KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HOGAN
ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2019 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑398/18 u C‑428/18
Antonio Bocero Torrico (C‑398/18)
Jörg Paul Konrad Fritz Bode (C‑428/18)
vs
Instituto Nacional de la Seguridad Social,
Tesorería General de la Seguridad Social
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali ta’ ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 5 – Benefiċċju tax-xjuħija antiċipat – Rekwiżit li l-ammont ta’ benefiċċju tax-xjuħija antiċipat li għandu jiġi rċevut ikun ogħla mill-benefiċċju tax-xjuħija minimu mal-għeluq ta’ 65 sena – Metodu ta’ kalkolu tal-ammont minimu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni benefiċċju wieħed mill-Istat Membru kompetenti – Nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni benefiċċju minn Stat Membru ieħor – Rekwiżit ta’ trattament ugwali ta’ benefiċċji”
I. Introduzzjoni
1. |
Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, li ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2018 (Kawża C‑398/18) u fit-28 ta’ Ġunju 2018 (Kawża C‑428/18) rispettivament, jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 48 TFUE u l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 2 ). |
2. |
Permezz tad-domanda tagħha, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja) essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 48 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi stabbilit jekk persuna tkunx eliġibbli għal benefiċċju tax-xjuħija antiċipat, huwiex neċessarju, fost l-oħrajn, li l-ammont tal-benefiċċju rċevut ikun ogħla mill-benefiċċju tax-xjuħija minimu li l-persuna kkonċernata tkun intitolata tirċievi skont tali leġiżlazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni familjari tagħha meta tagħlaq 65 sena. B’mod partikolari, b’dan il-mod il-leġiżlazzjoni Spanjola tkun qiegħda tieħu inkunsiderazzjoni biss il-benefiċċju tax-xjuħija mħallas minn dak l-Istat Membru mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni wkoll benefiċċji ekwivalenti li l-persuna inkwistjoni tkun tista’ tirċievi minn Stat Membru ieħor jew iktar. |
3. |
It-talbiet tressqu fi proċeduri bejn, minn naħa, A. Bocero Torrico u, min-naħa l-oħra l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (l-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem l-“INSS”) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (it-Teżorerija Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem it-“TGSS”) (Kawża C‑398/18), u bejn, minn naħa, J.P.K.F. Bode u, min-naħa l-oħra, l-INSS u t-TGSS (Kawża C‑428/18). |
4. |
Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 48 TFUE jgħid li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom jadottaw “dawk il-miżuri fil-qasam ta’ sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema”, inter alia, billi jagħmlu arranġamenti sabiex tiġi żgurata għall-ħaddiema migranti “l-aggregazzjoni […] tal-perijodi kollha li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali differenti” ( 3 ). Is-sistema attwali ta’ aggregazzjoni ta’ perijodi tinsab fir-Regolament Nru 883/2004. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi l-aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg bħala persuna li taħdem għal rasha jew residenza, u l-Artikoli 52 u 58 ta’ dan ir-regolament għandhom regoli għall-kalkolu ta’ benefiċċji għax-xjuħija u ta’ benefiċċji minimi tax-xjuħija, fejn persuna jkollha perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza f’iktar minn Stat Membru wieħed. |
5. |
Filwaqt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi speċifikament għall-Artikolu 48 TFUE, fil-fehma tiegħi r-risposta għad-domanda magħmula tinsab fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 li jistabbilixxi l-prinċipju, li joriġina mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ trattament ugwali ta’ benefiċċji, ta’ dħul u ta’ fatti. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
6. |
Il-premessi 9, 10, 11 u 12 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdu:
|
7. |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Oqsma koperti”, jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali: […]
[…]” |
8. |
L-Artikolu 5 tar-regolament, bit-titolu “Trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet”, jipprovdi: “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:
|
9. |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004, bit-titolu “Għadd flimkien ta’ perjodi”, jipprovdi: “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel:
kondizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza, għandha, sa fejn ikun hemm bżonn, tqis perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor bħallikieku kienu perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni applikabbli.” |
10. |
L-Artikolu 52 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Għoti ta’ benefiċċji”, jipprovdi fil-paragrafu 1: “L-istituzzjoni kompetenti għandha tikkalkula l-ammont tal-benefiċċju li jkollu jingħata:
|
11. |
