KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2019 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑80/18 sa C‑83/18

Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA) (C‑80/18)

Endesa Generación, SA (C‑82/18)

vs

Administración General del Estado,

Iberdrola Generación Nuclear SAU (C‑80/18 u C‑82/18)

u

Endesa Generación, SA (C‑81/18)

Iberdrola Generación Nuclear SAU (C‑83/18)

vs

Administración General del Estado (C‑81/18 u C‑83/18)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 191 TFUE – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Direttiva 2009/72/KE – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Artikoli 3(1) u (2) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Direttiva 2005/89/KE – Finanzjament tad-defiċit tariffarju – Taxxi imposti biss fuq kumpanniji li jużaw l-enerġija nukleari għall-produzzjoni tal-elettriku”

I. Introduzzjoni

1.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 191(2) TFUE, tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, ( 2 ) tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista ta’ l-elettriku u ta’ l-investiment fl-infrastruttura, ( 3 ) u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”).

2.

It-talbiet tressqu fi proċeduri bejn, minn naħa, l-Asociación Española de la industria eléctrica (l-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Industrija Elettrika, iktar ’il quddiem “Unesa”), Endesa Generación (iktar ’il quddiem “Endesa”) u Iberdrola Generación nuclear SA (iktar ’il quddiem “Iberdrola”) u, min-naħa l-oħra, l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja) dwar il-validità tat-taxxi fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit, skart radjuattiv li ġej mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari u l-ħażna ta’ tali kombustibbli u skart.

3.

Dawn it-talbiet jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 u l-obbligi imposti fuq Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu fl-oqsma koperti minn din id-direttiva. B’mod partikolari, waħda mill-kwistjonijiet ewlenin imqajma minn dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari hija jekk id-dispożizzjonijiet tan-nondiskriminazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 jistgħux japplikaw għal miżura ta’ tassazzjoni adottata mir-Renju ta’ Spanja fl-2012.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Direttiva 2009/72

4.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72 huwa intitolat “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”. Dan jipprovdi li d-direttiva “tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

5.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/72, “ġenerazzjoni” tfisser il-produzzjoni tal-elettriku.

6.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72 huwa intitolat, “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”. Fl-ewwel żewġ paragrafi tiegħu jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jiħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.

2.   B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 [106 TFUE] tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda kif ukoll il-kisba tal-għanijiet ambjentali u tal-għanijiet fir-rigward tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perjodu fit-tul, meta titqies il-possibilità li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.”

2. Direttiva 2005/89

7.

L-Artikolu 3(1) u (4) tad-Direttiva 2005/89 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku billi jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiffaċilitaw klima ta’ investiment stabbli u billi jiddefinixxu l-irwoli u r-responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet regolatorji fejn relevanti, u l-atturi relevanti kollha tas-suq, u jippubblikaw informazzjoni dwarhom. […]

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull miżura adottata skond din id-Direttiva tkun non-diskriminatorja u ma timponix piż eċċessiv fuq l-atturi tas-suq, inklużi l-atturi ġodda fis-suq u l-kumpanniji b’ishma żgħar fis-suq. […]”

8.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/89 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex iżommu bilanċ bejn id-domanda għall-elettriku u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli.”

B.   Id-dritt Spanjol

9.

Il-preambolu tal-Ley 15/2012, de 27 de diciembre, de medidas fiscales para la sostenibilidad energética (il-Liġi 15/2012 tas-27 ta’ Diċembru 2012 dwar Miżuri Fiskali għal Enerġija Sostenibbli ( 4 )), jipprovdi:

“I

L-għan ta’ din il-Liġi huwa li s-sistema fiskali tagħna tiġi adattata għal użu iktar effiċjenti u favur l-ambjent u għall-żvilupp sostenibbli […]

[…]

Il-bażi ta’ din il-Liġi huwa l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni, li hija dispożizzjoni li fiha l-protezzjoni tal-ambjent tagħna ssir waħda mill-prinċipji gwida tal-politika soċjali u ekonomika. Għalhekk, wieħed mill-assi ta’ din ir-riforma fiskali huwa li jiġu internalizzati l-ispejjeż ambjentali li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku u mill-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit jew ta’ skart radjuattiv. B’dan il-mod, [din] il-Liġi għandha sservi bħala stimolu għat-titjib tal-livelli ta’ effiċjenza enerġetika tagħna filwaqt li fl-istess ħin tiżgura ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali u tkompli ttejjeb il-mudell ġdid ta’ żvilupp sostenibbli, kemm mil-lat ekonomiku u soċjali, kif ukoll mil-lat ambjentali.

[…]

Għal dan il-għan, dan l-Att jirregola tliet taxxi ġodda: it-taxxa fuq il-valur tal-produzzjoni tal-elettriku, it-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari, u t-taxxa fuq il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati […]

III

[…]

Il-produzzjoni tal-elettriku bl-użu tal-enerġija nukleari timplika l-aċċettazzjoni mis-soċjetà ta’ numru ta’ piżijiet u obbligi, minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ din it-tip ta’ enerġija, li l-impatt ekonomiku tagħha huwa diffiċli li jiġi ddeterminat. Is-soċjetà għandha tassumi firxa wiesgħa ta’ responsabbiltajiet li jirriżultaw minn aspetti speċifiċi ta’ din il-produzzjoni, bħall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv iġġenerat u l-użu possibbli ta’ materjali għal skopijiet mhux paċifiċi.

