KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2019 ( 1 )

Kawża C‑143/18

Antonio Romano,

Lidia Romano

vs

DSL Bank – eine Niederlassung der DB Privat- und Firmenkundenbank AG, li kien DSL Bank – ein Geschäftsbereich der Deutsche Postbank AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2002/65/KE – Kuntratt ta’ self għall-konsum mill-bogħod – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali – Dritt ta’ rtirar – Eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar wara li l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur – Komunikazzjoni tal-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar lill-konsumatur – Kunċett ta’ konsumatur għall-finijiet tal-obbligi ta’ informazzjoni u tad-dritt ta’ rtirar – Restituzzjoni tal-benefiċċji li jkun irċieva professjonist”

1. 

Fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi finanzjarji mill-bogħod, u b’mod partikolari ta’ self iggarantit b’ipoteka, huwa leġittimu l-irtirar ta’ konsumatur, eżerċitat wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu, minħabba l-fatt li l-informazzjoni mogħtija mill-professjonist fuq l-istess dritt ta’ rtirar tkun konformi ma’ dik prevista mid-dritt tal-Unjoni iżda mhux mal-interpretazzjoni stabbilita tad-dritt nazzjonali applikabbli?

2. 

Fi kliem ieħor, l-allegat nuqqas ta’ informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar, kif irregolat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, f’dan il-każ ta’ protezzjoni ikbar tal-konsumatur meta mqabbel mad-dritt tal-Unjoni, jista’ jwassal għal dritt ta’ rtirar “perpetwu” għall-konsumatur?

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li nibda bl-analiżi tad-Direttiva 2002/65/KE, li hija intiża għall-armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji mill-bogħod, sejjer nesponi r-raġunijiet li għalihom, fir-rigward tad-dritt ta’ rtirar, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jidderogaw mid-dispożizzjonijiet previsti minn din id-direttiva, anki jekk id-deroga tkun iktar favorevoli għall-konsumatur.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/65 ( 2 ), intitolat “Informazzjoni lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt b’distanza [kuntratt mill-bogħod]”:

“1.   Fi żmien tajjeb qabel ma l-konsumatur jintrabat b’xi kuntratt ta’ distanza [kuntratt mill-bogħod] jew offerta, għandu jiġi provdut bl-informazzjoni li ġejja li tikkonċerna:

[…]

3)

il-kuntratt b’distanza [kuntratt mill-bogħod];

a)

l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 6 u, meta jeżisti d-dritt ta’ rtirar, id-dewmien tiegħu u l-kondizzjonijiet biex jiġi eżerċitat, inkluża informazzjoni dwar l-ammont li l-konsumatur jista’ jkun meħtieġ li jħallas abbażi tal-Artikolu 7(1), kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ dak id-dritt;

[…]”

5.

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/65, taħt it-titolu “Ħtiġiet addizzjonali ta’ informazzjoni”, jipprovdi:

“Fl-istennija ta’ iktar armonizzazzjoni, Stati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu disposizzjonijiet iktar strinġenti dwar ħtiġiet addizzjonali ta’ informazzjoni meta d-disposizzjonijiet huma in konformità mal-liġi Komunitarja”.

6.

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/65, taħt it-titolu “Komunikazzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali u ta’ l-informazzjoni minn qabel”:

“Il-fornitur għandu jikkomunika lill-konsumatur it-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali kollha u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4 bil-miktub u fuq kull medja oħra li sservi disponibbli u aċċessibbli għall-konsumatur fi żmien tajjeb qabel ma l-konsumatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta’ distanza [kuntratt mill-bogħod] jew offerta”.

7.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/65, intitolat “Id-dritt ta’ rtirar”, jipprovdi:

“1.   […]

Il-perjodu għall-irtirar għandu jibda:

[…]

mill-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali u l-informazzjoni skont l-Artikolu 5(1) jew (2), jekk dan hu iktar tard mid-data msemmija fl-ewwel inċiż.

[…]

2.   Id-dritt ta’ rtirar m’għandux japplika għal:

[…]

(c)

kuntratti li t-twettieq tagħhom ġie kompletat bis-sħiħ miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur qabel ma l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt ta’ rtirar m’ għandux japplika għal:

a)

kwalunkwe kreditu masħsub primarjament għall-iskop ta’ akwiżizzjoni jew żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà fl-art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat, jew għall-iskop ta’ rinovazzjoni jew titjib ta’ bini; jew

b)

kull kreditu assigurat jew b’ipoteka fuq proprjetà immobbli jew bi dritt relatat għal proprjetà immobbli, […]

[…]

6.   Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ irtirar għandu, qabel l-iskadenza tad-data perentorja rilevanti, jinnotifika l-istruzzjonijiet prattiċi li ġejjin mogħtija lilu skont l-Artikolu 3(1)(3)(d) b’mezzi li jistgħu jiġu ppruvati skont il-liġi nazzjonali. Iż-żmien perentorju għandu jitqies li ġie osservat jekk in-otifika, jekk hi bil-miktub jew fuq medja oħra li sservi disponibbli u aċċessibbli għar-reċipjent, tintbagħat qabel ma jiskadi ż-żmien perentorju”.

8.

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/65, intitolat “Il-Ħlas tas-servizz ipprovdut qabel l-irtirar”:

“1.   Meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar taħt l-Artikolu 6(1) jista’ biss ikun meħtieġ iħallas, mingħajr dewmien mhux dovut, għas-servizz attwalment ipprovdut mill-fornitur skont il-kuntratt. It-twettieq tal-kuntratt jista’ biss jibda wara li l-konsumatur ikun ta l-approvazzjoni tiegħu. […]

[…]

4.   Il-fornitur għandu, mingħajr dewmein mhux dovut u sa mhux iktar minn 30 jum skont il-kalendarju, jirritorna lill-konsumatur kull somma li jkun irċieva mingħandu skont il-kuntratt ta’ distanza, ħlief għall-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 Dan il-perjodu għandu jibda mill-jum li fih il-fornitur jirċievi n-notifika ta’ l-irtirar.

