KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2019 ( 1 )

Kawża C‑183/18

Centraal Justitieel Incassobureau, Ministerie van en Veiligheid Justitie (CJIB)

vs

Bank BGŻ BNP Paribas S.A. w Gdańsku,

fil-preżenza ta’

Prokuratura Rejonowa Gdańsk-Śródmieście w Gdańsku

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy Gdańsk-Południe w Gdańsku (il-Qorti Distrettwali tan-naħa ta’ isfel ta’ Gdańsk, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarji imposti fuq persuni ġuridiċi – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali – Portata – Kunċett ta’ “persuna ġuridika” – Penali finanzjarja imposta fuq entità mingħajr personalità ġuridika”

I. Introduzzjoni

1.

Id-Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI tal-Kunsill tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji ( 2 ), tippermetti lill‑awtoritajiet ta’ Stat Membru (iktar ’il quddiem l-“Istat emittenti”) li jitlob l-eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarja fi Stat Membru ieħor (iktar ’il quddiem l-“Istat ta’ eżekuzzjoni”) li fih il-persuna fiżika jew ġuridika li fil-konfront tagħha ngħatat id-deċiżjoni għandha beni jew dħul, hija normalment residenti jew għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha, f’każ ta’ persuna ġuridika.

2.

Mibdi b’talba tas-Centraal Justitieel Incassobureau (CJIB) (l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Rkupru Ġudizzjarju, il-Pajjiżi l-Baxxi) ( 3 ) tal‑Ministerie van en Veiligheid Justitie (il-Ministeru għas‑Sigurtà u għal-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) għar-rikonoxximent u eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal-Adm. Verwerking Flitsgegevens CJIB HA Leeuwarden (is-Servizz inkarigat mill-ipproċessar tad-data dwar kontravenzjonijiet ta’ veloċità taċ-CJIB f’Leuvarde, il-Pajjiżi l-Baxxi), tal‑25 ta’ Novembru 2016, li imponiet multa ta’ EUR 36 fuq il-Bank BGŻ BNP Paribas S.A. w Gdańsku (il-Bank BGŻ BNP Paribas S.A. ta’ Gdańsk, il-Polonja) ( 4 ), dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja timplimenta t-tagħlimiet misluta mis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski ( 5 ), fir-rigward tal-effetti tad‑deċiżjonijiet qafas, b’mod partikolari, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi.

3.

B’mod differenti minn qabel, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk, u jekk ikun il-każ kif, penali finanzjarja tista’ tiġi eżegwita fi Stat Membru, minkejja li din il-penali tirrigwarda entità li ma għandhiex, f’dan l-Istat, personalità ġuridika.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Deċiżjoni Qafas 2005/214

4.

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

a)

“deċiżjoni”, tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:

[…]

iii)

awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ atti li huma kastigabbli skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

[…]”

5.

L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Trasmissjoni ta’ deċiżjonijiet u rikors għall-awtorità ċentrali”, jipprevedi, fil‑paragrafi 1 u 6:

“1.   Deċiżjoni, flimkien ma’ ċertifikat kif previst f’dan l-Artikolu, jista’ jiġi trasmess lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew id-dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha.

[…]

6.   Meta xi awtorità, fl-Istat ta’ esekuzzjoni, li tirċievi deċiżjoni ma jkollhiex il-kompetenza sabiex tirrikonoxxiha u tieħu l-miżuri meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, għandha, ex officio, titrasmetti d-deċiżjoni lill-awtorità kompetenti u għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fl‑Istat emittenti b’dan.”

6.

L-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “L-ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ir-reati li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l‑istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar‑rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:

[…]

kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar‑regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u tar‑regolamenti dwar merkanzija perikoluża,

[…]”

7.

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, intitolat “Rikonoxximent u esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet”, jipprevedi li ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.”

8.

Skont l-Artikolu 9(1) u (3) ta’ din id-deċiżjoni qafas:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u għall‑Artikolu 10, l-infurzar tad-deċiżjoni għandu jkun regolat mill-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bl-istess mod ta’ penali finanzjarja ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni biss għandhom ikunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati miegħu, inklużi r-raġunijiet għat-terminazzjoni ta’ l-infurzar.

[…]

3.   Penali finanzjarja mposta fuq persuna ġuridika għandha tiġi nfurzata anki jekk l-Istat ta’ esekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi.”

9.

Skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija deċiżjoni qafas:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Deċiżjoni Kwadru sat‑22 ta’ Marzu 2007.

2.   Kull Stat Membru jista’, għal perjodu ta’ mhux aktar minn 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jillimita l-applikazzjoni tagħha għal

[…]

b)

fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, deċiżjonijiet relatati ma kondotta li għaliha strument Ewropew jipprovdi għall-applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi.

[…]

3.   Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal‑prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika.

[…]”

2. Id-Direttiva UE 2015/413

10.

Il-premessi 1 u 2 tad-Direttiva (UE) 2015/413 ( 6 ) jipprevedu:

“(1)

It-titjib tas-sikurezza fit-toroq huwa objettiv primarju tal-politika tat-trasport tal-Unjoni. L-Unjoni qed issegwi politika għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq, bl-objettiv li jitnaqqsu l-imwiet, il‑korrimenti u l-ħsarat materjali. Element importanti ta’ dik il‑politika huwa l-infurzar konsistenti tal-penali għal dawk ir-reati tat-traffiku magħmulin fl-Unjoni li jipperikolaw b’mod konsiderevoli s-sikurezza fit-toroq.

(2)

[…] Din id-Direttiva għandha l-għan li […] tiġi żgurata l-effettività tal-investigazzjoni tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit‑toroq.”

11.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li din tapplika b’mod partikolari f’każ ta’ sewqan b’veloċità eċċessiva.

12.

L-Artikolu 3(n) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

n)

“detentur tal-vettura” tfisser il-persuna li f’isimha tkun irreġistrata l-vettura, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.”

13.

