KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2019 ( 1 )
Kawża C‑249/18
Staatssecretaris van Financiën
parti intervenjenti:
CEVA Freight Holland BV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Unjoni Doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 78 – Eżami tad-dikjarazzjonijiet wara r-rilaxx – Dazji doganali imposti fuq merkanzija importata wara reviżjoni mill-awtoritajiet doganali – Emenda mid-dikjarant tal-valur tal-merkanzija mdaħħla fid-dikjarazzjoni doganali – Determinazzjoni tal-iskadenza tal-perijodu ta’ preskrizzjoni skont l-Artikolu 221”
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi) tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 2 ) li jistabbilixxi l-qafas legali għar-regoli u l-proċeduri doganali fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea. Dan jirriżulta minn tilwima bejn CEVA Freight Holland B.V. (iktar ’il quddiem “CEVA Freight”) u l-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward ta’ talbiet għall-irkupru ta’ dazji doganali wara reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali ta’ CEVA Freight. |
|
2. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali li jittratta l-eżami tad-dikjarazzjonijiet doganali wara r-rilaxx. It-tieni domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali u jekk id-determinazzjoni ta’ meta jiskadi l-limitu ta’ żmien ta’ tliet snin stabbilit hemmhekk hijiex kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali. |
Il-Kodiċi Doganali
|
3. |
It-termini li ġejjin ġew definiti fl-Artikolu 4:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]” |
|
4. |
It-Titolu II kien jirrigwarda l-fatturi li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri previsti għall-merkanzija, bħal dazji fuq l-importazzjoni. L-Artikolu 20 kien jipprovdi li dazji legalment dovuti fil-każ ta’ dejn doganali kellhom ikunu bbażati fuq it-tariffa doganali tal-Unjoni. L-Artikolu 28 kien jiddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 kienu jiddeterminaw il-valur doganali għall-iskopijiet tal-applikazzjoni, inter alia, tat-tariffa doganali tal-Unjoni. F’dak il-Kapitolu, l-Artikolu 29 kien jipprovdi li “l-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni”, li kien, “il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-[Unjoni]”, suġġett għall-aġġustamenti meħtieġa ( 3 ). |
|
5. |
Skont il-proċedura doganali normali, l-Artikolu 62 kien iddikjara li d-dikjarazzjonijiet kellhom isiru fuq formola bil-miktub. Id-dikjarazzjonijiet kellhom jiġu ffirmati u kellhom jinkludu l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura doganali li għaliha ġiet iddikjarata l-merkanzija kkonċernata. |
|
6. |
Skont l-Artikolu 65, id-dikjarant jista’ jemenda d-dikjarazzjoni wara li din tkun ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali, sakemm id-dikjarant ma jitlobx awtorizzazzjoni għal emenda wara li l-awtoritajiet doganali jkunu ħadu miżuri, bħar-rilaxx tal-merkanzija inkwistjoni. ( 4 ) |
|
7. |
L-Artikolu 78 kien jiddikjara: “1. L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien [rilaxx] tal-merkanzija. 2. L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu [jirrilaxxaw] l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta. 3. Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien [r-rilaxx] tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skont kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.” ( 5 ) |
|
8. |
L-Artikolu 79 kien jipprovdi li r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera kien jikkonferixxi lil merkanzija li ma kinitx tal-Unjoni l-istess status ta’ merkanzija tal-Unjoni. |
|
9. |
Skont l-Artikolu 221: “(1) Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skont il-proċeduri li jkunu xierqa. (2) Fejn l-ammont ta’ dazju li għandu jitħallas ikun iddaħħal, bħala gwida, fid-dikjarazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jispeċifikaw li m’għandux jiġi kkomunikat skont il-paragrafu 1 sakemm l-ammont ta’ dazju indikat ma jikkorrispondix mal-ammont stabbilit mill-awtoritajiet. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 218(1), fejn isir użu mill-possibbiltà li hemm provdut dwarha fil-paragrafu preċedenti, il-ħelsien tal-merkanziji mill-awtoritajiet doganali għandu jkun ekwivalenti għall-komunikazzjoni lid-debitur ta’ l-ammont ta’ dazju mdaħħal fil-kontijiet. (3) Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq id-dejn mad-dwana. Dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi sospiż mal-waqt tad-depożitu ta’ appell fit-tifsira ta’ l-Artikolu 243, għal matul il-proċedimenti ta’ l-appell.” ( 6 ) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93
|
10. |
L-Artikolu 147 tar-Regolament Nru 2454/93 ( 7 ) kien jipprovdi li: “1. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi, il-fatt li l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ bejgħ hija dikjarati għal ċirkolazzjoni libera għandu jitqies bħala indikazzjoni adegwata li inbiegħet għal esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità. Din l-indikazzjoni għandha tapplika wkoll fil-każ ta’ kull bejgħ suċċessiv qabel il-valutazzjoni; f’dan il-każ kull prezz li jirriżulta minn dan il-bejgħ jista’, salvi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 178 sa 181, jittieħed bħala l-bażi tal-valutazzjoni. […]” ( 8 ) |