[…]”

B.   Id-dritt Ġermaniż

9.

L-Artikolu 312b tal-Bürgerliches Gesetzbuch (iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Kuntratti mill-bogħod”, fil-verżjoni applikabbli għall-każ inkwistjoni, jipprovdi:

“1.   ‘Kuntratti mill-bogħod’ għandhom ifissru l-kuntratti ta’ provvista ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi, inklużi s-servizzi finanzjarji, konklużi bejn professjonist u konsumatur permezz tal-użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, sakemm il-konklużjoni tal-kuntratt ma sseħħx fil-kuntest ta’ sistema organizzata ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod. ‘Servizzi finanzjarji’, fis-sens tal-ewwel sentenza, għandhom ifissru kwalunkwe servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas.”

10.

L-Artikolu 312d tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar u restituzzjoni fil-kuntratti mill-bogħod”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-każ inkwistjoni, jipprovdi:

“1.   Il-konsumatur li jkun ikkonkluda kuntratt mill-bogħod għandu dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 355. […].

2.   B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 355(2), it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss hekk kif il-professjonist iwettaq l-obbligi ta’ informazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 312c(2) […] u, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi, hekk kif jiġi konkluż il-kuntratt.

3.   Meta l-kuntratt ikun jirrigwarda l-provvista ta’ servizz, id-dritt ta’ rtirar jintemm anki fil-każijiet li ġejjin:

1.   fil-każ ta’ servizz finanzjarju, id-dritt ta’ rtirar jintemm meta l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu;

[…]

5.   Il-konsumatur lanqas ma jibbenefika minn dan id-dritt ta’ rtirar fil-kuntest ta’ kuntratti mill-bogħod li fir-rigward tagħhom huwa diġà għandu, abbażi tal-Artikoli 495 u 499 sa 507, id-dritt ta’ rtirar jew ta’ restituzzjoni skont l-Artikolu 355 jew l-Artikolu 356. Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għal dawn il-kuntratti.

6.   Fil-kuntratti mill-bogħod dwar servizzi finanzjarji, b’deroga mill-Artikolu 357(1), il-konsumatur huwa obbligat li jħallas kumpens għas-servizz ipprovdut, skont ir-regoli fuq id-dritt legali ta’ rtirar, biss fil-każ li huwa jkun ġie informat b’dawn l-effetti legali qabel il-kunsens kuntrattwali tiegħu u jekk huwa jkun espressament ta l-kunsens tiegħu sabiex il-professjonist jibda t-twettiq tas-servizz qabel ma jiskadi t-terminu ta’ rtirar”.

11.

Skont l-Artikolu 495 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar”:

“1.   Fil-kuntratt ta’ self għall-konsum, min jissellef għandu dritt ta’ rtirar konformement mal-Artikolu 355.”

12.

L-Artikolu 355 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti tal-konsumaturi”, fil-verżjoni applikabbli għall-każ inkwistjoni, jipprovdi:

“1.   Fil-każ fejn il-liġi tagħti lill-konsumatur id-dritt ta’ rtirar konformement ma’ din id-dispożizzjoni, dan tal-aħħar ma jibqax marbut bid-dikjarazzjoni ta’ volontà tiegħu għall-konklużjoni tal-kuntratt meta huwa jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu fit-terminu previst.

[…]

3.   Id-dritt ta’ rtirar jintemm sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-każ ta’ forniment ta’ oġġetti, dan it-terminu jibda jiddekorri biss mar-riċeviment tagħhom min-naħa tad-destinatarju. B’deroga għall-ewwel sentenza, id-dritt ta’ rtirar ma jintemmx fil-każ fejn il-konsumatur ma jkunx ġie debitament informat dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu; fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod relatati ma’ servizzi finanzjarji, dan id-dritt lanqas ma jintemm fil-każ fejn il-professjonist ma jkunx wettaq debitament l-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 312c(2)”.

II. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.

F’Ottubru 2007, żewġ konsumaturi kkonkludew mal-istitut ta’ kreditu DSL Bank – taqsima kummerċjali tad-Deutsche Postbank AG – kuntratt ta’ self għal proprjetà immobbli, intiż sabiex jiffinanzja l-akkwist tal-proprjetà immobbli okkupata minnhom.

14.

Il-kuntratt, ifformulat bħala self bi ħlas lura f’rati annwali, kien jipprevedi rata fissa ta’ interessi sal-31 ta’ Diċembru 2017. Il-kuntratt kien jipprevedi wkoll li d-debitur kellu jwettaq ħlas lura inizjali ta’ 2.00 % u li għall-perijodu sussegwenti kellu jħallas rati mensili ta’ EUR 548.53 bħala mgħaxijiet u kapital. Ir-rimbors kellu jibda fit-30 ta’ Novembru 2007 bil-ħlas tal-ewwel rata. Il-konċessjoni tas-self kienet, barra minn hekk, suġġetta għall-kostituzzjoni ta’ ipoteka bħala garanzija fuq il-proprjetà immobbli inkwistjoni.

15.

Il-proċedura ta’ konklużjoni tal-kuntratt żvolġiet kif ġej. DSL Bank bagħat lill-konsumaturi bil-miktub “proposta ta’ self” ikkumpilata minn qabel, flimkien ma’ dokument ta’ informazzjoni dwar l-istruzzjonijiet fuq l-irtirar, ir-riepilogu tar-rekwiżiti għall-ħlas, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, kif ukoll “skeda informattiva għall-konsumatur dwar is-self għall-finanzjament immobiljari” (iktar ’il quddiem l-“iskeda informattiva”).

16.