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Direttiva 2015/413:

“L-Istat Membru fejn isir ir-reat għandu, taħt din id-Direttiva, juża d‑data miksuba sabiex jiġi stabbilit min hu personalment responsabbli għar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq elenkati fl‑Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.”

B.   Id-dritt Pollakk

14.

Il-Kapitolu 66b tal-ustawa – Kodeks postępowania karnego (il-Liġi li tistabilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) ( 7 ), tas-6 ta’ Ġunju 1997, jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Pollakk id-dispożizzjonijiet tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214.

15.

Il-Kapitolu 66b taċ-CPP, intitolat “Talba ta’ Stat Membru tal‑Unjoni Ewropea dwar l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi penali finanzjarja”, jipprevedi, fl-Artikolu 611ff tiegħu:

“§ 1.   Meta [l-Istat emittenti] jitlob l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni finali li timponi penali finanzjarji, din għandha tiġi eżegwita mis-Sąd Rejonowy [il-Qorti Distrettwali, il-Polonja] li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-awtur tal-ksur għandu beni jew dħul, jew ir-residenza permanenti jew temporanja tiegħu. Fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, it‑termini “penali finanzjarja” ikopru l-obbligu fuq l-awtur tal-ksur li jħallas l-ammonti segwenti msemmija fid-deċiżjoni:

1)

somma flus rappreżentanti l-penali għal ksur kriminali kommess li ma humiex kontravenzjoni;

[…]

§ 6.   Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu ma jipprevedux mod ieħor, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk […]”

16.

L-Artikolu 611fg taċ-CPP jipprevedi:

“L-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 611ff(1) tista’ tiġi rrifjutata fil-każijiet segwenti:

1)

l-att, li għalih ingħatat id-deċiżjoni, ma jikkostitwixxix ksur kriminali li ma huwiex kontravenzjoni fid-dritt Pollakk, ħlief jekk, fid-dritt tal-Istat emittenti, dan huwa ksur kriminali msemmi fl-Artikolu 607w jew huwa ksur kriminali:

[…]

c)

kontra s-sigurtà fit-trasport,

[…]

2)

iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 611ff(2) ma huwiex anness mad‑deċiżjoni, jekk jiġi kkumpilat b’mod inkomplet jew jekk ma jikkorrispondix b’mod manifest mal-kontenut tad-deċiżjoni;

[…]

7)

l-awtur tal-ksur ma jistax jittella’ quddiem il-qrati kriminali Pollakki jew ma hemmx l‑awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex jiġi pproċessat;

[…]

9)

miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 611ff(2) jirriżulta li l-persuna kkonċernata ma ġietx informata kif suppost bil-possibbiltà u bid‑dritt li tikkontesta din id-deċiżjoni;

10)

miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 611ff(2) jirriżulta li d‑deċiżjoni ngħatat fl-assenza tal-awtur tal-ksur, ħlief jekk:

a)

l-awtur tal-ksur ġie nnotifikat bil-proċedura jew ġie informat b’mezzi oħra dwar it-termini u l-post stabbiliti għas-seduta, kemm jekk tkun pubblika u kemm jekk le, u li ġie informat li setgħet tingħata deċiżjoni f’każ li ma jidhirx jew jekk l‑awtur tal-ksur kien irrappreżentat minn avukat preżenti għas-seduta,

b)

wara li jkun irċieva notifika ta’ kopja tad-deċiżjoni u wara li jkun ġie informat bid-dritt, it-termini u l-modalitajiet biex jippreżenta, fl-Istat emittenti, talba sabiex jiftaħ, u jieħu sehem, fi proċedura ġudizzjarja ġdida fl-istess kawża, l‑awtur tal-ksur ma jkunx ippreżenta tali talba fit-terminu legali jew iddikjara li mhux ser jikkontesta id-deċiżjoni;

11)

il-ksur kriminali li ma huwiex kontravenzjoni li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni jaqa’ fil-kompetenza tal-qrati kriminali Pollakki u huwa suġġett għal amnestija finali;

12)

id-deċiżjoni kkonċernata tirrigwarda penali finanzjarja ta’ inqas minn EUR 70 jew ta’ ammont ekwivalenti f’munita oħra.”

17.

L-Artikolu 611fh taċ-CPP jipprevedi:

“§ 1.   Il-qorti għandha teżamina l-kwistjoni tal-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarji wara seduta li fiha jistgħu jipparteċipaw il-prosekutur [il-Prosekutur Pubbliku, Il-Polonja], l-awtur tal-ksur, jekk ikun jinsab fit-territorju tar‑Repubblika tal-Polonja, u l-avukat tiegħu jekk jidher. Jekk l-awtur tal-ksur, li ma jinsabx fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, ma għandux avukat, il-President tal-qorti kompetenti jista’ jinnominalu wieħed ex officio.

§ 2.   Id-digriet tal-qorti li tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarja jista’ jiġi appellat.

§ 3.   Id-deċiżjoni finali dwar il-penali finanzjarji, akkumpanjata miċ‑ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 611ff(2) tikkostitwixxi titolu eżekuttiv u hija eżegwibbli fil-Polonja wara l-għoti tad-digriet dwar l‑eżekuzzjoni tagħha.

§ 4.   Jekk l-informazzjoni trażmessa mill-Istat emittenti ma hijiex suffiċjenti sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-penali finanzjarji, il‑Qorti għandha titlob lill-qorti jew lil awtoritajiet oħra tal-Istat emittenti sabiex jagħtu l-informazzjoni neċessarja f’terminu stabbilit.

§ 5.   F’każ ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tat-terminu msemmi fil‑paragrafu 4, għandu jingħata digriet dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni abbażi ta’ informazzjoni trażmessa preċedentement.”

18.

L-ustawa – Kodeks postępowania w sprawach o wykroczenia (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura fil-Qasam tal‑Kontravenzjonijiet) ( 8 ), tal-24 ta’ Awwissu 2001, tipprevedi, fl‑Artikolu 116b(1) tagħha:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 66a u 66b tas-[CPP] japplikaw b’analoġija għat-talbiet maħruġa mill-Istati Membri tal-[Unjoni] u li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ multi, ta’ penali finanzjarji addizzjonali, ta’ obbligu ta’ kumpens jew ta’ eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarja deċiża minn qorti jew minn awtorità oħra ta’ Stat Membru tal-[Unjoni].”

