KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2019 ( 1 )

Kawża C‑447/18

UB

vs

Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Slovakka))

“Ugwaljanza fit-trattament fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali – Diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità – Assenza ta’ ċaqliq ta’ ħaddiem – Bidla tal-Istat Membru ta’ residenza tal-ħaddiem li tirriżulta minn xoljiment ta’ Stat – Leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li tissuġġetta d-dritt għal vantaġġ supplimentari għall-irbiħ ta’ midalji fl-Olimpjadi u kampjonati internazzjonali oħra għal kundizzjoni ta’ nazzjonalità – Ċittadin Ċek residenti fis-Slovakkja”

1. 

It-tilwima fil-kawża prinċipali tipprovdi opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar iċ-ċirkustanzi li fihom vantaġġ addizzjonali rriżervat għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru għandu jiġi estiż għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea residenti f’dan l-Istat Membru. Il-vantaġġ inkwistjoni hawnhekk (iktar ’il quddiem l-“allowance addizzjonali”) jingħata lil persuni li jkunu rebħu midalji fl-Olimpjadi u f’avvenimenti sportivi Ewropej u internazzjonali oħra.

2. 

It-tilwima ma hijiex tas-soltu minħabba li ma tqumx mill-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu, iżda mill-fatt li r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka saret żewġ Stati separati qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka u tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Għaldaqstant, ċittadin Ċek residenti fis-Slovakkja li jitlob l-allowance addizzjonali mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali Slovakki ma jistax jitqies bħala ħaddiem migrant, peress li għex għal iktar minn 50 sena fi ħdan dak li issa huwa l-Istat sovran tas-Slovakkja.

3. 

In-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema, is-Slovakkja) tistaqsi jekk tali persuna, li tkun tixtieq tikseb l-allowance addizzjonali, tistax madankollu tinvoka r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 2 ) kif ukoll id-dritt għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għall-vantaġġi soċjali stabbilit fl-Artikolu 34 tal-Karta.

4. 

Wasalt għal risposta fin-negattiv għal din id-domanda għar-raġunijiet esposti fil-parti IV hawn taħt.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea huwa intitolat “Sigurtà soċjali u assistenza soċjali”. L-ewwel żewġ paragrafi tiegħu jipprovdu:

“1. L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f’każijiet bħal ma huma l-maternità, il-mard, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, id-dipendenza jew l-anzjanità, u fil-każ ta’ telf tax-xogħol, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

2. Kull min jirrisjedi u jmur minn post għal ieħor legalment fl-Unjoni Ewropea hu intitolat għall-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġi soċjali, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.”

6.

Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Nru 883/2004 jgħidu:

“(4)

Huwa neċessarju li l-karatteristiċi speċjali ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali jkunu rispettati u li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni.

(5)

Huwa neċessarju, fi ħdan il-qafas ta’ din il-kordinazzjoni, li fil-Komunità jkun garantit trattament ugwali għall-persuni konċernati taħt il-leġislazzjonijiet nazzjonali differenti.

[…]”

7.

L-Artikolu 1(w) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi kif ġej:

“‘pensjoni’ tkopri mhux biss pensjonijiet imma wkoll benefiċċji mogħtijin bħala somma waħda f’daqqa li jistgħu jingħataw minflok il-pensjoni u ħlas fil-forma ta’ ħlas lura ta’ kontribuzzjonijiet u, mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet tat-Titolu III, żidied fuq bażi ta’ valutazzjoni mill-ġdid jew allowances supplimentarji”.

8.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Oqsma koperti”, jipprovdi fil-paragrafi 1, 3 u 5:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

(a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

(b)

benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità;

(ċ)

benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

(d)

benefiċċji marbuta ma’ l-età;

(e)

benefiċċji għas-superstiti;

(f)

benefiċċji marbutin ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol;

(g)

għotjiet marbutin ma’ mewt;

(h)

benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

(i)

benefiċċji ta’ qabel l-irtirar;

(j)

benefiċċji marbuta mal-familja.

[…]

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[…]

5.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

assistenza soċjali u medika jew

(b)

beneficcji li fir-rigward tagħhom Stat Membru jassumi r-responsabbiltà għad-danni ta’ persuni u jipprovdi kumpens, bħal dawk fil-każ ta’ vittmi tal-gwerra u azzjoni militari jew il-konsegwenzi tagħhom; vittmi ta’ atti kriminali, qtil jew terroriżmu; vittmi ta’ dannu kkawżat minn aġenti tal-Istat Membru waqt il-qadi ta’ dmirijiethom; jew vittmi li batew żvantaġġ minħabba raġunijiet politiċi jew reliġjużi jew raġunijiet ta’ dixxendenza.

[…]”

9.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa intitolat “Trattament ugwali”. Huwa jipprevedi li:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

10.