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
|
11. |
CEVA Freight hija aġent doganali u, bħala tali, tagħmel dikjarazzjonijiet f’isimha u għall-interessi tagħha għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Fil-perijodu mill‑1 ta’ Marzu 2010 sal‑31 ta’ Ottubru 2010 hija għamlet bosta dikjarazzjonijiet għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fir-rigward ta’ mudelli varji ta’ media player (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet inkwistjoni”). CEVA Freight ikklassifikat il-merkanzija inkwistjoni taħt żewġ intestaturi doganali (84717050 u 85176200) li fir-rigward tagħhom ir-rata ta’ dazju korrispondenti kienet ta’ 0 % fir-rigward tal-merkanzija kkonċernata. Għalhekk l-awtoritajiet doganali rrilaxxaw il-media players mingħajr ma ġabret dazji fuq l-importazzjoni. |
|
12. |
Fl‑2011 l-awtoritajiet doganali rrevedew id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni. B’riżultat ta’ dawn il-kontrolli huma ddeċidew li l-media players kellhom jiġu kklassifikati taħt subintestatura doganali differenti (85219000) b’rata ta’ dazju korrispondenti ta’ 13.9 %. |
|
13. |
Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Frar 2013, l-awtoritajiet doganali nnotifikaw lil CEVA Freight bl-intenzjoni tagħhom li jirkupraw id-dazji doganali mhux imħallsa. Għall-iskopijiet ta’ rkupru ta’ dazji wara r-rilaxx, l-awtoritajiet doganali bbażaw il-valur tal-media players fuq il-prezzijiet speċifikati preċedentement minn CEVA Freight, li kienu l-prezzijiet li bihom l-impriżi kkonċernati biegħu l-media players fl-Unjoni Ewropea. Fis‑27 ta’ Frar 2013, l-awtoritajiet irċevew tweġiba mingħand CEVA Freight li talbet tnaqqis fil-valur tal-merkanzija għal skopijiet doganali. CEVA Freight argumentat li l-media players kellhom jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-iktar prezz ta’ tranżazzjoni baxx applikat mill-manifattur Asjatiku. Din it-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali. |
|
14. |
Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2013, l-awtoritajiet doganali informaw lil CEVA Freight li peress li l-perijodu għall-ħlas lura tad-dejn doganali (stabbilit skont l-ittra tat‑22 ta’ Frar 2013) jista’ jiġi preskritt, kien meħtieġ li jinħarġu t-talbiet għal ħlas fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni. L-ittra ntbagħtet f’din il-ġurnata u CEVA Freight irċevietha fl‑4 ta’ Marzu 2013. |
|
15. |
CEVA Freight ikkontestat it-talbiet għall-ħlas u għal darba oħra talbet tnaqqis fil-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali. L-awtoritajiet doganali rrifjutaw il-kontestazzjoni ta’ CEVA Freight fuq il-bażi li: (i) meta għamlet id-dikjarazzjonijiet, CEVA Freight kienet għamlet għażla konxja bejn żewġ prezzijiet li setgħu validament jintużaw sabiex jiddeterminaw il-valur tal-merkanzija għal skopijiet doganali; (ii) il-prezzijiet li CEVA Freight speċifikat fid-dikjarazzjonijiet doganali kienu korretti; u (iii) l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali tipprovdi lid-dikjaranti l-opportunità li jirrevedu u sussegwentement ibiddlu informazzjoni mdaħħla f’dikjarazzjoni tal-importazzjoni biss jekk din tkun inkorretta jew inkompleta. |
|
16. |
Il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell, Amsterdam) ikkunsidrat li l-prezz li CEVA Freight kienet għażlet li kien jindika l-valur tal-media players kien indissoċjabbilment marbut mal-iżball magħmul fil-klassifikazzjoni doganali ta’ din il-merkanzija. Din l-għażla kienet tikkostitwixxi “informazzjoni skorretta” għall-finijiet tal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali. Konsegwentement il-qorti ddeċidiet li l-awtoritajiet doganali kellhom jirrevedu d-deċiżjoni dwar jekk CEVA Freight setgħetx temenda d-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni. Dik il-qorti ddeċidiet ukoll li t-terminu ta’ limitazzjoni ta’ tliet snin stabbilit fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali sabiex jiġi kkomunikat id-dejn doganali lil CEVA Freight ma kienx skada, minħabba li d-data rilevanti, fid-determinazzjoni tal-ħin li fih seħħet il-komunikazzjoni lid-debitur, kienet id-data li fiha l-awtoritajiet doganali bagħtu t-talbiet għall-ħlas (28 ta’ Frar 2013) pjuttost milli d-data li fiha ġew irċevuti dawn it-talbiet (4 ta’ Marzu 2013). ( 9 ) |
|
17. |
L-awtoritajiet doganali qegħdin jitolbu l-annullament fuq il-mertu ta’ din id-deċiżjoni fl-appell quddiem il-qorti tar-rinviju, li qed titlob gwida fir-rigward tad-domandi li ġejjin:
|
|
18. |
Fil-kawża preżenti ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn CEVA Freight, il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja u l-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet attendew is-seduta tal‑14 ta’ Frar 2019 u għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom. |
