KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-2 ta’ Mejju 2019 ( 1 )

Kawża C‑28/18

Verein für Konsumenteninformation

vs

Deutsche Bahn AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 260/2012 – Artikolu 9(2) – Rekwiżiti tekniċi u kummerċjali għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro – Aċċessibbiltà għall-pagamenti – Pagamenti permezz ta’ debitu dirett SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro) – Kundizzjonijiet ġenerali li jeħtieġu li l-persuna li tħallas ikollha residenza fl-istess Stat Membru tal-benefiċjarju)

Introduzzjoni

1.

Huwa fatt universalment irrikonoxxut li l-libertajiet fundamentali li jikkostitwixxu s-suq intern huma allerġiċi għar-rekwiżiti ta’ residenza. Taħt il-libertajiet fundamentali, it-tneħħija tal-ostakoli bbażati fuq ir-rekwiżiti ta’ residenza tinsab, biex ngħidu hekk, fil-qofol tal-attività kemm tal-leġiżlatur tal-Unjoni ( 2 ) kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li regoli nazzjonali li taħthom issir distinzjoni fuq il-bażi ta’ residenza jistgħu joperaw prinċipalment għad-dannu taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra peress li l-persuni mhux residenti huma fil-parti l-kbira tal-każijiet barranin ( 3 ). Peress li l-libertajiet fundamentali primarjament jindirizzaw lill-Istati Membri, il-każijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu konjizzjoni tagħhom jirrigwardaw prinċipalment miżuri tal-Istat li jimponu rekwiżiti ta’ residenza (nazzjonali).

2.

Wisq inqas huwa magħruf dwar is-sitwazzjonijiet li fihom individwu privat jeħtieġ lil individwu privat ieħor li jkollu r-residenza tiegħu f’post speċifiku. Skont id-dritt tal-Unjoni tipprevali l-oskurità. Huwa leċitu li, f’ħafna każijiet, huwa prattikament impossibbli li klijent li ma jkollux residenza fl-istess Stat Membru bħall-bank li jikseb self ipotekarju minn dak il-bank? Assiguratur jista’ jirrifjuta li jipprovdi kopertura lil klijent potenzjali li jinsab fi Stat Membru ieħor? Għal sekulari, tali sitwazzjonijiet huma, tal-inqas, diffiċli li jiġu rrikonċiljati mal-għan ta’ suq intern. Filwaqt li għal xi wħud dawn il-prassi huma inkompatibbli mal-għan ta’ suq intern “li [fih] [i]l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati” ( 4 ), oħrajn jenfasizzaw differenza fundamentali allegata bejn l-attività tal-entitajiet pubbliċi u privati u, l-fatt li skont loġika bażika, tal-inqas, inizjalment, l-attività pubblika kellha tiġi rregolata mil-libertajiet fundamentali u l-attività privata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-kumplament tħalla lis-“suq” stess.

3.

Dawn il-konklużjonijiet ma jipprovdux tweġiba għal din it-tilwima fundamentali ( 5 ). Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, b’mod ċar, f’diversi każijiet, “is-suq” naqas fis-sitwazzjonijiet “orizzontali” bejn żewġ individwi privati, u kien għalhekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni beda jieħu azzjoni u llimita l-awtonomija privata ( 6 ). L-eżempju prinċipali f’dan il-qasam huwa r-regolamentazzjoni tat-tariffi tar-roaming fl-Unjoni ( 7 ). Fil-fatt, f’dan il-każ, il-leġiżlatura tal-Unjoni intervjeniet fir-relazzjoni bejn l-individwi – li jinsabu f’relazzjoni asimetrika: il-kumpanniji ta’ telefons minn naħa, u l-konsumaturi min-naħa l-oħra – u tapplika b’mod dirett l-istrumenti klassiċi tas-suq intern, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fis-sitwazzjonijiet orizzontali ( 8 ).

4.

Eżempju ieħor ta’ intervent leġiżlattiv tal-Unjoni huwa dak tal-kawża preżenti: il-pagamenti transkonfinali fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, immedjatament qabel id-data li fiha l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro saru l-valuta legali ( 9 ), il-Kunsill adotta, fid-29 ta’ Diċembru 2001, regolament dwar il-pagamenti transkonfinali: ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 ( 10 ), li tħassar bir-Regolament (KE) Nru 924/2009 ( 11 ). Sussegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament (UE) Nru 260/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro ( 12 ). Il-kwistjoni fil-kawża preżenti tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament.

5.

L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) trid tkun taf jekk l-operatur tal-linji tal-ferrovija Ġermaniż Deutsche Bahn Aktiengesellschaft (iktar ’il quddiem, “Deutsche Bahn”) jistax jimponi l-kundizzjoni li l-klijenti li jixtiequ jħallsu permezz tad-debitu dirett ikollhom ir-residenza tagħhom fil-Ġermanja.

6.

F’dawn il-konklużjonijiet ser nargumenta li r-risposta għandha tkun “le”. L-argument prinċipali tiegħi jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej: kumpannija ma hijiex meħtieġa li toffri lill-klijenti tagħha pagament permezz tad-debitu dirett. Madankollu, ladarba din il-possibbiltà tkun ġiet ipprovduta, hija għandha tiġi offruta b’mod nondiskriminatorju.