L-Artikolu 5 huwa intitolat “Trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet”. Huwa jipprevedi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

(a)

meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċceviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

(b)

meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

11.

L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa intitolat “Disposizzjoni ġenerali”. Huwa jipprovdi:

“1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

(a) huma maħsuba biex jagħtu jew:

(i) protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

jew

(ii) protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

(b) meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

(ċ) huma elenkati fl-Anness X.

3.   L-Artikolu 7 [u] l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

B.   Id-dritt Slovakk

12.

L-Artikolu 1 taz-zákon č. 112/2015 Z.z. o príspevku športovému reprezentantovi a o zmene a doplnení zákona č. 461/2003 Z.z. o sociálnom poistení v znení neskorších predpisov (il-Liġi Nru 112/2015 dwar l-Allowances għar-Rappreżentanti Sportivi u dwar l-Emenda tal-Liġi Nru 461/2003 dwar l-Assigurazzjoni Soċjali, kif emendata; iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 112/2015”), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Din il-liġi tirregola l-għoti ta’ allowance għar-rappreżentanti sportivi (iktar ’il quddiem l-‘allowance’) fil-forma ta’ benefiċċju soċjali tal-Istat, li l-iskop tagħha huwa li tipprovdi garanzija finanzjarja lill-atleti li, inkwantu rappreżentanti sportivi tar-Repubblika Ċekoslovakka, tar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, tar-Repubblika Federali Ċekoslovakka, tar-Repubblika Federali Ċeka u dik Slovakka jew tar-Repubblika Slovakka, kisbu midalji fil-Logħob Olimpiku, fil-Logħob Paralimpiku, fid-Deaflimpiċi, fil-Kampjonati tad-Dinja jew fil-Kampjonati Ewropej.”

13.

L-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 112/2015, fl-istess verżjoni, jipprevedi:

“Tista’ titlob allowance kull persuna fiżika li:

(a)

inkwantu rappreżentant sportiv tar-Repubblika Ċekoslovakka, tar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, tar-Repubblika Federali Ċekoslovakka, tar-Repubblika Federali Ċeka u dik Slovakka jew tar-Repubblika Slovakka, kisbet

1.

midalja tad-deheb (l-ewwel post), midalja tal-fidda (it-tieni post) jew midalja tal-bronż (it-tielet post) fil-Logħob Olimpiku, fil-Logħob Paralimpiku jew fid-Deaflimpiċi;

2.

midalja tad-deheb (l-ewwel post), midalja tal-fidda (it-tieni post) jew midalja tal-bronż (it-tielet post) fil-Kampjonati tad-Dinja, jew midalja tad-deheb (l-ewwel post) fil-Kampjonati Ewropej f’dixxiplina sportiva inkluża mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali fil-Logħob Olimpiku, mill-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali fil-Logħob Paralimpiku, jew mill-Kumitat Internazzjonali tal-Isport għat-Torox fid-Deaflimpiċi, immedjatament qabel il-Kampjonati tad-Dinja jew il-Kampjonati Ewropej, jew li nżammu matul is-sena li fiha nżammu l-Kampjonati tad-Dinja jew il-Kampjonati Ewropej;

(b)

hija ċittadin tar-Repubblika Slovakka;

(c)

għandha r-residenza prinċipali tagħha fir-Repubblika Slovakka jew hija persuna li għaliha tapplika leġiżlazzjoni speċifika;

(d)

ma tirċevix allowance simili minn barra l-pajjiż;

(e)

laħqet l-età tal-irtirar; u

(f)

talbet benefiċċju tal-irtirar skont leġiżlazzjoni speċifika.”

14.

L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 112/2015, fl-istess verżjoni, jipprevedi:

“L-ammont tal-allowance għandu jikkonsisti fid-differenza:

(a)

bejn is-somma ta’ EUR 750 u s-somma tal-ammonti tal-benefiċċji tal-irtirar mogħtija taħt leġiżlazzjoni speċifika u benefiċċji tal-irtirar simili mħallsa barra l-pajjiż, sakemm il-persuna naturali tkun rebħet:

1.

midalja tad-deheb fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1)(a);

2.

midalja tad-deheb fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) fil-Kampjonati tad-Dinja; jew

(b)

bejn is-somma ta’ EUR 600 u s-somma tal-ammonti tal-benefiċċji tal-irtirar mogħtija taħt leġiżlazzjoni speċifika u benefiċċji tal-irtirar simili mħallsa barra l-pajjiż, sakemm il-persuna fiżika tkun rebħet:

1.

midalja tal-fidda fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1)(a);

2.

midalja tal-fidda fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) fil-Kampjonati tad-Dinja; jew

(c)

bejn is-somma ta’ EUR 500 u s-somma tal-ammonti tal-benefiċċji tal-irtirar mogħtija taħt leġiżlazzjoni speċifika u benefiċċji tal-irtirar simili mħallsa barra l-pajjiż, sakemm il-persuna fiżika tkun rebħet:

1.

midalja tal-bronż fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1)(a);

2.

midalja tal-bronż fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) fil-Kampjonati tad-Dinja; jew

3.

midalja tad-deheb fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) fil-Kampjonati Ewropej.”