Evalwazzjoni
Osservazzjonijiet preliminari
|
19. |
It-Titolu III tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi t-tliet fatturi relatati mal-merkanzija (klassifikazzjoni tariffarja, oriġini u valur) li jiffurmaw il-bażi ta’ miżuri bħad-dazji fuq l-importazzjoni. Hawnhekk, l-awtoritajiet doganali rrevedew il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija inkwistjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi Doganali billi biddlu l-ammont ta’ dazji pagabbli minn żero għal rata imponibbli ta’ dazju doganali ta’ 13.9 %. Din id-deċiżjoni ta bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja ma hijiex ikkontestata fil-kawża prinċipali. |
|
20. |
L-uniku fattur inkwistjoni huwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-prodotti inkwistjoni. |
L-ewwel domanda
|
21. |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li meta dikjarant ikun daħħal prezz li jindika l-valur tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea f’dikjarazzjoni doganali, huwa jista’ jagħżel li jbiddel dik l-entrata billi jissostitwixxi prezz ta’ tranżazzjoni iktar baxx, ugwalment legali, għall-merkanzija kkonċernata. |
|
22. |
CEVA Freight issostni li meta kienet għamlet id-dikjarazzjonijiet doganali għall-merkanzija inkwistjoni għall-ewwel darba, hija kienet qieset li l-valur ma kienx importanti. Dan kien minħabba li kienet tal-fehma li kienet applikabbli rata ta’ dazju ta’ 0 % taħt il-klassifikazzjoni tariffarja rilevanti. Hija targumenta li l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tiġi fformulata mill-ġdid sabiex tirrifletti dan il-fattur. Fid-dawl tal-ispjegazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ min-naħa tal-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju tagħha jidhirli li dik il-pożizzjoni hija diġà ċara ħafna. Għalhekk inqis li ma hemmx bżonn li l-ewwel domanda tiġi fformulata mill-ġdid. |
|
23. |
CEVA Freight targumenta li għandu jkun permess li tiġi emendata d-dikjarazzjoni doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali. |
|
24. |
Il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jargumentaw bil-kontra. Ladarba l-prodotti jkunu ġew irrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni, dikjarazzjoni doganali tista’ tiġi emendata biss jekk ikun japplika l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali. Sabiex ikun jista’ joqgħod fuq din id-dispożizzjoni, id-dikjarant għandu juri li l-awtoritajiet doganali pproċedew fuq il-bażi ta’ informazzjoni inkorretta jew inkompleta. Jekk reviżjoni tkunx favorevoli għad-dikjarant ma hijiex kunsiderazzjoni relevanti. |
|
25. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ merkanzija importata huwa li tintroduċi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizji. Għalhekk, il-valur doganali għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ valur ekonomiku ta’ din il-merkanzija. ( 10 ) |
|
26. |
L-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali ddefinixxa l-“valur doganali” ta’ merkanzija importata bħala “il-valur tat-transazzjoni” - jiġifieri, il-prezz imħallas jew li għandu jitħallas għal prodotti meta jinbigħu għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, aġġustat fejn meħtieġ skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali. ( 11 ) Mill-Artikolu 29(1) jirriżulta li l-valur doganali jirrigwarda biss prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni. Għalhekk ikollu jiġi miftiehem fil-mument tal-bejgħ li l-merkanzija inkwistjoni, li toriġina minn pajjiż terz, tiġi ttrasportata fit-territorju doganali tal-Unjoni. ( 12 ) |
|
27. |
Konformement mal-Artikolu 147(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv ta’ merkanzija qabel id-determinazzjoni tal-valur għal finijiet doganali l-prezzijiet relatati mal-bejgħ magħmul wara l-esportazzjoni, iżda qabel ir-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-“valur tat-transazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali. ( 13 ) Konsegwentement, l-importatur jista’ jagħżel minn fost il-prezzijiet miftiehma għal kull bejgħ il-prezz li għandu jittieħed bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni, sakemm ikun possibli li l-awtoritajiet doganali jingħataw id-dokumenti kollha neċessarji relatati mal-prezz magħżul. ( 14 ) |
|
28. |
Hawnhekk, huwa fatt magħruf li l-valur li CEVA Freight daħħlet fid-dikjarazzjonijiet doganali tagħha li jiffurmaw il-bażi tal-evalwazzjoni riveduta tal-awtoritajiet doganali jaqa’ fid-definizzjoni tal-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija għall-iskopijiet tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 147(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Huwa minnu wkoll li l-valur l-iktar baxx rivedut li CEVA Freight tqis li l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jikkalkolaw id-dazji pagabbli wkoll jaqa’ fid-definizzjoni stabbilita f’dawn id-dispożizzjonijiet. Huwa fatt magħruf ukoll li CEVA Freight ma kellhiex dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 147(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni peress li kienet taf li taħt dawn id-dispożizzjonijiet hija setgħet tuża jew il-prezz tal-media players fis-suq tal-Unjoni jew il-prezz Ażjatiku l-iktar baxx fid-dikjarazzjonijiet doganali. |