Il-kuntest ġuridiku

7.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 260/2012, intitolat “Suġġett u ambitu” jinqara kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment tal-kreditu u ta’ debiti diretti denominati fl-euro fi ħdan l-Unjoni meta kemm il-fornitur tas-servizz ta’ pagament ta’ min iħallas kif ukoll il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-benefiċjarju jkunu jinsabu fl-Unjoni, jew fejn il-fornitur tas-servizz ta’ pagament uniku (PSP) involut fit-tranżazzjoni tal-pagament ikun jinsab fl-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal dawn li ġejjin:

(a)

tranżazzjonijiet ta’ pagament imwettqa bejn u fi ħdan PSPs, inklużi l-aġenti u l-fergħat tagħhom, akkont tagħhom;

(b)

tranżazzjonijiet ta’ pagamenti proċessati u mħallsa permezz ta’ sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli, esklużi t-tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ debitu dirett li min iħallas ma talabx espliċitament li jgħaddu minn sistema ta’ pagament ta’ valur għoli;

(c)

tranżazzjonijiet ta’ pagamenti permezz ta’ kard ta’ pagament jew strument simili, inkluż il-ġbid ta’ kontanti, sakemm il-kard ta’ pagament jew strument simili jintuża biss biex jiġġenera l-informazzjoni rikjesta biex jagħmel b’mod dirett trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett ġo u minn kont tal-pagament identifikat minn BBAN jew IBAN;

(d)

tranżazzjonijiet ta’ pagamenti bi kwalunkwe strument tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew tal-IT, jekk tali tranżazzjonijiet ta’ pagament ma jirriżultawx fi trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett minn ġo u lejn kont tal-pagament identifikat minn BBAN jew IBAN;

(e)

tranżazzjonijiet ta’ ħlas ta’ flus kif iddefiniti fl-Artikolu 4(13) tad-Direttiva 2007/64/KE [ ( 13 )];

(f)

tranżazzjonijiet ta’ pagamenti li jittrasferixxu flus elettroniċi skont il-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ( 14 ), sakemm tranżazzjonijiet bħal dawn ma jirriżultawx fi trasferiment tal-kreditu jew debitu dirett minn jew ġo kont ta’ pagament identifikat minn BBAN jew IBAN.

3.   Fejn l-iskemi ta’ pagament jkunu bbażati fuq it-tranżazzjonijiet ta’ pagament minn trasferimenti tal-kreditu jew debiti diretti iżda jkollhom karatteristiċi jew servizzi addizzjonali mhux obbligatorji, dan ir-Regolament japplika biss għat-trasferimenti tal-kreditu jew d-debiti diretti sottostanti.”

8.

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘trasferiment ta’ kreditu’ tfisser servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għall-ikkreditjar tal-kont tal-pagament ta’ benefiċjarju bi tranżazzjoni ta’ pagament jew sensiliet ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament mill-kont tal-pagament ta’ min iħallas mill-PSP li jżomm il-kont ta’ pagament ta’ min iħallas, fuq il-bażi ta’ struzzjoni mogħtija minn min iħallas;

(2)

‘debitu dirett’ tfisser servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għad-debitu ta’ kont ta’ pagament ta’ min iħallas, meta tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas;

(3)

‘min iħallas’ tfisser pesuna fiżika jew ġuridika li jkollha kont ta’ pagament u tippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, kont ta’ pagament fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ pagament ta’ min iħallas, tkun persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel ordni ta’ pagament għall-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju;

(4)

‘benefiċjarju’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-pagament u li tkun ir-reċipjent intiż tal-fondi li kienu s-suġġett tat-tranżazzjoni ta’ pagamenti;

(5)

‘kont ta’ pagament’ tfisser kont miżmum f’isem ta’ utent wieħed jew iżjed tas-servizz ta’ pagament li jintuża għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti;

[…]

(21)

‘mandat’ tfisser l-espressjoni ta’ kunsens u awtorizzazzjoni mogħtija minn min iħallas lill-benefiċjarju u (direttament jew indirettament permezz tal-benefiċjarju) lill-PSP ta’ min iħallas biex jippermetti lill-benefiċjarju jibda jiġbor id-debitu tal-kont tal-pagament speċifikat ta’ min iħallas u biex il-PSP ta’ min iħallas ikun jista’ jikkonforma ma’ tali istruzzjonijiet;

[…]

(26)

‘tranżazzjoni ta’ pagament transkonfinali’ tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija minn min se jħallas jew minn benefiċjarju fejn il-PSP ta’ min se jħallas u l-PSP tal-benefiċjarju jinsabu fi Stati Membri differenti;

(27)

‘tranżazzjoni ta’ pagament nazzjonali’ tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija minn min se jħallas jew minn benefiċjarju, fejn il-PSP ta’ min se jħallas u l-PSP tal-benefiċjarju jinsabu fl-istess Stat Membru;

[…]”

9.

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 260/2012, intitolat “Aċċessibbiltà”:

“1.   Il-PSP tal-benefiċjarju li huwa aċċessibbli għal trasferiment taħt skema ta’ pagament għandu jkun aċċessibbli, skont ir-regoli tal-iskema ta’ pagament applikabbli madwar l-Unjoni kollha, għat-trasferimenti tal-krediti mibdija minn min iħallas permezz ta’ PSP li jinsab fi kwalunkwe Stat Membru.

2.   Il-PSP ta’ min iħallas li huwa aċċessibbli għal debitu dirett nazzjonali taħt skema ta’ pagament għandu jkun aċċessibbli, skont ir-regoli tal-iskema ta’ pagament applikabbli madwar l-Unjoni kollha, għat-trasferimenti tad-debiti mibdija minn benefiċjarju permezz ta’ PSP li jinsab fi kwalunkwe Stat Membru.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika biss għad-debiti diretti li huma disponibbli għal min iħallas skont l-iskema ta’ pagament.”

10.