[…] L-evalwazzjoni tal-ispiża totali tal-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u l-ġestjoni finali ta’ skart radjuattiv għad għandha inċertezzi sinjifikattivi li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw lis-soċjetà wara l-waqfien tal-operat ta’ impjanti tal-enerġija nukleari, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni finali tal-kombustibbli nukleari eżawrit u skart ta’ livell għoli.

Għalhekk, minħabba l-ħajja twila ta’ ċertu skart radjuattiv, li jestendi fuq ġenerazzjonijiet, huwa essenzjali li, wara l-ġestjoni finali tiegħu, jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni li aġent estern jikkawża r-rilaxx tiegħu fl-ambjent jew kwalunkwe effetti negattivi oħra, li jeżiġi monitoraġġ istituzzjonali fit-tul, li jkun ir-responsabbiltà tal-Istat.

Karatteristika distintiva oħra tal-industrija tal-enerġija nukleari hija l-użu u l-produzzjoni ta’ materjali li għandhom jiġu kkontrollati b’mod strett sabiex jiġi evitat l-użu tagħhom għal skopijiet mhux paċifiċi jew kwalunkwe tip ieħor ta’ att malizzjuż permezz tagħhom, li jġiegħel lil Spanja […] tassumi r-responsabbiltajiet konsegwenti u, għalhekk, li tipprovdi riżorsi sabiex jiġu indirizzati.

Għalhekk, l-Istat għandu jipprovdi r-riżorsi meħtieġa sabiex l-pjanijiet ta’ emerġenza nukleari eżistenti jibqgħu operattivi.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa xieraq li tiġi stabbilita imposta fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’installazzjonijiet nukleari u fuq il-ħażna tagħhom f’faċilitajiet iċċentralizzati sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż li s-soċjetà jkollha tħallas minħabba din il-produzzjoni.

[…]”

10.

L-Artikolu 12 tal-Liġi 15/2012 jipprovdi:

“Natura. It-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li ġej mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari u t-taxxa fuq il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’faċilitajiet iċċentralizzati huma taxxi diretti ta’ natura reali, li huma imposti fuq attivitajiet, inklużi l-avvenimenti rispettivi li jagħtu lok għal responsabbiltà, li huma ddefiniti fl-Artikoli 15 u 19 ta’ din il-Liġi.”

11.

L-Artikolu 15 tal-Liġi 15/2012 jipprovdi:

“Il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mill-produzzjoni ta’ elettriku nukleari tikkostitwixxi l-fatt taxxabbli”.

12.

L-Artikolu 19 tal-Liġi 15/2012 jipprovdi:

“Il-fatt taxxabbli huwa l-attività tal-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv f’faċilità ċentrali.

Għall-finijiet ta’ din it-taxxa, il-ħażna ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv tfisser kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-immobilizzazzjoni temporanja jew permanenti tagħhom, bi kwalunkwe mod, u installazzjoni ċentrali tfisser faċilità li tista’ taħżen tali materjali ġej minn installazzjonijiet jew postijiet ta’ oriġini differenti.”

13.

It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 15/2012, dwar l-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku, tipprovdi:

“Kull sena, il-liġijiet finanzjarji ġenerali tal-Istat jallokaw fondi għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku previsti fl-Artikolu 16 ta’ Ley 54/1997, de 27 de noviembre, del Sector Eléctrico [il-Liġi Nru 54/1997 tas-27 ta’ Novembru 1997 dwar is-settur tal-elettriku] f’ammont ekwivalenti għas-somma ta’: (a) stima tal-ammonti annwali miġbura mill-Istat bħala imposti u t-taxxi inklużi f’din il-Liġi; (b) id-dħul stmat iġġenerat mill-irkant ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’massimu ta’ EUR 500 miljun.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

14.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kumpanniji li jipproduċu l-elettriku, b’mod partikolari ta’ oriġini nukleari. Huma ppreżentaw rikors quddiem l-Audiencia Nacional (il-Qorti Għolja Nazzjonali, Spanja) kontra ordni statutorja li tapprova l-formoli meħtieġa għall-awtovalutazzjoni u l-ħlas tat-taxxi fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li ġej mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari u fuq il-ħażna ta’ tali kombustibbli nukleari u skart f’faċilitajiet ċentrali (iktar ’il quddiem it-“taxxi fuq l-iskart nukleari”). L-ilment essenzjali tagħhom huwa li dan it-tip ta’ tassazzjoni jammonta, fil-fatt, għal tip ta’ tassazzjoni speċjali fuq il-produtturi tal-enerġija nukleari li joħloq distorsjoni fis-suq Spanjol tal-elettriku u li dan għandu jiġu kkunsidrati bħala illegali, kemm fid-dawl tal-liġi kostituzzjonali nazzjonali kif ukoll fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

15.

Wara ċ-ċaħda tar-rikors tagħhom, dawn il-kumpanniji appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju fit-30 ta’ Ottubru 2014.

16.

Skont il-qorti nazzjonali, l-għan ta’ dawn it-taxxi fuq l-iskart nukleari huwa li jiżdied il-volum ta’ dħul fis-sistema finanzjarja tal-elettriku sabiex il-produtturi tal-enerġija nukleari jassumu sehem ikbar mill-finanzjament tad-“defiċit tariffarju” ( 5 ) minn produtturi oħra tal-enerġija.

17.