19.

Fil-Kapitolu XI, intitolat “Kontravenzjonijiet fil-qasam tas‑sigurtà u tal-ordni fit-trasport”, tal-ustawa – Kodeks wykroczeń (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet) ( 9 ), tal‑20 ta’ Mejju 1971, l‑Artikolu 92a jipprevedi:

“Kull min ma josservax il-limitu tal-veloċità stabbilita bil-liġi jew bis‑sinjali tat-traffiku fit-toroq waqt li jkun qiegħed isuq vettura huwa suġġett għal penali finanzjarja.”

20.

Skont l-Artikolu 25(1) tal-ustawa – Kodeks karny wykonawczy (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni) ( 10 ), tas‑6 ta’ Ġunju 1997:

“Il-penali finanzjarja, il-benefiċċju fi flus u d-drittijiet li għandhom jitħallsu lill-qorti huma eżegwiti […] skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Kodeks postępowania cywilnego [il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili], jekk din il-liġi ma tipprevedix mod ieħor.”

21.

L-Artikolu 33 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi Ċivili) ( 11 ), tat-23 ta’ April 1964, jipprevedi:

“Huma persuni ġuridiċi l-iSkarb Państwa [it-Teżor Pubbliku, il-Polonja] u l-organi li l-personalità ġuridika tagħhom hija rrikonoxxuta minn dispożizzjonijiet partikolari.”

22.

L-Artikolu 64 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) ( 12 ), tas‑17 ta’ Novembru 1964, jipprevedi:

“§ 1.   Kull persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt tintervjeni f’kawża bħala parti (locus standi in judicio).

§ 11.   Għandhom ukoll locus standi in judicio l-organi li ma għandhomx personalità ġuridika li lilhom il-liġi tagħti din il-kapaċità.

[…]”

23.

Il-punt 4 tal-Artikolu 5 tal-ustawa o swobodzie działalności gospodarczej (il-Liġi dwar l-Eżerċizzju tal-Attività Ekonomika) ( 13 ), tat‑2 ta’ Lulju 2004, jiddefenixxi l-“fergħa” bħala “parti distinta u indipendenti fuq livell organizzazzjonali tal-attività ekonomika tal‑imprenditur, ġestita minnu barra mis-sede tiegħu jew mill-post fejn huwa prinċiparjament stabbilit”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24.

Fid-9 ta’ Lulju 2017, iċ-CJIB adixxa lis-Sąd Rejonowy Gdańsk-Południe w Gdańsku (il-Qorti Distrettwali tan-naħa ta’ isfel ta’ Gdańsk, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, b’talba għal rikonixximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2016.

25.

Il-multa imposta f’din id-deċiżjoni hija intiża li tissanzjona sewqan b’veloċità ta’ 6 km/h iktar minn dik permissibbli kommess fit-13 ta’ Novembru 2016 f’Utrecht (il‑Pajjiżi l-Baxxi) minn sewwieq ta’ vettura tal-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk.

26.

Miċ-ċertifikat anness mad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2016 miċ-CJIB jirriżulta li l-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, entità li fuqha ġiet imposta l-piena, “ma ġiex mismugħ, kif xtaq hu,” matul il‑proċedura. Skont id-dritt Olandiż, huwa ġie informat bid-dritt tiegħu li jikkontesta l-fondatezza tal-ilmenti mressqa kontra tiegħu, iżda ma ppreżentatx rikors fit-terminu indikat. Konsegwentement, id-deċiżjoni saret finali fis-6 ta’ Jannar 2017 u l-eżekuzzjoni tal-piena li kienet timponi ser tiġi preskritta, skont id-dritt Olandiż, fis-6 ta’ Jannar 2022.

27.

Sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal‑penali finanzjarja, il-qorti tar-rinviju organizzat seduta. Il-partijiet ma dehrux u ma ppreżentaw l-ebda dikjarazzjoni.

28.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Kapitolu 66b taċ-CPP li jittrasponi, fid-dritt Pollakk, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 japplika kemm għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam ta’ ksur kriminali kif ukoll għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam ta’ ksur kontravenzjonali ( 14 ).

29.

Madankollu, hija tikkunsidra li t-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma hijiex kompleta. Il-leġiżlatur uża t-terminu “awtur” biex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal‑leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni, iżda, fiċ-CPP, dan it-terminu jinkludi biss lill-persuni fiżiċi, filwaqt li, skont l-Artikoli 1 u 9 ta’ din id‑deċiżjoni qafas, din tapplika wkoll għad-deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji fuq persuni ġuridiċi.

30.

Konsegwentement, il-possibbiltà li teżegwixxi deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 611ff et seq. taċ-CPP, u lanqas tal-ustawa o odpowiedzialności podmiotów zbiorowych za czyny zabronione pod groźbą kary (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Entitajiet Kollettivi fil‑Qasam ta’ Atti Illegali Taħt Piena ta’ Sanzjonijiet) ( 15 ), tat-28 ta’ Ottubru 2002, sa fejn din il-liġi ma tiġix applikata għal kontravenzjonijiet kommessi minn entitajiet kollettivi.

31.

Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-fatt jirriżulta f’rifjut sistematiku tal-qrati Pollakki li jirrikonoxxu u jeżegwixxu deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji fuq persuni ġuridiċi, minkejja li, skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, tali deċiżjonijiet għandhom jiġu eżegwiti anki jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar‑responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi.

32.

Dwar il-possibbiltà, għall-qrati Pollakki, li japplikaw direttament id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s‑sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski ( 16 ), fin-nuqqas ta’ effett dirett tad-deċiżjonijiet qafas, huma l-qrati nazzjonali li għandhom l‑obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali skont dawn it-testi.