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 260/2012, intitolat “Aċċessibbiltà tal-pagamenti”, jipprovdi:

“1.   Persuna li tagħmel trasferimenti ta’ kreditu lill-benefiċjarju li għandu kont ta’ pagament fl-Unjoni ma għandhiex tispeċifika l-Istat Membru li fih dak il-kont ta’ pagament għandu jkollu l-lokazzjoni tiegħu sakemm dak il-kont ta’ pagament ikun aċċessibbli skont l-Artikolu 3.

2.   Benefiċjarju li jaċċetta trasferimenti ta’ kreditu jew juża’ debitu dirett biex jiġbor il-fondi minn min irid iħallas li għandu kont ta’ pagament fl-Unjoni ma għandhux jispeċifika l-Istat Membru li fih dak il-kont ta’ pagament għandu jinstab, sakemm dak il-kont ta’ pagament ikun aċċessibbli skont l-Artikolu 3.”

11.

L-Artikolu 77 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 ( 15 ), intitolat “Talbiet ta’ rimborż għal tranżazzjonijiet ta’ pagament mibdija mill-benefiċjarju jew permezz tiegħu”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pagatur jista’ jitlob ir-rimborż imsemmi fl-Artikolu 76 ta’ tranżazzjoni ta’ pagament awtorizzata mibdija minn benefiċjarju jew permezz tiegħu, matul perijodu ta’ tmien ġimgħat mid-data li fiha jkunu ġew iddebitati l-fondi.”

12.

Ir-Regolament (UE) 2018/302 ( 16 ), li huwa applikabbli mit-3 ta’ Diċembru 2018, jistipula fl-Artikolu 5 tiegħu, intitolat “Nondiskriminazzjoni minħabba raġunijiet relatati mal-pagament”:

“1.   In-negozjant ma għandux, fi ħdan il-medda ta’ mezzi ta’ pagament aċċettati minn negozjant, japplika, minħabba raġunijiet relatati man-nazzjonalità, mal-post tar-residenza jew mal-post tal-istabbiliment tal-klijent, mal-post tal-kont ta’ pagament, mal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament jew mal-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament fi ħdan l-Unjoni, kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjoni ta’ pagament, meta:

(a)

it-tranżazzjoni ta’ pagament issir permezz ta’ tranżazzjoni elettronika bi trasferiment tal-kreditu, b’debitu dirett jew bi strument ta’ pagament bil-kards fl-istess ditta u kategorija tal-pagamenti;

(b)

ir-rekwiżiti ta’ awtentikazzjoni huma ssodisfati skont id-Direttiva (UE) 2015/2366; u

(c)

it-tranżazzjonijiet ta’ pagament ikunu f’munita li n-negozjant jaċċetta.

2.   Meta jkun ġustifikat b’raġunijiet oġġettivi, il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjeni lin-negozjant milli jżomm il-konsenja tal-prodotti jew l-għoti tas-servizz, sakemm in-negozjant ikun irċieva l-konferma li t-tranżazzjoni ta’ pagament tkun inbdiet kif adatt.

3.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjeni lin-negozjant milli jitolb ħlasijiet għall-użu ta’ strument ta’ pagament bil-kards li għalih it-tariffi tal-interkambju mhumiex regolati skont il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2015/751 ( 17 ) u għal dawk is-servizzi ta’ pagament li għalihom ma japplikax ir-Regolament (UE) Nru 260/2012, sakemm il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni tad-dritt li jintalbu ħlasijiet għall-użu tal-istrumenti ta’ pagament, f’konformità mal-Artikolu 62(5) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, ma tkunx ġiet introdotta fil-liġi tal-Istat Membru li għaliha hija soġġetta l-operazzjoni tan-negozjant. Dawn il-pagamenti ma għandhomx jaqżbu l-ispejjeż diretti mġarrba min-negozjant għall-użu tal-istrument ta’ pagament.”

Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

13.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Verein für Konsumenteninformation, għandha locus standi in judicio għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, skont id-dritt Awstrijak.

14.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, Deutsche Bahn, hija kumpannija tal-linji tal-ferrovija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Ġermanja, u li, fost l-oħrajn, toffri lill-klijenti Awstrijaki l-opportunità li jirriżervaw vjaġġi bil-ferrovija fuq l-internet. Għal dan il-għan, hija tikkonkludi kuntratti mal-konsumaturi bbażati fuq il-kundizzjonijiet tat-trasport tagħha. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu klawżola li tipprovdi li l-biljetti rriżervati fuq is-sit internet jistgħu jitħallsu, b’mod partikolari, bil-karta tal-kreditu, trasferiment bankarju istantanju jew taħt l-iskema tal-pagamenti permezz ta’ skema ta’ debitu dirett SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro), liema skema ġiet limitata għal dawk il-klijenti li jkollhom residenza fil-Ġermanja. Barra minn hekk, sabiex tiġi attivata l-iskema tad-debitu dirett SEPA, għandu jingħata l-kunsens għal evalwazzjoni tal-kreditu matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni.

15.

Verein für Konsumenteninformation ippreżentat rikors għal inġunzjoni quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) li permezz tiegħu hija talbet lill-qorti tordna li Deutsche Bahn tieqaf milli tuża din il-klawżola fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi għar-raġuni li tmur kontra l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, peress li ġeneralment konsumatur ikollu kont ta’ pagament ma’ bank stabbilit fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu.

16.

B’sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) laqgħet it-talba tal-Verein für Konsumenteninformation fir-rigward tal-konsumaturi li huma residenti fl-Awstrija għar-raġuni li l-klawżola kkontestata tmur kontra l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.

17.