L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għoti ta’ suppliment”, jipprovdi: “1. Persuna li tirċievi u li għaliha japplika dan il-kapitolu ma tistax, fl-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha u li taħt il-leġislazzjoni tiegħu għandu benefiċċju, tingħata benefiċċju li huwa anqas mill-benefiċċju minimu stabbilit minn dik il-leġislazzjoni għal perjodu ta’ assigurazzjoni jew residenza daqs il-perjodi kollha ikkunsidrati għall-ħlas skond dan il-kapitolu. 2. Matul il-perjodu ta’ residenza tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tħallas lil din il-persuna suppliment ekwivalenti għad-differenza bejn it-total tal-benefiċċji li għandhom jingħataw taħt dan il-kapitolu u l-ammont tal-benefiċċju minimu.” |
B. Id-dritt Spanjol
12. |
Fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tat-talbiet tar-rikorrenti, l-Artikolu 208 tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni kkonsolidata approvata bir-Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2015) tat-30 ta’ Ottubru 2015 ( 4 ), kien jipprovdi: “1. Persuna li tkun trid tirtira kmieni għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:
2. Meta jittieħed irtirar kmieni kif imsemmi f’dan l-artikolu, il-pensjoni għandha titnaqqas bl-applikazzjoni — fir-rigward ta’ kull tliet xhur jew parti minnhom li bihom, fiż-żmien tal-każ operattiv, il-ħaddiem ma jkunx laħaq l-età statutorja tal-irtirar li tirriżulta f’kull każ mill-applikazzjoni tal-Artikolu 205(1)(a) — tal-koeffiċjenti li ġejjin abbażi tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni vvalidat: […] Għall-finijiet biss li tiġi ddeterminata l-imsemmija età legali tal-irtirar, dik l-età għandha titqies li tkun l-età li kienet tkun applikabbli għall-ħaddiem kieku dak il-ħaddiem kompla jħallas kontribuzzjonijiet matul il-perijodu bejn id-data tal-avveniment operattiv u d-data meta jkun laħaq l-età statutorja tal-irtirar li jirriżultaw f’kull każ mill-applikazzjoni tal-Artikolu 205(1)(a). Għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodi ta’ kontribuzzjoni, għandhom jintużaw perijodi kkompletati, filwaqt li partijiet ta’ perijodu ma għandhomx jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal perijodu.” |
13. |
L-Artikolu 14(3) tar-Real Decreto 1170/2015, de 29 de diciembre, sobre revaporización de pensiones del sistema de seguridad social y de otras prestaciones sociales públicas para el ejercicio 2016 (id-Digriet Irjali 1170/2015 tad-29 ta’ Diċembru dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ pensjonijiet koperti mis-sistema ta’ sigurtà soċjali u ta’ benefiċċji soċjali pubbliċi oħra għas-sena 2016) ( 5 ) jipprovdi: “Jekk, wara li jkunu ġew applikati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, l-għadd tal-ammonti tal-pensjonijiet irrikonoxxuti abbażi ta’ konvenzjoni bilaterali jew multilaterali dwar is-sigurtà soċjali, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola u dik barranija, ikun iktar baxx mill-ammont minimu tal-pensjoni inkwistjoni minn żmien għal ieħor fis-seħħ fi Spanja, il-benefiċjarju, sakemm huwa jew hija jkunu residenti fit-territorju nazzjonali u jkunu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’dak ir-rigward mid-dispożizzjonijiet ġenerali, għandhom ikunu ggarantiti d-differenza bejn it-total tal-pensjonijiet Spanjoli u dawk barranin mogħtija u l-imsemmi ammont minimu. Pensjonijiet mogħtija skont ir-regolamenti Komunitarji dwar is-sigurtà soċjali għandhom ikunu bla ħsara għall-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u għall-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali. […]”. |
III. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14. |
A. Bocero Torrico, li twieled fil-15 ta’ Diċembru 1953, huwa assigurat taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola. Fis-16 ta’ Diċembru 2016, huwa applika għand l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali Spanjoli għal benefiċċju tax-xjuħija antiċipat, li l-INSS, b’deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2016, irrifjuta li jagħtih minħabba li l-benefiċċju li kien jirriżulta ma kienx jilħaq l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija minimu li kien ikun dovut lill-persuna kkonċernata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha malli tagħlaq l-età ta’ 65 sena. A. Bocero Torrico ressaq ilment amministrattiv li fl-aħħar kien ġie miċħud b’deċiżjoni tal-25 ta’ April 2017 ( 6 ). |
15. |
A. Bocero Torrico għandu perijodu ta’ kontribuzzjoni totali ta’ 16637 jum, li minnhom 9947 għandhom rabta ma’ Spanja u 6690 mal-Ġermanja. Huwa ngħata benefiċċju tax-xjuħija fil-Ġermanja ta’ EUR 507.35. Il-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat li jkun dovut lilu fi Spanja huwa ta’ EUR 530.15, li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ koeffiċjent korrettiv ta’ 88 % fir-rigward tal-età għall-bażi ta’ kalkolu ta’ EUR 773.75, ikkalkolata bi proporzjon ta’ 76.86 % fir-rigward ta’ Spanja. |
16. |
J.P.K.F. Bode, li twieled fl-4 ta’ Ġunju 1952, huwa assigurat taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola. Fil-31 ta’ Mejju 2015, huwa applika għand l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali Spanjoli għal benefiċċju tax-xjuħija antiċipat, li l-INSS, b’deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2015, irrifjuta li jagħtih minħabba li l-benefiċċju li kien jirriżulta ma kienx jilħaq l-ammont tal-pensjoni minima li kienet tkun dovuta lill-persuna kkonċernata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha malli tagħlaq l-età ta’ 65. |
