KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-30 ta’ Jannar 2020 ( 1 )

Kawża C‑452/18

XZ

vs

Ibercaja Banco, SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Teruel, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratt ta’ kreditu ipotekarju – Klawżola ta’ limitazzjoni tal-varjabbiltà tar-rata ta’ interessi (klawżola ‘ta’ rata minima’) – Nuqqas ta’ trasparenza – Natura inġusta – Konklużjoni mill-partijiet ta’ ftehim li jinvolvi novazzjoni tal-klawżola ‘ta’ rata minima’, konferma tal-validità tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju u rinunzja reċiproka għall-kontestazzjoni tal-validità tiegħu permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja – Kompatibbiltà mad-Direttiva 93/13 – Kundizzjonijiet”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Teruel, Spanja) fil-kuntest ta’ kawża bejn XZ u Ibercaja Banco, SA (iktar ’il quddiem “Ibercaja”). Essenzjalment, il-partijiet fil-kawża prinċipali kienu marbuta b’kuntratt ta’ kreditu ipotekarju b’rata ta’ interessi varjabbli. Dan il-kuntratt kien jistipula klawżola “ta’ rata minima” li tillimita l-varjabbiltà tal-imsemmija rata. Sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) qiegħdet fid-dubju l-kompatibbiltà ta’ tali klawżola mal-leġiżlazzjoni Spanjola li tittrasponi d-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 2 ). F’dan il-kuntest, XZ u Ibercaja kkonkludew ftehim, li huma ma jaqblux bejniethom dwar il-klassifikazzjoni tiegħu, li jinvolvi novazzjoni tal-klawżola inkwistjoni, konferma tal-validità tal-imsemmi kuntratt ta’ kreditu u rinunzja reċiproka għall-kontestazzjoni tiegħu permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja.

2.

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ tali ftehim mad-Direttiva 93/13. Dawn joffru l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, għall-ewwel darba, jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, konsumatur jista’ jirrinunzja kuntrattwalment milli jinvoka n-natura inġusta, fis-sens ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola kuntrattwali partikolari. Minn din id-domanda tiddependi, b’mod partikolari, il-portata tal-awtonomija li għandhom konsumatur u bejjiegħ jew fornitur sabiex jikkonfermaw jew jinnovaw klawżola kuntrattwali potenzjalment inġusta jew inkella li jikkonkludu ftehimiet bonarji, b’mod partikolari, tranżazzjonijiet, bil-għan li jirriżolvu t-tilwim tagħhom f’dan il-qasam b’mod extraġudizzjarju.

3.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega li d-Direttiva 93/13 ma tipprojbixxix, bħala prinċipju, li konsumatur u bejjiegħ jew fornitur jikkonkludu ftehim li jinvolvi rinunzja min-naħa tal-konsumatur milli jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola li diġà kienet teżisti. Madankollu, tali ftehim għandu josserva r-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ trasparenza previst fiha. Għaldaqstant, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ li jippermetti, b’mod partikolari, li tiġi ssalvagwardata l-validità tat-tranżazzjonijiet bonarji “veri u proprji” konklużi mill-konsumaturi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, filwaqt li jiġu kkundannati dawk, imposti mill-bejjiegħ jew fornitur, li jkollhom biss l-apparenza ta’ tranżazzjonijiet bonarji.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 93/13

4.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

Jekk xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

5.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt] u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

6.

Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

7.

L-Anness tal-istess direttiva, intitolat “Klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3)”, isemmi, fil-punt 1(q) tiegħu, il-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li “jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, biex b’hekk jirristrinġu l-evidenza disponibbli għalih b’mod esaġerat jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skond il-liġi applikabbli, għandu jkun fuq parti oħra tal-kuntratt”.

B.   Id-dritt Spanjol

8.

Id-Direttiva 93/13 ġiet trasposta fid-dritt Spanjol, essenzjalment, permezz tal-Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación (il-Liġi 7/1998 dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Kuntratti), tat-13 ta’ April 1998, li ġiet irriformulata, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra li jittrasponu diversi direttivi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007 li Jirriformula l-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u Liġijiet Supplimentari Oħra (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007”)), tas-16 ta’ Novembru 2001.

9.

L-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007 jistabbilixxi:

“Ir-rinunzja minn qabel għad-drittijiet li din il-leġiżlazzjoni tagħti lill-konsumaturi u lill-utenti hija nulla, bħalma huma l-atti mwettqa b’evażjoni tal-liġi, konformement mal-Artikolu 6 tal-Kodiċi Ċivili [Spanjol]”.

10.

L-Artikolu 83 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-klawżoli inġusti huma nulli ipso jure u jitqiesu li huma ineżistenti”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Permezz ta’ att awtentiku tat-23 ta’ Diċembru 2011, XZ akkwistat proprjetà immobbli mingħand żviluppatur. Din il-proprjetà immobbli kienet milquta b’ipoteka, ikkostitwita għall-benefiċċju ta’ Caja de Ahorros de la Inmaculada de Aragón, bħala garanzija għar-rimbors ta’ self mogħti minn din tal-aħħar lill-imsemmi żviluppatur, skont kuntratt tat-23 ta’ Lulju 2010 ( 3 ). Meta akkwistat l-imsemmija proprjetà immobbli, XZ ġiet issurrogata għall-imsemmi żviluppatur f’dan il-kuntratt.

12.

Il-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju kien jipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi varjabbli għall-imsemmi self. Madankollu, klawżola ta’ dan il-kuntratt kienet tillimita din il-varjabbiltà, billi tindika rata annwali “massima” ta’ 9.75 % u rata annwali “minima” ta’ 3.25 %.

13.

Fl-4 ta’ Marzu 2014, Ibercaja, li ssuċċediet lil Caja de Ahorros de la Inmaculada de Aragón fis-self inkwistjoni ( 4 ), ikkonkludiet ftehim ma’ XZ intitolat “kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”. Dan il-ftehim kien jipprevedi, b’mod partikolari, tnaqqis għal 2.35 % tar-rata “minima” applikabbli għal dan is-self, b’effett mill-pagament mensili li kien imiss u sar-rimbors sħiħ tiegħu. L-imsemmi ftehim kien jistipula wkoll klawżola li kienet taqra kif ġej:

“Il-partijiet jikkonfermaw il-validità u l-applikazzjoni tas-self, iqisu li l-kundizzjonijiet tiegħu huma adegwati u, konsegwentement, jirrinunzjaw espressament u b’mod reċiproku milli jeżerċitaw kwalunkwe azzjoni kontra l-parti l-oħra f’dak li jirrigwarda l-kuntratt konkluż u l-klawżoli tiegħu, kif ukoll il-ħlasijiet u l-pagamenti mwettqa sal-lum, li huma jirrikonoxxu n-natura konformi tagħhom.”

14.

Barra minn hekk, dan l-istess ftehim kien jinkludi stqarrija miktuba bl-idejn, miktuba u ffirmata minn XZ, li kienet issegwi mudell ipprovdut minn Ibercaja u li permezz tagħha XZ iddikjarat:

“Jiena konxja u nifhem li r-rata ta’ interessi tas-self tiegħi qatt ma hija ser tinżel taħt ir-rata nominali annwali ta’ 2.35 %.”

15.

Fl-14 ta’ Jannar 2016, XZ irrimborsat l-aħħar pagament mensili tas-self.

16.

Fl-1 ta’ Frar 2017, il-persuna interessata ppreżentat rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Teruel) billi talbet li tiġi kkonstatata n-nullità, minħabba natura inġusta, tal-klawżola “ta’ rata minima” stipulata fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju u li Ibercaja tiġi kkundannata tħallas lura s-somom imħallsa skont din il-klawżola.

17.

Quddiem dik il-qorti, Ibercaja kkontestat li l-imsemmija klawżola hija inġusta u opponiet il-ħlas lura mitlub billi eċċepixxiet, b’mod partikolari, il-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” konkluż bejnha u XZ. F’dan il-kuntest, din tal-aħħar sostniet li r-regola li l-klawżoli inġusti “għandhom […] ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”, prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, għandha testendi għal tali kuntratt, b’mod li dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa null, bl-istess mod bħal din l-istess klawżola.

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Teruel) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-prinċipju tal-assenza ta’ natura restrittiva [vinkolanti] tal-klawżoli nulli (Artikolu 6 tad-[Direttiva 93/13]) għandu jiġi applikat ukoll għall-kuntratti u arranġamenti ġuridiċi sussegwenti dwar dawn il-klawżoli, bħalma huwa l-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’]?

Peress li n-nullità assoluta timplika li l-klawżola kkonċernata qatt ma tkun eżistiet fil-ħajja ġuridika u ekonomika tal-kuntratt, jista’ jiġi konkluż li l-atti ġuridiċi sussegwenti u l-effetti tagħhom fuq dik il-klawżola, jiġifieri, il-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’], ukoll jisparixxu mir-realtà ġuridika, fejn ikollhom jitqiesu bħala ineżistenti u mingħajr ebda effett?

2)

Id-dokumenti li jemendaw jew li jintroduċu tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ klawżoli mhux innegozjati li jistgħu ma jgħaddux mill-verifiki ta’ assenza ta’ natura inġusta u ta’ trasparenza jistgħu jitqiesu li n-natura tagħhom tagħmel parti mill-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, b’tali mod li jkunu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ nullità bħad-dokumenti oriġinali li kienu suġġetti għal novazzjoni jew għal tranżazzjoni?

3)

Ir-rinunzja għal azzjonijiet ġudizzjarji li tinsab fil-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’] għandha tkun nulla wkoll, sa fejn il-kuntratti li kienu jiffirmaw il-klijenti ma kinux jinformawhom dwar in-nullità tal-klawżola u lanqas dwar il-flus jew id-dħul ekonomiku li huma kellhom dritt jirċievu bħala rimbors tal-interessi mħallsa minħabba l-impożizzjoni inizjali tal-‘cláusulas suelo’ (klawżoli ta’ rata minima)?

Għalhekk, qed jiġi indikat li l-klijent iffirma rinunzja għall-jedd li jippreżenta azzjoni ġudizzjarja mingħajr ma ġie informat mill-bank dwar x’kien qiegħed jirrinunzja [jew dwar i]s-somma flus li kien qiegħed jirrinunzja.

4)

Fl-analiżi tal-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’] fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] u tal-Artikoli 3(1) u 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżola ta’ rata minima l-ġdida inkluża fl-imsemmi kuntratt hija vvizzjata mill-ġdid minn nuqqas ta’ trasparenza, inkwantu l-bank mill-ġdid ma jissodisfax il-kriterji ta’ trasparenza ffissati mis-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad-9 ta’ Mejju 2013 u ma jinformax lill-klijent dwar il-vera spiża ekonomika ta’ din il-klawżola fl-ipoteka tiegħu, b’tali mod li jkun jista’ jkun jaf ir-rata ta’ interessi (u l-kwota ta’ ħlas riżultanti) li jkollu jħallas fil-każ li tiġi applikata l-klawżola ta’ rata minima l-ġdida u r-rata ta’ interessi (u l-kwota ta’ ħlas riżultanti) li jkollu jħallas fil-każ li ma tiġi applikata ebda klawżola ta’ rata minima u tiġi applikata r-rata ta’ interessi miftiehma fis-self ipotekarju mingħajr applikazzjoni ta’ limitu minimu?

Fi kliem ieħor, billi jimponi d-dokument hekk imsejjaħ bħala ‘dokument ta’ novazzjoni’ fuq il-‘klawżoli ta’ rata minima’, l-istabbiliment finanzjarju għandu jkun wettaq il-verifiki ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u għandu jinforma lill-konsumatur dwar l-ammont tas-somom li fir-rigward tagħhom ġarrab preġudizzju minħabba l-applikazzjoni tal-‘klawżoli ta’ rata minima’ kif ukoll ir-rata ta’ interessi li għandha tiġi applikata li kieku dawn il-klawżoli ma kellhomx jeżistu u, sa fejn dan ma jkunx għamel hekk, dawn id-dokumenti huma wkoll ivvizzjati b’kawża ta’ nullità?