Id-dokument imsemmi kien jinforma, inter alia, lill-konsumaturi li “d-dritt ta’ rtirar jintemm b’mod prematur jekk il-kuntratt jiġi eżegwit fl-intier tiegħu u d-debitur ikun ta l-kunsens tiegħu espressament”.

17.

Il-konsumaturi ffirmaw il-proposta ta’ self, id-dokument ta’ informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar kif ukoll l-irċevuta tal-iskeda informattiva u bagħtu lil DSL Bank kopja ffirmata ta’ dawn id-dokumenti. Sussegwentement DSL Bank aċċetta l-proposta ta’ self.

18.

Għaldaqstant il-konsumaturi kkostitwew l-ipoteka miftiehma. Fuq talba tagħhom DSL Bank kien għadda l-flus mislufa filwaqt li l-konsumaturi pproċedew għall-ħlasijiet miftiehma.

19.

Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Ġunju 2016, il-konsumaturi ddikjaraw li jridu jirtiraw mill-kuntratt ta’ self peress li d-dokument ta’ informazzjoni, b’rabta mad-dritt ta’ rtirar, irriżulta li ma kienx konformi mad-dritt Ġermaniż.

20.

Minħabba l-assenza ta’ rikonoxximent tal-effikaċja tal-irtirar minn DSL Bank, il-konsumaturi adixxew lil-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn, il-Ġermanja) fejn talbuha tiddikjara li, wara l-irtirar, DSL Bank ma kienx jista’ jinvoka d-drittijiet ibbażati fuq il-kuntratt ta’ self. Barra minn hekk, huma talbu r-restituzzjoni, minn DSL Bank, tal-ammonti mħallsa sal-mument tal-irtirar kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens għall-użu.

21.

Il-qorti tar-rinviju tqis li d-dokument informattiv fuq id-dritt ta’ rtirar mogħti lid-debituri huwa bbażat fuq il-punt 1 tal-Artikolu 312d(3) tal-BGB, li jittrasponi l-Artikolu 6(2)(c) tad-Direttiva 2002/65. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali, il-Ġermanja) tqis li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal self għall-konsum, inklużi l-kuntratti konklużi mill-bogħod. Fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti, il-konsumatur għandu jgawdi minn dritt ta’ rtirar irregolat mhux bil-punt 1 tal-Artikolu 312d(2) tal-BGB, iżda bl-Artikolu 355(3) tal-BGB, moqri flimkien mal-Artikolu 495(1) tal-BGB, li jipprevedi li d-dritt ta’ rtirar ma jintemmx bis-sempliċi fatt li l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

22.

F’dan il-kuntest, peress li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/65, il-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(2)(c) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali jew prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix li, fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu mill-bogħod, l-irtirar huwa eskluż jekk il-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar eżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar?

2)

L-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(1), it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/65 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-kwistjoni ta’ jekk l-informazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali konformement mal-Artikolu 5(1) u mal-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva ġietx debitament ikkomunikata lill-konsumatur, u tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar minn dan tal-aħħar konformement mad-dritt nazzjonali, il-konsumatur li għandu jittieħed bħala referenza huwa l-konsumatur medju normalment informat, raġonevolment attent u avżat, fid-dawl tal-fatti rilevanti kollha u taċ-ċirkustanzi kollha marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda:

L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi li, wara li l-konsumatur ikun irtira mill-kuntratt ta’ self mill-bogħod, il-fornitur għandu mhux biss jagħti lura lill-konsumatur l-ammont li huwa kien irċieva mingħand dan tal-aħħar fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, iżda wkoll kumpens għall-użu ta’ dan l-ammont?”

III. Analiżi legali

A.   Id-Direttiva 2002/65: Armonizzazzjoni sħiħa, moviment liberu ta’ servizzi finanzjarji u protezzjoni tal-konsumatur

23.

Id-Direttiva 2002/65 tifforma parti minn proġett komplessiv tal-leġiżlatur tal-Unjoni intiż għat-twettiq ta’ suq integrat tal-istrumenti finanzjarji u tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom mill-bogħod. B’mod partikolari, hija tikkompleta d-Direttiva 97/7/KE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod ( 3 ) – illum imħassra u sostitwita bid-Direttiva 2011/83/UE ( 4 ) – li kienet teskludi l-istrumenti finanzjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

24.

F’dan il-kuntest, it-teknika tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali hija intiża għall-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi finanzjarji u sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tal-kuntratti mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji.

25.

Id-Direttiva 2002/65, għalhekk, hija intiża sabiex tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għall-implimentazzjoni ta’ suq Ewropew integrat tas-servizzi finanzjarji ( 5 ).

26.

Id-Direttiva 2002/65 hija waħda mid-direttivi li, sa mill-bidu tas-snin 2000, iwettqu r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jkun hemm tranżizzjoni minn livell ta’ armonizzazzjoni minima għal armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

27.

Il-ħtieġa tat-tranżizzjoni għal armonizzazzjoni kompleta ssib il-bażi tagħha fil-fatt li l-klawżola ta’ armonizzazzjoni minima – li kienet tippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, fis-sistema legali tagħhom, livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur ogħla minn dak previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – kienet wasslet għal frammentazzjoni tar-regoli applikabbli fid-diversi sistemi legali nazzjonali.

28.

Din il-frammentazzjoni, minn naħa, kienet tiskoraġġixxi l-operat transkonfinali tal-impriżi, li sikwit kellhom iħallsu spejjeż żejda sabiex jiksbu l-kompetenzi legali neċessarji bil-għan li josservaw il-provvedimenti legali tas-sistemi legali differenti u, min-naħa l-oħra, kienet twassal għal nuqqas ta’ fiduċja tal-konsumaturi li ma kinux jafu liema protezzjoni kienu effettivament ser jirċievu fid-diversi Stati Membri.

29.

