KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-4 ta’ April 2019 ( 1 )

Kawża C-47/18

Skarb Panstwa Rzeczpospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad

vs

Stephan Riel, bħala amministratur stralċjarju ta’ Alpine Bau GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2)(b) – Fallimenti, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġuridiċi, kompożizzjoni jew proċedimenti analogi – Azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikolu 41 – Kontenut tal-preżentazzjoni ta’ kreditu – Rekwiżiti massimi – Dikjarazzjoni inkompleta – Indikazzjoni nieqsa dedotta mid-dokumenti ta’ sostenn – Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 2 ), kif ukoll tal-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment ( 3 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Skarb Panstwa Rzeczpospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad (it-Teżor Pubbliku tar-Repubblika tal-Polonja – Direttur Nazzjonali tat-Toroq Nazzjonali u l-Awtostradi, il-Polonja, iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) u Stephan Riel, bħala amministratur stralċjarju fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali miftuħa fl-Awstrija kontra Alpine Bau GmbH, fir-rigward ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ krediti.

3.

Permezz tar-raba’ u tal-ħames domandi preliminari tagħha, li jikkostitwixxu s-suġġett prinċipali tal-analiżi tiegħi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) tistaqsi dwar il-grad ta’ rekwiżit meħtieġ b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-validità ta’ dikjarazzjoni ta’ kreditu fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali meta din id-dikjarazzjoni ma tinkludix indikazzjonijiet dwar id-data ta’ tnissil tal-kreditu, iżda din tkun tista’ tiġi dedotta mid-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti.

4.

Ser nuri kif għandha tingħata interpretazzjoni flessibbli tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000, li ser twassalni sabiex nikkunsidra li r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti ladarba l-indikazzjoni tad-data ta’ tnissil tal-kreditu tkun tista’ tiġi dedotta mid-dokumenti mibgħuta mill-kreditur u sabiex infakkar li l-konsegwenzi tal-assenza ta’ tali preċiżjoni fl-istadju tal-verifika tal-kreditu huma rregolati mil-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura (lex concursus).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 1215/2012

5.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

[…]

b)

falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi;

[…]”

2. Ir-Regolament Nru 1346/2000

6.

Il-premessi 2, 8, 12, 18 sa 21 u 23 tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxu:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ illi l-proċedimenti ta’ falliment trans-fruntieri joperaw b’effiċjenza u b’effettività u dan ir-Regolament għandu jiġi adottat sabiex jintlaħaq dan il-għan […]

[…]

(8)

Sabiex jintlaħaq il-għan illi jinġiebu ’l quddiem l-effiċjenza u l-effettività ta’ proċedimenti ta’ falliment li għandhom effett trans-fruntier, huwa meħtieġ, u xieraq, li dispożizzjonijiet dwar ġurisdizzjoni, għarfien, u l-applikabilità tal-liġi f’dan il-qasam għandhom ikunu miġbura f’miżura ta’ liġi tal-Komunità li tkun torbot u tapplika direttament fi Stati Membri.

[…]

(12)

Dan ir-Regolament jawtoriżża l-proċedimenti prinċipali ta’ falliment li jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu iċ-ċentru prinċipali ta’ l-interessi tiegħu. Dawn il-proċedimenti għandhom l-iskop universali u l-għan li jkopru l-assi kollha tad-debitur. Sabiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi, dan ir-Regolament jippermetti proċedimenti sekondarji li jinfetħu sabiex jimxu flimkien mal-proċedimenti prinċipali. Proċedimenti sekondarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. L-effetti ta’ proċedimenti sekondarji huma limitati għall-assi li jinsabu f’dak l-Istat. Regolu mandatorji ta’ koordinazzjoni mal-proċedimenti prinċipali jissodisfaw il-ħtieġa ta’ unità fil-Komunità.

[…]

(18)

Wara l-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment, id-dritt li jintalab il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment fi Stat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment mhux ristrett b’dan ir-Regolament. Il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali jew xi persuna awtoriżżata permezz tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru tista titlob il-ftuħ tal-proċedimenti sekondarji ta’ falliment.

(19)

Proċeduri sekondarji ta’ falliment jistgħu jservu diversi skopijiet, apparti mill-protezzjoni ta’ interessi lokali. Jistgħu jinqalgħu każijiet fejn l-assi tad-debitur ikunu komplessi wisq biex jiġu amministrati bħala unità jew fejn id-differenzi fis-sistemi legali kkonċernati jkunu tant kbar illi jistgħu jinħolqu diffikultajiet mill-estenzjoni ta’ effetti li joriġinaw mill-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ lill-Istati l-oħra fejn ikunu jinstabu l-assi. Għal din ir-raġuni il-likwidatur tal-proċeduri prinċipali jista’ jitlob għal ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji meta l-amministrazzjoni effiċjenti ta’ l-assi tkun titlob hekk.

(20)

Proċediment prinċipali ta’ falliment u proċediment sekondarji jistgħu, b’dana kollu, jikkontribwixxu għar-realiżazzjoni effettiva ta’ l-asso totali biss jekk il-proċedimenti kurrenti kollha pendenti jkunu koordinati. Il-kondizzjoni prinċipali hawnhekk hija illi l-likwidaturi varji għandhom jikkoperaw mill-qrib, b’mod partikolari bi tpartit ta’ ammont suffiċjenti ta’ informazzjoni. Sabiex jiġi assigurat ir-rwol dominanti tal-proċediment prinċipali ta’ falliment, il-likwidatur fi proċedimenti bħal dawk għandu jingħata diversi possibbilitajiet għal intervent fi proċedimenti sekondarji ta’ falliment li jkunu pendenti fl-istess żmien. Per eżempju, dan għandu jkun jista’ jipproponi pjan ta’ ristrutturar jew komposizzjoni jew għar-realiżazzjoni ta’ l-assi fil-proċedimenti sekondarji ta’ falliment li jkunu ser jiġu sospiżi.