|
29. |
Konformement mal-Artikoli 62 u 76 tal-Kodiċi Doganali, id-dikjarazzjonijiet doganali għandhom jinkludu d-dettalji kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija ġiet iddikjarata. ( 15 ) Il-pożizzjoni ġenerali (stabbilita fl-Artikolu 65(1)(c) tal-Kodiċi Doganali) kienet li d-dikjaranti ma setgħux jemendaw id-dettalji fid-dikjarazzjoni doganali wara li l-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera. Din il-pożizzjoni nbidlet meta l-Kodiċi Doganali tal-1992 daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1994. ( 16 ) Minn dan il-mument, l-Artikolu 78 ippermetta lill-awtoritajiet doganali, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tad-dikjarant, jemendaw id-dikjarazzjoni doganali wara r-rilaxx tal-merkanzija. Meta jagħmlu reviżjoni taħt l-Artikolu 78 l-awtoritajiet doganali jistgħu jużaw biss l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni doganali jew annessa magħha. ( 17 ) |
|
30. |
L-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ma jgħid xejn dwar jekk dikjarant jistax ibiddel il-valur tal-merkanzija mdaħħla fid-dikjarazzjonijiet doganali tiegħu għal prezz ta’ tranżazzjoni iktar baxx f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-punt ġdid ta’ liġi mqajjem mill-każ ta’ CEVA Freight jirrigwarda l-portata tad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet doganali sabiex jirrevedu d-dikjarazzjonijiet doganali. Konformement mal-Artikolu 78(3), din id-diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata jekk wara eżami mill-ġdid (jew spezzjoni) jidher li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali inkwistjoni jkunu ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni inkorretta jew inkompleta, jiġifieri, li kien hemm żbalji materjali jew ommissjonijiet, jew żbalji ta’ interpretazzjoni tal-liġi applikabbli. Jekk dan ikun il-każ, l-awtoritajiet doganali għandhom, konformement mal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni l-ġdida disponibbli għalihom. ( 18 ) L-għan huwa li jinġabru d-dazji doganali effettivament dovuti mhux li jiġi massimizzat id-dħul. |
|
31. |
Ir-reviżjoni mitluba minn CEVA Freight hija kompatibbli mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni dwar id-determinazzjoni tal-valur? |
|
32. |
Jidhirli li dan huwa l-każ. |
|
33. |
L-ewwel nett, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-appell tal-awtoritajiet doganali kontra d-deċiżjoni tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam). Fis-sentenza appellata f’dawn il-proċedimenti l-qorti kkonstatat li l-għażla ta’ CEVA Freight tal-prezz tal-media players imdaħħla fid-dikjarazzjonijiet doganali għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali ma setgħetx tiġi diżassoċjata mill-iżball magħmul fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja doganali ta’ dik il-merkanzija. ( 19 ) Dan jissuġġerili li l-iżball inizjali relatat mal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija inkwistjoni huwa marbut b’mod inseparabbli mal-valur li CEVA Freight attribwixxiet lill-media players. Waqt is-seduta ġie rrikonoxxut li fejn klassifikazzjoni tariffarja ġġenerat rata ta’ dazju ta’ 0 %, il-valur doganali tal-merkanzija importata ma kellux importanza. Madankollu, meta klassifikazzjoni tariffarja tiġġenera responsabbiltà għall-ħlas tad-dazju doganali bir-rata ta’ 13.9%, dawn il-fatturi (prezz u valur doganali) isiru ta’ importanza ewlenija. Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-bidla fiċ-ċirkostanzi wara l-klassifikazzjoni tariffarja rriveduta min-naħa tal-awtoritajiet doganali jipprekludi lil CEVA Freight milli ddaħħal valur ikkunsidrat pjuttost milli valur arbitrarju għall-merkanzija inkwistjoni. Għaldaqstant inqis li l-klassifikazzjoni tariffarja inizjali żbaljata u d-determinazzojni tal-valur tal-prodotti inkwistjoni jiffurmaw ħaġa sħiħa indiviżibbli. L-evalwazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-passi b’mod iżolat tkun artifiċjali u tmur kontra l-għan li tiġi riflessa s-sitwazzjoni attwali li l-Kodiċi Doganali jipprova jistabbilixxi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur. ( 20 ) |
|
34. |
It-tieni nett, fil-fehma tiegħi, li tiġi permessa r-reviżjoni proposta huwa ġust sa fejn din tieħu inkunsiderazzjoni r-realtà, jiġifieri li l-klassifikazzjoni tariffarja applikabbli hija indissoċjabbilment marbuta mal-prezz li CEVA Freight għażlet u daħlet fid-dikjarazzjoni doganali tagħha għall-merkanzija inkwistjoni. It-tielet nett, ir-reviżjoni ma tmurx kontra l-uniformità u n-newtralità tas-sistema sakemm id-dazji jibqgħu pagabbli (sempliċement fuq valur inqas). |
|
35. |
Ir-raba’ nett, fid-digriet tar-rinviju tagħha l-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-prezz l-iktar baxx li CEVA Freight fittxet li tissostitwixxi għall-prezz iddikjarat huwa verifikabbli b’riferiment għad-dokumenti rilevanti u għalhekk ma jistax jitqies li jiġġenera valur doganali fittizju. |