L-istess Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tenfasizza – għalkemm fir-rigward tad-Direttiva 2005/29 ( 6 ) u tad-Direttiva 2008/48 ( 7 ), li jidħlu fl-istess proġett ta’ politika tad-dritt – li l-armonizzazzjoni kompleta f’sensiela ta’ setturi fundamentali hija “neċessarja sabiex jiġi żgurat, għall-konsumaturi kollha tal-Unjoni, livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb tal-kreditu għall-konsum” ( 8 ).

30.

Minħabba din l-għażla, fil-preżenza ta’ direttiva ta’ armonizzazzjoni kompleta, ebda Stat Membru ma jista’ jintroduċi derogi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, lanqas iktar favorevoli għall-konsumatur, sakemm dan ma jkunx ġie espressament awtorizzat fid-direttiva nnifisha ( 9 ).

31.

Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2002/65, huma numerużi l-elementi, ta’ natura sistematika, teleoloġika u letterali, li jwasslu sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala direttiva ta’ armonizzazzjoni kompleta hekk kif ġie indikat iktar ’il fuq.

32.

Il-premessa 12 ( 10 ), fil-fatt, tenfasizza l-effett negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern u fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi ta’ dispożizzjonijiet kunfliġġenti jew differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Għalhekk l-għan tad-direttiva huwa dak li jintroduċi regoli komuni fil-kuntest ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod.

33.

Kif spjegat fil-premessa 13 ( 11 ), għas-setturi armonizzati mid-Direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu dispożizzjonijiet differenti. Huwa biss fejn huwa previst espressament li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jidderogaw mis-sistema prevista mid-Direttiva.

34.

Eżempju ta’ dak iddikjarat fil-premessa 13 huwa d-dispożizzjoni tal-Artikolu 4(2) li tippermetti lill-Istati membri jintroduċu jew iżommu, fil-qasam ta’ informazzjoni preliminari, dispożizzjonijiet iktar strinġenti minn dawk tad-Direttiva, sakemm dawn ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

35.

Barra minn hekk, l-Artikolu 1 ( 12 ) jippreċiża li l-għan tad-Direttiva huwa dak “li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi ta’ l-Istati Membri”.

36.

Fl-aħħar nett, l-iskop li tiġi implimentata armonizzazzjoni kompleta fis-settur tal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji mill-bogħod jirriżulta wkoll mix-xogħlijiet preparatorji. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-fajl, il-portata tal-armonizzazzjoni kienet is-suġġett ta’ diskussjoni fil-fażijiet differenti tal-proċess leġiżlattiv.

37.

Sa mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet tirriżulta, fil-fatt, in-neċessità li l-Istati Membri ma jipprovdux dispożizzjonijiet differenti minn dawk previsti mid-Direttiva u fis-setturi armonizzati minnha bil-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-att regolatorju, jiġifieri li fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u t-twettiq tal-moviment liberu tas-servizzi finanzjarji ( 13 ).

38.

Fid-dawl ta’ dan, minn interpretazzjoni mhux biss letterali iżda fuq kollox teleoloġika jirriżulta li l-għan tad-Direttiva jimponi li derogi eventwali għad-dispożizzjonijiet previsti fiha għandhom jiġu permessi biss fejn din il-possibbiltà tingħata espressament lill-Istati Membri.

39.

Barra minn hekk, dawn tal-aħħar, fil-każ ta’ introduzzjoni jew żamma ta’ regola derogatorja huma meħtieġa jsegwu proċedura stabbilita mid-Direttiva nnifisha ( 14 ), li tista’ tippermetti lill-Kummissjoni tikkomunika lill-konsumaturi u lill-impriżi l-informazzjoni fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali, b’mod li ma jiġux ippreġudikati l-għanijiet ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva nnifisha.

40.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-moviment liberu tas-servizzi finanzjarji jippreżupponi armonizzazzjoni kompleta sabiex jiġu evitati diżugwaljanzi bejn Stati Membri b’mod partikolari fis-setturi bħall-kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod li għandha karattru intrinsiku tranżnazzjonali.

41.

Madankollu, il-miżuri adottati sabiex jiġi kkonsolidat is-suq intern ma jistgħux jippreġudikaw il-protezzjoni tal-konsumatur iżda għandhom pjuttost jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li jaġixxi fis-suq, kif indikat ukoll fil-premessa 1 ( 15 ).

42.

Fil-fatt, filwaqt li dawn ir-regoli komuni jirrikonċiljaw il-ħtieġa li jissaħħaħ is-suq intern ma’ dik li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, huma jimmiraw li jżidu l-fiduċja tal-konsumatur li jkun iktar predispost għall-kummerċ mill-bogħod ( 16 ).

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

43.

L-ewwel domanda preliminari, essenzjalment, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni li ġejja: jekk il-leġiżlazzjoni dwar l-obbligi ta’ informazzjoni prekuntrattwali u dik dwar id-dritt ta’ rtirar li jinsabu fid-Direttiva 2002/65 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi, fl-ipoteżi fejn il-konsumatur ma jkunx ġie informat b’mod adegwat dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali tad-dritt ta’ rtirar, il-possibbiltà ta’ rtirar f’kull mument, anki fil-każ fejn il-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur.

44.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar in-natura ta’ armonizzazzjoni kompleta tad-Direttiva 2002/65 titnissel b’mod linjari risposta fl-affermativ għad-domanda.

45.

Madankollu, għall-kompletezza, għandhom jiġu analizzati, anki jekk fil-qosor, il-kwistjonijiet legali konnessi.

46.

B’mod partikolari, jista’ jiġi osservat li l-protezzjoni tal-konsumatur hija implimentata fid-Direttiva, minn naħa, permezz tal-impożizzjoni ta’ diversi obbligi ta’ informazzjoni, anki f’fażi prekuntrattwali, fuq il-professjonist u, min-naħa l-oħra, permezz tal-għoti lill-konsumatur tal-possibbiltà li jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

47.