II. Il-fatti u d-domanda magħmula

15.

Skont ir-reġistru tal-midalji miksuba miżmum mill-Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky (il-Ministeru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza, ir-Riċerka u l-Isport tar-Repubblika Slovakka), UB (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), ċittadin Ċek, kiseb midalja tad-deheb fil-Kampjonati Ewropej tal-Ice Hockey, u midalja tal-fidda fil-Kampjonati Dinjija tal-Ice Hockey, it-tnejn fl-1971. Fis-17 ta’ Diċembru 2015 huwa invoka d-dritt għall-allowance addizzjonali inkwistjoni quddiem l-awtoritajiet Slovakki tas-sigurtà soċjali.

16.

Huma rrifjutawha, abbażi tal-Artikolu 2(1)(b) tal-Liġi Nru 112/2015, minħabba n-nazzjonalità Ċeka tiegħu. Fil-proċedura quddiem il-Krajský súd v Košiciach (il-Qorti Reġjonali ta’ Košice, is-Slovakkja), ir-rikorrent, filwaqt li rrefera għad-dritt tal-Unjoni, sostna li l-leġiżlazzjoni Slovakka kienet diskriminatorja abbażi taċ-ċittadinanza tiegħu. Huwa indika wkoll li ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li kien ilu jgħix fir-Repubblika Slovakka għal 52 sena.

17.

Abbażi tad-dokumenti marbuta mal-proċedura leġiżlattiva, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema, is-Slovakkja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) ikkonstatat li l-Gvern tar-Repubblika Slovakka, f’laqgħa tat-22 ta’ April 2015, kien iddiskuta abbozz ta’ liġi dwar l-allowances għar-rappreżentanti sportivi, u kien wasal, b’mod partikolari, għall-konklużjoni li fl-Artikolu 2(1)(b), il-Gvern ikkunsidra li kien “meħtieġ li jiġi stabbilit fis-subparagrafu 1(b) il-kliem li ġej:”‘(b) hija ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ċittadin ta’ Stat li huwa parti kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jew ċittadin Svizzeru’”. Fl-abbozz ta’ liġi, tqies li kien meħtieġ li ssir referenza għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

18.

Wara proposta minn ċerti Membri tan-Národná rada Slovenskej republiky (il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka) (iktar ’il quddiem il-“leġiżlatur”), l-abbozz ta’ liġi dwar l-allowances għar-rappreżentanti sportivi ġie emendat fis-sens li l-espressjoni “ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea” ġiet issostitwita bil-kliem “tar-Repubblika Slovakka”.

19.

Ir-raġuni mogħtija għal din l-emenda proposta kienet li l-allowance inkwistjoni kienet benefiċċju soċjali tal-Istat li ma kienx benefiċċju tal-irtirar u li l-għan tiegħu kien li jikkontribwixxi għas-sigurtà finanzjarja tal-atleti ta’ livell għoli, li, inkwantu [ċittadini Slovakki], kienu rrappreżentaw lir-Repubblika Slovakka jew il-predeċessuri legali tagħha. Barra minn hekk, peress li l-abbozz ta’ liġi ma kienx intiż sabiex jiggarantixxi s-sigurtà finanzjarja tal-atleti li, minkejja li rrappreżentaw l-Istat ikkonċernat, kienu ċittadini ta’ Stati oħra, ġie propost li tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza tar-Repubblika Slovakka bħala waħda mill-kundizzjonijiet sabiex persuna tkun intitolata għall-allowance inkwistjoni.

20.

L-abbozz ta’ liġi dwar l-allowances għar-rappreżentanti sportivi fl-aħħar mill-aħħar ġie adottat mil-leġiżlatur, flimkien ma’ klawżola dwar il-kompatibbiltà tal-liġi proposta mad-dritt tal-Unjoni, skont liema il-livell ta’ kompatibbiltà kien ikkunsidrat bħala “sħiħ”, billi d-dritt primarju, sekondarju u terzjarju tal-Unjoni ma kienx japplika għall-imsemmi abbozz.

21.

Fil-formulazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Karta, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju indikat li kienet taf li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tivverifika l-osservanza tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta fid-dawl tal-Artikolu 51(1) tagħha, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni ( 3 ).

22.

Il-qorti tar-rinviju għalhekk tenfasizza li ma hijiex qed titlob interpretazzjoni awtonoma tad-drittijiet għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għall-assistenza soċjali, li huma stabbiliti fl-Artikolu 34 tal-Karta, iżda pjuttost qed tiġbed l-attenzjoni għall-bażi tat-tilwima, imsemmija hawn fuq, fil-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali, li fiha trid tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tal-mod kif qed tipproċedi awtorità pubblika.