|
36. |
Il-ħames nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ma jirrestrinġix lill-awtoritajiet doganali milli jkunu jistgħu jemendaw jew iwettqu eżami ta’ wara r-rilaxx skont l-Artikolu 78(1) (jew l-Artikolu 78(2)), u lanqas ma jwaqqafhom milli jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni kif previst fl-Artikolu 78(3). ( 21 ) Kemm l-għan innifsu tal-Kodiċi Doganali, “sa fejn huwa jixtieq, b’mod partikolari, konformement mal-premessa 5 ta’ dan il-kodiċi, jiżgura applikazzjoni korretta tat-taxxi previsti minnu […], kif ukoll il-loġika speċifika tal-Artikolu 78 tal-imsemmi kodiċi, li tikkonsisti fit-tqabbil tal-proċedura doganali mas-sitwazzjoni reali billi tikkoreġi l-iżbalji jew l-ommissjonijiet materjali kif ukoll l-iżbalji tal-interpretazzjoni tad-dritt applikabbli […], huma kontra interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu li tippermetti li tiġi eskluża b’mod ġenerali l-possibbiltà li l-awtoritajiet doganali jipproċedu għal reviżjonijiet jew għal kontrolli oħra wara r-rilaxx tad-dikjarazzjonijiet doganali sabiex tiġi rregolarizzata, skont il-każ, is-sitwazzjoni.” ( 22 ) Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmija awtoritajiet għandhom, b’mod partikolari bil-għan tat-twettiq effettiv ta’ tali għanijiet, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jipproċedu għal reviżjonijiet u għal kontrolli wara r-rilaxx. ( 23 ) Għalhekk, l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-qafas tal-obbligi li jimponi fuq l-awtoritajiet doganali, bħala regola huwa jippermetti lil dawn l-awtoritajiet jirrevedu jew iwettqu kontroll wara r-rilaxx ta’ dikjarazzjoni doganali u jirregolarizzaw is-sitwazzjoni billi jiffissaw dejn doganali ġdid. ( 24 ) |
|
37. |
Fl-opinjoni tiegħi, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-awtoritajiet doganali jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-istħarriġ tad-dikjarazzjonijiet wara r-rilaxx tal-merkanzija kkonċernata. Peress li l-iżball fil-klassifikazzjoni tariffarja inizjali u l-valur li CEVA Freight attribwixxiet lill-media players huma marbuta b’mod inseparabbli, inqis li l-iżball identifikat jaqa’ fl-espressjoni “informazzjoni mhux korretta jew mhux sħiħa” fl-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali. Dawn il-kliem ġew interpretati li jkopru żbalji tekniċi jew ommissjonijiet u żbalji ta’ interpretazzjoni tal-liġi applikabbli. ( 25 ) L-iżball inizjali fil-klassifikazzjoni tariffarja huwa simili għal żball tekniku. |
|
38. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ma huwiex intiż li jippermetti lil dikjaranti faċilità li jitolbu reviżjoni sabiex jagħżlu li jissottomettu informazzjoni li tqegħedhom f’pożizzjoni iktar favorevoli. Nista’ nara li tħassib bħal dan jista’ jkun leġittimu li kieku d-dikjaranti kellhom jitqiesu li għandhom għażla ġenerali u wiesgħa bħal din. |
|
39. |
Madankollu, iċ-ċirkostanzi tal-każ ta’ CEVA Freight huma iktar sfumati milli sempliċement ifittxu li jagħżlu valur iktar favorevoli għad-dikjarazzjoni doganali tagħha. |
|
40. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifika tas-sentenza tagħha Overland Footwear. ( 26 ) Minn naħa, din is-sentenza tindika li ebda reviżjoni taħt l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ma hija possibbli sakemm ma jkunx hemm żbalji tekniċi jew ommissjonijiet u żbalji ta’ interpretazzjoni tal-liġi applikabbli. Min-naħa l-oħra, l-istess Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-iżbalji li jikkonsistu f’ommissjoni involontarja ma jistgħux jitqiesu li jeżerċitaw għażla, li bħala definizzjoni hija volontarja. Il-qorti tar-rinviju tesprimi l-opinjoni li l-espressjoni “ommissjonijiet involontarji” għandha tinftiehem f’sens wiesa’ u għalhekk tista’ titqies li tkopri sitwazzjoni bħal dik ta’ CEVA Freight fil-kawża prinċipali. |
|
41. |
F’dan il-każ l-impriża (Overland) xtrat prodotti (prinċipalment żraben) immanifatturati barra mill-Unjoni u sussegwentement importathom u ddistribwiethom fit-territorju tal-Istati Membri. Matul l-attivitajiet tagħha Overland użat is-servizzi ta’ aġent tax-xiri fil-Lvant Imbiegħed li tħallas kummissjoni ta’ xiri. Din il-kummissjoni tħallset lill-manifattur li għaddieha lill-aġent. Inizjalment Overland inkludiet il-kummissjoni tal-aġent tax-xiri (li ma ntwerietx separatament) fuq id-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni. Id-dazji fuq l-importazzjoni ġew konsegwentement ikkalkolati u mħallsa fuq il-kummissjoni. Sussegwentement, bi qbil mal-awtoritajiet doganali, Overland uriet il-kummissjoni tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija importata b’mod separat fuq id-dikarazzjonijiet tal-importazzjoni. Minn dan il-punt ’il quddiem l-awtoritajiet doganali ma imponewx dazji fuq l-importazzjoni fuq l-ammont muri bħala l-kummissjoni ta’ xiri. Sussegwentement Overland fittxet li tirrevedi d-dikjarazzjonijiet doganali preċedenti u tikseb ħlas lura proporzjonat tad-dazji mħallsa fuq il-bażi li parti mill-valur muri fuq kull dikjarazzjoni ta’ importazzjoni kienet tikkorrispondi għal kummissjoni ta’ xiri li fuqha ma kellu jitħallas ebda dazju. |