17. |
J.P.K.F. Bode għandu perijodu ta’ kontribuzzjoni totali ta’ 16725 jum, li matulu huwa ħallas kontribuzzjonijiet fi Spanja għal 2282 jum u fil-Ġermanja għal 14443 jum. Huwa kien ingħata pensjoni tal-irtirar fil-Ġermanja fl-ammont attwali ta’ EUR 1 185.22. Il-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat li jkun dovut lilu fi Spanja huwa ta’ EUR 206.60, li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ koeffiċjent korrettiv ta’ 87 % fir-rigward tal-età għall-bażi ta’ kalkolu ta’ EUR 1 357.80 fix-xahar u kkalkolat bi proporzjon ta’ 17.49 % li għandu jitħallas minn Spanja. |
18. |
Fl-2016, il-benefiċċju tax-xjuħija minimu fi Spanja għall-persuni ’l fuq minn 65 sena b’konjuġi dipendenti kien ta’ EUR 784.90. |
19. |
A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode ressqu kawżi quddiem il-Juzgado de lo Social (il-Qorti Soċjali) ( 7 ) kontra l-INSS u t-TGSS u talbu dikjarazzjoni li huma kienu intitolati jirċievu benefiċċju tax-xjuħija antiċipat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017 u mill-1 ta’ Lulju 2015 rispettivament. |
20. |
Il-Juzgado de lo Social (il-Qorti Soċjali) ikkonstatat fiż-żewġ kawżi li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ammont ta’ benefiċċju tax-xjuħija antiċipat li jkollu jiġi rċevut għandu jkun ogħla mill-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija minimu li jkun dovut lill-persuna kkonċernata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha meta l-persuna tagħlaq 65 sena. Il-qorti kienet tal-fehma li l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat li għandu jiġi rċevut għandu jkun l-ammont li jkun jikkorrispondi mal-benefiċċju tax-xjuħija pro rata Spanjol, minħabba li dak ikun il-benefiċċju tax-xjuħija reali li l-benefiċjarju jkun fil-fatt ser jingħata minn Spanja, b’differenza minn kull Stat Membru ieħor. Is-sentenza, għalhekk, laqgħet l-argumenti mressqa mill-INSS ibbażati fuq l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li huwa li jkun evitat li, sal-minimu statutorju, il-benefiċċji tax-xjuħija antiċipati jiġu ssupplimentati fir-rigward ta’ persuni li ma jkunux għadhom laħqu l-età statutorja tal-irtirar, u b’hekk jinżammu fis-suq tax-xogħol. |
21. |
Għaldaqstant, l-azzjonijiet ta’ A. Bocero Torrico u ta’ J.P.K.F. Bode ġew miċħuda permezz tas-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2017 u tal-15 ta’ Novembru 2017 rispettivament. |
22. |
A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode appellaw minn dawn is-sentenzi fit-3 ta’ Novembru 2017 u fit-22 ta’ Novembru 2017 rispettivament. |
23. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode ma humiex piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola minħabba li l-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat tagħhom qatt ma kien ser ikun issupplimentat għad-detriment ta’ Spanja permezz ta’ suppliment sabiex jinġieb sal-livell tal-benefiċċju tax-xjuħija minimu, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li huma jirċievu wkoll benefiċċju tax-xjuħija mill-Ġermanja u t-total taż-żewġ benefiċċji reali u effettivi tax-xjuħija huwa ogħla mill-benefiċċju tax-xjuħija minimu Spanjol. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 14(3) tad-Digriet Irjali 1170/2015, li jirreferi għall-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004, jippermetti biss ħlas tad-differenza bejn il-benefiċċji totali dovuti skont ir-regolamenti tal-Unjoni u l-benefiċċji tax-xjuħija minimi fi Spanja. Fi kliem ieħor, kieku kellu jingħata l-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat, kien ikollhom jitqiesu ż-żewġ benefiċċji attwalment irċevuti fi Spanja u fil-Ġermanja, li kien iċaħħad intitolament għal kwalunkwe suppliment sabiex benefiċċju jinġieb sal-livell tal-ammont minimu. |
24. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li meta ħaddiem li ma jkunx emigra u jirċievi mingħand Spanja benefiċċju tax-xjuħija antiċipat fl-ammont ta’ EUR 1 193.38 ( 8 ) jiġi pparagunat ma’ ħaddiem migrant li jirċievi l-istess ammont imħallas minn żewġ Stati Membri jew iktar, il-ħaddiem migrant jitqiegħed fi żvantaġġ u jkun iddiskriminat minħabba l-moviment tiegħu lejn Stati Membri oħra (f’dan il-każ, il-Ġermanja), u ma jingħatax aċċess għall-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat li l-ħaddiem migrant ikun intitolat għalih. Dik il-qorti għalhekk tqis li fejn l-Artikolu 208(1)(c) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali) jirreferi għall-“ammont tal-pensjoni li l-persuna għandha tirċievi”, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser l-ammont totali tal-benefiċċju tax-xjuħija attwali rċevut minn Spanja u l-benefiċċju tax-xjuħija attwali rċevut mill-Ġermanja. Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li tali approċċ ikun konsistenti mal-għan tad-dispożizzjoni, li huwa li Spanja ma titħalliex ikollha tissupplimenta l-pensjoni ta’ benefiċċji sal-minimu statutorju, meta jitqies, kif diġà ntqal, li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, sabiex persuna tkun intitolata għal suppliment minimu jkun meħtieġ jitqies l-ammont taż-żewġ benefiċċji. |
25. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 48 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà għal pensjoni tal-irtirar antiċipat, li l-ammont tal-pensjoni li għandha tiġi riċevuta għandu jkun ogħla mill-ammont minimu ta’ pensjoni li l-persuna kkonċernata jkollha dritt li tirċievi skont din l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali, meta l-kunċett ta’ “pensjoni li għandha tiġi riċevuta” jinftiehem bħala l-pensjoni effettiva li titħallas unikament mill-Istat Membru kompetenti (f’dan il-każ, Spanja), mingħajr ma tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-pensjoni effettiva li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tirċievi abbażi ta’ benefiċċji oħra tal-istess natura li jitħallsu minn Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħra?” |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode, mill-INSS, mir-Renju ta’ Spanja u mill-Kummissjoni, li lkoll għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-2 ta’ Mejju 2019. |
V. L-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja
27. |
A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode jsostnu li regoli nazzjonali li jissuġġettaw l-aċċess għal benefiċċju tax-xjuħija antiċipat għall-ammont tal-benefiċċju pro rata li l-istituzzjoni kompetenti jkollha tħallas fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jsiru skont il-leġiżlazzjoni tagħha jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Tali regoli jissuġġettaw l-aċċess għall-benefiċċju għal kontribuzzjonijiet imħallsa fi Stat Membru wieħed u b’hekk irendu ineffettivi r-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-moviment liberu u mal-aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni sabiex jingħata aċċess għal benefiċċji tax-xjuħija skont l-Artikoli 45 u 48 TFUE u l-Artikoli 6, 50, 51, 52(1)(b) u 58 tar-Regolament Nru 883/2004. |
28. |
A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode jqisu li l-“ammont tal-pensjoni li l-persuna għandha tirċievi” imsemmi fl-Artikolu 208(1)(c) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali) għandu jkun ekwivalenti għall-ammont tal-benefiċċju teoretiku ddefinit fl-Artikolu 52(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 minħabba li dan jirriżulta fl-assimilazzjoni ta’ ħaddiem migrant ma’ ħaddiem nazzjonali, fl-istess sitwazzjoni, li ma jkunx migrant. Huma jsostnu li, sussidjarjament, dawn it-termini għandhom jiġu interpretati skont l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004 fis-sens li jirreferu għall-ammont tal-benefiċċji pro rata rċevuti mill-persuna kkonċernata mingħand żewġ Stati Membri jew iktar għall-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ aċċess u ta’ kalkolu tal-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat fi Spanja. Madankollu, huma jinnotaw li dan l-approċċ jagħti lok għal żewġ żvantaġġi. L-ewwel nett, huwa jissuġġetta l-aċċess għal benefiċċju tax-xjuħija antiċipat fi Spanja għal kundizzjoni ta’ ammont li jirriżulta minn ftehim dwar dritt għal benefiċċju f’żewġ Stati Membri jew iktar skont l-Artikolu 52(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 883/2004, irrispettivament mill-ammont ta’ benefiċċju li l-persuna kkonċernata kien ikollha dritt għalih fi Spanja jekk il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni jkunu ġew ikkompletati skont il-leġiżlazzjoni Spanjola. It-tieni nett, dan l-approċċ jissuġġetta l-aċċess għal benefiċċju tax-xjuħija antiċipat fi Stat Membru wieħed għal kundizzjoni ta’ aċċess u ta’ riċezzjoni ta’ benefiċċju tax-xjuħija antiċipat fi Stat ieħor mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ma jkunx previst irtirar kmieni fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha u li dan l-irtirar ma jkunx irregolat bl-istess mod f’dawk l-Istati li jipprovdu għall-possibbiltà ta’ benefiċċju tax-xjuħija antiċipat. |
29. |
L-INSS isostni li, skont il-pożizzjoni amministrattiva l-ġdida 3/2018 tat-13 ta’ Frar 2018, il-kundizzjoni imposta bl-Artikolu 208(1)(c) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali) tkun imħarsa sakemm, l-ewwel nett, l-ammont teoretiku tal-benefiċċju ( 9 ) jkun ogħla mill-benefiċċju tax-xjuħija minimu Spanjol u, it-tieni nett, li t-total tal-ammont tal-benefiċċju Spanjol u dak ta’ Stat wieħed jew iktar ikun ogħla mill-benefiċċju tax-xjuħija minimu Spanjol. Skont l-INSS, jekk l-ammont teoretiku tal-benefiċċju jkun ogħla mill-benefiċċju tax-xjuħija minimu Spanjol, allura l-ħlas ta’ suppliment skont l-Artikolu 14(2) tad-Digriet Irjali 1170/2015 sabiex ikun żgurat ammont ugwali għall-benefiċċju tax-xjuħija minimu ma jkunx pagabbli. Barra minn hekk, jekk it-total tal-ammont tal-benefiċċju Spanjol u dak ta’ Stat wieħed jew iktar ikun ogħla mill-benefiċċju tax-xjuħija minimu Spanjol, allura l-ħlas ta’ suppliment skont l-Artikolu 14(3) ma jkunx pagabbli. L-INSS, għalhekk, iqis li, sabiex tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-benefiċċju teoretiku kkalkolat permezz ta’ perijodi ta’ aggregazzjoni skont l-Artikoli 5, 6, 51 u 52 tar-Regolament Nru 883/2004. |
30. |