(21)

Kull kreditur, li jkollu ir-residenza abitwali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fil-Komunità, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta t-talbiet tiegħu f’kull waħda mill-proċedimenti ta’ falliment pendenti fil-Komunità u li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-assi tad-debitur. […]

[…]

(23)

Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment”.

7.

L-Artikolu 3(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

3.   Meta proċediment ta’ falliment jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, xi proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ l-egħluq”.

8.

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[…]

h)

ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet;

[…]”

9.

Skont l-Artikolu 27 tal-istess regolament:

“Il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) minn qorti ta’ Stat Membru u li jkun rikonoxxut fi Stat Membru ieħor (proċedimenti prinċipali) għandu jippermetti l-ftuħ f’dak l-Istat Membru l-ieħor, li qorti tiegħu jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2), ta’ proċedimenti sekondarji ta’ falliment mingħajr ma l-falliment tad-debitur ikun eżaminat fl-Istat l-ieħor. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikunu fost il-proċedimenti mniżżla f’L-Anness B. L-effetti tagħhom għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkun jinstab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor”.

10.

L-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Bla ħsara għar-regoli li jirrestrinġu il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali u l-likwidaturi fil-proċedimenti sekondarji għandu jkollhom id-dmir li jikkomunikaw informazzjoni lill-xulxin. Għandhom immedjatament jikkomunikaw xi informazzjoni li tista’ tkun relevanti għal proċedimenti l-oħra, b’ mod partikolari l-progress magħmul fil-preżentazzjoni u l-verifika ta’ talbiet u l-miżuri kollha li jkollhom il-għan li jitterminaw il-proċedimenti.

2.   Suġġett għar-regoli applikabbli għal kull waħda mill-proċedimenti, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali u l-likwidaturi fil-proċedimenti sekondarji għandhom ikollhom id-dmir li jikkooperaw flimkien”.

11.

Skont l-Artikolu 32(1) ta’ dan ir-regolament, “[k]walunkwe kreditur jista’ jippreżenta t-talba tiegħu fil-proċedimenti prinċipali u fil-proċedimenti sekondarji”.

12.

L-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Xi kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, inklużi l-awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta talbiet bil-miktub fil-proċedimenti ta’ falliment”.

13.

L-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Malli jinfetħu proċedimenti ta’ falliment fi Stat Membru, il-qorti ta’ dak l-Istat li jkollha l-ġurisdizzjoni, jew il-likwidatur maħtur minnha, għandha immedjatament tinforma lill-kredituri magħrufa li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom, id-domiċilju jew l-uffiċju irreġistrat f’xi Stati Membru oħra.

2.   Dik l-informazzjoni, ipprovduta b’avviż individwali, għandha b’ mod partikolari tinkludi limiti taż-żmien, il-penalitajiet imposti rigward dawk il-limiti ta’ żmien, il-korp jew awtorità awtoriżżata li taċċetta il-preżentazzjoni ta’ talbiet u l-miżuri l-oħra mitluba. Avviż bħal dan għandu wkoll jindika jekk il-kredituri li t-talbiet tagħhom ikunu preferenzali jew assigurati in rem jenħtiegx li jippreżentaw it-talbiet tagħhom”.

14.

L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Kreditur għandu jibgħat kopji ta’ dokumenti sostenituri, jekk ikun hemm, u għandi jindika n-natura tat-talba, id-data li fiha din tkun saret u l-ammont tagħha, kif ukoll jekk jallegax preferenza, sigurtà in rem jew reserva ta’ titolu fir-rigward ta’ talba u liema assi jkunu koperti bil-garanzja li jinvoka”.

15.

L-Artikolu 42 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   L-informazzjoni pprovduta fl-Artikolu 40 għandha tiġi pprovduta bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat li jiftaħ l-proċedimenti. Għal dan l-iskop, għandha tintuża formola li jkollha l-intestatura ‘Stedina għal preżentazzjoni ta’ talba’. Limiti taż-żmien li għandhom jiġu osservati bil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-Istituzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea’.

2.   Xi kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat f’xi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-bidu tal-proċedimenti jista’ jippreżenta t-talba tiegħu fil-lingwa uffiċjali jew waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat l-ieħor. F’dak il-każ, b’dana kollu, il-preżentazzjoni tat-talbiet tiegħu għandhom ikollhom l-intestatura ‘Preżentazzjoni ta’ talba’ bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti. Barra minn hekk, dan jista’ jiġi mitlub jipprovdi traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti”.

B.   Id-dritt Awstrijak

16.

L-Artikolu 102 tal-Bundesgesetz über das Insolvenzverfahren (il-Liġi dwar l-Insolvenza) ( 4 ), tal-10 ta’ Diċembru 1914, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi:

“Il-kredituri għandhom jippreżentaw il-krediti tagħhom fil-proċedura ta’ insolvenza skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin, anki jekk ikunu s-suġġett ta’ kawża”.

17.

L-Artikolu 103(1) tal-IO jipprovdi:

“Id-dikjarazzjoni għandha tindika l-ammont tal-kreditu u l-fatti li fuqhom huwa bbażat, kif ukoll il-klassifika mitlub; hija għandha tispeċifika l-elementi ta’ prova li jistgħu jiġi ppreżentati insostenn tal-kreditu allegat.”

18.

Skont l-Artikolu 104(1) tal-IO, il-krediti għandhom jiġu ddikjarati bil-miktub jew ikunu s-suġġett ta’ dikjarazzjoni orali magħmula fil-proċess verbal quddiem il-qorti tal-insolvenza.

19.

L-Artikolu 105 tal-IO, taħt it-Titolu “Seduta ta’ verifika”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   L-amministratur stralċjarju u d-debitur għandhom jidhru waqt is-seduta ta’ verifika […]

2.   Il-krediti ddikjarati jiġu vverifikati fl-ordni li jikkorrispondi għall-klassifika tagħhom, jew meta jkunu tal-istess klassifika, fl-ordni li fih ikunu ġew iddikjarati.