|
42. |
Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argumenti li jgħidu li l-Artikolu 78(3) kien japplika biss f’ċirkostanzi ristretti, bħal f’każijiet ta’ klassifikazzjoni żbaljata tal-merkanzija inkwistjoni. Bl-istess mod il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx sottomissjonijiet li jgħidu li billi ma indikatx il-kummissjoni ta’ xiri fid-dikjarazzjoni tagħha Overland kienet għamlet għażla u ma wettqitx żball. Meta għamlet hekk il-Qorti ddikjarat “[…] meta hemm possibilità ta’ reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali fuq talba tad-dikjarant, [din] ma għandiex jkollha bħala konsegwenza li minkejja li hemm biżżejjed elementi ta’ prova, d-dazji legalment miġbura minħabba sempliċi regoli ta’ provi wara, jiġu assimlati ma dazji legalment dovuti […] Fl-aħħar għandu jiġi osservat li, f’kull każ, żball li jikkonsisti f’omissjoni involontarja ma jisax jitqies, bħala eżerċizju ta’ għażla volontarja.” ( 27 ) |
|
43. |
Filwaqt li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Overland Footwear ( 28 ) hija ċertament istruttiva, jidhirli li l-kwistjoni preżenti ma hijiex l-istess. Hawn, kien hemm żball inizjali fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti kkonċernati. Bħala konsegwenza ta’ dak l-iżball inizjali ngħata valur partikolari fid-dikjarazzjonijiet doganali rilevanti. L-iżball fil-klassifikazzjoni tariffarja ġie sussegwentement rivedut u rrettifikat. Dan huwa differenti ħafna miċ-ċirkostanzi fil-kawża Overland Footwear. Il-kwistjoni preżenti hija wkoll differenti mis-sitwazzjoni fejn dikjarant jagħżel liberament minn numru ta’ valuri differenti u sussegwentement ifittex reviżjoni sempliċement minħabba li jkun bidel l-opinjoni tiegħu. Hawnhekk, l-iżball inizjali tal-klassifikazzjoni tariffarja u l-valur li kien jakkumpanjah huma żewġ uċuħ tal-istess munita. |
|
44. |
Għaldaqstant nikkonkludi li fejn merkanzija tiġi kklassifikata b’mod żbaljat għal skopijiet doganali taħt subintestatura tariffarja li tiġġenera rata żero ta’ dazju doganali u fuq il-bażi ta’ dak l-iżball dikjarant jagħżel prezz (fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv) għall-iskopijiet ta’ provvista ta’ valutazzjoni ta’ dawk il-prodotti konformement mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 147(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu fuq talba tad-dikjarant jemendaw id-dikjarazzjoni doganali wara r-rilaxx tal-merkanzija kkonċernata b’mod li d-dikjarant ikun jista’ jissostitwixxi valur ikkunsidrat, sakemm tali valutazzjoni tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti tal-Kodiċi Doganali. |
It-tieni domanda
|
45. |
Skont l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw l-ammont ta’ dazju pagabbli mid-debitur hekk kif jiddaħħal fil-kontijiet. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-determinazzjoni tal-mument li fih issir dik il-komunikazzjoni hijiex kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali. Sa fejn id-determinazzjoni tal-mument tal-komunikazzjoni hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju titlob ukoll li jiġi kkonstatat jekk il-komunikazzjoni għandhiex tiġi rċevuta fi żmien tliet snin wara li jiġi inkors dejn doganali jew jekk huwiex biżżejjed, għall-iskopijiet tal-Artikolu 221(3), li jintwera li l-komunikazzjoni ntbagħtet lid-debitur qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
|
46. |
Preliminarjament, wieħed għandu jżomm f’moħħu li dejn doganali jiġi inkors meta d-dikjarazzjoni doganali tiġi aċċettata (Artikolu 201(2) tal-Kodiċi Doganali). Hawnhekk, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni tressqu f’mumenti differenti bejn l‑1 ta’ Marzu 2010 u l‑31 ta’ Ottubru 2010. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-kwistjoni dwar jekk ċerti djun doganali humiex preskritti tikkonċerna biss dawk id-djun imġarrba qabel l‑4 ta’ Marzu 2010. |
|
47. |
CEVA Freight u l-Gvern Spanjol huma tal-fehma li d-determinazzjoni tal-iskadenza tal-preskrizzjoni hija kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jsostnu li skont il-Kodiċi Doganali din id-determinazzjoni hija rregolata minn regoli proċedurali nazzjonali. |
|
48. |
Jien naqbel mal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni. |
|
49. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tistabbilixxi regola ta’ limitazzjoni: “[m]a għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq id-dejn mad-dwana.” ( 29 ) Xejn fil-kliem sempliċi tat-test ma jindika li d-determinazzjoni tal-mument li fih issir il-komunikazzjoni lid-debitur hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni. |
|
50. |