33.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “awtur”, li jinsab fiċ-CPP, ma jidhirx li jista’ jiġi interpretat b’mod li jinkludi l‑persuni ġuridiċi, sabiex tiġi żgurata l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

34.

Għalhekk, minn naħa waħda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l‑obbligu li titwarrab l-applikazzjoni tar-regola nazzjonali meta din tal‑aħħar ma tistax tkun suġġetta għal interpretazzjoni konformi jew li tiġi ssostitwita bir-regola li tinsab f’din id-deċiżjoni qafas.

35.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”. Hija ssostni li, skont id-dritt Pollakk, entità bħall‑Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk tissemma fir-reġistru tal‑kummerċ u għandha sede tagħha. Minkejja l-indipendenza organizzazzjonali tagħha, din l-entità ma għandhiex personalità (kapaċità) ġuridika distinta minn dik tal-Bank BGŻ BNP Paribas S.A. li s-sede tiegħu tinsab f’Varsavja (il-Polonja) ( 17 ) u jistax ikollha locus standi in judicio (bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet dwar id-dritt tax-xogħol). Għall-kuntrarju, jidher li, skont id-dritt Olandiż, l-unitajiet organizzazzjonali ta’ persuna ġuridika jaqgħu wkoll taħt il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”.

36.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” użata fid-Deċiżjoni Qafas 2005/214 hijiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni jew jekk għandux jiġi interpretat skont id-dritt tal-Istat emittenti jew skont id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

37.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Gdańsk-Południe w Gdańsku (il-Qorti Distrettwali tan-naħa ta’ isfel ta’ Gdańsk) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikoli 1(a), 9(3) u 20(1) u (2)(b) tad-Deċiżjoni Qafas [2005/214] għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita, li imponiet sanzjoni pekunjarja fuq persuna ġuridika, għandha tiġi eżegwita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni minkejja li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw din id‑deċiżjoni qafas ma jipprovdux għall-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi tali sanzjoni fuq persuna ġuridika?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-terminu “persuna ġuridika” msemmi fl-Artikoli 1(a) u 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas [2005/214] għandu jiġi interpretat:

a)

skont id-dispożizzjonijiet tal-Istat emittenti (Artikolu 1(c));

b)

skont id-dispożizzjonijiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (Artikolu 1(d));

c)

bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni;

u konsegwentement, dan jinkludi wkoll fergħa ta’ persuna ġuridika, minkejja li tali fergħa ta’ persuna ġuridika ma għandhiex personalità ġuridika fl-Istat ta’ eżekuzzjoni?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie, mill-Gvern Pollak, Ungeriż u Olandiż u mill‑Kummissjoni Ewropea.

V. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

39.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 1(a), l-Artikolu 9(3) u l‑Artikolu 20(1) u (2)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni trażmessa sabiex tiġi eżegwita u li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika għandhiex tiġi eżegwita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni anki jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-deċiżjoni qafas ma jipprovdux għall-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi tali penali fuq persuna ġuridika.

40.

Fl-ewwel lok, jiena nqis li mid-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jirriżulta mingħajr dubju li, anki f’każ fejn id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi, il-penali finanzjarji imposti fuq dawn il-persuni għal ksur tar-regolamenti tat-traffiku għandhom jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti.

41.

F’dan ir-rigward, nikkonstata li, skont diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, bħall-Artikolu 1(a), l-Artikolu 4(1) jew it-Taqsima f) taċ-ċertifikat li jinsab anness magħha ( 18 ), fil-qafas tas‑sistema stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas, tista’ tiġi imposta penali finanzjarja kemm fuq persuna fiżika kif ukoll fuq persuna ġuridika.

42.

Barra minn hekk, mill-qari tal-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 meħuda flimkien jirriżulta li deċiżjoni fis-sens ta’ din id-deċiżjoni qafas għandha, bħala regola, tiġi rrikonoxxuta u eżegwita, mingħajr mal-Istati Membri ma jkunu jistgħu jibbażaw rifjut fuq il-fatt li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix il-possibbiltà li tiġi eżegwita deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika ( 19 ).

43.

Finalment, il-leġiżlatur tal-Unjoni antiċipa d-differenzi bejn il‑liġijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi ( 20 ). B’hekk, mingħajr ma impona xi obbligu fuq l-Istati Membri biex jistabbilixxu r-responsabbiltà kriminali ta’ dawn il-persuni, huwa ppreveda, fl-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li penali finanzjarja imposta fuq persuna ġuridika għandha tiġi eżegwita “anki jekk l‑Istat ta’ esekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi”.

44.

Konsegwentement, id-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li dwar in‑natura vinkolanti tagħha ma hemmx dubju ( 21 ), timponi b’mod ċar fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżegwixxu deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika.

45.

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-Artikolu 20(2)(b) ta’ din id-deċiżjoni qafas sa fejn il-possibbiltà offruta lill-Istati Membri li jillimitaw l-applikazzjoni tagħha, b’mod tranżitorju u taħt ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni għall-persuni ġuridiċi ntemmet fit-22 ta’ Marzu 2010.

46.

Fit-tieni lok, filwaqt li titlaq mill-premessa li d-dispożizzjonijiet tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma ġewx korrettament trasposti fid-dritt Pollakk, peress li l-kunċett ta’ “awtur” li jinsab fl-Artikolu 611ff(1) taċ‑CPP ma jinkludix il-persuni ġuridiċi u l-ebda dispożizzjoni oħra ma tippermetti li timtela’ din il-lakuna, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id‑dritt nazzjonali għandux jibqa’ mhux applikat u jekk id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas għandhomx jissostitwixxuh.

47.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-effetti tad-deċiżjonijiet qafas ġew spjegati u mqassra fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal‑Ġustizzja ( 22 ). Filwaqt li bbażat ruħha dwar l-assenza ta’ effett dirett tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minbarra l-impossibbiltà li d‑dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas jiġu applikati b’mod dirett, qorti ta’ Stat membru ma hijiex obbligata twarrab l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li hija kuntrarja għal deċiżjoni qafas ( 23 ). Madankollu, in-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni qafas toħloq, għall-awtoritajiet nazzjonali, l-obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi magħha ( 24 ).