23.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-allowance mogħtija lil atleta li jkun irrappreżenta lill-Istat ma huwiex biss benefiċċju soċjali tal-Istat kif indikat fid-dokumenti marbuta mal-proċedura leġiżlattiva. Mid-diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 112/2015, imsemmija hawn fuq, jista’ jidher li l-allowance addizzjonali titħallas fuq bażi regolari u b’mod parallel, flimkien mal-benefiċċju tal-irtirar, sabiex l-ammont tal-benefiċċju tal-irtirar jitla’ għal EUR 750 (taħt il-punt (a)], EUR 600 (taħt il-punt (b)) jew EUR 500 (taħt il-punt (c)).

24.

Huwa wkoll fatt mhux ikkontestat li r-rikorrent, inkwantu persuna li rrappreżentat lill-Istat fil-kuntest ta’ sport kollettiv, isib ruħu f’pożizzjoni li hija differenti minn dik ta’ sħabu fit-tim tiegħu għas-sempliċi raġuni li, b’mod differenti minnhom, huwa ma huwiex ċittadin Slovakk, għalkemm huwa kkontribwixxa wkoll, permezz tal-isforzi u l-ħiliet tiegħu, għar-riżultat kollettiv tat-tim nazzjonali.

25.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, qabel ma ddeċidiet li tissottometti t-talba għal deċiżjoni preliminari, hija analizzat fid-dettall is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’kawżi simili, jiġifieri s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová ( 4 ), u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Slovakka ( 5 ), dwar bonus tal-Milied, u Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Slovakka ( 6 ), C‑433/13, iżda waslet għall-konklużjoni li s-sentenzi ma kinux japplikaw għall-kawża preżenti.

26.

Il-qorti tar-rinviju għalhekk issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1(w) u l-Artikoli 4 u 5 tar-[Regolament Nru 883/2004], moqrija flimkien mad-dritt għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għal vantaġġi soċjali stipulat fl-Artikolu 34(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu interpretati, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, fis-sens li dawn jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprovdi li l-istituzzjoni Slovakka tas-sigurtà soċjali għandha tqis li l-kundizzjoni fundamentali li tagħti d-dritt għas-suppliment ta’ pensjoni lir-rappreżentanti sportivi hija n-nazzjonalità tal-applikant, anki jekk kundizzjoni legali oħra, jiġifieri [l-fatt li jkunu għamlu parti mit-tim] nazzjonali tal-predeċessuri fid-dritt [tar-Repubblika Slovakka], inkluża r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, tkun ukoll element tal-leġiżlazzjoni nazzjonali?”

27.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Slovakka u mill-Kummissjoni Ewropea. It-tlieta li huma pparteċipaw fis-seduta li nżammet fis-7 ta’ Mejju 2019.

III. Sunt tal-osservazzjonijiet bil-miktub

28.

Ir-Repubblika Ċeka targumenta li l-allowance addizzjonali taqa’, mingħajr dubju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 883/2004. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, benefiċċju jista’ jitqies bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali biss jekk jingħata, barra minn kwalunkwe evalwazzjoni individwali jew diskrezzjoni bbażata fuq il-ħtiġijiet personali tal-benefiċjarji, abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, u jekk din tkun konnessa ma’ wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 7 ).

29.

L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni Slovakka tipprevedi li l-allowance addizzjonali hija dritt. Għalhekk, ma hijiex benefiċċju fakultattiv iżda hija ħlas obbligatorju. It-tieni nett, hija titħallas awtomatikament lil dawk li jissodisfaw kriterji oġġettivi, jiġifieri lil dawk li rrappreżentaw lis-Slovakkja jew l-Istat predeċessur tagħha f’avvenimenti sportivi internazzjonali speċifiċi. Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda setgħa ta’ evalwazzjoni individwali jew diskrezzjonali, u l-awtorità kompetenti ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-applikant. It-tielet nett, l-allowance addizzjonali tikkompleta l-pensjoni tax-xjuħija, peress li titħallas fuq bażi regolari u b’mod parallel mal-pensjoni tax-xjuħija. Għalhekk hija meqjusa bħala pensjoni fis-sens tal-Artikolu 1(w) tar-Regolament Nru 883/2004, li testendi għall-pensjonijiet addizzjonali ( 8 ). L-allowance addizzjonali ugwalment tikkorrispondi għal benefiċċju tax-xjuħija fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004 skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ). Il-fatt li l-ammont tal-allowance addizzjonali ma jiddependix fuq l-ammont tas-salarju mħallas jew fuq il-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati ma jikkontestax din il-klassifikazzjoni ( 10 ).

30.

