mod xieraq l-interessi tal-konsumatur, allura, ovvjament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jirrimedja dan. Madankollu, skont id-dritt preżenti, għandu jiġi rrikonoxxut li, fid-diskors ordinarju, stqarrija fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ ta’ prodott tista’ titqies li “takkumpanja” stqarrija fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ dan l-imballaġġ. |
63. |
Din il-fehma hija sostnuta mill-kawża Neptune Distribution ( 13 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “meta adotta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 u tad-Direttiva 2009/54, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien neċessarju li jiġi ggarantit li l-konsumatur jirċievi informazzjoni adegwata u trasparenti”. |
64. |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-kawża Teekanne ( 14 ) li “mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa ammess li l-konsumaturi, li d-deċiżjoni tagħhom li jixtru prodott hija b’mod partikolari ddeterminata mill-kompożizzjoni tal-prodott li għandhom l-intenzjoni li jixtru, li jaqraw l-ewwel il-lista tal-ingredjenti”. |
65. |
Fil-fehma tiegħi, il-kriterji meqjusa f’din il-ġurisprudenza jistgħu jiġu applikati b’analoġija għall-kawża preżenti, u b’hekk jista’ jiġi mistenni li konsumatur li jaqra stqarrija ġenerali dwar is-saħħa fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ ta’ prodott tal-ikel jikkonsulta wkoll l-informazzjoni ulterjuri pprovduta fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ, li minbarra l-lista ta’ ingredjenti tista’ tinkludi wkoll diversi indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa intiżi li jsostnu l-indikazzjoni ġenerali dwar is-saħħa. |
66. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma jistax ikun meħtieġ b’mod ġenerali li tintuża għodda li torbot speċifika, bħall-użu ta’ asterisk, sabiex tirreferi lill-konsumatur minn naħa ta’ quddiem tal-imballaġ għan-naħa ta’ wara tal-imballaġġ. Madankollu, il-kwistjoni ssir iktar kumplessa meta l-informazzjoni fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ ikun fiha taħlita ta’ stqarrijiet, li minnhom ftit biss iservu sabiex isostnu l-indikazzjoni ġenerali dwar is-saħħa inkluża fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ, hekk kif invokaw ir-rikorrenti u il-Kummissjoni. |
67. |
Il-kwistjoni dwar jekk indikazzjoni ġenerali dwar is-saħħa hijiex effettivament sostnuta minn indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa b’mod li huwa suffiċjentement ċar għal evalwazzjoni mill-konsumatur għandha tiġi eżaminata mill-qorti nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. |
68. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Teekanne ( 15 ) enfasizzat li “il-qorti nazzjonali għandha essenzjalment tibbaża ruħha fuq il-preżunti aspettattivi, fir-rigward tal-imsemmi ttikkettjar, ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat”. |
69. |
Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li fil-kawża preżenti tista’ tirriżulta problema oħra, minħabba li diversi mill-istqarrijiet fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ li jirrigwardaw il-Vitamina B ma jidhrux li jikkorrispondu għal-lista ta’ stqarrijiet speċifiċi dwar is-saħħa awtorizzati. Madankollu, f’dan il-każ ukoll, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina din il-kwistjoni. |
It-tieni domanda
70. |
Hekk kif indikat iktar ’il fuq, dawn il-konklużjonijiet huma limitati li jindirizzaw l-ewwel domanda. |
71. |
Fil-kawża Nelsons ( 16 ), l-Avukat Ġenerali Bobek sostna li “ma hemmx ħtieġa li tinġieb prova xjentifika diretta ta’ stqarrijiet ġenerali dwar vantaġġ għas-saħħa. Minflok, tali stqarrijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn stqarrijiet speċifiċi dwar vantaġġ għas-saħħa li jkunu sostnuti minn tali prova. Dan jirriżulta fi prova indiretta li tiġi pprovduta għal stqarrija ġenerali”. |
72. |
Naqbel ma din il-konklużjoni. |
Konlużjoni
73. |
Nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tkun is-segwenti:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 9, rettifika fil-ĠU 2007, L 12, p. 3), emendat l-iktar reċentement bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/343 tat‑28 ta’ Frar 2019. Il-fatti ta’ din il-kawża huma koperti mill-verżjoni kkonsolidata tar-regolament ippubblikata fit‑13 ta’ Diċembru 2014 taħt id-dokument Nru 02006R1924‑20141213.
( 3 ) EU:C:2016:474. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-okkażjoni tindirizza l-kwistjoni fis-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2016, Nelsons, C‑177/15, EU:C:2016:888).
( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas‑16 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU 2012, L 136, p. 1), emendat l-iktar reċentement bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1407. Il-fatti ta’ din il-kawża huma koperti mill-verżjoni kkonsolidata tar-regolament ippubblikata fit‑13 ta’ Mejju 2014 taħt id-dokument Nru 02012R0432‑20140513.
( 5 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Jannar 2013 li tadotta linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għal indikazzjonijiet tas-saħħa stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 22, p. 25).
( 6 ) Ara http://ec.europa.eu/food/safety/labelling_nutrition/claims/register/public/.
( 7 ) Fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.
( 8 ) Fil-verżjoni applikabbli għall-każ fil-kawża prinċipali.
( 9 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Kaba (C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 34).
( 11 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Nelsons GmbH vs Ayonnax Nutripharm GmbH u Bachblütentreff Ltd (C‑177/15, EU:C:2016:474, punt 56).
( 12 ) L-istess jirriżulta mill-verżjoni Ġermaniża tal-Linji gwida, li jipprovdu li “für die Zwecke der Verordnung sollte die dem Verweis auf allgemeine, nichtspezifische Vorteile für die Gesundheit beigefügte zugelassene spezielle gesundheitsbezogene Angabe neben oder unter diesem Verweis angebracht werden”.
( 13 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, C‑157/14, EU:C:2015:51, punt 51.
( 14 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, C‑195/14, EU:C:2015:37, punt 37.
( 15 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, C‑195/14, EU:C:2015:36, punt 36.
( 16 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Nelsons GmbH vs Ayonnax Nutripharm GmbH and Bachblütentreff Ltd (C‑177/15, EU:C:2016:474, punt 71).