Fl-opinjoni ta’ dik il-qorti, isseħħ distorsjoni tal-kompetizzjoni ħielsa fis-suq tal-elettriku jekk ċerti impriżi jiġu ntaxxati minħabba l-forma tal-produzzjoni tagħhom, anki jekk l-imposta ma tirrigwardax direttament il-produzzjoni tal-elettriku nnifisha jew l-elettriku prodott, imma l-kombustibbli u l-iskart u l-ħażna tal-mezzi użati għal dan il-għan, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. Barra minn hekk, tali differenza fit-trattament tista’ tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jekk jiġi stabbilit li l-istituzzjoni tagħhom ma hijiex ibbażata fuq il-protezzjoni tal-ambjent u li ġew introdotti għal raġunijiet relatati biss mad-defiċit tariffarju.

18.

B’digriet tat-12 ta’ April 2016, il-qorti tar-rinviju ordnat li l-kwistjoni tal-antikostituzzjonalità ta’ dawn it-taxxi tintbagħat lit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja), fuq il-bażi li dawn jistgħu jkunu qegħdin jiksru l-prinċipju ta’ kapaċità ekonomika stabbilit fl-Artikolu 31(1) tal-Kostituzzjoni Spanjola. Madankollu, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li r-riferiment tal-kwistjoni tal-antikostituzzjonalità kienet inammissibbli, peress li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kienet esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u hija kellha qabelxejn tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, fis-sens tal-Artikolu 191(2) [TFUE], flimkien mal-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta], li jistabbilixxu l-prinċipji fundamentali ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni, protetti mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/72/KE, sa fejn huwa intiż, fost finalitajiet oħra, għat-twettiq ta’ suq tal-elettriku kompetittiv u nondiskriminatorju li jista’ jinbidel biss għal raġunijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali, inkluża l-protezzjoni tal-ambjent, jipprekludi l-introduzzjoni ta’ taxxi li japplikaw biss fir-rigward ta’ kumpanniji ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li jużaw enerġija nukleari, meta l-għan ta’ dawn it-taxxi ma tkunx il-protezzjoni tal-ambjent iżda ż-żieda fil-volum tas-sistema finanzjarja tal-enerġija elettrika b’mod li dawn il-kumpanniji jikkontribwixxu iktar għall-finanzjament tad-defiċit tariffarju minn kumpanniji oħra li jwettqu l-istess attività?

(2)

F’suq tal-elettriku kompetittiv u nondiskriminatarju, il-leġiżlazzjoni Ewropea tippermetti l-impożizzjoni ta’ taxxi ambjentali abbażi tat-tniġġis ikkawżat mill-attivitajiet nukleari, mingħajr ebda dispożizzjoni konkreta f’dan ir-rigward u bil-ġustifikazzjoni tal-preambolu tal-liġi Spanjola, bil-konsegwenza li, fir-rigward tat-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv, id-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-liġi ma jispeċifikawx liema huma l-ispejjeż li għandhom jiġu koperti u, fir-rigward tal-ħażna ta’ skart radjuattiv, id-dispożizzjonijiet vinkolanti daqstant ieħor ma jispeċifikawx dan, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż ta’ ġestjoni u ta’ ħażna huma diġà koperti b’imposti oħra, u barra minn hekk, ma humiex speċifikati b’mod ċar il-finijiet tal-fondi miġbura, u tal-fatt li l-kumpanniji inkwistjoni huma marbuta jassumu responsabbiltà ċivili f’ammont ta’ EUR 1.2 miljun f’dan ir-rigward?

(3)

Ir-rekwiżit tal-Artikolu 3[2] [tad-Direttiva 2009/72], li jeżiġi li jiġu imposti obbligi abbażi tal-interess ekonomiku ġenerali, inkluża l-protezzjoni tal-ambjent, li għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorju u verifikabbli, jiġi osservat jekk l-għan ambjentali u l-karatteristiċi essenzjali li jiddefinixxu t-taxxi ambjentali ma jkunux speċifikati fid-dispożizzjoni li jkollha saħħa ta’ liġi?

(4)

Il-prinċipji ta’ ‘min iniġġes iħallas’, previst fl-Artikolu 191(2) [TFUE], ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni, previsti fl-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta]u l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2005/89/KE, sa fejn huma intiżi li jiżguraw ‘il-funzjonament korrett tas-suq intern tal-elettriku’, u li l-Istati Membri jiżguraw ‘li kull miżura adottata skond din id-Direttiva tkun non-diskriminatorja u ma timponix piż eċċessiv fuq l-atturi tas-suq, inklużi l-atturi ġodda fis-suq’ jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-kumpanniji tal-elettriku kollha (għajr il-kumpanniji li jipproduċu l-idroelettriku, li huwa kklassifikat bħala enerġija rinnovabbli) jiffinanzjaw id-defiċit tariffarju, iżda li tissuġġetta lill-impriżi ta’ produzzjoni ta’ elettriku nukleari għal imposti fiskali partikolarment iebsa, b’mod li jkollhom jikkontribwixxu iktar minn impriżi oħra fis-suq tal-enerġija, li wħud minnhom iniġġsu iktar iżda ma jkunux suġġetti għal dawn it-taxxi, abbażi tal-protezzjoni tal-ambjent fid-dawl tar-riskji u tal-inċertezzi li jirriżultaw mill-attivajiet nukleari, mingħajr ma jispeċifikaw la l-ispejjeż u lanqas il-finijiet tal-fondi miġbura (fid-dawl tal-fatt li l-ġestjoni tal-iskart u l-ħażna huma diġà suġġetti għal taxxi oħra, u li kumpanniji tal-produzzjoni nukleari jassumu responsabbiltà ċivili), sa fejn din il-leġiżlazzjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni libera meħtieġa mil-liberalizzazzjoni tas-suq intern billi tiffavorixxi kumpanniji oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku li ma jkunux suġġetti għal taxxi ambjentali inkluż fil-każ li jirrikorru għal sorsi ta’ produzzjoni li jniġġsu iktar?