L-istorja leġiżlattiva ta’ din id-dispożizzjoni turi li l-leġiżlatur kellu l-għan li jintroduċi livell limitat ta’ konsistenza u uniformità fir-rigward tal-irkupru tal-ammont tad-dejn doganali. Qabel ma daħal fis-seħħ il-Kodiċi Doganali, tali kwistjonijiet kienu rregolati bir-Regolament Nru 1697/79, ( 30 ) flimkien mar-Regolament Nru 1854/89. ( 31 ) Ir-Regolament Nru 1697/79 ġie introdott sabiex jissostitwixxi r-regoli nazzjonali eżistenti b’leġiżlazzjoni ġdida fuq livell Komunitarju. ( 32 ) It-tieni premessa ta’ dan ir-regolament tgħid li l-irkupru ta’ wara r-rilaxx tad-dazji doganali jinvolvi ċertu ammont ta’ preġudizzju għaċ-ċertezza li persuni responsabbli mill-ħlas għandhom id-dritt jippretendu minn atti uffiċjali li jkollhom konsegwenzi finanzjarji. Għalhekk tqies li kien xieraq li jiġi ffissat terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li ladarba jiddekorri, id-determinazzjoni tad-dazji doganali ssir definittiva, sabiex b’hekk tiġi limitata l-portata għal azzjoni futura min-naħa tal-awtoritajiet doganali. Ma huma rreġistrati ebda għanijiet oħra fir-rigward tal-operazzjoni ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni. B’mod partikolari, il-leġiżlatur ma għamel ebda stipulazzjoni dwar il-meta u l-mod kif in-notifika kellha ssir. Il-kliem tal-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali tal‑1992 huwa simili għal dak tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1697/79. |
|
51. |
Għalhekk jidhirli li huma l-Istati Membri li għandhom jaġixxu konformement mar-regoli proċedurali u sostantivi tal-liġijiet nazzjonali sabiex jimplimentaw l-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali, peress li dak iż-żmien id-dritt tal-Unjoni ma kienx inkluda regoli komuni li jirregolaw id-determinazzjoni tal-mument meta l-komunikazzjoni saret għall-iskopijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. ( 33 ) |
|
52. |
CEVA Freight u l-Gvern Spanjol isostnu li madankollu huwa neċessarju li jittieħed kont tal-kuntest usa’ li fih jaġixxu l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi. Huma jiġbdu l-attenzjoni għall-verżjoni attwali tal-Kodiċi Doganali, ( 34 ) li issa jipprovdi li l-iskambji kollha ta’ informazzjoni, bħal dikjarazzjonijiet, applikazzjonijiet jew deċiżjonijiet bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi għandhom isiru bl-użu ta’ tekniki ta’ pproċessar ta’ data elettronika (Artikolu 6(1)). Kemm CEVA Freight kif ukoll il-Gvern Spanjol jargumentaw li l-Kodiċi Doganali tal‑2013 għandu jintuża bħala għajnuna sabiex jiġi interpretat il-predeċessur tiegħu, il-Kodiċi Doganali tal‑1992. |
|
53. |
Din is-sottomissjoni tinjora s-sempliċi fatt li l-kuntest leġiżlattiv tal-Kodiċi Doganali tal-2013 u tal-Kodiċi Doganali tal-1992 ma huwiex l-istess. Fl-2008 il-Kodiċi Doganali ġie rivedut radikalment biex jiġi aġġornat għall-ambjent elettroniku l-ġdid għad-dwana u l-kummerċ; u r-regoli ġew irriveduti b’mod iddettaljat għal dan il-għan. ( 35 ) Għaldaqstant ma huwiex possibbli li jinsiltu inferenzi mill-kontenut preżenti tal-Kodiċi Doganali tal‑2013 sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tal‑1992. |
|
54. |
Għalhekk, inqis li skont din id-dispożizzjoni hija l-liġi proċedurali nazzjonali li għandha tiddetermina meta sseħħ komunikazzjoni lid-debitur. Dan huwa suġġett għal-limiti klassiċi imposti mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri li r-regoli u l-proċeduri previsti fid-dritt nazzjonali ma għandhomx jagħmlu l-irkupru tal-ammont tad-dejn doganali prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli u li tali regoli domestiċi ma jiġux applikati b’mod diskriminatorju meta mqabbel ma’ proċeduri ekwivalenti sabiex jiġi deċiż tilwim simili taħt id-dritt nazzjonali. ( 36 ) |
|
55. |
Fid-dawl tar-risposta tiegħi għall-ewwel parti tat-tieni domanda ma hemmx lok li tiġi indirizzata t-tieni parti ta’ din id-domanda. Għal raġunijiet ta’ bon ordni, inżid li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi dwar l-ewwel parti tat-tieni domanda u tagħżel interpretazzjoni uniformi li tapplika għall-Unjoni kollha, jidhirli li l-formulazzjoni tal-Artikolu 221(3) tissuġġerixxi li l-awtoritajiet doganali għandhom jibagħtu l-komunikazzjoni lid-debitur qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien ta’ tliet snin, sa fejn din id-dispożizzjoni tiffoka fuq l-atti tal-awtoritajiet doganali pjuttost milli fuq id-data li riċeviment mid-debitur. |
Konklużjoni
|
56. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ottubru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307). Dan ir-regolament ġie emendat diversi drabi: kienet il-verżjoni kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 tal‑20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008 L 352M, p. 629) li kien fis-seħħ fiż-żmien inkwistjoni. Ser nirreferi għal dan l-istrument bħala il-“Kodiċi Doganali” jew il-“Kodiċi Doganali tal-1992” f’dawn il-konklużjonijiet. Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008 L 145, p. 1), daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ġunju 2008. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1 u r-Rettifiki ĠU 2013 L 287, p. 90 u ĠU 2016 L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-2013”) ħassar u biddel ir-Regolament Nru 450/2008 qabel ma dan tal-aħħar sar applikabbli.