Ir-Renju ta’ Spanja jqis li r-Regolament Nru 883/2004 ma jeżiġix li l-Istati Membri jissupplimentaw il-benefiċċju pro rata pagabbli minn Stat Membru li jikkorrispondi ma’ benefiċċju tax-xjuħija antiċipat sabiex tintlaħaq il-pensjoni minima pagabbli f’dak l-Istat Membru fl-età ta’ 65 sena minħabba li dan jirriżulta f’diskriminazzjoni favur ħaddiema li ma kinux ġew assigurati għall-perijodu kollu fi Spanja. Huwa jenfasizza l-fatt li l-kontribuzzjonijiet ta’ A. Bocero Torrico u ta’ J.P.K.F. Bode fil-Ġermanja kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-INSS skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 883/2004 sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat tagħhom. Madankollu, iż-żieda tal-ammont tal-benefiċċji Ġermaniżi tagħhom sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni imposta bl-Artikolu 208(1)(c) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali) ma huwiex previst mir-Regolament Nru 883/2004 u jirriżulta f’distorsjoni tal-liġi Spanjola tas-sigurtà soċjali. |
31. |
Ir-Renju ta’ Spanja jikkonferma wkoll li ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa skont il-pożizzjoni amministrattiva l-ġdida 3/2018 japplikaw għat-talbiet ta’ A. Bocero Torrico u ta’ J.P.K.F. Bode għal benefiċċju tax-xjuħija antiċipat. |
32. |
Il-Kummissjoni tqis li t-talbiet ta’ A. Bocero Torrico u ta’ J.P.K.F. Bode għal benefiċċju tax-xjuħija antiċipat għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti jew każijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004, kif interpretat fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE. Għalhekk, ir-referenza tal-leġiżlazzjoni Spanjola għall-“ammont tal-pensjoni li l-persuna għandha tirċievi” għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għat-total tal-benefiċċji Spanjoli u Ġermaniżi inkwistjoni li huma benefiċċji ekwivalenti għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. |
VI. Analiżi
33. |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, għandu jiġi nnotat, preliminarjament, li r-Regolament Nru 883/2004 ma jistabbilixxix skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jippermetti pjuttost li jkun hemm skemi nazzjonali differenti ta’ sigurtà soċjali, u l-għan uniku tiegħu huwa li jiżgura l-koordinazzjoni ta’ dawk l-iskemi. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jorganizzaw l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom stess. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet sabiex persuna tkun intitolata għal benefiċċji. Fl-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat, l-Istati Membri għandhom, madankollu, jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jagħtu lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt għal moviment u residenza fit-territorju tal-Istati Membri ( 10 ). Persuni li jeżerċitaw dan id-dritt għal moviment liberu ma jistgħu jbatu minn ebda żvantaġġ leġiżlattiv minħabba l-fatt li jkunu eżerċitaw dak id-dritt. |
34. |
Stat Membru jkun, bħala prinċipju, liberu li jipprovdi dritt għal pensjoni tax-xjuħija minima ( 11 ) u li jimponi kundizzjonijiet sabiex persuna tibbenefika minn benefiċċju tax-xjuħija antiċipat sakemm tali kundizzjonijiet ma jkunux jikkostitwixxu impediment għall-moviment liberu tal-ħaddiema għall-finijiet tal-Artikolu 45 TFUE. Għalhekk inqis li, bħala prinċipju, Stat Membru jkun liberu, bħal f’dan il-każ, jissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċju tax-xjuħija antiċipat għall-fatt li persuna tilħaq ċerta età, ikollha ċertu għadd ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet u tkun intitolata għal benefiċċju li jkun ogħla mill-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija minimu f’dak l-Istat Membru ( 12 ). |
35. |
Tabilħaqq, jidher li t-tliet kundizzjonijiet imposti bl-Artikolu 208(1) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali) ma humiex huma nnifishom ikkontestati fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-kontestazzjoni tikkonċerna pjuttost il-mod li bih tapplika t-tielet kundizzjoni imposta bl-Artikolu 208(1) ( 13 ) ta’ dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 14 ) għal persuni bħal A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode li kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu. |
36. |
Hemm diverġenza ċara ta’ opinjonijiet fl-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 5 u/jew l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004 japplikawx għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
37. |
Hija ġurisprudenza stabbilita ( 15 ) li l-kisba tad-dritt għal benefiċċju tax-xjuħija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004 ( 16 ). Għall-kuntrarju, ir-regoli dwar il-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju huma stabbiliti fl-Artikolu 52 et seq. ta’ dan ir-regolament ( 17 ). |
38. |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004 jimplimenta l-prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, residenza, impjieg jew impjieg awtonomu kif stabbilit bl-Artikolu 48 TFUE ( 18 ) li jipprovdi, fost l-oħrajn, li fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-kisba tad-dritt għal benefiċċji għal perijodi kkompletati ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg awtonomu jew residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tqis tali perijodi kkompletati skont il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru ieħor daqslikieku kienu kkompletati skont il-leġiżlazzjoni li huwa jamministra. Fi kliem ieħor, il-perijodi kkompletati f’diversi Stati Membri għandhom jiġu aggregati ( 19 ). |
39. |