48.

B’mod konkret, dan jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-deċiżjonijiet qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minnhom. Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax twassal, minn naħa waħda, għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi ddeterminata jew aggravata, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet qafas u indipendentement minn liġi adottata sabiex tiġi implimentata din tal-aħħar, ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jkunu wettqu reat ( 25 ).

49.

F’dan il-każ, fl-assenza ta’ effett dirett tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, għalhekk huwa eskluż li l-qorti tar-rinviju twarrab l‑applikazzjoni taċ-CPP jew tapplika direttament din id-deċiżjoni qafas minfloku.

50.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet taċ-CPP li jittraspondu d-Deċiżjoni Qafas 2005/214, huwa evidenti li, fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l‑qrati nazzjonali, f’dan il-każ, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tad-dritt intern kollu u tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, jekk hijiex possibbli interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali li tiżgura l-effettività ta’ din id-deċiżjoni qafas u twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha ( 26 ).

51.

Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju tidher li għandha dubju dwar tali possibbiltà f’dan il-każ, nixtieq nenfasizza l-elementi segwenti ( 27 ).

52.

L-ewwel nett, bħall-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, jiena nqis li l-kunċett ta’ “awtur” jista’ jinkludi kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll il‑persuni ġuridiċi.

53.

Barra minn hekk, sa fejn id-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma għandhiex l-għan li tarmonizza d-dritt kriminali sostantiv, il-leġiżlatur Pollakk għamel użu, fl-opinjoni tiegħi b’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas fil-Kapitolu 66b taċ-CPP, mill-kunċett ta’ “awtur”, li prima facie huwa kunċett newtrali, b’tali mod li, fil-kuntest tal-Kapitolu 66b taċ‑CPP u tal-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarji, dan il-kunċett jista’ jiġi interpretat b’mod indipendenti mis-sinjifikat ta’ dan il-kunċett fid‑dritt kriminali sostantiv ( 28 ). Dan l-approċċ tal-leġiżlatur Pollakk jikkorrispondi, fl-opinjoni tiegħi, mal-loġika tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, peress li din tal-aħħar bl-ebda mod ma timponi fuq l‑Istati Membri li għandhom jipprevedu mekkaniżmu ta’ responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi filwaqt li tobbligahom jeżegwixxu penali finanzjarji imposti fuq tali persuni.

54.

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “awtur” fis-sens tad‑dispożizzjonijiet taċ-CPP fil-qasam tal-eżekuzzjoni tal-penali, ma għandux isir riferiment għal dan il-kunċett fis-sens tad-dritt kriminali sostantiv, b’tali mod li dan il-kunċett jista’, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-entità koperta b’penali finanzjarja finali, kemm jekk hija persuna ġuridika jew persuna fiżika.

55.

Barra minn hekk, skont il-proċess li għandha f’idejha l-Qorti tal‑Ġustizzja, qrati differenti Pollakki diġà laqgħu talbiet ta’ eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarji imposti fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq persuni ġuridiċi għal ksur tar-regolamenti tat-traffiku. Fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, nikkunsidra li huwa possibbli li jiġi konkluż li d-dritt Pollakk ma jostakolax l-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, tal-penali imposta fuq persuna ġuridika jew, fi kwalunkwe każ, li dan id-dritt jista’ jiġi intepretat b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

56.

It-tieni nett, kull oġġezzjoni bbażata fuq eventwali aggravazzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi ma għandhiex tintlaqa’. Fil-fatt, il-prinċipju u l-portata tar-responsabbiltà tal-awtur tal-att illegali ma humiex stabbiliti bid-Deċiżjoni Qafas 2005/214, iżda skont id-dritt tal-Istat emittenti u, fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, f’dan il-każ ir‑Repubblika tal-Polonja, tqum biss il-kwistjoni tal-eżekuzzjoni tal‑penali.

57.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall‑ewwel domanda preliminari proposta hija li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni trażmessa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni u li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika għandha tkun eżegwita mill-Istat ta’ eżekuzzjoni, anki jekk id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id‑deċiżjoni qafas ma jipprevedux il-possibbiltà li tiġi eżegwita penali fuq persuna ġuridika. Għal dan il-għan, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal‑imsemmija deċiżjoni qafas ma għandhomx effett dirett, l-awtorità tal‑Istat ta’ eżekuzzjoni kompetenti għandha tikkunsidra d-dritt intern kollu u tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, kemm jista’ jkun, fid-dawl tat‑test u tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

B.   Fuq it-tieni domanda preliminari

58.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, jekk il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, li jinsab fid-Deċiżjoni Qafas 2005/214, għandux jiġi interpretat skont id-dritt tal‑Istat emittenti jew tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jew bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, jekk hemmx lok li minnha jiġi dedott li dan il-kunċett ikopri wkoll entità bħall-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, minkejja li ma għandux personalità ġuridika proprja fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

59.

Essenzjalment, minbarra d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif u kontra liema entità l-penali għandha tiġi eżegwita.

60.

F’dan ir-rigward, infakkar li, f’dan il-każ, il-penali ġiet imposta fuq il-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, iżda li Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie biss għandu personalità (kapaċità) ġuridika fil-Polonja. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom isiru mill‑qorti tar-rinviju, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dritt Pollakk, il-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk u l-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie jiffurmaw entità waħda, peress li l-ewwel wieħed huwa struttura lokali tat-tieni. Mill-perspettiva ġuridika, din l-unità organizzazzjonali timmaterjalizza bil-fatt li, kuntrarjament għall-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie, Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk ma għandux personalità (kapaċità) ġuridika, b’tali mod li ma jistax jipparteċipa fi proċedura ġudizzjarja kriminali jew ċivili ( 29 ).

61.