3.   L-amministratur stralċjarju għandu jagħmel dikjarazzjoni dwar l-eżattezza u l-klassifika ta’ kull kreditu ddikjarat; meta jagħmel din id-dikjarazzjoni, huwa ma jistax jesprimi riżervi.”

20.

Skont l-Artikolu 108(1) tal-IO, “[l]-eżitu tas-seduta ta’ verifika għandu jiġi rreġistrat fl-istat tal-krediti ddikjarati”.

21.

Skont l-Artikolu 109(1) tal-IO, kreditu huwa meqjus ikkonstatat fil-proċedura ta’ insolvenza jekk ikun ġie aċċettat mill-amministratur stralċjarju u jekk ma jkun ġie kkontestat minn ebda kreditur li setgħa jagħmel dan.

22.

L-Artikolu 110(1) tal-IO jipprovdi:

“Id-detenturi ta’ krediti li l-eżattezza jew il-klassifika tagħhom jibqgħu kkontestati jistgħu jaġixxu għall-konstatazzjoni tal-eżistenza tagħhom, meta r-rimedju ġudizzjarju kontenzjuż huwa ammissibbli, billi jindirizzaw l-azzjoni tagħhom kontra dawk kollha li jikkontestawhom […]. Il-pretensjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ din l-azzjoni jistgħu jkunu bbażati biss fuq il-motiv invokat fil-kuntest tad-dikjarazzjoni u waqt is-seduta ta’ verifika; dawn ma jistgħux jirrigwardaw ammont ikbar minn dak indikat f’dik l-okkażjoni.”

23.

Skont l-Artikolu 112(1) tal-IO:

“Id-deċiżjonijiet definittivi dwar l-eżistenza u l-klassifika tad-djun ikkontestati jipproduċu l-effetti tagħhom fir-rigward tal-kredituri kollha li huma parti mill-proċedura ta’ insolvenza.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24.

Ir-rikorrenti, responsabbli mill-amministrazzjoni tat-toroq statali Pollakki, fdat lil Alpine Bau bit-twettiq ta’ diversi proġetti ta’ kostruzzjoni tat-toroq fil-Polonja, liema kuntratti ngħataw wara sejħiet għal offerti pubbliċi. Il-kuntratti relattivi għal dawn il-proġetti kienu jinkludu klawżoli dettaljati dwar id-danni u l-interessi li kellhom jitħallsu f’każ ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tagħhom.

25.

Fid-19 ta’ Ġunju 2013, infetħet proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja fl-Awstrija fir-rigward ta’ Alpine Bau u S. Riel ġie maħtur amministratur stralċjarju ta’ din il-kumpannija.

26.

Fl-4 ta’ Lulju 2013, din il-proċedura ġiet ikklassifikata mill-ġdid bħala proċedura ta’ falliment. L-għada, wara deċiżjoni tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), fil-fajl tal-proċeduri ta’ insolvenza ġie indikat li din kienet proċedura ta’ insolvenza prinċipali fis-sens tar-Regolament Nru 1346/2000.

27.

Fil-Polonja nfetħet proċedura ta’ insolvenza sekondarja kontra Alpine Bau quddiem is-Sąd Rejonowy Poznán-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznán-Stare Miasto, il-Polonja).

28.

Xi krediti ġew ippreżentati mir-rikorrenti fis-16 ta’ Awwissu 2013 u fit‑22 ta’ Ġunju 2016 fil-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fl-Awstrija kif ukoll fis‑16 ta’ Mejju 2014 u fis-16 ta’ Ġunju 2015 fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja fil-Polonja.

29.

Il-parti l-kbira tal-krediti hekk ippreżentati ġew ikkontestati minn S. Riel, maħtur fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali Awstrijaka, u mill-amministratur stralċjarju maħtur fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza sekondarja Pollakka.

30.

Fl-1 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ppreżentat fil-Polonja, azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu ta’ PLN 309663865 zloty Pollakki (madwar EUR 73898402) ( 5 ).

31.

Skont ir-rikorrenti, fl-1 ta’ April 2015, Alpine Bau bdiet azzjoni intiża sabiex toġġezzjona għall-ammissjoni ta’ kreditu ta’ PLN 23 037 496.51 (madwar EUR 5497684). Hija tiddikjara wkoll li ż-żewġ azzjonijiet ġew magħquda, li jinsabu pendenti quddiem is-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto, il-Polonja) u li “ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, li prattikament huma negliġibbli” dawn l-azzjonijiet għandhom l-istess għan bħat-talba għal dikjarazzjoni ta’ kreditu li għandha quddiemha l-qorti Awstrijaka.

32.

Fil-fatt, fil-31 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll, quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu ta’ EUR 64 784 879.43, filwaqt li skont l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament Nru 1215/2012 talbet sospensjoni tad-deċiżjoni sakemm id-deċiżjoni fil-proċeduri pendenti fil-Polonja, dwar il-verifika ta’ krediti, tikseb l-awtorità ta’ res judicata.

33.

Permezz ta’ sentenza interlokutorja tal-25 ta’ Lulju 2017, din il-qorti ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti għall-ammont ta’ EUR 265 132.81, mingħajr ma ddeċidiet dwar it-talba għal sospensjoni tad-deċiżjoni.

34.

Ir-rikorrenti appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna), billi invokat, b’mod partikolari, difett proċedurali peress li l-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) irrifjutat li tissospendi d-deċiżjoni, minkejja li l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012 jeħtieġ dan b’mod imperattiv.

35.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu mressqa quddiemha taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 jew dawk tar-Regolament Nru 1346/2000.

36.