5)

Il-klawżoli relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji inklużi fil-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali tal-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’] jistgħu jitqiesu bħala inġusti minħabba l-kontenut tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 3(1) [tad-Direttiva 93/13], flimkien mal-anness tat-test dwar il-klawżoli inġusti u, b’mod speċifiku, il-punt 1(q) ta’ dan l-anness […], inkwantu jillimitaw id-dritt tal-konsumaturi li jeżerċitaw drittijiet li jistgħu jinħolqu jew jirriżultaw wara l-iffirmar tal-kuntratt, hekk kif irriżulta bil-possibbiltà li jintalab ir-rimbors sħiħ tal-interessi mħallsa (konformement mas-[sentenza Gutiérrez Naranjo et ( 5 )])?”

19.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, iddatata 26 ta’ Ġunju 2018, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2018. Ibercaja, il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet u persuni interessati, kif ukoll XZ, kienu rrappreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fil-11 ta’ Settembru 2019.

IV. Analiżi

20.

L-isfond ta’ din il-kawża hija l-problema tal-klawżoli “ta’ rata minima” użati fil-kuntratti ta’ kreditu ( 6 ). Infakkar fil-qosor li l-prassi segwita, b’mod partikolari, mill-banek Spanjoli ftit qabel u matul il-kriżi finanzjarja li heżżet lill-ekonomija dinjija bejn is-snin 2007 u 2012 kienet li joffru self ipotekarju b’rata ta’ interessi varjabbli li kien jinkludi tali klawżola, intiża li tillimita l-varjabbiltà ta’ din ir-rata. B’mod iktar speċifiku, din il-klawżola timplika li, fis-sitwazzjoni fejn l-imsemmija rata tinżel taħt il-limitu “minimu” previst fiha, il-persuna li tissellef ikollha tħallas interessi li jikkorrispondu għal dan il-limitu ( 7 ). Fil-prattika, il-klawżoli “ta’ rata minima” għalhekk kellhom il-konsegwenza li pprekludew li l-konsumaturi Spanjoli jibbenefikaw mill-waqgħa fir-rati ta’ interessi li seħħet matul din il-kriżi finanzjarja, filwaqt li pproteġew lill-istabbilimenti ta’ kreditu mill-effetti negattivi li din il-waqgħa messha kellha fuq il-marġnijiet tagħhom ( 8 ).

21.

Madankollu, l-użu ta’ klawżoli “ta’ rata minima” ma baqax mingħajr konsegwenzi għall-banek Spanjoli. F’sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013 ( 9 ), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikkonstatat in-natura inġusta, minħabba nuqqas ta’ trasparenza, u, konsegwentement, iddikjarat in-nullità tal-klawżoli “ta’ rata’ minima” li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali applikati minn tlieta minnhom. Madankollu, dik il-qorti llimitat ratione temporis l-effetti tas-sentenza tagħha, li ma kellhiex b’mod partikolari tikkonċerna s-somom imħallsa mill-konsumaturi skont dawn il-klawżoli qabel id-data tal-pubblikazzjoni tagħha ( 10 ). Għalkemm il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-portata tal-pubbliċità li rċeviet din is-sentenza meta ngħatat, jidhirli li huwa possibbli li jiġi affermat mingħajr perikolu li din tal-aħħar, tal-inqas, ħolqot dubji serji dwar jekk il-klawżoli “ta’ rata minima” użati minn banek oħra kinux ivvizzjati bl-istess nuqqas ta’ trasparenza.

22.

F’dan il-kuntest, matul ix-xahar ta’ Lulju 2013, Ibercaja adottat politika interna li kienet tikkonsisti fil-konklużjoni, ma’ wħud mill-klijenti tagħha li kellhom self ipotekarju li jinkludi klawżola “ta’ rata minima”, jew saħansitra mal-klijenti kollha tagħha ( 11 ), ta’ ftehim intitolat “kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”. Dan il-ftehim kien jipprevedi, b’mod partikolari, tnaqqis tal-limitu “minimu” applikabbli għas-self tal-klijent ikkonċernat, b’effett mill-pagament mensili li kien imiss u sat-tmiem ta’ dan is-self u, min-naħa l-oħra, rinunzja espressa u reċiproka għall-kontestazzjoni permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja tal-klawżoli tal-imsemmi self. Fl-4 ta’ Marzu 2014, Ibercaja kkonkludiet tali ftehim ma’ XZ.

23.

Fil-21 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet ġiet adita minn diversi qrati Spanjoli bil-kwistjoni tal-konsegwenzi li huma kellhom jisiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola “ta’ rata minima”, tat is-sentenza Gutiérrez Naranjo. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jimponi fuq il-qorti nazzjonali, meta tikkonstata n-natura inġusta ta’ tali klawżola, bħala prinċipju, li teskludi l-applikazzjoni tagħha u li tordna li jitħallsu lura lill-konsumatur is-somom imħallsa skont din tal-aħħar ( 12 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din id-dispożizzjoni tipprekludi li dan id-dritt għall-ħlas lura jiġi llimitat ratione temporis, kif kienet għamlet it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013 ( 13 ).

24.

Billi probabbilment kienet semgħet b’dik is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-1 ta’ Frar 2017, XZ adixxiet il-qorti tar-rinviju billi talbet li tiġi kkonstatata n-nullità, minħabba natura inġusta, tal-klawżola “ta’ rata minima” stipulata fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju tagħha u li Ibercaja tiġi kkundannata tħallasha lura s-somom imħallsa skont din il-klawżola ( 14 ).

25.

Il-kwistjoni ċentrali mqajma quddiem dik il-qorti hija dik tal-konsegwenzi legali li l-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”, konkluż minn XZ u Ibercaja fl-4 ta’ Marzu 2014, jista’ jkollu fuq dawn it-talbiet.

26.

Il-bank isostni, fil-fatt, li dan il-ftehim jipprekludi li XZ tinvoka permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja n-natura inġusta tal-klawżola “ta’ rata minima” inizjalment stipulata fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju. L-argument tiegħu f’dan ir-rigward jirrifletti sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal-11 ta’ April 2018 ( 15 ) li fiha din tal-aħħar iddeċidiet dwar ftehimiet identiċi konklużi bejn Ibercaja u tnejn oħra mill-klijenti tagħha. Dik il-qorti qieset, essenzjalment, li tali ftehim jikkostitwixxi tranżazzjoni ( 16 ), konkluża bejn il-partijiet sabiex jirriżolvu b’mod ekstraġudizzjarju u definittiv l-inċertezza, li nħolqot permezz tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013, fir-rigward tal-validità tal-klawżola “ta’ rata minima” li tinsab fil-kuntratti ta’ kreditu tagħhom, u dan inkambju għal konċessjonijiet reċiproċi fil-forma ta’ tnaqqis tal-limitu previst f’din il-klawżola. Konsegwentement, il-qorti ma tistax teżamina l-kwistjoni tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, peress li din it-tranżazzjoni għandha, f’dan ir-rigward, saħħa vinkolanti bejn il-partijiet. F’dan il-kuntest, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li bejjiegħ jew fornitur jittranżiġu sabiex jirriżolvu t-tilwim tagħhom b’mod extraġudizzjarju. Barra minn hekk, dik il-qorti qieset li l-ftehimiet inkwistjoni kienu trasparenti għall-konsumaturi ( 17 ).

27.

XZ issostni, min-naħa tagħha, li l-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” għandu jitqies li huwa null u għalhekk ma jistax iżomm lill-qorti tar-rinviju milli teżamina t-talbiet tagħha. L-argument tagħha f’dan ir-rigward jirrifletti, min-naħa tiegħu, l-opinjoni dissidenti li takkumpanja s-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal-11 ta’ April 2018 ( 18 ), imsemmija fil-punt preċedenti. Fiha huwa sostnut, essenzjalment, li tali ftehim ma jikkostitwixxix tranżazzjoni, iżda jikkostitwixxi kuntratt ta’ novazzjoni ( 19 ) tal-klawżola “ta’ rata minima” li tinsab fil-kuntratti ta’ kreditu ipotekarju tal-klijenti kkonċernati, peress li skont id-dritt nazzjonali tali novazzjoni ma hijiex valida ( 20 ). Fi kwalunkwe każ, minn naħa, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li l-partijiet jemendaw jew jikkonfermaw klawżola inġusta jew li l-konsumatur jirrinunzja għad-dritt li jikkontestaha permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, tali ftehim huwa nieqes mit-trasparenza peress li ma jinkludix l-informazzjoni li tippermetti lill-konsumaturi jifhmu l-konsegwenzi ekonomiċi u legali li jirriżultaw għalihom mill-konklużjoni tiegħu. Jidher li l-qorti tar-rinviju hija tal-istess opinjoni.

28.

Nindika qabelxejn li, għalkemm miż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li l-klassifikazzjoni ġuridika tal-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” hija kkontestata bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, din il-kwistjoni, kif issostni l-Kummissjoni, taqa’ biss taħt id-dritt Spanjol, b’mod li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda hija l-qorti tar-rinviju, li għandha tiddeċidiha.

29.

Min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tanalizza fid-dawl tad-Direttiva 93/13 is-sitwazzjoni li fiha (1) konsumatur u bejjiegħ jew fornitur ikunu marbuta b’kuntratt, (2) ikunu tfaċċaw dubji serji dwar in-natura potenzjalment inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt ( 21 ), u (3) il-partijiet, permezz ta’ ftehim sussegwenti, ikunu wettqu novazzjoni tal-klawżola inkwistjoni ( 22 ), ikkonfermaw il-validità tal-kuntratt inizjali u rrinunzjaw b’mod reċiproku milli jikkontestaw il-klawżoli tiegħu permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja. B’mod iktar speċifiku, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, kif titlob il-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, jekk l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprekludix, bħala prinċipju, li tali ftehim ikollu kwalunkwe effett vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur. Ser nesponi, fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-raġunijiet għaliex, fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ (Taqsima A).

A.   Fuq il-possibbiltà, bħala prinċipju, tal-konsumatur li jwettaq novazzjoni ta’ klawżola potenzjalment inġusta, jikkonferma l-validità tagħha u/jew jirrinunzja milli jikkontestaha permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja (l-ewwel domanda preliminari)

30.

Infakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li l-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur “għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”. Skont din id-dispożizzjoni, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari, hija għandha tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw minn din il-konstatazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jkunx marbut b’din il-klawżola. Fil-fatt, l-imsemmija qorti hija obbligata teskludi l-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur ( 23 ).

31.

Fis-sentenza Gutiérrez Naranjo, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li klawżola inġusta “għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur”. Għalhekk, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali “għandha, bħala prinċipju, ikollha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola”. Meta l-klawżola inkwistjoni timponi l-ħlas ta’ somom ta’ flus fuq il-konsumatur, l-obbligu tal-qorti li teskludi l-applikazzjoni tagħha “għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju li jikkorrispondi ma’ dawn l-istess ammonti” ( 24 ).

32.

Konsegwentement, li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata, fil-kawża prinċipali, li l-klawżola “ta’ rata minima” li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju hija inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, hija tkun bħala prinċipju obbligata, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, teskludi din il-klawżola u tikkundanna lil Ibercaja tħallas lura lil XZ is-somom imħallsa skont l-imsemmija klawżola.

33.

Madankollu, skont l-interpretazzjoni tad-dritt Spanjol adottata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ April 2018, il-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”jipprekludi li l-qorti tar-rinviju teżamina l-kwistjoni nnifisha tan-natura inġusta ta’ din il-klawżolata’ rata minima” ( 25 ). B’mod iktar speċifiku, il-Gvern Spanjol jindika li, għalkemm XZ ma tkunx tista’ iktar titlob lill-qorti tistħarreġ il-validità tal-klawżola “ta’ rata minima” inizjali li kienet tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, hija tkun tista’, min-naħa l-oħra, tikkontesta quddiem il-qorti l-validità tal-klawżola “ta’ rata minima” il-ġdida, stipulata f’dan il-ftehim.

34.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni jekk, kif issostni XZ ( 26 ), l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludix, bħala prinċipju, li konsumatur u bejjiegħ jew fornitur jikkonkludu ftehim li jinvolvi novazzjoni ta’ klawżola potenzjalment inġusta, konferma ( 27 ) tal-validità tagħha u/jew rinunzja għall-kontestazzjoni tagħha permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja – jew, b’mod iktar speċifiku, jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li dan il-ftehim ikollu effett vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur.