(5)

L-Artikolu 191(2) [TFUE], jiġifieri l-‘prinċipju ta’ min iniġġes iħallas’, jipprekludi taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku nukleari imposta biss fuq l-industrija tal-produzzjoni nukleari, bl-esklużjoni ta’ kull settur ieħor li jista’ jipproduċi tali skart, li jfisser li impriżi oħra li jużaw materjal jew sorsi nukleari ma jiġux intaxxati, minkejja li jkollhom impatt fuq l-ambjent li għandu jiġi protett?”

20.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Spanjol, u mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, kollha ppreżentaw sottomissjonijiet orali matul is-seduta tat-28 ta’ Frar 2018.

V. Analiżi

21.

Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, jien ser nillimita l-osservazzjonijiet tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet għall-ewwel żewġ domandi li huma s-suġġett tar-rinviju magħmul mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Jiena ser neżamina dawn id-domandi sa fejn jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, peress li d-dispożizzjonijiet l-oħra invokati insostenn tagħhom huma inammissibbli jew mhux meħtieġa.

22.

L-ewwel nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 hija s-suġġett tat-tielet domanda. It-tieni nett, ma huwiex neċessarju li jiġu interpretati l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, billi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie espress b’mod konkret fil-qasam tas-suq tal-elettriku fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72. It-tielet nett, l-Artikolu 191(2) TFUE jipprovdi li l-politika tal-UE dwar l-ambjent għandha timmira għal livell għoli ta’ protezzjoni u għandha tkun ibbażata, inter alia, fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi l-għanijiet ambjentali ġenerali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-Artikolu 192 TFUE jagħti lil-leġiżlatur tal-UE r-responsabbiltà li jiddeċiedi dwar liema azzjoni għandha tittieħed sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Konsegwentement, kif ġustament osservaw il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, peress li l-Artikolu 191(2) TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, jirreferi għal azzjoni fil-livell tal-UE, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala tali minn individwi sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’qasam kopert minn politika ambjentali li fir-rigward tiegħu ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE adottata abbażi tal-Artikolu 192 TFUE li tkopri speċifikament is-sitwazzjoni inkwistjoni. ( 6 ) Għandu jiġi nnotat li la d-Direttiva 2009/72 u lanqas id-Direttiva 2005/89 (li hija invokata wkoll mill-qorti tar-rinviju) ma ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 175 KE, li sar l-Artikolu 192 TFUE.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien naħseb li l-ewwel żewġ domandi jistgħu jitwieġbu flimkien peress li permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi taxxi fuq il-produzzjoni u l-ħażna ta’ kombustibbli u skart nukleari, li huma imposti biss fuq impriżi tal-elettriku li jużaw l-enerġija nukleari u li l-għan ewlieni tagħha ma huwiex il-protezzjoni tal-ambjent imma ż-żieda fil-volum tad-dħul sabiex jiġi kkumpensat id-defiċit tariffarju.

A.   Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72

24.

L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/72 fuq taxxi bħat-taxxi fuq l-iskart nukleari inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25.

Skont il-Gvern Spanjol, din id-direttiva sempliċement tistabbilixxi regoli komuni għall-organizzazzjoni tas-suq intern tal-elettriku mingħajr ma taffettwa l-kompetenza fiskali tal-Istati Membri. Il-Gvern Spanjol isostni li t-taxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati fuq il-bażi ta’ din il-kompetenza.

26.

Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu ‑ u l-qorti tar-rinviju tidher li taqbel ‑ li t-taxxi fuq l-iskart nukleari għandhom impatt, għalkemm indirett, fuq l-aċċess tal-produtturi tal-enerġija nukleari għas-suq tal-elettriku b’mod ugwali bħall-produtturi tal-enerġija mhux nukleari. B’dan il-mod, dawn it-taxxi inevitabbilment jaffettwaw l-ispejjeż ta’ dawn l-ewwel kumpanniji, li jista’ jkollu impatt fuq il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tal-elettriku taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali. Bl-impożizzjoni ta’ taxxi fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u skart radjuattiv li ġej mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari u fuq il-ħażna ta’ tali kombustibbli nukleari użat u skart radjuattiv f’faċilitajiet ċentrali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi obbligi fuq kumpanniji tal-elettriku nukleari li joperaw fis-suq tal-elettriku, u jistgħu għalhekk ikunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72, li għandha l-għan li tistabbilixxi regoli komuni fil-kuntest ta’ dan is-suq.

27.

Jien ma naqbilx ma’ din l-aħħar interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 għar-raġunijiet li ġejjin.

28.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-UE huwa ddeterminat bil-metodi ta’ interpretazzjoni regolari aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ifisser li għandhom jiġu eżaminati l-formulazzjoni, l-istruttura u l-għanijiet tad-Direttiva 2009/72. ( 7 )

29.

L-ewwel nett, l-Artikolu 1 tad-direttiva jipprovdi li “tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità.” ( 8 )

30.

B’din il-formulazzjoni, id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva tista’ tidher wiesgħa, billi tinkludi l-“ħajja” kollha tal-elettriku, mill-produzzjoni tiegħu sal-provvista tiegħu lill-konsumatur. Il-leġiżlatur, madankollu, jindirizza dan il-proċess minn perspettiva speċifika, jiġifieri t-titjib u l-integrazzjoni tas-swieq kompetittivi tal-elettriku fl-Unjoni.

31.

It-tieni nett, anki jekk din id-direttiva tfittex li tilħaq firxa usa’ ta’ għanijiet bħall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent, ( 9 ) is-suq intern huwa “l-għan ewlieni”. ( 10 ) L-enfasi għadha fuq l-aċċess transkonfinali għal fornituri ġodda ta’ elettriku minn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll għal fornituri ġodda ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija. ( 11 ) Kif spjegat fil-premessa 59 tad-Direttiva 2009/72, “[l]-iżvilupp ta’ suq intern veru fl-elettriku, permezz ta’ netwerk ta’ konnessjonijiet fil-Komunità, għandu jkun wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ din id-Direttiva”. Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2009/72 hija intiża essenzjalment għall-istabbiliment ta’ suq intern miftuħ u kompetittiv fl-elettriku li jippermetti lill-konsumaturi li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u lil dawn il-fornituri jikkunnsinjaw liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, joħolqu kundizzjonijiet ugwali f’dan is-suq, jiżguraw provvista sikura tal-enerġija u politika sostenibbli dwar it-tibdil fil-klima. ( 12 )

32.

It-tielet nett, it-taxxi fuq l-iskart nukleari inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkonċernawx il-produzzjoni jew il-konsum tal-elettriku iżda kombustibbli nukleari eżawrit u skart radjuattiv li ġej mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari (u l-ħażna ta’ tali kombustibbli u skart nukleari). Jista’ jiġi ovvjament irrikonoxxut li l-kombustibbli nukleari eżawrit u l-iskart radjuattiv huma inerenti għall-proċess tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari. ( 13 ) Madankollu, din ma hijiex raġuni biżżejjed biex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72.

33.

Fil-fatt, għalkemm il-kelma “ġenerazzjoni” tintuża fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72 u hija ddefinita mill-Artikolu 2(1) bħala “il-produzzjoni tal-elettriku”, dan il-kunċett huwa żviluppat fil-Kapitolu III. Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “ġenerazzjoni” huwa limitat għar-regoli li jirregolaw il-kostruzzjoni ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida u l-proċedura ta’ sejħa għal offerti għal kapaċità ġdida.

34.

Barra minn hekk — u, forsi, l-iktar importanti — anki jekk jiġi aċċettat li taxxa bħat-taxxi fuq l-iskart nukleari jista’ jkollha impatt fuq l-aċċess tal-produtturi tal-enerġija nukleari għas-suq tal-elettriku, id-Direttiva 2009/72 ma fiha l-ebda regola fil-qasam tat-tassazzjoni.

35.

Dan ma setax ikun mod ieħor peress li d-Direttiva 2009/72 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95(1) KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE), skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 KE, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 95 KE kien jipprovdi li l-ewwel paragrafu ma japplikax għal dispożizzjonijiet fiskali.

36.

Ir-rieda tal-Istati Membri li jżommu l-kompetenza għat-tassazzjoni fil-qasam tal-elettriku saret saħansitra iktar ċara mill-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 194(2) TFUE jipprovdi li l-miżuri sabiex jintlaħaq l-għan tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, b’mod unanimu, meta l-miżuri huma “essenzjalment ta’ natura fiskali”.

37.

Kif diġà indikajt, jien għalhekk nemmen li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 huwa limitat għall-ġenerazzjoni, għat-trażmissjoni, għad-distribuzzjoni u għall-provvista tal-elettriku. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni tal-armonizzazzjoni tat-taxxa hija importanti. Hawnhekk ġiet adottata miżura leġiżlattiva fil-livell tal-UE. Huwa veru li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 sempliċement jistabbilixxi regola ta’ nondiskriminazzjoni. Madankollu, peress li tippreskrivi regola ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din għandha titqies bħala miżura ta’ armonizzazzjoni.

38.

Madankollu, peress li l-Unjoni ma kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 95(1) KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE) sabiex tadotta tali miżura ta’ taxxa, li kieku l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 kien applikabbli għal miżura ta’ tassazzjoni nazzjonali, din kienet tkun illegali, min-natura tagħha stess. Konsegwentement, huwa neċessarju li din id-dispożizzjoni leġiżlattiva tingħata interpretazzjoni iktar restrittiva minkejja l-fatt li l-ġeneralità tal-formulazzjoni tagħha tista’ tissuġġerixxi mod ieħor. Kwalunkwe konklużjoni oħra twassal għal estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva u tkun tippreżupponi, fil-fehma tiegħi, l-eżerċizzju mill-UE ta’ kompetenza fiskali li hija sempliċement ma għandhiex. Għaldaqstant, jekk id-direttiva għandha tinftiehem bħala li tagħmel dan il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni applikabbli għal taxxi fis-suq tal-elettriku, isegwi li din għandha tiġi kkunsidrata li hija, essenzjalment, miżura ta’ taxxa li fir-rigward tagħha l-Unjoni ma kellhiex kompetenza skont it-termini tal-Artikolu 114 TFUE.

39.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, insib ruħi obbligat li nikkonkludi li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għal taxxi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

B.   Sussidjarjament, fuq il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni

40.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 u tikkonkludi li din id-direttiva hija applikabbli għat-taxxi fuq l-iskart nukleari, jien issa nipproponi li nikkunsidra, sussidjarjament, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxi tat-tip adottati mir-Renju ta’ Spanja f’dan il-każ. Il-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, għaldaqstant, huma bbażati fuq il-preżunzjoni — għall-kuntrarju tal-fehma tiegħi — li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 japplika għal dan il-każ.

1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 u l-obbligi tas-servizz pubbliku

41.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jiħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.” ( 14 )

42.

Għalkemm dan l-artikolu huwa intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, ma naħsibx li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) hija limitata għall-qasam tal-“obbligi tas-servizz pubbliku” jew għall-protezzjoni tal-konsumatur.

43.

L-ewwel nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu huwa ħafna iktar usa’ mit-titolu tiegħu. Ovvjament, dan jippermetti lill-Istati Membri jimponu obbligi tas-servizz pubbliku fuq impriżi li joperaw fis-settur tal-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali ( 15 ) u jipprovdi għal miżuri favur il-konsumaturi, bħal pereżempju obbligi ta’ informazzjoni. ( 16 ) Huwa jeżiġi wkoll, madankollu, li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri oħra intiżi, pereżempju, li jiksbu l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali u ekonomika u l-protezzjoni ambjentali jew jiżguraw li mekkaniżmu indipendenti bħal ombudsman tal-enerġija jew korp tal-konsumatur jiġi stabbilit sabiex jiġu żgurati trattament effiċjenti ta’ lmenti u soluzzjonijiet ta’ tilwim barra mill-qorti. ( 17 )

44.

It-tieni nett, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward tad-direttiva preċedenti dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, ( 18 ) id-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni f’din id-direttiva, “huma espressjonijiet partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza”. ( 19 )

45.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li, jekk id-Direttiva 2009/72 tapplika għal taxxi bħal taxxi fuq l-iskart nukleari, isegwi li l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva bħala espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza huwa wkoll applikabbli għalihom.

2. Diskriminazzjoni

46.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni teżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ttrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. ( 20 ) Differenza fit-trattament hija ġġustifikata jekk hija bbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri, jekk id-differenza tirrelata ma’ għan legalment permess imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u hija proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament. ( 21 )

47.

Sabiex is-sitwazzjonijiet jiġu kklassifikati bħala “simili” jew “differenti”, għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-għanijiet tal-miżura inkwistjoni. ( 22 ) Fil-fatt, kif issostni b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja “ir-rekwiżit relatat man-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawh u b’mod partikolari fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni”. ( 23 )

48.

Huwa veru li, f’sitwazzjoni fejn il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali ma huwiex ikkontestat, filwaqt li hija kkontestata dispożizzjoni li tagħti sustanza lil dan il-prinċipju, tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk il-komparabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni minflok fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-allegata diskriminazzjoni.

49.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq kif il-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa msemmi fid-dispożizzjoni li tagħti sustanza lil dan il-prinċipju. Jekk din tal-aħħar tipprovdi espressament li żewġ kategoriji ta’ persuni għandhom jiġu ttrattati b’mod identiku, il-qrati nazzjonali għandhom jikkunsidraw li s-sitwazzjonijiet tagħhom huma komparabbli. Madankollu, jekk direttiva tiddikjara biss li l-Istati Membri ma għandhomx jiddiskriminaw f’kategorija partikolari ta’ persuni, dawn l-Istati Membri huma obbligati li ma jittrattawx lill-persuni kollha bħallikieku huma fl-istess sitwazzjoni, iżda għandhom jiżguraw li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza normattiva tagħhom, ma joħolqu l-ebda distinzjoni arbitrarja u li s-sustanza ta’ trattament ugwali tkun għalhekk ippreżervata.

50.

F’ dan il-każ, peress li l-Artikolu 3(1) ma jipprovdix li l-produtturi kollha tal-elettriku għandhom jiġu ttrattati b’mod identiku, iżda pjuttost li “[l]-Istati Membri […] ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi [tal-elettriku] fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom”, jien naħseb li l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi ddeterminata biss fid-dawl tas-suġġett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-għan imfittex.

51.

Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari tistax titqabbel ma’ dik ta’ produtturi oħra tal-enerġija fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

52.

Skont il-preambolu tal-Liġi 15/2012, l-introduzzjoni ta’ taxxi fuq l-iskart nukleari hija ġġustifikata mill-partikolarità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari f’termini ambjentali u f’ termini ta’ sigurtà.

53.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’Kernkraftwerke Lippe-Ems li “[i]l-produzzjonijiet tal-elettriku differenti minn dawk li jużaw kombustibbli nukleari ma humiex ikkonċernati mis-sistema stabbilita mill-KernbrStG u li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ din is-sistema, huma ma jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli għal dik tal-produzzjoni ta’ elettriku li juża l-kombustibbli nukleari, peress li dan tal-aħħar huwa l-uniku wieħed li juża skart radjuattiv li joriġina minn tali użu”. ( 24 ) Għandu jiġi nnotat li r-regola nazzjonali inkwistjoni f’dan il-każ preċedenti kellha għan simili għat-taxxi fuq l-iskart nukleari inkwistjoni f’dan il-każ peress li kien dazju fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-produzzjoni kummerċjali ta’ elettriku li kkontribwixxa, fil-kuntest tal-konsolidazzjoni fiskali u skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, għal tnaqqis fil-piż fuq il-baġit federali Ġermaniż bir-riabilitazzjoni meħtieġa f’sit speċifiku tal-minjieri fejn kien maħżun skart radjuattiv mill-użu ta’ kombustibbli nukleari. ( 25 )

54.