Fit-tieni lok, din tistaqsi dwar l-applikabbiltà tar-regoli dwar il-lis pendens meħuda mill-ewwel minn dawn ir-regolamenti direttament jew b’analoġija, f’każ ta’ applikazzjoni tat-tieni regolament, li ma jinkludix dispożizzjonijiet simili.

37.

Fit-tielet lok, din tesprimi dubji dwar il-portata tar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 dwar il-kontenut tal-preżentazzjoni ta’ kreditu mill-kredituri stabbiliti fi Stat Membru. Peress li dawn il-preċiżjonijiet dwar in-natura tal-kreditu, fid-data ta’ tnissil tiegħu u l-ammont tiegħu huma stabbiliti f’din id-dispożizzjoni sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri, dawn huma imposti wkoll meta ma jirriżultawx mil-liġi applikabbli, jiġifieri dik tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura (lex concursus).

38.

Qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li skont ġurisprudenza nazzjonali dwar l-Artikoli 103 et seq. tal-IO, il-kundizzjonijiet legali dwar il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ kreditu tal-passiv tad-debitur għandhom jiġu applikati b’mod strett sabiex waqt is-seduta ta’ verifika tal-krediti ddikjarati, jkun hemm il-fatti kostituttivi kollha tad-djun li fuqhom l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu ser tkun ibbażata sussegwentement. Sussegwentement, din iżżid li skont id-dritt Awstrijak, id-data li fiha tnissel il-kreditu ma għandhiex tiġi indikata. Finalment, din tirrileva li f’dan il-każ, l-ispjegazzjonijiet dwar il-fondatezza tal-kreditu baqgħu globali u d-data ta’ tnissil tal-kreditu tirriżulta biss mid-dokumenti ppreżentati mill-kreditur.

39.

Konsegwentement, din tesprimi dubji dwar il-possibbiltà li jitqies li l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi regola massima u li d-dispożizzjonijiet tal-lex concursus iktar favorevoli jistgħu jiġu applikati, filwaqt li tenfasizza li din il-liġi tirregola l-effetti ta’ preżentazzjoni inkompleta fis-sens ta’ dan ir-regolament.

40.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1])

L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu skont id-dritt Awstrijaku tikkonċerna l-insolvenza fis-sens [ta’ din id-dispożizzjoni] u li hija, konsegwentement, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament?

[2])

(unikament fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-Domanda 1):

L-Artikolu 29(1) tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi applikat b’analoġija għal azzjonijiet relatati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000?

[3])

(unikament fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda jew fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-Domanda [2]):

L-Artikolu 29(1) tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li talba li għandha l-istess suġġett u l-istess kawża titressaq bejn l-istess partijiet meta kreditur – ir-rikorrenti –, li jkun invoka kreditu identiku (essenzjalment) fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali Awstrijaka u fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja Pollakka, liema kreditu ġie kkontestat (essenzjalment) mill-amministraturi stralċjarji kkonċernati, jippreżenta, l-ewwel fil-Polonja kontra l-amministratur stralċjarju tal-proċedura sekondarja Pollakka, sussegwentement fl-Awstrija kontra l-amministratur stralċjarju tal-proċedura prinċipali – [S. Riel] – azzjonijiet għal dikjarazzjonijiet ta’ kreditu ta’ ċertu ammont?

[4])

L-Artikolu 41 tar-Regolament [Nru 1346/2000] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun issodisfa r-rekwiżit relatat mal-indikazzjoni tan-‘natura tat-talba, id-data li fiha din tkun saret u l-ammont tagħha’

a)

– bħal f’dan il-każ – il-kreditur li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru għajr l-Istat ta’ ftuħ tal-proċeduri – ir-rikorrenti – li jillimita ruħu, fid-dikjarazzjoni ta’ kreditu tiegħu fil-proċedura ta’ involvenza prinċipali, li jiddeskrivi l-kreditu billi jindika ammont konkret, iżda mhux id-data li fiha tnissel (billi juża pereżempju t-termini ‘kreditu tas-subappaltatur JSV Slawomir Kubica fir-rigward tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fit-toroq’)

b)

u li, għalkemm ebda data ta’ tnissil tal-kreditu ma hija indikata fid-dikjarazzjoni stess, data ta’ tnissil tista’ madankollu tiġi dedotta mill-annessi mehmuża mad-dikjarazzjoni ta’ kreditu (pereżempju, abbażi tad-data li tidher fil-fattura prodotta)?

[5]

) L-Artikolu 41 tar-Regolament [Nru 1346/2000] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, in concreto, lill-kreditur li jiddikjara li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru għajr l-Istat ta’ ftuħ tal-proċeduri – fir-rigward, pereżempju, tar-rekwiżit tal-indikazzjoni tad-data ta’ tnissil tal-kreditu?”

IV. L-analiżi tiegħi

41.

Qabel ma niżviluppa l-analiżi tiegħi, li fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għar-raba’ u għall-ħames domandi preliminari dwar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000, ser nippreċiża fil-qosor dak li fil-fehma tiegħi jiġġustifika li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari, li tirrigwarda element preliminari li fuqu hija bbażata r-riflessjoni, titqies bħala miksuba, jiġifieri li l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

42.

L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li r-Regolament Nru 1346/2000 li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2002 ( 6 ) u fil-25 ta’ Ġunju 2017 ( 7 ), japplika f’dan il-każ minħabba d-data tal-introduzzjoni tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, jiġifieri d-19 ta’ Ġunju 2013.

43.

It-tieni nett, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fis-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Valach et ( 8 ), fil-punti 24 sa 27 u 37, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tar-Regolamenti Nri 1346/2000 u 1215/2012 ( 9 ), essenzjalment riprodotti fi tliet sentenzi reċenti, jiġifieri dik tal-4 ta’ Ottubru 2018, Feniks ( 10 ), kif ukoll dawk tal-14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte ( 11 ), u tas‑6 ta’ Frar 2019, NK ( 12 ), dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 13 ), imħassar mir-Regolament Nru 1215/2012, inqis li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu prevista fl-Artikolu 110 tal-IO taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000.