( 3 ) L-Artikoli 32 u 33 jistabbilixxu ċerti aġġustamenti li jistgħu jsiru għall-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur tal-merkanzija taħt il-Kodiċi Doganali.
( 4 ) Preċedentement id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 65 tal-Kodiċi Doganali kienu riflessi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/695/KEE tal‑24 ta’ Lulju 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għar-rilaxx ta’ merkanzija għal ċirkolazzjoni libera (ĠU 1979 L 205, p. 19).
( 5 ) Ma kien hemm ebda dispożizzjoni leġiżlattiva li tirrifletti l-kontenut tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali qabel l-emenda tal-leġiżlazzjoni doganali li ġiet inkorporata fil-Kodiċi Doganali tal-1992.
( 6 ) L-Artikolu 243 kien jiddikjara li kull persuna kellha d-dritt għal appell kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali relatati mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u li kienu jikkonċernawha direttament u individwalment.
( 7 ) Ir-Regolament tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3) (iktar ’il quddiem “ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni”). Dan ir-regolament tħassar b’effett mit‑30 ta’ April 2016 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/481 tal‑1 ta’ April 2016 li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (ĠU 2016 L 87, p.24).
( 8 ) L-Artikoli 178 sa 181 kienu jirrigwardaw id-dikjarazzjonijiet ta’ dettalji u d-dokumenti li kellhom jiġu prodotti.
( 9 ) Ara l-punt 46 iktar ’il quddiem.
( 10 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et (C‑116/12, EU:C:2013:825, punti 34 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq.
( 12 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati (C-263/06, EU:C:2008:128, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati (C‑263/06, EU:C:2008:128, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tinkludi s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 1990Unifert (C‑11/89, EU:C:1990:237), li madankollu kienet tirrigwarda d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw id-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ merkanzija importata (Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1224/80 tat‑28 ta’ Mejju 1980 dwar il-valutazzjoni ta’ merkanzija għal skopijiet doganali (ĠU 1980 L 134, p. 1) li kien fis-seħħ qabel l-introduzzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali.
( 14 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati (C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Id-dikjarazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti ta’ sostenn kollha meħtieġa (l-Artikolu 62(2) tal-Kodiċi Doganali).
( 16 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, kif ukoll is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear (C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 62).
( 17 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara l-punt 3.1 tad-digriet tar-rinviju.
( 20 ) Ara l-punt 25 iktar ’il fuq.
( 21 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 25).
( 22 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Tigri (C‑156/16, EU:C:2017:754, punti 29 sa 31).
( 25 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear (C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 63).
( 26 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005 (C‑468/03, EU:C:2005:624).
( 27 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear (C‑468/03, EU:C:2005:624, punti 68 u 69) (enfasi miżjuda).
( 28 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005 (C‑468/03, EU:C:2005:624).
( 29 ) Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Agra (C‑75/09, EU:C:2010:352, punt 30 u ara l-punt 9 iktar ’il fuq).
( 30 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1697/79 tal‑24 ta’ Lulju 1979 dwar l-irkupru wara r-rilaxxl-ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni li ma kinux meħtieġa mill-persuna responsabbli għall-ħlas fuq merkanzija mdaħħla għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu ta’ ħlas ta’ dawn id-dazji (ĠU 1979 L 197, p. 1).
( 31 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1854/89 tal‑14 ta’ Ġunju 1989 dwar id-dħul fil-kontijiet u t-termini ta’ ħlas tal-ammonti tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni li jirriżultaw minn dejn doganali (ĠU 1989 L 186, p. 1).
( 32 ) Sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 32).
( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C‑201/04, EU:C:2006:136, punti 52 u 53).
( 34 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq.
( 35 ) Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni COM(2012) 64, p. 2.
( 36 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, ROM‑projecten (C‑158/06, EU:C:2007:370, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).