L-issuġġettar tal-għoti tal-allowance addizzjonali għal kundizzjoni ta’ nazzjonalità huwa għalhekk prekluż mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. L-element determinanti għall-għoti tal-allowance addizzjonali huwa jekk il-persuna kkonċernata rrappreżentatx lill-Istat, jew lill-predeċessuri tiegħu, u jekk kisbitx ir-riżultat meħtieġ, u mhux jekk il-persuna hijiex ċittadin tal-Istat Membru inkwistjoni.

31.

Ir-Repubblika Slovakka tikkontesta din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Hija tirrimarka li inizjalment kien previst li r-Repubblika Ċeka u dik Slovakka jieħdu approċċ ikkoordinat fil-qasam tal-għoti tal-allowance addizzjonali, biż-żewġ pajjiżi jħallsu lir-residenti li kienu rrappreżentaw lir-Repubblika Ċekoslovakka fl-avvenimenti sportivi internazzjonali ddeterminati, kemm jekk huma Ċeki jew Slovakki, u sakemm dan ma jirriżultax fi ħlas doppju. Għal din ir-raġuni, ir-Repubblika Slovakka għall-ewwel ma pproponietx li tillimita l-ħlas tal-allowance addizzjonali għaċ-ċittadini Slovakki. Dan sar biss meta r-Repubblika Ċeka naqset milli tadotta liġi li testendi l-ħlas tal-allowance addizzjonali għaċ-ċittadini Slovakki residenti fir-Repubblika Ċeka. Għalhekk, kieku s-Slovakkja tkun meħtieġa temenda l-liġi, hija tkun qed tagħti l-allowance addizzjonali liċ-ċittadini Slovakki residenti kemm fir-Repubblika Ċeka kif ukoll fis-Slovakkja, u liċ-ċittadini Ċeki residenti fis-Slovakkja.

32.

Ir-Repubblika Slovakka targumenta li l-allowance addizzjonali ma hijiex benefiċċju tas-sigurtà soċjali taħt ir-Regolament Nru 883/2004, u lanqas ma taqa’ taħt benefiċċji speċjali mhux kontributorji taħt l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament.

33.

Fir-rigward tal-ewwel, dan huwa ddeterminat mill-elementi li jikkostitwixxu l-allowance, b’mod partikolari l-iskop tagħha u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha. Huwa ma jaqax taħt wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 11 ). Huwa lanqas ma huwa benefiċċju tal-irtirar fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ). L-allowance addizzjonali tingħata indipendentement mill-eżistenza ta’ benefiċċju tal-irtirar. Hija titħallas anki jekk l-ex atleta ma jirċievi l-ebda pensjoni. Il-ħlas tagħha huwa eskluż meta l-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar jaqbeż limitu speċifikat ( 13 ). L-allowance addizzjonali ma titħallasx mill-istess fondi li jservu għall-finanzjament tal-pensjoni tax-xjuħija. Hija titħallas direttament mill-Istat. L-allowance addizzjonali lanqas ma hija intiża sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji ( 14 ). Hija pjuttost intiża, inter alia, sabiex tippremja lill-atleti ta’ livell għoli għall-kisba tagħhom u sabiex tinkoraġġixxi lill-atleti żgħażagħ. L-ammont imħallas lanqas ma jiddependi fuq dak tal-kontribuzzjonijiet imwettqa jew mill-perjodu tal-assigurazzjoni ( 15 ).

34.

Fir-rigward tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji taħt l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004, ir-Repubblika Slovakka tosserva li l-allowance addizzjonali ma taqax taħt wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1). Hija lanqas ma hija intiża sabiex tiggarantixxi livell minimu ta’ dħul għall-għajxien. Barra minn hekk, hija ma taqax taħt il-benefiċċji għal persuni b’diżabbiltà previsti fl-Artikolu 70(2)(a), u lanqas ma hija prevista mill-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, kif jeżiġi l-Artikolu 70(2)(ċ).

35.

Fir-rigward tal-Artikolu 34 tal-Karta, huwa ma jibdilx il-pożizzjoni tar-Repubblika Slovakka. L-allowance addizzjonali tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 16 ).

36.

Il-Kummissjoni tosserva li l-allowance addizzjonali, fil-fatt, tapplika biss għal persuni li laħqu l-età tal-irtirar u li talbu pensjoni tal-irtirar. Il-fatt li hija allowance li tikkompleta ma jipprekludix li hija titqies bħala pensjoni tax-xjuħija fis-sens tar-Regolament Nru 884/2004 ( 17 ). Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex ċerta jekk dan il-benefiċċju jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. Huwa suppliment intiż sabiex jippremja kisbiet eċċezzjonali fil-kuntest tar-rappreżentazzjoni tal-pajjiż, li jista’ jitħallas lil ċirku żgħir ta’ nies. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allowance addizzjonali inkwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, filwaqt li tqis li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċju jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 ( 18 ) u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

37.

Madankollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma huwiex neċessarju li jiġi deċiż jekk l-allowance addizzjonali hijiex vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ( 19 ), minħabba li huwa possibbli li tingħata risposta għad-domanda rrinvijata abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, jiġifieri t-Trattat FUE.