35.

Kif indikajt qabel, ma iniex ta’ din l-opinjoni. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni għandha tingħata tweġiba kkwalifikata.

36.

Nifhem li l-approċċ ta’ XZ huwa bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ inferjorità li jinsab fiha l-konsumatur meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel il-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti f’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar, fejn din id-dispożizzjoni għandha, barra minn hekk, titqies li hija regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku ( 28 ).

37.

Nammetti li din il-ġurisprudenza, moqrija flimkien ma’ dik imfakkra fil-punti 30 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tirrifletti, sa ċertu punt, il-loġika ta’ nullità assoluta, li teżisti fid-dritt ta’ diversi Stati Membri, fosthom ir-Renju ta’ Spanja ( 29 ). Barra minn hekk, din hija preċiżament is-sanzjoni prevista, fid-dritt Spanjol, fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ( 30 ). Issa, is-sistema tan-nullità assoluta ma tħalli ebda spazju għar-rieda tal-partijiet fil-kuntratt. Dawn tal-aħħar ma jistgħux jikkonfermaw jew iwettqu novazzjoni ta’ obbligu milqut minn tali nullità. Lanqas ma jistgħu jittranżiġu dwar tali obbligu: il-qorti tikkonstata ex officio n-nullità tiegħu u l-assenza ta’ effett ta’ dawn l-operazzjonijiet. Skont XZ, konsumatur u bejjiegħ jew fornitur għalhekk ma jistgħux iwettqu novazzjoni, jikkonfermaw jew jittranżiġu dwar klawżola inġusta. Eventwali ftehim bejn il-partijiet ma jistax ifixkel lill-qorti milli teżamina l-kwistjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari ( 31 ).

38.

Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-realtà, ma tasalx sa dak il-punt. Fil-fatt, din tal-aħħar tiddeċiedi b’mod kostanti – u, fil-fehma tiegħi, dan il-punt huwa kruċjali – li l-konsumatur jista’ jirrinunzja milli jinvoka permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ( 32 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “id-Direttiva 93/13 ma twassalx sabiex trendi vinkolanti s-sistema ta’ protezzjoni kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti mill-bejjiegħa jew fornituri li hija stabbilixxiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi” ( 33 ) u “id-dritt għall-protezzjoni effettiva tal-konsumatur ikun jinkludi wkoll il-fakultà li ma jinvokax id-drittijiet tiegħu” ( 34 ).

39.

Għaldaqstant, fis-sentenza Banif Plus Bank ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu “li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, ir-rieda espressa mill-konsumatur meta, filwaqt li jkun konxju tan-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta, jindika xorta waħda li huwa ma jaqbilx li din tiġi mwarrba, sabiex b’hekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni”.

40.

Kuntrarjament għall-Kummissjoni, ma naħsibx li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma rilevanti biss fis-sitwazzjoni li fiha l-qorti kkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u informat b’dan lill-konsumatur. Fil-fehma tiegħi, minn dan tirriżulta loġika iktar ġenerali li skontha dan tal-aħħar jista’ jirrinunzja milli jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola partikolari, sa fejn din il-kundizzjoni tirriżulta, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza tal-aħħar, minn kunsens liberu u informat min-naħa tiegħu.

41.

Fl-opinjoni tiegħi, din il-loġika tirrifletti l-idea, preżenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-Direttiva 93/13 hija intiża b’mod partikolari li jiġi evitat li l-konsumatur jidħol għal impenji li huwa ma jkunx jaf bihom jew li ma japprezzax verament il-portata tagħhom ( 36 ). Metà, għall-kuntrarju, il-konsumatur ikun konxju mill-konsegwenzi legali li jirriżultaw għalih minn rinunzja għall-protezzjoni li toffrilu din id-direttiva, tali rinunzja hija kompatibbli ma’ din id-direttiva.

42.

Issa, għalkemm il-konsumatur jitqies li huwa konxju mill-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu meta huwa jirrinunzja quddiem il-qorti, wara li jkun ġie informat minn din tal-aħħar bin-natura inġusta ta’ klawżola, milli jinvoka tali natura inġusta, dan ma jfissirx li ma teżisti ebda sitwazzjoni oħra li fiha dan huwa possibbli. B’mod partikolari, ma nara li hemm ebda ostakolu li jipprekludi, bħala prinċipju, li konsumatur jeżerċita l-possibbiltà tiegħu li jirrinunzja b’mezz kuntrattwali, sa fejn, għal darba oħra, din ir-rinunzja tirriżulta minn kunsens liberu u informat. Madankollu, dwar dan il-punt tal-aħħar, inqis li għandu jsir konfront bejn żewġ sitwazzjonijiet.

43.

Fil-fehma tiegħi, minn naħa, konsumatur ma jista’ qatt jirrinunzja minn qabel għall-protezzjoni li huwa jislet mid-Direttiva 93/13 meta jixtri oġġett jew jirċievi servizz mingħand bejjiegħ jew fornitur. Klawżola ta’ kuntratt ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi li tinvolvi konferma tal-validità tiegħu jew rinunzja għad-dritt li huwa jikkontestah permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja ma jista’ jkollha ebda effett vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur. Barra minn hekk, diversi strumenti tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu espressament tali rinunzja ( 37 ).

44.

Fil-fatt, tali rinunzja f’ebda każ ma tista’ titqies li hija “informata”. Kulħadd japprezza verament l-importanza tal-protezzjoni li joffri d-dritt tal-konsumatur biss meta tqum diffikultà u jkollu bżonn konkret ta’ din il-protezzjoni. Fil-fehma tiegħi, huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem l-idea ta’ rinunzja minn qabel: rinunzja tkun “minn qabel” meta din isseħħ mill-bidu, fil-mument li tiġi stabbilita r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-bejjiegħ jew il-fornitur u l-konsumatur, mument li fih dan tal-aħħar ma jimmaġinax, jew ma jagħtix importanza suffiċjenti għall-fatt, li din tista’ ssir problematika.

45.

Għall-kuntrarju, min-naħa l-oħra, meta tkun qamet problema f’din ir-relazzjoni kuntrattwali, meta, pereżempju, ikunu tfaċċaw dubji serji dwar in-natura potenzjalment inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 ta’ klawżola kuntrattwali partikolari, u meta tkun teżisti, jekk ikun il-każ, tilwima bejn il-partijiet dwar dan il-punt, il-fatt li l-konsumatur jirrinunzja milli jinvoka l-assenza ta’ effett vinkolanti ta’ din il-klawżola ma għandux jitqies bl-istess severità. F’tali sitwazzjoni, il-konsumatur jista’ japprezza l-importanza tal-protezzjoni li toffrilu din id-direttiva u, konsegwentement, jifhem il-portata ta’ din ir-rinunzja ( 38 ). Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, konsumatur għandu l-possibbiltà, f’ċerti ċirkustanzi, li jirrinunzja sussegwentement, b’mezz kuntrattwali, għad-drittijiet li huwa jislet mill-imsemmija direttiva.

46.

Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li, f’din it-tieni sitwazzjoni, il-konsumatur għandu l-possibbiltà, permezz ta’ ftehim mal-bejjiegħ jew fornitur, li jwettaq novazzjoni tal-klawżola kkonċernata, li jikkonfermaha jew li jirrinunzja milli jressaq quddiem il-qorti l-kwistjoni tan-natura inġusta tagħha, sa fejn jagħmel dan b’mod liberu u informat ( 39 ).

47.

Huwa jista’ b’mod partikolari jeżerċita l-possibbiltà ta’ rinunzja tiegħu billi jikkonkludi, mal-bejjiegħ jew mal-fornitur, tranżazzjoni bonarja fir-rigward tal-imsemmija klawżola, kemm jekk tkun waħda ġudizzjarja, kemm jekk tkun extraġudizzjarja. Barra minn hekk, tali tranżazzjoni jista’ jkollha ċerti vantaġġi għall-konsumatur, fosthom dak ta’ benefiċċju immedjat – dan huwa preċiżament l-għan tal-konċessjonijiet reċiproċi li għandhom ikunu preżenti fi tranżazzjoni – mingħajr ma jkollu għalfejn jikkontesta din l-istess klawżola permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, ibati l-ispiża tal-kawża u jistenna l-eżitu tagħha, u dan iktar u iktar peress li ma jkollux iċ-ċertezza, fil-mument meta huwa jikkonkludi din it-tranżazzjoni, li dan l-eżitu ser ikun favorevoli għalih ( 40 ).

48.

Sa fejn, nirrepeti, huwa jkun ikkonkluda din it-tranżazzjoni b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, ma nara li hemm ebda ostakolu li jżomm tali ftehim milli jkollu effett vinkolanti, inkluż fil-konfront tal-konsumatur. B’mod partikolari, tranżazzjoni għandha tkun tista’ toffri ċertezza legali lill-partijiet, ħaġa li timplika li hija ma tistax tibqa’ mingħajr effett vinkolanti fil-konfront ta’ waħda minnhom. Barra minn hekk, ir-rinunzja għall-azzjonijiet ġudizzjarji inkambju għal konċessjonijiet reċiproċi hija, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett [suġġett prinċipali]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ta’ tranżazzjoni, jiġifieri l-qalba tal-awtonomija kuntrattwali li din id-direttiva ma tfittixx, bħala prinċipju, li tqiegħed fid-dubju ( 41 ).

49.

Fil-fehma tiegħi, dan il-punt tal-aħħar huwa kkorroborat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi ( 42 ). Skont din id-direttiva, meta konsumatur u bejjiegħ jew fornitur ikollhom tilwima bejniethom dwar kuntratt tal-konsumatur, huma jistgħu jużaw proċedura ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ tilwim (ADR). Meta, f’dan il-kuntest, huma jagħżlu li jużaw proċedura intiża li tirriżolvi t-tilwima billi tipproponi soluzzjoni – bħalma hija, pereżempju, il-medjazzjoni – u meta din il-proċedura tirriżulta f’kompromess reċiprokament aċċettabbli, dan il-kompromess, bħala regola ġenerali, jiġi kkonkretizzat permezz ta’ tranżazzjoni ( 43 ). Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma rriżervax lill-konsumatur, f’tali sitwazzjoni, id-dritt li jitlob lill-qorti teżamina din it-tilwima minkejja l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim bonarju. Għall-kuntrarju, l-imsemmi leġiżlatur irrikonoxxa li tali ftehim għandu konsegwenzi legali għall-konsumatur ( 44 ). Madankollu, l-imsemmija direttiva tipprevedi garanziji intiżi li jiżguraw li l-konklużjoni ta’ tali tranżazzjoni tirriżulta minn kunsens liberu u informat min-naħa ta’ dan tal-aħħar ( 45 ). Għalkemm din l-istess direttiva ma tapplikax għall-ftehimiet bonarji konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur barra minn proċedura ta’ ADR ( 46 ), il-loġika li tirriżulta minnha, fil-fehma tiegħi, tista’ tiġi ġġeneralizzata.

50.

Kuntrarjament għall-Kummissjoni, ma nqisx li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jitlob tweġiba differenti. Fil-fehma tiegħi, minn naħa, dan l-artikolu jiggarantixxi lill-konsumatur possibbiltà reali li jeżerċita d-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13 permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, billi jiżgura li għal dan il-għan huwa jkollu rimedji ġudizzjarji li ma jkunux suġġetti għal kundizzjonijiet proċedurali ta’ natura li jirrendu dan l-eżerċizzju eċċessivament diffiċli, jew saħansitra impossibbli ( 47 ). Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tfittixx li ġġiegħel lill-konsumatur jeżerċita din il-possibbiltà meta huwa jiddeċiedi b’mod konxju li jirrinunzja għaliha. Min-naħa l-oħra, għalkemm nammetti li, fid-dawl tal-importanza fundamentali tad-dritt għal rimedju effettiv, individwu ma jistax iċedi, b’mod ġenerali, il-locus standi in judicio tiegħu, għandha madankollu ssir distinzjoni bejn din is-sitwazzjoni u rinunzja mmirata, iffokata fuq klawżola jew tilwima partikolari.