Dan il-fatt jista’ jwassal, skont il-qorti tar-rinviju, għal rifjut mill‑awtoritajiet Pollakki li jeżegwixxu penali minħabba li, entità bħall‑Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk li ma tkunx f’pożizzjoni li taġixxi fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, jista’ jkollha d-drittijiet tagħha miksura. Issa, tali kwistjoni hija evidentement problematika, għaliex it-talba taċ-CJIB għandha, bħala regola, tkun eżegwita ( 30 ).

62.

F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ din id-domanda preliminari, l-ewwel nett, fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” ma għandux jiġi interpretat, fis-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

63.

Fil-fatt, anki jekk l-interpretazzjoni awtonoma hija, bħala regola, garanzija ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni ( 31 ), tali interpretazzjoni tmur, f’dan il-każ, kontra l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

64.

L-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku flimkien jippermettu li tiġi żgurata l‑eżekuzzjoni tal-penali finanzjarji imposti fuq persuni ġuridiċi lil hinn mill-oppożizzjoni binarja bejn ir-rinviju għad-dritt tal-Istati Membri u l‑kunċett awtonomu ( 32 ). Għalhekk, filwaqt li jassigura l-eżekuzzjoni tal‑penali finanzjarji minkejja d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali fil‑qasam ta’ responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi, naħseb li l‑leġiżlatur tal-Unjoni ried speċifikament jevita li dan il‑kunċett ikun suġġett ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

65.

Qabelxejn, inżid li, anki jekk l-interpretazzjoni awtonoma ta’ kunċett hija, bħala regola, ristretta għall-istrument ġuridiku li minnu tifforma parti ( 33 ), interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, anki jekk limitata għad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 biss, jista’ jkollha konsegwenzi serji f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-leġiżlatur tal-Unjoni dejjem baqgħu, fl-opinjoni tiegħi, prudenti ferm fir-rigward ta’ dan il‑kunċett ( 34 ).

66.

It-tieni nett, fis-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, id-dritt tal-Istat emittenti jirregola r-responsabbiltà, il-penali u jistabbilixxi l‑entità koperta b’din il-penali, b’tali mod li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt tal-Istat emittenti.

67.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li minnu jirriżulta li d‑dritt kriminali tal-Istat emittenti japplika b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tal-ksur, jirrifletti l-prinċipjiu ta’ territorjalità tal-liġi kriminali. Din id-dispożizzjoni hija segwita mill-Artikolu 9(1) u (3) tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214, li, permezz tiegħu, minn naħa waħda, id‑dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni japplika għall-eżekuzzjoni tal-penali u, min-naħa l-oħra, penali finanzjarja imposta fuq persuna ġuridika għandha tiġi eżegwita, anki jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jirrikkonoxxix ir‑responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi.

68.

B’hekk, mingħajr ma jipproċedi għall-armonizzazzjoni tal‑liġijiet kriminali sostantivi u tal-liġijiet fil-qasam tal-eżekuzzjoni tal-penali, il‑leġiżlatur tal-Unjoni madankollu jiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarji fi ħdan l-Istati Stati bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ( 35 ).

69.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nqis li, fis-sistema tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214, il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” ma għandux jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu, iżda għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Istat emittenti.

70.

F’dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ din id-domanda preliminari, jiena naħseb li għandha titfakkar kemm il-ħtieġa tal-implimentazzjoni effettiva tal-penali finanzjarji kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal‑entitajiet imsemmija koperti minn dawn il-penali.

71.

Issa, f’dan il-każ, peress li l-entità ssanzjonata fil-Pajjiżi l-Baxxi ma għandhiex personalità (kapaċità) ġuridika sabiex tipparteċipa fi proċedura ta’ eżekuzzjoni fil-Polonja, id-diffikultà qiegħda fl‑implimentazzjoni prattika tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Huwa għalhekk evidenti li, sabiex penali finanzjarja li tkopri persuna ġuridika tkun tista’ tiġi eżegwita fi Stat Membru, din tal-aħħar għandu jkollha drittijiet u obbligi, li fin-nuqqas tagħhom l-eżekuzzjoni tal-penali ssir problematika.

72.

F’dan ir-rigward, ma hemmx dubju li sitwazzjoni li fiha l‑awtoritajiet Pollakki jagħtu, fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita bid‑Direttiva 2015/413, informazzjoni ma hijiex inkorretta, iżda xorta waħda inkompleta lill-kontropartijiet tagħhom ( 36 ), tikkawża preġudizzju kemm għall-għan ta’ din id-direttiva kif ukoll għal dak tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-fatt li l-proprjetarju tal‑vettura responsabbli tal-ksur huwa entità li fir-rigward tagħha l‑eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarja ma hijiex żgurata, tali eżekuzzjoni hija neċessarjament f’perikolu ( 37 ).

73.

Konsegwentement, għall-futur u sabiex tiġi żgurata s‑sostenibbiltà tas-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, huwa kruċjali li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jinsabu kemm fid-Direttiva 2015/413 kif ukoll f’din id-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri għandhom jagħtu, skont din id-direttiva, informazzjoni li tippermetti mhux biss li jiġi identifikat il-proprjetarju tal-vettura responsabbli mill-ksur, iżda wkoll li tiżgura l-eżekuzzjoni fl‑Unjoni kollha ta’ eventwali penali finanzjarja ( 38 ).

74.

Madankollu, tali rakkomandazzjonijiet jiswew biss għall-futur u ma jagħtux lill-qorti tar-rinviju risposta utli li jippermettulha tosserva, f’dan il-każ, l-obbligi li joħorġu mid-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

75.

F’dan ir-rigward, kif enfasizzajt fil-punt 66 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, fis-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, id-dritt tal‑Istat emittenti jirregola r-responsabbiltà, il-penali u jistabbilixxi l‑entità koperta minn din il-penali, filwaqt li d-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni japplika għall-eżekuzzjoni tal-penali mingħajr ma jkun possibbli għalih li jtellef l-eżekuzzjoni minħabba l-fatt li l-persuni ġuridiċi ma għandhomx drittijiet proċedurali li jippermettulhom jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

76.