44.

Fil-fatt, din l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu tista’ tiġi introdotta biss fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, f’każ ta’ kontestazzjoni dwar l-ammont, l-eżattezza jew il-klassifika ta’ krediti ddikjarati mill-kredituri li jipparteċipaw f’din il-proċedura. Barra minn hekk, din għandha l-għan li tivverifika li r-rekwiżiti fil-qasam ta’ dikjarazzjoni ta’ krediti kienu osservati. Finalment, fit-tmiem ta’ din l-azzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kreditu, l-ammont tal-massa tal-insolvenza li għandu jitqassam huwa ddeterminat u infurzabbli, skont l-eżistenza u l-klassifika tal-krediti kkontestati, għall-kredituri kollha partijiet fil-proċedura ta’ insolvenza.

45.

Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħroġ direttament minn proċedura ta’ insolvenza u taqa’ taħt din il-proċedura b’mod strett, b’tali mod li din ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

46.

Issa, wara din il-preċiżazzjoni, nista’ nesponi l-elementi tar-risposta għall-aħħar żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju, dwar il-portata tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000, li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina flimkien.

47.

Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar il-konsegwenzi tal-assenza ta’ indikazzjoni, fid-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, tad-data li fiha tnissel il-kreditu tagħha, peress li din id-data tista’ tiġi dedotta mid-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati u li din il-preċiżazzjoni ma hijiex meħtieġa mil-liġi nazzjonali.

48.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tinterpreta, għall-ewwel darba, l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 sabiex tiddeċiedi dwar in-natura obbligatorja tal-kontenut tal-preżentazzjoni ta’ kreditu kif stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

49.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha u l-għanijiet imfittxija minnha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni ( 14 ).

50.

Għalhekk, fl-ewwel lok għandha tiġi kkonstatata l-assenza ta’ diskussjoni dwar eventwali diverġenza fil-formulazzjoni tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 fil-verżjonijiet lingwistiċi li stajt nivverifika ( 15 ).

51.

Fit-tieni lok, jista’ jiġi ppreċiżat li tali dispożizzjoni diġà kienet tinsab fi kliem identiku fil-Konvenzjoni tat-23 ta’ Novembru 1995 dwar il-proċeduri ta’ insolvenza ( 16 ). Minkejja li din il-konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ minħabba nuqqas ta’ ffirmar minn Stat Membru, din ikkostitwixxiet il-bażi tal-abbozzar tar-Regolament Nru 1346/2000 ( 17 ).

52.

Fit-tielet lok, kif diġà ġie ppreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies li r-rapport ta’ spjega ta’ Miguel Virgós u ta’ Étienne Schmit dwar il-Konvenzjoni dwar il-proċedura ta’ insolvenza ( 18 ), iservi ta’ referenza għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 ( 19 ), b’mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet mfittxija.

53.

Dawn l-awturi enfasizzaw li d-dispożizzjonijiet speċjali tal-Konvenzjoni tat-23 ta’ Novembru 1995 dwar il-preżentazzjoni ta’ krediti, li jidderogaw mill-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura, huma intiżi sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri fiż-żona Ewropea billi jistabbilixxu rekwiżiti utli għall-identifikazzjoni tat-talbiet tagħhom ( 20 ).

54.

Dan japplika wkoll għar-Regolament Nru 1346/2000. Għalhekk, skont l-Artikolu 4(2)(h) tiegħu, ir-regoli dwar il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti huma ddeterminati mil-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura. Il-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proviżjoni ta’ informazzjoni għal kredituri u preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom” li jinkludi l-Artikoli 39 sa 42, jikkostitwixxi eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, peress li fl-Artikoli 39 u 41 kif ukoll fl-Artikolu 42(2) tal-imsemmi regolament hemm ippreċiżati ċerti modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li jiġu ppreżentati, fil-proċedura ta’ insolvenza, krediti mill-kredituri li jinsabu fi Stat Membru ieħor differenti mill-Istat tal-ftuħ.

55.

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-portata ta’ dawn ir-regoli dwar il-preżentazzjoni ta’ krediti, fir-rapport Virgós-Schmit ġie ppreċiżat li, fid-dawl tal-għan imfittex ( 21 ), il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax timponi kundizzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-kontenut ta’ din il-preżentazzjoni ( 22 ). L-imsemmija regoli jippermettu li tiġi żgurata l-validità tal-preżentazzjoni tal-kreditu fir-rigward tal-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura applikabbli għall-finijiet tal-verifika tiegħu.

56.

Din l-analiżi hija aċċettata minn diversi kummentaturi tar-Regolament Nru 1346/2000 ( 23 ), li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest innovattiv li fih ġiet trattata l-kwistjoni tad-dritt tal-kredituri u l-perspettiva pragmatika ħafna li minnha ġiet indirizzata.

57.

Għalhekk, wara li għall-proċedura ta’ insolvenza prinċipali ġiet stabbilita l-idea ta’ universalità tal-falliment permezz tal-istabbiliment tal-prinċipju ta’ libertà ta’ preżentazzjoni ta’ krediti fl-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1346/2000 favur il-kredituri li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom, id-domiċilju tagħhom jew is-sede tagħhom fi Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ, u billi ġie marbut mal-possibbiltà li jiġu ppreżentati krediti mhux biss fil-proċedura prinċipali, iżda wkoll fil-proċeduri sekondarji, prevista fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regoli li jiżguraw l-ugwaljanza tal-kredituri.

58.

Din l-ugwaljanza hija bbażata fuq l-unità tal-patrimonju u fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, minkejja li l-kriterju applikat hawnhekk huwa dak tad-domiċilju tal-kredituri kkonċernati u mhux in-nazzjonalità tagħhom ( 24 ).

59.