Id-dritt li jkun informat b’mod adegwat u d-dritt ta’ rtirar, għalkemm konnessi strettament, huma, madankollu, distinti strutturalment u huma rregolati b’mod iddifferenzjat fid-Direttiva 2002/65.

1. Fuq l-obbligi ta’ informazzjoni previsti mid-Direttiva 2002/65

48.

L-obbligu ta’ informazzjoni preliminari għandu rwol ewlieni fl-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2002/65 inkwantu, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi barra mil-lok tan-negozju, huwa l-preżuppost li minħabba fih il-konsumatur, bħala l-parti l-iktar dgħajfa, għandu jkollu għarfien sħiħ tad-drittijiet tiegħu. L-obbligu ta’ informazzjoni jikkostitwixxi, għalhekk, garanzija essenzjali ta’ eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-konsumatur u, ukoll, tad-dritt ta’ rtirar u, minħabba f’hekk, huwa neċessarju għat-twettiq tal-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi ( 17 ).

49.

Il-premessa 23 ( 18 ) tipprovdi, fil-fatt, li l-protezzjoni ottimali tal-konsumatur teħtieġ li dan ikun informat b’mod adegwat fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u li jkollu dritt ta’ rtirar.

50.

Barra minn hekk, meta dan jinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsumatur għandu jkun informat bin-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ rtirar meta huwa jitlob espliċitament l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ( 19 ).

51.

Bl-istess mod, fost l-informazzjoni preliminari li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, għandha tiġi nnotifikata l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt ta’ rtirar konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva.

52.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4 tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jżommu jew jintroduċu regoli iktar stretti fir-rigward tar-rekwiżiti fil-qasam ta’ informazzjoni preliminari, sakemm dawn ikunu konformi mid-dritt tal-Unjoni u jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

53.

Huwa ċar li leġiżlazzjoni iktar stretta tista’ tiġi introdotta mill-Istati Membri limitatament għall-ħtiġiet addizzjonali fir-rigward ta’ informazzjoni preliminari.

54.

Mill-fajl ma jirriżultax li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li hija riedet tibbenefika minn din il-possibbiltà ta’ deroga u, fi kwalunkwe każ, mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi żmien il-fatti, ma jirriżultax li kienu ġew introdotti, fir-rigward tad-Direttiva, rekwiżiti addizzjonali fil-qasam ta’ informazzjoni preliminari.

2. Fuq id-dritt ta’ rtirar

55.

Id-dritt ta’ rtirar, bħall-obbligu ta’ informazzjoni preliminari, għandu rwol ewlieni fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumatur fid-dritt tal-Unjoni, u jieħu s-sura ta’ dritt li l-konsumatur għandu li jbiddel il-fehma tiegħu.

56.

Il-ħsieb wara l-introduzzjoni ġġeneralizzata ta’ dan il-kunċett fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi jinsab fir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiġi eliminat l-iżbilanċ kuntrattwali li jikkaratterizza r-relazzjoni ma’ professjonist, billi l-konsumatur innifsu jingħata l-possibbiltà li jxolji r-rabta kuntrattwali fuq il-bażi ta’ bdil ta’ fehma suġġettiv li jista’ jiġi eżerċitat fi żmien stabbilit.

57.

Id-dritt ta’ rtirar irregolat mid-Direttiva 2002/65 huwa dritt unilaterali għall-protezzjoni tal-konsumatur li min-naħa tiegħu jista’ jirtira fi żmien erbatax‑il jum, mingħajr penali u mingħajr ma jkun obbligat jindika r-raġuni għal din l-għażla.

58.

L-unika ipoteżi li fiha d-dritt ta’ rtirar jintemm qabel dan il-perijodu, kif indikat fl-Artikolu 6(2)(c) tad-Direttiva 2002/65, teżisti għall-kuntratti li jkunu ġew eżegwiti fl-intier tagħhom miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

59.

Il-ħsieb wara din ir-regola jinsab fil-fatt li ma jkun hemm ebda raġuni għall-irtirar fil-każ li ż-żewġ partijiet ikunu eżegwew l-obbligi tagħhom b’tali mod li juru t-twettiq sħiħ tar-rieda kuntrattwali tagħhom. Għaldaqstant, f’din l-ipoteżi, l-intenzjoni hi li jiġi evitat li l-konsumatur, li jkun diġà wera u kkonferma r-rieda kuntrattwali tiegħu, jista’ jislet vantaġġ indebitu minn din il-bidla tardiva fil-fehma intiża sabiex jinkiseb l-annullament ta’ servizz li minnu diġà bbenefika.

60.

Madankollu, sabiex tiġi evitata l-possibbiltà li l-professjonist jabbuża minn din ir-regola, huwa previst li dan ikun marbut b’obbligu ta’ informazzjoni lill-konsumatur dwar l-estinzjoni tad-dritt ta’ rtirar fil-każ li dan ikun espressament talab l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu, anki jekk il-perijodu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar ikun għadu ma skadiex.

61.

Barra minn hekk, b’mod innovattiv b’kuntrast mar-regola preċedenti fil-qasam tal-kuntratti mill-bogħod ( 20 ), id-Direttiva 2002/65 tipprevedi l-obbligu li l-konsumatur jingħata informazzjoni preliminari dwar l-eżistenza jew l-assenza tad-dritt ta’ rtirar ( 21 ) kif ukoll istruzzjonijiet prattiċi għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ rtirar jekk dan ikun jeżisti ( 22 ).

62.

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2002/65 jipprevedi xi ipoteżijiet li fihom l-Istati Membri, dejjem billi jibagħtu komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ dan, jistgħu jgawdu mill-possibbiltà li “jipprovdu li d-dritt ta’ rtirar m’għandux japplika” f’diversi ipoteżijiet speċifiċi u eżawrjenti. Din il-possibbiltà ta’ deroga, li tirreferi għal ipoteżi ta’ esklużjoni tad-dritt ta’ rtirar u mhux ukoll għal twessigħ tal-possibbiltà ta’ eżerċizzju tal-istess dritt, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ u, fi kwalunkwe każ, minn din il-perspettiva mill-fajl lanqas ma tirriżulta komunikazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

63.