Dwar il-benefiċċji tax-xjuħija, l-Artikolu 52(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li l-istituzzjoni kompetenti għandha tikkalkola l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li l-persuna kkonċernata jkollha dritt għalih daqslikieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni u/jew dawk li dik il-persuna kienet ikkompletat f’diversi Stati Membri kienu ġew ikkompletati fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti. L-istituzzjoni kompetenti jkun imbagħad jeħtiġilha, skont l-Artikolu 52(1)(b)(ii) tar-regolament, tiddetermina l-ammont attwali tal-benefiċċju abbażi tal-ammont teoretiku, skont il-proporzjon ta’ kemm ikunu damu l-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza kkompletati fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti ma’ kemm ikunu damu b’kollox il-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza fid-diversi Stati Membri — fi kliem ieħor, il-metodu pro rata ta’ kalkolu ( 20 ). |
40. |
Għandu jiġi nnotat li l-kalkolu tal-ammont teoretiku u sussegwentement tal-ammonti attwali (benefiċċju pro rata) tal-benefiċċji tax-xjuħija ta’ A. Bocero Torrico u ta’ J.P.K.F. Bode fi Spanja u fil-Ġermanja ma kinux ġew ikkontestati fil-kawża prinċipali. |
41. |
L-INSS, ir-Renju ta’ Spanja u tabilħaqq A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode jqisu li għandu jintuża l-ammont teoretiku ta’ benefiċċju kkalkolat skont l-Artikolu 52(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 sabiex jiġi eżaminat jekk hijiex issodisfatta l-kundizzjoni dwar l-ammont ta’ benefiċċju minimu impost mill-Artikolu 208(1)(c) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali. |
42. |
Min-naħa tiegħi, ma naqbilx. |
43. |
Fil-fehma tiegħi, l-ammont teoretiku ta’ benefiċċju kkalkolat skont l-Artikolu 52(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 huwa stadju intermedju fil-kalkolu tal-benefiċċju attwali pro rata li għandu jingħata u ma jistax jintuża sabiex jiġi eżaminat jekk ikunx fil-fatt inkiseb id-dritt għal benefiċċju tax-xjuħija (antiċipat) ( 21 ). Barra minn hekk, kif indikajt fil-punti 37 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm distinzjoni ċara fir-Regolament Nru 883/2004 bejn ir-regoli relatati mal-kisba tad-dritt għal benefiċċju tax-xjuħija u dawk dwar il-kalkolu tal-benefiċċju ( 22 ). |
44. |
Barra minn hekk, filwaqt li l-kisba tad-dritt għal benefiċċju tax-xjuħija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004, din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod ċar għall-aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg awtonomu jew residenza u mhux għal kundizzjonijiet oħra li jagħtu lok għal tali dritt ( 23 ). Minħabba li, skont l-Artikolu 208(1)(c) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, id-dritt għal pensjoni tax-xjuħija huwa, inter alia, suġġett għall-kundizzjoni li l-ammont tal-benefiċċju rċevut ikun ogħla mill-benefiċċju tax-xjuħija minimu li l-persuna kkonċernata tkun intitola tirċievi fi Spanja, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha meta tagħlaq l-età ta’ 65 sena, jiena nqis li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa d-dispożizzjoni rilevanti li għandha tiġi applikata ( 24 ). Fil-fatt, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 883/2004 tipprevedi li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni jew trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti jew każijiet fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 5 ta’ dak ir-regolament ma għandux jipprekludi l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ aggregazzjoni ta’ ċerti perijodi, bħal perijodi ta’ assigurazzjoni, li jitwett qu fi Stat Membru ieħor daqslikieku kienu kkompletati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti ( 25 ). |
45. |
Fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit tal-Artikolu 208(1)(c) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali sabiex tinkiseb pensjoni tax-xjuħija antiċipata jiżgura li “r-riċezzjoni” ta’ ammont partikolari ( 26 ) ta’ benefiċċju tax-xjuħija “ikollu effetti legali” u, għalhekk, dan ir-rekwiżit għandu jkun konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 sabiex ma jiġux ippenalizzati ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-moviment ( 27 ). Għaldaqstant, inqis li l-benefiċċji tax-xjuħija fi Spanja għandhom jingħaddu ma’ benefiċċji komparabbli jew ekwivalenti rċevuti fi Stat Membru ieħor jew iktar sabiex tiġi osservata l-kundizzjoni tal-Artikolu 208(1)(c) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali. |
46. |
Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat previst fl-Artikolu 208(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali ( 28 ) u l-benefiċċji tax-xjuħija ( 29 ) ta’ A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode fil-Ġermanja huma benefiċċji komparabbli jew ekwivalenti għall-finijiet tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 30 ). |
47. |
Fis-seduta tat-2 ta’ Mejju 2019 l-INSS u r-Renju ta’ Spanja sostnew li l-għan tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kien wieħed doppju: l-ewwel nett, li jiġi żgurat li dawk li jkollhom dritt għal u jitolbu benefiċċju tax-xjuħija antiċipat kif previst fl-Artikolu 208(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali ma jsirux piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola u, it-tieni nett, li tiġi inkorraġġita l-attività fis-suq tax-xogħol u li jiġi skoraġġit li n-nies jagħmlu talbiet għal irtirar antiċipati. |
48. |
Skont it-termini espressi tal-ittra (c) tal-Artikolu 208(1) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, jidher li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu tfasslu b’mod speċifiku sabiex jiżguraw li dawk li jagħmlu talbiet għal benefiċċji tax-xjuħija għandhom ikunu intitolati għall-ammont tal-pensjoni minima applikabbli u, għalhekk, ma jkunux intitolati għal ċerti benefiċċji supplimentari jew supplimenti addizzjonali sabiex b’hekk jiġi żgurat li huma ma jsirux piż addizzjonali fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola. Għandu jiġi enfasizzat li ma huwa bl-ebda mod dan l-għan per se li hemm dubju dwaru f’dawn il-proċeduri, iżda pjuttost il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali qiegħda tiġi applikata b’mod diskriminatorju bi ħsara għal ħaddiema li jkunu eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għall-moviment liberu. Barra minn hekk, ninnota li l-qorti tar-rinviju nnifisha ( 31 ) indikat li wara li jingħaddu l-benefiċċji tagħhom tax-xjuħija, kemm Spanjoli kif ukoll Ġermaniżi, la A. Bocero Torrico u lanqas J.P.K.F Bode ma jkunu intitolati għal suppliment ( 32 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda wieħed mir-rikorrenti ma huwa ser ikun ta’ piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola. |
49. |
Filwaqt li l-għan ta’ skoraġġiment jew ta’ dissważjoni li jsiru talbiet għal irtirar antiċipat jista’ jkun ta’ min ifaħħru sabiex tiżdied il-produttività nazzjonali u jitnaqqas il-piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali — b’mod partikolari fid-dawl tal-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u l-istennija ta’ għomor itwal — dan l-għan ma jistax jinkiseb b’mod li jiddiskrimina kontra dawk li jkunu eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għall-moviment liberu. Dwar dan, jiddispjaċini ngħid li f’dawn iż-żewġ kawżi huwa diffiċli tiġi evitata l-impressjoni li l-awtoritajiet Spanjoli eżerċitaw is-setgħat statutorji tagħhom b’mod li manifestament iddiskrimina kontra dawn iż-żewġ rikorrenti li eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu tagħhom u li fir-rigward tagħhom ma hemmx — jew, tal-inqas, ma għandux ikun hemm — ġustifikazzjoni. |
50. |
Għaldaqstant, inqis li l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi bħala kundizzjoni għal aċċess għall-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat li l-ammont tal-benefiċċju li għandu jiġi rċevut għandu jkun ogħla mill-benefiċċju minimu li jkun dovut lill-persuna kkonċernata skont dik l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-benefiċċju attwali li dik il-persuna tista’ tirċievi permezz ta’ benefiċċju ieħor tal-istess xorta mingħand Stat Membru ieħor jew iktar. |
VII. Konklużjoni
51. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), kif ġej: L-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi bħala kundizzjoni għal aċċess għall-benefiċċju tax-xjuħija antiċipat li l-ammont tal-benefiċċju li għandu jiġi rċevut għandu jkun ogħla mill-benefiċċju minimu li jkun dovut lill-persuna kkonċernata skont dik l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-benefiċċju attwali li dik il-persuna tista’ tirċievi permezz ta’ benefiċċju ieħor tal-istess xorta mingħand Stat Membru ieħor jew iktar. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.
( 3 ) Enfasi miżjuda.
( 4 ) Ippubblikat fil-BOE Nru 261 tal-31 ta’ Ottubru 2015, p. 103291, u rettifika, BOE Nru 36 tal-11 ta’ Frar 2016, p. 10898.
( 5 ) Ippubblikat fil-BOE Nru 312 tat-30 ta’ Diċembru 2015.
( 6 ) Dawn id-dati ġew ipprovduti mill-qorti tar-rinviju. Skont l-INSS u l-Kummissjoni, id-data tad-deċiżjoni ta’ ċaħda kienet f’Marzu 2017.
( 7 ) Ta’ Orense u A Coruña rispettivament.
( 8 ) Sakemm huma jissodisfaw il-kriterji l-oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Spanjola. Il-qorti tar-rinviju indikat li dawk il-kriterji l-oħra ma humiex ikkonċernati fil-kawża prinċipali. Dan l-ammont ingħata mill-qorti tar-rinviju kemm fil-Kawża C‑398/18 kif ukoll fil-Kawża C‑428/18.
( 9 ) Ara l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 883/2004 dwar kif jiġi kkalkolat l-ammont teoretiku.
( 10 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck (C‑189/16, EU:C:2017:946, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck (C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 47).
( 12 ) A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode ppreċiżaw li din il-kundizzjoni ġiet imposta mil-leġiżlazzjoni Spanjola sabiex tiġi ggarantita l-vijabbiltà tas-sistema pubblika tal-benefiċċji tax-xjuħija.
( 13 ) Artikolu 208(1)(c) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali.
( 14 ) Għalhekk, A. Bocero Torrico u J.P.K.F. Bode ma jikkontestawx id-dritt tar-Renju ta’ Spanja li jimponi rekwiżiti fir-rigward ta’ ammont minimu ta’ benefiċċju li persuna tirċievi sabiex tkun eliġibbli għal benefiċċju tax-xjuħija antiċipat.
( 15 ) Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Tomaszewska (C‑440/09, EU:C:2011:114, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara wkoll l-Artikolu 45(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).
( 17 ) Ara wkoll l-Artikolu 46 et seq. tar-Regolament Nru 1408/71.
( 18 ) Dan huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi li jirregolaw il-koordinazzjoni mill-Unjoni Ewropea ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, bl-għan tiegħu jkun li jiġi żgurat li l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu mogħti mit-Trattat FUE ma jkollux l-effett li jċaħħad lil ħaddiema minn vantaġġi ta’ sigurtà soċjali li huma kien ikollhom dritt għalihom kieku wettqu l-ħajja tax-xogħol tagħhom kollha fi Stat Membru wieħed biss. Konsegwenza bħal din tista’ tiskoraġġixxi lil ħaddiema tal-Unjoni milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u, għalhekk, tkun tikkostitwixxi ostakolu għal dik il-libertà (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Tomaszewska (C‑440/09, EU:C:2011:114), punt 30).
( 19 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck (C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 41).
( 20 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck (C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 42).
( 21 ) L-ammont teoretiku ma huwa, għalhekk, ta’ ebda rilevanza per se.
( 22 ) Il-portata limitata tar-regoli ta’ kalkolu tal-benefiċċji stabbiliti fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 (preżentement l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004) ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck (C‑189/16, EU:C:2017:946). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din id-dispożizzjoni ma setgħetx tintuża sabiex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ benefiċċju tax-xjuħija minimu, peress li dan il-kalkolu għandu jsir konformement mal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 (li sar l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004).
( 23 ) Għalhekk, huwa rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 208(1)(b) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali u għall-kalkolu tal-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet minimu ta’ 35 sena. Fil-kawża prinċipali, il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet ta’ A. Bocero Torrico u ta’ J.P.K.F. Bode fi Spanja u fil-Ġermanja għandhom jiġu aggregati sabiex tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni.
( 24 ) Ir-Regolament Nru 1408/71 ma kienx fih dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 sempliċement jikkjarifika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament. L-għan tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa li jiġi żgurat li l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-moviment ma jkollux l-effett li jċaħħad lil ħaddiema minn vantaġġi tas-sigurtà soċjali li huma kienu jkunu intitolati għalihom kieku wettqu l-ħajja tax-xogħol kollha tagħhom fi Stat Membru wieħed biss. Mill-premessa 9 tar-Regolament Nru 883/2004 jidher ċar li l-assimilazzjoni jew it-trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti jew każijiet fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 5 ta’ dak ir-regolament huma kodifikazzjoni espliċita tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ benefiċċji, dħul, fatti jew każijiet stabbilit f’għadd ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażata fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 hija s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Vorarlberger Gebietskrankenkasse u Knauer (C‑453/14, EU:C:2016:37).
( 25 ) Il-premessi 10 sa 12 tar-Regolament Nru 883/2004 jippreċiżaw li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni jew ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament huwa suġġett għal ċerti limitazzjonijiet.
( 26 ) Fil-punt 68 tas-sentenza tagħha tat-28 ta’ April 2004, Öztürk (C‑373/02, EU:C:2004:232), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għal ħaddiema Torok u l-membri tal-familji tagħhom (ĠU 1983, C 110, p. 60) għandu jiġi interpretat bħala li ma jippermettix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta d-dritt għal pensjoni tax-xjuħija antiċipata fil-każ ta’ qgħad għall-kundizzjoni li jiġi osservat ir-rekwiżit li l-persuna kkonċernata tkun ingħatat, f’ċertu perijodu qabel l-applikazzjoni tagħha għall-pensjoni, benefiċċji ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad mingħand dak l-Istat Membru biss. Fil-fehma tiegħi, ma tista’ tinsilet ebda differenza legali sinjifikattiva għall-finijiet tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004 bejn ir-rekwiżit li persuna tirċievi benefiċċju partikolari u r-rekwiżit li persuna tirċievi ammont partikolari fuq dan il-benefiċċju. Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1991fil-kawża Masgio (C‑10/90, EU:C:1991:107) dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-effetti legali tal-ammont ta’ benefiċċju. Fil-punt 25 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “ħaddiem migrant li jirċievi pensjoni tax-xjuħija skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed u benefiċċji ta’ assigurazzjoni kontra inċidenti mħallsa minn istituzzjoni ta’ assigurazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma jistax jitqiegħed f’pożizzjoni agħar, għall-finijiet tal-kalkolu tal-porzjon tal-benefiċċju li jkollu jiġi sospiż skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ewwel Stat, minn ħaddiem li ma jkunx eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu u jkun qiegħed jirċievi ż-żewġ benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed.”
( 27 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1988, Roviello (20/85, EU:C:1988:283, punt 18), u s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Larcher (C‑523/13, EU:C:2014:2458, punt 46).
( 28 ) Ara l-Artikolu 1(x) u l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 883/2004. L-Artikolu 1(x) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li “benefiċċji marbuta ma’ l-età mogħtija qabel l-età ta’ l-irtirar”“tfisser benefiċċji mogħti qabel persuna tilħaq l-età li tintitola għal pensjoni u li jew tibqa’ tingħata wara li persuna tilħaq l-età msemmija jew li tinbidel minn benefiċċju ieħor marbut ma’ l-età”.
( 29 ) Ara l-Artikolu 1(x) u l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 883/2004.
( 30 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Vorarlberger Gebietskrankenkasse u Knauer (C‑453/14, EU:C:2016:37, punt 35).
( 31 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017, Zaniwicz-Dybeck (C‑189/16, EU:C:2017:946, punt 59) li tipprovdi li “fil-kalkolu tad-drittijiet għal benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont effettiv tal-pensjonijiet tal-irtirar li l-persuna kkonċernata tirċievi minn Stat Membru ieħor”.