51.

Dan premess, ma għandhiex, madankollu, tintesa s-sitwazzjoni ta’ inferjorità li fiha jinsab il-konsumatur meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni ( 48 ). Ma jistax jiġi injorat ir-riskju li r-rinunzja tal-konsumatur milli jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola tirriżulta minn abbuż ta’ poter ( 49 ) min-naħa tal-bejjiegħ jew tal-fornitur. Għalhekk, bil-konklużjoni ma’ dan tal-aħħar ta’ ftehim li jinvolvi tali rinunzja, il-konsumatur ma jistax jirrinunzja għal kull protezzjoni ġudizzjarja u din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità għandha tkun tista’ tiġi kkumpensata minn “intervent pożittiv” tal-qorti ( 50 ).

52.

F’dan ir-rigward, nosserva li tali ftehim bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jikkostitwixxi, minnu nnifsu, kuntratt li, minn naħa, huwa suġġett għar-regoli ġenerali u speċjali tad-dritt tal-kuntratti li huwa applikabbli għalih u, min-naħa l-oħra, jista’ jaqa’, bħal kull kuntratt ieħor bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, taħt id-Direttiva 93/13 ( 51 ). Huwa biss fis-sitwazzjoni li fiha dan il-ftehim ikun konformi ma’ dawn id-diversi regoli li jikseb effett vinkolanti.

53.

Konsegwentement, l-imsemmi ftehim jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju ( 52 ). Ninnota, barra minn hekk, li, jekk il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-persuni interessati l-oħrajn ma jaqblux, f’dan il-każ, dwar il-punt jekk XZ tistax titlob lill-qorti tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżola “ta’ rata minima” li kienet tinsab inizjalment fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, fid-dawl tal-konklużjoni tal-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”, xejn ma jqiegħed fid-dubju l-fatt li din tal-aħħar tista’ tikkontesta, quddiem il-qorti, il-validità ta’ dan il-ftehim tal-aħħar ( 53 ).

54.

Issa, fil-fehma tiegħi, huwa fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tista’ twettaq l-“intervent pożittiv” neċessarju sabiex tipproteġi lill-konsumatur kontra l-abbużi ta’ poter tal-bejjiegħ jew tal-fornitur. Meta tali ftehim jitressaq quddiemha, il-qorti għandha b’mod partikolari tivverifika, inkluż ex officio, jekk ir-rinunzja tal-konsumatur milli jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola partikolari tirriżultax minn kunsens liberu u informat min-naħa tiegħu jew, għall-kuntrarju, minn tali abbuż. Dan jimplika li jiġi vverifikat, b’mod partikolari ( 54 ), jekk il-klawżoli ta’ dan il-ftehim ġewx innegozjati individwalment jew, għall-kuntrarju, imposti mill-bejjiegħ jew mill-fornitur u, fit-tieni sitwazzjoni, jekk ġewx osservati r-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ ekwilibriju u ta’ bona fides li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13.

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix li, meta konsumatur u bejjiegħ jew fornitur ikunu marbuta b’kuntratt, meta jkunu tfaċċaw dubji serji dwar in-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, u meta l-partijiet, permezz ta’ ftehim sussegwenti, ikunu emendaw il-klawżola inkwistjoni, ikkonfermaw il-validità tal-kuntratt inizjali u rrinunzjaw b’mod reċiproku milli jikkontestaw il-klawżoli tiegħu permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, jiġi rrikonoxxut li dan il-ftehim għandu effett vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sa fejn l-imsemmi ftehim jirriżulta minn kunsens liberu u informat min-naħa tiegħu.

56.

Fid-dawl ta’ din il-proposta ta’ risposta, ser nesponi, fit-tieni parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa ftehim bħal dak previst fil-punt preċedenti sabiex dan ikun kompatibbli mad-Direttiva 93/13. F’dan ir-rigward, konformement ma’ dak li indikajt fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nindirizza fl-ewwel lok il-kunċett ta’ “[k]lawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, kunċett li huwa s-suġġett tat-tieni domanda preliminari (Taqsima B). Fit-tieni lok ser neżamina r-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ ekwilibriju u ta’ bona fides li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva, li jissemmew fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames domanda preliminari (Taqsima C).

B.   Fuq il-kunċett ta’ “[k]lawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment” (it-tieni domanda preliminari)

57.

Nifhem li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb informazzjoni dwar il-kunċett ta’ “[k]lawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment” li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, u dan sabiex tkun tista’ tistħarreġ il-klawżoli tal-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ ekwilibriju u ta’ bona fides li jirriżultaw minn din id-direttiva. Infakkar li, skont l-imsemmi Artikolu 3(1), l-imsemmija direttiva tapplika biss għall-klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati b’dan il-mod. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi kundizzjoni minn qabel għal dan l-istħarriġ. Issa, jidhirli li xi informazzjoni f’dan ir-rigward fil-fatt tiġi ferm apprezzata ( 55 ).

58.

Id-Direttiva 93/13 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “[k]lawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment”. Madankollu, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jispeċifika, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li klawżola għandha dejjem titqies li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment meta din tkun ġiet “abbozzata minn qabel” u l-konsumatur “b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola”, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ “kuntratt standard imfassal minn qabel”.

59.

Fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi dedott ħafna tagħlim minn din id-dispożizzjoni. L-ewwel nett, klawżola tkun “negozjata individwalment”, konformement mat-tifsira normali ta’ dawn it-termini, meta din tkun ġiet speċifikament diskussa bejn il-partijiet. It-tieni nett, dan ma jkunx il-każ, b’mod partikolari, meta l-klawżola inkwistjoni titfassal mill-bejjiegħ jew mill-fornitur “qabel” kwalunkwe diskussjoni fuq is-suġġett li tittratta dwaru. Fl-aħħar nett, kif issostni l-Kummissjoni, il-kriterju deċiżiv huwa jekk il-konsumatur kellux jew le l-possibbiltà li jinfluwenza l-kontenut tal-imsemmija klawżola ( 56 ).

60.

Minn dan jista’ jiġi dedott ukoll li l-klawżoli li l-kontenut tagħhom ma jistax jiġi influwenzat mill-konsumaturi jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jinsabu fil-kuntratti msejħa “standard imfassal [imfassla] minn qabel”, jiġifieri l-kuntratti li huma jistgħu biss jaċċettaw jew jirrifjutaw fit-totalità tagħhom, b’mod li l-marġni ta’ manuvra tagħhom huwa limitat għall-fatt li jikkuntrattaw jew li ma jikkuntrattawx mal-bejjiegħ jew mal-fornitur. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “kuntratt standard imfassal minn qabel” huwa marbut mill-qrib ma’ dak ta’ “kundizzjonijiet ġenerali”, jiġifieri l-klawżoli standard imfassla minn qabel li bejjiegħ jew fornitur juża b’mod sistematiku fir-relazzjonijiet tan-negozju tiegħu mal-konsumaturi sabiex jirrazzjonalizza l-ispejjeż tiegħu.

61.

Għalkemm il-kundizzjonijiet ġenerali u l-kuntratti standard imfassla minn qabel għaldaqstant jikkostitwixxu l-“mira ċentrali” tad-Direttiva 93/13, nenfasizza, madankollu, li din tal-aħħar tapplika għat-totalità tal-klawżoli mhux innegozjati. Sempliċement, fil-każ ta’ klawżola standard imfassla minn qabel, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi preżunzjoni sempliċi ta’ assenza ta’ negozjar, li tista’ tiġi kkonfutata permezz tal-prova kuntrarja, prova li l-oneru tagħha jaqa’ fuq il-bejjiegħ jew il-fornitur ( 57 ). Fil-każ oppost, din il-preżunzjoni ma tapplikax u, konsegwentement, huwa l-konsumatur li jkollu l-obbligu li jipprova l-assenza ta’ negozjar.

62.

Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-klawżoli tal-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” kinux ġew innegozjati individwalment jew le, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 ( 58 ). Il-punt ta’ tluq tal-analiżi tagħha għandu jkun li jiġi vverifikat jekk dawn il-klawżoli jikkostitwixxux klawżoli standard imfassla minn qabel – li jidher li huwa l-każ ( 59 ). Jekk dan effettivament huwa l-każ, l-assenza ta’ negozjar bħal dan għandha tkun preżunta, skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, u għandu jkun l-obbligu ta’ Ibercaja li tipproduċi l-prova kuntrarja.

63.

Dwar dan il-punt tal-aħħar, nispeċifika li d-determinazzjoni jekk ikunx seħħ negozjar timplika li jsir riferiment, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, għaċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż il-kuntratt. Il-konsumatur kellu l-possibbiltà li jinfluwenza l-kontenut ta’ klawżola partikolari meta din il-konklużjoni tkun ġiet ippreċeduta minn diskussjonijiet bejn il-partijiet li joffrulu opportunità reali li jagħmel dan. Il-bejjiegħ jew fornitur għandu jipproduċi provi li juru mhux biss l-eżistenza ta’ tali diskussjonijiet, iżda wkoll li l-konsumatur, matul dawn id-diskussjonijiet, kellu rwol attiv fl-istabbiliment tal-kontenut tal-klawżola ( 60 ).

64.

F’dan il-każ, nosserva li Ibercaja tillimita ruħha, essenzjalment, li ssostni li, skont l-informazzjoni li tinsab fid-dokument intern li jiddefinixxi l-politika li hija kienet adottat fir-rigward tan-negozjar mill-ġdid tal-klawżoli “ta’ rata minima” li jinsabu fil-kuntratti ta’ kreditu tal-klijenti tagħha ( 61 ), l-iktar limitu baxx li l-impjegati tagħha setgħu joffrulhom f’dan il-kuntest kien ta’ 2.75 %. Il-fatt li l-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” konkluż ma’ XZ jinkludi limitu “minimu” ta’ 2.35 % għalhekk juri li kien hemm negozjar bejn il-partijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-valur probatorju ta’ din l-informazzjoni – li, fil-fehma tiegħi, huwa diffiċli li tkun suffiċjenti sabiex jiġu stabbiliti l-provi msemmija fil-punt preċedenti ( 62 ).

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fis-sens li klawżola kuntrattwali ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, meta l-konsumatur ma kellux possibbiltà reali li jinfluwenza l-kontenut tagħha. Dan il-punt għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż il-kuntratt u, b’mod partikolari, tal-portata tad-diskussjonijiet li jkunu seħħew bejn il-partijiet fir-rigward tas-suġġett li dwaru tittratta din il-klawżola. Meta din tkun klawżola standard imfassla minn qabel, huwa l-bejjiegħ jew il-fornitur li jkollu l-obbligu li jipproduċi l-prova li hija tkun ġiet innegozjata b’dan il-mod, skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

C.   Fuq l-istħarriġ tar-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ ekwilibriju u ta’ bona fides li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 (it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari)

66.

Jekk jitqies li l-klawżoli tal-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemendaw is-self” ma kinux ġew innegozjati individwalment, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ ekwilibriju u ta’ bona fides li jirriżultaw minn din id-direttiva taż-żewġ klawżoli prinċipali ta’ dan il-ftehim: minn naħa, il-klawżola li tinvolvi rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġudizzjarji; min-naħa l-oħra, il-klawżola “ta’ rata minima” il-ġdida, li temenda l-limitu li jinsab fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju li jorbot lil XZ u Ibercaja ma’ xulxin. Ser neżamina dawn iż-żewġ klawżoli waħda wara l-oħra.

1. L-istħarriġ tal-klawżola li tinvolvi rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġudizzjarji

67.

It-tielet u l-ħames domanda tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, il-punt jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-Anness tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tinvolvi rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġudizzjarji, li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, hija inġusta, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(1), peress li, minn naħa, tipprekludi li l-konsumatur jeżerċita d-drittijiet li rriżultaw wara l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, fosthom il-possibbiltà li jintalab il-ħlas lura tas-somom imħallsa skont il-klawżola “ta’ rata minima” ( 63 ) u peress li, min-naħa l-oħra, ma informatx lill-konsumatur bin-natura potenzjalment inġusta ta’ din il-klawżola tal-aħħar jew bl-ammont li huwa kellu potenzjalment id-dritt li jitħallas lura.