Fl-appell, b’sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), ħassret din is-sentenza u ċaħdet it-talba ta’ Verein für Konsumenteninformation għar-raġuni li, filwaqt li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 jeħtieġ li l-persuni li jħallsu u l-benefiċjarji jkollhom kont ta’ pagament wieħed biss sabiex ikunu jistgħu jagħmlu pagamenti nazzjonali u transkonfinali permezz tad-debitu dirett SEPA, dan ir-regolament ma jobbligax lill-benefiċjarji li jaċċettaw, fil-każijiet kollha, strumenti tal-pagament SEPA speċifiċi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali mal-konsumaturi.

18.

F’appell fuq punt ta’ liġi, ippreżentat mill-Verein für Konsumenteninformation kontra din is-sentenza, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) ikkonstatat li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, billi jipprojbixxi lill-persuni milli jħallsu u l-benefiċjarji milli jispeċifikaw l-Istat Membru li fih għandu jinsab il-kont tal-parti l-oħra, ma japplikax għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti iżda japplika għar-relazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-persuni li jħallsu u għalhekk jipproteġihom. Filwaqt li huwa minnu li skont interpretazzjoni letterali, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi biss li jittieħed bħala kriterju l-post tal-kont ta’ pagament tal-persuna li tħallas, madankollu r-rekwiżit li l-persuna li tħallas permezz ta’ debitu dirett għandha tkun residenti fl-istess Stat Membru tal-benefiċjarju jista’ jaffettwa din id-dispożizzjoni peress li l-kont tal-persuna li tħallas jinsab, bħala regola ġenerali, fl-Istat li fih il-persuna li tħallas għandha r-residenza tagħha.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet, permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Diċembru 2017, irċevut fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2018, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament Nru 260/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċjarju huwa pprojbit milli jissuġġetta l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti permezz ta’ debitu dirett SEPA għall-kundizzjoni li l-persuna li tħallas ikollha d-domċilju tagħha fl-Istat Membru li fih l-benefiċjarju għandu wkoll ir-residenza jew id-domiċilju tiegħu, meta mezzi oħra ta’ pagament, bħal pereżempju permezz ta’ karta ta’ kreditu, ikunu aċċettati wkoll?”

20.

Saru osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea li kollha għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fit-30 ta’ Jannar 2019.

Evalwazzjoni

21.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċjarju huwa pprojbit milli jissuġġetta l-aċċettazzjoni tal-pagamenti mwettqa taħt l-iskema ta’ debitu dirett SEPA għall-kundizzjoni li l-persuna li tħallas ikollha r-residenza tagħha fl-Istat Membru li fih il-benefiċjarju għandu l-istabbiliment tiegħu (residenza).

22.

Verein für Konsumenteninformation tqis li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 jipprojbixxi lill-benefiċjarju milli jissuġġetta l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti permezz ta’ debitu dirett SEPA għall-kundizzjoni li l-persuna li tħallas tkun residenti fl-Istat Membru li fih il-benefiċjarju wkoll għandu l-uffiċċju rreġistrat jew residenza tiegħu, anki meta mezzi oħra ta’ pagament, bħal pereżempju permezz ta’ karta ta’ kreditu, huma aċċettati wkoll. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-pożizzjoni.

23.

Deutsche Bahn ma taqbilx ma’ din il-fehma. Hija tissottometti li, filwaqt li l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament jirregola r-relazzjoni bejn il-persuna li tħallas u l-benefiċjarju, dan la jipprovdi li l-benefiċjarju huwa meħtieġ li joffri debitu dirett u lanqas li jkun ipprojbit milli jeħtieġ li l-persuna li tħallas tissodisfa kundizzjonijiet oħra sabiex tkun tista’ tuża debitu dirett. B’mod partikolari, dik id-dispożizzjoni ma tipprovdix li benefiċjarju li jixtieq joffri debitu dirett ikun obbligat jew li joffrih lill-klijenti kollha tiegħu jew li ma joffrihx kompletament. Fil-fatt, jidher ċar minn din id-dispożizzjoni li l-użu tal-iskema ta’ debitu dirett jeħtieġ ftehim bejn il-partijiet fil-kuntratt għal dan il-għan. F’dak il-każ biss jidher li benefiċjarju huwa pprojbit milli jeħtieġ li l-kont ta’ pagament użat għad-debitu dirett ikun jinsab f’ċertu Stat Membru.

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 – Obbligi tal-benefiċjarju

24.

Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, “[b]enefiċjarju li jaċċetta trasferimenti ta’ kreditu jew juża’ debitu dirett biex jiġbor il-fondi minn min irid iħallas li għandu kont ta’ pagament fl-Unjoni ma għandhux jispeċifika l-Istat Membru li fih dak il-kont ta’ pagament għandu jinstab, sakemm dak il-kont ta’ pagament ikun aċċessibbli skont l-Artikolu 3 [ta’ dan ir-regolament]”.

25.

Il-kunċetti prinċipali ta’ din id-dispożizzjoni huma legalment iddefiniti fl-Artikolu 2 tal-istess regolament. Għalhekk, trasferiment ta’ kreditu huwa servizz ta’ pagament li jikkredita l-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju permezz ta’ tranżazzjoni ta’ pagament minn kont ta’ pagament ta’ persuna li tħallas ipprovdut mill-fornitur tas-servizz ta’ pagament li jżomm il-kont ta’ pagament tal-persuna li tħallas, fuq istruzzjoni mogħtija mill-persuna li tħallas ( 18 ). Debitu dirett, imbagħad, ifisser servizz ta’ pagament li jiddebita l-kont ta’ pagament tal-persuna li tħallas, meta t-tranżazzjoni ta’ pagament tkun inbdiet mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens tal-persuna li tħallas.

26.

Jista’ jiġi argumentat li, abbażi biss tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, Deutsche Bahn ma aġixxietx illegalment. Fil-fatt, Deutsche Bahn ma teħtieġx lil dawk il-klijenti li jixtiequ jużaw id-debitu dirett li jkollhom il-kont ta’ pagament tagħhom fi kwalunkwe Stat Membru partikolari.

27.

Madankollu, il-kwistjoni ma hijiex daqshekk sempliċi. Kif ser nargumenta, jeżistu raġunijiet imperattivi marbuta mal-kuntest u mal-għanijiet tar-regolament inkwistjoni ( 19 ) li jindikaw interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.

28.

Ir-Regolament Nru 260/2012 ġie adottat bħala parti mill-proġett biex tinħoloq iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-istabbiliment ta’ servizzi komuni ta’ pagamenti fl-Unjoni Ewropea sabiex jiġu ssostitwiti s-servizzi ta’ ħlas nazzjonali kurrenti għall-pagamenti ddenominati fl-euro. Sabiex tiġi żgurata migrazzjoni kompleta għat-trasferimenti ta’ kreditu fl-Unjoni kollha u debiti diretti f’euro, dan ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u kummerċjali bl-għan li jiġi stabbilit suq integrat għal pagamenti elettroniċi “mingħajr l-ebda distinzjoni bejn pagamenti nazzjonali u transkonfinali” ( 20 ). Dawn ir-rekwiżiti għandhom japplikaw għall-pagamenti SEPA, kemm transkonfinali kif ukoll nazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet bażiċi u skont l-istess drittijiet u obbligi, “[i]kunu fejn ikunu fl-Unjoni” ( 21 ).

29.

Minkejja li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 260/2012 huwa li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u kummerċjali għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti sabiex jiġu stabbiliti servizzi komuni ta’ pagamenti fl-Unjoni, li jfisser li primarjament jikkonċerna l-benefiċjarji, dan ir-regolament jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-persuni li jħallsu fil-kont u, b’mod iktar speċifiku, sa ċertu punt, ir-relazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-persuni li jħallsu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, li pjuttost jikkostitwixxi dispożizzjoni xi ftit eteroġenja fis-sistema ta’ dan ir-regolament, speċifikament japplika għal din ir-relazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-persuni li jħallsu ( 22 ). F’dan ir-rigward, l-importanza tal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni li jħallsu, partikolarment fir-rigward tat-tranżazzjonijiet permezz ta’ debitu dirett, hija enfasizzata fil-preambolu ta’ dak ir-regolament ( 23 ).

30.

Huwa fatt li fil-parti l-kbira tal-każijiet fl-Unjoni, ir-residenza ta’ persuna tikkorrispondi mal-kont ta’ pagament tiegħu. Dan jidher li huwa tant assjomatiku li ma jeħtieġ l-ebda prova jew evidenza ulterjuri. Għalhekk, li wieħed jeħtieġ li l-persuna li tħallas ikollha r-residenza tagħha f’ċertu Stat Membru huwa ekwivalenti għall-ispeċifikazzjoni tal-Istat Membru li fih għandu jinsab il-kont ta’ pagament. Barra minn hekk, kif huwa enfasizzat korrettement mill-Verein für Konsumenteninformation, li wieħed jissuġġetta l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti permezz ta’ debitu dirett għall-kundizzjoni li l-konsumatur jistabbilixxi residenza fil-Ġermanja jwassal għal restrizzjoni iktar serja mill-ftuħ (biss) ta’ kont ta’ pagament fil-Ġermanja.

31.

Għalhekk jidher li l-prassi ta’ Deutsche Bahn hija kuntrarja għall-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.

32.

Madankollu, Deutsche Bahn tinvoka żewġ argumenti sabiex tiġġustifika l-prassi tagħha. L-ewwel nett, din il-kumpannija ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet u l-ispirtu tar-Regolament 2018/302. It-tieni nett, Deutsche Bahn tqis li l-prassi tagħha hija ġġustifikata minħabba l-allegata ħtieġa tagħha li twettaq verifiki ta’ kreditu. Ser nindirizza dawn iż-żewġ argumenti wieħed wara l-ieħor.

Ir-Regolament 2018/302

33.

Deutsche Bahn hija kompletament konxja tal-fatt li r-Regolament 2018/302 ma huwiex applikabli għall-kawża preżenti.

34.

Dan ir-regolament japplika mit-3 ta’ Diċembru 2018 ( 24 ) u, għalhekk, ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża preżenti. Lanqas ma huwa applikabbli ratione materiae peress li, b’riżultat tal-Artikolu 1(3) ta’ dak ir-regolament moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, ma jkoprix servizzi ta’ trasport. Barra minn hekk, il-premessa 9 tar-Regolament 2018/302 tirrikonoxxi li d-diskriminazzjoni tista’ sseħħ ukoll fir-rigward ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport, b’mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ tal-biljetti għat-trasport tal-passiġġieri. Din il-premessa tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-erba’ regolamenti li jirrigwardaw is-settur tat-trasport, li tlieta minnhom jinkludu dispożizzjonijiet li speċifikament jeskludu diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq post ta’ residenza meta huwa kkonċernat l-aċċess għat-trasport: ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ( 25 ), ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 ( 26 ) u r-Regolament (UE) Nru 181/2011 ( 27 ). Rigward ir-raba’ regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 ( 28 ), li jittratta d-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri bit-trasport fil-qasam ferrovjarju, il-premessa 9 tar-Regolament 2018/302 tiddikjara li “huwa maħsub li r-Regolament (KE) Nru 1371/2007 […] ser jiġi emendat f’dan is-sens fil-futur qrib”.

35.

Madankollu, Deutsche Bahn temmen li r-Regolament 2018/302 għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, sabiex tiġi evitata kwalunkwe kontradizzjoni u inkonsistenza fl-applikazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni.

36.

F’dan ir-rigward, Deutsche Bahn issostni li l-Artikolu 5 tar-Regolament 2018/302 fih preskrizzjonijiet iddettaljati dwar jekk id-diskriminazzjoni bbażata fuq residenza hijiex permessa u meta hija permessa. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, negozjant ma għandux, fi ħdan il-medda ta’ mezzi ta’ pagament aċċettati min-negozjant, japplika, fost l-oħrajn ( 29 ), minħabba raġunijiet relatati mal-post tar-residenza ta’ klijent, kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjoni ta’ pagament, meta t-tranżazzjoni ta’ pagament issir permezz ta’ tranżazzjoni elettronika bi trasferiment tal-kreditu, b’debitu dirett jew bi strument ta’ pagament bil-kards fl-istess ditta u kategorija tal-pagamenti ( 30 ) u r-rekwiżiti ta’ awtentikazzjoni huma ssodisfatti skont id-Direttiva 2015/2366 ( 31 ). Deutsche Bahn issostni li huma preċiżament dawn ir-rekwiżiti ta’ awtentikazzjoni ( 32 ) li ma humiex issodisfatti fil-kawża preżenti, li jfisser li diskriminazzjoni bbażata fuq residenza hija possibbli.

37.

Fil-fehma ta’ Deutsche Bahn, peress li fil-kawża preżenti – li kieku taqa’ b’mod fittizju taħt ir-Regolament 2018/302 – id-diskriminazzjoni bbażata fuq residenza tkun possibbli taħt l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, din id-diskriminazzjoni għandha wkoll tkun possibbli taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 b’tali mod li jippermetti diskriminazzjoni bbażata fuq residenza.

38.

Ma jiniex ċert mir-riferiment għar-Regolament 2018/302 – u l-analoġiji negattivi possibbli li għandhom jinsiltu minnu – għall-finijiet tal-kawża preżenti ( 33 ).

39.

Ir-Regolament 2018/302 jikkostitwixxi eżempju fejn il-leġiżlatura tal-Unjoni kienet iktar speċifika rigward il-kriterji sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li taħthom l-inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq ir-residenza tal-persuna li tħallas hija pprojbita (jew, fi kliem ieħor, fejn l-inugwaljanza fit-trattament hija permessa). Dan l-istandard japplika fil-kuntest tar-Regolament 2018/302, u taħt dan il-kuntest biss. Huwa marbut mal-ispeċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ imblukkar ġeografiku, li huma kompletament differenti minn dawk tal-pagamenti permezz ta’ debitu dirett. Jekk il-leġiżlatura tal-Unjoni tixtieq tistabbilixxi l-istess standards fir-rigward tal-pagamenti permezz ta’ debitu dirett SEPA għall-finijiet tar-Regolament Nru 260/2012, hija tkun libera li tagħmel hekk. Madankollu, fl-assenza ta’ riferiment ċar f’dan ir-regolament għal testi oħra bħar-Regolament 2018/302, insibha diffiċli napplika “paralleliżmu kunċettwali” – u b’mod partikolari peress li ninsabu fil-preżenza ta’ relazzjoni orizzontali bejn żewġ individwi privati. F’tali sitwazzjoni, is-suppożizzjoni li l-interessi kollha diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni u ġew ikkalibrati mil-leġiżlatura tal-Unjoni hija iktar b’saħħitha u ma teżisti l-ebda raġuni sabiex tiġi kkontestata.

40.

Għalhekk, bħala konklużjoni, ir-Regolament 2018/302 ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, kif issostni Deutsche Bahn. Ir-riferiment u l-allegati analoġiji għar-Regolament 2018/302 ifixklu ħafna iktar milli jikkonvinċu.

L-eċċezzjonijiet għall-obbligi tal-benefiċjarju

41.

Fl-aħħar nett, ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ ħlas prekluża mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 tistax tiġi potenzjalment iġġustifikata; fi kliem ieħor, jekk huwiex possibbli li l-impriżi ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.

42.

Deutsche Bahn tenfasizza r-riskju ta’ abbuż u n-nuqqas ta’ ħlas fir-rigward tal-pagamenti permezz ta’ debitu dirett. Hija ssostni li tali riskju huwa għoli meta, kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-mandat SEPA jinħareġ direttament mill-klijent lill-benefiċjarju, mingħajr l-intervent tal-fornituri tas-servizz ta’ pagament tal-klijent jew tal-benefiċjarju. Fil-fatt, fil-każ ta’ metodi oħra ta’ pagament, il-fornitur tas-servizz ta’ pagament jaċċetta l-pagament tal-klijent biss fil-każ ta’ tbassir ta’ pagament pożittiv. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ pagament permezz ta’ debitu dirett, il-benefiċjarju nnifsu għandu jevalwa r-riskju tan-nuqqas ta’ pagament mill-klijent. Huwa l-benefiċjarju li l-ewwel iwettaq l-obbligi tiegħu billi joħroġ il-biljett. Għalhekk, il-benefiċjarju jassumi r-riskju tal-persuna li tħallas li ma tħallasx.

43.

Għalhekk Deutsche Bahn tikkunsidra li huwa meħtieġ li tkun tista’ twettaq verifiki ta’ kreditu. L-impriżi li joffru dawn is-servizzi aktarx joffruhom fuq bażi nazzjonali. Deutsche Bahn tenfasizza li sempliċement ma huwiex possibbli li twettaq verifika ta’ kreditu xierqa abbażi tal-istess kundizzjonijiet fil-pajjiżi kollha fis-SEPA. Il-verifika ta’ kreditu tal-klijenti li għandhom ir-residenza tagħhom fl-Awstrija hija madwar 15-il darba ogħla mill-verifika ta’ kreditu għall-klijenti li għandhom ir-residenza tagħhom fil-Ġermanja. Il-benefiċjarju jkollu jbati spejjeż finanzjarji sinjifikattivi kieku kellu jadatta s-sistemi ta’ clearing u l-interfaces tiegħu b’tali mod li jkun jista’ jwettaq verifiki ta’ kreditu fis-SEPA. Minħabba dawn l-ispejjeż, l-iskema ta’ debitu dirett ta’ spiss sempliċement ma tkunx ekonomika u ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi offruta. Din ma setgħetx tkun l-intenzjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni.