38.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 18 TFUE, u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Tas‑Hagen u Tas ( 20 ), li, fil-fehma tagħha, jippermetti lir-rikorrent jinvoka l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem skont l-Artikolu 45 TFUE.

IV. Analiżi

39.

L-allowance addizzjonali ma taqa’ la taħt ir-Regolament Nru 883/2004, u lanqas taħt ir-Regolament Nru 492/2011, u tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu li għalih tirreferi l-Kummissjoni ( 21 ). Għaldaqstant, ma hemmx lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tal-Karta, peress li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex “irregolata” mid-dritt tal-Unjoni ( 22 ).

40.

Fir-rigward tar-Regolament Nru 883/2004, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa stabbilit li “[i]d-distinzjoni bejn benefiċċji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u benefiċċji li jaqgħu taħt dan il-kamp hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu, u mhux fuq il-fatt li benefiċċju huwa kklassifikat jew le minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali” ( 23 ). F’kull każ, sabiex taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, liġi nazzjonali għandha tkopri wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament ( 24 ).

41.

L-allowance addizzjonali ma tkoprix wieħed mir-riskji elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (elenkati hawn fuq fil-punt 8). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod konsistenti li benefiċċju jista’ jitqies bħala “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” sa fejn, minn naħa, huwa jingħata lill-benefiċjarji mingħajr l-ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-ħtiġijiet personali tagħhom, abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, u sa fejn, min-naħa l-oħra, huwa marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 25 ). L-allowance addizzjonali hija pjuttost premju għall-prestazzjoni minn rappreżentanti nazzjonali f’avvenimenti sportivi internazzjonali. Il-fatt li, fil-prattika, hija titħallas lil persuni li laħqu l-età tal-irtirar ma huwiex biżżejjed sabiex iġibuh fost il-benefiċċji tax-xjuħija taħt l-Artikolu 3(1). Kif spjegat mill-aġent għas-Slovakkja waqt is-seduta, l-allowance addizzjonali hija marbuta biss mar-riċevituri tal-pensjoni tax-xjuħija li jirċievu l-ammont massimu tal-benefiċċju stabbilit mil-liġi tal-Istat Membru, li għandu l-effett li jnaqqas is-somma mħallsa lil dawn il-persuni. L-eliġibbiltà għall-allowance addizzjonali ma għandha l-ebda rabta fil-liġi mar-riċeviment tal-pensjoni.

42.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-allowance addizzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004, u għaldaqstant bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li jikkostitwixxu dan il-vantaġġ, b’mod partikolari l-iskop tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu ( 26 ).

43.

L-allowance addizzjonali tingħata lil persuni li kisbu livell għoli ta’ prestazzjoni f’avvenimenti sportivi internazzjonali. Hija maħsuba bħala premju għal din il-prestazzjoni, u sabiex tinkoraġġixxi lill-atleti żgħażagħ. Jien għalhekk nikkonkludi li l-allowance addizzjonali hija iktar simili għall-bonus tal-Milied fil-kawża Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja ( 27 ), u meqjus li ma jammontax għal benefiċċju tax-xjuħija taħt l-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004, milli għall-paga tal-vaganzi mħallsa esklużivament lill-benefiċjarji ta’ pensjoni tal-irtirar jew superstiti, u ffinanzjata mill-istess riżorsi bħal dawk previsti għall-finanzjament tal-pensjoni fil-kawża Noteboom ( 28 ), u li kienet meqjusa bħala benefiċċju tax-xjuħija ( 29 ). F’dan il-każ, l-allowance addizzjonali hija ffinanzjata, mhux mill-istess fond bħall-pensjonijiet, iżda direttament mill-Istat u, kif spjegat hawn fuq ma għandha l-ebda rabta mas-sistema tal-pensjoni, għajr it-tnaqqis għall-ex atleti li jirċievu l-pensjoni massima tax-xjuħija taħt id-dritt Slovakk.

44.

Filwaqt li nirrikonoxxi li l-allowance inkwistjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja tħallset lil grupp wiesa’ ta’ benefiċjarji, u l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil grupp ristrett, in-numru diskret ta’ benefiċjarji, marbut ma’ dak ta’ prestazzjonijiet miksuba f’avvenimenti sportivi elite, iservi biss biex jenfasizza d-differenza bejn din l-allowance u s-supplimenti li huma marbuta mal-pensjoni tax-xjuħija.

45.

Fir-rigward tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji previsti fl-Artikoli 3(3) u 70 tar-Regolament Nru 883/2004, naqbel mal-argumenti tar-Repubblika Slovakka fil-punt 34 hawn fuq, fis-sens li huwa impossibbli li l-allowance addizzjonali tiddaħħal fl-Artikolu 70. Ninnota li l-Artikolu 3(5)(a) jeskludi b’mod espliċitu l-“assistenza soċjali” mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 ( 30 ), u li l-Artikolu 70(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 jirreferi lura għall-fergħat tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), li huma intiżi “sabiex ikopru b’mod komplementari, sussidjarju jew ta’ sostituzzjoni, ir-riskji [elenkati] fl-Artikolu 3(1)” ( 31 ). Kif spjegat fil-punt 41 ta’ dawn l-osservazzjonijiet, wasalt għall-konklużjoni li l-allowance addizzjonali ma tikkonċerna l-ebda waħda mill-kategoriji elenkati f’din id-dispożizzjoni u li hija pjuttost allowance speċifika intiża sabiex tippremja l-eċċellenza fl-isport. L-allowance addizzjonali ma hijiex prevista mill-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, u ma hijiex intiża sabiex tagħti livell minimu ta’ dħul għall-għajxien.

46.

L-allowance addizzjonali lanqas ma taqa’ taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 inkwantu “vantaġġ soċjali” li l-karatteristiċi essenzjali tiegħu jeskludu l-benefiċċji li huma assoċjati mas-servizz mogħti lill-Istat. Skema ta’ rikonoxximent nazzjonali ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/11 ( 32 ). Barra minn hekk, l-assenza ta’ ħlas tal-allowance addizzjonali lil ċittadin Ċek residenti fis-Slovakkja tmur biss kontra l-għan li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-ħaddiema ( 33 ). Dan jikkonċerna numru żgħir ta’ ħaddiema tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri ċ-ċittadini Ċeki li kienu rrappreżentaw lill-ex Repubblika taċ-Ċekoslovakkja u li jixtiequ jiċċaqilqu mir-Repubblika Ċeka għar-Repubblika Slovakka.

47.

Fi kliem ieħor, il-fatt li l-allowance addizzjonali tiġi rriżervata biss għaċ-ċittadini Slovakki ma jirriżulta fl-ebda skoraġġiment globali jew ġenerali ta’ moviment għax-xogħol fis-Slovakkja madwar l-UE ( 34 ), li jirriżulta mir-rifjut tal-awtoritajiet Slovakki li jħallsu l-allowance addizzjonali lil ċittadini Ċeki, għalkemm, kif spjegat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Slovakk u mill-aġent tagħhom waqt is-seduta, saru diskussjonijiet bejn iż-żewġ Stati Membri qabel l-adozzjoni tal-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, rispons ikkoordinat kien previst fejn iż-żewġ pajjiżi jħallsu l-allowance addizzjonali liċ-ċittadini tagħhom stess, irrispettivament mir-residenza.

48.

Finalment, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Tas‑Hagen u Tas. F’din il-kawża, ir-rifjut tal-Gvern Olandiż li jħallas liċ-ċittadini tiegħu stess benefiċċju stabbilit għall-vittmi ċivili tal-gwerra minn dan il-gvern, minħabba r-residenza tagħhom fi Spanja, kien jaqa’ taħt il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità taħt l-Artikolu 18 KE, iktar milli taħt sitwazzjoni purament interna, preċiżament minħabba li l-persuni kkonċernati kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu billi marru u għexu fi Spanja, jiġifieri Stat Membru ieħor għajr dak li kienu ċittadini tiegħu ( 35 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “peress li l-eżerċizzju minn K. Tas-Hagen u minn R. A. Tas ta’ dritt rikonoxxut mill-ordinament ġuridiku Komunitarju affettwa d-dritt ta’ dawn ta’ l-aħħar li jiksbu benefiċċju previst mill-leġiżlazzjoni nazzjoni, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala purament interna u li m’għandha ebda rabta mad-dritt Komunitarju” ( 36 ).

49.

Madankollu, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrent qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu tal-moviment liberu taħt l-Artikolu 45 TFUE. Għalhekk, filwaqt li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Tas Hagen u Tas tkun xierqa f’tilwima bejn ċittadin Ċek u l-awtoritajiet Ċeki tas-sigurtà soċjali fil-każ ta’ rifjut ta’ ħlas ta’ benefiċċju minħabba l-eżerċizzju minn ċittadin Ċek tad-dritt tiegħu għall-moviment liberu billi stabbilixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Ċeka, inkluża r-Repubblika Slovakka, dawn il-fatti ma seħħewx fil-kawża prinċipali. Iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jqiegħdu ċittadin Ċek li qatt ma eżerċita drittijiet ta’ moviment liberu kontra l-Istat Membru tar-residenza tiegħu, jiġifieri s-Slovakkja, fejn huwa dejjem għex sa mill-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni Ewropea.

50.

It-tilwima ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk l-Artikolu 34 tal-Karta ma japplikax.