Fid-Direttiva 2002/65, għaldaqstant, ma jifdal ebda possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu regola tad-dritt ta’ rtirar derogatorja fil-konfront ta’ dik introdotta mill-istess direttiva, preċiżament għar-raġunijiet esposti hawn fuq fir-rigward tal-għażla ta’ politika tad-dritt tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipproċedi għal armonizzazzjoni kompleta f’dan il-qasam.

64.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jippermettu li tingħata risposta fl-affermativ għall-ewwel domanda preliminari.

65.

Madankollu, inħoss li għandi nagħmel xi osservazzjonijiet fil-qosor dwar iċ-ċirkustanza li, fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi osservata sovrappożizzjoni bejn il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt tal-konsumatur li jirtira minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż mill-bogħod u l-kontenut tal-obbligi ta’ informazzjoni preliminari tal-professjonist.

66.

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq jirriżulta li, minħabba n-natura ta’ armonizzazzjoni kompleta tad-Direttiva 2002/65, l-informazzjoni korretta skont id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt ta’ rtirar għandha tkun dik li mill-fajl tirriżulta li ngħatat lill-konsumatur u li tinsab ukoll fid-dritt nazzjonali Ġermaniż fir-rigward, b’mod ġenerali, tas-servizzi finanzjarji, b’applikazzjoni tad-Direttiva nnifisha.

67.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li fid-dritt nazzjonali Ġermaniż teżisti dispożizzjoni, li diġà kienet fis-seħħ qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/65 ( 23 ) u li kienet għadha fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha, b’interpretazzjoni stabbilita tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali), id-dritt ta’ rtirar fir-rigward ta’ kuntratti ta’ self għall-konsum, anki mill-bogħod, għandu jiġi rregolat b’mod differenti, billi de facto l-konsumatur jingħata dritt ta’ rtirar “perpetwu” meta l-istruzzjonijiet fuq l-irtirar ma jkunux regolari.

68.

Id-Direttiva 2002/65 ma tipprevedix konsegwenzi speċifiċi fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni, billi tillimita ruħha sabiex, fl-Artikolu 6(1), tipprevedi li l-perijodu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-konsumatur jibda jiddekorri mid-data li fiha l-konsumatur jirċievi l-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-informazzjoni preliminari jekk dik id-data tiġi wara dik tal-konklużjoni tal-kuntratt.

69.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 11 ( 24 ) tad-Direttiva 2002/65 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet effettivi fil-każ ta’ nuqqas tal-professjonist “li jikkonforma ma’ b’disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva” u li dawn is-sanzjonijiet, li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, u dissważivi, jistgħu jikkonsistu wkoll fid-dritt għall-konsumatur li “jikkanċella l-kuntratt fi kwalunkwe ħin, b’xejn u mingħajr penalità”.

70.

Fil-każ inkwistjoni, l-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar, skont kif jirriżulta mill-fajl, ġiet ikkomunikata mill-professjonist lill-konsumatur fiż-żmien u skont il-modalitajiet konformi mad-Direttiva 2002/65 u wkoll fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali “adottati skond” id-Direttiva.

71.

Ma jidhirx raġonevoli, għalhekk, li l-previżjoni tad-dritt nazzjonali Ġermaniż titqies bħala “sanzjoni” fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/65 iċċitat iktar ’il fuq.

72.

Il-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali jkun ippreveda fis-sistema legali tiegħu regolamentazzjoni tad-dritt ta’ rtirar limitata biss għall-kuntratti ta’ self għall-konsum, filwaqt li fir-rigward tal-kuntratti l-oħra ta’ servizzi finanzjarji jkun implimenta dak previst għad-dritt ta’ rtirar mid-Direttiva 2002/65, jirrappreżenta assenza ta’ koordinament mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 25 ) li, għalkemm tipprevedi dispożizzjoni iktar favur il-konsumatur, ma hijiex konformi mal-għanijiet ta’ armonizzazzjoni kompleta tad-Direttiva nnifisha.

73.

Fil-fatt, billi tipprevedi li għall-kuntratti ta’ self għall-konsum ma tkunx applikabbli l-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(2)(c), il-liġi nazzjonali, kif interpretata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali), żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni minn żewġ perspettivi: minn naħa, id-dritt ta’ rtirar huwa rregolat b’mod differenti minn dak previst mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/65 u, min-naħa l-oħra, ġie introdott kunċett ta’ servizz finanzjarju differenti u b’kontradizzjoni mal-kunċett li jissemma fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva, kif ukoll leġiżlazzjoni differenti tad-dritt ta’ rtirar skont it-tip ta’ servizz finanzjarju u t-tip ta’ kuntratt previst għal dan is-servizz.

74.

“Servizz finanzjarju”, fis-sens tad-Direttiva 2002/65, ifisser, fil-fatt, “kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”; u l-premessa 14 tippreċiża li s-servizzi finanzjarji koperti mid-Direttiva huma dawk kollha li jistgħu jiġu pprovduti mill-bogħod ( 26 ).

75.

Madankollu jibqa’ lok sabiex il-qorti nazzjonali tevalwa, fil-każ konkret, jekk il-konsumatur ikunx ġie informat mill-professjonist b’mod adegwat sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni prudenti u raġonevoli u jekk, għaldaqstant huwa jkunx assuma konsapevolment id-deċiżjoni tiegħu li jeżegwixxi l-kuntratt.

C.   Fuq it-tieni domanda preliminari

76.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kriterju tal-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat huwiex l-uniku riferiment li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura komprensibbli tal-informazzjoni preliminari u tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-konsumatur previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/65.

77.

Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta, għall-perijodu rilevanti f’dan il-każ, li hemm differenza bejn il-kunċett ta’ konsumatur medju adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja u dak iddefinit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

78.