44.

Deutsche Bahn issostni wkoll li l-integrazzjoni ta’ affidabbiltà ta’ kreditu f’metodu ta’ pagament organizzat mill-operatur innifsu ma hijiex possibbli għal ċerti benefiċjarji fis-SEPA u ma hijiex possibbli f’diversi Stati Membri abbażi ta’ kundizzjonijiet kummerċjalment aċċettabbli. L-ebda operatur ma jipprovdi informazzjoni dwar l-affidabbiltà ta’ kreditu fil-livell SEPA. Għal ċerti Stati Membri SEPA, ma huwiex possibbli li jkollhom aċċess għal kwalunkwe informazzjoni jew informazzjoni parzjali dwar l-affidabbiltà ta’ kreditu ta’ klijent. Għalhekk, il-benefiċjarju ma jistax inaqqas b’mod adegwat ir-riskju ta’ inadempjenza fil-pagamenti permezz ta’ debiti diretti SEPA għal dawn il-klijenti u, jekk ikun meħtieġ li jiġi offrut pagament permezz ta’ debitu dirett lill-klijenti stabbiliti f’dawn il-pajjiżi, il-benefiċjarju konxjament ibati riskju inkalkolabbli. Barra minn hekk, minħabba d-differenzi fid-drawwiet ta’ pagament u/jew l-aspettattivi tal-klijent fil-pajjiżi differenti SEPA, ikun hemm differenzi sinjifikattivi fl-ispejjeż sabiex tinkiseb informazzjoni dwar il-kreditu tal-klijent, u b’hekk jista’ ma jkunx effiċjenti f’termini ta’ spejjeż fi Stat Membru li d-debiti diretti jkunu ppreferuti minn metodi ta’ ħlas oħra li huma irħas.

45.

Filwaqt li nagħraf l-argumenti kummerċjali mressqa minn Deutsche Bahn, ma nistax, mill-aspett legali, naqbel mal-argument tagħha.

46.

La l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprevedi ġustifikazzjoni. Ma nissuġġerixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta t-test ta’ dan ir-regolament b’tali mod li tinkludi fih ġustifikazzjoni possibbli (preżumibbilment kontra l-allegata intenzjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni, li kienet xorta oħra tittratta din il-kwistjoni).

47.

Għal darba oħra, nifhem li l-interessi varji inkwistjoni bejn il-persuni li jħallsu u l-benefiċjarji ġew indirizzati mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 fejn huma kkonċernati l-pagamenti permezz ta’ debitu dirett. Irrispettivament minn kif wieħed iħares lejha: din id-dispożizzjoni ma tipprovdix eċċezzjonijiet. Il-leġiżlatura tal-Unjoni wettqet il-kompitu tagħha – u hija libera li tibdel kwalunkwe dispożizzjoni, jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk minħabba, pereżempju, li d-dispożizzjonijiet ma humiex effettivi.

48.

Il-fatt li, fil-prassi kummerċjali, ma hemmx suq intern għar-reġistri tad-debituri u għall-evalwazzjoni ta’ affidabbiltà ta’ kreditu ma jistax fih innifsu jiġġustifika r-rekwiżit ta’ residenza inkwistjoni. Barra minn hekk, dan ir-raġunament huwa viċin, b’mod perikoluż, argument purament ekonomiku fil-kuntest tal-erba’ libertajiet. Dan l-argument ma jistax jirnexxi. Kif huwa magħruf sew, argumenti purament ekonomiċi ma jistgħux jiġu invokati mill-Istati Membri bħala kunsiderazzjonijiet imperattivi li jirrigwardaw l-interess pubbliku. Probabbilment, fis-sitwazzjonijiet orizzontali, l-interessi pubbliċi ma humiex inkwistjoni – filwaqt li l-interessi privati x’aktarx ikunu ta’ natura ekonomika. Madankollu, l-affermazzjoni sempliċi tal-assenza ta’ suq intern għar-reġistri tad-debituri ma hijiex suffiċjenti.

49.

Huwa minnu li jista’ jkun hemm kumpanniji, qua benefiċjarji, li jippreferu, għal raġunijiet kummerċjali jew raġunijiet oħra, li ma joffrux lill-persuni li jħallsu l-possibbiltà li jħallsu permezz tad-debitu dirett. Dan huwa perfettament leġittimu taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012. Fil-fatt, id-dispożizzjoni tapplika biss ladarba tkun saret l-għażla li jiġi aċċettat id-debitu dirett. F’tali sitwazzjoni, ma jista’ jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni. Jekk ir-riżultat huwa li, minflok joffri metodi ta’ pagament diskriminatorji, il-benefiċjarju jiddeċiedi li ma joffri l-ebda metodu ta’ pagament speċifiku, din hija realtà ekonomika li wieħed għandu jaċċetta.

Konklużjoni

50.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) hija s-segwenti:

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 248/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċjarju jista’ jiġi pprojbit milli jagħmel pagament permezz ta’ skema ta’ debitu dirett SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro) suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li tħallas ikollha r-residenza tagħha fl-Istat Membru li fih il-benefiċjarju wkoll għandu l-istabbliment tiegħu (residenza).