Dan huwa għalfejn, sabiex jiżgura żvolġiment effettiv tal-proċedura ta’ insolvenza ( 25 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jistabbilixxi fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 regoli komuni massimi li jipproteġu lil kredituri li jinsabu fi Stat Membru differenti minn dak li fih infetħet il-proċedura ta’ insolvenza. Għandu jiġi osservat li, għall-istess raġunijiet, il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet kien stabbilit mingħajr tibdil fir-Regolament 2015/848 ( 26 ).

60.

Dawn huma regoli tad-dritt sostantiv ( 27 ). Bħall-Gvern Spanjol u l-Gvern Pollakk, nikkunsidra li dawn għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni flessibbli għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

61.

L-ewwel nett, nikkonstata li l-leġiżlatur tal-Unjoni llimita l-qafas tal-preżentazzjoni ta’ kreditu għall-kontenut tiegħu u għall-ammissjoni ta’ dokumenti pprovduti mill-kreditur li juru l-eżistenza tal-kreditu u tal-ammont tiegħu. Kif kien enfasizzat ftit wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1346/2000, mhux il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-proċedura tad-dikjarazzjoni huma indirizzati ( 28 ). Għalhekk huwa possibbli li jitqies li l-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament jirrappreżenta forma inkompleta tal-uniformizzazzjoni tal-proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ krediti ( 29 ).

62.

Għalhekk, l-assenza ta’ proċedura uniformi stabbilita għall-eżerċizzju tad-dritt tal-preżentazzjoni ta’ krediti u l-fakultà li jiġu ppreżentati dokumenti ta’ sostenn twassalni sabiex inqis li ma jistax jiġi impost li l-indikazzjonijiet dwar il-kreditu, elenkati fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000, għandhom jissemmew fil-preżentazzjoni u ma jistgħux jiġu dedotti mid-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti.

63.

It-tieni nett, l-ammissjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn, imposta mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jidhirli li toffri marġni ta’ diskrezzjoni, ibbażat fuq il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli, fl-assenza ta’ sanzjoni uniformi, fl-evalwazzjoni tal-validità tal-preżentazzjoni jew sabiex tipproċedi bir-regolarizzazzjoni tagħha.

64.

Fil-fatt, il-fażi ta’ preżentazzjoni tal-krediti għandha neċessarjament tkun distinta minn dik tal-verifika tagħhom, li tibqa’ suġġetta għal-liġi nazzjonali, skont l-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament Nru 1346/2000. Għalhekk, din il-liġi tiddetermina l-konsegwenzi tal-irregolarità tad-dikjarazzjonijiet tal-kreditur, u, jekk dawn ikunu inkompleti, kif inhu l-każ f’din il-kawża, tista’ tipprovdi li jiġu rregolarizzati permezz ta’ diversi dokumenti, jekk ikun il-każ, fuq talba tal-awtorità responsabbli mill-verifika tagħhom ( 30 ).

65.

Jidhirli li tali proċeduri jirrispondu għat-tħassib leġittimu espress mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tan-neċessità li ma tiġix ikkumplikata l-missjoni tal-amministratur stralċjarju billi jkun obbligat iwettaq tfittxija ta’ diversi dokumenti.

66.

It-tielet nett, l-għan ta’ protezzjoni tal-kredituri mfittex b’mod kostanti, kemm mir-Regolament Nru 1346/2000 kif ukoll mir-Regolament 2015/848, jimplika li l-grad ta’ rekwiżit fir-rigward tal-kredituri waqt il-preżentazzjoni tal-krediti tagħhom fi Stat Membru ieħor jiddependi mill-kundizzjonijiet ta’ informazzjoni tagħhom, mit-terminu impost għall-preżentazzjoni ta’ krediti u mid-diffikultajiet lingwistiċi li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

67.

B’mod iktar preċiż, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li n-natura inkompleta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000 iġġustifikat emendi sostanzjali, minħabba problemi prattiċi marbuta ma’ ċerti aspetti tal-preżentazzjoni ta’ krediti li kienu identifikati fl-istudju ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, ippreżentati f’rapport ippreparat mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament ( 31 ).

68.

Il-kobor ta’ dawn id-diffikultajiet jiġġustifika li l-Kummissjoni tfittex soluzzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw l-effettività tad-dritt ta’ preżentazzjoni ta’ krediti, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-drittijiet nazzjonali f’dan il-qasam ( 32 ), kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-kredituri. Dawn ġew ikkonkretizzati bil-possibbiltà li d-dikjarazzjoni ta’ krediti ssir bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni aċċettat mil-liġi tal-Istat fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza ( 33 ) u bl-iżvilupp ta’ formola ta’ talba standard li fiha tiġi ppreċiżata l-informazzjoni obbligatorja ( 34 ) sabiex tiffaċilita u tiżgura l-validità tal-preżentazzjoni ta’ krediti ( 35 ).

69.

F’dan il-kuntest, interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000, kif sostnuta mill-Kummissjoni, li jkollha l-effett li teskludi l-preżentazzjoni ta’ kreditu, akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn li minnhom jistgħu jinsiltu, mingħajr diffikultajiet partikolari għall-amministratur stralċjarju jew għall-qorti adita, l-indikazzjonijiet utli għad-determinazzjoni tad-data tat-tnissil tal-kreditu, filwaqt li, barra minn hekk, ma jkunx ċert li l-kreditur huwa informat b’mod korrett b’rekwiżit dwar dan il-punt jew f’terminu suffiċjenti li jippermettilu jissodisfa dan l-obbligu, jidhirli li ma hijiex kompatibbli mal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1346/2000, intiż sabiex jissemplifika l-passi tal-kredituri, u lanqas mal-obbligu li tiġi żgurata l-ugwaljanza tagħhom.

70.