V. Konklużjoni

51.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) għandha tkun kif ġej:

“L-Artikolu 1(w), u l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, moqrija flimkien mad-dritt għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għal vantaġġi soċjali stipulat fl-Artikolu 34(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jiġu interpretati, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprovdi li l-istituzzjoni Slovakka tas-sigurtà soċjali għandha tqis li l-kundizzjoni fundamentali li tagħti d-dritt għas-suppliment ta’ pensjoni lir-rappreżentanti sportivi hija n-nazzjonalità tal-applikant, anki jekk kundizzjoni legali oħra, jiġifieri l-fatt li jkun irrappreżenta lill-predeċessuri fid-dritt tal-Istat, inkluża r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, tkun ukoll element tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Annessi tiegħu (ĠU 2009, L 284, p. 43).

( 3 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105) u digriet tat-28 ta’ Novembru 2013, Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio (C‑258/13, EU:C:2013:810).

( 4 ) C‑399/09, EU:C:2011:415.

( 5 ) C‑361/13, EU:C:2015:601.

( 6 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, C‑433/13, EU:C:2015:602.

( 7 ) F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes (C‑78/91, UE:C:1992:331, punt 15) u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 71). L-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti huma determinanti, u mhux il-klassifikazzjoni magħmula mill-Istat Membru. Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes (C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 14); tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow (C‑245/94 u C‑312/94, EU:C:1996:379, punt 17) u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 70).

( 8 ) F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Noteboom (C‑101/04, EU:C:2005:51, punt 27).

( 9 ) Ir-Repubblika Ċeka tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2018Czerwinski (C‑517/16, EU:C:2018:350, punt 45).

( 10 ) Hawnhekk ir-Repubblika Ċeka tibbaża ruħha fuq sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Noteboom (C‑101/04, EU:C:2005:51, punt 29).

( 11 ) Ir-Repubblika Slovakka tirreferi għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabilità) (C‑679/16, EU:C:2018:601, punti 32 u 33).

( 12 ) Ir-Repubblika Slovakka tirreferi għas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 56).

( 13 ) Ir-Repubblika Slovakka tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Noteboom (C‑101/04, EU:C:2005:51, punt 27); u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 56).

( 14 ) Ir-Repubblika Slovakka tirreferi għas-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1983, Valentini (C‑171/82, EU:C:1983:189, punt 14); u tas-16 ta’ Diċembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 55).

( 15 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 1983, Valentini (C‑171/82, EU:C:1983:189, punt 14).

( 16 ) Ir-Repubblika Slovakka tirreferi għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Baldinger (C‑386/02, EU:C:2004:535).

( 17 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Noteboom (C‑101/04, EU:C:2005:51, punti 25 sa 29); tas-16 ta’ Diċembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 55); u tat-30 ta’ Mejju 2018, Czerwinski (C‑517/16, EU:C:2018:350, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU 2011, L 141, p. 1).

( 19 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 1979, Even u ONPTS (207/78, EU:C:1979:144); tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci (235/87, EU:C:1988:460, punt 16); u tas-16 ta’ Settembru 2004, Baldinger (C‑386/02, EU:C:2004:535, punti 17 sa 19).

( 20 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Tas‑Hagen u Tas (C‑192/05, EU:C:2006:676, punti 16, 30 u d-dispożittiv).

( 21 ) Is-sitwazzjoni fil-proċedura fil-kawża prinċipali hija għalhekk fundamentalment differenti minn dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová (C‑399/09, EU:C:2011:415).

( 22 ) Ara pereżempju s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, PI (C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 63).

( 23 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2018, Czerwinski (C‑517/16, UE:C:2018:350, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà) (C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 31).

( 24 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2018, Czerwinski (C‑517/16, UE:C:2018:350, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Dreyer (C‑372/18, EU:C:2019:206, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Slovakka (C‑361/13, EU:C: EU:C:2015:601, punt 54).

( 27 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Slovakka (C‑361/13, EU:C:2015:601).

( 28 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Noteboom (C‑101/04, EU:C:2005:51, punt 27).

( 29 ) B’applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġorant permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), u emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308). Din id-dispożizzjoni tħassret permezz tal-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, EU:C:1985:139, punti 11, 12 u 14).

( 31 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Skalka (C‑160/02, EU:C:2004:269), li fiha l-ħlas inkwistjoni kien “benefiċċju soċjali mhux kontributorju”.

( 32 ) Sentenza tal-31 ta’ Mejju 1979, Even u ONPTS (207/78, EU:C:1979:144, punti 23 u 24). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Baldinger (C‑386/02, EU:C:2004:535, punti 17 u 19).

( 33 ) Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, EU:C:1985:139, punt 20).

( 34 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑111/91, EU:C:1993:92), f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-perijodi ta’ residenza mitluba fil-Lussemburgu qabel ma tkun tista’ titħallas l-allowance tat-twelid u tal-maternità. Din affettwat lin-nisa kollha tal-Unjoni.

( 35 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas (C‑192/05, EU:C:UE:C:2006:676, punt 25).

( 36 ) Ibid., punt 28.