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara, pereżempju, l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

( 3 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Clean Car Autoservice (C‑350/96, EU:C:1998:205, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 4 ) Ara l-Artikolu 26(2) TFUE.

( 5 ) Il-verità, ċertament, tinsab xi mkien fin-nofs.

( 6 ) Dwar l-awtonomija individwali u d-dritt tal-Unjoni, ara Leczykiewicz, D., Weatherill, St., “Private Law Relationships in EU Law”, f’D. Leczykiewicz, St. Weatherill (edituri), The Involvement of EU Law in Private Law Relationships, Hart Publishing, Oxford and Portland, Oregon, 2013, pp. 1‑8, b’mod partikolari, pp. 3‑5.

( 7 ) Ara r-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2012, L 172, p. 10).

( 8 ) Ovvjament, l-Unjoni lleġiżlat permezz tal-armonizzazzjoni fil-qasam ta’ diversi aspetti tad-dritt privat, jiġifieri s-sitwazzjonijiet orizzontali mid-definizzjoni tagħhom stess (eżempju, l-aġenti kummerċjali, ir-responsabbiltà għal prodott, l-assigurazzjoni, u, b’mod iktar ġenerali, il-protezzjoni tal-konsumatur). Madankollu, filwaqt li, f’dan il-każ ukoll, l-għan finali jista’ jkun l-istabbiliment tas-suq intern (ara fid-dettall Müller-Graff, P.-Chr., “Allgemeines Gemeinschaftsprivatrecht”, f’M. Gebauer, Chr. Teichmann (edituri), Europäisches Privat- und Unternehmensrecht (Enzyklopädie Europarecht, Band 6), Nomos, Baden-Baden, 2014, pp. 69 sa 151, fil-punt 43 et seq.), l-istrumenti użati ma humiex l-istess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatura tagħmel iktar milli sempliċement tittrasponi l-istess kunċetti li normalment jintużaw taħt il-libertajiet fundamentali.

( 9 ) 1 ta’ Jannar 2002.

( 10 ) Regolament (KE) Nru 2560/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar pagamenti transkonfini f’euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 283).

( 11 ) Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU 2009, L 266, p. 11).

( 12 ) Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU 2012, L 94, p. 22), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 248/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 84, p. 1) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 260/2012”).

( 13 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1; rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5).

( 14 ) ĠU 2009, L 267, p. 7.

( 15 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35; rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97).

( 16 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2018, L 601, p. 1; rettifika fl-ĠU 2018, L 66, p. 1).

( 17 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (ĠU 2015, L 123, p. 1).

( 18 ) Ara l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 260/2016.

( 19 ) Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti u, b’mod partikolari, mill-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni: ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara l-premessa 1 tar-Regolament Nru 260/2012.

( 21 ) Ara l-premessa 1 tar-Regolament Nru 260/2012.

( 22 ) Din id-dispożizzjoni ġiet ukoll ikkaratterizzata minn qorti reġjonali superjuri Ġermaniża bħala dispożizzjoni li tipproteġi l-konsumaturi. Ara Oberlandesgericht Karlsruhe, 20 ta’ April 2018, 4 U 120/17, punt 10 et seq., MultiMedia und Recht (MMR), 2018, p. 611.

( 23 ) Ara l-premessa 32 tar-Regolament Nru 260/2012, li wkoll tagħmel riferiment għal “livell għoli ta’ protezzjoni għal min iħallas”.

( 24 ) Ara l-Artikolu 11(1) tar-Regolament 2018/302.

( 25 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3). Ara l-Artikolu 23(2): “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(1), l-aċċess għan-nollijiet ta’ l-ajru u r-rati ta’ l-ajru għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat, li jkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali għandu jingħata mingħajr l-ebda diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ residenza tal-konsumatur jew il-post ta’ l-istabbiliment ta’ l-aġent tat-trasportatur ta’ l-ajru jew ta’ xi bejjiegħ iehor tal-biljetti fil-Komunita.” Enfasi tiegħi.

( 26 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2010, L 334, p. 1). Ara l-Artikolu 4(2): “Mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali, il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u t-tariffi applikati minn trasportaturi jew bejjiegħa tal-biljetti għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali mingħajr ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konsumatur finali jew fuq il-post tal-istabbiliment tat-trasportaturi jew tal-bejjiegħa tal-biljetti fl-Unjoni.”

( 27 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2011, L 55, p. 1). Ara l-Artikolu 4(2): “Mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali, il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u t-tariffi applikati mit-trasportaturi għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali mingħajr ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konsumatur finali jew fuq il-post ta’ fejn ikunu stabbiliti t-trasportaturi, jew il-bejjiegħa tal-biljetti fl-Unjoni.”

( 28 ) Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2007, L 315, p. 14).

( 29 ) Kif ukoll minħabba raġunijiet relatati man-nazzjonalità tal-klijent, mal-post ta’ stabbiliment, mal-post tal-kont ta’ pagament, mal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizz ta’ pagament jew mal-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament fi ħdan l-Unjoni.

( 30 ) Subparagrafu (a).

( 31 ) Subparagrafu (b). Kif ukoll meta t-tranżazzjonijiet ta’ pagament ikunu f’munita li n-negozjant jaċċetta (subpargrafu (c)).

( 32 ) Ara l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2015/2366.

( 33 ) Għandu jiġi enfasizzat li, wara s-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Deutsche Bahn, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-parteċipanti fis-seduta sabiex jikkonċentraw fuq ir-rilevanza possibbli tar-Regolament 2018/302. Jiena kont ispirat fis-sens li, wara s-seduta, kont konvint li dan ir-regolament ma għandux jintuża fil-kawża preżenti.