Jidhirli li f’dan ir-rigward, il-paragun mal-proċedura organizzata b’mod sostanzjali ( 36 ) fir-Regolament 2015/848 huwa determinanti. Fil-fatt, jista’ jiġi enfasizzat li billi juża l-formola standard ta’ preżentazzjoni ta’ krediti, il-kreditur ikun dejjem informat b’mod ċar bl-obbligu li jindika d-data li fiha tnissel il-kreditu ( 37 ).

71.

Konsegwentement, nikkunsidra li għandu jiġi aċċettat li d-dikjarazzjoni ta’ kreditu tiġi kkompletata abbażi tad-dokumenti ta’ sostenn li l-komunikazzjoni tagħhom hija prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 u li hija l-awtorità kompetenti, responsabbli mill-verifika ta’ din id-dikjarazzjoni, li għandha tevalwa l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu min-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu, skont il-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura prinċipali.

V. Konklużjoni

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għar-raba’ u l-ħames domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija):

L-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi rekwiżiti massimi li jistgħu jiġu imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-preżentazzjoni ta’ kreditu u li dan jissodisfa l-obbligu li tkun magħrufa d-data ta’ tnissil tal-kreditu meta din tkun tista’ tiġi dedotta mid-dokumenti pprovduti bħala annessi mad-dikjarazzjoni ta’ kreditu, peress li l-validità tal-preżentazzjoni hija rregolata mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura prinċipali (lex concursus).


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2012, L 351, p. 1.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191.

( 4 ) RGBl., 337/1914, iktar ’il quddiem l-“IO”.

( 5 ) Bir-rata tal-kambju tas-16 ta’ Mejju 2014, data tal-preżentazzjoni tal-kreditu fil-proċedura ta’ insolvenza fil-Polonja. Din isservi ta’ referenza għas-somma ċċitata sussegwentement.

( 6 ) Ara l-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament.

( 7 ) Ara l-Artikolu 84(2) kif ukoll l-Artikoli 91 u 92 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU L 349, 21.12.2016, p. 9), li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1346/2000, applikabbli, essenzjalment, mis-26 ta’ Ġunju 2017.

( 8 ) C-649/16, EU:C:2017:986.

( 9 ) Ara wkoll, il-ġurisprudenza ċċitata f’dawn il-punti.

( 10 ) C-337/17, EU:C:2018:805 (punti 30 u 31).

( 11 ) C-296/17, EU:C:2018:902 (punti 29 u 30).

( 12 ) C-535/17, EU:C:2019:96 (punti 24 sa 26)

( 13 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 14 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C-621/18, EU:C:2018:999, punt 47).

( 15 ) Jiġifieri l-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Ingliża u Taljana.

( 16 ) Dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea CONV/INSOL/X1, disponibbli fuq l-indirizz tal-internet segwenti: https://www.lynxlex.com/fr/text/insolvabilit%C3%A9-r%C3%A8gl-13462000/rapports-explicatifs-utiles/3519. Dispożizzjoni analoga tinsab ukoll fl-abbozz tal-Konvenzjoni dwar il-falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġuridiċi, kompożizzjoni jew proċedimenti analogi tal-1980, ippubblikat mar-rapport ta’ spjega ta’ J. Lemontey fil-Bulletin des Communautés européennes, Suppliment 2/82, disponibbli fuq l-indirizz tal-internet segwenti: https://publications.europa.eu/fr/publication-detail/-/publication/bdfe47f1-678d-45f3-94cb-6aff207d4fc1/language-fr/format-PDF/source-88176377.

( 17 ) Dwar il-ġenesi tar-Regolament Nru 1346/2000, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Eurofood IFSC (C-341/04, EU:C:2005:579, punt 2 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 3 u 4), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Senior Home (C-195/15, EU:C:2016:369, punti 1920).

( 18 ) Dan huwa dokument tal-Kunsill 6500/1/96, REV 1, tat-8 ta’ Lulju 1996 (iktar ’il quddiem ir-“rapport Virgós-Schmit”), disponibbli fuq l-indirizz tal-internet segwenti: https://www.lynxlex.com/fr/text/insolvabilit%C3%A9-r%C3%A8gl-13462000/rapports-explicatifs-utiles/3519. Il-verżjoni definittiva tat-test sħiħ bl-Ingliż tinsab fix-xogħol ta’ Moss, G., Fletcher, I., Isaacs, S., The EC Regulation on Insolvency Proceedings : a Commentary and Annotated Guide, Oxford University Press, Oxford, 2002, p. 261 sa 327 (fir-rigward tad-data eżatta ta’ dan ir-rapport, ara p. 261).

( 19 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Eurofood IFSC [C-341/04, EU:C:2005:579, punt 2, iċċitati fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Senior Home (C-195/15, EU:C:2016:369, nota ta’ qiegħ il-paġna 11), kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, li tippreċiża: “[ir-]rapport Virgós-Schmit li kien l-oriġini ta’ ħafna premessi tar-regolament qatt ma ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej minkejja li jeżisti f’forma ta’ dokument tal-[Kunsill] tat-8 ta’ Lulju 1996 – 6500/1/96. […] Ara wkoll [Balz, M., ‘The European Union Convention on insolvency proceedings’, American Bankruptcy Law Journal, National Conference of Bankruptcy Judges, Laguna Beach, 1996]. M. Balz ippreseda l-grupp ta’ ħidma tal-grupp tal-[Kunsill] dwar il-falliment, li abbozza l-konvenzjoni. Huwa jiddikjara li r-rapport Virgós-Schmit kien is-suġġett ta’ ‘diskussjonijiet vivaċi u li kien ġie approvat mid-delegati esperti iżda li bid-differenza għall-konvenzjoni, dan ma kienx approvat formalment mill-Kunsill tal-Ministri. Madankollu dan igawdi minn awtorità kbira fiil-qrati tal-Istati Membri’ (nota 51)”].

( 20 ) Ara r-rapport Virgós-Schmit (punt 273).