Kif intwera iktar ’il fuq, l-għan tad-Direttiva 2002/65 huwa dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, li għandu jkun suffiċjentement informat dwar id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ( 27 ), inkluża l-informazzjoni dwar l-eżistenza jew l-assenza tad-dritt ta’ rtirar ( 28 ).

79.

Id-definizzjoni ta’ konsumatur li tinsab fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2002/65 ( 29 ) tirriżulta identika għal dik tad-Direttivi 2005/29 ( 30 ) u 93/13 ( 31 ) li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tagħti deċiżjoni, fejn iddikjarat li “konsumatur medju” ifisser konsumatur normalment informat, raġonevolment attent u avżat ( 32 ).

80.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba għall-ewwel darba sabiex tagħti interpretazzjoni tal-kunċett ta’ konsumatur fir-rigward tad-Direttiva 2002/65, fiha ma jista’ jinsilet ebda element li jista’ juri l-ħtieġa li jiġi adottat kunċett differenti fir-rigward ta’ dak stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-direttivi msemmija iktar ’il fuq fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur.

81.

Fl-assenza ta’ elementi f’sens kuntrarju u ta’ dispożizzjonijiet li jawtorizzaw derogi, huwa dan il-kunċett ta’ konsumatur li għalih għandu jsir riferiment ukoll fir-rigward tad-Direttiva 2002/65 u tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jittrasponuha.

82.

L-għan ta’ armonizzazzjoni kompleta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li tipproponi d-direttiva inkwistjoni, fil-fatt, iwassal għall-inklinazzjoni lejn l-adozzjoni neċessarja ta’ mudell ta’ konsumatur komuni għall-Istati Membri ( 33 ).

83.

Għandha tkun il-qorti nazzjonali, meta tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, li tivverifika jekk qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, kinitx ġiet ipprovduta lill-konsumatur l-informazzjoni preliminari kollha prevista mid-Direttiva. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni għandhom jiġu kkonstatati wkoll iċ-ċarezza u l-komprensibbiltà ta’ din l-informazzjoni ( 34 ), b’tali mod li l-konsumatur medju jkun jista’, fis-sens imsemmi hawn fuq, jevalwa l-elementi essenzjali kollha tal-kuntratt u, kif intqal, li jieħu deċiżjoni prudenti u raġonevoli.

D.   Fuq it-tielet domanda preliminari

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fir-rigward tal-ewwel u t-tieni domandi preliminari u tal-proposta ta’ risposta fl-affermattiv għall-istess domandi, inqis li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

85.

Għaldaqstant ser nillimita lili nnifsi għal ċerti osservazzjonijiet fil-qosor fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex issegwi l-proposta tiegħi.

86.

Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 jipprekludix regola nazzjonali li, b’konsegwenza tad-dikjarazzjoni ta’ rtirar mill-kuntratt ta’ self għall-konsum konkluż mill-bogħod, tipprevedi, flimkien mar-restituzzjoni tal-kapital imħallas, li l-professjonist iħallas lill-konsumatur kumpens għall-użu ta’ dan l-ammont.

87.

L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jirrikjedi li l-fornitur, wara l-eżerċizzju leġittimu tad-dritt ta’ rtirar, jirritorna lill-konsumatur “kull somma li jkun irċieva mingħandu skond il-kuntratt ta’ distanza”. Din id-dispożizzjoni tirregola esklużivament il-konsegwenzi tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, mingħajr ma tħalli spazju lill-Istati Membri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni differenti.

88.

Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti fir-rigward tal-proġett ta’ armonizzazzjoni implimentat mid-Direttiva 2002/65 u fin-nuqqas ta’ elementi f’sens kuntrarju, għandha tiġi eskluża l-possibbiltà li Stat Membru jirregola lill-konsumatur b’mod iktar favorevoli fir-rigward ta’ dak dovut lilu f’każ ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, billi jitħallas kumpens għall-allegati vantaġġi miksuba mill-persuna li tissellef.

89.

Barra minn hekk, kif enfasizzat ukoll il-Kummissjoni, il-limitazzjoni tar-rimbors mill-fornitur għall-ammonti mħallsa lilu konformement mal-kuntratt mill-bogħod tidher li hija raġonevoli anki fid-dawl tat-terminu qasir ta’ żmien previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar (erbatax‑il jum – perijodu estiż għal tletin jum għall-kuntratti mill-bogħod li għandhom bħala suġġett l-assigurazzjonijiet fuq il-ħajja fis-sens tad-Direttiva 90/619/KE u l-iskemi ta’ pensjoni individwali). F’dan il-kuntest, fil-fatt, l-identifikazzjoni ta’ vantaġġ konkret miksub mill-persuna li tissellef fi żmien daqshekk qasir tirriżulta li hija irraġonevoli.

IV. Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn, il-Ġermanja):

1)

L-Artikolu 6(2)(c) tad-Direttiva 2002/65/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza, li ma tipprevedix l-esklużjoni tad-dritt ta’ rtirar fil-kuntratti ta’ self konklużi mill-bogħod fil-każ li l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

2)

L-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(1), it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/65/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-komunikazzjoni regolari tal-informazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, konformement mal-Artikolu 5(1), mal-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-konsumatur għandhom jikkunsidraw bħala punt ta’ riferiment lill-konsumatur medju normalment informat, raġonevolment attent u avżat, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha li jakkumpanjaw il-konklużjoni tal-kuntratt.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifiki fil-ĠU 2006, L 114, p. 86, u fil-ĠU 2013, L 228, p. 14).

( 3 ) Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319).

( 4 ) Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

( 5 ) Ktieb aħdar intitolat “Servizzi finanzjarji: kif għandhom jiġu sodisfatti l-aspettativi tal-konsumaturi” (COM(96) 209 finali); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Servizzi finanzjarji: kif għandha tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur” (COM(97) 309 finali); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata “Il-kummerċ elettroniku u s-servizzi finanzjarji” (COM(2001) 66 finali); “Ktieb aħdar fuq is-servizzi finanzjarji bl-imnut fis-suq uniku” (COM(2007) 226 finali).

( 6 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22).

( 7 ) Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66).

( 8 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 42); fl-istess sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance (C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 21), u tat‑23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 51).

( 9 ) F’dan ir-rigward, din tissejjaħ armonizzazzjoni “immirata” (targeted harmonization), jiġifieri armonizzazzjoni li, għalkemm kompleta, tammetti – fejn dan ikun ġie espressament previst mill-att leġiżlattiv – li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet b’deroga għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

( 10 ) Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2002/65 li tipprovdi li “[l]-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li jikkonfliġġu jew differenti li jirregolaw it-tqegħid fis-suq b’distanza [mill-bogħod] ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur tista’ timpedixxi l-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni bejn ditti fis-suq. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu applikati regoli komuni f’livell Komunitarju f’dan il-qasam, konsistenti ma ebda tnaqqis fil-protezzjoni globali tal-konsumatur fl-Istati Membri”.

( 11 ) Ara l-premessa 13 tad-Direttiva 2002/65 li tipprovdi li “[l]ivell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għandu jiġi garantit b’din id-Direttiva, bl-iskop li jiġi assigurat il-moviment ħieles ta’ servizzi finanzjarji. L-Istati Membri m’għandhomx ikunu jistgħu jadottaw disposizzjonijiet barra minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva fl-oqsma li tarmonizza, sakemm mhux speċifikament indikat mod ieħor fiha”.

( 12 ) L-Artikolu 1(1) jipprovdi li “[l]-għan ta’ din id-Direttiva hija li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur”.

( 13 ) Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji lill-konsumaturi u li temenda d-Direttiva 90/619/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (COM(98) 468 finali) (ĠU 1998, C 385, p. 10, premessa 9).

( 14 ) L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/65.

( 15 ) Ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2002/65: “[h]uwa mportanti, fil-kuntest li jintlaħqu l-miri tas-suq singolu, li jiġu adottati miżuri maħsuba biex jikkonsolidaw progressivament dan is-suq u dawk il-miżuri għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, skond l-Artikoli 95 u 153 tat-Trattat”.

( 16 ) Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2002/65: “[…].Sabiex tiġi s-salvagwardata l-libertà ta’ l-għażla, li hija dritt essenzjali tal-konsumatur, grad għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur huwa meħtieġ sabiex tiġi mtejjba l-kunfidenza tal-konsumatur f’bejgħ b’distanza [mill-bogħod]”.

( 17 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín,C‑227/08, EU:C:2009:792, punti 2627.

( 18 ) Ara l-premessa 23 tad-Direttiva 2002/65 li tipprovdi li “[b]l-iskop ta’ protezzjoni ottima tal-konsumatur, huwa importanti li l-konsumatur huwa infurmat b’mod adegwat bid-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u b’kull kodiċi ta’ kondotta eżistenti f’dan il-qasam u li hu għandu dritt li jirtira”.

( 19 ) Ara l-premessa 24 tad-Direttiva 2002/65 li tipprevedi li “[m]eta d-dritt ta’ rtirar ma japplikax minħabba li l-konsumatur ikun talab espressament it-twettieq ta’ kuntratt, il-fornitur għandu jinforma lill-konsumatur b’dan il-fatt”.

( 20 ) Direttiva 97/7 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319).

( 21 ) Artikolu 3(1)(3)(a) tad-Direttiva 2002/65.

( 22 ) Artikolu 3(1)(3)(d) tad-Direttiva 2002/65.

( 23 ) It-tielet sentenza tal-Artikolu 355(3) tal-BGB.

( 24 ) Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/65, intitolat “Sanzjonijiet”, “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet approprjati fil-każ ta’ nuqqas ta’ fornitur li jikkonforma ma’ b’disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva. Jistgħu jipprovdu għal dan l-iskop b’mod partikolari li l-konsumatur jista’ jikkanċella l-kuntratt fi kwalunkwe ħin, b’xejn u mingħajr penalità”.

( 25 ) Traspożizzjoni kompleta u korretta tad-Direttiva għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ armonizzazzjoni li għalih hija intiża din ir-regola. U, għalhekk, għandu jitqies li anki regola nazzjonali preeżistenti għandha tiġi kkoordinata mar-regola ta’ traspożizzjoni.

( 26 ) Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2002/65 li tiddikjara li “[d]in id-Direttiva tkopri s-servizzi finanzjarji kollha li x’aktarx jiġu provduti b’distanza [mill-bogħod]. Madankollu, ċerti servizzi finanzjarji huma rregolati b’disposizzjonijiet speċifiċi ta’leġislazzjoni Komunitarja li jibqgħu japplikaw għal dawk is-servizzi finanzjarji. Madankollu, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji li jirregolaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’dawn is-servizzi”.

( 27 ) Ara l-premessa 23 tad-Direttiva 2002/65.

( 28 ) Punt 3 tal-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 3(3)(d) tad-Direttiva 2002/65.

( 29 ) Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2002/65, “‘konsumatur’ ifisser kull persuna fiżika li, f’kuntratti b’distanza koperti b’din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra n-negozju, l-kummerċ jew il-professjoni tagħha”.

( 30 ) Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2005/29, “‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha”.

( 31 ) Skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, “‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”.

( 32 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 47); tat‑8 ta’ Frar 2017, Carrefour Hypermarchés (C‑562/15, EU:C:2017:95, punt 31); tal-25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 56); tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 51); u tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 78).

( 33 ) Kif ippreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’riferiment għall-kunċett ta’ konsumatur iddefinit fid-Direttiva 2005/29, fis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C‑304/08, EU:C:2010:12, punt 41).

( 34 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 44, 45, 4748).