68.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies li hija inġusta jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fides, hija tikkawża żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi li, meta l-klawżoli proposti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn għandhom dejjem jitfasslu b’mod ċar u li jinftiehem, filwaqt li dan ir-rekwiżit tal-aħħar huwa ġeneralment mifhum li jimponi rekwiżit ta’ trasparenza. Barra minn hekk, il-punt 1(q) tal-Anness tal-imsemmija direttiva jkopri, bħala klawżoli li jistgħu jkunu inġusti, dawk li għandhom l-għan jew l-effett li “jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor”.

69.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li klawżola li tinvolvi rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġudizzjarji, li ma ġietx innegozjata individwalment, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 – kif jidher li huwa l-każ tal-klawżola inkluża fil-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” – hija inġusta fiha nnifisha, mingħajr ma huwa neċessarju li jitwettaq eżami addizzjonali f’dan ir-rigward ( 64 ).

70.

Min-naħa tiegħi, u konformement mal-ispjegazzjonijiet mogħtija fit-Taqsima A ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li r-risposta għandha tkun iktar ikkwalifikata. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-lista li tinsab fl-Anness tad-Direttiva 93/13, skont l-Artikolu 3(3) tagħha, hija biss indikattiva u li, konsegwentement, klawżola kuntrattwali ma tistax tiġi kklassifikata bħala inġusta għas-sempliċi raġuni li tinsab fiha ( 65 ), fil-fehma tiegħi, wieħed għandu jżomm f’moħħu d-distinzjoni bejn rinunzja minn qabel u rinunzja sussegwenti.

71.

Minn naħa, klawżola li tinvolvi rinunzja għall-azzjonijiet ġudizzjarji inkluża f’kuntratt ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi għandha effettivament titqies li hija inġusta fiha nnifisha. Fil-fatt, kif indikajt fil-punti 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, konsumatur ma jista’ qatt jirrinunzja minn qabel għall-protezzjoni ġudizzjarja u għad-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li din ir-rinunzja tkun reċiproka.

72.

Għall-kuntrarju, min-naħa l-oħra, jidhirli li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix, bħala prinċipju, il-klawżoli kuntrattwali li jipprevedu rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġudizzjarji meta dawn ikunu stipulati fi ftehimiet, bħal tranżazzjoni, li s-suġġett innifsu tagħhom huwa r-riżoluzzjoni ta’ tilwima li tkun teżisti bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

73.

Fil-fatt, f’tali kuntest, kif indikajt fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-klawżola ta’ rinunzja għall-azzjonijiet ġudizzjarji tista’ titqies li taqa’ taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett [suġġett prinċipali]” ta’ tali ftehim, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu taħt dan il-kunċett huma dawk li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet essenzjali tal-kuntratt inkwistjoni u, bħala tali, jikkaratterizzawh ( 66 ). F’dan ir-rigward, hija l-essenza stess, b’mod partikolari, ta’ tranżazzjoni li teżiġi li tiġi inkluża klawżola li tinvolvi rinunzja għad-drittijiet, għall-azzjonijiet, u għat-talbiet kollha relatati mat-tilwima li tkun tat lok għaliha, u li jiġu preklużi t-tressiq jew it-tkomplija bejn il-partijiet ta’ azzjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess suġġett ( 67 ).

74.

Issa, skont dan l-Artikolu 4(2), il-klawżoli li jaqgħu taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” ma għandhomx ikunu, bħala prinċipju, is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-eventwali natura inġusta tagħhom ( 68 ). Għalhekk, sa fejn tidħol fil-kuntest partikolari msemmi fiż-żewġ punti preċedenti, klawżola li tinvolvi rinunzja għall-azzjonijiet ġudizzjarji ma tistax titqies li hija inġusta fiha nnifisha.

75.

F’dan il-kuntest partikolari, tali klawżola lanqas ma hija, fil-fehma tiegħi, inġusta sempliċement minħabba li tista’ tipprekludi li l-konsumatur jeżerċita d-drittijiet li rriżultaw wara l-konklużjoni tal-ftehim li hija inkluża fih. Din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju fil-ħames domanda tagħha, f’dak li jirrigwarda d-dritt għal ħlas lura li XZ tislet mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013 dwar il-klawżoli “ta’ rata minima”, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kienet illimitat l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha, li ma kellhiex tikkonċerna l-ħlasijiet imwettqa qabel id-data tal-pubblikazzjoni tagħha. Issa, dan il-ftehim ġie konkluż fl-4 ta’ Marzu 2014, jiġifieri wara dik is-sentenza, iżda sentejn qabel is-sentenza Gutiérrez Naranjo, mogħtija fil-21 ta’ Diċembru 2016, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi Artikolu 6(1) jipprekludi tali limitazzjoni ( 69 ). Issa, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li l-bejjiegħ jew il-fornitur seta’ jkun jaf bihom fl-imsemmi mument u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri ta’ dan il-kuntratt ( 70 ).

76.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-kawża prinċipali, jekk il-klawżola ta’ rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġudizzjarji inkluża fil-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” effettivament taqax taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Dan jiddependi b’mod partikolari mill-punt jekk, kif tallega Ibercaja, din hijiex verament tranżazzjoni ( 71 ).

77.

Dan premess, fi kwalunkwe każ, l-analiżi ma għandhiex tieqaf hemm. Fil-fatt, infakkar li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli li jaqgħu taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-eventwali natura inġusta tagħhom sa fejn jitfasslu b’mod ċar u li jinftiehem. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ trasparenza li jinsab fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva għandu jiġi osservat anki f’dak li jirrigwarda dawn il-klawżoli.

78.

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali tal-klawżoli kuntrattwali ( 72 ). L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jimponu stħarriġ tat-trasparenza materjali ta’ dawn il-klawżoli ( 73 ). Klawżola kuntrattwali tkun trasparenti, mill-perspettiva materjali, meta konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ikun jista’ jifhem il-konsegwenzi (kemm legali kif ukoll ekonomiċi) li jirriżultaw għalih minn din il-klawżola. Għandu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk il-kuntratt inkwistjoni jesponix b’mod trasparenti l-motivi u l-karatteristiċi tal-mekkaniżmu previst mill-klawżola inkwistjoni. Huma wkoll rilevanti, f’dan il-kuntest, il-pubbliċità u l-informazzjoni prekuntrattwali pprovduti mill-bejjiegħ jew mill-fornitur dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tagħhom għall-konsumatur ( 74 ).

79.

F’dak li jirrigwarda klawżola kuntrattwali li tinvolvi rinunzja reċiproka għall-kontestazzjoni permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja tal-validità ta’ klawżola li diġà kienet teżisti, li tkun inkluża fi ftehim bħalma hija tranżazzjoni, jidhirli li konsumatur medju jista’ jifhem il-konsegwenzi legali u ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din il-klawżola jekk, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, huwa jkun konxju mid-difett li potenzjalment jaffettwa din il-klawżola tal-aħħar, mid-drittijiet li huwa seta’ jislet mid-Direttiva 93/13 f’dan ir-rigward, mill-fatt li huwa kien liberu li jikkonkludi l-imsemmi ftehim jew li jirrifjutah u li jmur quddiem il-qorti, kif ukoll mill-fatt li huwa preċiżament ma jkunx iktar jista’ jagħmel dan wara l-konklużjoni tiegħu ( 75 ). Hija l-qorti tar-rinviju li jkollha tagħmel din il-verifika fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-istipulazzjonijiet tal-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” u tal-informazzjoni prekuntrattwali pprovduta minn Ibercaja lil XZ.

80.

F’dan il-kuntest, dik il-qorti għandha tivverifika, minn naħa, jekk XZ kinitx verament konxja, qabel il-konklużjoni tal-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”, mid-difett li potenzjalment jaffettwa l-klawżola “ta’ rata minima” li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju u mid-drittijiet li hija setgħet tislet, jekk ikun il-każ, mid-Direttiva 93/13. F’dan ir-rigward, ser nillimita ruħi li nosserva li ma huwiex ċert li XZ tabilħaqq ressqet ilment ma’ Ibercaja sabiex titneħħa din il-klawżola u li l-ftehim inkwistjoni ġie ppreżentat minn dan il-bank mhux bħala tranżazzjoni li tirrifletti l-eżistenza ta’ tilwima bejn il-partijiet dwar dan il-punt ( 76 ), iżda bħala “kuntratt ta’ novazzjoni” intiż li jadatta l-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju għall-bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika. Il-klawżola ta’ rinunzja reċiproka stipulata f’dan il-ftehim hija, fiha nnifisha, ambigwa għaliex hija partikolarment wiesgħa: ma hijiex immirata fuq il-kwistjoni tal-validità tal-klawżola “ta’ rata minima”, iżda tkopri l-klawżoli kollha tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju.

81.

L-imsemmija qorti għandha tivverifika, min-naħa l-oħra, jekk XZ kinitx ġiet informata minn Ibercaja bil-fatt li hija kienet libera li tikkonkludi dan il-ftehim jew li tirrifjutah u li tmur quddiem il-qorti, u bil-fatt li hija ma tkunx iktar tista’ tagħmel dan wara l-konklużjoni tiegħu ( 77 ). F’dan il-kuntest, huwa wkoll rilevanti l-punt jekk XZ kellhiex terminu ta’ riflessjoni raġonevoli għad-dispożizzjoni tagħha qabel ma tindika d-deċiżjoni tagħha. Dwar dan il-punt, ser nindika sempliċement li huwa paċifiku li l-abbozz ta’ ftehim ma kienx ġie sottomess lilha bil-quddiem ( 78 ) u li din tal-aħħar lanqas ma kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-opportunità li tieħdu lura d-dar magħha, peress li kienet kostretta tieħu deċiżjoni dak il-ħin stess.

82.

Huwa minnu li, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ April 2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li ftehim bħal dak konkluż minn XZ kien jissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza essenzjalment għar-raġunijiet li s-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013 dwar il-klawżoli “ta’ rata minima” kienet magħrufa mill-pubbliku ġenerali u li dan il-ftehim kien jinkludi klawżola miktuba bl-idejn li fiha l-konsumatur irrikonoxxa li kien fehem il-portata tal-limitu “minimu” il-ġdid. Madankollu, għandi ċerti dubji dwar dan ir-raġunament. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, l-eventwali għarfien ta’ deċiżjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex bejjiegħ jew fornitur jinħeles mill-obbligu tiegħu li jfassal klawżoli trasparenti u li jaġixxi b’mod daqstant ieħor trasparenti fil-fażi prekuntrattwali. Min-naħa l-oħra, ma iniex ċert li klawżola miktuba bl-idejn, li l-mudell tagħha huwa impost mill-bank, u li tirreferi għall-fatt li l-konsumatur fehem li r-rata ta’ interessi tiegħu ma hijiex ser tinżel taħt ċertu limitu, hija ta’ natura li tipprova li dan tal-aħħar ikun fehem il-portata tar-rinunzja li jkun għadu kif ta l-kunsens għaliha.

83.

Fis-sitwazzjoni fejn il-qorti tar-rinviju tikkonferma n-nuqqas ta’ trasparenza tal-klawżola li tinvolvi rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġudizzjarji stipulata fil-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”, isegwi li hija tista’ tistħarreġ in-natura inġusta ta’ din il-klawżola, minkejja li din taqa’ taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Dan premess, tali nuqqas ta’ trasparenza huwa biżżejjed, fil-fehma tiegħi, fil-kuntest partikolari ta’ ftehim bħal dak inkwistjoni, sabiex jipprova l-inkompatibbiltà tal-imsemmija klawżola ma’ din id-direttiva, mingħajr biss ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kriterji tan-nuqqas ta’ ekwilibriju sinjifikattiv u l-bona fides previsti fl-Artikolu 3(1) tagħha. Fil-fatt, minħabba din l-assenza ta’ trasparenza, ir-rinunzja prevista f’din l-istess klawżola ma tistax tiġi kkunsidrata li tirriżulta mill-“kunsens avżat” tal-konsumatur ( 79 ). Fl-aħħar, fl-opinjoni tiegħi, l-imsemmija assenza ta’ trasparenza u l-asimetrija tal-informazzjoni li timplika jippermetti li jiġi preżunt dan in-nuqqas ta’ ekwilibriju sinjifikattiv u ttendi wkoll li turi nuqqas min-naħa ta’ Ibercaja li tissodisfa r-rekwiżit ta’ bona fides ( 80 ).