( 21 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara r-rapport Virgós-Schmit (punt 273).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, Raimon, M., Le règlement communautaire 1346/2000 du 29 mai 2000 relatif aux procédures d’insolvabilité, Librairie générale de droit et de jurisprudence, collection “Droit des affaires”, Pariġi, 2007, punt 546, p. 180. Ara wkoll, Hess, B., Oberhammer, P., u Pfeiffer, T., b’kooperazzjoni ma’ Piekenbrock, A., u Seagon, C., External Evaluation of Regulation no 1346/2000/EC on Insolvency Proceedings, 2014, punt 8.2, p. 372, b’mod partikolari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1139, ir-referenzi segwenti: Moss, G., Fletcher, I., Isaacs, S., The EC Regulation on Insolvency Proceedings: a Commentary and Annotated Guide, It-Tieni Edizzjoni., Oxford University Press, Oxford, 2009, punt 8.410; Riedemann, S., “Article 41”, Europaïsche Insolvenzverordnung, De Gruyter, Berlin, 2007, punt 14; iżda ara wkoll, Ghia, L., “Regulation N. 1346/2000 and Protection of Creditors”, International Insolvency Law Review, C.H. Beck, Munich, 2011, p. 313 sa 320, b’mod partikolari p. 320.

( 24 ) Ara Vallens, J-L., “La mise en oeuvre du règlement communautaire sur les procédures d’insolvabilité: questions de procédure”, Recueil Dalloz, Dalloz, Pariġi, 2003, Nru 21, p. 1421 sa 1427, b’mod partikolari l-Parti IX, p. 1427, li tiċċita lil Rémery, J-P., “Les aspects européens de la déclaration des créances dans une procédure collective ouverte en France”, Revue de procédures collectives, LexisNexis, Pariġi, 2003, Nru 40, p. 66; kif ukoll External Evaluation of Regulation no 1346/2000/EC on insolvency proceedings, op. cit., punt 8.1, p. 369 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1123. Ara wkoll, Jazottes, G., “Article 53”, Le règlement (UE) 2015/848 du 20 mai 2015 relatif aux procédures d’insolvabilité, commentaire article par article, Société de législation comparée, Collection “Trans Europe Experts”, Pariġi, vol. 12, p. 311 sa 317, b’mod partikolari p. 312, it-tieni paragrafu. Ara, b’mod kuntrarju, Raimon, M., op. cit., punt 543, p. 179.

( 25 ) Ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1346/2000.

( 26 ) Ara l-Artikolu 55(2)(b) u (e) tar-Regolament 2015/848.

( 27 ) Ara b’mod partikolari, Raimon, M., op. cit., punt 536, p. 177; kif ukoll fil-ktieb intitolat Le règlement (UE) 2015/848 du 20 mai 2015 relatif aux procédures d’insolvabilité, commentaire article par article, op. cit., Jazottes, G., “Article 53”, p. 311 sa 317, b’mod partikolari p. 316, u Maréchal, C., “Article 55”, p. 323 sa 329, b’mod partikolari p. 326, parti B, l-ewwel paragrafu, in fine.

( 28 ) Ara Vallens, J-L., op. cit.

( 29 ) Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000dwar proċedimenti ta’ falliment [COM(2012) 743 finali] (punt 9, l-ewwel paragrafu).

( 30 ) Ara f’dan is-sens, l-osservazzjonijiet bil-miktub konkordanti magħmula mill-partijiet fil-proċedura prinċipali dwar il-fakultà li jiġu pprovduti indikazzjonijiet addizzjonali matul il-proċedura ta’ verifika ta’ krediti, kif ukoll, b’mod partikolari, il-liġi u l-ġurisprudenza Franċiża analoga, kif esposta minn Vallansan, J., “Sauvegarde, redressement et liquidation judiciaires – Déclaration et admission des créances”, JurisClasseur Commercial, LexisNexis, Pariġi, faxxiklu 2352 tal-14 ta’ Settembru 2015 (aġġornat l-aħħar fil-15 ta’ Ġunju 2018), punti 84, 88, 89 u 93 sa 95. Ara wkoll, Raimon, M., op. cit., punt 546, p. 180.

( 31 ) Ara r-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet (punti 1.1., 1.2. u 9.). F’dan l-aħħar punt jissemmew id-diffikultajiet segwenti: “il-barriera tal-lingwa, l-ispejjeż, it-termini li għandhom jiġu osservati għall-preżentazzjoni ta’ krediti u l-assenza ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-likwidatur u l-modalitajiet tal-liġi tal-Istat tal-ftuħ dwar il-preżentazzjoni ta’ krediti”.

( 32 ) Ara Maréchal, C., op. cit., b’mod partikolari p. 327.

( 33 ) Ara l-Artikolu 53 tar-Regolament 2015/848, simili għall-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1346/2000 li jipprevedi l-preżentazzjoni bil-miktub.

( 34 ) Ara l-Artikolu 55(1) tar-Regolament 2015/848 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1105 tat-12 ta’ Ġunju 2017 li jistabbilixxi l-formoli msemmija fir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2017, L 160, p. 1). Ara b’mod speċjali, l-Anness II, punt 6.2., tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1105. Madankollu, skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament 2015/848, l-użu ta’ din il-formola huwa fakultattiv, u l-kreditur għandu l-għażla li juża mezzi oħra sabiex jippreżenta l-kreditu tiegħu, bil-kundizzjoni li l-istess informazzjoni obbligatorja msemmija minn dan ir-regolament tkun tidher fihom.

( 35 ) Ara Brulard, Y., et, L’insolvabilité nationale, européenne et internationale, le règlement européen du 20 mai 2015, Tome 1, Anthemis, Limal, 2017, punt 24, p. 328.

( 36 ) Ara Maréchal, C., op. cit., p. 326, parti B, l-ewwel paragrafu.

( 37 ) Ara l-Anness II, punt 6.2., tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1105.