Minkejja li dan ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Kernkraftwerke Lippe-Ems seħħ fil-parti tas-sentenza dwar il-kompatibbiltà tar-regola nazzjonali mal-Artikolu 107 TFUE, ma narax għalfejn il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ta’ produtturi tal-enerġija fir-rigward tal-impatt ambjentali ma għandhomx ukoll japplikaw għal dan il-każ. Din tirrigwarda wkoll it-taxxi fuq l-użu tal-kombustibbli nukleari (peress li t-taxxi fuq l-iskart nukleari jikkonċernaw kombustibbli nukleari eżawrit u skart radjuattiv) li ġew stabbiliti minħabba tħassib, inter alia, fir-rigward tad-diffikultajiet ambjentali u ta’ sigurtà assoċjati ma’ dan it-tip ta’ skart.

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni u nikkunsidra li l-enerġija nukleari ma hijiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ sorsi oħra tal-elettriku fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, minħabba r-riskji speċifiċi għas-saħħa u għas-sigurtà involuti, b’mod partikolari, fit-trattament u l-ħażna tal-iskart nukleari li tiġġenera. Madankollu, din ma hijiex neċessarjament fiha nnifisha kunsiderazzjoni deċiżiva minħabba li fil-fatt il-kompitu tal-qorti tar-rinviju f’tali ċirkustanzi huwa li tevalwa jekk, filwaqt li tikkunsidra b’mod sħiħ il-marġini ta’ diskrezzjoni tal-Istat f’tali każijiet, dan it-trattament fiskali differenti jistax ikun verament iġġustifikat b’riferiment għad-diffikultajiet ambjentali u ta’ sigurtà speċjali u distinti assoċjati mal-produzzjoni tal-enerġija nukleari.

56.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kuntest ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, kif tkun tista’ tagħmel taħt l-Artikolu 258 TFUE. Fl-aħħar nett, hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha l-ġurisdizzjoni biex tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża. Madankollu, fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija mitluba tipprovdi tweġibiet utli lill-qorti nazzjonali, tista’ tipprovdi indikazzjonijiet ibbażati fuq id-dokumenti tal-proċess u fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati lilha, sabiex tippermetti lill-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni. ( 26 )

57.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti jqajmu dubji serji dwar il-bażi ambjentali apparenti ta’ din il-leġiżlazzjoni u jissuġġerixxu li l-bażi reali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija biss il-ħtieġa li jinġabru finanzi sabiex jitnaqqas id-defiċit tariffarju. Fi kliem ieħor, l-iskop essenzjali tat-taxxi fuq l-iskart nukleari jidher li huwa ż-żieda fil-volum tad-dħul pubbliku ġġenerat mis-sistema finanzjarja tas-settur tal-elettriku.

58.

Jekk dan fil-fatt jiġi kkonfermat minn konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni tkun ċertament differenti. Fil-fatt, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tad-defiċit tariffarju fi Spanja u l-ħtieġa li dan jitnaqqas, il-produtturi kollha tal-enerġija jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli peress li d-defiċit huwa dovut għad-differenza bejn id-dħul li kumpanniji Spanjoli tal-elettriku jirċievu mill-konsumaturi u l-ispejjeż tal-provvista tal-elettriku rrikonoxxuti mir-regolamenti nazzjonali.

59.

F’dan il-kuntest għandu jiġi rrikonoxxut li, minn naħa, il-fatt li hemm diversi obbligi oħra intiżi li jkopru r-riskji assoċjati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari ( 27 ) u, min-naħa l-oħra, li t-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 15/2012 tipprovdi li l-liġijiet finanzjarji ġenerali tal-Istat jallokaw fondi għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-elettriku, inter alia, f’ammont ekwivalenti għall-istima tal-ammonti annwali miġbura mill-Istat bħala imposti u taxxi inklużi fil-Liġi 15/2012, huma elementi li jistgħu serjament iqajmu dubji dwar il-bażi ambjentali indikata fil-preambolu tal-Liġi 15/2012.

60.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jikkontestaw il-ġustifikazzjoni apparenti tat-taxxa tal-elettriku imposta fuq il-produtturi tal-enerġija nukleari (inter alia, il-ħtieġa li jiġi indirizzat tħassib ambjentali speċjali u partikolari). Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għal tali konklużjoni, dan ikun jissuġġerixxi li din it-taxxa, li hija ppreżentata bħala miżura ambjentali, kienet, fil-fatt qegħda topera bħala tip ta’ miżura speċjali ta’ tassazzjoni li kellha l-effett li toħloq diskriminazzjoni fil-konfront ta’ produtturi tal-enerġija nukleari billi tissuġġettahom għal tassazzjoni ogħla meta mqabbla ma’ produtturi oħra tal-elettriku, peress li dan it-trattament differenti ma huwiex oġġettivament iġġustifikat minn dan it-tħassib ambjentali xieraq.

61.