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet u għall-ħames domanda li klawżola li tinvolvi rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġudizzjarji, li ma kinitx ġiet innegozjata b’mod individwali, hija inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, ħlief fl-ipoteżi fejn din il-klawżola tiġi stipulata fi ftehim li s-suġġett innifsu tiegħu huwa r-riżoluzzjoni ta’ tilwima li teżisti bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur. Madankollu, anki f’din l-ipoteżi, tali klawżola għandha tkun konformi mar-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Fil-każ ta’ klawżola ta’ tali ftehim li tinvolvi rinunzja reċiproka għall-kontestazzjoni permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja tal-validità ta’ klawżola kuntrattwali li diġà kienet teżisti, konsumatur medju huwa kkunsidrat li jista’ jifhem il-konsegwenzi legali u ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din il-klawżola jekk, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, huwa jkun konxju mid-difett li potenzjalment jaffettwa din il-klawżola tal-aħħar, mid-drittijiet li huwa seta’ jislet mill-imsemmija direttiva f’dan ir-rigward, mill-fatt li huwa kien liberu li jikkonkludi l-imsemmi ftehim jew li jirrifjutah u li jmur quddiem il-qorti, kif ukoll mill-fatt li huwa ma jkunx iktar jista’ jagħmel dan wara l-konklużjoni tiegħu.

2. L-istħarriġ tal-klawżola “ta’ rata minima” il-ġdida

85.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk klawżola, bħall-klawżola “ta’ rata minima” il-ġdida stipulata fil-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”, hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ trasparenza, fis-sens tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għar-raġuni li l-bank ma jkunx informa lill-konsumatur, f’dan il-ftehim, dwar il-vera spiża ekonomika ta’ din il-klawżola, b’mod li jkun jista’ jkun jaf ir-rata ta’ interessi li tkun applikabbli u l-pagamenti mensili li jkollu jħallas fl-assenza tal-imsemmija klawżola.

86.

Fil-kawża prinċipali, huwa probabbli li l-klawżola l-ġdida “ta’ rata minima” taqa’ taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett [suġġett prinċipali]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, tal-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”, u dan irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika li għandu jirċievi dan il-ftehim skont id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, jekk, kif issostni XZ, l-għan tal-imsemmi ftehim huwa li titwettaq novazzjoni tal-klawżola “ta’ rata minima” li inizjalment kienet tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, din il-klawżola l-ġdida għalhekk tista’ tkun biss is-suġġett prinċipali tiegħu. Jekk, kif isostnu Ibercaja u l-Gvern Spanjol, l-iskop ta’ dan l-istess ftehim huwa li tilwima tiġi riżolta b’mod definittiv inkambju għal konċessjonijiet reċiproċi, l-imsemmija klawżola għalhekk taqa’ wkoll taħt dan is-suġġett prinċipali, sa fejn hija tikkonkretizza dawn il-konċessjonijiet.

87.

Madankollu, kif indikajt qabel, anki klawżola li taqa’ taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(2), għandha tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza. Kif tfakkar f’dawn il-konklużjonijiet, klawżola kuntrattwali hija trasparenti meta konsumatur medju jkun f’pożizzjoni li jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din il-klawżola. F’dak li jirrigwarda klawżola “ta’ rata minima”, il-kuntratt li jinkludiha għandu jesponi b’mod trasparenti l-motivi u l-karatteristiċi tal-mekkaniżmu previst minn din il-klawżola ( 81 ). F’dan ir-rigward, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013, stabbilixxiet kundizzjonijiet dwar l-użu ta’ klawżoli ta’ dan it-tip fil-kuntratti ta’ kreditu ( 82 ), li, fil-fehma tiegħi, jikkostitwixxu konkretizzazzjoni tar-rekwiżit ta’ trasparenza stabbilit, f’termini ġenerali, mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu osservati f’dan il-każ, indipendentement mill-fatt li l-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” ma huwiex, fih innifsu, kuntratt ta’ kreditu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din il-verifika.

88.

Għandhom madankollu jiġu indirizzati żewġ punti speċifiċi. Minn naħa, ma iniex ċert li l-istabbiliment ta’ kreditu jista’ jintalab jesponi, għall-ġejjieni, il-pagamenti mensili li l-konsumatur ikollu jħallas fl-assenza tal-klawżola “ta’ rata minima”. Fil-fatt, peress li r-rata ta’ interessi tiddependi minn varjazzjonijiet ekonomiċi li rarament ikunu prevedibbli, ma jidhirlix li tali rekwiżit huwa raġonevoli ( 83 ). L-iktar l-iktar, il-bejjiegħ jew fornitur għandu jindika, bħalma rrilevat it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fil-ġurisprudenza tagħha, xenarji rigward l-aġir raġonevolment prevedibbli tar-rata ta’ interessi fil-ġurnata tal-konklużjoni tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-klawżola miktuba bl-idejn mill-konsumatur ( 84 ), u li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fis-sentenza tal-11 ta’ April 2018, tatha piż determinanti fil-prova tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza, jidhirli li, għalkemm tali klawżola hija bla dubju indizju rilevanti, din ma tistax, waħedha, tkun deċiżiva. Din il-klawżola miktuba bl-idejn tipprova ċertament li kienet inġibdet l-attenzjoni tal-konsumatur fuq l-effetti ta’ klawżola “ta’ rata minima”. Madankollu, din il-klawżola ma hijiex biżżejjed sabiex turi l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ trasparenza stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Għalhekk, l-indizju li tikkostitwixxi din il-klawżola bil-miktub għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi kkompletat b’elementi oħra konkordanti.

89.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li klawżola “ta’ rata minima”, li ma ġietx innegozjata b’mod individwali, għandha titqies li hija trasparenti, fis-sens tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, meta l-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din il-klawżola. B’mod partikolari, il-kuntratt li jinkludiha għandu jesponi b’mod trasparenti l-motivi u l-karatteristiċi tal-mekkaniżmu previst minn din il-klawżola. Min-naħa l-oħra, il-bejjiegħ jew il-fornitur ma jistax jintalab jesponi, għall-ġejjieni, il-pagamenti mensili li l-klijent ikollu jħallas fl-assenza tal-imsemmija klawżola.

V. Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Teruel, Spanja):

1)

Meta konsumatur u bejjiegħ jew fornitur ikunu marbuta b’kuntratt, fejn ikunu tfaċċaw dubji serji dwar in-natura potenzjalment inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt, u meta l-partijiet, permezz ta’ ftehim sussegwenti, ikunu emendaw il-klawżola inkwistjoni, ikkonfermaw il-validità tal-kuntratt inizjali u rrinunzjaw b’mod reċiproku milli jikkontestaw il-klawżoli tiegħu permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix li dan il-ftehim ikollu effett vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sa fejn l-imsemmi ftehim jirriżulta minn kunsens liberu u informat min-naħa ta’ dan tal-aħħar.

2)

Klawżola kuntrattwali ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, meta l-konsumatur ma kellux possibbiltà reali li jinfluwenza l-kontenut tagħha. Dan il-punt għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż il-kuntratt u, b’mod partikolari, tal-portata tad-diskussjonijiet li jkunu seħħew bejn il-partijiet fir-rigward tas-suġġett li dwaru tittratta din il-klawżola. Meta din tkun klawżola standard imfassla minn qabel, huwa l-bejjiegħ jew il-fornitur li jkollu l-obbligu li jipproduċi l-prova li hija tkun ġiet innegozjata b’dan il-mod, skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

3)

Klawżola li tinvolvi rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġudizzjarji, li ma ġietx innegozjata b’mod individwali, hija inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, ħlief fl-ipoteżi fejn din il-klawżola tkun stipulata fi ftehim li s-suġġett innifsu tiegħu huwa r-riżoluzzjoni ta’ tilwima li teżisti bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur. Madankollu, anki f’din l-ipoteżi, tali klawżola għandha tkun konformi mar-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Fir-rigward ta’ klawżola ta’ ftehim bħal dan li jinvolvi rinunzja reċiproka għall-kontestazzjoni permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja tal-validità ta’ klawżola kuntrattwali li diġà kienet teżisti, konsumatur medju huwa kkunsidrat li jista’ jifhem il-konsegwenzi legali u ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din il-klawżola jekk, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, huwa jkun konxju mid-difett li potenzjalment jaffettwa din il-klawżola tal-aħħar, mid-drittijiet li huwa seta’ jislet mill-imsemmija direttiva f’dan ir-rigward, mill-fatt li huwa kien liberu li jikkonkludi l-imsemmi ftehim jew li jirrifjutah u li jmur quddiem il-qorti, kif ukoll mill-fatt li huwa ma jkunx iktar jista’ jagħmel dan wara l-konklużjoni tiegħu.

4)

Klawżola “ta’ rata minima” li ma kinitx innegozjata b’mod individwali għandha titqies li hija trasparenti, fis-sens tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, meta l-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din il-klawżola. B’mod partikolari, il-kuntratt li jinkludiha għandu jesponi b’mod trasparenti l-motivi u l-karatteristiċi tal-mekkaniżmu previst minn din il-klawżola. Min-naħa l-oħra, il-bejjiegħ jew il-fornitur ma jistax jintalab jesponi, għall-ġejjieni, il-pagamenti mensili li l-klijent ikollu jħallas fl-assenza tal-imsemmija klawżola.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kreditu ipotekarju”.

( 4 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ta’ Ibercaja jirriżulta li, f’data li ma ġietx ikkomunikata, Caja de Ahorros de la Inmaculada de Aragón ġiet integrata f’Banco Grupo Cajatrés SA. Sussegwentement, fit-23 ta’ Mejju 2013, dan l-istabbiliment min-naħa tiegħu ġie integrat f’Ibercaja, qabel ma ġie finalment assorbit minnha fl-1 ta’ Ottubru 2014.

( 5 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016 (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gutiérrez Naranjo, EU:C:2016:980).

( 6 ) Din il-problema diġà nġiebet għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252), is-sentenza Gutiérrez Naranjo u d-digriet tal-14 ta’ Novembru 2013, Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759).

( 7 ) Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo, punt 18.

( 8 ) Il-portata tal-fenomenu kienet kunsiderevoli: pereżempju, mhux inqas minn terz tas-self ipotekarju kollu kkummerċjalizzat fi Spanja matul is-sena 2010 kien jinkludi tali klawżola (ara Zunzunegui, F., Mortgage Credit – Mis-selling of Financial Products – Study requested by the ECON committee, European Parliament, Policy Department for Economic, Scientific and Quality of Life Policies, Directorate-General for Internal Policies, Ġunju 2018, pp. 23 sa 32 u r-referenzi ċċitati).

( 9 ) Sentenza Nru 241/2013 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad-9 ta’ Mejju 2013” jew is-“sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013”, ES:TS:2013:1916).

( 10 ) It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) sussegwentement ikkonfermat din is-soluzzjoni (ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2015, Nru 139/2015 (ES:TS:2015:1280), u tad-29 ta’ April 2015, Nru 222/2015 (ES:TS:2015:2207)). Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo, punti 18 sa 21 u 67.

( 11 ) Skont Ibercaja, l-impjegati tagħha kellhom jipproponu l-konklużjoni ta’ “kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” biss lill-klijenti li, wara s-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad-9 ta’ Mejju 2013, kienu ressqu lment dwar il-klawżola “ta’ rata minima” stipulata fil-kuntratt tagħhom. Min-naħa l-oħra, skont XZ, il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet kienet tagħmel parti minn kampanja li kienet tkopri l-klijenti kollha li l-kuntratt tagħhom kien jinkludi tali klawżola “ta’ rata minima”, irrispettivament minn jekk kinux ressqu lment f’dan ir-rigward jew le. Nispeċifika li l-punt jekk XZ kinitx ressqet tali lment hija stess huwa kkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju (ara l-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 12 ) Jiġifieri, konkretament, id-differenza bejn is-somom imħallsa konformement mal-limitu “minimu” u dawk li kienu jitħallsu li kieku dan il-limitu ma kienx eżista u li kieku kienet ġiet applikata r-rata ta’ interessi varjabbli.

( 13 ) Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo, punti 61 sa 75, u l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Il-każ ta’ XZ bl-ebda mod ma huwa wieħed iżolat. Iktar minn miljun talba għall-ħlas lura ta’ somom imħallsa skont klawżola “ta’ rata minima” tressqu quddiem il-qrati Spanjoli (ara Zunzunegui, F., op. cit., p. 6). Dwar il-kwistjoni tal-impatt tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad-9 ta’ Mejju 2013 u tas-sentenza Gutiérrez Naranjo fuq l-ekonomija Spanjola, ara International Monetary Fund, IMF Country Report No 17/345, Spain: Financial Sector Assessment Program – Technical Note on Supervision of Spanish Banks – Select[ed] issues, 13 ta’ Novembru 2017, pp. 8, 10, 23 u 53, li eleva l-kummerċjalizzazzjoni ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżola “ta’ rata minima” għall-grad ta’ riskju sistemiku għal din l-ekonomija.

( 15 ) Sentenza Nru 205/2018 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal-11 ta’ April 2018” jew is-“sentenza tal-11 ta’ April 2018”, ES:TS:2018:1238).

( 16 ) Skont l-Artikolu 1809 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol, tranżazzjoni hija kuntratt li permezz tiegħu l-partijiet, billi kull waħda minnhom twiegħed jew iżżomm xi ħaġa, jevitaw li tinħoloq kontestazzjoni jew itemmu kontestazzjoni li tkun inħolqot.

( 17 ) Ara, għal iktar dettalji, il-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Iktar ’il quddiem l-“opinjoni dissidenti tal-Imħallef Orduña Moreno”.

( 19 ) In-novazzjoni hija kuntratt, previst b’mod partikolari fl-Artikolu 1203 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol, li permezz tiegħu żewġ partijiet, marbuta b’relazzjoni ta’ obbligu li diġà kienet teżisti, jemendaw dan l-obbligu jew jissostitwixxuh b’ieħor.

( 20 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ibercaja u l-Gvern Spanjol enfasizzaw li, fis-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma annullatx il-klawżoli “ta’ rata minima” inġusti kollha, iżda biss dawk li ntużaw mit-tliet banek ikkonċernati mill-azzjoni ta’ inibizzjoni li biha kienet adita. Barra minn hekk, skont dik is-sentenza, il-klawżoli “ta’ rata minima” huma inġusti biss sa fejn huma nieqsa mit-trasparenza, ħaġa li għandha tiġi kkonstatata każ b’każ mill-qorti. Issa, fil-mument li fih il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew il-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”, il-klawżola “ta’ rata minima” stipulata fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju ma kinitx ġiet ikkontestata quddiem il-qorti. Madankollu, XZ u l-Kummissjoni jsostnu li l-kundizzjonijiet ta’ trasparenza stabbiliti minn dik is-sentenza huma stretti ferm, b’mod li hemm, tal-inqas, probabbiltà għolja li l-klawżola “ta’ rata minima” kontenzjuża hija inġusta. Skonthom, fi kważi 97 % tal-każijiet, il-proċeduri ġudizzjarji minħabba klawżoli inġusti, inklużi l-klawżoli “ta’ rata minima”, intrebħu mill-konsumaturi. Infakkar li, fis-sentenza Gutiérrez Naranjo, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar in-natura inġusta tal-klawżoli “ta’ rata minima”. Hija telqet mill-premessa li dawn kienu inġusti. F’din il-kawża wkoll, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi din il-kwistjoni hija stess.

( 22 ) Fil-verità, ma hijiex novazzjoni tal-klawżola iżda tal-obbligu li jirriżulta minnha. Madankollu, f’dawn il-konklużjonijiet ser nitkellem dwar “novazzjoni ta’ klawżola” għall-kumdità.

( 23 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 58); tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 30); tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 65); u tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 41).

( 24 ) Sentenza Gutiérrez Naranjo, punti 61 u 62.

( 25 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) B’dan it-terminu qiegħed nirreferi għall-att li permezz tiegħu parti f’kuntratt tirrinunzja milli tinvoka kawża ta’ nullità, imsemmi b’mod partikolari fl-Artikoli 1309 sa 1313 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol.

( 28 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punti 25, 3637); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 30, 5152); u tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, EU:C:2018:320, punti 26, 27, 3435).

( 29 ) Infakkar li d-dritt ta’ diversi Stati, fosthom ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju ta’ Spanja, iwettaq distinzjoni bejn nullità “assoluta” u nullità “relattiva” tal-kuntratti. In-nullità assoluta sseħħ ipso jure u għandha tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti. Għall-kuntrarju, in-nullità relattiva tista’ tiġi invokata biss permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja mill-parti li l-liġi tfittex li tipproteġi u, jekk ikun il-każ, tiġi ddikjarata mill-qorti. Huwa ġeneralment aċċettat li l-kriterju ta’ distinzjoni bejn dawn iż-żewġ sanzjonijiet huwa l-bażi tar-regola li tkun inkisret, skont jekk din tfittixx li tissalvagwarda l-interess ġenerali jew li tipproteġi interessi privati. In-nullità hija assoluta fl-ewwel każ, u relattiva fit-tieni. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Martín Martín (C‑227/08, EU:C:2009:295, punt 51 u r-referenzi ċċitati).

( 30 ) Ara l-Artikolu 83(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007.

( 31 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tas-16 ta’ Ottubru 2017, Nru 558/2017. F’dik is-sentenza, dik il-qorti qieset li “kuntratt ta’ novazzjoni” konkluż bejn bank u konsumatur, li fih dawn tal-aħħar kienu wettqu novazzjoni tal-klawżola “ta’ rata minima” inkluża fil-kuntratt ta’ self tagħhom, kien null peress li din il-klawżola kienet inġusta u peress li, għalhekk, kienet milquta minn nullità assoluta. Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127, punti 37 sa 42). Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, żewġ konsumaturi kienu kkontestaw permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja diversi klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu tagħhom. Il-qorti nazzjonali kienet adixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja b’diversi domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13. Dawn il-konsumaturi u l-bank konvenut, sussegwentement, kienu kkonkludew tranżazzjoni intiża li tirriżolvi t-tilwima b’mod extraġudizzjarju. Dan il-bank kien invoka din it-tranżazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġġustifika l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari. Madankollu, il-qorti nazzjonali kienet indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma kinitx ħadet kont ta’ din it-tranżazzjoni għar-raġuni li l-kwistjoni tan-natura allegatament inġusta tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku li dwarha l-partijiet ma jistgħux jittranżiġu. Nenfasizza li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dan il-punt. Hija llimitat ruħha li tikkonstata li tilwima kienet għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u, għalhekk, li tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma quddiemha.

( 32 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punti 3335).

( 33 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 54).

( 34 ) Sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 25). Għall-oriġini ta’ din il-formulazzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Duarte Hueros (C‑32/12, EU:C:2013:128, punt 53).

( 35 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 2013 (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 35).

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 (ara t-Taqsima C ta’ dawn il-konklużjonijiet). Nirreferi hawnhekk għall-idea ta’ kunsens “avżat” tal-konsumatur. B’mod ġenerali, il-kwistjoni tan-natura “libera” tal-kunsens mogħti mill-konsumatur għal kuntratt taqa’ taħt ir-regoli nazzjonali fil-qasam tal-vizzji tal-kunsens (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 37 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 41(a) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11), u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64). Ara wkoll, fid-dritt Spanjol, l-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007.

( 38 ) Ara, b’analoġija, is-soluzzjoni prevista fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), fir-rigward ta’ klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni fit-tilwim transkonfinali dwar il-kuntratti tal-konsumatur. Infakkar li t-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament tipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-konsumatur. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li dawn ir-regoli jistgħu jitwarrbu biss bi ftehimiet li jattribwixxu ġurisdizzjoni li, b’mod partikolari, ikunu seħħew wara li tkun qamet it-tilwima li teżisti bejn il-partijiet. L-ispjegazzjoni aċċettata fil-kummentarji fir-rigward ta’ din ir-regola hija li l-konsumatur ikun kapaċi japprezza kompletament il-konsegwenzi ta’ tali ftehim u, għalhekk, jagħti l-kunsens tiegħu b’mod informat għal dan il-ftehim biss ladarba jkun jaf dwar is-suġġett tat-tilwima. Ara Nielsen, P. A., “Article 19”, f’Magnus, U. u Mankowski, P., Brussels Ibis Regulation – Commentary, European Commentaries on Private International Law, Schmidt, Otto, Dr., KG, Verlag, 2016, p. 519.

( 39 ) L-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li klawżola inġusta għandha titqies “li qatt ma eżistiet” għalhekk hija finzjoni legali li għandha tiġi rrelattivizzata – il-Qorti tal-Ġustizzja stess barra minn hekk enfasizzat li dan huwa l-każ biss “bħala prinċipju” (ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo, punt 61). Il-konsumatur għandu l-possibbiltà li jippreżerva l-eżistenza tal-klawżola inkwistjoni. Sabiex titkompla l-analoġija mas-sistemi ta’ nullità li jeżistu fid-dritt ta’ ċerti Stati Membri (ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet), is-sistema tal-klawżoli inġusti tixbah, f’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, in-nullitajiet relattivi, li jistgħu jagħtu lok għal novazzjoni jew konferma.

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Gavrilescu (C‑627/15, EU:C:2017:690, punti 46 sa 52).

( 41 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2009:682, punt 40 u r-referenzi ċċitati). Ara l-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63).

( 43 ) Huwa minnu li d-Direttiva 2013/11 ma tirregolax il-kwistjoni tan-natura jew tal-effetti legali tal-istrument li għandu jintuża sabiex jiġi fformalizzat il-kunsens tal-partijiet fis-soluzzjoni proposta, b’mod li din il-kwistjoni taqa’ taħt id-dritt ta’ kull Stat Membru. Madankollu, it-tranżazzjoni hija l-iktar strument li jintuża sabiex jiġi kkonkretizzat il-ftehim bonarju li jirriżulta minn medjazzjoni (ara Caponi, R., “‘Just Settlement’ or ‘Just About Settlement’? Mediated Agreements: A Comparative Overview of the Basics”, RabelsZ, Nru 79, 2015, pp. 117‑141).

( 44 ) Ara l-Artikolu 9(2)(c) tad-Direttiva 2013/11.

( 45 ) Ara l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/11, riprodott fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Skont l-Artikolu 2(2)(e) tagħha, id-Direttiva 2013/11 ma tapplikax għan-“negozjati diretti bejn il-konsumatur u n-negozjant”. Mill-bqija, nirrileva li, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni llimita ruħu li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva t-tranżazzjonijiet innegozjati direttament bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur: madankollu, huwa ma pprojbixxihomx, minkejja li seta’ tabilħaqq jagħmel dan, li kieku din kienet ir-rieda tiegħu.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 59), u tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 56).

( 48 ) Ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara, għal dan il-kunċett, id-disa’ premessa tad-Direttiva 93/13.

( 50 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 27); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 31); u tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 23).

( 51 ) Kif issemmi l-għaxar premessa tagħha, id-Direttiva 93/13 tapplika għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

( 52 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Gavrilescu (C‑627/15, EU:C:2017:690, punt 55).

( 53 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Il-punt dwar jekk il-kunsens tal-konsumatur huwiex “liberu” għandu jiġi vverifikat fid-dawl tar-regoli nazzjonali fil-qasam tal-vizzju tal-kunsens. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna n-natura “avżata” tal-kunsens tal-konsumatur, id-dritt tal-Istati Membri jista’ jipprevedi garanziji fir-rigward tal-operazzjonijiet bħalma huma n-novazzjoni, il-konferma jew it-tranżazzjoni, speċifikament sabiex jiżgura li l-partijiet jikkonkludu tali operazzjoni b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti. Ara, bħala eżempju, l-Artikolu 1182 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, li jipprovdi li l-att li jikkostitwixxi konferma ta’ obbligu għandu jsemmi s-suġġett tal-obbligu u d-difett li jaffettwa l-kuntratt.