B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali u mingħajr preġudizzju għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li, sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-penali finanzjarja, il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-entità ġuridikament responsabbli għall-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk bħala persuna ġuridika li għandha personalità (kapaċità) ġuridika u, għalhekk, bħala l‑entità ssanzjonata. It-talba taċ-CJIB tista’ għalhekk, skont l‑Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, tiġi ttrasferita lill-qorti kompetenti ta’ Varsavja fejn tinsab is-sede tagħha.

77.

Huwa veru li l-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza b’mod repetut l‑importanza tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fid-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ( 39 ) u li l-għan tagħha kien li tiffaċilita l-eżekuzzjoni tal‑penali finanzjarji filwaqt li tiżgura l-osservanza tal-garanziji adattati għall-persuni u l-entitajiet li kontrihom dawn il-penali huma eżegwiti.

78.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-eventwali ksur tad-drittijiet tal‑Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie jistgħu jkunu, jekk mhux ikkwalifikati, tal-inqas, ikkunsidrati skont il-partikolaritajiet tar‑relazzjonijiet tiegħu mal-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk. Fil-fatt, infakkar li, skont id-dritt Pollakk, il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie u l-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk jiffurmaw entità unika u li l-ewwel wieħed għandu personalità (kapaċità) ġuridika. Għalhekk, minn naħa waħda, il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie huwa responsabbli għall‑aġir tat-tieni wieħed. Min-naħa l-oħra, il-volontà tal-BGŻ BNP Paribas Gdańsk li ma jeżerċitax id-dritt għal smigħ u li ma jeżerċitax rimedji tista’ tiġi kkunsidrata bħal dik tal-entità unika.

79.

It-tieni nett, jista’ jiġi kkunsidrat li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali turi qabelxejn diffikultà interna ta’ funzjonament dovuta minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie u l-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk. Issa, sa fejn dawn tal-aħħar jikkostitwixxu entità unika, tali nuqqas ta’ komunikazzjoni ma għandux effett, għaliex l-atti tal-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, bħad-deċiżjoni tiegħu li ma jippreżentax rikors fil‑Pajjiżi l-Baxxi, huma imputabbli għall-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie.

80.

Fi kwalunkwe każ, huwa evidenti li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie għandu jkun f’pożizzjoni li jsostni d-drittijiet tiegħu fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

81.

B’hekk, fil-qafas tal-eventwali rikors kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni previst fl-Artikolu 611fh(2) taċ-CPP, huwa jista’ jargumenta li kien hemm preġudizzju sproporzjonat għad-drittijiet tiegħu bil-fatt li ma setax jaġixxi fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-evalwazzjoni ta’ tali preġudizzju u tan-natura proporzjonata tiegħu għandha ssir każ b’każ u taqa’, konsegwentement, fi ħdan il-qrati tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

82.

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” ma huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, iżda għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt tal‑Istat emittenti u li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” fis-sens ta’ din id‑deċiżjoni qafas tkopri entità li ma għandhiex personalità ġuridika bħall-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, bil-kundizzjoni li tkun tifforma entità organizzazzjonali ma’ entità li għandha l-personalità ġuridika.

VI. Konklużjoni

83.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mis‑Sąd Rejonowy Gdańsk-Południe w Gdańsku (il-Qorti Distrettwali tan-naħa ta’ isfel ta’ Gdańsk, il-Polonja):

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji, kif emendata bid‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni trażmessa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni u li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika għandha tiġi eżegwita mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, anki jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Deċiżjoni Qafas ma jipprevedux il-possibbiltà li tiġi eżegwita deċiżjoni li timponi penali fuq persuna ġuridika. Għal dan il-għan, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas ma għandhomx effett dirett, l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tinterpreta d‑dispożizzjonijiet nazzjonali, kemm jista’ jkun, fid-dawl tat-test u tal-għan tal-istess deċiżjoni qafas.

2)

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, kif emendata, bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandhom jiġu interperetati fis-sens li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” ma huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, iżda għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru emittenti. Il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” fis-sens ta’ din id‑deċiżjoni qafas tkopri entità li ma għandhiex personalità ġuridika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li tifforma unità organizzazzjonali ma’ entità li għandha personalità ġuridika.


( 1 ) Lingwa uffiċjali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2006, L 159M, p. 256, kif emendata bid‑Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24), iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2005/214”.

( 3 ) Iktar ’il quddiem iċ-“CJIB”

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk”. Din id-deċiżjoni ser tissejjaħ iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2016”.

( 5 ) C‑579/15, EU:C:2017:503.

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l‑iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas‑sikurezza fit-toroq (ĠU 2015, L 68, p. 9).

( 7 ) Dz. U. no89, punt 555, iktar ’il quddiem iċ-“CPP”.

( 8 ) Dz. U. no106, punt 1148.

( 9 ) Dz. U. no12, punt 114.

( 10 ) Dz. U. no90, punt 557.

( 11 ) Dz. U. no16, punt 93.

( 12 ) Dz. U. no43, punt 296.

( 13 ) Dz. U. no173, punt 1807.

( 14 ) Għal dawn tal-aħħar, minħabba r-rinviju magħmul mill-Artikolu 116b(1) tal‑Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi tal-Proċedura fil-Qasam tal-Kontravenzjonijiet.

( 15 ) Dz. U. no197, punt 1661.

( 16 ) C‑579/15, EU:C:2017:503.

( 17 ) Iktar ’il quddiem il-“Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie”.

( 18 ) Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti ta’ din id-deċiżjoni għandha, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, tittrażmetti tali deċiżjoni akkumpanjata minn ċertifikat, li jinsab anness ma’ din id-deċiżjoni qafas. Jekk il-penali tirrigwarda persuna ġuridika, it-Taqsima f) ta’ dan iċ-ċertifikat tirrikjedi li jingħata isimha, it-tip ta’ persuna ġuridika, sede ta’ reġistrazzjoni tagħha, kif ukoll deskrizzjoni u l-lokalizzazzjoni tal-proprjetà u tad-dħul tagħha.