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-iskop tal-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex ġenwinament relatat mal-protezzjoni u s-sigurtà ambjentali u, jekk ikun il-każ, filwaqt li tikkunsidra b’mod sħiħ il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru f’dan ir-rigward, jekk it-trattament fiskali differenti tal-produtturi tal-elettriku huwiex oġġettivament iġġustifikat għall-finijiet ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72. Fil-fatt, jekk il-protezzjoni ambjentali tista’, mingħajr ebda dubju, titqies li hija kriterju oġġettiv u raġonevoli fil-qasam tas-suq intern tal-elettriku — kif indikat espressament fil-formulazzjoni kemm tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll tal-Artikolu 194(1) TFUE — id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata biss jekk tkun relatata mal- għan legalment ammissibbli. ( 28 )

VI. Konklużjoni

62.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kif ġej:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għal taxxi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li huma taxxi fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li ġej mill-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari u fuq il-ħażna ta’ tali kombustibbli nukleari eżawrit u skart radjuattiv f’faċilitajiet ċentrali.

Sussidjarjament,

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħat-taxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li s-sitwazzjoni tal-impriżi tal-elettriku li jużaw l-enerġija nukleari ma hijiex komparabbli ma’ dik tal-produtturi oħra tal-elettriku f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni u s-sigurtà tal-ambjent.

Hija, madankollu, il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-iskop tal-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex ġenwinament relatat mal-protezzjoni u s-sigurtà tal-ambjent u, jekk ikun il-każ, jekk it-trattament fiskali differenti tad-diversi produtturi tal-elettriku huwiex oġġettivament iġġustifikat minn dan it-tħassib ambjentali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2009 L 211, p. 55.

( 3 ) ĠU 2006 L 33, p. 22.

( 4 ) BOE Nru 312 tat-28 ta’ Diċembru 2012, p. 88081.

( 5 ) Id-“defiċit tariffarju” jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul li l-kumpanniji Spanjoli tal-elettriku jirċievu mill-konsumaturi u l-ispejjeż għall-provvista tal-elettriku rrikonoxxuti mir-regolamenti nazzjonali.

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punti 38 u 39) u tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et (C‑534/13, EU:C:2015:140, punti 39 u 40).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55, punt 13) u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’Berliner Kindl Brauerei (C‑208/98, EU:C:1999:537, punt 32).

( 8 ) Enfasi miżjuda.

( 9 ) Ara l-premessi 42, 43 u 51 tad-Direttiva 2009/72. Ara wkoll, f’dan is-sens, Johnston, A., u Block, G., EU Energy Law, Oxford, Oxford University Press, 2012, Nru 2.45

( 10 ) Ara Delvaux, B., EU Law and the Development of a Sustainable, Competitive and Secure Energy Policy, Cambridge-Antwerp-Portland, Intersentia, 2013, Nru 141.

( 11 ) Ara l-premessi 8 u 39 tad-Direttiva 2009/72.

( 12 ) Ara l-premessi 3, 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2009/72.

( 13 ) Ara l-premessi 19 u 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ kombustibbli eżawrit u tal-iskart radjuattiv (ĠU 2011 L 199, p. 48) u l-Artikolu (i) tal-Preambolu tal-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal- Kombustibbli Eżawrit u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv adottata mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika fil‑5 ta’ Settembru 1997.

( 14 ) Enfasi miżjuda.

( 15 ) Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

( 16 ) Ara l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/72.

( 17 ) Ara l-Artikolu 3(10) u (13) tad-Direttiva 2009/72.

( 18 ) Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).

( 19 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 79). Ara wkoll, għal applikazzjoni impliċita ta’ dan ir-raġunament, fir-rigward tal-Artikoli 15(7) u 37(6)(b) tad-Direttiva 2009/72, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punti 64 u 66).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 41).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 81).

( 22 ) Lenaerts, K., u Van Nuffel, P., European Union Law, it-tielet edizzjoni, London, Sweet & Maxwell, 2011, Nru 7-061.

( 23 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 42). Ara wkoll, inter alia, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 32) u tas-26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u l-pensjoni tal-irtirar) (C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 42).

( 24 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015 (C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 79).

( 25 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems (C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 78).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, Montag (C‑480/17, EU:C:2018:987, punt 34).

( 27 ) Skont il-qorti nazzjonali, ir-riżorsi pubbliċi meħtieġa sabiex il-ġestjoni u l-ħażna ta’ skart radjuattiv ikunu possibbli u vijabbli huma koperti minn tal-inqas erba’ taxxi intiżi sabiex jappoġġjaw il-Fondo nacional para la financiación de las actividades del Plan General de Residuos Radioactivos (il-Fond Nazzjonali għall-Finanzjament tal-Attivitajiet taħt il-Pjan Ġenerali għall-Iskart Radjuattiv) (Punt 8.3, p. 26, tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑80/18). Il-qorti tar-rinviju tinvoka wkoll l-obbligu tal-produtturi tal-enerġija nukleari li jassumu r-responsabbiltà ċivili sas-somma ta’ EUR 1200 miljun. Minbarra dawn l-obbligi, Endesa Generación tinvoka wkoll il-fatt li l-impjanti nukleari fi Spanja huma suġġetti għal taxxi għall-finanzjament tal-Kunsill dwar is-Sikurezza Nukleari u għal taxxi għall-finanzjament tal-assenjazzjoni ta’ korp tas-sigurtà tal-Istat sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-installazzjonijiet tal-impjanti.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 81).