( 55 ) Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha essenzjalment li tfakkar il-kontenut tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 lill-qrati nazzjonali. Ara d-digrieti tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť (C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 57), u tat-3 ta’ April 2014, Sebestyén (C‑342/13, EU:C:2014:1857, punt 24).

( 56 ) Ara, għal definizzjoni simili, l-Artikolu II.‑1:110(1) tad-Draft Common Frame of Reference (DCFR) (Von Bar, C. u oħrajn (edituri), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law. Draft Common Frame of Reference (DCFR) – Interim Outline Edition; prepared by the Study Group on a European Civil Code and the Research Group on EC Private Law (Acquis Group), Sellier, European Law Publishers, Munich, 2008, p. 160). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:303, punt 53).

( 57 ) Fil-fatt, għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13 jidher li jindika li klawżola mfassla minn qabel għandha “dejjem” (jiġifieri neċessarjament) titqies li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, it-tielet subparagrafu tiegħu madankollu jħalli l-possibbiltà lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jipprova li klawżola standard (li minnha nnifisha tkun imfassla minn qabel) ġiet innegozjata b’mod individwali.

( 58 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Constructora Principado (C‑226/12, EU:C:2014:10, punt 19), u d-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Topaz (C‑211/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:906, punt 46).

( 59 ) Ibercaja stess tirrikonoxxi li l-konklużjoni ta’ tali ftehimiet mal-klijenti tagħha kienet tirriżulta minn politika ġġeneralizzata (ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Barra minn hekk, fis-sentenza tal-11 ta’ April 2018, li nfakkar li tikkonċerna ftehim identiku għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li l-klawżoli ta’ dak il-ftehim ma kinux ġew innegozjati individwalment b’mod li setgħu jiġu mistħarrġa fid-dawl tar-rekwiżit ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (ara l-punti 26 u 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 60 ) F’dan is-sens, is-sempliċi fatt li l-bejjiegħ jew il-fornitur jispjega l-kontenut ta’ klawżola lill-konsumatur ma jindikax negozjar. L-istess japplika għall-fatt li l-konsumatur ma joġġezzjonax għall-kontenut ta’ klawżola jew li jitlob spjegazzjonijiet dwar il-kontenut tagħha. Min-naħa l-oħra, il-fatt li klawżola tkun ġiet essenzjalment emendata matul l-iskambji li jkunu seħħew bejn il-partijiet jikkostitwixxi indizju ta’ negozjar individwali. Fis-sitwazzjoni fejn, wara li jkun sema’ l-ispjegazzjonijiet tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, il-konsumatur jagħmel kontroproposta u fejn il-partijiet jibdew diskussjoni li tkun wasslet għal kompromess, il-klawżola għandha f’dak il-każ titqies li tkun ġiet innegozjata (ara Von Bar, C. u oħrajn, op. cit., pp. 161 u 162).

( 61 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Bl-istess mod, il-fatt li l-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self” jinkludi klawżola miktuba bl-idejn li permezz tagħha l-konsumatur jistqarr li jifhem il-mekkaniżmu tal-klawżola “ta’ rata minima” (ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ma huwiex ta’ natura li jipprova li kien hemm negozjar individwali ta’ din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Topaz, C‑211/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:906, punti 47 sa 51) jew a fortiori, tal-klawżola li twassal għal rinunzja reċiproka għal azzjoni ġudizzjarja.

( 63 ) Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo, punt 62.

( 64 ) F’dak li jirrigwarda klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li ma ġietx innegozjata individwalment u li tindika l-qrati tas-sede tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 24).

( 65 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Lovasné Tóth (C‑34/18, EU:C:2019:764, punti 45, 4649 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 66 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 4950), u tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 3536).

( 67 ) Ara l-Artikolu 1816 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol u Caponi, R., “Agreements Resulting from Mediation: Judiciation Review, Avoidance, and Enforcement”, fi Stürner, M. u oħrajn, The Role of Consumer ADR in the Administration of Justice, 2013, Sellier, pp. 149 et seq.

( 68 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[l‑]istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt] u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”. Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punti 31, 3540), u tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 41).

( 69 ) Ara l-punti 21 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 54).

( 71 ) Fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ April 2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qieset li l-kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 1809 tal-Kodiċi Ċivili (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet), kienu ssodisfatti f’dak li jirrigwarda ftehim bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li jirriżolvu b’mod definittiv “sitwazzjoni ta’ inċertezza” dwar il-validità tal-klawżoli “ta’ rata minima” billi jirrinunzjaw għall-azzjonijiet ġudizzjarji inkambju għal “konċessjonijiet reċiproċi”: minn naħa, l-istabbiliment ta’ kreditu, li kien jibbenefika minn ċertu limitu “minimu”, kien jagħti l-kunsens tiegħu għal tnaqqis ta’ dan il-limitu; min-naħa l-oħra, il-konsumatur, li ma kien jixtieq ebda klawżola “ta’ rata minima”, jagħti l-kunsens tiegħu li jittollera rata minima iktar baxxa minn dik iffissata inizjalment (ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fl-opinjoni dissidenti tiegħu, l-Imħallef Orduña Moreno min-naħa tiegħu sostna li dan il-ftehim ma kienx jikkostitwixxi tranżazzjoni peress li l-imsemmi ftehim ma kienx jirrifletti l-eżistenza ta’ sitwazzjoni kontenzjuża bejn il-partijiet. Bl-istess mod, l-Audiencia Provincial de Badajoz (il-Qorti Provinċjali ta’ Badajoz, Spanja), fis-sentenza Nru 168/2018 tas-26 ta’ April 2018, li kienet tirrigwarda kuntratt simili, iddeċidiet li wieħed ma setax jitkellem dwar tranżazzjoni, peress li ma kienx hemm tilwima bejn il-partijiet. Jien ukoll għandi d-dubji tiegħi dwar l-analiżi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) f’dan ir-rigward (ara l-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 72 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 7172), u tal-20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko (C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 61).

( 73 ) Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo, punti 48 sa 51.

( 74 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 7374), u tal-5 ta’ Ġunju 2019, GT (C‑38/17, EU:C:2019:461, punt 35). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, għal konsumatur, l-informazzjoni prekuntrattwali għandha importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur. Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 44), u tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 48).

( 75 ) Fil-fehma tiegħi, hawnhekk huwa possibbli li wieħed jispira ruħu mill-garanziji previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2013/11, imsemmija fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, “[f]il-proċeduri tal-ADR li għandhom l-għan li jsolvu t-tilwim billi jipproponu soluzzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li: […] (b) il-partijiet, qabel ma jaqblu jew isegwu soluzzjoni li tkun ġiet proposta, jiġu informati li: (i) huma għandhom l-għażla li jaqblu jew isegwu s-soluzzjoni proposta jew le; (ii) il-parteċipazzjoni fil-proċedura ma tipprekludix il-possibbiltà li wieħed ifittex rimedju permezz ta’ proċeduri tal-qorti; (iii) is-soluzzjoni proposta tista’ tkun differenti minn eżitu determinat minn qorti li tapplika regoli legali; (c) il-partijiet, qabel ma jaqblu jew isegwu soluzzjoni proposta, jiġu informati dwar l-effett legali li jirriżulta jekk jaqblu ma’ dik it-tali soluzzjoni proposta jew isegwuha; (d) il-partijiet, qabel ma jesprimu l-kunsens tagħhom għal soluzzjoni proposta jew qbil amikevoli, jingħataw perijodu raġonevoli ta’ żmien biex jirriflettu”.

( 76 ) Bħala eżempju, fir-rigward ta’ ftehimiet li jattribwixxu ġurisdizzjoni fit-tilwim transkonfinali tal-konsumatur (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jitqies li tkun inħolqot tilwima bejn il-partijiet malli jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejniethom dwar punt partikolari u kawża tkun imminenti jew prevista (ara r-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1), p. 33). Sempliċi lment min-naħa tal-konsumatur ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqies li dan huwa l-każ: huwa neċessarju wkoll li l-bejjiegħ jew il-fornitur ikun irrifjuta li jilqgħu (Nielsen, P. A., op. cit., p. 520).

( 77 ) Dan ma jimplikax neċessarjament, kif tindika l-qorti tar-rinviju, li l-bejjiegħ jew il-fornitur għandu jindika l-ammonti eżatti li għalihom ikun qiegħed jirrinunzja l-konsumatur. Jidhirli li tali rekwiżit ma huwiex realistiku fil-kuntest tan-negozjar ta’ tranżazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura, fil-kuntest tar-rekwiżit ta’ trasparenza, li ma tmurx lil hinn minn dak li jista’ raġonevolment jiġi mistenni mill-bejjiegħ jew mill-fornitur (ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Lovasné Tóth, C‑34/18, EU:C:2019:764, punt 69). Barra minn hekk, f’dan il-każ, fil-mument tal-konklużjoni tal-“kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self”, il-bank ma setax raġonevolment ikun jaf li XZ tibbenefika potenzjalment minn tali dritt għal ħlas lura (ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 78 ) L-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tispeċifika li l-konsumatur għandu effettivament jingħata l-opportunità li jeżamina l-klawżoli kollha tal-kuntratt. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-konsumatur jirċievi l-kuntratt bil-quddiem jikkontribwixxi għall-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza. Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Topaz (C‑211/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:906, punt 50).

( 79 ) Ara r-risposta li nissuġġerixxi għall-ewwel domanda preliminari.

( 80 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ ekwilibriju kkawżat minn klawżola kuntrattwali nħoloqx “kontra l-ħtieġa ta’ buona fede”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan l-iskop jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, fuq il-bażi ta’ aġir leali u ġust fil-konfront tal-konsumatur, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjar individwali. Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 69).

( 81 ) Ara l-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 82 ) It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li klawżola “ta’ rata minima” hija nieqsa mit-trasparenza sa fejn a) tkun nieqsa informazzjoni suffiċjentement ċara dwar il-fatt li din il-klawżola tirrigwarda element li jiddefinixxi s-suġġett prinċipali tal-kuntratt; b) il-klawżoli jiddaħħlu fl-istess ħin mal-klawżoli ta’ rata massima u jiġu ppreżentati bħallikieku dawn jikkostitwixxu l-korrispettiv tagħhom; c) ma jkunux jeżistu simulazzjonijiet ta’ diversi xenarji dwar l-aġir raġonevolment prevedibbli tar-rata ta’ interessi fil-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt; d) ma tkunx teżisti informazzjoni minn qabel, ċara u li tinftiehem dwar l-ispiża pparagunata ma’ modalitajiet oħra ta’ self tal-istabbiliment – dejjem jekk dawn ikunu jeżistu – jew twissija lill-klijent li, fid-dawl tal-profil tiegħu, dawn il-modalitajiet ma humiex qegħdin jiġu proposti lilu; u e) fil-każ tal-klawżoli użati minn BBVA, dawn ikunu jinsabu fost kwantità enormi ta’ data li taħbihom u li tiżvija l-attenzjoni tal-konsumatur.

( 83 ) B’mod partikolari, jidhirli li dan imur lil hinn sewwa mir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2014/17 li, minkejja li ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, madankollu tipprovdi punt ta’ riferiment utli. Fil-fatt, din id-direttiva tipprovdi, fl-Artikolu 14 tagħha, li l-kreditur għandu jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni prekuntrattwali permezz tal-Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata (FEIS) li jinsab fl-Anness II tal-imsemmija direttiva. Issa, dan l-anness jipprovdi sempliċement fil-punt 6 tat-Taqsima 3 tiegħu, intitolata “Karatteristiċi ewlenin tas-self”, li “[d]in it-taqsima għandha tispjega jekk ir-rata tal-imgħax tas-self hijiex fissa jew varjabbli u, fejn applikabbli, il-perijodi li matulhom ser tibqa’ fissa; il-frekwenza tar-reviżjonijiet sussegwenti u l-eżistenza ta’ limiti għall-varjabbiltà tar-rata tal-imgħax tas-self, bħal limiti massimi jew limiti minimi”.

( 84 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.