( 19 ) L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jelenka r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji. Il-fatt li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix il-possibbiltà li tiġi eżegwita deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika ma huwiex inkluż ma’ dawn ir-raġunijiet.

( 20 ) Għal ħarsa ġenerali dwar id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali ftit żmien wara l‑adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, ara Adam, S., Colette-Basecqz, N., u Nihoul, M., La responsabilité pénale des personnes morales en Europe, Corporate Criminal Liability in Europe, La Charte, Bruxelles, 2008.

( 21 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, EU:C:2005:386, punti 3334). F’dan ir-rigward, nenfasizza, li l-pożizzjoni tal-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie li jsostni li, fin-nuqqas ta’ transpożizzjoni fid-dritt Pollakk tad‑dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 li jipprevedu l-possibbiltà li tiġi eżegwita f’dan l-Istat Membru deċiżjoni li timponi penali finanzjarja fuq persuna ġuridika, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas ma għandhomx iservu bħala bażi għall-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni fl-imsemmi Stat Membru, ma tistax tintlaqa’, għaliex hija twassal de facto sabiex jiġi kkontestat l-effett mandatorju tal‑imsemmija deċiżjoni qafas.

( 22 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C-573/17, EU:C:2019:530).

( 23 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C-573/17, EU:C:2019:530, punti 60 sa 71).

( 24 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C-573/17, EU:C:2019:530, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C-573/17, EU:C:2019:530, punti 73 sa 76).

( 26 ) Skont l-ispjegazzjonijiet diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diverġenzi ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali kif imfakkra fis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 77 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Anki jekk tali fatt ma għandux jinfluwenza lill-qorti tar-rinviju dwar il-possibbiltà li tipproċedi b’interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, nirrileva li, fin-nuqqas ta’ possibbiltà li jiġu applikati direttament id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u li tintlaqa’ t-talba taċ-CJIB fuq bażi oħra u mhux fuq il‑Kapitolu 66b taċ-CPP, l-interpretazzjoni konformi tad-dispożizzjonijiet taċ-CPP tikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex jiġi osservat l-effett obbligatorju ta’ din id‑deċiżjoni qaafs.

( 28 ) Tali pożizzjoni tapplika anki meta, f’kapitoli oħra tal-istess kodiċi, dan il-kunċett jinkludi biss l-persuni fiżiċi, għaliex il-Kapitolu 66b taċ-CPP jikkonċerna biss it‑talbiet magħmula fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u jirrigwardaw biss l‑eżekuzzjoni tal-penali finanzjarja u mhux il-proċedura kriminali bħala tali.

( 29 ) F’dan ir-rigward, nirrimarka li kien biss il-Bank BGŻ BNP Paribas Varsovie li intervjena matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li kienet din l-entità biss li tat il-mandat ta’ rappreżentazzjoni lill-avukati.

( 30 ) Kif juri b’mod ċar ħafna l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Fis-sistema ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu d-deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. L-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux għalhekk, bħala regola, jirrifjutaw li jeżegwixxu tali deċiżjoni ħlief għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti bid-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Konsegwentement, minkejja li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi penali finanzjarja tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa kkonċepit bħala eċċezzjoni li għandha tingħata interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 29), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41)).

( 31 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C-60/12, EU:C:2013:733, punt 26).

( 32 ) B’hekk, l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jippermetti li ssir distinzjoni bejn din id-domanda preliminari u s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683), u tal-14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733).

( 33 ) Infakkar, għall-finijiet utli kollha, li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandha tinstab interpretazzjoni awtonoma u uniformi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l‑kuntest tad-dispożizzjoni li fiha tinsab u l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni li minnha l-kunċett awtonomu jifforma parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 26)).

( 34 ) Għal rifjut impliċitu li jiġi interpretat dan il-kunċett b’mod awtonomu, ara d-digriet tal-24 ta’ Novembru 2009, Landtag Schleswig-Holstein vs Il-Kummissjoni (C‑281/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:728, punti 2022). Ninnota wkoll li, f’ċertu numru ta’ testi tad-dritt sekondarju bbażati fuq l-Artikolu 83(1) TFUE intiżi sabiex jistabbilixxu regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ ksur kriminali, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera għad-definizzjoni tal-“persuna ġuridika” fil-liġijiet nazzjonali u mhux għall-kunċett li għandha tkun il-Qorti tal‑Ġustizzja li tagħti interpretazzjoni awtonoma (ara, pereżempju, id-Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2017/541 tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il‑ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d‑Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU 2017, L 88, p. 6)).

( 35 ) Dan il-prinċipju jifforma l-bażi tal-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 kollha kemm hi u dik tal-Artikolu 6 ta’ dan it-test b’mod partikolari.

( 36 ) L-awtoritajiet Olandiżi, f’dan il-każ, identifikaw il-proprjetarju tal-vettura responsabbli tal-ksur, jiġifieri l-Bank BGŻ BNP Paribas Gdańsk, abbażi ta’ informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni maħruġa mir-reġistri ta’ reġistrazzjoni Pollakki. F’dan ir-rigward, huwa sorprendenti kif il-proprjetarju taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li huwa l-proprjetarju jew id-detentur tal-vettur huwa entità li ma għandhiex personalità (kapaċità) ġuridika.

( 37 ) Bħall-Gvern Olandiż, jiena naħseb li huwa ferm importanti li l-Istat emittenti jkun jista’ juża l-informazzjoni mogħtija mill-Istat ta’ eżekuzzjoni sabiex jistabbilixxi l‑persuna responsabbli tal-ksur tar-regoli tat-traffiku u jippenalizzaha.

( 38 ) Fil-każ fejn informazzjoni skorretta mogħtija twassal sabiex il-persuna li fuqha ġiet imposta penali finanzjarja ma tkunx il-persuna responsabbli tal-ksur, huwa neċessarju li jiġu previsti garanziji addizzjonali, bħall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura jew kawża għal kumpens, għall-benefiċċju ta’ din il-persuna.

( 39 ) Ara l-premessa 5 u l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas.